SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
18 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għall-vetturi bil-mutur privati – Sitwazzjoni li fiha s-sidien ta’ vetturi rreġistrati f’dan l-Istat Membru jibbenefikaw minn eżenzjoni tat-taxxa fuq il-vetturi bil‑mutur ta’ ammont li jikkorrispondi għal din it-tariffa”
Fil-Kawża C‑591/17,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 259 TFUE, ippreżentat fit-12 ta’ Ottubru 2017,
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżenta minn M. G. Hesse kif ukoll minn J. Schmoll u C. Drexel, bħala aġenti,
rikorrenti,
sostnuta minn:
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn J. Langer u J. M. Hoogveld kif ukoll minn K. Bulterman, bħala aġenti,
intervenjent,
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u S. Eisenberg, bħala aġenti, assistiti minn C. Hillgruber, Rechtsanwalt,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Nymann-Lindegren u M. Wolff, bħala aġenti,
intervenjent,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, C.G. Fernlund, P.G. Xuereb, N. Picarra u L.S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2018,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Bir-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi tal-vetturi bil-mutur privati permezz tal-Infrastrukturabgabegesetz (il-Liġi dwar it-Tariffi għall-Użu tal-Infrastrutturi), tat-8 ta’ Ġunju 2015 (BGBl. I, p. 904), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Artikolu 1 tal-Liġi tat-18 ta’ Mejju 2017 (BGBl. I, p. 1218) (iktar ’il quddiem l-“InfrAG”), u billi pprovdiet eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur li tikkorrispondi, minn tal-inqas, għall-ammont tal-imsemmija tariffa, fir-rigward ta’ sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, introdotta fil-Kraftfahrzeugsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Vetturi bil-Mutur), tas-26 ta’ Settembru 2002 (BGBl. I, p. 3818, iktar ’il quddiem il-“KraftStG”) biz-Zweites Verkehrsteueränderungsgesetz (it-Tieni Liġi Emendatorja tat-Taxxa fuq it-Trasport), tat-8 ta’ Ġunju 2015 (BGBl. I, p. 901), u emendata l-aħħar bil-Gesetz zur Änderung des Zweiten Verkehrsteueränderungsgesetzares (il-Liġi li Temenda t-Tieni Liġi Emendatorja tat-Taxxa fuq it-Trasport), tas-6 ta’ Ġunju 2017 (BGBl. I, p. 1493) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“miżuri nazzjonali inkwistjoni”), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/62/KE tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372), kif emendata bid-Direttiva 2011/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 (ĠU 2011, L 269, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Eurovignette”), din tapplika għat-taxxi fuq il-vetturi, pedaġġi u drittijiet ta’ użu imposti fuq vetturi bħal dawk iddefiniti fl-Artikolu 2 tagħha. L-imsemmi Artikolu 2(d) jiddefinixxi t-terminu “vettura” fis-sens tad-Direttiva Eurovignette bħala “vettura bil-mutur jew kombinazzjoni ta’ vetturi artikolata maħsuba jew użata għall-ġarr ta’ merkanzija fuq it-triq u li għandha piż massimu permissibbli meta tkun mgħobbija ’l fuq minn 3.5 tunnellati”. |
3 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva Eurovignette jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(1a), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti partijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe parti oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 7a sa 7k. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra bħal dawn ma jiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma jirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi. […] 3. Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utent ma għandhomx jiddiskriminaw, direttament jew indirettament, fuq il-bażi tan-nazzjonalità tat-trasportatur tal-merkanzija, tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn it-trasportatur tal-merkanzija huwa stabbilit jew fejn il-vettura hi rreġistrata, jew tal-oriġini jew id-destinazzjoni tal-attività tat-trasport. […]” |
4 |
L-Artikolu 7k tal-imsemmija Direttiva jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, din id-Direttiva ma taffetwax il-libertà tal-Istati Membri li jintroduċu sistema ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent għall-infrastruttura li jipprovdu kumpens adegwat għal dawk il-ħlasijiet imposti.” |
Id-dritt Ġermaniż
L-InfrAG
5 |
L-Artikolu 1 tal-InfrAG jipprevedi l-ħlas ta’ tariffa għall-użu minn vetturi bil-mutur privati ta’ toroq federali (iktar ’il quddiem it-“tariffa għall-użu tal-infrastrutturi”), fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Bundesfernstraßengesetz (il-Liġi dwar it-Toroq Federali), fil-verżjoni ppubblikata fit-28 ta’ Ġunju 2007 (BGBl. I, p. 1206), inklużi l-awtostradi. |
6 |
Konformement mal-Artikoli 3 u 7 tal-InfrAG, għall-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għandha titħallas, fil-forma ta’ vinjetta annwali, mis-sid tal-vettura. Skont l-Artikolu 5(1) tal-InfrAG, l-ammont tat-tariffa għandu jiġi stabbilit b’deċiżjoni tal-awtorità responsabbli għall-imsemmija tariffa. Il-vinjetta għandha titqies li tkun inkisbet fil-mument tar-reġistrazzjoni. |
7 |
Fir-rigward tal-vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż, l-obbligu li titħallas it-tariffa, li hija dovuta biss fil-każ tal-użu tal-awtostradi, għandu jkun oneru tas-sid jew tas-sewwieq waqt l-imsemmi użu u jitnissel, konformement mal-Artikolu 5(4) tal-InfrAG, mal-ewwel użu ta’ triq li tkun suġġetta għal tariffa wara l-qsim ta’ fruntiera. It-tariffa għandha titħallas fil-forma ta’ xiri ta’ vinjetta. F’dan ir-rigward, tista’ tinxtara vinjetta ta’ għaxart ijiem, vinjetta ta’ xahrejn jew vinjetta annwali. |
8 |
L-ammont tat-tariffa dovuta, li huwa s-suġġett tal-paragrafu 1 tal-Anness tal-Artikolu 8 tal-InfrAG, għandu jiġi kkalkolat skont iċ-ċilindrata tal-magna, il-mezz ta’ propulsjoni (tqabbid bl-ispark/tqabbid bil-kompressjoni) u l-klassi tal-emissjoni. Dan il-paragrafu huwa fformulat kif ġej: “It-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi:
madankollu, b’mod ġenerali ma għandhiex teċċedi EUR 130.” |
9 |
Fil-każ li t-toroq suġġetti għat-tariffa jintużaw mingħajr vinjetta valida jew il-vinjetta tkun ġiet ikkalkolata għal ammont eċċessivament baxx, it-tariffa għandha tinġabar a posteriori b’deċiżjoni konformement mal-Artikolu 12 tal-InfrAG. Għaldaqstant, hemm lok li t-tariffa titħallas għall-ammont tal-vinjetta annwali jew tad-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u l-ammont tal-vinjetta annwali. |
10 |
L-Artikolu 11 tal-InfrAG jipprevedi spezzjonijiet għal għarrieda sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-obbligu li titħallas it-tariffa. Skont l-Artikolu 11(7) tal-InfrAG, l-awtoritajiet jistgħu jimponu fil-post tal-ispezzjoni t-tariffa għall-ammont tal-vinjetta annwali u garanzija ta’ ammont ekwivalenti għall-multa li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 14 tal-InfrAG flimkien ma’ spejjeż proċedurali. Barra minn hekk, is-sewwieq jista’ jiġi prekluż milli jissokta t-traġitt tiegħu meta t-tariffa ma titħallasx fil-post tal-ispezzjoni minkejja li huwa jintalab jagħmel dan u meta jkun hemm dubji raġonevoli dwar jekk din tkunx ser titħallas iktar tard, jew meta d-dokumenti meħtieġa għall-ispezzjoni ma jiġux ippreżentati, meta l-informazzjoni mitluba ma tingħatax jew meta ma titħallasx il-garanzija mitluba kollha jew parti minnha. |
11 |
Skont l-Artikolu 14 tal-InfrAG, in-nuqqas ta’ ħlas jew il-ħlas inkomplet tat-tariffa, in-nuqqas ta’ provvista jew il-provvista żbaljata ta’ informazzjoni kif ukoll in-nuqqas ta’ konformità ma’ ordni ta’ waqfien tal-vettura fil-kuntest tal-ispezzjoni tal-osservanza tal-obbligu li titħallas it-tariffa jikkostitwixxu reati amministrattivi punibbli b’multa. |
Il-KraftStG
12 |
L-Artikolu 9(6) tal-KraftStG jipprovdi kif ġej: “Fir-rigward tal-vetturi nazzjonali, it-taxxa annwali [fuq il-vetturi bil-mutur] għandha titnaqqas (eżenzjoni) għal:
L-ammont tal-eżenzjoni skont l-ewwel sentenza għandu jkun limitat għat-tariffa annwali skont il-punti 2 u 2a tal-paragrafu 1, kif ukoll tal-paragrafu 4(2) fil-każ ta’ reġistrazzjonijiet staġonali sal-porzjon tal-ammont annwali bbażat fuq il-perijodu ta’ użu.” |
13 |
Skont l-Artikolu 3(2) tat-Tieni Liġi Emendatorja tat-Taxxa fuq it-Trasport, id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament jiddependi mill-bidu tal-ġbir tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, konformement mal-InfrAG. |
Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14 |
B’ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fiha kkontestat, minn naħa, l-effetti kkombinati tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tal-prezzijiet tal-vinjetti għal perijodu qasir. L-ittra ta’ intimazzjoni, issupplimentata bit-tieni ittra ta’ intimazzjoni tal-10 ta’ Diċembru 2015, kienet tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi għall-possibbiltà li dawn il-miżuri kienu jiksru l-Artikoli 18, 34, 45, 56 u 92 TFUE. Wara skambju ta’ fehmiet mal-awtoritajiet Ġermaniżi u wara li ntbagħtet opinjoni motivata fit-28 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet fid-29 ta’ Settembru 2016 li tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE. |
15 |
Madankollu, wara emendi li saru fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża kkontestati mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet, fis-17 ta’ Mejju 2017 li ttemm il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. |
16 |
B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2017, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet opinjoni mingħand il-Kummissjoni skont l-Artikolu 259 TFUE dwar il-possibbiltà ta’ ksur mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE, li jirriżulta mill-effetti kkombinati tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja. |
