KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fl-4 ta’ Lulju 2019 ( 1 )

Kawża C-56/18 P

European Commission

vs

Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 108(2) TFUE — Għajnuna għall-investiment — Għajnuna operattiva — Infrastruttura tal-ajruport — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha — Annullament mill-Qorti Ġenerali — Rekwiżit proċedurali essenzjali — Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati”

1. 

Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea qedha tipprova twassal għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑263/15 ( 2 ), sa fejn din annullat l-Artikoli 2 sa 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1586 ( 3 ). F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li l-muniċipalitajiet Pollakki ta’ Gdynia u ta’ Kosakowo taw għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern lill-kumpanija Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “PLGK”) bil-ħsieb li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ investiment tal-konverżjoni tal-mitjar militari ta’ Gdynia-Oksywie fit-tramuntana tal-Polonja għal ajruport ċivili (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għall-investiment”) u l-ispejjeż operattivi tal-ajruport futur (iktar ’il quddiem l-“għajnuna operattiva”). Il-Kummissjoni eżaminat il-provvista ta’ fondi ta’ valur totali ta’ madwar zloty Pollakki (PLN) 207.48 miljun (madwar EUR 48.7 miljun). Id-deċiżjoni kkontestata ssostitwiet id-deċiżjoni preċedenti fl-istess każ, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/883/UE ( 4 ), li kienet ġiet irrevokata.

2. 

Il-każ preżenti jeħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis, b’mod partikolari, jekk ir-rekwiżit li l-partijiet interessati jintalbu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom matul il-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, wara emenda sostanzjali tal-qafas legali, huwiex rekwiżit proċedurali essenzjali (li l-ksur tiegħu jwassal biex id-deċiżjoni tiġi annullata indipendentement mill-impatt li tali emenda jista’ jkollha fuq id-deċiżjoni) jew jekk, kif ser nikkonkludi, tali rekwiżit jeżistix biss jekk dik l-emenda sostanzjali jista’ jkollha impatt fuq id-deċiżjoni.

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

3.

Il-fatti relattivament kumplessi li wasslu għat-tilwima ġew esposti fid-dettall fil-punti 1 sa 25 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet tal-appell preżenti, ser nillimita ruħi għas-sommarju li ġej.

4.

Fis-7 ta’ Settembru 2012, il-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, bi pjanijiet biex tiffinanzja l-proġett imsemmi iktar ’il fuq. Iktar tard, il-Polonja kkonfermat li l-finanzjament innotifikat kien fil-fatt diġà ngħata b’mod irrevokabbli.

5.

Wara korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Polonja, b’deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, u stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom (Deċiżjoni C(2013) 4045 finali tat-2 ta’ Lulju 2013 dwar il-miżura SA.35388 (2013/C) (ex 2013/NN u ex 2012/N) — Il-Polonja — L-Istabbiliment tal-ajruport ta’ Gdynia-Kosakowo (ĠU 2013 C 243, p. 25) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ”). Peress li ma rċeviet l-ebda kumment mill-Polonja jew minn partijiet interessati, fil-11 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/883 fejn sabet li l-għajnuna mill-Istat (kemm l-għajnuna għall-investiment kif ukoll l-għajnuna operattiva) kienet inkompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni eżaminat dik l-għajnuna taħt id-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE u l-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (ĠU 2006 C 54, p. 13; iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali”).

6.

Il-muniċipalitajiet ta’ Kosakowo u ta’ Gdynia kif ukoll PLGK ikkontestaw id-Deċiżjoni 2014/883 quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawżi T‑215/14 u T‑217/14). Il-Polonja intervjeniet fiż-żewġ każijiet. Sadanittant, fis-7 ta’ Mejju 2014, il-Qorti Distrettwali ta’ Gdańsk-Polnoc ħarġet deċiżjoni fejn iddikjarat lil PLGK falluta u ordnat il-likwidazzjoni tagħha. Matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni rtirat id-Deċiżjoni 2014/883 u ssostitwixxietha bid-deċiżjoni kkontestata. Dan għaliex id-deċiżjoni tal-ftuħ ikkonkludiet li l-investiment f’bini u f’tagħmir għal pumpieri, dwana, gwardji tas-sigurtà tal-ajruport, pulizija u gwardjani tal-fruntiera, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u l-Kummissjoni qieset li ma għandhiex tpoġġi indiskussjoni din il-konklużjoni fid-deċiżjoni finali dwar il-miżura.

7.

Fil-perijodu bejn id-Deċiżjoni 2014/883 u d-deċiżjoni kkontestata, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u linji tal-ajru tal-31 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014 C 99, p. 3; iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2014”) daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 2014 — u ssostitwixxiet il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005 għall-għajnuna għall-investiment lill-ajruporti (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2005”) ( 5 ). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sabet li, fid-dawl tal-punt 172 tal-Linji Gwida tal-2014, il-prinċipji ta’ dawn il-linji gwida ma kinux applikabbli għal għajnuna għall-investiment mogħtija qabel l-4 ta’ April 2014, iżda kienu immedjatament applikabbli għall-għajnuna operattiva.

8.

Fil-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna operattiva fil-premessa 227 tad-Deċiżjoni 2014/883 fuq il-konstatazzjoni li “l-għoti ta’ għajnuna operattiva sabiex jiġi żgurat l-operat ta’ proġett ta’ investiment li jibbenifika minn għajnuna għal investiment inkompatibbli huwa inerentement inkompatibbli mas-suq intern.” Mingħajr l-għajnuna għall-investiment inkompatibbli, l-ajruport ta’ Gdynia ma kienx jeżisti, peress li huwa ffinanzjat b’mod sħiħ minn dik l-għajnuna, u l-għajnuna operattiva ma tistax tingħata għal infrastruttura tal-ajruport li ma teżistix. Fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li dik il-konklużjoni skont il-Linji Gwida tal-2005 hija valida wkoll taħt il-Linji Gwida tal-2014 u hija biżżejjed biex jiġi kkonstatat li l-għajnuna operattiva mogħtija lill-operatur tal-ajruport hija inkompatibbli mas-suq intern. Fil-premessi 246 u 247 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-ewwel kundizzjoni ta’ kompatibbiltà stabbilita mil-Linji Gwida tal-2014 (fil-punt 113 tagħha) u għad-Deċiżjoni 2014/883, u tispjega li jekk dik l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mal-Linji Gwida tal-2005, lanqas ma għandha tkun kompatibbli mal-Linji Gwida tal‑2014. Finalment, fil-premessi 248 u 249 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tanalizza, għall-kompletezza, il-kompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

9.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Mejju 2015, Gdynia u PLGK (iktar ’il quddiem, f’dan l-appell, imsejħa flimkien l-“appellanti”) ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata. Il-Polonja intervjeniet insostenn ta’ dan ir-rikors. Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet ilment tas-sitt motiv ta’ Gdynia u ta’ PLGK, li permezz tiegħu dawn ikkritikaw lill-Kummissjoni talli kisret id-drittijiet proċedurali tagħhom bħala partijiet interessati (jiġifieri, billi ċaħdithom mill-possibbiltà li jissottomettu osservazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 il-ġodda).

