SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

29 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna reġjonali għall-investiment – Għajnuna għal proġett kbir ta’ investiment – Għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Artikolu 107(3) TFUE – Neċessità tal-għajnuna – Artikolu 108(3) TFUE – Regolament (KE) Nru 800/2008 – Għajnuna li taqbeż il-limitu ta’ notifika individwali – Komunikazzjoni – Portata tal-eżenzjoni skont il-kategorija – Appell inċidentali – Ammissjoni ta’ intervent quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑654/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-22 ta’ Novembru 2017

Bayerische Motoren Werke AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Rosenthal, G. Drauz u M. Schütte, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher, A. Bouchagiar u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Freistaat Sachsen, stabbilit f’Dresden (il-Ġermanja), irrappreżentat minn T. Lübbig, Rechtsanwalt,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Bayerische Motoren Werke AG (iktar ’il quddiem “BMW”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Settembru 2017, Bayerische Motoren Werke vs Il-Kummissjoni (T‑671/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:599), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors ta’ BMW intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/632 tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru SA. 32009 (2011/C) (ex 2010/N), li l-Ġermanja qiegħda tippjana li tagħti lil BMW AG għal proġett kbir ta’ investiment f’Leipzig (ĠU 2016, L 113, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat appell inċidentali li permezz tiegħu hija talbet l-annullament tad-digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Mejju 2015, Bayerische Motoren Werke vs Il-Kummissjoni (T‑671/14, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-11 ta’ Mejju 2015”, EU:T:2015:322), li bih din il-qorti laqgħet it-talba għal intervent imressqa mill-Freistaat Sachsen, kif ukoll tad-deċiżjoni rigward l-ammissibbiltà ta’ dan l-intervent u rigward it-teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti esposti mill-Freistaat Sachsen minbarra dawn imqajma mir-rikorrenti fis-sentenza appellata.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 659/1999

3

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 204, p. 15), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 659/1999”):

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)

‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

[…]

ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea];

[…]

ċ)

‘għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifika ta’ għajnuna ġdida”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu [109 TFUE] jew għal kull disposizzjoni relevanti tagħahom, kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat. […]”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tingħalaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprevedi:

“[…]

2.   Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, il-miżura notifikata ma tikkostitwix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni issib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru konċernat, id-dubji dwar il-kompatibilità tal-miżura notifikata mas-suq komuni jkunu tneħħew, għandha tiddeċiedi li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq [intern] komuni (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni posittiva’). Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni fit-Trattat kienet applikata.

[…]”

6

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Eżami, talba għall-informazzjoni u inġunzjoni ta’ informazzjoni” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, il-Kummissjoni tista’ fuq l-inizjattiva tagħha stess teżamina informazzjoni li tirrigwarda għajnuna illegali allegata minn kwalunkwe sors.

Il-Kummissjoni għandha teżamina mingħajr dewmien indebitu kwalunkwe lment imressaq minn kwalunkwe parti interessata skont l-Artikolu 20(2) u tiżgura li l-Istat Membru kkonċernat jinżamm infurmat regolarment u bis-sħiħ bil-progress u l-eżitu tal-eżami.”

Ir-Regolament (KE) Nru 800/2008

7

Il-premessi 2 sa 4 u 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq [intern] (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli [107 u 108 TFUE] (ĠU 2008, L 214, p. 3), li s-suċċessur tiegħu huwa r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli [107 u 108 TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1), huma fformulati kif ġej:

“(2)

Il-Kummissjoni applikat l-Artikolu [107] u [108] [TFUE] f’diversi deċiżjonijiet u akkwistat biżżejjed esperjenza biex tiddefinixxi l-kriterji ġenerali ta’ kompatibilità fir-rigward ta’ l-għajnuna favur [impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)] […]

(3)

Il-Kummissjoni akkwistat biżżejjed esperjenza fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [107] u [108] [TFUE] fl-oqsma ta’ l-għajnuna għat-taħriġ, għajnuna għall-impjiegi, għajnuna għall-ambjent, għajnuna għar-riċerka u għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni u għajnuna reġjonali fir-rigward ta’ kemm l-SMEs u l-impriżi [l-kbar] […]

(4)

Fid-dawl ta’ din l-esperjenza, jinħtieġ li jiġu adattati wħud mill-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti […].Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u sabiex ikun żgurat monitoraġġ aktar effiċjenti ta’ l-għajnuna mill-Kummissjoni, dawn ir-Regolamenti għandhom jiġu sostitwiti b’regolament wieħed. Fost affarijiet oħra, is-simplifikazzjoni għandha tirriżulta minn sensiela ta’ definizzjonijiet komuni armonizzati u dispożizzjonijiet komuni orizzontali stipulati fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament. […]

[…]

(7)

Għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu [107](1) [TFUE] li mhix koperta b’dan ir-Regolament għandha tibqa’ suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika meħtieġa skond l-Artikolu [108](3) [TFUE]. Dan ir-Regolament għandu jkun bla ħsara għall-possibbiltà li Stati Membri jinnotifikaw għajnuna li l-għanijiet tagħha jikkorrispondu ma’ l-għanijiet koperti minn dan ir-Regolament. Din l-għajnuna tkun evalwata mill-Kummissjoni b’mod partikolari fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u skond il-kriterji stipulati fil-linji gwida speċifiċi u l-oqfsa adottati mill-Kummissjoni kull fejn l-għajnuna kkonċernata taqa’ fl-ambitu ta’ l-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti speċifiċi.”

8

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 800/2008, intitolat “Kundizzjonijiet għal eżenzjoni”, li jinsab fil-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, huwa nnifsu intitolat “Dispożizzjonijiet Komuni”, jipprevedi:

“1.   Għajnuna għall-iskemi, li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ Kapitolu 1 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ Kapitolu II għandhom ikunu kompatibbli mas-suq [intern] fis-sens ta’ l-Artikolu [107](3)[TFUE] u għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa tan-notifika ta’ l-Artikolu [108](3) [TFUE], sakemm kwalunkwe għajnuna individwali mogħtija taħt dawn l-iskemi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, u l-iskema jkun fiha referenza espliċita għal dan ir-Regolament, billi tikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Għajnuna individwali mogħtija taħt skema li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tkun kompatibbli mas-suq [intern] fit-tifsira ta’ l-Artikolu [107](3) [TFUE] u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifka ta’ l-Artikolu [108](3) [TFUE], sakemm l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, [kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament] u li l-miżura ta’ għajnuna individwali jkun fiha referenza espressa għa[d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament, billi tikkwota d-dispożizzjonijiet rilevanti, it-titolu ta’ dan ir-regolament u n-numru ta’ referenza ta’ pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea].

3.   Għajnuna ad hoc, li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ Kapitolu 1 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ Kapitolu II għandhom ikunu kompatibbli mas-suq [intern] fis-sens ta’ l-Artikolu [107](3) [TFUE] u għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa tan-notifika ta’ l-Artikolu [108](3) [TFUE], sakemm kwalunkwe għajnuna individwali mogħtija taħt dawn l-iskemi [ikun fiha referenza espliċita għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament, billi tikkwota d-dispożizzjonijiet rilevanti, it-titolu ta’ dan ir-regolament u n-numru ta’ referenza ta’ pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.]”

9

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, li jaqa’ taħt l-istess Kapitolu I, intitolat “Limiti ta’ notifika individwali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-għajnuna reġjonali għall-investiment mogħtija favur proġetti kbar ta’ investiment għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni jekk l-ammont totali ta’ l-għajnuna mis-sorsi kollha teċċedi l-75 % ta’ l-ammont massimu ta’ l-għajnuna li investiment bi spejjeż eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi, bl-applikazzjoni tal-limiti ta’ għajnuna standard fis-seħħ għal impriżi kbar fuq il-mappa approvata ta’ l-għajnuna reġjonali fid-data li l-għajnuna għandha tingħata.”

10

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Effett ta’ inċentiv”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu jeżenta biss għajnuna li għandha effett ta’ inċentiv.

[…]

3.   L-għajnuna mogħtija lill-impriżi kbar, koperta minn dan ir-Regolament, għandha tkun ikkunsidrata li jkollha effett ta’ inċentiv jekk flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jkun ivverifika, qabel ma tingħata l-għajnuna individwali kkonċernata, li d-dokumentazzjoni ppreparata mill-benefiċjarju tistabbilixxi waħda jew aktar minn dawn il-kriterji:

[…]

e)

fir-rigward ta’ l-għajnuna reġjonali għall-investiment imsemmija fl-Artikolu 13, li l-proġett ma setax jitwettaq bħala tali fir-reġjun assistit ikkonċernat fin-nuqqas ta’ l-għajnuna.

4.   Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-miżuri fiskali jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet segwenti:

a)

il-miżura fiskali tistabilixxi dritt legali għall-għajnuna skond il-kriterju ta’ l-għan u mingħajr aktar eżerċizzji ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru, u

[…]”

11

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 800/2008, intitolat “Għajnuna [reġjonali] għall-investiment [u għall-impjieg]”, u li jinsab fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet Speċifiċi għall-Kategoriji Differenti ta’ Għajnuna”, jipprevedi dan li ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Skemi ta’ għajnuna għall-[għajnuna reġjonali għall-]investiment [u għall-impjieg] għandhom ikunu kompatibbli mas-suq [intern] fit-tifsira ta’ l-Artikolu [107](3) [TFUE] u għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit tan-notifika ta’ l-Artikolu [108](3) [TFUE], sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jiġu sodisfatti.