17 |
B’ittra tal-14 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet irċeviet l-ittra tar-Repubblika tal-Awstrija. |
18 |
B’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija u ġġustifikat il-miżuri nazzjonali inkwistjoni prinċipalment abbażi tal-bidla fis-sistema, li kienet inbidlet mill-finanzjament bit-taxxa għall-finanzjament mill-utenti, kif ukoll abbażi tal-legalità tal-miżuri kumpensatorji fuq il-bażi tad-Direttiva Eurovignette. |
19 |
Fil-31 ta’ Awwissu 2017, inżammet seduta fis-sede tal-Kummissjoni, li fiha r-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentaw l-argumenti rispettivi tagħhom. |
20 |
Il-Kummissjoni ma tatx opinjoni motivata fi żmien il-perijodu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 259 TFUE. |
21 |
Fit-12 ta’ Ottubru 2017, ir-Repubblika tal-Awstrija ppreżentat dan ir-rikors. |
22 |
B’deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar u tal-14 ta’ Frar 2018, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tad-Danimarka ġew ammessi jintervjenu insostenn, rispettivament, tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
Fuq ir-rikors
23 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka erba’ lmenti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, filwaqt li ppreċiżat li din, minkejja li ġiet adottata, għadha ma daħlitx fis-seħħ. L-ewwel u t-tieni lment huma bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 18 TFUE li jirriżulta, minn naħa, mill-effett ikkombinat tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għall-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-iżvilupp u mill-applikazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi. It-tielet ilment huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 34 u 56 TFUE bil-miżuri kollha kkontestati fl-ewwel u fit-tieni lment. Ir-raba’ lment huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 92 TFUE bl-effett ikkombinat tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur irreġistrati fil-Ġermanja. |
L-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 TFUE li jirriżulta mill-effett ikkombinat tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni
L-argumenti tal-partijiet
24 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-effett ikkombinat tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u tal-eżenzjoni konkomitanti mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għal ammont mill-inqas ekwivalenti għal din it-tariffa, li jibbenefikaw minnha s-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, iwassal sabiex l-imsemmija tariffa tkun de facto imposta fuq is-sidien u mhux fuq is-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma ċittadini ta’ dawn l-Istati. Dan ikun ifisser diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ nazzjonalità, li tmur kontra l-Artikolu 18 TFUE. |
25 |
Diskriminazzjoni bħal din toriġina mir-rabta assoluta u inseparabbli mil-lat kemm materjali kif ukoll temporali bejn it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għall-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, liema rabta timplika li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu evalwati flimkien mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni. |
26 |
Ir-Repubblika Awstrijaka tirrileva, barra minn hekk, li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom bħala għan li jimplimentaw wegħda elettorali li saret matul il-kampanja elettorali fil-Bundestag matul is-sena 2013 fil-Ġermanja, bil-għan li jiġu involuti sewwieqa barranin ta’ vetturi bil-mutur fl-ispejjeż tal-finanzjament tal-infrastrutturi Ġermaniżi mingħajr ma jinħolqu ħlasijiet addizzjonali għas-sidien Ġermaniżi tal-vetturi. |
27 |
Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għall-punt 23 tas-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑195/90, EU:C:1992:219), sabiex issostni l-eżistenza tad-diskriminazzjoni indiretta invokata. |
28 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara li rrikonoxxiet li l-miżuri nazzjonali kkontestati jifformaw unità kemm fir-rigward tal-għan suġġettiv tagħhom kif ukoll tal-kontenut oġġettiv tagħhom, tikkontesta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-introduzzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, anki meħuda inkunsiderazzjoni flimkien mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur. |
29 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota, l-ewwel nett, li minkejja li l-introduzzjoni tat-tariffa għall-infrastruttura tbiddel l-istatus quo għad-detriment tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati f’pajjiż barrani, din ma timplikax trattament sfavorevoli fir-rigward tas-sidien u tas-sewwieqa meta mqabbla mas-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja. Għall-kuntrarju, f’termini ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament tal-infrastrutturi ta’ trasport federali, is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja jkunu f’sitwazzjoni iktar favorevoli mis-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, peress li dawn tal-aħħar ikollhom iħallsu t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi biss meta jużaw l-awtostradi Ġermaniżi, filwaqt li tat-tieni jkunu, fi kwalunkwe każ, suġġetti għal din it-tariffa u jkollhom isostnu t-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, anki jekk din tal-aħħar tista’ tkun suġġetta għal tnaqqis. Barra minn hekk, il-piż fuq is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, skont it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, fi kwalunkwe każ tikkorrispondi l-iktar l-iktar għal dik imposta fuq is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja. |
30 |
It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota li l-fatt li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur hija ta’ benefiċċju biss għas-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja huwa bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 112), li tistabbilixxi hija stess l-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ tassazzjoni ta’ vetturi skont il-post ta’ reġistrazzjoni u, għalhekk, skont il-post tar-residenza abitwali. Id-delimitazzjoni tas-setgħat nazzjonali ta’ tassazzjoni ta’ vetturi bil-mutur irregolata minn din id-direttiva, li għandha l-għan li teskludi t-tassazzjoni doppja ta’ operaturi tas-suq u ta’ ċittadini tal-Unjoni, fid-dawl tan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, tkun tfisser li, għal kull vettura, hija biss it-taxxa fuq il-vetturi tal-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-imsemmija vettura li tkun deċiżiva. L-ammont tat-taxxa Ġermaniża fuq il-vetturi bil-mutur, li tiġi imposta biss fuq is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ma huwiex rilevanti għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra. |
31 |
It-tielet nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-introduzzjoni ta’ tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li r-rikavat tagħha jitħallas lill-baġit tat-trasport u li jintuża kollu konformement mal-użu tagħha, għat-titjib tal-infrastruttura federali tat-trasport, jissodisfa l-għan li jissaħħaħ il-finanzjament mill-utenti ta’ dawn l-infrastrutturi. L-imsemmi għan wassal lil dan l-Istat Membru jbiddel is-sistema, li kellu jaqleb mill-finanzjament mit-tassazzjoni għall-finanzjament mill-utenti. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz tal-kompetenza tagħha li tħallas taxxi diretti, iddeċidiet li taġġusta t-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, billi tintroduċi eżenzjoni ta’ parti minn din it-taxxa, sabiex iżżomm il-pressjoni finanzjarja ġenerali fuq is-sidien tal-vetturi rreġistrati f’dan l-Istat Membru fil-livell preċedenti u sabiex tipprekludi tassazzjoni doppja sproporzjonata. |
32 |
Ir-raba’ nett, il-possibbiltà ta’ kumpens tat-tariffa għall-użu ta’ infrastrutturi bi tnaqqis tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur tirriżulta mill-oriġini tal-Artikolu 7(3), kif ukoll tal-Artikolu 7k tad-Direttiva Eurovignette, li sservi bħala mudell għar-regoli dwar it-tariffi għall-użu tan-netwerk tat-toroq għall-vetturi bil-mutur privati. Il-prattika reċenti ta’ ċerti Stati Membri, bħar-Renju Unit jew ir-Renju tal-Belġju, li, fir-rigward ta’ vetturi tqal, jirrikorru għal din il-possibbiltà, tikkonferma l-konformità tal-miżuri nazzjonali kkontestati mad-dritt tal-Unjoni. |
33 |
Fl-aħħar, u l-ħames nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li d-dikjarazzjonijiet magħmula waqt kampanja elettorali ma għandhom ebda effett fuq il-konstatazzjoni ta’ possibbiltà ta’ differenza fit-trattament li tikkostitwixxi diskriminazzjoni. |
34 |
Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka, bħala motivi li jiġġustifikaw eventwali diskriminazzjoni indiretta li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, mad-distribuzzjoni tal-piż bejn l-utenti tal-infrastrutturi nazzjonali u barranin kif ukoll mal-bidla tas-sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi tat-trasport federali. |
35 |
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi essenzjalment jikkondividi l-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Awstrija u jenfasizza n-natura komparabbli tas-sitwazzjoni tas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u ta’ dik tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, li jużaw awtostradi Ġermaniżi. |
36 |
Ir-Renju tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, jikkondividi l-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma humiex diskriminatorji u, b’mod partikolari, jenfasizza l-kompetenza tal-Istati Membri li jintroduċu, jemendaw u jabolixxu taxxi diretti u tariffi nazzjonali li ma humiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