III. L-appell

A.   Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

1. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju (kwalifika legali żbaljata tad-dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu osservazzjonijiet)

a) Sinteżi qasira tal-argumenti tal-partijiet

10.

Il-Kummissjoni ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konklużjoni tagħha li l-għajnuna operattiva kienet inkompatibbli mas-suq intern kienet ibbażata fuq żewġ raġunijiet indipendenti. Ir-raġuni ewlenija kienet li l-għajnuna għall-investiment innifisha kienet inkompatibbli mas-suq intern, filwaqt li n-nuqqas li tiġi ssodisfata l-ewwel kundizzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 (għajnuna operattiva li tikkontribwixxi għal objettiv definit sew ta’ interess komuni) kienet sempliċement it-tieni raġuni ta’ natura kumplimentari. Madankollu, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li l-inkompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mas-suq intern hija bbażata esklussivament fuq l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014.

11.

Skont l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-klassifikazzjoni legali tagħha tad-“dritt tal-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom”, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, b’mod kuntrarju għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259; iktar ’il quddiem “Ferriere Nord”, punti 78 sa 84).

12.

Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-Polonja ma ppreżentatx rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha jew tad-dritt tagħha għal proċedura kontradittorja, issa huwa inammissibbli għaliha li tqajjem aggravju f’dan ir-rigward.

13.

Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li minħabba l-fatt li l-ksur tad-dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu osservazzjonijiet ma jikkostitwixxix rekwiżit proċedurali essenzjali, il-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara lit-tielet ilment tas-sitt aggravju inammissibbli u dan il-motiv ma kellux jiġi eżaminati ex officio.

14.

L-appellanti jsostnu li l-approċċ tal-Kummissjoni jimminimizza l-importanza tad-dritt tal-partijiet interessati li jinstemgħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni. L-appellanti jqisu li s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709; iktar ’il quddiem “Freistaat Sachsen”, punt 56), tindika biċ-ċar li, meta sseħħ bidla fil-qafas legali qabel ma tiġi adottata deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha titlob lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna. L-appellanti jqisu li hemm differenzi importanti ta’ fatt u ta’ liġi bejn Ferriere Nord u l-każ preżenti. F’Ferriere Nord, id-deċiżjoni tal-ftuħ u d-deċiżjoni finali kienu identiċi. Barra minn hekk, f’dik il-kawża, l-oqfsa legali li ġew wara xulxin kienu essenzjalment identiċi, liema ħaġa ppermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tistieden lill-partijiet biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom.

15.

Fl-aħħar mill-aħħar, f’din il-kawża, kienu d-differenzi sostanzjali bejn l-oqfsa legali u l-obbligu tal-Kummissjoni li tiddefinixxi biżżejjed il-parametri tal-evalwazzjoni tagħha li wasslu lill-Qorti Ġenerali biex tikkwalifika lill-obbligu tal-Kummissjoni li tippermetti lill-partijiet interessati jissottomettu osservazzjonijiet bħala rekwiżit proċedurali essenzjali. Kuntrarjament għall-argumenti tal-Kummissjoni, ma huwiex l-impatt ta’ osservazzjonijiet possibbli fuq id-deċiżjoni finali li jiddetermina l-obbligu li l-partijiet jiġu mistiedna jikkummentaw dwar bidliet fil-qafas legali, iżda pjuttost in-natura sostanzjali ta’ dik il-bidla.

16.

Il-Gvern Pollakk iqis li d-dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu osservazzjonijiet f’investigazzjoni formali għandu jiġi eżaminat b’mod iktar ġenerali bħala element essenzjali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tirrispetta l-Karta fil-proċeduri tagħha, li, f’dan ir-rigward, timponi obbligi fuq il-Kummissjoni li huma iktar stretti minn dawk eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta. Il-Gvern Pollakk iqis li, fi Freistaat Sachsen (punt 55), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu tal-Kummissjoni li tippermetti lill-partijiet interessati jippreżentaw osservazzjonijiet huwa rekwiżit proċedurali essenzjali. Sussegwentement, fil-punt 56 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fformulat eċċezzjoni għal dak il-prinċipju fil-każ ta’ modifika mhux sostanzjali tal-qafas legali qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni. Din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett u għandha tiġi miċħuda fil-każ preżenti, minħabba li l-Linji Gwida tal-2014 wasslu għal modifika sostanzjali tal-qafas legali. Fl-aħħar, l-imġiba tal-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha bħala Stat Membru, destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata.

b) Evalwazzjoni

17.

Il-Qorti ttrattat l-ewwel il-kwistjoni tad-dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu kummenti fis-sentenza Ferriere Nord, punt 83, meta ddeċidiet li “mill-qafas il-ġdid il-Kummissjoni ma siltitx il-prinċipji u l-kriterji ta’ evalwazzjoni li kienu jbiddlu l-analiżi tagħha u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi, ma kinitx meħtieġa konsultazzjoni ġdida mal-partijiet ikkonċernati, sa fejn ma twassalx għal bidla tad-deċiżjoni kkontestata”. Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza espliċita għall-impatt potenzjali tal-modifika tal-qafas legali fuq id-deċiżjoni.

18.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni dwar din il-kwistjoni fis-sentenza Freistaat Sachsen, fil-punti 55 u 56. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx referenza espliċita għall-impatt potenzjali tal-modifika tal-qafas legali fuq id-deċiżjoni, iżda ddeċidiet li “meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar proġett ta’ għajnuna, hija għandha tagħti l-possibbiltà, lill-partijiet interessati, fosthom l-impriża jew l-impriżi kkonċernati, li jissottomettu l-kummenti tagħhom. Din ir-regola għandha n-natura ta’ formalità proċedurali sostanzjali […] Minn dan jirriżulta li, meta s-sistema legali li taħtha l-Istat Membru wettaq notifika ta’ proġett ta’ għajnuna tinbidel qabel ma l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, din tal-aħħar għandha, sabiex tiddeċiedi, kif għandha l-obbligu li tagħmel, abbażi tar-regoli ġodda, titlob lill-partijiet interessati li jieħdu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna ma’ dawn tal-aħħar. Dan japplika mod ieħor meta s-sistema legali ġdida ma jkollhiex emenda sostanzjali meta mqabbla ma’ dik li kienet fis-seħħ qabel” (enfasi tiegħi; f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita lil Ferriere Nord, punti 68 sa 71).

