SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
5 ta’ Settembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Unjoni doganali u tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Subintestatura 85044030 – Konvertituri statiċi –Kriterji ta’ klassifikazzjoni – Użu essenzjali”
Fil-Kawża C‑559/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Baden‑Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi tal-Land ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura
TDK-Lambda Germany GmbH
vs
Hauptzollamt Lörrach,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn C. Toader, President ta’ Awla, A. Rosas (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal TDK‑Lambda Germany GmbH, minn U. Reimer u R. Welzel, Steuerberater, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u A. Caeiros, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura tariffarja 85044030 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382, u r-Rettifiki), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw suċċessivament mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad‑9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1, u r-Rettifika fil-ĠU 2014, L 100, p. 13) (iktar ’il quddiem in-“NM”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TDK‑Lambda Germany GmbH u l-Hauptzollamt Lörrach (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Lörrach, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“awtorità doganali”) fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ konvertituri statiċi elettriċi importati minn TDK-Lambda Germany. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-GATT tal-1994 u l-FTI
|
3 |
Il-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tas-sena 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91, iktar ’il quddiem il-“GATT tal‑1994”) u, b’mod partikolari, il-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu II:1(b) tal-GATT tal‑1994 jagħmlu parti mill-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). |
|
4 |
Il-Ftehim dwar kummerċ fi prodotti tat-teknoloġija tal-informatika, ikkostitwit mid-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar kummerċ fi prodotti tat-teknoloġija tal-informatika adottat fit‑13 ta’ Diċembru 1996 waqt l-ewwel konferenza tal-WTO f’Singapor kif ukoll l-annessi u l-appendiċi tagħha (iktar ’il quddiem il-“FTI”), kif ukoll il-komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu ġew approvati, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/359/KE tal‑24 ta’ Marzu 1997 li tirrigwarda l-eliminazzjoni ta’ dazji minn fuq prodotti tekonoloġiċi ta’ l-informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 3). |
|
5 |
Il-FTI jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-qasam kummerċjali ta’ kull parti kontraenti għandu jevolvi b’mod li jitjiebu l-possibbiltajiet ta’ aċċess għas-suq għall-prodotti tat-teknoloġija tal-informatika. |
|
6 |
Bis-saħħa tal-paragrafu 2 tal-FTI, kull parti kontraenti għandha tikkonsolida u tneħħi d-dazji doganali u d-dazji u ħlasijiet l-oħra ta’ kull natura, fis-sens tal-Artikolu II(1)(b) tal-GATT tal‑1994 għal ċerti prodotti fosthom il-“[k]onvertituri statiċi għal magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom u għal apparati ta’ telekomunikazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt tal-Unjoni
In-NM
|
7 |
Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. |
|
8 |
L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2658/87 jipprevedi li l-Kummissjoni Ewropea tadotta kull sena regolament li jinkludi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati awtonomi u konvenzjonali tad-dazji tat-tariffa doganali komuni marbuta magħha, hekk kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. |
|
9 |
Il-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali huma dawk relatati mas-snin 2013 u 2014, maħruġa, rispettivament mir-Regolamenti Nru 927/2012 u Nru 1001/2013. Id-dispożizzjonijiet tan-NM applikabbli għall-kawża prinċipali huma madankollu identiċi f’dawn iż-żewġ verżjonijiet. |
|
10 |
L-ewwel parti tan-NM, dwar id-dispożizzjonijiet preliminari, tinkludi t-Titolu I, li jirrigwarda r-regoli ġenerali, li t-Taqsima A tiegħu, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tipprovdi b’mod partikolari: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[…]
