SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati – Artikolu 5(3) – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Artikolu 5(3)(ċ) u (d) – Rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti – Kwotazzjonijiet – Użu ta’ hyperlinks – Tqegħid legali għad‑dispożizzjoni tal-pubbliku – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 11 – Libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni”

Fil-Kawża C‑516/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Spiegel Online GmbH

vs

Volker Beck,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, M. Vilaras, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen u C. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Spiegel Online GmbH, minn T. Feldmann, Rechtsanwalt,

għal V. Beck, minn G. Toussaint, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Hellmann u J. Techert, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u D. Segoin, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u T. Rendas, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn N. Saunders, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer, T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Spiegel Online, li topera l-portal ta’ informazzjoni fuq l-internet bl-istess isem, u Volker Beck, li kien membru tal-Bundestag (il-Parlament Federali, il-Ġermanja), fil-mument meta l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar il-pubblikazzjoni, minn Spiegel Online, fuq is-sit internet tagħha, ta’ manuskritt ta’ V. Beck u ta’ artiklu ppubblikat minn dan tal-aħħar f’ġabra.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 3, 6, 7, 9, 31 u 32 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(1)

It-Trattat [KE] jipprovdi għat-twaqqif ta’ suq intern u l-istituzzjoni ta’ sistema li jiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx inġusta. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-oġġettivi.

[…]

(3)

L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

[…]

(6)

Mingħajr armonizzazzjoni f’livell ta’ Komunità, attivitajiet leġislattivi f’livell nazzjonali li diġà bdew f’għadd ta’ Stati Membri sabiex jirrispondu għall-isfidi jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fil-protezzjoni u b’hekk fir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ servizzi u prodotti li jinkorporaw, jew ikunu bażati fuq, proprjetà intellettwali, li twassal għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern u inkonsistenza leġislattiva. L-impatt ta’ dawn id-differenzi leġislattivi u inċertezzi jsir aktar sinjifikanti b’aktar żvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li diġà żiedet ħafna l-isfruttament li jaqsam il-fruntieri ta’ proprjetà intellettwali. […]

(7)

Il-qafas legali tal-Komunità għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandu, għalhekk, jiġi adattat u supplimentat ukoll sa fejn hu meħtieġ għall-funzjonament faċli tas-suq intern. […] [Id-]differenzi li ma jolqtux b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern mhux meħtieġ li jitneħħew jew jiġu evitati.

[…]

(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

[…]

(31)

Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. […] Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.

(32)

Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. […] L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet […]”

4

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/29, “[d]in id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi [b’enfasi] partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni”.

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

7

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 3(ċ) u (d) u fil-paragrafu 5 tiegħu:

“3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

[…]

(ċ)

riproduzzjoni mill-istampa, komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi jew ta’ xogħolijiet imxandra jew suġġett ieħor ta’ l-istess tip, fil-każi fejn dan l-użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, jew l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli;

(d)

kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku;

[…]

5.   L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

Id-dritt Ġermaniż

8

Il-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273, iktar ’il quddiem l-“UrhG”), tipprovdi, fl-Artikolu 50 tagħha, intitolat “Rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti”:

“Sabiex isir rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti permezz tax-xandir jew ta’ mezzi tekniċi simili, f’ġurnali, f’rivisti u f’pubblikazzjonijiet oħra jew fuq kwalunkwe mezz ieħor, li jirrakkontaw prinċipalment il-ġrajjiet tal-ġurnata, kif ukoll f’film, huwa permess li jiġu rriprodotti, iddistribwiti u kkomunikati lill-pubbliku x-xogħlijiet li wieħed jista’ jara u jisma’ matul il-ġrajjiet irrapportati, sa fejn dan ikun iġġustifikat sabiex jintlaħaq l-iskop intiż.”

9

L-Artikolu 51 tal-UrhG, intitolat “Kwotazzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Ir-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku, għal finijiet ta’ kwotazzjoni, ta’ xogħol diġà ppubblikat huma permessi sa fejn il-portata tal-użu tkun iġġustifikata sabiex jintlaħaq l-iskop speċifiku intiż. Huwa permess b’mod partikolari:

1.

li jiġu inklużi xogħlijiet individwali, wara l-pubblikazzjoni tagħhom, f’xogħol xjentifiku awtonomu bil-għan li jiġi spjegat il-kontenut tiegħu;

2.

li jiġu ċċitati siltiet minn xogħol, wara l-pubblikazzjoni tiegħu, f’xogħol letterarju awtonomu;

3.

li jiġu ċċitati, f’xogħol mużikali awtonomu, siltiet iżolati minn xogħol mużikali diġà ppubblikat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

V. Beck kien, fil-mument meta l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, membru tal-Bundestag (il-Parlament Federali, il-Ġermanja) sa mill-1994. Huwa l-awtur ta’ manuskritt dwar il-politika kriminali fil-qasam ta’ reati sesswali fil-konfront ta’ minuri. Dan il-manuskritt kien is-suġġett ta’ pubblikazzjoni, taħt psewdonimu, bħala artiklu f’ġabra ppubblikata fl-1988. Fil-kuntest ta’ din il-pubblikazzjoni, l-editur emenda t-titolu tal-manuskritt u sentenza tiegħu tqassret. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 1988, l-awtur ressaq ilment quddiem l-editur u talbu, mingħajr suċċess, isemmi espliċitament dan il-fatt meta tiġi kkunsinnata din il-ġabra. Matul is-snin ta’ wara, V. Beck, li kien is-suġġett ta’ kritika fil-konfront tal-ideat espressi f’dan l-artiklu, wieġeb b’mod repetut li s-sens tal-manuskritt tiegħu kien ġie mibdul mill-editur tal-imsemmija ġabra. V. Beck iddistakka ruħu mill-kontenut tal-imsemmi artiklu minn tal-inqas mis-sena 1993.

