SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

10 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi Doganali – Dikjarazzjoni doganali – Indikazzjoni żbaljata tas-subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda – Avviż ta’ irkupru – Artikolu 78 ta’ dan il-kodiċi – Reviżjoni tad-dikjarazzjoni – Emenda tal-valur tal-merkanzija – Artikolu 221 tal-imsemmi kodiċi – Terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għad-dritt ta’ rkupru tad-dejn doganali – Interruzzjoni”

Fil-Kawża C‑249/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ April 2018, fil-proċedura

Staatsecretaris van Financiën

vs

CEVA Freight Holland BV

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, M. J. Malenovský u L. S. Rossi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CEVA Freight Holland BV, minn B. J. B. Boersma, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels, F. Clotuche-Duvieusart u M. Kocjan, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 78 u 221 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92(KEE) tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2

Dik it-talba saret fil-kuntrest ta’ kawża bejn l-sStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u CEVA Freight Holland BV (iktar ’il quddiem “CTEVA Freight”) dwar il-legalità ta’ ċerti stediniet għall-ħlas ta’ dazji doganali indirizzati lil din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

3

Ir-Regolament Nru 2913/92 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU 2008, L 145, p. 1). Madankollu, skont l-Artikolu 188 ta’ dan l-aħħar regolament, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet segwenti, dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din it-tilwima tibqa’ rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali.

4

L-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali kien jipprevedi li:

“Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità […]”

5

L-Artikolu 65 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“Id-dikjarazzjoni għandha, fuq talba tiegħu, tkun awtorizzata sabiex temenda waħda jew aktar mid-dettalji tad-dikjarazzjoni wara li tkun ġiet aċċettata mid-dwana. L-emenda m’għandux ikollha l-effett li tirrendi d-dikjarazzjoni applikabbli għal merkanzija ħlief dik li oriġinarjament kienet tkopri.

Iżda, ebda emenda m’għandha tiġi permessa meta l-awtorizzazzjoni tintbagħat wara li l-awtoritajiet doganali:

(a)

ikunu informaw lil min għamel id-dikjarazzjoni li bi ħsiebhom jeżaminaw il-merkanzija; jew,

(b)

ikunu stabbilew li d-dettalji konċernati m’humiex korretti; jew,

(ċ)

ikunu ħelsu [rrilaxxaw] l-merkanzija.”

6

L-Artikolu 76(1) tal-imsemmi kodiċi ppreveda:

“Sabiex jiġi simplifikat sa fejn hu possibbli l-kompletar ta’ formalitajiet u proċeduri u fl-istess ħin jiġi żgurat li operazzjonijiet jitmexxew b’mod korrett, l-awtoritajiet doganali għandhom, taħt kondizzjonijiet stipulati skont il-proċedura tal-kumitat, jagħtu permess sabiex:

[…]

(ċ)

Il-merkanzija li trid tiddaħħal għall-proċedura konċernata permezz ta’ daħla fil-kotba; f’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw għall-ħtieġa li min jagħmel id-dikjarazzjoni jippreżenta l-merkanzija lid-dwana.

[…]”

7

L-Artikolu 78 tal-istess kodiċi kien jipprevedi li:

“1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien [rilaxx] tal-merkanzija.

[…]

3.   Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

8

L-Artikolu 201(2) tal-Kodiċi Doganali kien redatt kif ġej:

“Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali konċernata.”

9

L-Artikolu 221(1) u (3) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“1.   Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skont il-proċeduri li jkunu xierqa.

2.   Fejn l-ammont ta’ dazju li għandu jitħallas ikun iddaħħal, bħala gwida, fid-dikjarazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jispeċifikaw li m’għandux jiġi kkomunikat skond il-paragrafu 1 sakemm l-ammont ta’ dazju indikat ma jikkorrispondix ma’ l-ammont stabbilit mill-awtoritajiet.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 218(1), fejn isir użu mill-possibbiltà li hemm provdut dwarha fil-paragrafu preċedenti, il-ħelsien tal-merkanziji mill-awtoritajiet doganali għandu jkun ekwivalenti għall-komunikazzjoni lid-debitur ta’ l-ammont ta’ dazju mdaħħal fil-kontijiet.