|
|
11 |
It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi, t-Taqsima XVI, il-Kapitolu 85 ta’ din in-nomenklatura, intitolat “Makkinarju u tagħmir elettriku u partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. Dan il-kapitolu jinkludi l-intestatura 8504 tan-NM intitolata “Transformers tal-elettriku, converters statiċi (pereżempju, rectifiers) u inductors”. |
|
12 |
Is-subintestatura 850440, li taqa’ taħt din l-intestatura tan-NM, hija redatta kif ġej:
|
|
13 |
Bl-eċċezzjoni tal-oġġetti li jaqgħu taħt is-subintestatura 85044030, li huma eżentati mid-dazji fuq l-importazzjoni, l-oġġetti kklassifikati fis-subintestaturi l-oħra tal-imsemmija intestatura tan-NM huma suġġetti għar-rati kuntrattwali tad-dazju fuq l-importazzjoni li skont is-subintestatura jvarjaw bejn 3.3 % u 3.7 %. |
In-noti ta’ spjega għan-NM
|
14 |
In-noti ta’ spjega għan-NM (ĠU 2011, C 137, p. 1), kif emendati permezz ta’ komunikazzjoni ppubblikata fid‑29 ta’ Novembru 2012 (ĠU 2012, C 369, p. 7), (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjega għan-NM”), kienu jippreċiżaw, fir-rigward tas-subintestatura 85044030 tan-NM, li “[din l-intestatura tinkludi] konvertituri statiċi għal apparat ta’ telekomunikazzjoni jew għal magni għal proċessar ta’ data awtomatiċi u unitajiet tagħhom, li:
Konvertituri statiċi jintużaw ma’ apparat tat-telekomunikazzjoni jew ma’ magni awtomatiċi li jipproċessaw id-dejta u ma’ unitajiet tagħhom sabiex jikkonvertu, pereżempju, l-kurrent alternanti (alternating current – AC) li jittieħed mill-provvista tad-elettriku (mains supply) għall-kurrent dirett (direct current – DC) mixtieq. Użat ma’ magni ta’ proċessar ta’ data awtomatiċi, hekk imsejjaħ Uninterruptible Power Supply (UPS) jiżgura ‘back-up’ ta’ enerġija (b’sinjal ta’ ‘saħħa tajba’) fil-każ ta’ qtugħ ta’ enerġija, b’hekk jippreveni telf ta’ data.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
15 |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-klassifikazzjoni tariffarja ta’ unitajiet għall-provvista ta’ elettriku stabilizzati. |
|
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, TDK‑Lambda Germany, hija sussidjarja tal-kumpannija Ġappuniża TDK‑Lambda Corporation, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun). Din il-kumpannija għandha bħala attività l-iżvilupp, il-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni u s-servizz ta’ wara l-bejgħ ta’ apparati u ta’ komponenti elettroniċi fosthom, b’mod partikolari, dispożittivi ta’ provvista ta’ elettriku. Bejn it‑2 ta’ April 2013 u l‑4 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali importat f’75 okkażjoni unitajiet għall-provvista ta’ elettriku stabilizzati (iktar ’il quddiem il-“konvertituri inkwistjoni”) tas-serje HFE, FPS u RFE fl-Unjoni. Fid-dikjarazzjonijiet doganali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indikat li l-konvertituri inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 85044030 tan-NM, inkwantu oġġetti provenjenti minn pajjiżi terzi, eżentati mid-dazji doganali. Konformement ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet, qabel kollox ma nġabar ebda dazju doganali fuq l-imsemmija importazzjonijiet. |
|
17 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-karatteristiċi tekniċi prinċipali rispettivi tal-konvertituri inkwistjoni tas-serje HFE, FPS u RFE huma simili: il-mudell HFE huwa biss l-iktar prodott reċenti u l-iktar żviluppat tas-serje FPS; filwaqt li l-mudell RFE huwa varjant inkorporat, mhux konnettibbli, tas-serje FPS jew HFE. |
|
18 |
B’mod iktar partikolari, it-tliet tipi ta’ konvertituri inkwistjoni jittrasformaw il-kurrent alternattiv jew il-kurrent kontinwu ta’ vultaġġi differenti, jiġifieri l-vultaġġ input, f’kurrent kontinwu ta’ vultaġġ ta’ 12‑il volt, ta’ 24 volt, 32 volt jew ta’ 48 volt, jew il-vultaġġ output. Dan l-apparat ikun jiggarantixxi vultaġġ output stabilizzat, inkwantu dan ivarja biss b’mod minimu li jitkejjel bil-millivolt. Barra minn hekk, il-konvertituri inkwistjoni jkunu jippermettu li, anki fil-każ ta’ qtugħ ta’ enerġija – jiġifieri meta jonqos il-vultaġġ input –, vultaġġ output jibqa’ disponibbli għal ċertu żmien. Din hija funzjonalità msemmija “sinjal ta’ saħħa tajba”, li tippermetti funzjonament imsejjaħ “back-up”. |
|
19 |