11

Fl-2013, il-manuskritt ta’ V. Beck instab waqt li kienu qegħdin isiru riċerki f’arkivji u ġie ppreżentat lilu fis-17 ta’ Settembru 2013, fi żmien meta kien kandidat għall-elezzjonijiet leġiżlattivi fil-Ġermanja. L-għada, V. Beck qiegħed dan il-manuskritt għad-dispożizzjoni ta’ diversi uffiċċji editorjali ta’ ġurnali, bħala prova tal-fatt li dan il-manuskritt kien ġie emendat mill-editur għall-finijiet tal-pubblikazzjoni tal-artiklu inkwistjoni. Madankollu, huwa ma tax il-kunsens tiegħu għall-pubblikazzjoni ta’ dan il-manuskritt u ta’ dan l-artiklu minn dawn l-uffiċċji editorjali. Għall-kuntrarju, huwa ppubblikahom huwa stess fuq is-sit internet tiegħu stess, fejn għamel, fuq kull paġna, l-istqarrija “Niddistakka ruħi minn dan l-artiklu. Volker Beck”. Barra minn hekk, fuq il-paġni tal-artiklu ppubblikat fil-ġabra inkwistjoni kien hemm l-istqarrija li ġejja: “[Il-pubblikazzjoni ta’] dan it-test ma ġietx awtorizzata u dan it-test inbidel permezz ta’ redazzjoni libera tas-subintestatura u ta’ partijiet mit-test min-naħa tal-editur”.

12

Spiegel Online topera l-portal ta’ informazzjoni Spiegel Online fuq l-internet. Fl-20 ta’ Settembru 2013, hija ppubblikat artiklu li fih ġie sostnut li, għall-kuntrarju tal-istqarrijiet ta’ V. Beck, il-messaġġ ċentrali tal-manuskritt tiegħu ma kienx inbidel mill-editur u li għalhekk V. Beck kien qarraq bil-pubbliku matul diversi snin. Minbarra dan l-artiklu, il-verżjonijiet oriġinali tal-manuskritt u tal-artiklu ppubblikat fil-ġabra inkwistjoni kienu disponibbli sabiex jitniżżlu, permezz ta’ hyperlinks.

13

V. Beck ikkontesta, quddiem il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja), it-tqegħid għad-dispożizzjoni tat-testi sħaħ ta’ dan il-manuskritt u ta’ dan l-artiklu fuq is-sit internet ta’ Spiegel Online, li fil-fehma tiegħu jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Din il-qorti laqgħet it-talbiet ta’ V. Beck. Wara li tilfet l-appell tagħha, Spiegel Online ppreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

14

Din il-qorti tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tal-libertà ta’ informazzjoni u tal-libertà tal-istampa, ma hijiex ċara. Hija għandha dubju b’mod partikolari dwar jekk din id-dispożizzjoni tħallix marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward hija tosserva li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu direttiva tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu evalwati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tat-23 ta’ Mejju 1949 (BGBl 1949 I, p. 1), iżda għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni meta din id-direttiva ma tħalli lill-Istati Membri ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħha.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet [għad-drittijiet tal-awtur] stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29 jħallu marġni ta’ diskrezzjoni għat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali?

2)

B’liema mod għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fid-determinazzjoni tal-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet, previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, tad-dritt esklużiv tal-awturi għar-riproduzzjoni (Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29) u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29) tax-xogħlijiet tagħhom?

3)

Id-drittijiet fundamentali għal-libertà ta’ informazzjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali]) jew għal-libertà tal-istampa (Artikolu 11(2) tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali]) jistgħu jiġġustifikaw eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tal-awturi għar-riproduzzjoni (Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29) u għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż id-dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29) tax-xogħlijiet tagħhom, lil hinn mill-eċċezzjonijiet jew mil-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29?

4)

Għandu jitqies li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq il-portal tal-internet ta’ impriża tal-istampa ma jikkostitwixxix awtomatikament irrapportar ta’ ġrajjiet kurrenti li ma jeħtieġx awtorizzazzjoni fis-sens tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, peress li l-impriża tal-istampa kellha l-possibbiltà li titlob il-kunsens tal-awtur qabel it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u peress li hija setgħet raġonevolment tiġi mistennija tagħmel dan?

5)

Pubblikazzjoni għal finijiet ta’ kwotazzjonijiet skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 hija nieqsa jekk it-test tax-xogħlijiet ikkwotati jew partijiet minn dan ma jiġux inkorporati fit-test il-ġdid b’mod indiviżibbli, pereżempju permezz ta’ indentazzjonijiet jew permezz ta’ noti ta’ qiegħ il-paġna, iżda jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, permezz ta’ links, fil-forma ta’ fajls [Portable Document Format (PDF)] li jistgħu jiġu kkonsultati b’mod awtonomu maġenb it-test il-ġdid?