3.   Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq id-dejn mad-dwana. Dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi sospiż mal-waqt tad-depożitu ta’ appell fit-tifsira ta’ l-Artikolu 243, għal matul il-proċedimenti ta’ l-appell.”

10

L-Artikolu 147 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament 1762/95, tad‑19 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 5, p. 422, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), kien jistipula fil-paragrafu 1:

“Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [doganali], il-fatt li l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ bejgħ hija dikjarati għal ċirkulazzjoni libera għandu jitqies bħala indikazzjoni adegwata li nbiegħet għal esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità. Fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv qabel l-istima, l-aħħar bejgħ biss, li wassal għall-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, jew bejgħ li sar fit-territorju doganali tal-Komunità qabel id-dhul għal ċirkolazzjoni ħielsa tal-merkanzija għandu jikkostitwixxi dik l-indikazzjoni.

Meta prezz ikun dikjarat li jirrelata għall-bejgħ li jsir qabel l-aħħar bejgħ li abbażi tiegħu l-merkanzija kienet introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità, għandu jintwera għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet doganali li dan il-bejgħ seħħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali in kwistjoni.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 178 sa 181a għandhom japplikaw.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fil-kapaċità tiegħu bħala Kummissarju Doganali, CEVA Freight tagħmel, fuq talba tal-importaturi, dikjarazzjonijiet għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera b’mod issimplifikat, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 76(1)(ċ) tal-Kodiċi Doganali.

12

Bejn l‑1 ta’ Marzu u l‑31 ta’ Ottubru 2010 inkluż, CEVA Freight għamlet tali dikjarazzjonijiet għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta’ mudelli diversi ta’ media player. Għal dan il-għan, hija kklassifikat dawn il-players taħt is-subintestaturi tariffarji 84717050 u 85176200 tan-Nomenklatura Magħquda, li kkorrispondu għal rata ta’ dazju doganali ta’ 0 %. L-awtoritajiet doganali rrilaxxaw l-imsemmija players mingħajr ma imponew dazji doganali fuq l-importazzjoni.

13

Fl-2011, wara kontroll ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, l-ispettur doganali qies li l-media players inkwistjoni kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura tariffarja 85219000 tan-Nomenklatura Magħquda, li kienet tikkorrispondi għal rata ta’ dazju doganali ta’ 13.9 %.

14

Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Frar 2013, dan l-ispettur innotifika lil CEVA Freight bl-intenzjoni tiegħu li jirkupra d-dazji doganali. Fil-kuntest ta’ dan l-irkupru, huwa stabbilixxa l-valur doganali tal-medias players fuq il-bażi tal-prezz mitlub minn CEVA Freight, jiġifieri l-prezz li bih l-importaturi biegħu l-media players.

15

Fis‑27 ta’ Frar 2013, fit-tweġiba tagħha lill-ispettur doganali, CEVA Freight talbet, abbażi tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, ir-reviżjoni tal-valur doganali, fejn talbet li dan jiġi kkalkulat abbażi tal-iktar prezz baxx li l-manifattur tal-media players, stabbilit fl-Asja, kien talab lill-importaturi, peress li dan il-prezz seta’ wkoll jintuża sabiex jiġi kkalkulat il-valur doganali.

16

Dan l-ispettur ħareġ avviż wieħed tat-taxxa datat t‑28 ta’ Frar 2013, fejn kienu inklużi l-istediniet għall-ħlas dwar id-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni inkwistjoni. Dan l-avviż wasal għand CREVA Freight fl‑4 ta’ Marzu 2013.

17

CEVA Freight għaldaqstant ressqet ilment kontra l-imsemmija stediniet għall-ħlas, li permezz tiegħu tenniet it-talba tagħha għal reviżjoni.