Barra minn hekk mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvertituri inkwistjoni forniti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali lil konsumaturi finali jintużaw, fost affarijiet oħra, fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u tal-ipproċessar tad-data, iżda wkoll fis-setturi tal-kostruzzjoni mekkanika u tat-teknika medika. |
|
20 |
Fil-kuntest tal-kontroll doganali magħmul matul is-sena 2015, l-awtorità doganali qieset, fuq il-bażi ta’ informazzjoni f’dan is-sens li tirriżulta mill-Bildungs- und Wissenschaftszentrum der Bundesfinanzverwaltung (iċ-Ċentru ta’ Taħriġ u ta’ Studji Xjentifiċi tal-Amministrazzjoni Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li l-konvertituri inkwistjoni, inkwantu unitajiet għall-provvista ta’ elettriku stabilizzat, kienu konvertituri statiċi li ma jistgħux jitqiesu bħala “[t]a’ tip użat ma’ apparat ta’ telekomunikazzjoni, magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data u unitajiet tagħhom”, fis-sens tas-subintestatura 85044030 tan-NM, b’tali mod li ma jistgħux jitqiesu bħala oġġetti provenjenti minn pajjiżi terzi, eżenti mid-dazji doganali. |
|
21 |
F’dan ir-rigward, l-awtorità doganali qieset b’mod partikolari li l-konvertituri inkwistjoni tas-serje HFE li kienu suġġetti għal kontroll kienu intiżi li jintużaw f’apparati użati f’oqsma differenti ta’ applikazzjoni u mhux, prinċipalment, fl-apparati ta’ telekomunikazzjoni u tal-magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni kif ukoll l-unitajiet tagħhom. Għalhekk l-imsemmija awtorità qieset li l-konvertituri inkwistjoni ma kinux jaqgħu taħt is-subintestatura 85044030 tan-NM, jiġifieri oġġetti provenjenti minn pajjiżi terzi eżenti mid-dazji doganali, iżda mis-subintestatura 85044090 ta’ din in-nomenklatura, jiġifieri oġġetti provenjenti minn pajjiżi terzi suġġetti għat-tariffa doganali ta’ 3.3 %. L-istess jgħodd għall-konvertituri inkwistjoni fis-serje FPS u RFE. |
|
22 |
Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet magħmula waqt dan il-kontroll, l-awtorità doganali ħarġet, fl‑10 ta’ Frar 2016, avviż ta’ rkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni għal ammont ta’ EUR 18 935.51 kontra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Awwissu 2016, ċaħdet bħala infondat l-ilment imressaq minn din tal-aħħar kontra dan l-avviż ta’ rkupru. |
|
23 |
Wara din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat, fit‑23 ta’ Settembru 2016, rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi tal-Land ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), fejn ikkontestat b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tariffarja tal-konvertituri inkwistjoni fis-subintestatura 85044090 tan-NM. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “[In-NM] għandu jiġi interpretat fis-sens li konvertituri statiċi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ ma għandhomx jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8504 4030 [tan-NM] ħlief meta jintużaw prinċipalment ma’ apparati ta’ telekomunikazzjoni jew magni awtomatiċi ta’ pproċessar ta’ data u l-unitajiet tagħhom jew huwa biżżejjed sabiex tiġi ssodisfatta l-karatteristika ‘tat-tip użat’ li l-konvertituri statiċi jkunu jistgħu, fid-dawl tal-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, jintużaw, minbarra f’oqsma oħra ta’ użu, ukoll ma’ apparati ta’ telekomunikazzjoni jew magni awtomatiċi ta’ pproċessar ta’ data u l-unitajiet tagħhom?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 85044030 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex taqa’ taħtha, ikun biżżejjed li l-konvertituri statiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikunu, minħabba l-karatteristiċi tekniċi u proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kompatibbli ma’ “apparat ta’ telekomunikazzjoni, magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data u unitajiet tagħhom”, fis-sens ta’ din is-subintestatura. |
|
26 |