6)

Sabiex jiġi stabbilit mil-liema mument xogħol diġà tqiegħed b’mod legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, għandu wieħed jibbaża ruħu fuq il-kwistjoni dwar jekk dan ix-xogħol, fil-forma konkreta tiegħu, ġiex ippubblikat qabel bil-kunsens tal-awtur?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

16

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 14 ta’ din is-sentenza, l-ewwel domanda taqa’ fil-kuntest tal-applikazzjoni mill-qorti tar-rinviju, bil-għan li tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali, tar-regoli dwar ir-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti u dwar il-kwotazzjonijiet, previsti rispettivament fl-Artikoli 50 u 51 tal-UrhG, li jittrasponu l-Artikolu 5(3)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2001/29.

17

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tħallix lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħha, sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali), id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu direttiva tal-Unjoni ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu evalwati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mil-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja iżda għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni meta din id-direttiva ma tħalli lill-Istati Membri ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħha.

18

B’hekk, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu miżuri ta’ armonizzazzjoni sħiħa.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li huwa karatteristika essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jolqot l-effett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59).

20

Fir-rigward ta’ dan il-punt hemm lok li jiġi rrilevat li, peress li t-traspożizzjoni ta’ direttiva mill-Istati Membri taqa’ fi kwalunkwe każ fis-sitwazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fejn l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali previst fil-Karta għandu jintlaħaq meta ssir tali traspożizzjoni, irrispettivament mill-marġni ta’ diskrezzjoni li jkollhom l-Istati Membri fil-kuntest ta’ din it-traspożizzjoni.

21

B’dan premess, peress li, f’sitwazzjoni fejn l-azzjoni tal-Istati Membri ma tkunx iddeterminata kompletament mid-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni jew miżura nazzjonali timplimenta dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jibqa’ possibbli għall-awtoritajiet u għall-qrati nazzjonali li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bil-kundizzjoni li din l-applikazzjoni la tikkomprometti l-livell ta’ protezzjoni previst fil-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas ma tikkomprometti s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60, u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29).

22

B’hekk, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali jqisu li din l-applikazzjoni tiddependi mill-fatt, enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva “jħallu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali”, bil-kundizzjoni li dan il-fatt jinftiehem bħala li jirreferi għal-livell ta’ armonizzazzjoni mwettaq mill-imsemmija dispożizzjonijiet, u bil-kundizzjoni li tali applikazzjoni tkun possibbli biss sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħmlux armonizzazzjoni sħiħa.

23

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-għan tad-Direttiva 2001/29 huwa li tarmonizza biss ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, u li diversi dispożizzjonijiet tagħha juru, barra minn hekk, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 57).

24

Kif jirriżulta mill-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29, l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, lista ta’ eċċezzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

25

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ eċċezzjoni jew ta’ limitazzjoni partikolari prevista fl-Artikolu 5(2) jew (3) tad-Direttiva 2001/29 għandha tiġi evalwata każ b’każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 36; tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 16; kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 27; Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati) tal-14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punt 116), sa fejn il-livell ta’ armonizzazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni jiddependi, fil-fatt, mill-impatt tagħhom fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, kif imfakkar fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29.

26

Skont it-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet li huma previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw rispettivament “l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli” u l-“kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku”.

27

Kif jirriżulta mill-kontenut tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet ma jarmonizzawx b’mod sħiħ il-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet previsti minnhom.

28

Fil-fatt, minn naħa, mill-użu, fit-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, rispettivament tal-kliem “sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv” u “skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku” mfittex, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, fit-traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentawhom, marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv li jippermettilhom jibbilanċjaw l-interessi inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(3)(d) ta’ din id-direttiva jipprevedi biss, fir-rigward tal-każijiet li fihom tista’ ssir kwotazzjoni, lista b’eżempji ta’ tali każijiet, kif juri l-użu tal-kliem “għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni”.

29

Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa kkonfermat mix-xogħlijiet leġiżlattivi li twettqu qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29. B’hekk, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, tal-10 ta’ Diċembru 1997 (COM(97) 628 final), dwar il-limitazzjonijiet li attwalment jinsabu previsti, essenzjalment, fl-Artikolu 5(3)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2001/29, jirriżulta li, fid-dawl tal-importanza ekonomika limitata tagħhom, dawn il-limitazzjonijiet ma kellhomx ikunu s-suġġett ta’ trattament iddettaljat fl-imsemmija proposta, fejn huma fformulati biss kundizzjonijiet minimi għall-applikazzjoni tagħhom, u li d-definizzjoni ddettaljata tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet kellha titwettaq mill-Istati Membri, b’osservanza tal-limiti ġenerali stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.

30

Minkejja l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 huwa limitat minn diversi aspetti.

31

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-imsemmija eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi eżerċitat fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, li jimplika li l-Istati Membri ma humiex ħielsa, fil-każijiet kollha, li jiddeterminaw, b’mod mhux armonizzat, il-parametri kollha ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, EU:C:2003:68, punt 34; tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 104; u tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 16; Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati) tal-14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punt 122).