18

Peress li l-ispettur doganali essenzjalment ċaħad din it-talba, CEVA Freight ippreżentat rikors quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li, permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Frar 2016, ordnatlu jiddeċiedi mill-ġdid dwar it-talba għal reviżjoni. Is-Segretarju tal-Istat għaldaqstant ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi).

19

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li ma huwiex ikkontestat li, fid-data meta għamlet id-dikjarazzjonijiet doganali tagħha, CEVA Freight ma kellha l-ebda dubju dwar l-interpretazzjoni korretta jew l-applikabbiltà korretta tal-Artikolu 147(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. Hija indikat li din il-kumpannija kienet qieset madankollu li, peress li l-media players setgħu jiġu importati b’eżenzjoni mid-dazji doganali kollha, l-indikazzjoni tal-ammont tal-prezz tagħhom ma kellha l-ebda impatt. Dik il-qorti tindika li s-Segretarju tal-Istat jsostni quddiemha li, sabiex issir ir-reviżjoni ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, huwa irrilevanti jekk id-dikjarant ikunx wettaq żball jew le. In-natura “ineżatta” jew “inkompleta” tal-elementi li jinsabu fid-dikjarazzjoni jippermettilhom li ssir ir-reviżjoni ta’ din tal-aħħar.

20

Skont l-imsemmija qorti, huwa ċertament possibbli li jitqies li, fl-assenza ta’ kwalunkwe ineżattezza fl-informazzjoni li jkun hemm fid-dikjarazzjoni, id-dikjarant huwa marbut bl-informazzjoni li jkun iddikjara u jrid iqis il-fatt li din l-informazzjoni għandha tkun tista’ tintuża mingħajr riżerva mill-awtoritajiet doganali, inkluża waqt il-verifika tal-ammont tad-dejn doganali. Madankollu, la d-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Kodiċi Doganali jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni relatati mal-valur doganali u lanqas l-għan ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ma jipprekludu lid-dikjarant, wara l-aċċettazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali, li jipprovdi informazzjoni komplimentari oħra sabiex jiddetermina l-valur doganali tal-merkanzija kkonċernata. F’dan l-aħħar każ, il-qorti tar-rinviju tispjega li, fiċ-ċirkustanzi ta’ tilwima bħal dik pendenti quddiemha, l-amministrazzjoni tat-taxxa tkun obbligata tnaqqas il-valur doganali tal-merkanzija irrispettivament mill-assenza ta’ żball mid-dikjarant.

21

Barra minn hekk, CEVA Freight, li ressqet appell inċidentali ssostni b’mod partikolari li l-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) kisret l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali meta qieset li l-avviż tat-taxxa ma kienx tardiv għar-raġuni li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’dik id-dispożizzjoni, għandha titqies id-data meta ntbagħat l-avviż tat-taxxa, kif previst mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali, u mhux id-data li fiha d-debitur jirċievi l-avviż. Għalhekk, tqum il-mistoqsija dwar jekk il-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 221(3) ta’ dak il-kodiċi, li skontha l-komunikazzjoni lid-debitur għandha ssir f’terminu ta’ tliet snin mit-tnissil tad-dejn doganali, hijiex issodisfatta fejn dik il-komunikazzjoni ma tkunx waslet għand id-debitur qabel ma jiskadi dan it-terminu.

22

Il-qorti tar-rinviju tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-proċeduri ta’ kommikazzjoni li jaqgħu fl-Artikolu 221(1) tal-imsemmi kodiċi jaqgħu fl-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru. Hija tistaqsi jekk humiex għaldaqstant l-Istati Membri li għandhom jiddterminaw id-data meta l-komunikazzjoni lid-debitur titqies li tkun saret jew jekk il-proċeduri għad-determinazzjoni ta’ dik id-data jaqgħux fid-dritt tal-Unjoni. F’każ bħal dan, il-qorti tar-rinviju tkompli tistaqsi jekk hijiex id-data ta’ meta tintbagħat jew id-data ta’ meta tiġi riċevuta dik il-komunikazzjoni li għandha titqies għal dik il-komunikazzjoni.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“1)

L-Artikolu 78 ta’ [l-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ teħid inkunsiderazzjoni a posteriori u abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 147(1) tal-[Regolament ta’ Implimentazzjoni], dikjarant jista’ jagħżel prezz ieħor ta’ tranżazzjoni, inqas għoli, għal merkanzija importata, sabiex jikseb tnaqqis fid-dejn doganali?