19.

Ninnota li Freistaat Sachsen, partikolarment il-punt 56 tagħha, ttrattat domanda legali differenti għal dik inkwistjoni f’Ferriere Nord. L-ewwel każ kien jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ nonretroattività meta, fid-deċiżjoni dwar il-kawża, applikat ir-Regolament Nru 70/2001. Dak iż-żmien, dan ir-regolament kien ġdid u ddefinixxa kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju bħala kompatibbli mas-suq intern u mhux suġġetti għar-rekwiżit ta’ notifika abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE. Dan daħal fis-seħħ wara li l-miżura ta’ għajnuna ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u għalhekk il-punt 56 ta’ Freistaat Sachsen għandu jiġi evalwat minn dan l-angolu.

20.

Kif naraha jien, il-każ preżenti huwa simili għal Ferriere Nord, fejn il-Kummissjoni ma kinitx ikkonsultat lill-partijiet interessati dwar il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà stabbiliti fil-linji gwida li kienu daħlu fis-seħħ qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Huwa preċiżament f’dan il-kuntest fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li tali konsultazzjoni kellha l-karattru ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali.

21.

Minkejja Ferriere Nord, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet li l-fatt li ma ġewx ikkonsultati l-partijiet interessati dwar il-Linji Gwida l-ġodda tal-2014 kien jikkostitwixxi ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, li l-ksur tiegħu jirriżulta fl-annullament tal-miżura vizzjata mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-riżultat tal-proċedura kienx ikun differenti fin-nuqqas ta’ dik l-irregolarità proċedurali (punti 81 u 83).

22.

Kif imsemmi fil-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijet, wasalt għall-konklużjoni, f’dan il-każ, li r-rekwiżit li jiġu kkonsultati partijiet interessati matul proċedura jeżisti biss jekk l-emenda sostanzjali tal-qafas legali jista’ jkollha impatt fuq id-deċiżjoni finali.

23.

Fil-fatt, inqis li pożizzjoni li tinjora għalkollox tali impatt ma tkunx konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġustizzja tfittex li tippreserva l-karattru fundamentali, u għalhekk eċċezzjonali, ta’ rekwiżiti li jikkostitwixxu rekwiżit proċedurali essenzjali. Kif indikat mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑114/17 P, EU:C:2018:309, punt 95, “il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżit proċedurali essenzjali jwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat b’dan in-nuqqas. […] F’dan il-kuntest, […] r-rekwiżiti proċedurali intrinsikament marbuta mal-formazzjoni u l-espressjoni tal-intenzjoni tal-awtorità ta’ adozzjoni biss huma essenzjali. L-osservanza tagħhom hija fl-interess ġenerali. […] Dawn ir-rekwiżiti tant huma fundamentali li kwalunkwe ksur iwassal għal annullament tal-att sussegwenti, irrispettivament minn jekk ir-riżultat tal-proċedura setax ikun differenti, li kieku ġew osservati” ( 6 ).

24.

Barra minn hekk, minn naħa, huwa rilevanti li jingħad li l-Qorti Ġenerali tidher li tinjora l-fatt li, f’każijiet ta’ għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati ma għandhomx drittijiet ta’ difiża jew dritt għal dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, iżda r-rwol tagħhom huwa biss li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-gwida tal-Kummissjoni ( 7 ).

25.

Il-proċedura amministrattiva għall-għajnuna mill-Istat tinfetaħ biss kontra l-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna. Huwa wkoll l-Istat Membru li huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni u għalhekk dan jiġġustifika l-istatus privileġġat tal-Istat Membru f’termini ta’ komunikazzjoni mal-Kummissjoni ( 8 ) u, b’mod partikolari, tad-drittijiet tiegħu għal difiża ġusta ( 9 ).

26.

Dan jikkuntrasta mad-drittijiet proċedurali limitati li għandhom il-partijiet interessati f’każijiet ta’ għajnuna mill-Istat: il-konsultazzjonijiet ma’ dawk il-partijiet għandhom biss l-għan li tinkiseb mingħandhom l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tibbaża l-azzjoni futura tagħha fuq il-fatti rilevanti kollha ( 10 ). Għalhekk, ir-rwol essenzjali tal-partijiet interessati huwa li jkunu “sorsi ta’ informazzjoni” għall-Kummissjoni ( 11 ). Fil-fatt, anki l-Gvern Pollakk jammetti fl-osservazzjonijiet tiegħu li d-dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu l-osservazzjonijiet “ma huwiex identiku” għad-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-Istat Membru kkonċernat.

27.

Għalhekk, il-partijiet interessati ma għandhomx rwol speċjali fil-proċedura u b’mod ċar ma jistgħux jiddependu fuq drittijiet daqshekk estensivi daqs id-drittijiet tal-Istat Membru konvenut ( 12 ) — id-dritt għal smigħ fil-proċedura huwa dritt irrikonoxxut għal persuni li kontrihom kienet inbdiet il-proċedura ( 13 ). B’mod partikolari, ma jistgħux jitolbu dritt li jiddibattu l-kwistjonijiet mal-Kummissjoni bl-istess mod li jista’ l-Istat Membru ( 14 ). L-uniku dritt tagħhom huwa li jkunu assoċjati mal-proċedura amministrattiva sa fejn hu meħtieġ għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni ( 15 ).

28.

Għalhekk, kif iddeċidiet korrettament il-Qorti Ġenerali, il-Qrati tal-UE ma jistgħux jestendu d-drittijiet proċedurali mogħtija lil partijiet interessati fi proċeduri ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat bit-Trattat u leġiżlazzjoni sekondarja, fuq il-bażi ta’ prinċipji legali ġenerali bħal dawk tad-dritt għal rimedju xieraq, id-dritt għal smigħ, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jew trattament ugwali ( 16 ). Għalhekk, il-proċedura tal-Artikolu 108(2) TFUE hija proċedura inter partes biss fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat u mhux fir-rigward tal-partijiet interessati ( 17 ).

29.

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li l-Kummissjoni kellha tiftaħ proċedura formali ġdida skont l-Artikolu 108(2) TFUE bħala tali. Minflok, hija sempliċement tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret rekwiżit proċedurali essenzjali peress li naqset milli tħalli lill-partijiet interessati jissottomettu osservazzjonijiet dwar il-Linji Gwida tal-2014.