32

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimplimentaw eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-regoli armonizzati stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29 hija limitata b’mod strett mir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati) tal-14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punt 126).

33

B’mod partikolari, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 fil-każ biss li josservaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati) tal-14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma meħtieġa wkoll josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li minnu joħroġ li l-miżuri adottati għandhom ikunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 105106).

35

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 ma jistax jintuża b’mod li jiġu kompromessi l-għanijiet ta’ din id-direttiva marbuta, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 9 tagħha, mal-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi u mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 107, u tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 34; Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati) tal-14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

B’dan premess, fil-kuntest ta’ din l-implimentazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll iħarsu l-effett utli tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet stabbiliti b’dan il-mod u għandhom josservaw il-finalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 163, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 23), u dan sabiex jinżamm bilanċ ġust fil-qasam tad-drittijiet u tal-interessi bejn id-diversi kategoriji ta’ detenturi ta’ drittijiet kif ukoll bejnhom u l-utenti tal-oġġetti protetti, kif tiddikjara l-premessa 31 tal-imsemmija direttiva.

37

It-tielet nett, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 huwa limitat ukoll mill-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva, li jissuġġetta tali eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li dawn l-eċċezzjonijiet jew dawn il-limitazzjonijiet japplikaw biss f’ċerti każijiet speċjali, li ma jippreġudikawx l-isfruttament normali tax-xogħol, u li ma jikkawżawx dannu mhux ġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur (Opinjoni 3/15 (Trattat ta’ Marrakexx dwar l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati) tal-14 ta’ Frar 2017, EU:C:2017:114, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Ir-raba’ u fl-aħħar nett, kif tfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-prinċipji stabbiliti fil-Karta japplikaw għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta jittrasponu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 46, u tat-18 ta’ Ottubru 2018, Bastei Lübbe, C‑149/17, EU:C:2018:841, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie, C‑195/12, EU:C:2013:598, punti 4849 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li t-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkostitwixxux miżuri ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet previsti minnhom.

Fuq it-tielet domanda

40

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-libertà ta’ informazzjoni u l-libertà tal-istampa, stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta, jistgħux jiġġustifikaw, minbarra l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, deroga mid-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-awtur, previsti rispettivament fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva.

41

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li kemm mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(97) 628 final u kemm mill-premessa 32 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-lista tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti, kif enfasizzat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke, C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 34, u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 16).

42

Kif jirriżulta mill-premessi 3 u 31 tad-Direttiva 2001/29, l-armonizzazzjoni mwettqa permezz tagħha hija intiża li żżomm, u dan b’mod partikolari fl-ambjent elettroniku, bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fil-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali tagħhom, iggarantit mill-Artikolu 17(2) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ oġġetti protetti, b’mod partikolari tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tagħhom, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll tal-interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 41).

43

Issa, il-mekkaniżmi li jippermettu li jinstab bilanċ ġust bejn dawn id-diversi drittijiet u interessi huma stabbiliti fid-Direttiva 2001/29 stess, sa fejn tipprevedi, b’mod partikolari, minn naħa, fl-Artikoli 2 sa 4 tagħha, id-drittijiet esklużivi tad-detenturi ta’ drittijiet u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 5 tagħha, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet li jistgħu, jew anki għandhom, jiġu ttrasposti mill-Istati Membri, mekkaniżmi dawn li madankollu għandhom jissawru permezz ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva kif ukoll permezz tal-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li d-drittijiet fundamentali li issa jinsabu rrikonoxxuti fil-Karta, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom, huma ispirati mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew li aderixxew għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fit-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, li dwarhom għamlet domanda l-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat li dawn huma intiżi speċifikament li jipprivileġġaw l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-utenti ta’ oġġetti protetti u għal-libertà tal-istampa, eżerċizzju dan li għandu importanza partikolari sa fejn huwa protett bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali, meta mqabbel mal-interess tal-awtur li jkun jista’ joġġezzjona għall-użu tax-xogħol tiegħu, filwaqt li jiġi żgurat li dan l-awtur ikollu d-dritt li, bħala prinċipju, ismu jiġi indikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 135).

46

L-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li, kif ġie enfasizzat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, jeżiġi li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jiġu applikati biss f’ċerti każijiet speċjali li ma jippreġudikawx l-isfruttament normali tax-xogħol jew ta’ oġġett protett ieħor u li ma jikkawżawx dannu mhux ġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet, jikkontribwixxi wkoll għall-bilanċ ġust imfakkar fil-punti 36 u 42 ta’ din is-sentenza.

47

F’dan il-kuntest, jekk, minkejja r-rieda espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni, imfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, kull Stat Membru jitħalla jintroduċi derogi mid-drittijiet esklużivi tal-awtur, imsemmija fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29, minbarra l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, dan ikun ta’ theddida għall-effettività tal-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati mwettqa mill-imsemmija direttiva kif ukoll għall-għan ta’ ċertezza legali mfittex minnha (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 3435). Fil-fatt, mill-premessa 31 ta’ din l-istess direttiva jirriżulta espliċitament li d-differenzi li kienu jeżistu fil-livell tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet għal ċerti atti suġġetti għal restrizzjonijiet kellhom impatt negattiv dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, u għalhekk il-lista tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 hija intiża li tiżgura dan il-funzjonament tajjeb.