2)

a)

Id-determinazzjoni tal-mument li fih seħħet il-komunikazzjoni lid-debitur, għall-finijiet tal-applikazzjoni Artikolu 221(3) [tal-Kodiċi Doganali], hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tat-tieni domanda, l-Artikolu 221(3) [tal-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni lid-debitur li tirreferi għaliha din id-dispożizzjoni għandha tkun ġiet irċevuta minn dan tal-aħħar fit-terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mit-tnissil tad-dejn doganali, jew huwa biżżejjed li din il-komunikazzjoni tkun intbagħtet lid-debitur qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel mistoqsija tagħha, il-qorti nazzjonali għandha l-għan essenzjalment li taċċerta jekk l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta d-dikjarant ikollu d-dritt li jagħżel il-prezz ta’ merkanzija mibjugħa għall-esportazzjoni lejn it-territorju tal-Unjoni li jista’ jintuża bħala l-bażi ta’ valutazzjoni għad-determinazzjoni tal-valur doganali tiegħu, huwa jista’ jitlob, abbażi ta’ dan l-Artikolu 78, ir-reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali li jkun fassal bil-għan li jikseb is-sostituzzjoni tal-prezz inizjalment indikat ta’ prezz ta’ tranżazzjoni iktar baxx sabiex jitnaqqas l-ammont tad-dejn doganali tiegħu.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 29 ta’ Kodiċi Doganali kif ukoll mill-Artikolu 147 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv ta’ merkanzija għall-importazzjoni tagħħa lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, l-importatur huwa liberu li jagħżel, fost il-prezzijiet miftehma għal kull waħda minn dawn il-bejgħ, dak li għandu jittieħed bħala bażi mal-bejgħ għad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni, sakemm ikun possibli li jipprovdi, fir-rigward tal-prezz li jagħżel, l-elementi u d-dokumenti kollha neċessarji lill-awtoritajiet doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati, C‑263/06, EU:C:2008:128, punti 27 sa 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 65 ta’ dan il-kodiċi, il-dikjarant ikun, fuq talba tiegħu, awtorizzat sabiex jemenda waħda jew iktar mill-elementi tad-dikjarazzjoni wara li tkun ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali. Minn dan isegwi li d-dikjarant jista’, b’mod partikolari, imur lura fuq il-prezz li huwa għażel bħala l-bażi sabiex jiddetermina l-valur doganali tal-merkanzija kkonċernata.

27

Huwa minnu li, kif tfakkar il-Kummissjoni, fir-rigward tal-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/695/KEE tal‑24 ta’ Lulju 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għar-rilaxx ta’ merkanzija għal ċirkolazzjoni libera (ĠU 1979, L 205, p. 19), dispożizzjoni fis-sustanza identika għat-tieni paragrafu (c) tal-Artikolu 65tal-Kodiċi Doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li, jekk l-importatur irrefera għal wieħed mill-prezzijiet li jista’ jittieħed bħala l-bażi għad-determinazzjoni tal-valur doganali, ma jistax jemenda l-imsemmija dikjarazzjoni wara li l-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata għal ċirkolazzjoni libera (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 1990, Unifert, C‑11/89, EU:C:1990:237, punt 21).