30.

Naqbel mal-Kummissjoni li mill-punti 55 u 56 ta’ Freistaat Sachsen jirriżulta li, fir-rigward tal-partijiet interessati fi proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn “rekwiżit proċedurali essenzjali” li jirriżulta mill-Artikolu 108(2) TFUE, minn naħa, u drittijiet proċedurali oħra (li ma humiex intrinsikament marbuta mal-espressjoni tal-intenzjoni tal-Kummissjoni f’deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 108(2) TFUE), min-naħa l-oħra ( 18 ). Tali drittijiet jinkludu drittijiet ta’ partijiet interessati li jissottomettu osservazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni beħsiebha tapplika sabiex tevalwa l-miżura kkonċernata. Huwa dan id-dritt li ġie inkwistjoni fis-sentenza Ferriere Nord u, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkwalifikatux bħala “rekwiżit proċedurali essenzjali” (kif jirrikonoxxi l-Gvern Pollakk ukoll fil-punt 13 tar-risposta tiegħu).

31.

Tabilħaqq, l-obbligu tal-Kummissjoni li tippermetti lill-partijiet interessati jissottomettu osservazzjonijiet wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni formali jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali (Freistaat Sachsen, punti 55 u 56). Fil-każ preżenti, din issodisfat dan l-obbligu billi ppubblikat id-deċiżjoni tal-ftuħ. Peress li l-Kummissjoni ma kinitx invokat fatti ġodda, ma kinitx obbligata terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni formali u tistieden mill-ġdid lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk l-emenda tal-qafas legali sseħħ matul il-proċedura, sakemm dik l-emenda kienet sostanzjalment identika u ma setgħetx timmodifika l-analiżi inizjali proposta mill-Kummissjoni, ma kinitx meħtieġa konsultazzjoni ġdida ta’ partijiet interessati (Ferriere Nord, punti 79 sa 83) — u, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, f’din il-kawża qed niffaċċjaw l-istess xenarju.

32.

Jekk il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati tista’ titqies li tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali f’sitwazzjoni fejn il-qafas legali jinbidel matul il-proċedura (kif kien il-każ f’din il-kawża), allura f’Ferriere Nord, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx tipproċedi biex tanalizza l-impatt tad-dispożizzjonijiet legali l-ġodda fuq is-sejbiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, tali konklużjoni tkun tammonta għal rikonoxximent tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati, li jkun imur kontra l-ġurisprudenza li ċċitajt iktar ’il fuq. Madankollu, anki f’tali ipoteżi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ksur tad-dritt ta’ difiża, li huwa dritt iktar b’saħħtu minn dak li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jirriżulta fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ dak il-ksur, ir-riżultat ta’ dik il-proċedura seta’ jkun differenti ( 19 ).

33.

Tabilħaqq, kieku obbligazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża kellha titqies li tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li jimplika l-annullament awtomatiku ta’ deċiżjoni li tikser dak l-obbligu, nistgħu nsibu ruħna f’sitwazzjoni fejn id-drittijiet ta’ partijiet interessati jkunu mħarsa aħjar mill-istess drittijiet tal-partijiet fil-proċedura innifishom (fil-fatt, sabiex jikkawża l-annullament ta’ deċiżjoni, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu, fil-prinċipju, jaffettwa ħażin lid-destinatarju tad-deċiżjoni).

34.

Dan japplika a fortiori peress li jkun imur kontra l-ġurisprudenza dwar id-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri (li jikkostitwixxi dritt iktar b’saħħtu mid-dritt li jitressqu osservazzjonijiet): pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma huwiex iġġustifikat li tiġi annullata deċiżjoni adottata wara li ġiet annullata d-deċiżjoni preċedenti dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat, anki jekk id-deċiżjoni l-ġdida tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni li dwarha l-Istat Membru ma kienx ġie kkonsultat ( 20 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni ma għandhiex tiġi annullata minkejja l-fatt li din tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet interessati li ma kinux ġew issottomessi lill-Istat Membru kkonċernat biex jikkummenta dwarhom ( 21 ). F’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat espressament jekk id-deċiżjoni kkontestata setgħetx tkun differenti li kieku l-Kummissjoni naqset milli tapplika kundizzjonijiet li ma kinux ġew issottomessi lill-Istat Membru bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħhu.

35.

Jista’ jingħad ukoll li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinjora analiżi tal-impatt tal-adozzjoni ta’ linji gwida ġodda fuq id-deċiżjoni, dan jista’ jwassal biex sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża ma jitieħdux inkunsiderazzjoni, fejn – għalkemm huwa minnu li l-qafas legali inbidel – l-għajnuna inkwistjoni kienet għajnuna operattiva u l-inkompatibbiltà tagħha kienet ibbażata mhux fuq il-qafas legali applikabbli għal din it-tip ta’ għajnuna, iżda fuq l-inkompatibbiltà tal-għajnuna prinċipali li ssostni l-proġett tal-ajruport (l-għajnuna għall-investiment).

36.

Il-provvista ta’ kapital inkwistjoni kienet suppost tkopri kemm l-ispejjeż ta’ investiment (jiġifieri, l-konverżjoni tal-ajruport: l-għajnuna għall-investiment) kif ukoll l-ispejjeż operattivi relatati mal-funzjonament tal-ajruport ikkonvertit fil-bidu tal-operazzjoni tiegħu (l-għajnuna operattiva).

37.

Id-difett proċedurali identifikat mill-Qorti Ġenerali kien jikkonċerna biss lill-għajnuna operattiva.

38.

Hawnhekk nirreferi għall-kliem attwali tal-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Il-konklużjoni f’dik il-premessa hija b’mod ċar awtonoma u bl-ebda mod ma tiddependi fuq il-linji gwida tal-Kummissjoni. Hija valida kemm taħt il-Linji Gwida tal-2014 kif ukoll taħt il-Linji Gwida tal-2005 jew, għalhekk, anki taħt il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

39.

Fil-fatt, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rat ir-rabta ċara bejn l-għajnuna għall-investiment u l-għajnuna operattiva.

40.

Madankollu, din sussegwentement ikkonstatat li kien hemm ċerta impreċiżjoni, fir-rigward tal-qafas legali, li fuqu kienet ibbażata dik ir-rabta.

41.

Skont il-Qorti Ġenerali, din l-impreċiżjoni kienet dovuta għad-differenza bejn il-qafas legali msemmi fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata u dak imsemmi fil-premessi 227 u 228 tad-Deċiżjoni 2014/883, kif ukoll għall-mod kif din l-aħħar deċiżjoni kienet ġiet abbozzata.