48

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 32 tal-istess direttiva, l-Istati Membri huma marbuta japplikaw dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet b’mod koerenti. Issa, ir-rekwiżit ta’ koerenza fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u ta’ dawn il-limitazzjonijiet ma jkunx jista’ jiġi żgurat jekk l-Istati Membri jkunu ħielsa li jipprevedu tali eċċezzjonijiet u limitazzjoni għajr dawk previsti espliċitament fid-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C‑572/13, EU:C:2015:750, punti 3839), u dan filwaqt li, mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 ma tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jestendu l-portata tal-imsemmija eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 27).

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-libertà ta’ informazzjoni u l-libertà tal-istampa, irrikonoxxuti fl-Artikolu 11 tal-Karta, ma jistgħux jiġġustifikaw, minbarra l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, deroga mid-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-awtur, previsti rispettivament fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tieni domanda

50

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandha twettaq bejn id-drittijiet esklużivi tal-awtur previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, minn naħa, u d-drittijiet tal-utenti ta’ oġġetti protetti previsti fid-dispożizzjonijiet derogatorji tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, min-naħa l-oħra, tistax titbiegħed minn interpretazzjoni restrittiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar favur interpretazzjoni tagħhom li tieħu inkunsiderazzjoni kompletament il-ħtieġa li tiġi osservata l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantita permezz tal-Artikolu 11 tal-Karta.

51

Kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, fit-traspożizzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

52

Sussegwentement, fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ din l-istess direttiva, iżda għandhom ukoll jevitaw interpretazzjoni tagħha li toħloq kunflitt mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, kif deċiż repetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 70; tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 46; u tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany, C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 34).

53

Huwa minnu li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, deroga minn regola ġenerali għandha, bħala prinċipju, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

54

Madankollu, minkejja li t-titolu formali tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 huwa “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, għandu jiġi osservat li tali eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jimplikaw huma stess drittijiet favur l-utenti ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Eugen Ulmer, C‑117/13, EU:C:2014:2196, punt 43). Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, dan l-artikolu għandu speċifikament l-għan li jiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi ta’ drittijiet, li huma stess huma s-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke, C‑301/15, EU:C:2016:878, punti 3031 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-interessi tal-utenti ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti oħra.

55

Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 għandha tippermetti, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li jitħares l-effett utli tagħhom u li tiġi osservata l-finalità tagħhom, rekwiżit dan li għandu importanza partikolari sa fejn dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet ikunu intiżi, bħalma huma dawk previsti fl-Artikolu 5(3)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2001/29, li jiggarantixxu l-osservanza ta’ libertajiet fundamentali.

56

F’dan il-kuntest, għandu, minn naħa, jingħad ukoll li huwa minnu li l-protezzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali hija rrikonoxxuta fl-Artikolu 17(2) tal-Karta. B’dan premess, bl-ebda mod ma jirriżulta, la minn din id-dispożizzjoni u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tali dritt huwa intanġibbli u li l-protezzjoni tiegħu għandha għalhekk tiġi żgurata b’mod assolut (sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended, C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 43; tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM, C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 41; u tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien, C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 61).

57

Min-naħa l-oħra, fil-punt 45 ta’ din is-sentenza tfakkar li l-Artikolu 5(3)(ċ) u (d) tad-Direttiva 2001/29 huwa intiż li jipprivileġġa l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-utenti ta’ oġġetti protetti u għal-libertà tal-istampa, li huwa ggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sa fejn il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinsabu fil-Karta u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47, u tas-26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 11 tal-Karta fih drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 10(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Buivids, C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex jitwettaq l-ibbilanċjar bejn id-drittijiet tal-awtur u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, din il-qorti enfasizzat, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tip ta’ “diskors” jew ta’ informazzjoni inkwistjoni huwa ta’ importanza partikolari, b’mod partikolari fil-kuntest tad-dibattitu politiku jew ta’ dibattitu li jolqot l-interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza, CE:ECHR:2013:0110JUD003676908, punt 39).

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandha twettaq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ikkonċernat, bejn id-drittijiet esklużivi tal-awtur previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, minn naħa, u d-drittijiet tal-utenti ta’ oġġetti protetti msemmija fid-dispożizzjonijiet derogatorji tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u tal-Artikolu 5(3)(d) ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra, għandha tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li, filwaqt li tosserva l-formulazzjoni tagħhom u filwaqt li tħares l-effett utli tagħhom, tkun kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

Fuq ir-raba’ domanda

60

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għall-każijiet li fihom ma jkunx raġonevolment possibbli li titressaq talba minn qabel sabiex jiġi awtorizzat l-użu ta’ xogħol protett għal finijiet ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti.

61

Kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, it-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva meta jkun involut l-użu ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti oħra għall-finijiet ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sa fejn dan ikun iġġustifikat mill-għan ta’ informazzjoni mfittex u bil-kundizzjoni li, sakemm dan ma jirriżultax impossibbli, jiġi indikat is-sors, inkluż l-isem tal-awtur.

62

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u kemm mill-prinċipju ta’ ugwaljanza joħroġ li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li, bħall-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29, ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, fil-formulazzjoni tiegħu, it-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 ma jinkludi ebda rekwiżit dwar il-kisba, qabel ir-riproduzzjoni jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol protett, tal-kunsens tad-detentur ta’ drittijiet.