28

Madankollu, għalkemm, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali fl-1 ta’ Jannar 1994, dikjarant ġie pprojbit milli jikkoreġi d-dikjarazzjoni tiegħu wara r-rilaxx tal-merkanzija, l-Artikolu 78 ta’ dak il-kodiċi madankollu espressament introduċa, minn dik id-data, il-possibbiltà ta’ reviżjoni mill-awtoritajiet doganali ta’ dikjarazzjoni doganali fuq talba tad-dikjarant ippreżentata wara r-rilaxx tal-merkanzija (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punti 61 u 62).

29

B’hekk, l-Artikoli 65 u 78 tal-Kodiċi Doganali issa jipprevedu żewġ sistemi differenti li japplikaw, rispettivament, qabel u wara r-rilaxx tal-merkanzija, għall-emendi li jistgħu jsiru lill-elementi kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-valur doganali u b’konsegwenza għad-dazji fuq l-importazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 64).

30

Minn naħa, dan l-Artikolu 65 jippermnetti l-korrezzjoni unilaterali tad-dikjarazzjoni doganali mid-dikjarant stess, sakemm ma tkunx ġiet irrilaxxata l-merkanzija. Dan id-dritt jispjega ruħu minħabba li, sakemm ikun hemm il-ħelsien tal-merkanzija, l-eżattezza tal-korrezzjoni tista’ jekk neċessarju tiġi vverifikata mill-awtoritajiet doganali permezz ta’ kontroll fiżiku tal-merkanzija. Barra min hekk, il-korrezzjoni tista’ issir, jekk jkun il-każ, sakemm l-ammont tad-dazji ma jkunx għadu ġie ddeterminat mill-awtoritajiet doganali (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 65).

31

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi proċeduri iktar stretta. Dan l-artikolu japplika wara li tiġi rrilixxata l-merkanzija, f’mument meta l-preżentazzjoni ta’ din tal-aħħar tista’ tkun impossibbli u fejn id-dazji fuq l-importazzjoni jkunu ġew diġà kkalkulati. B’hekk iħalli f’idejn l-awtoritajiet doganali sabiex jagħmlu l-verifiki mitluba mid-dikjarant u tissuġġetta tali reviżjoni għall-evalwazzjoni tagħhom għal dak li jirrigwarda l-prinċipju kif ukoll ir-riżultat tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 66).

32

Issa, l-Artikolu 78(2) ta’ dan il-kodiċi ma jagħmilx distinzjoni bejn żbalji u ommissjonijiet li jkunu jistgħu jiġu kkoreġuti u oħrajn li ma jistgħux jiġu kkoreġuti. Il-kliem “informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa” li jinsabu f’dik id-dispożizzjoni għandhom jiġu interpretat li jkopru kemm żbalji jew ommissjonijiet materjali kif ukoll żbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 63).

33

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dikjarazzjonijiet magħmula minn CEVA Freight fihomx informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa fir-rigward tal-prezz tal-merkanzija li għandu jittieħed bħala bażi sabiex jiġi stabbilit il-valur doganali ta’ din tal-aħħar.

34

Mill-proċess li ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prezz iddikjarat minn CEVA Freight kien jikkorrispondi għall-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija mitlub mill-kumpanniji li f’isimhom Freight CVA Freight kienet għamlet dawn id-dikjarazzjonijiet, li dan l-prezz kien, għaldaqstant, materjalment korrett u li, bit-talba tagħha, CVA Freight ma kellha l-ebda intenzjoni li tikkoreġih.

35

Madankollu, jirriżulta wkoll li CEVA Freight, billi tindika, fid-dikjarazzjonijiet tagħha, li l-merkanzija kkonċernata kellha tiġi kklassifikata taħt subintestatura tariffarja żbaljata, għamlet żball fl-interpretazzjoni tad-dritt applikabbli.