[…]”

Il-Komunikazzjoni tal-2009

12

Skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (ĠU 2009, C 223, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2009”):

“21.

Fil-każ ta’ għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment koperti minn din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika fid-dettall ‘jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment’ […].L-għan ta’ din il-valutazzjoni ddettaljata hu li jiġi stabbilit jekk l-għajnuna attwalment tikkontribwixxix għal bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju li għandha twassal biex dan jidħol għal impenn ta’ investiment addizzjonali fir-reġjun megħjun ikkonċernat. Jeżistu bosta raġunijiet validi biex kumpanija tillokalizza f’ċertu reġjun, ukoll mingħajr ebda għoti ta’ għajnuna.

22.

Filwaqt li jiġi kkunsidrat l-għan ta’ ekwità derivanti mill-politika ta’ koeżjoni u sakemm l-għajnuna tikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ dan il-għan, effett ta’ inċentiv jista’ jiġi ppruvat f’żewġ kuntesti possibbli:

[…]

2)

L-għajnuna tagħti inċentiv biex wieħed jagħżel li investiment ippjanat jagħmlu fir-reġjun ġeografiku relevanti minflok x’imkien ieħor għaliex ikun qed [jikkumpensa] għall-iżvantaġġi u l-ispejjeż netti marbuta ma’ post fir-reġjun megħjun.

[…]

25.

Fit-tieni xenarju, l-Istat Membru jista’ jagħti prova tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna billi jissottometti dokumenti tal-kumpanija li juru li jkun sar tqabbil bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji fir-rigward tal-allokazzjoni fir-reġjun megħjun ikkonċernat u dawk firrigward ta’ reġjun alternattiv. Dawn ix-xenarji komparattivi għandhom jitqiesu bħala xenarji realistiċi mill-Kummissjoni.

[…]

33.

Fit-tieni xenarju, fejn għandha x’taqsam inċentiv għal investiment, l-għajnuna ġeneralment titqies proporzjonali jekk tkun ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż netti għall-kumpanija benefiċjarja biex tinvesti fir-reġjun megħjun u l-ispejjeż netti biex tinvesti fir-reġjun(i) alternattiv(i).. […]

[…]

52.

Wara li tkun stabbilixxiet li l-għajnuna hija meħtieġa biex tkun ta’ inċentiv għat-twettiq ta’ investiment fir-reġjun ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha tibbilanċja l-effetti pożittivi tal-għajnuna għall-investiment reġjonali lil proġett kbir ta’ investiment bl-effetti negattivi tagħha. […]

[…]

56.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jew li tapprova, tikkundizzjona jew tipprojbixxi l-għajnuna […]”

13

Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna rigward il-punt 56 ta’ din il-komunikazzjoni, huwa indikat li “[m]eta għajnuna tingħata fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna reġjonali eżistenti, għandu madankollu jiġi nnutat li l-Istat Membru jibqagħlu l-possibbiltà li jagħti din l-għajnuna sal-livell li jikkorrispondi mal-ammont massimu permissibbli li investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi skont ir-regoli applikabbli”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

14

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 5 tas-sentenza appellata, huma li ġejjin:

“1

Ir-rikorrenti […]hija l-kumpannija parent tal-grupp Bayerische Motoren Werke […], l-attività prinċipali tagħha hija l-manifattura ta’ vetturi bil-mutur u muturi tal-marki BMW, MINI u Rolls-Royce.

2

Fit-30 ta’ Novembru 2010, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat, taħt l-Artikolu 6(2) tar-Regolament [Nru 800/2008], għajnuna f’ammont nominali ta’ EUR 49 miljun li hija kellha l-intenzjoni li tagħti li skont l-Investitionszulagengesetz 2010 (liġi dwar l-għajnuna għall-investimenti), tas-7 ta’ Diċembru 2008, kif emendata (BGBl. 2008 I, p. 2350, iktar ‘il quddiem l-‘IZG’), għall-kostruzzjoni f’Leipzig (il-Ġermanja) ta’ sit ta’ produzzjoni għall-manifattura tal-vettura elettrika i3 u tal-vettura ibrida riċiklabbli i8 ta’ BMW, konformement mal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għajnuna reġjonali għall-perijodu 2007-2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13 […]).In-notifika kienet tindika spejjeż ta’ investiment ta’ EUR 392 miljun […] u intensità ta’ għajnuna ta’ 12.5. Il-ħlas attwali tal-għajnuna kien ikkundizzjonat fuq l-għoti ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

3

Il-Kummissjoni, wara li kisbet xi informazzjoni addizzjonali, iddeċidiet li tiftaħ, fit-13 ta’ Lulju 2011, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE u kisbet, insegwitu, l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dan ir-rigward. Fit-13 ta’ Diċembru 2011, id-deċiżjoni intitolata ‘Għajnuna mill-Istat — il-Ġermanja — Għajnuna mill-Istat SA.32009 (11/C) (ex 10/N) (ex 10/N) — LIP — Għajnuna lill-BMW Leipzig — Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE’ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011 C 363, p. 20). […]

[…]

5

Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni [kontenzjuża], li l-Artikolu 1 huwa fformulat kif ġej:

‘L-għajnuna mill-Istat li [r-Repubblika Federali tal-] Ġermanja qiegħda tippjana li timplimenta favur investiment [tar-rikorrenti] f’Leipzig, li tammonta għal EUR 45257273 hija kompatibbli mas-suq intern biss jekk tkun limitata għal ammont ta’ EUR 17-il miljun (fi prezzijiet tal-2009); l-ammont lil hinn minn dan (EUR 28,257,273) huwa inkompatibbli mas-suq intern.

Għalhekk l-għajnuna tista’ tiġi implimentata biss sal-ammont ta’ EUR 17-il miljun.’”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Settembru 2014, l-appellanti ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

16

Fis-16 ta’ Jannar 2015, il-Freistaat Sachsen ressaq talba għal intervent insostenn tal-appellanti.

17

Permezz tad-digriet tal-11 ta’ Mejju 2015, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba għal intervent.

18

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet

19

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn hija tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern l-għajnuna ta’ ammont ta’ EUR 28257273, li tikkorrispondi għall-parti mill-għajnuna inkwistjoni li taqbeż EUR 17‑il miljun, jew, sussidjarjament, jekk u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn hija tipprojbixxi u tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern kull għajnuna eżenti mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008, mogħtija fil-kuntest tal-proġett ta’ investiment inkwistjoni, sa fejn hija taqbeż is-somma ta’ EUR 17‑il miljun, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-appell.

20

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

21

Il-Freistaat Sachsen jippreżenta l-istess talbiet għall-finijiet ta’ annullament bħall-appellanti u jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-appell.

22

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-digriet tal-11 ta’ Mejju 2015;

tannulla d-deċiżjoni rigward l-ammissibbiltà tal-intervent u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti esposti mill-parti intervenjenti minbarra dawk imqajma mill-appellanti fis-sentenza appellata;

tiddeċiedi inkwantu qorti tal-ewwel istanza dwar it-talba għal intervent u tiċħad din bħala infondata, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

23

L-appellanti u l-Freistaat Sachsen jitolbu li l-appell inċidentali jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq l-appell inċidentali

24

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball proċedurali, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Erwopea, li jippreġudika l-interessi tagħha, billi ddeċidiet li tammetti lill-Freistaat Sachsen fil-kwalità ta’ parti intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-appellanti, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut. Insostenn ta’ dan l-appell, hija tinvoka tliet aggravji bbażati, essenzjalment, fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti.

25

L-appellanti u l-Freistaat Sachsen iqisu li l-appell inċidentali huwa inammissibbli. F’kull każ, huma jqisu li dan l-appell huwa infondat.

26

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja limitat għall-punti ta’ liġi “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea]”.

27

F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata, mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jikkonkludu l-proċedura, kif ukoll mid-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar li jaqtgħu parzjalment it-tilwima fuq il-mertu jew li jikkonkludu kwistjoni ta’ proċedura dwar eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà.

28

Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem din tal-aħħar mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jiċħdu talba għal intervent imressqa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut, fi żmien ġimagħtejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

29

Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tilqa’ talba għal intervent, imressqa skont dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 ma taqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

30

Fil-fatt, minn naħa, tali deċiżjoni ma taqtax it-tilwima fuq il-mertu u lanqas ma tikkonkludi kwistjoni li tirriżulta minn eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u dan, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni fl-appell inċidentali tagħha.

31

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tilqa’ talba għal intervent ma tikkorrispondix għal dik prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 ta’ dan l-istatut, skont liema, bil-kontra, hija biss iċ-ċaħda ta’ talba għal intervent li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell mill-persuna li tressaq talba għal intervent.

32

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jagħtix is-setgħa, lil parti fil-proċedura fl-ewwel istanza, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’appell mid-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tilqa’ talba għal intervent.

33

Għaldaqstant, kif tammetti barra minn hekk il-Kummissjoni, id-digriet tal-11 ta’ Mejju 2015, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal intervent imressqa mill-Freistaat Sachsen, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jistax ikun is-suġġett ta’ appell ippreżentat b’mod prinċipali.

34

Il-Kummissjoni ssostni madankollu li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tammetti lil din il-parti intervenjenti tista’ tkun is-suġġett ta’ appell inċidentali, skont l-Artikolu 178(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dirett kontra s-sentenza appellata li tagħlaq il-proċedura fl-ewwel istanza, permess li l-ammissjoni tal-parti intervenjenti tikkostitwixxi difett proċedurali, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippreġudika l-interessi tagħha.