64

Fil-fatt, bil-kundizzjoni li jiġi indikat is-sors u li dan ix-xogħol jintuża sa fejn ikun iġġustifikat mill-għan ta’ informazzjoni mfittex, l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fl-imsemmi każ teżiġi biss li dan l-użu jsir għall-finijiet ta’ “rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti”.

65

Fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni ta’ dawn il-kliem fid-Direttiva 2001/29, dawn għandhom jiġu interpretati konformement mat-tifsira normali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-formulazzjoni tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-azzjoni ta’ “rappurtaġġ”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, għandha tinftiehem bħala l-azzjoni li tingħata informazzjoni dwar ġrajjiet kurrenti. Għalkemm is-sempliċi tħabbir ta’ tali ġrajja ma jikkostitwixxix rappurtaġġ tagħha, il-kelma “rappurtaġġ”, fis-sens normali tagħha, ma tirrikjedix madankollu li l-utent iwettaq analiżi ddettaljata ta’ tali ġrajja.

67

Fit-tieni lok, ir-rappurtaġġ għandu jikkonċerna “grajja kurrenti”. F’dan ir-rigward, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li ġrajja kurrenti tkun ġrajja li, fil-mument li jsir ir-rappurtaġġ dwarha, tkun ta’ interess ta’ informazzjoni għall-pubbliku.

68

Fl-aħħar lok, it-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 jeżiġi li, sakemm dan ma jirriżultax impossibbli, jiġi indikat is-sors, inkluż l-isem tal-awtur tax-xogħol protett, u li l-użu inkwistjoni jsir biss “sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv” imfittex u, għaldaqstant, ikun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn dan isegwi li l-użu tax-xogħol protett ma għandux jaqbeż il-limiti ta’ dak li jkun neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ informazzjoni mfittex.

69

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-pubblikazzjoni tal-verżjonijiet oriġinali tal-manuskritt u tal-artiklu ppubblikat fil-ġabra inkwistjoni, fl-intier tagħhom u mingħajr l-istqarrijiet ta’ distakkament ta’ V. Beck fil-konfront tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, kinitx neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan ta’ informazzjoni mfittex.

70

It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni tinsab fil-kuntest tax-xandir ta’ informazzjoni permezz ta’ mezzi tal-informazzjoni sabiex jiġi ssodisfatt l-interess ta’ informazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-ġrajjiet kurrenti, kif jirriżulta b’mod partikolari, minn naħa, mill-kliem użati f’din id-dispożizzjoni, fejn l-ewwel każ imsemmi fiha jirreferi speċifikament għal riproduzzjonijiet mill-istampa kif ukoll għall-pubblikazzjoni ta’ artikli dwar temi kurrenti u, min-naħa l-oħra, mil-limiti stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-użu tax-xogħol jew tal-oġġett protett inkwistjoni, li għandu jsir biss “sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv” imfittex.

71

Issa, bħala regola ġenerali u b’mod partikolari fil-kuntest tas-soċjetà tal-informazzjoni, il-fatt li sseħħ ġrajja kurrenti jeħtieġ li l-informazzjoni dwar din il-ġrajja tkun tista’ tiġi kkomunikata malajr, b’tali mod li huwa diffiċli li dan jiġi kkonċiljat ma’ rekwiżit li jinkiseb minn qabel il-kunsens tal-awtur, li jista’ jagħmel eċċessivament diffiċli, jekk mhux ukoll jipprekludi, l-għoti lill-pubbliku ta’ informazzjoni rilevanti fi żmien adegwat.

72

It-tielet nett, fir-rigward tal-ħarsien tal-effett utli tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni prevista fit-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29, għandu jitfakkar li l-finalità tagħha hija li tikkontribwixxi għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ informazzjoni u tal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni, iggarantiti mill-Artikolu 11 tal-Karta, u li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li l-missjoni tal-istampa, f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt, tiġġustifika li din tkun tista’ tinforma lill-pubbliku mingħajr ebda restrizzjoni għajr dawk strettament neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 113).

73

Issa, jekk l-utent ta’ xogħol protett ikun meħtieġ jitlob l-awtorizzazzjoni tad-detentur ta’ drittijiet meta dan ikun raġonevolment possibbli, dan iwassal sabiex jiġi injorat il-fatt li l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni prevista fit-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandha tippermetti, jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha, l-użu ta’ xogħol protett fl-assenza ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni mid-detentur ta’ drittijiet.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li t-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għall-każijiet li fihom ma jkunx raġonevolment possibbli li titressaq talba minn qabel sabiex jiġi awtorizzat l-użu ta’ xogħol protett għal finijiet ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti.

Fuq il-ħames domanda

75

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri r-riferiment, permezz ta’ hyperlink, għal fajl li jista’ jiġi kkonsultat b’mod awtonomu.

76

Skont l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku previsti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva meta jkunu involuti kwotazzjonijiet magħmula, pereżempju, għal skopijiet ta’ kritika jew ta’ riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew ma’ oġġett protett ieħor li jkun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kemm-il darba, sakemm dan ma jirriżultax impossibbli, jiġi indikat is-sors, inkluż l-isem tal-awtur, u kemm-il darba dawn il-kwotazzjonijiet isiru konformement ma’ prattika aċċettata u sa fejn ikun iġġustifikat mill-għan imfittex.