37 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija essenzjalment issostni, fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għal vetturi bil-mutur irreġistrati fil-Ġermanja, għalkemm ma humiex ibbażati formalment fuq distinzjoni skont in-nazzjonalità, iwasslu, bl-effett ikkombinat tagħhom, għal trattament iktar favorevoli minn dak fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra u għalhekk jiksru l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE. |
38 |
Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali li huma jipprevedu, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi pprojbita. |
39 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Issa, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jiġi implimentat, fost l-oħrajn, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, fl-Artikolu 34 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, Medisanus, C‑296/15, EU:C:2017:431, punt 65), f’dak tal-moviment liberu tal-ħaddiema, fl-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Bechtel, C‑20/16, EU:C:2017:488, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u, fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fl-Artikoli 56 TFUE sa 62 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu biss jiġu eżaminati fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE sa fejn japplikaw għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni kif previsti mit-Trattat FUE. |
42 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll il-forom kollha indiretti ta’ diskriminazzjoni li, permezz ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel ilment tar-Repubblika tal-Awstrija, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi vverifikat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhomx rabta bejniethom li tiġġustifika li huma jkunu suġġetti għal evalwazzjoni konġunta fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. |
44 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, ġew introdotti fl-istess jum, jiġifieri fit-8 ta’ Ġunju 2015, u ġew emendati f’dati viċini, jiġifieri, fit-18 ta’ Mejju 2017 u fis-6 ta’ Ġunju 2017 rispettivament, u li l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni kienet ġiet suġġetta għall-bidu tal-ġbir tal-imsemmija tariffa. Barra minn hekk, l-ammont tal-eżenzjoni li jibbenefikaw minnu s-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jikkorrispondi mal-ammont tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li dawn is-sidien kellhom iħallsu bil-quddiem, ħlief għall-vetturi tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6, li s-sidien tagħhom kienu jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għal ammont ogħla mit-tariffa li kellhom iħallsu. Minn dan jirriżulta li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur fil-każijiet kollha għandha l-effett, minn tal-inqas, li tikkumpensa lis-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, il-piż il-ġdid ikkostitwit bit-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi. |
45 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-impożizzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi fuq sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprevediet li din it-tariffa tkun dovuta, bħala taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, minħabba r-reġistrazzjoni tal-vettura. |
46 |
Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, kemm mil-lat temporali kif ukoll mil-lat materjali, hemm rabta f’dan is-sens mill-qrib bejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni li tiġġustifika li dawn jiġu evalwati konġuntament fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 18 TFUE. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali rabta hija rrikonoxxuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza. |
47 |
Fit-tieni lok, huwa meħtieġ li jiġi aċċertat jekk il-miżuri nazzjonali kkontestati, evalwati konġuntament, jistabbilixxux differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità. |
48 |
F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, skont dawn il-miżuri, l-utenti kollha tal-awtostradi Ġermaniżi huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, irrispettivament mill-post ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi tagħhom. Madankollu, is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak tat-tariffa li kellhom iħallsu, minkejja li l-piż ekonomiku ta’ din it-tariffa huwa de facto sostnut biss minn sidien u sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja. |
49 |
Jidher li, minħabba l-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, li jużaw awtostradi Ġermaniżi, jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, fir-rigward tal-użu ta’ dawn l-awtostradi, u dan minkejja li jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward ta’ dan l-użu. |
50 |
Tali inugwaljanza fit-trattament hija partikolarment manifesta fir-rigward ta’ vetturi tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6. Fil-fatt, filwaqt li s-sidien ta’ dan it-tip ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jibbenefikaw minn soprakumpens tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, is-sidien u s-sewwieqa tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6 rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, li jużaw awtostradi Ġermaniżi, għandhom, fi kwalunkwe każ, iħallsu l-imsemmija tariffa. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mhux biss fir-rigward tas-sidien ta’ vetturi tal-klassi ta’ emissjoni Euro 6 rreġistrati fil-Ġermanja iżda wkoll meta mqabbla mas-sidien ta’ vetturi li jniġġsu iktar u li huma rreġistrati f’dan l-Istat Membru. |
51 |
Fl-aħħar nett, minkejja li d-differenza fit-trattament ma hijiex ibbażata direttament fuq in-nazzjonalità, xorta jibqa’ l-fatt li l-maġġoranza l-kbira tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja ma humiex ċittadini Ġermaniżi, filwaqt li l-maġġoranza l-kbira ta’ sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja huma ċittadini Ġermaniżi, b’mod li tali differenza twassal effettivament għall-istess riżultat bħal differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità. |
52 |
Il-fatt li, minn naħa, is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u, barra minn hekk, huma suġġetti għat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, u li, min-naħa l-oħra, l-ammont li jrid jitħallas mis-sidien u mis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, abbażi ta’ din it-tariffa, jikkorrispondi, fil-massimu, għall-ammont li għandu jitħallas mis-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, fir-rigward tal-istess tariffa, ma jbiddilx, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-konstatazzjoni fil-punt 49 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata għad-detriment tas-sidien u tas-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja tirriżulta mill-fatt li, minħabba l-eżenzjoni li jibbenefikaw minnha s-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, dawn tal-aħħar ma humiex, de facto, suġġetti għall-piż ekonomiku tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi. |
53 |
Din il-konstatazzjoni lanqas ma tista’ tiġi invalidata bl-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, deskritti fil-qosor fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza. |
54 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur tibbenefika biss lis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament ikkonstatat li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tat-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur, l-Istati Membri huma liberi li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom f’dan il-qasam, bir-reġistrazzjoni li tidher bħala l-korollarju naturali tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C‑451/99, EU:C:2002:195, punti 40 u 41). Tali fatt jispjega li t-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur tiġi imposta biss fuq is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, b’mod li huma biss dawn tal-aħħar li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ din it-taxxa. |
55 |
Madankollu, dan il-fatt ma jfissirx li l-ammont tal-imsemmija taxxa huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni li taffettwa s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja. |
56 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam tal-fiskalità diretta b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C‑451/99, EU:C:2002:195, punti 40, kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL, C‑553/16, EU:C:2018:604, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Minn dan isegwi li, bl-impożizzjoni ta’ taxxi fuq il-vetturi bil-mutur, l-Istati Membri għandhom josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, b’mod li l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ dawn it-taxxi ma jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni. |
58 |
F’dan il-każ, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur għall-benefiċċju tas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja għandha l-effett li tikkumpensa kompletament it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi mħallsa minn dawn tal-aħħar, b’mod li, kif ġie rrilevat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-piż ekonomiku tal-imsemmija tariffa jiġi, de facto, sostnut biss mis-sidien u mis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, li jikkostitwixxi miżura diskriminatorja għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar. |
59 |