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jinsab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, hekk kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, in-noti ta’ spjega tan-NM jistgħu jikkostitwixxu għodda importanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji differenti, mingħajr b’daqshekk ma jkunu ġuridikament vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, 2M‑Locatel, C‑555/17, EU:C:2018:746, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Fit-tieni lok, l-użu intenzjonat tal-prodott jista’ wkoll jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni bil-kundizzjoni li dan ikun inerenti għall-prodott imsemmi, fejn din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata fuq il-bażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Invamed Group et, C‑198/15, EU:C:2016:362, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju rilevanti biss sa fejn il-klassifikazzjoni tkun tista’ ssir fuq is-sempliċi bażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi ta’ dan il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-prodotti taħt intestatura relatata ma’ użu, jiġifieri intestatura li jkollha kriterju ta’ klassifikazzjoni bbażat fuq użu partikolari tal-oġġetti kkonċernati, ma huwiex neċessarju li l-prodott li għandu jiġi kklassifikat ikun unikament u esklużivament intiż għal dan l-użu. Huwa biżżejjed li l-użu msemmi fl-intestatura inkwistjoni jikkostitwixxi l-użu intenzjonat essenzjali ta’ dan il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sysmex Europe, C‑480/13, EU:C:2014:2097, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Fir-rigward tas-subintestatura 85044030 tan-NM, jeħtieġ li jiġi osservat li la l-formulazzjoni tagħha u lanqas in-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu ma jispeċifikaw jekk huwiex meħtieġ, sabiex jitqies li konvertitur statiku huwiex “[t]a’ tip użat ma’ apparat ta’ telekomunikazzjoni, magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data u unitajiet tagħhom”, fis-sens ta’ din is-subintestatura, li tali konvertitur jista’, fid-dawl tal-karatteristiċi tekniċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, jintuża ma’ prodotti tali. |
|
30 |
Madankollu, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni tas-subintestatura 85044030 tan-NM tagħmel riferiment ċar għal użu partikolari tal-konvertituri statiċi msemmija fiha, jiġifieri użu mal-apparati ta’ telekomunikazzjoni, il-magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom. |
|
31 |
In-noti ta’ spjega tan-NM dwar is-subintestatura 85044030 ta’ din in-nomenklatura jikkonfermaw, barra minn hekk, li din tirrigwarda intestatura li għandha kriterju ta’ klassifikazzjoni bbażat fuq użu partikolari tal-oġġetti kkonċernati. Fil-fatt, dawn in-noti jippreċiżaw b’mod partikolari li l-konvertituri statiċi li jaqgħu taħt din is-subintestatura huma intiżi għall-apparati ta’ telekomunikazzjoni jew għall-magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom. |
|
32 |
Ċertament, dawn in-noti jsemmu wkoll, bħala eżempju, karatteristiċi tekniċi li għandhom ikollhom il-konvertituri statiċi sabiex ikunu jistgħu jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 85044030 tan-NM. Madankollu l-fatt li l-konvertituri jkollhom tali karatteristiċi ġenerali, karattersitiċi li jidhru li għandhom numru kbir ta’ konvertituri statiċi li jaqgħu taħt l-intestatura 850440 tan-NM, b’ebda mod ma jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ tali konvertituri f’subintestatura oħra tas-subintestatura 850440 ta’ din in-nomenklatura. |
|
33 |
Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, meta l-intestatura tariffarja inkwistjoni tapplika kriterju ta’ klassifikazzjoni bbażat fuq użu partikolari tal-oġġetti kkonċernati, dan il-kriterju jkun ta’ natura determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dawn l-oġġetti f’tali intestatura. |
|
34 |
B’hekk, fir-rigward ta’ konvertituri statiċi li jistgħu jaqgħu taħt is-subintestatura 85044030 tan-NM, bħall-konvertituri inkwistjoni, is-sempliċi fatt li dawn ikunu kompatibbli mal-apparati msemmija f’din is-subintestatura jkun suffiċjenti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dawn il-konvertituri fiha biss jekk l-użu intenzjonat essenzjali ta’ dawn l-aħħar ikun konformi mal-użu msemmi fl-imsemmija subintestatura. |
|
35 |
Taħt din il-perspettiva, il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li s-subintestatura 85044030 tan-NM ma tagħmilx riferiment għall-użu “esklużiv” jew “prinċipali” ta’ oġġett mal-apparati ta’ telekomunikazzjoni, il-magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom, huwa irrilevanti. |
|
36 |