77

Fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, fid-Direttiva 2001/29, tal-kelma “kwotazzjoni”, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ din il-kelma għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, konformement mat-tifsira normali tagħha fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih tintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha.

78

Fir-rigward tat-tifsira normali tal-kelma “kwotazzjoni” fil-lingwa ta’ kuljum, għandu jiġi osservat li l-karatteristiċi essenzjali tal-kwotazzjoni huma l-użu, minn utent li ma jkunx l-awtur tiegħu, ta’ xogħol jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ silta minn xogħol bil-għan li tiġi spjegata idea, li tiġi difiża opinjoni jew inkella li ssir konfrontazzjoni intellettwali bejn dan ix-xogħol u l-ideat tal-imsemmi utent. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kwistjoni ta’ jekk il-kwotazzjoni ssirx fil-kuntest ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur jew, għall-kuntrarju, ta’ oġġett mhux protett minn tali drittijiet, ma hijiex rilevanti (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 136).

79

Kif enfasizza essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-utent ta’ xogħol protett li jkollu l-intenzjoni jinvoka l-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni għandu għalhekk neċessarjament jistabbilixxi rabta diretta u mill-qrib bejn ix-xogħol ikkwotat u r-riflessjonijiet proprji tiegħu u għandu b’hekk jippermetti tali konfrontazzjoni intellettwali max-xogħol ta’ ħaddieħor, u dan sa fejn l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 jispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-kwotazzjoni għandha b’mod partikolari tkun intiża li tippermetti l-kritika jew ir-riċensjoni. Minn dan isegwi wkoll li l-użu tax-xogħol ikkwotat għandu jkun ta’ natura aċċessorja fil-konfront tal-ideat tal-imsemmi utent, u, barra minn hekk, il-kwotazzjoni ta’ xogħol protett ma tistax, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, tkun ta’ portata tali li tippreġudika l-isfruttament normali tax-xogħol jew ta’ oġġett protett ieħor jew li tikkawża dannu mhux iġġustifikat għall-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.

80

B’dan premess, la l-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 u lanqas il-kunċett ta’ “kwotazzjoni”, kif deskritt fil-punti 78 u 79 ta’ din is-sentenza, ma jeħtieġu li x-xogħol ikkwotat ikun inkluż b’mod li ma jistax jiġi sseparat, pereżempju permezz ta’ indentazzjonijiet jew permezz ta’ riproduzzjonijiet f’noti ta’ qiegħ il-paġna, fl-oġġett li jikkwotah, peress li tali kwotazzjoni tista’ tirriżulta b’dan il-mod mill-inklużjoni ta’ hyperlink lejn dan ix-xogħol.

81

Tali possibbiltà hija konformi mal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn id-Direttiva 2001/29 tikkonċerna speċifikament il-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-awtur fil-kuntest tas-suq intern, b’importanza partikolari mogħtija, kif ifakkar l-Artikolu 1(1) tagħha, lis-soċjetà tal-informazzjoni. Issa, kif enfasizzat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-hyperlinks jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-internet, li għandu importanza partikolari għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll għall-iskambju ta’ opinjonijiet u ta’ informazzjoni f’dan in-netwerk ikkaratterizzat mid-disponibbiltà ta’ volum ta’ informazzjoni li ma jistax jiġi kkwantifikat (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 45, u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 40).

82

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma hijiex imdgħajfa mill-għan imfittex permezz tal-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni, prevista fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, hija intiża li jinstab bilanċ ġust bejn id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni tal-utenti ta’ xogħol jew ta’ oġġett protett ieħor u d-dritt ta’ riproduzzjoni mogħti lill-awturi, kif ukoll li tipprekludi li d-dritt ta’ riproduzzjoni esklużiv mogħti lill-awturi jostakola li, permezz tal-kwotazzjoni, siltiet minn xogħol diġà disponibbli għall-pubbliku jkunu jistgħu jiġu ppubblikati u suġġetti għal kummenti jew kritika (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punti 120134).

83

Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, u peress li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-manuskritt u l-artiklu ta’ V. Beck kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet, permezz ta’ hyperlinks, bħala fajls li setgħu jiġu kkonsultati b’mod awtonomu, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 jeħtieġ, għall-applikazzjoni tiegħu, kif tfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, li l-użu inkwistjoni jitwettaq “skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku” mfittex, b’tali mod li l-użu ta’ dan il-manuskritt u ta’ dan l-artiklu għal finijiet ta’ kwotazzjonijiet ma għandux imur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-kwotazzjoni inkwistjoni.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri r-riferiment, permezz ta’ hyperlink, għal fajl li jista’ jiġi kkonsultat b’mod awtonomu.

Fuq is-sitt domanda

85

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li xogħol ikun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku meta dan ix-xogħol, fil-forma konkreta tiegħu, ikun ġie ppubblikat qabel bil-kunsens tal-awtur.