42.

Filwaqt li l-appell preżenti ma jikkontestax din id-differenza, naqbel mal-Kummissjoni li fl-aħħar mill-aħħar id-differenza bejn l-oqfsa legali ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni biex l-għajnuna operattiva titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern hija bbażata (primarjament) fuq prinċipju ta’ loġika ġenerali bbażat fuq l-Artikolu 107 TFUE, li huwa applikabbli f’kull każ.

43.

Fil-fatt, fil-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa 227 tad-Deċiżjoni 2014/883, u tenniet il-konklużjoni li kienet waslet għaliha f’dik id-deċiżjoni li “l-għoti ta’ għajnuna operattiva sabiex jiġi żgurat l-operat ta’ proġett ta’ investiment li jibbenifika minn għajnuna għal investiment inkompatibbli huwa inerentement inkompatibbli mas-suq intern” (enfasi miżjuda). Fis-sentenza segwenti tal-premessa 244, il-Kummissjoni tiġġustifika l-konklużjoni kif ġej: “Mingħajr l-għajnuna għall-investiment inkompatibbli, l-ajruport ta’ Gdynia kieku ma jeżistix, peress li huwa ffinanzjat kollu kemm huwa permezz ta’ dik l-għajnuna, u l-għajnuna operatorja ma tistax tingħata għall-infrastruttura tal-ajruport li ma teżistix.”

44.

L-approċċ eċċessivament formalistiku tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata diġà ġie kkritikat f’kitbiet akkademiċi legali ( 22 ): “Minkejja [d-]differenzi [bejn id-diversi linji gwida], il-Qorti Ġenerali injorat punt importanti. Il-Kummissjoni sabet li l-għajnuna għall-ajruport ta’ Gdynia kienet inkompatibbli mas-suq intern minħabba li ffinanzjat infrastruttura duplikata u, għalhekk, mhux meħtieġa. L-ajruport ta’ Gdansk li jinsab fil-qrib ma kienx qed jopera b’kapaċità sħiħa u ma kienx hemm bżonn li jinbena ajruport ieħor. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx jekk id-differenzi fil-kliem tal-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali u l-linji gwida dwar l-avjazzjoni kinux jagħmlu xi differenza fis-sejba tal-Kummissjoni li l-infrastruttura ma sservix għan leġittimu tal-politika pubblika. B’għaqal, il-Polonja ma argumentatx li kellha d-dritt li taħli flusha. X’inhu l-pass li jmiss? Il-Kummissjoni probabbilment ser terġa’ tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tirranġa l-problema bil-bażi legali tal-evalwazzjoni, tindirizza numru ta’ kwistjonijiet oħra mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-analiżi differenti ta’ għajnuna operattiva u għall-investiment, u tadotta mill-ġdid deċiżjoni negattiva. Huwa pjuttost inkonċepibbli li l-Kummissjoni tikkonċedi li għajnuna għal infrastruttura żejda hija kompatibbli mas-suq intern.”

45.

Għandu jingħad ukoll li kien biss kjarament “fl-alternattiva” li l-Kummissjoni osservat fid-deċiżjoni kkontestata li l-għajnuna operattiva kienet ukoll inkompatibbli skont il-Linji Gwida tal-2014.

46.

Nasal li ngħid li hija ħasra li l-Kummissjoni għamlet dan l-argument kumplimentari, li mbagħad il-Qorti Ġenerali ffokat fuqu u interpretatu (b’mod żbaljat) bħala li jeħtieġ l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

47.

Inqis li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tibbaża l-inkompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mas-suq intern biss fuq ir-raġunament ipprovdut fil-premessi 244 u 245 ta’ dik id-deċiżjoni (ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

48.

Huwa minnu li dan iqajjem id-domanda għalfejn il-Kummissjoni ma pproċedietx biex sempliċement tirrettifika d-deċiżjoni preċedenti, minflok ma adottat deċiżjoni ġdida (li kienet timplika proċedura ġdida). Madankollu, kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din l-għażla ma kinitx possibbli fil-każ preżenti, minħaba li tnaqqis fil-provvista ta’ fondi kien jeħtieġ li t-test tal-investitur privat jitwettaq mill-ġdid (sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm vantaġġ ekonomiku).

49.

Dak imsemmi iktar ’il fuq iqajjem ukoll id-domanda: f’liema stadju fil-proċedura amministrattiva tqum effettivament il-ħtieġa proċedurali essenzjali. Kif argumentat il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan iseħħ f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni jkollha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern. Minn dan il-mument ’il quddiem, il-Kummissjoni hija obbligata tippubblika deċiżjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Għalhekk, ir-rekwiżit proċedurali essenzjali huwa li l-partijiet interessati kollha (kompetituri, riċevituri tal-għajnuna, eċċ.) u l-Istati Membri kollha, permezz ta’ dik il-pubblikazzjoni, jkollhom il-possibbiltà li jissottomettu osservazzjonijiet fir-rigward tal-miżura investigata mill-Kummissjoni.

50.

Għalhekk, jekk matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni jkun hemm emenda tal-qafas legali u l-emenda tkun sostanzjali u tista’ taffettwa r-riżultat tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, allura l-Kummissjoni tista’ tistieden lill-Istat Membru biex jissottometti osservazzjonijiet. Madankollu, huwa biss l-Istat Membru li jista’ jagħmel dan (u mhux il-partijiet interessati) u, b’mod importanti, din is-sitwazzjoni ma tikkostitwixxix rekwiżit proċedurali essenzjali.

51.

Minkejja dan, l-appellanti essenzjalment jargumentaw li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni tmur kontra l-Karta u l-fatt li l-Unjoni hija komunità rregolata mill-istat tad-dritt, u tfixkel id-dritt tal-partijiet interessati (PLGK bħala l-benefiċjarju tal-għajnuna) u tal-Polonja biex jissottomettu osservazzjonijiet. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Karta tobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra d-dritt tal-partijiet interessati li jinstemgħu qabel deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat.

52.

Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-dħul fis-seħħ tal-Karta ma biddilx in-natura tad-drittijiet mogħtija skont l-Artikolu 108(2) u (3) TFUE. Barra minn hekk, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat ma huwiex proċedura amministrattiva mibdija kontra l-benefiċjarju tal-għajnuna, u l-Karta ma hijiex intenzjonata li tbiddel in-natura tar-reviżjoni tal-għajnuna mill-Istat stabbilita bit-Trattat FUE jew li tagħti lill-partijiet terzi dritt ta’ skrutinju li l-Artikolu 108 TFUE ma jipprovdix ( 23 ).