35

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

36

Minn naħa, l-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġi li t-talbiet ta’ appell inċidentali jkunu intiżi għall-annullament totali jew parzjali ta’ “deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali”.

37

Issa, minkejja li huwa minnu li din id-dispożizzjoni, b’mod differenti mill-Artikolu 169(1) ta’ dawn ir-regoli, ma tispeċifikax li l-annullament li għalih jirreferi l-appell għandu jirrigwarda d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali “kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni”, jibqa’ l-fatt li, f’kull każ, kif diġà ġie osservat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tilqa’ talba għal intervent ma tikkostitwixxix deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

38

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 178(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li appell inċidentali jista’ wkoll ikun intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni, espliċita jew impliċita, rigward l-“ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali”.

39

Issa, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tilqa’ talba għal intervent ma għandhiex effett fuq l-ammissibbiltà tar-rikors prinċipali, peress li tali intervent huwa ta’ natura anċillari fir-rigward ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punt 121, kif ukoll id-digriet tad-19 ta’ Lulju 2017, Lysoform Dr. Hans Rosemann u Ecolab Deutschland vs ECHA, C‑663/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:568, punt 47).

40

Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tista’ tikkostitwixxi bażi legali li tagħti lil parti d-dritt li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’appell minn deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tkun ammettiet talba għal intervent.

41

L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni ma huwa tali li jikkontesta din il-konklużjoni.

42

Fl-ewwel lok, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li tintlaqa’ talba għal intervent bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi “żball proċedurali”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 ta’ dan l-istatut, li jippreġudika l-interessi tagħha, biżżejjed jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha biss l-għan li ssemmi l-punti ta’ liġi li jistgħu jitqajmu insostenn ta’ appell u mhux li tistabbilixxi l-kategorija tad-deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali appell, li huma ddefiniti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56, u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57, tal-imsemmi statut. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jistax għaldaqstant iwessa’ din il-kategorija ta’ deċiżjonjiet lil hinn minn dak li jipprevedu dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar.

43

Fit-tieni lok, sa fejn il-Kummissjoni tallega li mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni (C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina ex officio l-ammissibbiltà ta’ talba għal intervent imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali jekk il-parti intervenjenti tippreżenta appell inċidentali jew, bħal f’din il-kawża, tissottometti risposta għall-appell prinċipali, l-argument tagħha huwa infondat.

44

Huwa minnu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tiddikjara ruħha, jekk hemm bżonn ex officio, dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament u, għalhekk, dwar il-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tal-kundizzjoni, stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li tgħid li rikorrent jista’ jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tagħha ma huwiex destinatarju biss jekk huwa jkun ikkonċernat direttament u individwalment minnha.

45

Għalhekk, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent li jagħtih il-locus standi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, tikkundizzjoni l-ammissibbiltà tar-rikors li huwa ppreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-ksib tal-annullament ta’ deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, il-fatt li tintlaqa’ talba għal intervent imressqa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta diġà mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, ma jaffettwax l-ammissibbiltà ta’ tali rikors. Għaldaqstant, ma tista’ tiġi dedotta l-ebda analoġija mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni (C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730).

46

Fit-tielet lok, sa fejn il-Kummissjoni pprovat tibni argument, waqt is-seduta, fuq is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fil-punti 33 u 34 ta’ din, aggravju bbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Aritkolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ provi tardivi, biżżejjed jiġi kkonstatat li tali aggravju kien intiż, f’dik il-kawża, għall-ksib tal-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, f’dan il-każ, deċiżjoni li taqta’ t-tilwima fuq il-mertu.

47

Issa, dan ma huwiex eżattament l-għan tal-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, kif din tal-aħħar indikat hija nnifisha b’mod espliċitu fl-appell tagħha, dan huwa intiż għall-ksib tal-annullament mhux tas-sentenza appellata, li taqta’ fuq il-mertu tat-tilwima, iżda biss tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ammettiet it-talba għal intervent, li ma hijiex “deċiżjoni” fis-sens ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56.

48

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ammissjoni ta’ talba għal intervent fl-ewwel istanza tipproduċi effetti ġuridiċi awtonomi li jippreġudikaw l-istatus proċedurali tagħha fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, il-parti intervenjenti tista’, bl-argumenti tagħha, testendi s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li, kemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, kif ukoll il-Qorti Ġenerali, meta tintbagħat lura l-kawża fil-każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, għandhom jeżaminaw argumenti addizzjonali. Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali tista tiżviluppa, barra minn kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja, linja ta’ ġurisprudenza li ma tirrispettax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, parti intervenjenti ammessa bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tippreżenta appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

49

F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ammissjoni ta’ talba għal intervent ma tista’ fl-ebda każ twassal sabiex jiġi estiż is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali.

50

Fil-fatt, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, parti li tiġi ammessa tintervjeni f’tilwima sottomessa lill-Qorti Ġenerali ma tistax tibdel is-suġġett tat-tilwima kif iddefinit mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali. Għaldaqstant, huma biss l-argumenti ta’ intervenjent li jidħlu fil-kuntest iddefinit minn dawn it-talbiet u minn dawn il-motivi li huma ammissibbli (ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punt 114, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (CMR‑15), C 687/15, EU:C:2017:803, punt 23). Parti intervenjenti ma għandhiex id-dritt li tinvoka motivi ġodda, distinti minn dawk invokati mill-parti rikorrenti (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, C‑449/14 P, EU:C:2016:848, punt 121).

51

Sussegwentement, sa fejn, bl-argumenti tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-ammissjoni ta’ talba għal intervent għandha mnejn taffettwa d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiv li hija għandha, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri fid-dawl tal-garanziji li jinsabu fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) ta’ din, ma jimponix l-eżistenza ta’ żewġ livelli ta’ ġurisdizzjoni. L-uniku rekwiżit, fil-fatt, huwa li jkun hemm rimedju quddiem korp ġudizzjarju. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jagħti għalhekk lill-individwu dritt ta’ aċċess għal qorti u mhux għal diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni (ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 69; tat-30 ta’ Mejju 2013, F, C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 44, u tad-19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 57).

52

Issa, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni setgħet tagħmel osservazzjonijiet fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal intervent fid-dawl tar-rekwiżiti previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

53

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kieku l-Qorti Ġenerali kienet laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-parti rikorrenti, il-Kummissjoni jkollha d-dritt tikkontesta, fil-kuntest ta’ appell, l-argumenti invokati mill-parti intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-parti rikorrenti li l-Qorti Ġenerali, jekk ikun il-każ, tkun qieset bħala fondati.

54

Fl-aħħar nett, huwa minnu li parti ammessa sabiex tintervjeni quddiem il-Qorti Ġenerali, minbarra Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, tingħata, permezz tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-istatus ta’ “parti” sabiex tippreżenta appell quddiem din u tista’, abbażi ta’ dan, tqajjem kwalunkwe aggravju sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni appellata. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li parti intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li għalhekk titqies bħala “parti” quddiem din il-qorti u mhux bħala “parti intervenjenti”, tista’, meta appell jiġi ppreżentat minn parti oħra, tissottometti risposta, skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, C‑390/95 P, EU:C:1999:66, punti 20 sa 22).

55

Madankollu, għandu jiġi osservat li kwalunkwe persuna tista’, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tintervjeni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell jekk hija tkun tista’ turi li għandha interess fis-soluzzjoni tat-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Minbarra dan, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-istatut, parti intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali tista’ tippreżenta appell biss meta hija turi li hija affettwata direttament mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar nett, u f’kull każ, kull parti fil-proċedura ta’ appell tista’, kif jirriżulta diġà mill-punt 53 ta’ din is-sentenza, tikkontesta l-motivi u l-argumenti invokati minn parti intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali li tipparteċipa f’din il-proċedura.

56

Għaldaqstant, l-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-appell prinċipali

57

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti, sostnuta mill-Freistaat Sachsen, tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 288 TFUE, tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 800/2008 kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni.

Fuq l-ewwel aggravju

58

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, maqsum f’erba’ partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(3) TFUE, peress li ddeċidiet, fil-punti 145 sa 149 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx neċessarja, għas-sempliċi raġuni li l-ammont tagħha kien jaqbeż, bi ksur tal-punt 33 tal-Komunikazzjoni tal-2009, id-differenza bejn l-ispejjeż netti tal-investiment fir-reġjun megħjun u dawk ta’ investiment f’reġjun ieħor, mingħajr ma vverifikat jekk din l-għajnuna kinitx twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fuq l-ewwel sat-tielet parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

59

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni li kull għajnuna li ma hijiex neċessarja sabiex tikkumpensa d-differenza tal-ispejjeż bejn investiment fir-reġjun megħjun u investiment f’reġjun ieħor tagħti lok għal distorsjoni tal-kompetizzjoni.

60

Tali preżunzjoni tmur, madankollu, kontra l-Artikolu 107 TFUE, peress li l-evalwazzjoni ta’ għajnuna fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi l-eżami tal-probabbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, id-determinazzjoni tal-konsegwenzi tal-għajnuna fiċ-ċirkustanzi tal-każ, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, kif ukoll l-ibbilanċjar tal-effetti negattivi u tal-effetti pożittivi ta’ din. Il-Kummissjoni għandha, għaldaqstant, tiddefinixxi s-suq ikkonċernat u tiddetermina l-pożizzjoni miżmuma mill-appellanti fuq dan is-suq.