86

Kif jirriżulta mill-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, l-eċċezzjoni ta’ kwotazzjoni tapplika biss bil-kundizzjoni li l-kwotazzjoni inkwistjoni tikkonċerna xogħol li jkun tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

87

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-espressjoni “xogħol imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”, fil-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, għandha tinftiehem bħala l-fatt li wieħed jagħmel dan ix-xogħol aċċessibbli għall-pubbliku, billi din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mhux biss bl-espressjoni “made available to the public” iżda wkoll bl-espressjoni “der Öffentlichkeit zugänglich gemacht” użati mingħajr distinzjoni fil-verżjoni Ingliża u dik Ġermaniża ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 128).

88

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk xogħol ikunx diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku “legalment”, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, kemm-il darba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, ikunu legali biss il-kwotazzjonijiet meħuda minn xogħol li jkun diġà magħmul legalment aċċessibbli għall-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 127).

89

B’hekk, għandu jitqies li xogħol, jew parti minn xogħol, ikun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jekk ikun magħmul aċċessibbli għall-pubbliku bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet jew bis-saħħa ta’ liċenzja mhux volontarja jew inkella bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni legali.

90

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk ix-xogħol ta’ V. Beck jistax jitqies li kien diġà tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod legali fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-manuskritt tiegħu, fl-1988, bħala artiklu f’ġabra, fid-dawl tal-fatt li dan il-manuskritt kien suġġett, qabel il-pubblikazzjoni tiegħu, għal emendi żgħar min-naħa tal-editur ta’ din il-ġabra. Hija għandha dubju dwar jekk tali tqegħid legali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku seħħx permezz tal-pubblikazzjoni, minn V. Beck, ta’ dawn id-dokumenti, flimkien ma’ stqarrijiet ta’ distakkament, fuq is-sit internet tiegħu stess.

91

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk xogħol tqegħidx għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod legali, fid-dawl tal-każ konkret li jkollha quddiemha u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 28).

92

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha, fil-kawża prinċipali, tivverifika jekk, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni inizjali tal-manuskritt ta’ V. Beck bħala artiklu f’ġabra, l-editur kellux, kuntrattwalment jew b’mod ieħor, id-dritt li jagħmel il-bidliet editorjali inkwistjoni. Jekk l-editur ma kellux tali dritt, ikollu jitqies li, fl-assenza tal-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, ix-xogħol, kif ippubblikat fl-imsemmija ġabra, ma kienx tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’mod legali.

93

B’dan premess, jidher li l-manuskritt u l-artiklu ta’ V. Beck kienu sussegwentement is-suġġett ta’ pubblikazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur stess, fuq is-sit internet tiegħu stess. Il-qorti tar-rinviju tosserva, madankollu, li l-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti fuq is-sit internet ta’ V. Beck saret flimkien ma’ distakkament min-naħa tiegħu fir-rigward tal-kontenut tal-imsemmija dokumenti li kien espress permezz ta’ stqarrija magħmula fuq kull paġna tal-imsemmija dokumenti. B’hekk, fl-okkażjoni ta’ din il-pubblikazzjoni, dawn l-istess dokumenti kienu tqiegħdu legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biss sa fejn kellhom l-imsemmija stqarrijiet ta’ distakkament.

94

Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet diġà mfakkra fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-pubblikazzjoni tal-verżjonijiet oriġinali tal-manuskritt u tal-artiklu ppubblikat fil-ġabra inkwistjoni, mingħajr l-istqarrijiet ta’ distakkament ta’ V. Beck fil-konfront tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, kinitx konformi mal-prattika aċċettata u jekk kinitx iġġustifikata mill-għan imfittex mill-kwotazzjoni inkwistjoni.

95

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda hija li l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li xogħol ikun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku meta dan ix-xogħol, fil-forma konkreta tiegħu, ikun magħmul aċċessibbli għall-pubbliku minn qabel bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet jew bis-saħħa ta’ liċenzja mhux volontarja jew inkella bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni legali.

Fuq l-ispejjeż

96

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jikkostitwixxux miżuri ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-portata tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet previsti minnhom.

 

2)

Il-libertà ta’ informazzjoni u l-libertà tal-istampa, irrikonoxxuti fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jiġġustifikaw, minbarra l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, deroga mid-drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-awtur, previsti rispettivament fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

 

3)

Il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandha twettaq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ikkonċernat, bejn id-drittijiet esklużivi tal-awtur previsti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, minn naħa, u d-drittijiet tal-utenti ta’ oġġetti protetti msemmija fid-dispożizzjonijiet derogatorji tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) u tal-Artikolu 5(3)(d) ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra, għandha tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li, filwaqt li tosserva l-formulazzjoni tagħhom u filwaqt li tħares l-effett utli tagħhom, tkun kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

 

4)

It-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tillimita l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew tal-limitazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għall-każijiet li fihom ma jkunx raġonevolment possibbli li titressaq talba minn qabel sabiex jiġi awtorizzat l-użu ta’ xogħol protett għal finijiet ta’ rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti.

 

5)

L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwotazzjonijiet”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri r-riferiment, permezz ta’ hyperlink, għal fajl li jista’ jiġi kkonsultat b’mod awtonomu.

 

6)

L-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li xogħol ikun diġà tqiegħed legalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku meta dan ix-xogħol, fil-forma konkreta tiegħu, ikun magħmul aċċessibbli għall-pubbliku minn qabel bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet jew bis-saħħa ta’ liċenzja mhux volontarja jew inkella bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni legali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.