36

Tali żball manifestament kelli konsegwenzi duq l-għażla tal-valur tat-tranżazzjoni ta’ din il-merkanzija, jiġifieri l-prezz attwalment imħallas jew dak li għandu jitħallas għall-merkanzija meta mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, li jista’ jintuża bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur doganali tagħhom, konformement mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali u mal-Artikolu 147 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

37

Fil-fatt, fid-data ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet, CVA Freight qieset, b’mod żbaljat, li l-merkanzija kkonċernata kellha tiġi kklassifikata f’subintestatura tariffarja li għaliha kien previst dazju doganali ta’ 0 % u li għalhekk il-valur tat-tranżazzjoni ta’ din il-merkanzija ma kellu l-ebda effett fuq l-ammont tad-dejn doganali tagħha. Konsegwentement, huwa fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni żbaljata tal-Kodiċi Doganali u, b’mod partikolari, tad-definizzjoni tas-subintestatura tariffarja rilevanti, li CEVA Freight indikat sussegwentement il-prezz li għandu jintalab għad-determinazzjoni tal-valur doganali. Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, kieku CVA Freight kienet, fid-data tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, interpretat b’mod korrett is-subintestatura applikabbli, li għaliha kien jikkorrispondi dazju doganali ta’ 13.9 %, kienet tkun iddikjarat valur ta’ tranżazzjoni iktar baxx bl-iskop li jitnaqqas l-ammont tad-dejn doganali tagħha.

38

Issa, sa fejn tali żball fl-interpretazzjoni tad-dritt applikabbli mid-dikjarant wasslu sabiex jindika, għall-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ bejgħ suċċessiv, l-ogħla valur tat-transazzjoni tagħha bħala bażi għad-determinazzjoni tal valur doganali, dak l-iżball ma jistax jitqies bħala l-eżerċizzju ta’ għażla, li hija ddefinita bħala volontarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 69).

39

Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-paragrafu 32 ta’ din is-sentenza, il-valur tat-tranżazzjoni indikat f’dikjarazzjoni doganali minn dikjarant bħal dak fil-kawża prinċipali huwa żbaljat fis-sens tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali li jintitola lill-awtoritajiet doganali sabiex jirrevedu dik id-dikjarazzjoni.

40

Fid-dawl tal-kunderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda trid tkun li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat li jfisser li, meta d-dikjarant ikollu d-dritt li jagħżel il-prezz ta’ merkanzija mibjugħa għall-esportazzjoni lejn it-territorju tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża bħala l-bażi ta’ valutazzjoni għad-determinazzjoni tal-valur doganali tagħhom, u li jirriżulta minn kontroll a posteriori li d-dikjarazzjoni doganali li għamel ikun fiha żball ta’ klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija kkonċernata li jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ dazju doganali ogħla, huwa jista’ jitlob, abbażi tal-Artikolu 78, ir-reviżjoni ta’ din id-dikjarazzjoni sabiex jikseb is-sostituzzjoni tal-prezz inizjalment indikat bi prezz ta’ tranżazzjoni iktar baxx sabiex jikseb it-tnaqqis tal-ammont tad-dejn doganali tiegħu.

Fuq it-tieni domanda

41

Skont it-tieni mistoqsija tagħha, il-qorti nazzjonali titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 221(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat bħala li jippermetti d-determinazzjoni tad-data li fiha l-komunikazzjoni lid-debitur tal-ammont ta’ dazji titqies li tkun saret sabiex tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin tad-dejn doganali u, fl-affermattiv, jekk għandhiex tkun id-data li fiha ntbagħtet il-komunikazzjoni mill-awtoritajiet doganali jew id-data tal-wasla ta’ din il-komunikazzjoni mid-debitur.

42

Sabiex tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali, l-ammont tad-dazji għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skont il-proċeduri li jkunu xierqa, malli jkun iddaħħal fil-kontijiet.