53.

Finalment, l-appellanti jargumentaw li l-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni fil-każ preżenti tikkontradixxi l-linja segwita f’każijiet oħra: huma jirreferu għall-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ stedina biex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar il-Linji Gwida tal-2014 b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE. Din l-istedina kienet indirizzata lill-Istati Membri u lill-ajruporti li rċivew għajnuna bħala l-investigazzjoni formali mibdija mill-Kummissjoni (ĠU 2014 C 113, p. 30). Din il-konsultazzjoni seħħet wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/883, iżda qabel id-deċiżjoni kkontestata. L-appellanti jqisu li l-fatt li la l-Gvern Pollakk u lanqas huma stess ma setgħu jippreżentaw tali osservazzjonijiet jammonta għal diskriminazzjoni.

54.

Ma nqisx li dan iqajjem dubji dwar l-evalwazzjoni tiegħi msemmija iktar ’il fuq. L-istedina msemmija hija proċedura normali f’sitwazzjonijiet simili u tammonta għal amministrazzjoni tajba min-naħa tal-Kummissjoni. F’kull każ, din ma hijiex paragunabbli mas-sitwazzjoni preżenti u ma tikkostitwixxix deċiżjoni li tiftaħ investigazzjoni formali ġdida, u lanqas ma tikkostitwixxi suppliment għal deċiżjoni bħal din.

55.

Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

2. It-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju (interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata ta’ Ferriere Nord u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni)

a) Sinteżi qasira tal-argumenti tal-partijiet

56.

Skont it-tieni parti tal-ewwel aggravju, anki jekk wieħed jassumi — kif għamlet il-Qorti Ġenerali — li l-inkompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mas-suq intern kienet ibbażata biss fuq il-Linji Gwida tal-2014 (quod non), il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat lil Ferriere Nord, sa fejn id-dispożizzjonijiet applikati fl-evalwazzjoni tal-għajnuna operattiva kienu, essenzjalment, l-istess bħad-dispożizzjonijiet applikati fid-Deċiżjoni 2014/883, adottata abbażi tal-Linji Gwida tal-2005, u b’hekk, f’dan ir-rigward, kwalunkwe kumment dwar il-Linji Gwida tal-2014 ma setax ikollu effett fuq il-parti operattiva tad-deċiżjoni.

57.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, f’kull każ, dan l-aggravju ma kienx effettiv, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq iż-żewġ motivi indipendenti msemmija diġà. It-tieni nett, anki jekk wieħed jassumi li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażat biss fuq il-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kellha — konformement ma’ Ferriere Nord — tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Linji Gwida tal-2014 kienu essenzjalment identiċi għal dawk tal-Linji Gwida tal-2005. It-tielet nett, l-ewwel kundizzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna operattiva mogħtija lill-ajruporti, stabbilita fil-punt 113 tal-Linji Gwida tal-2014, hija essenzjalment identika għal dik tal-Linji Gwida tal-2005. Finalment, fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti sempliċement ikkontestaw l-applikabbiltà tal-Linji Gwida tal-2014, mingħajr ma kkummentaw dwar kif suppost kellhom jiġu applikati l-kundizzjonijiet li jinsabu fihom.

58.

L-appellanti jsostnu li l-motiv tagħhom kien ammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali irrispettivament mill-possibbiltà għal din tal-aħħar li tqajjimha ex officio, sa fejn din tikkostitwixxi amplifikazzjoni sempliċi ta’ argument inkluż fir-rikors fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, l-appellanti jargumentaw li l-karattru fundamentalment differenti tal-linji gwida applikati mill-Kummissjoni huwa dovut (a) għall-fatt li l-ewwel linji gwida jikkonċernaw għajnuna reġjonali u t-tieni jikkonċernaw għajnuna settorjali u (b) għall-bosta elementi diġà stabbiliti iktar ’il fuq. Finalment, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li tevalwa jekk il-modifika tal-qafas legali kellhiex impatt sostanzjali fuq ir-riżultat tad-deċiżjoni kkontestata.

59.

Il-Gvern Pollakk isostni li s-sentenza appellata identifikat korrettament il-modifiki sostanzjali tal-Linji Gwida tal-2014 fid-dawl ta’ dawk tal-2005. It-tieni nett, il-Gvern Pollakk isostni li l-modifika tal-bażi legali tal-linji gwida għandha impatt importanti. Tabilħaqq, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE fid-dawl ta’ dak tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, din l-aħħar dispożizzjoni żiedet kundizzjoni ġdida. Għalhekk, fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2014 (adottati skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE), il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-provvista ta’ għajnuna, kundizzjoni li ma kinitx teżisti fil-Linji Gwida tal-2005 (adottata skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE).

60.

Bit-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, tal-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġustifikazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mas-suq intern, stabbilita fil-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li dik il-ġustifikazzjoni kienet ibbażata fuq il-Linji Gwida tal-2014 u mid-Deċiżjoni 2014/883. L-interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata kienet dovuta għal-interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 245 ta’ din id-deċiżjoni.

61.

L-espressjoni “valida skont il-[Linji Gwida tal-2014]” użata fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata ma tfissirx li tirriżulta minn dawk il-linji gwida. Il-punt huwa li din ma tistax tiġi affettwata bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2014. Mill-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata kif iċċitata iktar ’il fuq huwa evidenti li l-inkompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mas-suq intern li tirriżulta mill-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment ma tiddipendix mil-Linji Gwida tal-2014. L-iċken “impreċiżjoni” fir-rigward tad-Deċiżjoni 2014/883, li ġiet enfasizzata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza appellata, ma tistax tpoġġi indiskussjoni l-legalità tal-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata.

62.

Il-Kummissjoni tqis li, meta fil-punt 86 tas-sentenza appellata kkonkludiet li l-partijiet interessati kellhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna operattiva matul il-proċedura amministrattiva formali, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mir-rikors ippreżentat quddiemha. Dan għaliex, kif tirrikonoxxi l-Qorti Ġenerali stess f’dak l-istess punt, il-ġustifikazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna operattiva ma tirriżultax mil-Linji Gwida tal-2014. Tabilħaqq, tali konklużjoni tirriżulta biss mill-Artikolu 107(1) TFUE, u l-konstatazzjoni li dik il-konklużjoni kienet tintlaħaq fil-kuntest tal-ewwel jew tat-tieni Linji Gwida, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 87 tas-sentenza appellata, tirriżulta minn żball ta’ evalwazzjoni.

63.