B’hekk, l-ammont tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur huwa rilevanti għas-sidien u għas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja sa fejn ir-regoli applikabbli għall-iffissar tagħha fil-fatt iwasslu għal differenza fit-trattament għad-detriment tagħhom. |
60 |
It-tieni nett, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw is-sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi tat-toroq tagħhom billi jissostitwixxu sistema ta’ finanzjament mit-tassazzjoni b’sistema ta’ finanzjament mill-utenti kollha, inklużi s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra li jużaw tali infrastrutturi, sabiex jiġi żgurat li dawn l-utenti kollha jikkontribwixxu b’mod ġust u proporzjonat għall-imsemmi finanzjament, sa fejn din il-modifika tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sanċit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE. Tali modifika tirriżulta mill-għażla libera ta’ kull Stat Membru li jiddefinixxi l-mod ta’ finanzjament tal-infrastrutturi pubbliċi tiegħu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. |
61 |
Fil-każ ineżami, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirriżulta li dan l-Istat Membru ddeċieda, fir-rigward tal-infrastrutturi tat-trasport federali tiegħu, li jibdel parzjalment minn sistema ta’ finanzjament mit-taxxa għal sistema ta’ finanzjament ibbażata fuq il-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u ta’ “min iniġġes iħallas”. |
62 |
Din il-bidla ta’ sistema hija bbażata fuq l-introduzzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li huma suġġetti għaliha l-utenti kollha tal-awtostradi Ġermaniżi, indipendentement minn jekk il-vettura tagħhom tkunx irreġistrata fil-Ġermanja, u li d-dħul minnha huwa kompletament allokat għall-finanzjament tal-infrastrutturi tat-toroq, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja organizzat ir-rati ta’ din it-tariffa skont il-klassi ta’ emissjoni tal-vetturi kkonċernati. |
63 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri nazzjonali kkontestati ma jidhrux li huma konsistenti mal-għan imfittex mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta din introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, li huwa mfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza. |
64 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’mod parallel mal-introduzzjoni ta’ din it-tariffa, fasslet mekkaniżmu individwali ta’ kumpens għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, permezz ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ ammont mill-inqas ekwivalenti għal dak imħallas għal din it-tariffa. |
65 |
Madankollu, l-argument ta’ dan l-Istat Membru li din l-eżenzjoni tirrifletti l-bidla għal sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi tat-toroq mill-utenti kollha, skont il-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u ta’ “min iniġġes iħallas”, ma jistax jiġi aċċettat. |
66 |
Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrikonoxxiet hija stess, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li, minħabba l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur li jibbenefikaw minnha, is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, minkejja l-fatt li huma suġġetti għall-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, fil-fatt ma jsostnux piż addizzjonali b’effett mill-introduzzjoni tal-imsemmija tariffa. |
67 |
Huwa minnu li dan l-Istat Membru jargumenta li l-imsemmija sidien kienu diġà qegħdin jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-infrastrutturi tat-toroq qabel ma ġiet introdotta din it-tariffa, permezz tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, u li għalhekk il-mekkaniżmu ta’ kumpens huwa intiż sabiex jiġi evitat piż fiskali sproporzjonat. Madankollu, minbarra l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza hija stess, f’termini ġenerali, li l-infrastrutturi federali huma ffinanzjati mit-tassazzjoni, hija ma pprovdiet ebda preċiżazzjoni dwar il-portata ta’ din il-kontribuzzjoni u għalhekk ma stabbilixxiet b’ebda mod li l-kumpens mogħti lil dawn is-sidien, fil-forma ta’ eżenzjoni mill-imsemmija taxxa ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, ma jeċċedix l-imsemmija kontribuzzjoni u għalhekk huwa ta’ natura xierqa. |
68 |
Barra minn hekk, fir-rigward tas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, hemm lok li jiġi osservat li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi hija mfassla b’tali mod li b’ebda mod ma tiddependi fuq l-użu effettiv minnhom tat-toroq federali. Għalhekk, minn naħa, tali tariffa tkun dovuta anki minn sid li qatt ma juża dawn it-toroq. Min-naħa l-oħra, is-sid ta’ vettura rreġistrata fil-Ġermanja huwa awtomatikament suġġett għat-tariffa annwali u għalhekk ma għandux il-possibbiltà li jagħżel vinjetta ta’ tul iqsar jekk din tissodisfa aħjar il-frekwenza tiegħu tal-użu tat-toroq. Tali elementi, flimkien mal-fatt li dawn jibbenefikaw ukoll minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak imħallas skont din it-tariffa, juru li t-tranżizzjoni għal sistema ta’ finanzjament ibbażata fuq il-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas” fil-fatt tkopri esklużivament is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, filwaqt li l-prinċipju tal-finanzjament tat-taxxa jibqa’ applikabbli għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati f’dan l-Istat Membru. |
69 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-mekkaniżmu ta’ kumpens inkwistjoni f’dan il-każ jiddiskrimina kontra s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx kapaċi tistabbilixxi li l-imsemmi mekkaniżmu ta’ kumpens inkwistjoni jissodisfa l-għan imħabbar minn dan l-Istat Membru li jibdel minn sistema ta’ infrastruttura ta’ finanzjament mit-taxxa għal sistema ta’ finanzjament mill-utenti kollha, għaliex it-tnaqqis tat-taxxa fuq vetturi bil-mutur introdott minn dan l-Istat Membru fil-fatt għandu l-konsegwenza li jeżenta lis-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja mit-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi. |
70 |
It-tielet nett, il-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma tista’ f’ebda każ tkun ibbażata, anki b’analoġija, fuq id-Direttiva Eurovignette. |
71 |
Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ vetturi tqal għall-użu tal-infrastrutturi, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tawtorizza mekkaniżmu għall-kumpens tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi bħal dik inkwistjoni fil-każ ineżami. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Artikolu 7k ta’ din id-direttiva jirreferi biss għal “kumpens adegwat”, dan il-kumpens għandu, fi kwalunkwe każ, ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
72 |
Barra minn hekk, l-allegata eżistenza, fil-kuntest tad-Direttiva Eurovignette, ta’ mudelli għall-kumpens tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur simili għall-mudell inkwistjoni fil-każ ineżami fi Stati Membri oħra ma tistax tkun ibbażata fuq il-kompatibbiltà tal-kombinazzjoni ta’ miżuri nazzjonali inkwistjoni fl-Artikolu 18 TFUE. |
73 |
Fl-aħħar u t-tielet nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u proporzjonati mal-għan leġittimu mfittex mid-dritt nazzjonali (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka, għall-fini li tiġġustifika d-diskriminazzjoni indiretta li tirriżulta mill-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, kunsiderazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, mat-tqassim tal-piż bejn l-utenti Ġermaniżi u l-utenti barranin sabiex tiġi ppreżervata l-koerenza tas-sistema tat-taxxa, kif ukoll mal-bidla tas-sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi. |
75 |
Fir-rigward, qabelxejn, tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali, minkejja li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi għan leġittimu għall-finijiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal-libertajiet fundamentali, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑428/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:218, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja madankollu ma hijiex qiegħda tistabbilixxi kif l-introduzzjoni ta’ tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li tiġi imposta, de facto, biss fuq is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, hija xierqa sabiex tiggarantixxi dan il-għan. |
76 |
Fir-rigward, sussegwentement, tal-għan li jikkonsisti f’bidla minn sistema ta’ finanzjament tal-infrastrutturi permezz tat-taxxi għal sistema ta’ finanzjament mill-utenti, anki jekk dan l-għan jista’ jiġġustifika differenza fit-trattament, huwa ċar mill-punti 64 sa 69 ta’ din is-sentenza li l-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma tkunx xierqa sabiex jintlaħaq dan il-għan. |
77 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq ir-rekwiżit li tiġi ggarantita l-koerenza mas-sistema fiskali bit-tqassim ġust tal-piż ta’ din it-tariffa għall-użu tal-infrastruttura, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, il-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni twassal, de facto, sabiex is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jiġu eżentati mill-imsemmija tariffa, u b’hekk sabiex il-piż ta’ din it-tariffa jiġi llimitat biss għas-sidien u għas-sewwieqa ta’ vetturi li ma jkunux irreġistrati f’dan l-Istat Membru. |
78 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel ilment għandu jintlaqa’ u għandu jiġi kkonstatat li, billi ġiet introdotta t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u billi ġiet prevista, simultanjament, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa, favur sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 18 TFUE. |
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 TFUE li jirriżulta mill-organizzazzjoni u mill-applikazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi
L-argumenti tal-partijiet
79 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-organizzazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi hija fiha nnifisha diskriminatorja u, għalhekk, tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li l-InfrAG tagħmel distinzjoni, fir-rigward ta’ diversi aspetti, bejn vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u dawk irreġistrati barra mill-pajjiż. |
80 |
B’mod partikolari, is-setgħat ta’ intervent previsti fl-Artikoli 11, 12 u 14 tal-InfrAG, jiġifieri l-ispezzjonijiet għal għarrieda, l-impożizzjoni ta’ garanzija u l-projbizzjoni tal-kontinwazzjoni tat-triq, kif ukoll l-irkupru a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi sal-ammont tal-vinjetta annwali jew id-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u l-vinjetta annwali, skont l-Artikolu 12 tal-InfrAG, ikunu applikabbli biss għal vetturi rreġistrati barra mill-pajjiż. |
81 |
L-impożizzjoni ta’ multi skont l-Artikolu 14 tal-InfraAG tkun tikkonċerna fil-biċċa l-kbira lis-sidien u lis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra minbarra l-Ġermanja. Il-fatt li l-elementi li jikkostitwixxu ċertu ksur, bħall-“ħlas mhux komplut tat-tariffa”, jistgħu jiġu stabbiliti biss fir-rigward ta’ dawn is-sidien u ta’ dawn is-sewwieqa, isostnu din id-dikjarazzjoni. |
82 |
Is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑224/00, EU:C:2002:185, il-punti 16 sa 19), tikkonferma d-differenza fit-trattament allegat kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
83 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija tirrikonoxxi li l-għan li jiġi żgurat il-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura dovuta mis-sidien u mis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja jista’ possibbilment jiġġustifika, għalhekk, id-differenza fit-trattament invokata, fir-rigward tas-setgħat ta’ intervent u tal-impożizzjoni ta’ multi. Min-naħa l-oħra, tali għan ma jistax jiġġustifika tali differenza fir-rigward tal-irkupru a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, fis-sens tal-Artikolu 12 tal-InfAG. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi wkoll għas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑224/00, EU:C:2002:185, punt 26). |
84 |
Fi kwalunkwe każ, il-modalitajiet prattiċi għall-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi huma sproporzjonati. |
85 |
Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħlas ta’ garanzija, ir-Repubblika tal-Awstrija tfakkar li, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, EU:C:2006:63), peress li hemm il-possibbiltà li jiġu imposti multi fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ trattati internazzjonali, id-depożitu ta’ garanzija jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ħlas tal-multa. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għat-Trattat dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Amministrattivi bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
86 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispeċifika li r-regoli dwar l-eżekuzzjoni u l-kontroll tal-ħlas tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi japplikaw mingħajr distinzjoni għas-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u għas-sidien u sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja. |
87 |
Filwaqt li huwa minnu li l-impożizzjoni ta’ depożitu, prevista fl-Artikolu 11(7) tal-InfrAG, tikkonċerna biss lis-sidien u lis-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, tali tariffa tkun iġġustifikata peress li d-debitur barrani tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi la jaqa’ taħt il-kontroll tal-awtorità amministrattiva kompetenti għall-imsemmija tariffa u lanqas taħt dak tal-awtorità superviżorja amministrattiva, meta jitlaq mit-territorju Ġermaniż. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ depożitu ma tkunx obbligatorja u l-ammont ma huwiex, barra minn hekk, sproporzjonat. |
88 |
Fir-rigward tas-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, EU:C:2006:63), invokata mir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, f’din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx b’mod ġenerali li r-rekwiżit ta’ depozitu huwa sproporzjonat fid-dawl tal-istat attwali ta’ żvilupp tal-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-ġustizzja, iżda kkonstatat ir-rekwiżit, għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-istabbiliment ta’ depożitu li jitħallas diġà fl-Istat Membru ta’ oriġini, li ma sarx fil-każ ineżami. |
89 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-irkupru a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi sal-ammont tal-vinjetta annwali jew tad-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u dak tal-vinjetta annwali huwa intiż li jiggarantixxi li t-tariffa dovuta effettivament titħallas, u li hija proporzjonata fir-rigward ta’ dan il-għan. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota li s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja mhux qegħdin jiġu ttrattati b’mod differenti mis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja li, fi kwalunkwe każ, iridu jħallsu l-prezz ta’ vinjetta annwali. |
90 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-multa prevista fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi rigward it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, tali multa la tkun diskriminatorja u lanqas sproporzjonata. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrileva li l-impożizzjoni ta’ tali multa ma hijiex awtomatika u tibqa’ suġġetta għall-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ miżuri eċċessivi. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
91 |
Għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tal-InfrAG dwar spezzjonijiet għal għarrieda, il-projbizzjoni tal-kontinwazzjoni tat-triq, l-irkupru a posteriori tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, l-impożizzjoni possibbli ta’ multa kif ukoll il-ħlas ta’ depożitu, jikkostitwixxux diskriminazzjoni kontra sidien u sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja u, fl-affermattiv, jekk tistax tiġi ġġustifikata. |
92 |
F’dan is-sens, rigward, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tal-InfrAG dwar kontrolli għal għarrieda, il-projbizzjoni tal-kontinwazzjoni tat-triq u l-possibbiltà ta’ impożizzjoni ta’ multa fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li titħallas it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi dovuta, għandu jiġi kkonstatat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, li xejn fil-proċess li ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw biss għas-sidien u għas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja. |
93 |
Għall-kuntrarju, mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li kemm is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja kif ukoll is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja jistgħu jkunu suġġetti għal spezzjonijiet għal għarrieda, bil-għan li jiġi vverifikat jekk dawn osservawx l-obbligu li titħallas it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi dovuta u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jiġu pprojbiti milli jkomplu t-traġitt tagħhom permezz tal-vettura inkwistjoni u jimponu multa, kif argumentat fis-sottomissjonijiet tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
94 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma stabbilixxietx li d-dispożizzjonijiet tal-InfrAG dwar dan il-punt, għalkemm abbozzati b’mod newtrali, jiżvantaġġaw b’mod partikolari s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja. |
95 |
F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet relatati mal-impożizzjoni ta’ multi, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-fatt li l-elementi li jikkostitwixxu ċertu ksur, bħall-ħlas inkomplet tat-tariffa jew il-provvista żbaljata ta’ informazzjoni, jistgħu jiġu imputati biss fir-rigward tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, ma jsostnix id-dikjarazzjoni li tgħid li l-maġġoranza l-kbira ta’ persuni affettwati minn dawn id-dispożizzjonijiet huma dawn is-sidien u s-sewwieqa. |
96 |
Fil-fatt, tali ċirkustanza hija konsegwenza inevitabbli tad-differenzi oġġettivi li jeżistu bejn is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u s-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, kemm fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi kif ukoll tal-ħlas tagħha. F’dan ir-rigward, filwaqt li s-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja huma obbligati jħallsu t-tariffa bil-quddiem, fil-forma ta’ vinjetta annwali fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, sa ammont stabbilit ex officio mill-awtorità kompetenti, is-sidien u s-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri minbarra l-Ġermanja għandhom iħallsu din it-tariffa biss meta jużaw l-awtostradi Ġermaniżi, wara l-qsim tal-fruntiera, fil-forma ta’ vinjetta ta’ tul varjabbli, skont l-għażla tal-utent ikkonċernat, u sa ammont fiss ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-utent stess. |
97 |
Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ma pprovdiet ebda indikazzjoni dwar l-ammont tal-multi possibbli li jistgħu jiġu imposti għal ksur li jista’ jitwettaq biss minn sidien u sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, b’tali mod li ma hemm xejn fil-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jiġi kkonstatat li tali ammont ikun sproporzjonat mal-gravità tal-ksur. |
98 |