61

Bit-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

62

Fil-fatt, minn din, u b’mod partikolari mill-punt 57 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam (C‑494/06 P, EU:C:2009:272), jirriżulta li l-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-għajnuna għandhiex mnejn taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi tesponi fid-deċiżjoni tagħha, l-indikazzjonijiet rilevanti rigward l-effetti prevedibbli tagħha.

63

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570), li l-adozzjoni ta’ komunikazzjoni ma kinitx teħles lill-Kummissjoni mill-obbligu impost fuqha, meta hija tapplika l-Artikolu 107(3) TFUE, li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi.

64

Fl-aħħar nett, mis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), jirriżulta li peress li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jagħmlu parti mir-regoli dwar il-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE, ma jkunx koerenti li jiġi rrinunzjat eżami tal-effetti ta’ għajnuna fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE, meta tali eżami huwa meħtieġ għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

65

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta ma ddeċidietx li l-Kummissjoni kienet naqset, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, milli teżerċita s-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni sabiex tneħħi l-inċertezzi rigward id-definizzjoni tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni tagħha fuq dan is-suq, u dan minkejja li dawn l-elementi, minnhom infushom, kienu jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ din il-proċedura.

66

Issa, mill-Komunikazzjoni tal-2009 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi s-swieq ikkonċernati u li, sa fejn eventwali partijiet importanti tas-suq jitqiesu bħala indikatur ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-evalwazzjoni tagħhom għandha tiġi rfinata fil-kuntest ta’ evalwazzjoni fid-dettall.

67

Kieku l-Kummissjoni, f’dan il-każ, iddefinixxiet b’mod korrett is-suq ikkonċernat u l-partijiet tas-suq, hija kienet tqis li l-kummerċ ma setax jiġi affettwat f’miżura li tmur kontra l-interess komuni, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, u ma kinitx tqis neċessarju li jitnaqqas l-ammont tal-għajnuna.

68

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju huma inammissibbli, billi tallega, essenzjalment, li dawn jikkostitwixxu motivi ġodda u ma jissodisfawx ir-rekwiżiti mitluba mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni tqis, f’kull każ, li dawn il-partijiet tal-ewwel aggravju ma humiex fondati.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69

F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax jibdel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti fl-ewwel istanza. Għalhekk, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni, C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 22, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni, C‑70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 88).

70

F’dan il-każ, madankollu, il-Kummissjoni tiżbalja meta tikkritika lill-appellanti talli qajmet għall-ewwel darba fl-istadju ta’ dan l-appell il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE insostenn tal-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju. Fil-fatt, minkejja li l-appellanti tirreferi, fl-argument li hija tiżviluppa insostenn ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju, f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, l-appellanti tikkritika mingħajr ambigwità lill-Qorti Ġenerali talli wettqet ksur mhux tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda tal-Artikolu 107(3) TFUE, għaliex il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ipproċediet, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, għal evalwazzjoni żbaljata tan-neċessità ta’ din.

71

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li l-annullament tagħha jkun qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti ta’ liġi li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 169(2) ta’ dawn ir-Regoli jeżiġi li l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi invokati jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

F’dan il-każ, madankollu, il-Kummissjoni tiżbalja wkoll meta ssostni li l-ewwel u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju ma josservawx dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-argument żviluppat mill-appellanti insostenn ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju li din tikkritika lill-Qorti Ġenerali, billi tirreferi b’mod espliċitu għall-punti 145 sa 149 tas-sentenza appellata, talli wettqet żball ta’ liġi meta naqset, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, minn naħa, li teżamina jekk din għandhiex mnejn toħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fuq is-suq ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, li tiddefinixxi s-suq ikkonċernat kif ukoll il-pożizzjoni miżmuma minnha fuq dan is-suq.

73

Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli peress li hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet ifformulati minn din l-istituzzjoni, skont liema hija tikkritika lill-appellanti talli invokat “aggravju inammissibbli fuq il-mertu”, ma jippermettux li tinftiehem ir-raġuni għalfejn din il-parti hija allegatament inammissibbli.

74

Konsegwentement l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju huma ammissibbli.

75

F’dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami tal-ilmenti mqajma mill-appellanti dwar il-kompatibbiltà, fir-rigward tal-Artikolu 107(3) TFUE, tal-għajnuna reġjonali inkwistjoni għal proġett kbir ta’ investiment, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, qabel kollox, fil-punti 83 sa 142 tas-sentenza appellata, li ma humiex is-suġġett ta’ dan l-appell, li l-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tal-għajnuna inkwistjoni, li l-ammont tagħha huwa ta’ EUR 49 miljun, kienu jikkorrispondu, skont, rispettivament, il-punti 21, 22 u 25 tal-Komunikazzjoni tal-2009 kif ukoll il-punt 33 ta’ din, għad-differenza bejn l-ispejjeż netti ta’ investiment f’München (il-Ġermanja) u dawk ta’ investiment f’Leipzig, li tammonta, f’dan il-każ, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 119 u 131 ta’ din is-sentenza, għal ammont ta’ EUR 17-il miljun.

76

Barra minn hekk, fil-punti 143 sa 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti mqajma mill-appellanti rigward l-assenza ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 145 u 146 ta’ din is-sentenza, li peress li l-proporzjonalità tal-għajnuna inkwistjoni ma ġietx ipprovata, b’applikazzjoni tal-punt 33 tal-Komunikazzjoni tal-2009, għall-parti ta’ din li taqbeż ammont ta’ EUR 17‑il miljun, il-Kummissjoni setgħet tippreżumi l-effett negattiv ta’ din l-għajnuna li jirriżulta minn eventwali distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fil-punti 147 sa 149 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li din l-evalwazzjoni kienet ikkorroborata, b’mod partikolari, mill-punti 7 u 52 ta’ din il-komunikazzjoni, li minnhom jirriżulta, fil-fehma tagħha, li l-Kummissjoni kellha twettaq l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi ta’ għajnuna li hemm riferiment għaliha fl-imsemmija komunikazzjoni biss meta hija tkun stabbilixxiet li għajnuna kienet neċessarja bħala inċentiv sabiex jitwettaq l-investiment fir-reġjun ikkunsidrat. Il-Qorti Ġenerali tiddeduċi minn dan li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu, f’dan il-każ, li twettaq analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-suq ikkonċernat.

77

Essenzjalment, permezz tal-argumenti li hija żviluppat insostenn tal-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju, l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet imsemmija l-aħħar, billi tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx tosserva r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, kif previst fil-punt 33 tal-Komunikazzjoni tal-2009, għas-sempliċi raġuni li l-ammont ta’ din l-għajnuna kien jaqbeż, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, id-differenza bejn l-ispejjeż netti ta’ investiment fir-reġjun megħjun u dawk ta’ investiment f’reġjun ieħor, mingħajr ma pprovat, wara bbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi ta’ din l-għajnuna, li din twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

78

Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dawn l-argumenti, l-appellanti ma tikkontestax il-validità tal-Komunikazzjoni tal-2009 fid-dawl tar-regoli tat-Trattat FUE, li fosthom jinsab, b’mod partikolari, l-Artikolu 107(3). B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-appellanti ma tipprovax tikkontesta, b’dan l-appell, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad bħala inammissibbli, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, l-argumenti li hija kienet ressqet għal dan il-għan fl-ewwel istanza.

79

F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-eżami ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern, taħt l-Artikolu 107(3) TFUE, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida sabiex tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom hija beħsiebha tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 39).

82

Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tkunx tista’, fil-prinċipju, titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, skont il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Huwa minnu, kif l-appellanti tenfasizza ġustament, li l-Kummissjoni ma tistax tirrinunzja, permezz tal-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta, għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtiha l-Artikolu 107(3) TFUE. Għaldaqstant, l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2009 ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali li Stat Membru jinvoka, f’każ speċifiku, sabiex jitlob l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

F’dan il-każ, madankollu, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-appellanti u lanqas il-Freistaat Sachsen ma sostnew li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet invokat ċirkustanzi speċifiċi li jiġġustifikaw applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)TFUE għall-fatti f’dan il-każ.

85

Issa, ma huwiex ikkontestat, fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi, fil-punti 83 sa 142 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx tosserva, kif jirriżulta mill-punt 75 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, kif dan huwa previst fil-punt 33 tal-Komunikazzjoni tal-2009, għaliex l-ammont ta’ din l-għajnuna kien jaqbeż id-differenza bejn l-ispejjeż netti ta’ investiment f’München u dawk ta’ investiment f’Leipzig, differenza li kienet tikkorrispondi, barra minn hekk, għall-ammont tal-għajnuna rrikonoxxut bħala neċessarju għal effett ta’ inċentiv, b’applikazzjoni tal-punti 21, 22 u 25 tal-imsemmija komunikazzjoni. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali osservat fil-punti 118 u 145 tas-sentenza appellata, skont il-punt 29 ta’ din, “sabiex għajnuna reġjonali tkun proporzjonali, l-ammont u l-intensità tagħha għandhom ikunu limitati għall-minimu meħtieġ sabiex l-investiment jitwettaq fir-reġjun megħjun”.