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li t-tieni aggravju tal-Kummissjoni jirreferi għall-punti 84 sa 87 tas-sentenza appellata, filwaqt li dawn huma punti magħmula mill-Qorti Ġenerali sempliċement bħala alternattiva u għalhekk dan l-aggravju huwa ineffettiv. Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, peress li jirrigwarda kwistjoni ta’ fatt. Fit-tielet lok, l-appellanti jqisu li l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mhux fuq il-motivi li jiġġustifikaw l-inkompatibbiltà.

64.

Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-Gvern Pollakk jikkritika lill-Kummissjoni talli ppresumiet il-kontenut u l-portata tal-osservazzjonijiet li dak il-gvern u dawk il-partijiet interessati kienu jagħmlu, kieku kienu f’pożizzjoni li jagħmlu hekk. Barra minn hekk, fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel referenza espliċita għall-prinċipji stabbiliti fil-punt 113 tal-Linji Gwida tal-2014 u, fil-premessa 246, applikat l-ewwel kundizzjoni stabbilita f’dak il-punt tal-linji gwida.

b) Evalwazzjoni

65.

Peress li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ġiet milqugħa sa fejn l-obbligu li jiġu kkonsultati l-partijiet f’każ li jkun hemm emenda sostanzjali tal-qafas legali matul il-proċedura ma jikkostitwixxix rekwiżit proċedurali essenzjali, permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni titlob evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk kinitx obbligata tirrispetta l-obbligu li tikkonsulta mal-partijiet interessati f’dan il-każ.

66.

L-appellanti jqajmu l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-tieni aggravju (ara l-punti 63 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu peress li l-Kummissjoni għandha d-dritt tikkontesta l-punti 81 sa 88 tas-sentenza appellata. Dan għaliex fihom, il-Qorti Ġenerali twieġeb għall-argumenti tal-Kummissjoni dwar Ferriere Nord u l-Qorti Ġenerali tibbaża r-raġunament tagħha inter alia fuq dik il-ġurisprudenza. Għalhekk, inqis li, f’dan il-każ, l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata (u tad-Deċiżjoni 2014/883) ma hijiex element li jaqa’ barra mill-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja.

67.

Mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jirriżulta dritt li jiġu ssottomessi osservazzjonijiet ġodda malli jsiru applikabbli linji gwida ġodda waqt proċedura pendenti. Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li, taħt Ferriere Nord, sabiex issib li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tippermetti lill-partijiet interessati jissottomettu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 108(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali jkollha tistabbilixxi li d-deċiżjoni li tgħid li l-għajnuna operattiva hija inkompatibbli mas-suq intern kienet ibbażata biss fuq il-Linji Gwida tal-2014 u li dawn jimmodifikaw sostanzjalment il-Linji Gwida tal-2005 (jiġifieri, ikollha tanalizza jekk l-applikabbiltà tal-linji gwida l-ġodda setgħetx kellha konsegwenzi in concreto fuq ir-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata).

68.

Il-Qorti Ġenerali ma għamlet xejn minn dan. Minflok, sabiex tiċħad l-argumenti tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali sempliċement ipparagunat in abstracto d-dispożizzjonijiet u l-bażi legali tal-Linji Gwida tal-2014 u tal-2005 (ara l-punti 73 sa 77 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali lanqas ma stabbilixxiet li l-ewwel kundizzjoni dwar l-interess komuni (eżaminata fil-premessa 246 tad-deċiżjoni kkontestata) kienet sostanzjalment differenti mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2005. Fil-punti 76 u 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq il-bażi legali ta’ dawn iż-żewġ reġimi meta kkonstatat li kien hemm konverġenza bejn il-kundizzjonijiet previsti minnhom.

69.

Madankollu, fis-sentenza Ferriere Nord il-Qorti tal-Ġustizzja ma waqqfitx l-analiżi tagħha ma’ paragun astratt tad-dispożizzjonijiet tal-qafas tal-1994 u tal-qafas il-ġdid tal-2001, kif seta’ jinftiehem meta jinqara l-punt 56 ta’ Freistaat Sachsen. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-qafas il-ġdid tal-2001, li ġie applikat fid-deċiżjoni inkwistjoni, u wara eżaminat jekk kienx fiha bidliet sostanzjali fil-konfront tal-qafas tal-1994. Għalhekk, l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet relatata mad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-qafas tal-2001, li l-Kummissjoni kienet applikat f’dak il-każ partikolari (ara l-punti 78, 82 u 83 ta’ Ferriere Nord). Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi relatat mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq.

70.

Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-partikolarità tal-każ preżenti li tiddistingwih minn Freistaat Sachsen u minn Ferriere Nord, jiġifieri l-fatt li d-Deċiżjoni 2014/883 kienet ġiet issostitwita bid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha tiffoka l-paragun tagħha mhux biss fuq id-dispożizzjonijiet taż-żewġ Linji Gwida li kienu ġew applikati (bħal fil-każ ta’ Ferriere Nord), iżda kellha tagħmel hekk ukoll fuq il-bażi tal-kontenut taż-żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna operattiva mogħtija lil PLGK.

71.

Mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 244 u 245) jirriżulta li l-osservazzjonijiet potenzjali tal-appellanti ma setgħux ikollhom impatt fuq ir-riżultat tal-proċedura, u lanqas ma setgħu jkollhom impatt fuq id-deċiżjoni kkontestata jew, b’mod partikolari, fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mas-suq intern. Dan minħabba li l-inkompatibbiltà rriżultat mill-għajnuna għall-investiment mogħtija bil-ħsieb tal-konverżjoni u l-bidu tal-operat tal-ajruport ta’ Gdynia-Kosakowo (ara wkoll il-premessa 246 tad-deċiżjoni kkontestata).

72.

Naqbel mal-Kummissjoni li, kif isegwi minn Ferriere Nord, sabiex jiġi evalwat l-impatt tal-ksur tad-dritt tal-partijiet interessati li jikkummentaw dwar linji gwida ġodda, l-element li jeħtieġ jiġi kkunsidrat huwa l-kontenut tad-deċiżjoni adottata (kriterju oġġettiv) u mhux biss, kif sostnut mill-Gvern Pollakk u mill-Qorti Ġenerali (punt 83 tas-sentenza appellata), il-konklużjoni li l-Kummissjoni setgħet tasal għaliha fuq il-bażi ta’ linji gwida ġodda (kriterju suġġettiv).

73.

Barra minn hekk, anki kieku wieħed kellu jibbaża l-analiżi fuq dawn il-kummenti (quod non), mill-osservazzjonijiet bil-miktub imressqa mill-appellanti jirriżulta li l-kummenti tagħhom fuq il-Linji Gwida tal-2014 ma setgħu jkollhom l-ebda impatt fuq ir-riżultat tal-proċedura relatata mal-kompatibbiltà tal-għajnuna operattiva mas-suq intern.