Fir-rigward, it-tieni nett, tal-irkupru a posteriori, previst fl-Artikolu 12 tal-InfrAG, tat-tariffa għall-użu ta’ infrastrutturi mhux imħallsa sal-ammont tal-vinjetta annwali, fil-każ ta’ użu ta’ awtostradi Ġermaniżi mingħajr vinjetta valida, jew sad-differenza bejn l-ammont diġà mħallas u dak tal-vinjetta annwali, fil-każ ta’ awtostradi Ġermaniżi b’vinjetta għal perijodu ta’ validità qasir wisq, tali dispożizzjoni ma tidhirx li hija diskriminatorja sa fejn is-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja jkollhom iħallsu wkoll l-ammont li jikkorrispondi għal vinjetta annwali. |
99 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li din id-dispożizzjoni toħloq differenza fit-trattament għad-detriment tas-sidien u tas-sewwieqa ta’ vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja, din tkun iġġustifikata mill-għan li jiġi żgurat il-ħlas effettiv tat-tariffa dovuta għall-użu tal-infrastrutturi. Fil-fatt, minbarra l-fatt li dispożizzjoni bħal din tippermetti li jinkiseb dan l-għan, l-obbligu għas-sidien u għas-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri għajr il-Ġermanja sabiex, fil-każ ta’ ksur, iħallsu t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi sal-ammont tal-vinjetta annwali jew sad-differenza bejn l-ammont tal-vinjetta annwali u l-ammont li diġà tħallas ma jidhirx li huwa sproporzjonat, fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi, meta jikkonstataw, waqt li jwettqu spezzjonijiet għal għarrieda, ksur tal-obbligu li tinxtara vinjetta għall-użu ta’ awtostradi Ġermaniżi, ġeneralment ma jkollhomx informazzjoni dwar il-perijodu ta’ żmien li matul tiegħu t-trasgressur ikun ilu fit-toroq mingħajr il-vinjetta meħtieġa. |
100 |
Fir-rigward, it-tielet nett, tal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 11(7) tal-InfrAG, għall-awtoritajiet li jikkonstataw, matul spezzjoni għal għarrieda, il-ksur tal-obbligu li titħallas it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi dovuta, li jeżiġu somma bħala depożitu ta’ ammont ekwivalenti għall-multa imposta u għall-ispejjeż tal-proċedura amministrattiva, huwa minnu, hekk ikkonfermat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet tagħha, li din il-possibbiltà hija disponibbli biss għal trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja. Għalhekk, din id-dispożizzjoni toħloq differenza fit-trattament għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar. |
101 |
Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li tali differenza hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat il-ħlas ta’ multi imposti fuq trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, minħabba d-diffikultà li dan id-dejn jiġi rkuprat meta dawn il-persuni jitilqu mit-territorju Ġermaniż. |
102 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li n-nuqqas ta’ strumenti konvenzjonali li jippermettu li jiġi żgurat l-infurzar ta’ kundanna fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun ġiet ordnata jiġġustifika oġġettivament differenza fit-trattament bejn trasgressuri residenti u mhux residenti u li l-obbligu li titħallas somma permezz ta’ garanzija imposta biss fuq trasgressuri mhux residenti hija adatta sabiex tipprekludihom milli jevitaw sanzjoni effettiva billi sempliċement jiddikjaraw li ma jagħtux il-kunsens tagħhom għall-impożizzjoni immedjata tal-multa (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja,C‑224/00, EU:C:2002:185, punt 21). |
103 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li l-għan li jiġi żgurat il-ħlas ta’ multi imposti fuq trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, li jipprovdi l-possibbiltà li dawn tal-aħħar jintalbu jħallsu garanzija, jiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn dawn it-trasgressuri u t-trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fil-Ġermanja. |
104 |
L-eżistenza ta’ ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha ebda rilevanza f’dan ir-rigward, peress li, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, din tal-aħħar ma kkonkludietx ftehimiet simili mal-Istati Membri l-oħra kollha. |
105 |
Peress li l-possibbiltà li jintalab il-ħlas ta’ somma bħala garanzija tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex, irid jiġi wkoll stabbilit jekk tali rekwiżit imurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan. |
106 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 11(7) tal-InfrAG, u kif indikat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-osservazzjonijiet tagħha, fil-każ ta’ konstatazzjoni, waqt spezzjoni għal għarrieda, ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu, iżda ma humiex obbligati, jitolbu lit-trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja u li jirrifjutaw li jħallsu minnufih il-multa imposta, li jħallsu garanzija għall-ħlas ta’ din il-multa. |
107 |
Sa fejn il-ħlas ta’ garanzija ma jkunx awtomatikament meħtieġ mit-trasgressuri kollha, huwa raġonevoli li jitqies li l-awtoritajiet kompetenti jimponu dan ir-rekwiżit biss fejn, minħabba ċirkustanzi individwali, ikun hemm ir-riskju li l-multa imposta ma tkunx tista’ tiġi imposta jew tkun tista’ tiġi imposta biss b’mod diffiċli ħafna. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Awstrija ma pprovdiet ebda evidenza li tqajjem dubji dwar din il-preżunzjoni. |
108 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-ammont stabbilit għal din il-garanzija huwa limitat għall-multa imposta u għall-ispejjeż tal-proċedura amministrattiva. |
109 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-possibbiltà li t-trasgressuri li jużaw vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor għajr il-Ġermanja jħallsu garanzija sabiex jiġi żgurat li l-ħlas tal-multa imposta hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex. |
110 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 34 u 56 TFUE
L-argumenti tal-partijiet
111 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu jaffettwaw il-provvisti transkonfinali ta’ merkanzija mwettqa minn vetturi bil-mutur privati sa 3.5 tunnellati totali li huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, kif ukoll il-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn persuni mhux residenti jew anki l-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn persuni mhux residenti, b’tali mod li jiksru l-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanzija u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
112 |
B’riferiment għall-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni lment, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma diskriminatorji u jikkostitwixxu wkoll restrizzjonijiet illegali fuq il-libertajiet fundamentali msemmija fil-punt preċedenti. |
113 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi taffettwa l-kanal ta’ distribuzzjoni għall-prodotti li jkunu ser jinbiegħu u tikkostitwixxi, għalhekk, arranġament ta’ bejgħ, fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905), li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE, peress li ma huwiex diskriminatorju b’mod miftuħ jew dissimulat. |
114 |
Barra minn hekk, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ma għandhiex karatteristika transkonfinali peress li kienet tikkonċerna biss liċ-ċittadini nazzjonali u għalhekk ma hijiex miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet. |
115 |
Fi kwalunkwe każ, ir-rabta bejn l-introduzzjoni ta’ tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għall-vetturi bil-mutur privati u l-ostakoli possibbli għall-aċċess għas-suq għall-merkanzija ttrasportata f’dawn il-vetturi, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C‑93/92, EU:C:1993:838), hija inċerta u indiretta wisq sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE. |
116 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi lanqas ma taffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. Fil-fatt, ma hemm ebda restrizzjoni effettiva tal-aċċess minn fornituri u minn destinatarji ta’ servizzi minn Stati Membri oħra tal-Unjoni għas-suq Ġermaniż, peress li l-impatt tal-miżuri inkwistjoni fuq l-ispiża tas-servizzi kkonċernati huwa marġinali. |
117 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar li l-miżuri li l-uniku effett tagħhom huwa li jinħolqu spejjeż addizzjonali għall-provvista inkwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri u dik fi ħdan Stat Membru ma humiex koperti mill-Artikolu 56 TFUE (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518, punt 31). F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, minħabba l-introduzzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi u l-eżenzjoni simultanja mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, il-fornituri u d-destinatarji ta’ servizzi li joriġinaw minn Stati Membri oħra ma jġarrbu ebda diskriminazzjoni indiretta meta mqabbla mal-fornituri u mad-destinatarji Ġermaniżi tal-istess servizzi. |
118 |
Fl-aħħar nett, ir-Renju tad-Danimarka josserva li l-Artikolu 7k tad-Direttiva Eurovignette neċessarjament jimplika li l-impożizzjoni ta’ piżijiet fuq l-użu ta’ vetturi tqal, b’kumpens konkomitanti għall-impriżi nazzjonali tat-trasport li aktarx taffettwa indirettament il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma tiksirx l-Artikoli 34 u 56 TFUE. Madankollu, dan ikun fundamentalment kuntrarju għall-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 7k li ebda skema ta’ kumpens bħal din ma setgħet titwaqqaf barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija
119 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri huwa prinċipju fundamentali tat-Trattat FUE li huwa espress fil-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE, ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll ta’ kull miżura li għandha effett ekwivalenti (sentenza tas-27 ta’ April 2017, Noria Distribution, C‑672/15, EU:C:2017:310, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