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali għamlet interpretazzjoni korretta tal-punt 52 tal-Komunikazzjoni tal-2009, meta hija qieset, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li twettaq ibbilanċjar, minn naħa, tal-effetti pożittivi ta’ din l-għajnuna, li, skont il-punti 11 sa 36 ta’ din il-komunikazzjoni, jirriżultaw mill-eżami tal-effett ta’ inċentiv u tal-proporzjonalità tal-għajnuna, u, min-naħa l-oħra, tal-effetti negattivi ta’ din l-għajnuna, li jimplikaw, min-naħa tagħhom, skont il-punti 37 sa 51 tal-imsemmija komunikazzjoni, l-evalwazzjoni tal-effetti prodotti minn din l-għajnuna fuq il-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

87

Huwa minnu li mill-kliem tal-punt 52 tal-Komunikazzjoni tal-2009 jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet li għajnuna ma hijiex neċessarja “biex tkun ta’ inċentiv” sabiex isir l-investiment fir-reġjun ikkonċernat, hija meħlusa milli twettaq l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi ta’ għajnuna reġjonali għal proġett kbir ta’ investiment.

88

Madankollu, kif jirriżulta diġà mill-punt 85 ta’ din is-sentenza, u kif il-Qorti Ġenerali nnifisha osservat, essenzjalment, fil-punti 108 u 128 tas-sentenza appellata, mingħajr ma l-appellanti kkontestat dan fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-kundizzjoni rigward l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna tikkoinċidi, f’dan il-każ, ma’ dik rigward il-proporzjonalità tal-għajnuna, ladarba l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni li huwa meqjus li jissodisfa din l-aħħar kundizzjoni jikkorrispondi preċiżament mal-ammont neċessarju għall-effett ta’ inċentiv.

89

Mill-bqija, kif l-Avukat Ġenerali enfasizza fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, għajnuna li l-ammont tagħha jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex investiment isir fir-reġjun megħjun ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli għas-sempliċi raġuni li hija ma toħloqx effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni.

90

Għaldaqstant, peress li kkonstatat li l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx tosserva r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, kif dan huwa previst fil-punt 33 tal-Komunikazzjoni tal-2009, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeduċi minn dan, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, b’mod konformi mal-punt 52 ta’ din il-komunikazzjoni, setgħet tippreżumi, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija komunikazzjoni, li din kienet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.

91

Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni lanqas ma kienet marbuta, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni fid-dawl ta’ dawn l-istess kundizzjonijiet, li tiddefinixxi s-suq ikkonċernat. Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, li tiddetermina l-pożizzjoni miżmuma mill-appellanti f’dan is-suq.

92

Għandu jiġi speċifikat li, bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi l-appellanti, minn dak li ntqal hawn fuq bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni hija b’dan il-mod meħlusa mill-obbligu li tistabbilixxi, sabiex tikklassifika miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li din tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari, li din il-miżura toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).

93

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali taħt l-Artikolu 107(3) TFUE jeżiġi, f’kull każ, li din il-miżura tkun tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

94

Għaldaqstant il-Kummissjoni tibqa’ marbuta, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li teżamina jekk il-miżura inkwistjoni għandhiex mnejn toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi tesponi fid-deċiżjoni tagħha l-indikazzjonijiet rilevanti kollha li jirrigwardaw l-effetti prevedibbli tagħha (sentenza tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C‑494/06 P, EU:C:2009:272, punt 57).

95

Madankollu għandu jitfakkar li l-appellanti ma tinvoka, insostenn ta’ dan l-aggravju, kif ġie osservat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, u lanqas, minbarra dan, insostenn tat-tieni aggravju tal-appell tagħha, l-ebda argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

96

Għaldaqstant, l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

97

Bir-raba’ parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti u tal-provi, sa fejn hija kkunsidrat li għajnuna ta’ ammont ta’ EUR 17‑il miljun kienet tkun suffiċjenti sabiex twassal għad-deċiżjoni ta’ investiment. Fil-fatt, għajnuna ta’ tali ammont ma ġietx prevista fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali tal-appellanti, peress li d-deċiżjoni li tirrigwarda l-għażla tas-sit ġiet adottata minħabba l-għoti ta’ għajnuna ta’ madwar EUR 50 miljun.

98

Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli u, f’kull każ, infondata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

99

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u għandu juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, ikunu wassluha għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, żnaturament għandu jkun jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 86).

100

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti sempliċement tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat il-fatti u l-provi sa fejn hija kkunsidrat li għajnuna ta’ ammont ta’ EUR 17‑il miljun kienet suffiċjenti sabiex tħajjarha twettaq l-investiment inkwistjoni, mingħajr ma indikat, bi ksur tar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, il-punti tar-raġunijiet tas-sentenza appellata li huma kkontestati, u mingħajr ma esponiet ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali għamlet, f’dan ir-rigward, konstatazzjonijiet li jmorru b’mod manifest kontra l-kontenut tal-annessi tal-proċess jew tat lil dawn portata li huma manifestament ma għandhomx.

101

Minn dan jirriżulta li, taħt l-apparenza li tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żnaturament, l-appellanti tipprova, fil-fatt, tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, sabiex tissostitwixxi dik tal-Qorti Ġenerali, u dan joħroġ barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

102

Għaldaqstant ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

103

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

104

Bit-tieni aggravju tagħha, maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta hija ddeċidiet, fil-punti 165 sa 181 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni llimitat ġustament l-għajnuna inkwistjoni għal ammont inqas mil-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008.

105

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi ksur tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament.

106

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-ksur tal-Artikolu 288 TFUE, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ppermettiet lill-Kummissjoni, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, tidderoga mir-Regolament Nru°800/2008, sa fejn id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni li tirriżulta mill-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament ġiet ridotta għal sempliċi preżunzjoni.

107

Hija ssostni li, minkejja li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern għajnuna nnotifikata meta l-ammont ta’ din l-għajnuna jkun jaqbeż il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008, l-osservanza tal-ġerarkija tan-normi tipprekludi, min-naħa l-oħra, li din l-istituzzjoni tkun tista’ tiddikjara inkompatibbli l-parti ta’ din l-għajnuna li ma taqbiżx dan il-limitu. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni ttrasferixxiet lill-Istati Membri l-kompetenza għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna li l-ammont tagħha ma jaqbiżx l-imsemmi limitu.

108

Ir-Regolament Nru 800/2008 huwa bbażat fil-fatt fuq evalwazzjoni globali tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi tal-għajnuna reġjonali, b’mod partikolari tal-eventwali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li din l-għajnuna twassal għalihom. Din l-evalwazzjoni globali hija riflessa fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament bl-iffissar ta’ limitu li fih l-għan ta’ żvilupp reġjonali u ta’ koeżjoni jipprevalu fuq dawn l-eventwali distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. L-imsemmi regolament ikkjarifika għalhekk b’mod vinkolanti l-ibbilanċjar mitlub fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE bejn l-effetti pożittivi u l-effetti negattivi tal-għajnuna reġjonali.

109

Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 800/2008 jagħti lill-impriżi eliġibbli d-dritt li l-għajnuna mogħtija b’mod konformi ma’ dan ir-regolament titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. B’dan il-mod, l-imsemmi regolament jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jew jipproċedu bin-notifika ta’ għajnuna ta’ ammont li jaqbeż il-limitu ta’ notifika individwali prevista minnu, jew li jagħtu, mingħajr ma jipproċedu b’tali notifika, għajnuna li ma taqbiżx tali limitu. Issa, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata jwassal sabiex itellef lill-Istat Membru li jinnotifika għajnuna li taqbeż l-imsemmi limitu l-benefiċċju tal-eżenzjoni skont il-kategorija prevista mir-Regolament Nru 800/2008, billi jqiegħed tali għajnuna taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Tali riżultat imur kontra l-indikazzjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna rigward il-punt 56 tal-Komunikazzjoni tal-2009, skont liema għajnuna tista’ dejjem tingħata sal-limitu ta’ notifika individwali.

110

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 7(2) u (3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprevedi l-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jimmodifika l-miżura nnotifikata matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-Istat Membru ma jkunx jista’, għaldaqstant, jiġi mġiegħel jirrinunzja għan-notifika tagħha sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-awtorizzazzjoni għall-għoti ta’ għajnuna li taqbeż il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008. Il-premessa 7 ta’ dan ir-regolament imsemmi l-aħħar hija bbażata wkoll fuq l-interdipendenza bejn il-proċedura ta’ notifika individwali u l-eżenzjoni skont il-kategorija, għaliex, skont din il-premessa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika individwali, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-għajnuna abbażi tal-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament.

111

Dan l-argument huwa wkoll ikkonfermat mill-ġurisprudenza rigward l-iskemi ta’ għajnuna, kif tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni (T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59, punti 228 u 229), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali qieset li għajnuna individwali li ma tkunx kompletament koperta minn deċiżjoni li tapprova l-iskema ġenerali ta’ għajnuna kkonċernata tista’ tiġi mistħarrġa mill-Kummissjoni biss sa fejn is-sussidju mogħti jaqbeż il-limitu massimu stabbilit f’din id-deċiżjoni.

112

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-ksur tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 800/2008, l-appellanti ssostni li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li għajnuna li l-ammont tagħha ma jaqbiżx il-limitu ta’ notifika individwali u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament hija kompatibbli mas-suq intern. Tali għajnuna għandha għaldaqstant titqies bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 u, għaldaqstant, ma għandhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 108(3) TFUE.

113

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, għaliex il-kompetituri tagħha jkollhom id-dritt jeżiġu, taħt l-IZG, l-għoti ta’ għajnuna li ma taqbiżx il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008.