74.

Kif rajna iktar ’il fuq fir-rigward tal-iżball ta’ interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-ġustifikazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna operattiva, jirriżulta biċ-ċar mill-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata li r-raġuni primarja għal dik l-inkompatibbiltà kien il-fatt li l-għajnuna għall-investiment innifisha kienet iddikjarata inkompatibbli.

75.

Madankollu, kif tosserva l-Qorti Ġenerali stess fil-punt 86 tas-sentenza appellata, l-inkompatibbiltà tal-għajnuna operattiva bbażata fuq l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment ma tirriżultax minn kundizzjoni espressament ipprovduta fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jew fil-Linji Gwida tal-2014. Barra minn hekk, peress li l-Linji Gwida tal-2014 ma kinux applikabbli għall-għajnuna għall-investiment, li l-inkompatibbiltà tagħha ma hijiex ikkontestata, l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għall-għajnuna operattiva sempliċement ma setgħetx tbiddel ir-riżultat tad-deċiżjoni kkontestata.

76.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kemm it-tieni parti tal-ewwel aggravju kif ukoll it-tieni aggravju għandhom jiġu milqugħa wkoll. Għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata u t-tielet talba tas-sitt motiv fl-ewwel istanza għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, f’kull każ, ineffettiva. Il-kawża għandha għalhekk tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali sabiex jiġu eżaminati l-ħames motivi l-oħra.

B.   It-tielet aggravju (punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa sproporzjonat)

77.

Il-Kummissjoni targumenta — sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aggravji preċedenti — li l-punt 1 tal-parti operattiva tas-sentenza appellata, li jannulla l-Artikoli 2 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata b’mod sħiħ, huwa sproporzjonat u l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx separabbli. L-appellanti kif ukoll il-Gvern Pollakk essenzjalment jargumentaw li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

78.

Peress li l-ewwel u t-tieni aggravji għandhom jiġu milqugħa u t-tielet aggravju huwa ppreżentat biss b’mod sussidjarju, inqis li ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tittrattah.

IV. Konklużjoni

79.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(i)

tannulla s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T‑263/15, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo vs Il‑Kummissjoni;

(ii)

tiċħad it-tielet talba tas-sitt motiv fl-ewwel istanza bħala infondata u, f’kull każ, ineffettiva;

(iii)

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-ħames motivi oħra; u

(iv)

tirriżerva l-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2017, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia-Kosakowo vs Il-Kummissjoni, EU:T:2017:820 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

( 3 ) Id-Deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2015 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (eks 13/NN u eks 12/N) — Il-Polonja — It-twaqqif tal-ajruport ta’ Gdynia-Kosakowo (notifikata bid-dokument C(2015) 1281) (ĠU 2015 L 250, p. 165; iktar ’il quddiem id“deċiżjoni kkontestata”).

( 4 ) Deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2014 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (ex 13/NN u ex 12/N) — Il-Polonja It-twaqqif tal-Ajruport ta’ Gdynia-Kosakowo (notifikata bid-dokument C(2014) 759) (ĠU 2014 L 357, p. 51; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni 2014/883”).

( 5 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Linji gwida Komunitarji dwar l-iffinanzjar ta’ ajruporti u għajnuna tal-bidu għal-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1).

( 6 ) Enfasi miżjuda. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dak l-aggravju bħala inammissibbli u għalhekk ma ddeċidietx fuq il-mertu. Il-konklużjonijiet jikkwotaw is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 1987, Spanja vs Il‑Kummissjoni, 128/86, EU:C:1987:447, punt 25; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P u C‑287/95 P, EU:C:1999:578, punti 22 sa 26; u s-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, EU:C:2000:188, punti 4252.

( 7 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 70/72, EU:C:1973:87, punt 19; tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154), punt 59; u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524 punti 80 sa 83.

( 8 ) Ara, inter alia, s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, EU:T:2004:222, punt 61 (appell minn din is-sentenza kien ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja).

( 9 ) Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑176/01, EU:T:2004:336, punt 74.

( 10 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 70/72, EU:C:1973:87, punt 19, u tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, T‑109/01, EU:T:2004:4, punt 41. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Ortiz Blanco, L. (ed.), EC Competition Procedure, it-Tieni Edizzjoni, 2006, Oxford, p. 840 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 11 ) Sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 8182; u tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 180181. Ara wkoll is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, T‑266/94, EU:T:1996:153, punt 256 (mhux appellata); tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, EU:T:2004:222, punt 192 (appell minn din is-sentenza ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja); u tat-2 ta’ Lulju 2015, Franza u Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑425/04 RENV u T‑444/04 RENV, EU:T:2015:450, punt 161 (appell miċħud).

( 12 ) Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 83.

( 13 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑176/01, EU:T:2004:336, punt 74.

( 14 ) Sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 82, u tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Il‑Gvern ta’ Ġibiltà u r‑Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P. EU:C:2011:732, punt 181. Ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, EU:T:2004:222, punti 61192 (appell minn din is-sentenza ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja) u d-digriet tas-6 ta’ Novembru 2012, Castelnou Energia vs Il‑Kummissjoni, T‑57/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:580, punt 115 (mhux appellata).

( 15 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 125 (mhux appellata).

( 16 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, EU:T:2004:222, punt 194 (appell minn din is-sentenza ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja).

( 17 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99 EU:T:2003:57, punt 168 (mhux appellata), tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, T‑109/01, EU:T:2004:4, punt 43, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, EU:T:2004:222, punt 61 (appell minn din is-sentenza ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja).

( 18 ) Ara wkoll id-distinzjoni li saret mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fi Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑114/17 P, EU:C:2018:309, punti 9596.

( 19 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 20 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, EU:C:1998:533, punti 4041.

( 21 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punti 101 sa 104 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali: sentenza tat-30 ta’ April 2014, Tisza Erőmű vs Il‑Kummissjoni, T‑468/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:235, punt 217 u l-ġurisprudenza ċċitata (mhux appellata).

( 22 ) Nicolaides, P., The Legal Basis of the (In)compatibility of Aid Must be Clear, on the authoritative blog “State Aid Hub.eu” minn lexxion, http://stateaidhub.eu/blogs/stateaiduncovered/post/9086.

( 23 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Netherlands Maritime Technology Association vs Il‑Kummissjoni, T‑140/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1029, punt 60, u tas-6 ta’ Lulju 2017, SNCM vs Il‑Kummissjoni, T‑1/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:470, punti 8586.