Minn naħa, jeħtieġ li jiġi osservat li, fi ħdan l-intestatura 850440 tan-NM, is-subintestatura 85044030 tindika, b’differenza għas-subintestaturi l-oħra ta’ din l-intestatura, konvertituri statiċi intiżi għal użu speċifiku, jiġifieri użu b’apparati ta’ telekomunikazzjoni, magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi dedott mill-assenza ta’ spjegazzjoni dwar l-użu esklużiv jew prinċipali mal-prodotti msemmija fis-subintestatura 85044030 li kull konvertitur, bħala prinċipju kompatibbli ma’ tali prodotti, ikun jista’ jaqa’ taħt l-imsemmija subintestatura. |
|
37 |
Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li t-testi tad-dritt idderivat, bħan-NM, għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, konformement mal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, 2M‑Locatel, C‑555/17, EU:C:2018:746, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna s-subintestatura 85044030 tan-NM, din tirrifletti, hekk kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-impenji sottoskritti mill-Unjoni fl-FTI. B’hekk, l-imsemmija subintestatura għandha tiġi interpretata konformement ma’ dan il-ftehim, u bl-għan tiegħu li jitjiebu l-possibbiltajiet ta’ aċċess għas-swieq għall-prodotti tat-teknoloġiji tal-informatika. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-paragrafu 2 tal-FTI jipprevedi li kull parti kontraenti għandha tikkonsolida u telimina d-dazji doganali u d-dazji u ħlasijiet l-oħra ta’ kull natura għal ċerti prodotti fosthom il-konvertituri statiċi għal magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom kif ukoll l-apparati ta’ telekomunikazzjoni. |
|
39 |
Fid-dawl tal-kuntest partikolari li fih tidħol is-subintestatura 85044030 tan-NM, l-interpretazzjoni li din għandha tinftiehem li tinkludi biss il-konvertituri statiċi li l-użu intenzjonat essenzjali tagħhom huwa għal ma’ apparati ta’ telekomunikazzjoni, magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom hija kompatibbli mal-għanijiet li l-FTI jixtieq jikseb. |
|
40 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konvertituri inkwistjoni huma konvertituri statiċi li, skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom jistgħu jintużaw kemm f’apparati ta’ telekomunikazzjoni jew magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom kif ukoll f’apparati elettriċi oħra, b’mod partikolari stampaturi u apparat mediku. |
|
41 |
Filwaqt li, b’mod definittiv, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-klassifikazzjoni tariffarja tal-konvertituri inkwistjoni, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija konvertituri ma jidhrux li għandhom karatteristiċi li jippermettu li jitqies li l-użu intenzjonat essenzjali tagħhom huwa għal ma’ apparati ta’ telekomunikazzjoni jew magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni u l-unitajiet tagħhom. Għall-kuntrarju, minn dan il-proċess jirriżulta li l-konvertituri inkwistjoni huma kkonċepiti b’mod li jintużaw f’numru kbir ta’ magni differenti, b’tali mod li l-klassifikazzjoni tagħhom fis-subintestatura 85044030 tan-NM, tidher li hija, a priori, eskluża. |
|
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li s-subintestatura 85044030 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-konvertituri statiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġu kklassifikati taħt l-imsemmija subintestatura biss jekk l-użu intenzjonat essenzjali tagħhom ikun għal ma’ “apparat ta’ telekomunikazzjoni, magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data u unitajiet tagħhom”, fis-sens ta’ din is-subintestatura, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
|
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Is-subintestatura 85044030 ta-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat 23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw suċċessivament mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad‑9 ta’ Ottubru 2012, u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-konvertituri statiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġu kklassifikati taħt l-imsemmija subintestatura biss jekk l-użu intenzjonat essenzjali tagħhom ikun għal ma’ “apparat ta’ telekomunikazzjoni, magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data u unitajiet tagħhom”, fis-sens ta’ din is-subintestatura, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.