43

Il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jarmonizza, fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 221, it-terminu li fih l-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu l-imsemmija komunikazzjoni kif ukoll il-punt ta’ tluq ta’ dan it-terminu. Madankollu, ma speċifikax la l-proċeduri ta’ tali komunikazzjoni u lanqas id-data li fiha din tal-aħħar għandha ssir sabiex tinterrompi l-imsemmi terminu. Dan huwa spjegat bil-fatt li, u kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, ir-regola li tinsab fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tapplika biss għall-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazji dognali lid-debitur u l-implementazzjoni tagħha li hija l-obbligu, f’dan ir-rigward, tal-awtoritajiet doganali nazzjonali li huma kompetenti sabiex jagħmlu tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2003, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑156/00, EU:C:2003:149, punti 63 u 64, kif ukoll is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Deichmann, C‑256/16, EU:C:2018:187, punt 81).

44

B’hekk, sa fejn il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni ma tipprevedi ebda dipożizzjoni dwar il-kontenut tal-kunċett ta’ “proċeduri li jkunu xierqa” jew tat kompetenza lil entitajiet li ma humiex l-Istat Membri u l-awtoritajiet tagħhom sabiex jiddeterminaw l-imsemmija proċeduri, għandu jitqies li dawn tal-aħħar jaqgħu fl-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri u li l-awtoritajiet nazzjonali jsegwu, waqt l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, ir-regoli proċedurali u sostantivi tad-dritt nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punti 52 u 53).

45

Konsegwentement, huwa f’idejn l-Istati Membri li jiffissaw id-data meta titqies li tkun saret il-komunikazzjoni lid-debitur dwar l-ammont ta’ dazji dovuti u meqjusa li saret. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika, huwa f’kull każ għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jiżguraw komunikazzjoni li tippermetti lill-persuna responsabbli mid-dejn doganali li tkun mgħarrfa b’mod preċiż dwar id-drittijiet tagħha (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 53).

46

Fl-aħħar nett huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-determinazzjoni tal-proċeduri li bihom tiġi kkomunikata lid-debitur l-ammont tad-dazji li ssir għall-finijiet tal-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali tikkostitwixxi proċedura intiża li tiżgura is-salvagwardja ta’ dritt li parti f’kawża, bħal CEVA Freight, tislet mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dak li ma tkunx iktar suġġetta, fl-iskadenza tal-imsemmi terminu, għal kwalunkwe dazju doganali għall-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni tal-merkanzija kkonċernata.

47

Minn dan isegwi li l-Istati Membri, meta jiddeterminaw id-data li fiha l-komunikazzjoni lid-debitur titqies li ġiet effettwata, li twassal, konformement mal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, minn naħa, ma humiex inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma jagħmlux, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Barth), C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 221(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat li jfisser li huma l-Istati Membri li jiddeterminaw, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza, id-data li fiha għandha ssir il-komunikazzjoni lid-debitur dwar l-ammont ta’ dazji sabiex jiġi interrott it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li meta jiskadi jintemm id-dejn doganali.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 Kunsill tat‑12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat li jfisser li, meta d-dikjarant ikollu d-dritt li jagħżel il-prezz ta’ merkanzija mibjugħa għall-esportazzjoni lejn it-territorju tal-Unjoni Ewropea i jista’ jintuża bħala l-bażi ta’ valutazzjoni għad-determinazzjoni tal-valur doganali tagħhom, u li jirriżulta minn kontroll a posteriori li d-dikjarazzjoni doganali li għamel ikun fiha żball ta’ klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija kkonċernata li jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ dazju doganali ogħla, huwa jista’ jitlob, abbażi tal-Artikolu 78, ir-reviżjoni ta’ din id-dikjarazzjoni sabiex jikseb is-sostituzzjoni tal-prezz inizjalment indikat bi prezz ta’ tranżazzjoni iktar baxx sabiex jikseb it-tnaqqis tal-ammont tad-dejn doganali tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 221(1) u (3) tar-Regolament Nru 2913/92 kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, għandu jiġi interpretat li jfisser li huma l-Istati Membri li jiddeterminaw, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza, id-data li fiha għandha ssir il-komunikazzjoni lid-debitur dwar l-ammont ta’ dazji sabiex jiġi interrott it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li meta jiskadi jintemm id-dejn doganali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.