114

Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, għaliex huwa motiv ġdid. F’kull każ, dan l-aggravju huwa infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

115

Bit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli, bi ksur tal-Artikolu 288 TFUE, ma rrispettatx il-kompetenza tal-Istati Membri kif ukoll kisret l-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 800/2008 u l-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni, meta ddeċidiet, fil-punti 165 sa 181 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata tikkonkludi li l-għajnuna inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern f’dak li jirrigwarda l-parti tal-ammont ta’ din l-għajnuna li ma tilħaqx il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament għall-għajnuna reġjonali mogħtija għal proġetti kbar ta’ investiment.

116

Dan l-aggravju huwa għalhekk intiż sabiex isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi sa fejn hija tirrigwarda l-eżami tal-kompatibbiltà tal-parti tal-għajnuna inkwistjoni li taqbeż l-ammont ta’ din meqjus bħala konformi mar-rekwiżit ta’ proporzjonalità, kif dan ir-rekwiżit huwa previst fil-punt 33 tal-Komunikazzjoni tal-2009, jiġifieri ammont ta’ EUR 17‑il miljun, sal-imsemmi limitu ta’ notifika individwali, li huwa, f’dan il-każ, u dwar dan il-partijiet jaqblu, EUR 22.5 miljun.

117

F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ dan it-tieni aggravju, għandu jiġi osservat li, huwa minnu, kif tosserva l-Kummissjoni, l-appellanti ma invokatx b’mod espliċitu, insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ksur tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll dak tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 800/2008.

118

Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tar-rikors fl-ewwel istanza li, permezz tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti, kif jirriżulta mill-punti 162 u 163 tas-sentenza appellata, kienet tikkritika lill-Kummissjoni, permezz ta’ tielet motiv invokat sussidjarjament, li kien ibbażat fuq “limitazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għal ammont inqas mill-ammont eżentat [mill]-obbligu ta’ notifika”, li kisret “ir-Regolament Nru 800/2008”. L-appellanti sostniet f’dan ir-rigward li, fil-każ ta’ notifika, l-għajnuna kellha dejjem titqies bħala kompatibbli sal-limitu stabbilit f’dan ir-regolament li ’l fuq minnu n-notifika hija obbligatorja, b’tali mod li l-Istat Membru kellu neċessarjament ikollu l-possibbiltà li jagħti għajnuna sa dan il-limitu.

119

Barra minn hekk, skont il-kliem espliċitu ta’ dan ir-rikors, l-appellanti sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li, billi llimitat l-ammont tal-għajnuna għal ammont inqas mil-limitu li ’l fuq minnu n-notifika hija obbligatorja, jiġifieri ammont ta’ EUR 17‑il miljun, il-Kummissjoni ppreġudikat il-kompetenzi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jwassal, barra minn hekk, għal “diskriminazzjoni illegali […] meta mqabbla mal-benefiċjarji l-oħra ta’ għajnuna li [setgħu] jiksbu, taħt l-IZG, għajnuna ta’ ammont ta’ EUR 22.5 eżenti mill-obbligu ta’ notifika”.

120

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-appellanti, permezz ta’ dan l-aggravju, tqajjem motiv ġdid, bi ksur tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ din is-sentenza.

121

Għaldaqstant, it-tieni aggravju huwa ammissibbli.

122

F’dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi osservat li huwa bbażat fuq il-premessa doppja li, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 800/2008, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ittrasferixxiet lill-Istati Membri l-kompetenza għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat li l-ammont tagħha ma jaqbiżx il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, u, it-tieni nett, iddikjarat tali għajnuna, skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) ta’ dan, bħala kompatibbli mas-suq intern meta tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti minn dan, b’tali mod li din l-għajnuna hija b’hekk awtorizzata inkwantu “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999.

123

Għaldaqstant, meta għajnuna taqbeż dan il-limitu ta’ notifika individwali, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ notifika individwali magħmula taħt l-Artikolu 108(3) TFUE, hija l-unika kompetenti, skont l-Artikolu 107(3) TFUE sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-parti ta’ din l-għajnuna li taqbeż l-imsemmi limitu. Il-Kummissjoni ma tistax, min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni finali tagħha adottata taħt din id-dispożizzjoni, tiddikjara inkompatibbli l-parti tal-ammont ta’ din l-għajnuna li hija inqas minn dan il-limitu, għaliex tali deċiżjoni ma tistax, ħlief bi ksur tal-Artikolu 288 TFUE, tidderoga mill-Artikolu 3 u mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 800/2008.

124

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa doppja li fuqha huwa bbażat dan l-argument hija żbaljata, sa fejn hija tmur kontra kemm is-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat TFUE kif ukoll il-portata tar-Regolament Nru 800/2008.

125

F’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-premessi, dwar il-kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 165 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mit-Trattat TFUE, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura intiża sabiex tistabbilixxi jew timmodifika għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżura, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali rigward l-imsemmija miżura (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

Dan l-obbligu fuq l-Istat Membru kkonċernat li jinnotifika kull għajnuna ġdida lill-Kummissjoni huwa speċifikat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 32).

127

Madankollu, kif osservat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punti 167 sa 169 tas-sentenza appellata, il-Kunsill huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 109 TFUE, jagħmel ir-regolamenti kollha xierqa għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u jistabbilixxi b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll il-kategoriji ta’ għajnuna li huma eżenti mill-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 108(4) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti li jikkonċernaw il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kunsill iddetermina, konformement mal-Artikolu 109 TFUE, li jistgħu jiġu eżentati mill-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. B’hekk, huwa b’applikazzjoni tal-Artikolu 94 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 89 KE, li sar huwa stess l-Artikolu 109 TFUE) li kien ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni [tal-Artikoli 107 u 108 TFUE] għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312), li abbażi tiegħu ġie adottat, sussegwentement ir-Regolament Nru 800/2008 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 57 u 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

128

Minn dan jirriżulta li, kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 170 tas-sentenza appellata, minkejja l-obbligu ta’ notifika minn qabel ta’ kull miżura intiża sabiex tistabbilixxi jew timmodifika għajnuna ġdida, li huwa impost fuq l-Istati Membri bis-saħħa tat-Trattati u li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, jekk miżura ta’ għajnuna adottata minn Stat Membru tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti previsti mir-Regolament Nru 800/2008, dan l-Istat Membru jista’ jinvoka l-eżenzjoni mill-obbligu tiegħu ta’ notifika prevista fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. Bil-kontra, mill-premessa 7 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-għajnuna mill-Istat li ma hijiex koperta mill-istess regolament tibqa’ suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-għajnuna inkwistjoni taqbeż il-limitu ta’ notifika individwali rilevanti previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008 u li, għaldaqstant, diġà għal din ir-raġuni, tali għajnuna, peress li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, hija eskluża mill-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika individwali prevista, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, C‑459/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:515, punt 30).

130

Għaldaqstant, l-Istat Membru kkonċernat kellu l-obbligu, f’din il-kawża, li jinnotifika individwalment din l-għajnuna lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, notifika li, barra minn hekk, huwa stabbilit li saret mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

131

Skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija għajnuna ma setgħetx għaldaqstant tiġi implimentata sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999, deċiżjoni finali dwarha.

132

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, tali evalwazzjoni taqa’, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni.

133

Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 800/2008, il-Kummissjoni ma ttrasferixxietx din il-kompetenza għall-għajnuna koperta minn dan li l-ammont tagħha ma jaqbiżx il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament.

134

Fil-fatt, minn naħa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li din il-kompetenza ngħatat lilha b’mod esklużiv mid-dritt primarju tal-Unjoni, fl-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-Kummissjoni ma tistax tidderoga minnha, anki jekk dan ikun għal kategorija ta’ għajnuna speċifika, permezz tal-adozzjoni ta’ regolament.

135

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, permezz tar-Regolament Nru 800/2008, il-Kummissjoni sempliċement, essenzjalment, eżerċitat ex ante, il-kompetenzi li jagħtiha l-Artikolu 107(3) TFUE għall-għajnuna kollha li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 65).

136

Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 800/2008, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 4 tiegħu, jistabbilixxi kriterji ġenerali ta’ kompatibbiltà, li ġew imfassla abbażi tal-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Meta dawn il-kriterji jiġu ssodisfatti, l-għajnuna inkwistjoni tkun, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE, u eżenti mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

137

Madankollu, meta talba għal għajnuna tiġi indirizzata lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008, din l-awtorità nazzjonali biss tkun ivverifikat, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi li jkunu ġew sottomessi lilha, jekk l-għajnuna mitluba tissodisfax il-kundizzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 66 u 93).

138

Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, huwa biss jekk miżura ta’ għajnuna adottata minn Stat Membru tkun tissodisfa effettivament il-kundizzjonijiet rilevanti kollha previsti mir-Regolament Nru 800/2008 li dan l-Istat Membru jkun eżenti mill-obbligu tiegħu ta’ notifika. Bil-kontra, meta għajnuna tkun ingħatat b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minkejja li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti sabiex l-għajnuna tibbenefika minnu ma jkunux issodisfatti, l-għoti jkun sar bi ksur tal-obbligu ta’ notifika u l-għajnuna għandha titqies bħala illegali (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 99).

139

F’sitwazzjoni bħal din, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-obbligu kemm tal-qrati nazzjonali kif ukoll tal-korpi tal-amministrazzjoni tal-Istati Membri li jiggarantixxu li l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jiġu ddeterminati, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni kif ukoll l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 89 sa 92, 100 u 130).