120 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 34 TFUE tirreferi għal miżuri minn Stati Membri li jistgħu jfixklu, direttament jew indirettament, effettivament jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑428/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:218, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
121 |
Barra minn hekk, miżura, anki jekk la għandha l-għan u lanqas l-effett li tittratta b’mod inqas favorevoli prodotti minn Stati Membri oħra, taqa’ fi ħdan il-kunċett ta’ “miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi”, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, jekk tfixkel l-aċċess ta’ Stat Membru għal prodotti li joriġinaw fi Stati Membri oħra (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑428/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:218, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
122 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. Fiż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu, C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 110). |
123 |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi aċċertat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jiksrux il-moviment liberu tal-merkanzija. |
124 |
Għall-finijiet ta’ din il-verifika, huwa importanti li jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ir-rabta bejn dawn il-miżuri tiġġustifika l-evalwazzjoni konġunta tagħhom fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk tal-Artikolu 34 TFUE. |
125 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, anki jekk it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi ma tiġix imposta fuq prodotti trasportati bħala tali, xorta waħda tista’ taffettwa l-oġġetti kkunsinnati minn vetturi bil-mutur privati sa 3.5 tunnellati, irreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, waqt il-qsim tal-fruntiera, u għalhekk għandha tiġi eżaminata, flimkien mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-moviment liberu tal-merkanzija. |
126 |
It-tieni nett, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza juru li, għalkemm it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi hija formalment applikabbli fir-rigward ta’ merkanzija kkunsinnata permezz ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u fir-rigward ta’ merkanzija kkunsinnata minn vetturi rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, jidher li, bħala riżultat tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, applikabbli fid-dawl tal-ewwel kategorija ta’ prodotti, din it-tariffa aktarx li taffettwa biss it-tieni kategorija ta’ merkanzija. Għalhekk, permezz tal-applikazzjoni kkombinata tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, din il-merkanzija tal-aħħar tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn merkanzija kkunsinnata permezz ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja. |
127 |
Minn dak li ntqal isegwi li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni aktarx li jfixklu l-aċċess għas-suq Ġermaniż ta’ prodotti minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi li huma suġġetti għaliha, fil-fatt, biss vetturi li jittrasportaw dawn il-prodotti, tista’ żżid l-ispejjeż tat-trasport u, konsegwentement, il-prezz tal-imsemmija prodotti, u b’hekk taffettwa l-kompetittività tagħhom. |
128 |
L-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li t-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi huwa biss modalità ta’ bejgħ, fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mitouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905), ma jistax jiġi aċċettat. |
129 |
Fil-fatt, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “modalità ta’ bejgħ” ikopri biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw kif il-prodotti jistgħu jiġu kkummerċjalizzati, peress li r-regoli dwar kif tista’ tiġi ttrasportata l-merkanzija ma jaqgħux taħt dan il-kunċett. |
130 |
Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument tal-Ġermanja li jgħid li l-effetti restrittivi possibbli tat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi huma wisq inċerti u indiretti sabiex jagħtu lok għal ksur tal-Artikolu 34 TFUE, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1993, CMC Motorradcenter (C‑93/92, EU:C:1993:838). |
131 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minħabba l-konsegwenzi tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni deskritti fil-punt 127 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi argumentat b’mod raġonevoli li l-effetti restrittivi ta’ dawn il-miżuri huma wisq inċerti u indiretti sabiex jagħtu lok għall-Artikolu 34 TFUE. |
132 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, li jmur kontra l-Artikolu 34 TFUE, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. |
133 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma invokat ebda raġuni sabiex tiġġustifika tali restrizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet invokati minn dan l-Istat Membru, b’risposta għall-ewwel dikjarazzjoni, li jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament bejn is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u s-sidien u s-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, ma jistgħux ikunu rilevanti għall-finijiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni, għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punti 75 sa 77 ta’ din is-sentenza. |
134 |
Konsegwentement, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, li tmur kontra l-Artikolu 34 TFUE. |
– Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
135 |
Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe regola nazzjonali li jkollha l-effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi li huma purament interni għal Stat Membru (sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
136 |
Il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, ifixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL, C‑553/16, EU:C:2018:604, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
137 |
Min-naħa l-oħra, il-miżuri li l-effett waħdieni tagħhom huwa li jinħolqu spejjeż addizzjonali għall-provvista inkwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri u dik fi ħdan Stat Membru ma humiex koperti mill-Artikolu 56 TFUE (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
138 |
Għandu jitfakkar ukoll li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita ferm, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi mhux biss il-libertà li jiġu pprovduti servizzi attivi fil-kuntest li fih is-sid jiċċaqlaq lejn il-benefiċjarju tas-servizzi, iżda wkoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi passivi, jiġifieri l-libertà ta’ destinatarji ta’ servizzi li jmorru fi Stat Membru ieħor fejn jinsab il-fornitur sabiex jibbenefika minn dawn is-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punt 15, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
139 |
Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata biss jekk l-għan tagħha jkun leġittimu u kompatibbli mat-Trattat FUE u jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn, jekk ikun il-każ, hija tkun kapaċi tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, TTL, C‑553/16, EU:C:2018:604, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
140 |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi aċċertat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni, evalwati b’mod konġunt, jiksrux il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
141 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-fornituri tas-servizzi li jiċċaqilqu lejn il-Ġermanja sabiex jipprovdu servizzi hemmhekk permezz ta’ vettura sa 3.5 tunnellati rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja huma suġġetti għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, u li l-maġġoranza ta’ dawn il-fornituri tas-servizzi huma stabbiliti fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, filwaqt li l-fornituri tas-servizzi fil-Ġermanja, li, għall-finijiet ta’ dan is-servizz, jiċċaqilqu permezz ta’ vettura rreġistrata f’dan l-Istat Membru, huma stabbiliti b’mod predominanti fil-Ġermanja. |
142 |
Lanqas ma huwa kkontestat li dawk li jirċievu servizzi li, permezz ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru għajr il-Ġermanja, jiċċaqilqu lejn il-Ġermanja sabiex jibbenefikaw mis-servizzi inkwistjoni huma suġġetti għall-imsemmija tariffa u li dawn id-destinatarji prinċipalment joriġinaw minn Stat Membru għajr il-Ġermanja, filwaqt li dawk li jirċievu s-servizzi pprovduti fil-Ġermanja li, sabiex jibbenefikaw minn dawk is-servizzi, jiċċaqilqu f’vettura rreġistrata fil-Ġermanja, normalment joriġinaw minn dan l-Istat Membru. |
143 |
Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet imqajma fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza juru li, minħabba l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur li jibbenefikaw minnha l-fornituri u d-destinatarji tas-servizzi stabbiliti fil-Ġermanja, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi hija fil-fatt imposta biss fuq il-fornituri tas-servizzi u d-destinatarji tas-servizzi li joriġinaw minn Stat Membru ieħor. |
144 |
Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jistgħu jostakolaw l-aċċess għas-suq Ġermaniż tal-fornituri tas-servizzi u tad-destinatarji tas-servizzi li joriġinaw minn Stat Membru għajr il-Ġermanja. Fil-fatt, it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi tista’, minħabba l-eżenzjoni mit-taxxa fuq vetturi bil-mutur li jagħmlu parti mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni, iżżid l-ispiża tas-servizzi fornuti fil-Ġermanja minn dawn il-fornituri, jew iżżid l-ispiża għal dawn id-destinatarji li jivvjaġġaw lejn dak l-Istat Membru sabiex jirċievu servizz hemmhekk. |