140

Minbarra dan, hija l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li għandha teżamina, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, jew inkella fil-kuntest ta’ lment imressaq minn parti interessata, fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, tali għajnuna mogħtija bi ksur tar-Regolament Nru 800/2008 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 114).

141

Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta regolamenti ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ta’ għajnuna, sabiex tiżgura sorveljanza effikaċi tar-regoli dwar il-kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u sabiex tissemplika l-ġestjoni amministrattiva, tali regolamenti ma jistgħu bl-ebda mod idgħajfu s-setgħa ta’ kontroll tagħha f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 38, u tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 60).

142

Minn dan jirriżulta li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 800/2008, il-Kummissjoni ma tat l-ebda setgħa ta’ deċiżjoni definittiva lill-awtoritajiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-portata tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika u, għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ dan ir-regolament li għalihom hija suġġetta tali eżenzjoni. L-imsemmija awtoritajiet jinsabu, f’dan ir-rigward, fuq l-istess livell bħall-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna u għandhom jiżguraw ruħhom li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu konformi mal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 101 u 102).

143

Għaldaqstant, meta awtorità nazzjonali tagħti għajnuna billi tapplika b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 800/2008, hija tagħmel dan bi ksur kemm tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 103).

144

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, li, meta Stat Membru jqis li għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 800/2008, din l-għajnuna tibbenefika, mill-iktar, minn preżunzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq intern. Fil-fatt, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 139 u 140 ta’ din is-sentenza, il-konformità ta’ tali għajnuna mal-imsemmija kundizzjonijiet tista’ tiġi kkontestata kemm quddiem qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali kif ukoll quddiem il-Kummissjoni.

145

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa eskluż li awtorità nazzjonali tista’ tkun ħolqot fi ħdan benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija b’mod żbaljat b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 aspettattiva leġittima fir-regolarità ta’ din l-għajnuna. Fil-fatt, minħabba n-natura mandatorja tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 108 TFUE, l-impriżi li ngħatatilhom l-għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattiva leġittima li l-għajnuna hija regolari biss jekk din tkun ingħatat skont il-proċedura prevista f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

146

Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 800/2008 ma jaffettwax il-kompetenza esklużiva li għandha l-Kummissjoni sabiex tevalwa, taħt l-Artikolu 107(3) TFUE, il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mogħtija b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tibqa’ għaldaqstant l-unika li tista’ tiddikjara tali għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt din id-dispożizzjoni, kemm jekk l-ammont ta’ din l-għajnuna jaqbeż l-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament jew le.

147

F’dak li jikkonċerna t-tieni premessa fost dawk imsemmija fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, rigward il-portata tar-Regolament Nru 800/2008, skont liema, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna mill-Istat li l-ammont tagħha ma jaqbiżx il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, bħala kompatibbli mas-suq intern meta hija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti minn dan l-istess regolament, b’tali mod li din l-għajnuna hija b’hekk awtorizzata inkwantu “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 800/2008 jipprevedu li l-għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minnu “hija kompatibbli” mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE.

148

Madankollu ma jsegwix, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, li tali għajnuna għandha titqies bħala “awtorizzata” inkwantu “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, sabiex skema ta’ għajnuna jew għajnuna individwali tkun tista’ tikklassifika bħala tali, din l-iskema jew din l-għajnuna għandha tkun ġiet awtorizzata “mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”.

149

Issa, għajnuna mogħtija minn Stat Membru b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 ma tistax titqies li ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 137 sa 142 ta’ din is-sentenza, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jeżaminaw jekk għajnuna mogħtija b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tissodisfax, f’każ speċifiku, il-kundizzjonijiet previsti minn dan tal-aħħar, mingħajr madankollu ma għandhom huma nfushom setgħa ta’ deċiżjoni definittiva rigward l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern.

150

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 800/2008, fid-dawl tan-natura nnifisha tiegħu, lanqas ma jagħmel tali evalwazzjoni konkreta tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna speċifika jew ta’ għajnuna individwali speċifika fid-dawl tal-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, u tali regolament sempliċement, kif ġie indikat fil-punt 135 ta’ din is-sentenza, jiffissa, abbażi tal-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, kriterji ġenerali ta’ kompatibbiltà għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna.

151

Għaldaqstant, meta Stat Membru jqis li għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 800/2008, din l-għajnuna ma tistax titqies li hija, minħabba dan il-fatt biss, awtorizzata mill-Kummissjoni inkwantu għajnuna kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 50).

152

Hija biss deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 107(3) TFUE, bħalma hija, b’mod partikolari, deċiżjoni meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li twettaq l-evalwazzjoni konkreta ta’ din l-għajnuna, li tista’ tikkostitwixxi tali awtorizzazzjoni.

153

Għaldaqstant, kif il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset ġustament fil-punti 176, 179 u 180 tas-sentenza appellata, għajnuna mogħtija minn Stat Membru b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 ma tistax, għas-sempliċi fatt li hija tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti minnu, titqies bħala għajnuna eżistenti awtorizzata mill-Kummissjoni.

154

Għalhekk, u iktar u iktar, is-sempliċi fatt li l-ammont ta’ għajnuna jilħaq il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008 bl-ebda mod ma jista’ jagħti dritt, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, għal għajnuna ta’ tali ammont.

155

Fil-fatt, minn naħa, minbarra l-fatt li tali għajnuna ma tkun tista’ fl-ebda każ, fid-dawl tal-portata tar-Regolament Nru 800/2008, titqies bħala għajnuna eżistenti awtorizzata mill-Kummissjoni, il-kundizzjoni li l-ammont tal-għajnuna ma għandux jaqbeż dan il-limitu, minkejja li hija tikkostitwixxi waħda minn dawk li għandhom jiġu osservati sabiex għajnuna tiġi eżentata minn notifika u sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, hija ta’ natura purament proċedurali, fis-sens li l-ammont ta’ għajnuna li għalih jikkorrispondi l-imsemmi limitu bl-ebda mod ma jirrifletti evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 107(3) TFUE f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ tali għajnuna.

156

Il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008 jirriżulta, fil-fatt, minn kalkolu aritmetiku bbażat fuq l-ammont massimu ta’ għajnuna li investiment li l-ispejjeż ammissibbli tiegħu jkunu ta’ EUR 100 miljun ikun jista’ jirċievi skont il-limitu applikabbli għall-impriżi l-kbar, previst fil-mappa tal-għajnuna għal skopijiet reġjonali approvata fid-data tal-għoti tal-għajnuna, li huwa ekwivalenti, f’dan il-każ, skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali għall-perijodu 2007-2013, għal rata ta’ intensità massima, fir-rigward tar-reġjun ta’ Leipzig, ta’ 30 % (ara l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali għall-perijodu 2007-2013– Mappa tal-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali: il-Ġermanja (ĠU 2006, C 295, p. 6)).

157

Min-naħa l-oħra, għajnuna reġjonali għall-investiment għandha, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 800/2008, tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi kollha previsti minn dan ir-regolament, b’mod partikolari dik rigward l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna prevista fl-Artikolu 8(3)(e) ta’ dan, li jipprevedi li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi kbar koperti minnu huma meqjusa li għandhom tali effett ta’ inċentiv jekk l-Istat Membru jkun ivverifika, qabel l-għoti tal-għajnuna individwali kkonċernata, li mid-dokumenti mħejjija mill-benefiċjarju jirriżulta li l-proġett ma kienx jitwettaq fir-reġjun megħjun inkwistjoni mingħajr din l-għajnuna.

158

Għaldaqstant, għajnuna li l-ammont tagħha ma jaqbiżx il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008 mhux biss ma tistax tiġi assimilata għal għajnuna eżistenti awtorizzata mill-Kummissjoni, iżda, minbarra dan, tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, biss jekk, barra minn hekk, din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi kollha stabbiliti minn dan tal-aħħar, b’mod partikolari, jekk l-ammont josserva l-kundizzjoni rigward l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna prevista fl-Artikolu 8(3)(e) tal-imsemmi regolament.

159

Konsegwentement, għajnuna li l-ammont tagħha jaqbeż il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008, li, kif diġà ġie osservat fil-punt 129 ta’ din is-sentenza, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, ma tistax titqies bħala għajnuna li ġiet awtorizzata permezz tal-imsemmi regolament f’dak li jirrigwarda l-parti tal-ammont tagħha li ma jaqbiżx dan il-limitu, u dan iktar u iktar meta ma jkunx ġie stabbilit li din il-parti tal-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi kollha stabbiliti minn dan l-istess regolament, b’mod partikolari, dik rigward l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna.

160

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 173, 176 u 181 tas-sentenza appellata, li għajnuna li l-ammont tagħha ma jaqbiżx il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008 kellha tiġi evalwata, għall-ammont kollu tagħha, inkluż għall-parti li ma kinitx taqbeż dan il-limitu, inkwantu “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, fil-kuntest ta’ eżami individwali, skont l-Artikolu 107(3) TFUE.

161

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern kellha, f’dak li jirrigwarda l-ammont kollu tagħha, tiġi evalwata, fil-kuntest ta’ notifika individwali magħmula skont l-Artikolu 108(3) TFUE, abbażi kemm, kif tispeċifikah ukoll il-premessa 7 tar-Regolament Nru 800/2008, tal-kundizzjonijiet sostantivi previsti minn dan ir-regolament kif ukoll tal-kriterji ddefiniti mil-Linji Gwida u mill-oqsfa speċifiċi adottati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta diġà mill-punti 155 u 156 ta’ din is-sentenza, il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, C‑459/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:515, punti 30 kif ukoll 31).

162

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, kellha tiġi evalwata b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tar-rekwiżiti previsti mill-Komunikazzjoni tal-2009.

163

Issa, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, ma huwiex ikkontestat li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tqis, b’mod partikolari fil-punti 119 u 131 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna inkwistjoni, sabiex tkun konformi mar-rekwiżiti rigward l-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tal-għajnuna, kif previsti, rispettivament, fil-punti 21, 22 u 25 kif ukoll fil-punt 33 ta’ din il-komunikazzjoni, ma setgħetx taqbeż ammont ta’ EUR 17‑il miljun.

164

Huwa minnu li, kif l-appellanti enfasizzat waqt is-seduta, il-kriterji sostantivi ddefiniti mir-Regolament Nru 800/2008 għandhom ukoll, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 161 ta’ din is-sentenza, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna fil-kuntest ta’ notifika individwali magħmula taħt l-Artikolu 108(3) TFUE. Fil-fatt, jekk Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni għajnuna li hija konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 800/2008, din tal-aħħar għandha, fil-prinċipju, tawtorizza din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 43).

165

Madankollu, bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi l-appellanti, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, taħt piena ta’ ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali kemm tar-Regolament Nru 800/2008 kif ukoll tal-Komunikazzjoni tal-2009, ma tistax tvarja skont jekk din l-evalwazzjoni ssirx fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament jew fid-dawl ta’ dawk stabbiliti minn din il-komunikazzjoni. B’mod partikolari, huwa b’mod żbaljat li l-appellanti tgħid li hija għandha d-dritt tikseb, skont l-imsemmi regolament, ammont ta’ għajnuna ogħla minn dawk awtorizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża fil-kuntest ta’ notifika individwali.

166

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-Artikolu 107(3) TFUE jirriżulta li għajnuna reġjonali għall-investiment, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern, għandha tkun neċessarja sabiex jiġi implimentat dan l-investiment u, għaldaqstant, sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, C‑459/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:515, punt 33; tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punti 104 u 105, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 49).

167

Għalhekk, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, ir-rekwiżiti rigward l-effett ta’ inċentiv u rigward il-proporzjonalità tal-għajnuna previsti fil-punti 21, 22, 25 u 33 tal-Komunikazzjoni tal-2009 jikkorrispondu, essenzjalment, għall-kundizzjoni rigward l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna stabbilit fl-Artikolu 8(3)(e) tar-Regolament Nru 800/2008, li jgħid li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista minn dan ir-regolament għall-għajnuna reġjonali koperta mill-Artikolu 13(1) ta’ dan li tingħata lill-impriżi l-kbar hija suġġetta, kif diġà ġie osservat fil-punt 157 ta’ din is-sentenza, għall-kundizzjoni li jiġi pprovat li l-proġett ma kienx jitwettaq fir-reġjun megħjun inkwistjoni mingħajr din l-għajnuna.

168

Għaldaqstant, kif il-Kummissjoni indikat waqt is-seduta b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont ta’ għajnuna neċessarja meqjus bħala kompatibbli mill-Kummissjoni fil-kuntest, bħal f’din il-kawża, ta’ notifika individwali eżaminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti mill-Komunikazzjoni tal-2009 huwa identiku għal dak meqjus bħala konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Nru 800/2008.

169

Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Qorti Ġenerali evalwat l-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tal-għajnuna essenzjalment b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti previsti mill-Komunikazzjoni tal-2009, fid-dawl tan-natura iktar ddettaljata tagħhom, hija rreferiet b’mod espliċitu wkoll, kif jirriżulta mill-punt 80 tas-sentenza appellata, u dan, barra minn hekk, ma ġiex ikkontestat mill-appellanti fl-appell tagħha, għall-Artikolu 8(3)(e) tar-Regolament Nru 800/2008, dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha fuq dan il-punt.

170

Sa fejn, waqt is-seduta, l-appellanti sostniet, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija eskluża, f’dan il-każ, mill-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, peress li l-għajnuna inkwistjoni hija “miżura fiskali”, fis-sens ta’ dan il-paragrafu, biżżejjed jiġi kkonstatat li dan l-argument, li huwa intiż sabiex jikkontesta għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell il-punt 80 tas-sentenza appellata, huwa, mhux biss, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, inammissibbli, iżda, barra minn hekk, infondat, għaliex l-għajnuna inkwistjoni manifestament ma hijiex miżura fiskali. Barra minn hekk, l-appellanti bl-ebda mod ma sostniet, u inqas u inqas ma stabbilixxiet, li, skont l-Artikolu 8(4)(a) tar-Regolament Nru 800/2008, hija kellha dritt għal din l-għajnuna, taħt l-IZG, mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-iċken setgħa diskrezzjoni rigward l-investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati.

171

Għalaqstant l-appellanti tiżbalja meta ssostni li l-għajnuna inkwistjoni, kieku ġiet limitata għal ammont li ma jaqbiżx il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008, kienet tkun tista’ tiġi eżentata mill-obbligu ta’ notifika, b’mod konformi mal-Artikolu 3 u mal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, meta dan l-ammont jaqbeż dak li kien neċessarju għat-twettiq tal-investiment.

172

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma vvizzjatx is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 179 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet qieset ġustament li l-għajnuna inkwistjoni setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, taħt l-Artikolu 107(3) TFUE, biss jekk ma kinitx taqbeż l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ispejjeż netti ta’ investiment f’München u dawk ta’ investiment f’Leipzig, peress li din id-differenza kienet tirrappreżenta l-ammont neċessarju sabiex l-investiment jitwettaq fir-reġjun megħjun.

173

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll ġustament fil-punt 179 tas-sentenza appellata, permezz tan-nota ta’ qiegħ il-paġna marbuta mal-punt 56 tal-Komunikazzjoni tal-2009, li tgħid li Stat Membru “jibqagħlu l-possibbiltà li jagħti din l-għajnuna sal-livell li jikkorrispondi mal-ammont massimu permissibbli li investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi skont ir-regoli applikabbli”. Fil-fatt, din is-setgħa, skont il-formulazzjoni nnifisha ta’ din in-nota, tirreferi biss għall-għajnuna mogħtija “fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna reġjonali eżistenti”. Issa, kif jirriżulta mill-punti 147 sa 153 ta’ din is-sentenza, dan ma huwiex il-każ tal-għajnuna inkwistjoni.

174

Minbarra dan, u għall-istess raġunijiet, l-appellanti ma tistax tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni, għar-raġuni li l-kompetituri tagħha jkollhom id-dritt li jiksbu, mingħajr ma tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, għajnuna ta’ ammont li ma jaqbiżx il-limitu ta’ notifika individwali previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 800/2008. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat, għal darb’oħra, fuq il-premessa ineżatta li għajnuna ta’ tali ammont tikkostitwixxi għajnuna eżistenti awtorizzata mill-Kummissjoni. Hija bbażata, barra minn hekk, fuq il-premessa żbaljata li tali għajnuna tissodisfa neċessarjament il-kundizzjonijiet sostantivi l-oħra kollha stabbiliti minn dan ir-regolament, fosthom dik rigward l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna.

175

Isegwi wkoll li l-appellanti, bil-kontra ta’ dak li hija ssostni, lanqas ma ġiet suġġetta għal trattament sfavorevoli minħabba l-għażla magħmula mill-Istat Membru kkonċernat li jinnotifika l-għajnuna inkwistjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

176

Bil-kontra, peress li din l-għajnuna ġiet, fir-rigward tal-parti tagħha meqjusa bħala konformi mar-rekwiżiti rigward l-effett ta’ inċentiv u rigward il-proporzjonalità tal-għajnuna, kif previsti mill-Komunikazzjoni tal-2009, awtorizzata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża tagħha, hija issa tikkostitwixxi, sa dan il-punt, għajnuna eżistenti, filwaqt li, fl-assenza ta’ tali notifika, kieku l-awtorità nazzjonali kienet applikat b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 800/2008, tali għajnuna kienet tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u, għaldaqstant, bħala għajnuna illegali, b’tali mod li l-konsegwenzi mfakkra fil-punti 139 u 140 ta’ din is-sentenza kienu jkunu japplikaw.

177

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat fiż-żewġ partijiet tiegħu.

178

Għaldaqstant, l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

179

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

180

Peress li l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż kontra l-appellanti u din tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hija għandha tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell prinċipali.

181

Skont l-Artikolu 184(4) ta’ dawn ir-Regoli, il-Freistaat Sachsen għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu marbuta mal-appell prinċipali.

182

Fir-rigward tal-appell inċidentali, peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha u l-appellanti kif ukoll il-Freistaat Sachsen talbu li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hija għandha tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti u mill-Freistaat Sachsen fil-kuntest tal-appell inċidentali.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell prinċipali u l-appell inċidentali huma miċħuda.

 

2)

Bayerische Motoren Werke AG hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk tal-Kummissjoni Ewropea marbuta mal-appell prinċipali.

 

3)

Il-Freissaat Sachsen huwa kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu marbuta mal-appell prinċipali.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk ta’ Bayerische Motoren Werke AG u tal-Freistaat Sachsen marbuta mal-appell inċidentali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.