145 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tibbaża ruħha validament fuq il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 117 ta’ din is-sentenza sabiex teskludi l-eżistenza ta’ ostakolu f’dan il-każ. |
146 |
Fil-fatt, ġurisprudenza bħal din hija applikabbli biss fejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jaffettwaw il-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri u l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri bl-istess mod, li ma huwiex il-każ hawnhekk. |
147 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bi ksur tal-Artikolu 56 TFUE, sakemm ma tkunx iġġustifikata b’mod oġġettiv. |
148 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma invokat ebda raġuni sabiex tiġġustifika tali restrizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet invokati minn dak l-Istat Membru, b’risposta għall-ewwel ilment, sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament bejn is-sidien tal-vetturi rreġistrati fil-Ġermanja u s-sidien u s-sewwieqa tal-vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, ma jistgħux ikunu rilevanti għall-finijiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni, għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-paragrafi 75 sa 77 ta’ din is-sentenza. |
149 |
Konsegwentement, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bi ksur tal-Artikolu 56 TFUE. |
150 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jintlaqa’ t-tielet ilment u li jiġi kkonstatat li, billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, u billi pprevediet, fl-istess ħin, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ mill-inqas ammont ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa lis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 34 u 56 TFUE. |
Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 92 TFUE
L-argumenti tal-partijiet
151 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tikser l-Artikolu 92 TFUE, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam tat-trasport, li jeskludi kull possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni u li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkopri t-trasport kummerċjali bix-xarabank jew it-trasport ta’ merkanzija minn vetturi bil-mutur privati sa 3.5 tunnellati. |
152 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija tirrileva li l-kundizzjoni għan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 92 TFUE hija l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. Madankollu, ma hemm ebda leġiżlazzjoni sekondarja li hija vinkolanti fuq vetturi bil-mutur privati sa 3.5 tunnellati. |
153 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija għalhekk tqis li l-prinċipju legali li joħroġ mill-punt 23 tas-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑195/90, EU:C:1992:219), jista’ jiġi traspost għal din il-kawża. |
154 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, l-ewwel nett, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 92 TFUE ma jkoprix it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, anki meta jittieħed inkunsiderazzjoni flimkien mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur, peress li, minħabba l-limitazzjoni tat-tariffa għal ċerti kategoriji ta’ vetturi, it-trasport kummerċjali huwa fil-biċċa l-kbira eżentat mill-obbligu li jħallas it-tariffa. |
155 |
It-tieni nett, kuntrarjament għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 92 TFUE bħala klawżola ta’ standstill, li ġiet ikkonstatata fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑195/90, EU:C:1992:219), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-projbizzjoni ta’ rigressjoni stabbilita fl-Artikolu 92 TFUE ma tispeċifikax il-protezzjoni tal-istatus quo fir-rigward tas-sitwazzjoni kompetittiva, iżda tipprojbixxi biss diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra impriżi barranin tat-trasport, projbizzjoni li f’dan il-każ ma ġietx miksura. |
156 |
It-tielet nett, anki jekk l-Artikolu 92 TFUE għandu jiġi interpretat bħala garanzija tal-istatus quo, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li din id-dispożizzjoni ma għadhiex applikabbli peress li d-Direttiva Eurovignette fiha kriterji għal regoli nazzjonali li jistgħu japplikaw ukoll għal vetturi sa 3.5 tunnellati waqt il-ġbir tad-drittijiet għall-użu tat-triq. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7k ta’ din id-direttiva jippermettu miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ. |
157 |
Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑195/90, EU:C:1992:219), li tibbaża ruħha fuqha r-Repubblika tal-Awstrija, kellha esklużivament u speċifikament bħala għan il-klawżola ta’ standstill li llum tinsab fl-Artikolu 92 TFUE, b’kunsiderazzjoni għall-istat tad-dritt li jippreċedi l-leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni dwar l-impożizzjoni ta’ tariffi fuq vetturi tqal, li llum tinsab fid-Direttiva Eurovignette, li minnha jirriżulta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni, stabbiliti simultanjament, huma konformi mal-Artikolu 92 TFUE. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
158 |
Konformement mal-Artikolu 92 TFUE, sakemm jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1) TFUE, u sakemm il-Kunsill ma jkunx adotta miżura li tagħti deroga, ebda Stat Membru ma għandu jirrendi inqas favorevoli, fl-effett dirett jew indirett tagħhom, għat-trasportaturi ta’ Stati Membri oħra meta mqabbla mat-trasportaturi nazzjonali, id-diversi dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw il-qasam fl-1 ta’ Jannar 1958 jew, għall-Istati aderenti, fid-data tal-adeżjoni tagħhom. |
159 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-attività tat-trasport suġġetta għat-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi tista’ titwettaq bl-użu ta’ vetturi sa 3.5 tunnellati. F’dan il-każ, l-attività hija komunement magħrufa bħala “trasport ħafif”. |
160 |
Min-naħa l-oħra, filwaqt li s-settur tat-trasport bit-triq huwa kopert fil-biċċa l-kbira mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għad ma hemm ebda leġiżlazzjoni dwar it-trasport ħafif fid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, ma ġiet stabbilita ebda leġiżlazzjoni dwar it-tassazzjoni tal-użu tat-toroq minn vetturi sa 3.5 tunnellati, konformement mal-Artikolu 91 TFUE. Mill-Artikolu 1 tad-Direttiva Eurovignette, moqri flimkien mal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri tapplika biss għal vetturi li jeċċedu t-3.5 tunnellati. |
161 |
Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 141 u 143 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-kombinazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni, huma biss it-trasportaturi li jużaw vettura sa 3.5 tunnellati rreġistrati fi Stat Membru għajr il-Ġermanja (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi barranin”) li, fil-fatt, huma affettwati mit-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, peress li t-trasportaturi li jużaw vettura ta’ inqas minn 3.5 tunnellati rreġistrati fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem it-“trasportaturi Ġermaniżi”) jibbenefikaw minn kumpens għal din it-tariffa. |
162 |
Għandu jiġi kkonstatat li, billi jikkumpensaw integralment il-piż ġdid ta’ tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, imħallsa mit-trasportaturi kollha, b’eżenzjoni mit-taxxa fuq vetturi bil-mutur b’ammont li, minn tal-inqas, huwa ekwivalenti għat-tariffa mħallsa, li jibbenefikaw minnu t-trasportaturi Ġermaniżi u li huma esklużi minnu t-trasportaturi barranin, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni għandhom bħala effett li jimmodifikaw, f’sens li huwa sfavorevoli għalihom, is-sitwazzjoni ta’ trasportaturi barranin meta mqabbla ma’ dik ta’ trasportaturi Ġermaniżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑195/90, EU:C:1992:219, punt 23). |
163 |
Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ r-raba’ lment u li jiġi kkonstatat li, billi nstab li, billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi, u billi tipprovdi, fl-istess ħin, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ mill-inqas ammont ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa lis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 92 TFUE. |
164 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għall-vetturi bil-mutur privati, u billi pprevediet, fl-istess ħin, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ mill-inqas ammont ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa lis-sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE. |
Fuq l-ispejjeż
165 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, ħlief sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix li jkun iġġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li waħda mill-partijiet ikollha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
166 |
F’dan il-każ, kemm ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbu li l-parti l-oħra tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellhiex suċċess fil-kuntest tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ lment invokati mir-Repubblika tal-Awstrija, u din fil-kuntest tat-tieni lment tagħha. |
167 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tiġi kkundannata tħallas tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika tal-Awstrija, u tiddeċiedi li kull parti għandha ssostni l-ispejjeż tagħha. |
168 |
Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli tal-proċedura, li jipprovdi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, għandu jiġi deċiż li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tad-Danimarka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.