KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HOGAN
ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )
Kawża C‑363/18
Organisation juive européenne,
Vignoble Psagot Ltd
vs
Ministre de l’Économie et des Finances
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Ittikkettjar u preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel — Regolament (UE) Nru 1169/2011 — Indikazzjoni obbligatorja tal-oriġini tal-prodotti — Ommissjoni li x’aktarx tqarraq bil-konsumaturi — Prodotti minn territorji okkupati mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi ( 2 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura bejn, minn naħa, assoċjazzjoni magħrufa bħala Organisation juive européenne (iktar ’il quddiem l-“Organisation juive européenne”) u kumpannija tal-vinji Psagot Ltd (iktar ’il quddiem “Psagot”) u, min-naħa l-oħra, il-Ministre de l’économie et des Finances français (il-Ministru Franċiż għall-Ekonomija u l-Finanzi) li tikkonċerna notifika li permezz tagħha dan tal-aħħar irrikjeda l-indikazzjoni, fuq prodotti tal-ikel li joriġinaw mit-territorji okkupati mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn u, fejn applikabbli, minn insedjamenti f’dawn it-territorji, tat-territorju inkwistjoni u l-indikazzjoni addizzjonali “insedjament Iżraeljan”. |
3. |
Permezz ta’ din it-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat l-opportunità tiċċara l-portata tal-obbligu ta’ indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza fuq prodotti tal-ikel fejn l-assenza ta’ tali informazzjoni tkun tqarraq bil-konsumatur. |
II. Kuntest storiku fil-qosor
4. |
Fil-perijodu ta’ wara kampanja militari qasira f’Ġunju 1967, l-Iżrael okkupa ċerti territorji li preċedentement kienu parti minn tliet Stati oħra jew kienu kkontrollati minnhom, jiġifieri l-Eġittu, is-Sirja u l-Ġordan. Fil-każ tal-Eġittu, it-territorji inkwistjoni kienu l-Peniżola tas-Sinaj u l-Medda ta’ Gaża. (L-Eġittu kien amministra l-Medda ta’ Gaża mill‑1948 sal‑1967 għalkemm ma kinitx parti mill-Eġittu.) L-Għoljiet tal-Golan kienu parti mis-Sirja, u x-Xatt tal-Punent u Ġerusalem tal-Lvant kienu amministrati mill-Ġordan bejn l-1948 u l-1967. |
5. |
Fil-każ tas-Sinaj, dan it-territorju ġie rritornat lill-Eġittu bħala parti mit-Trattat ta’ Paċi bejn l-Eġittu u l-Iżrael tal‑1979. L-Iżrael evakwa l-Medda ta’ Gaża fl‑2005, għalkemm dan jikkontrolla l-aċċess għat-territorju mill-art, mill-ajru u mill-baħar. Il-Medda ta’ Gaża bħalissa tinsab de facto taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni magħrufa bħala l-Hamas. |
6. |
Ħlief għal parti żgħira mit-territorju mogħti lura lis-Sirja fl‑1974 u żona żgħira ħafna demilitarizzata, l-Għoljiet tal-Golan baqgħu taħt l-okkupazzjoni Iżraeljana. L-Għoljiet tal-Golan ġew effettivament annessi mal-Iżrael f’Diċembru 1981. |
7. |
Ġerusalem tal-Lvant ukoll baqgħet taħt l-okkupazzjoni Iżraeljana. Is-sitwazzjoni fir-rigward tax-Xatt tal-Punent hija iktar kumplessa. Parti minnu hija amministrata mill-Awtorità Palestinjana Nazzjonali, iżda meded kbar minn dan it-territorju xorta waħda huma pretiżi mill-Iżrael. L-Iżrael kien bena wkoll insedjamenti estensivi għaċ-ċittadini tiegħu f’Ġerusalem tal-Lvant, fix-Xatt tal-Punent u fuq l-Għoljiet tal-Golan. Dan preċedentement kien bena tali insedjamenti fis-Sinaj, iżda dawn tneħħew meta dan it-territorju ngħata lura taħt il-kontroll Eġizzjan. Kien hemm ukoll xi insedjamenti fil-Medda ta’ Gaża, iżda dawn tneħħew ukoll meta l-Iżrael evakwa dan it-territorju fl‑2005. |
8. |
Dan, f’sommarju pjuttost wiesa’, jifforma l-kuntest storiku ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Din it-talba tikkonċerna l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti rekwiżiti ta’ ttikkettjar fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw minn dawn it-territorji okkupati, li d-dettalji tagħhom ser niddeskrivihom hawn. Għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din it-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja, sa ċertu punt, ser ikollha tal-inqas tiddetermina l-legalità tal-okkupazzjoni attwali mill-Iżrael ta’ dawk li għall-konvenjenza ser nipproponi li jiġu msejħa t-Territorji Okkupati. Madankollu, huwa importanti li jiġi ddikjarat qabel kollox li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tħares neċessarjament lejn il-kwistjoni mqajma bħala kwistjoni purament legali, fejn għal dan il-għan ser tieħu spunt mid-dritt internazzjonali u ser tagħmel riferiment għal dan il-għan għar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, għal opinjoni importanti tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja mogħtija fl‑2004 u għal sorsi oħra tad-dritt internazzjonali. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li xejn minn dawn il-konklużjonijiet jew mis-sentenza finali tal-Qorti tal-Ġustizzja ma għandu jiġi dedott bħala li jesprimi opinjoni politika jew morali fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet imqajma minn dan ir-rinviju. |
III. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 1169/2011
9. |
Il-premessi 3, 29 u 33 tar-Regolament Nru 1169/2011 jistabbilixxu:
[…]
[…]
|
10. |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi biex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni filwaqt li jassigura li s-suq intern jiffunzjona mingħajr xkiel.” |
11. |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa intitolat “Definizzjonijiet”. Skont l-Artikolu 2(2)(g), “post ta’ provenjenza” tfisser “kwalunkwe post minn fejn l-ikel hu indikat li ġej, u li mhuwiex il-‘pajjiż tal-oriġini’ kif determinat taħt l-Artikoli 23 sa 26 [tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità]; l-isem, l-isem tan-negozju jew l-indirizz tal-operatur tan-negozju tal-ikel fuq it-tikketta m’għandhomx jikkostitwixxu indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament[.]” Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) jenfasizza li “[g]ħall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-pajjiż tal-oriġini ta’ ikel għandu jirriferi għall-oriġini ta’ ikel kif iddeterminata skont l-Artikoli 23 sa 26 [tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità]”. |
12. |
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Għanijiet ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafu 1: “Il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi. […]” |
13. |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa intitolat “Prassi ġusta dwar l-informazzjoni”. Il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi: “L-informazzjoni dwar l-ikel m’għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari: fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura tiegħu, l-identità, il-proprjetajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza, il-metodu ta’ fabbrikazzjoni jew produzzjoni; […]” |
14. |
L-Artikolu 9(1)(i) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi li l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza hija obbligatorja fejn l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jipprovdi hekk. Skont il-paragrafu 2 ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-post ta’ provenjenza hija obbligatorja “fejn in-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel, b’mod partikolari jekk l-informazzjoni li jkun hemm mal-ikel jew it-tikketta b’mod globali tista’ b’xi mod ieħor timplika li l-ikel għandu pajjiż differenti tal-oriġini jew post differenti ta’ provenjenza”. |
15. |
L-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Miżuri nazzjonali”, jipprovdi: “1. Fir-rigward tal-kwistjonijiet speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu jistgħu jadottaw lanqas iżommu miżuri nazzjonali sakemm ma jkunux awtorizzati mil-liġi tal-Unjoni. Dawk il-miżuri nazzjonali m’għandhomx jikkawżaw ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti, inkluża d-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ ikel minn Stati Membri oħra. 2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 39, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali dwar kwistjonijiet li mhumiex speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament dment li huma ma jipprojbixxux, ma jimpedixxux jew ma jirristrenġux il-moviment liberu tal-prodotti li huma f’konformità ma’ dan ir-Regolament.” |
16. |
L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Miżuri nazzjonali u dettalji obbligatorji addizzjonali”, jipprovdi: “1. Minbarra d-dettalji partikolari msemmija fl-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10, l-Istati Membri jistgħu, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 45, jadottaw miżuri sabiex jesiġu dettalji obbligatorji addizzjonali għal tipi jew kategoriji speċifiċi ta’ ikel, iġġustifikati abbażi ta’ mill-anqas waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
2. Taħt il-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri li jikkonċernaw l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ ikel biss fejn hemm rabta ppruvata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu. Meta jinnotifikaw miżuri bħal dawn lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza li l-maġġoranza tal-konsumaturi jorbtu valur sinifikanti mal-forniment ta’ din l-informazzjoni.” |
2. Il-Kodiċi Doganali
17. |
Fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011, l-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien jipprovdi li “[m]erkanzija li toriġina f’pajjiż [kienet] dik miksuba kollha jew prodotti [prodotta] f’dak il-pajjiż.” L-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jispeċifika li “[m]erkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”. |
18. |
Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità tħassar bir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”). Skont l-Artikolu 286(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ir-riferimenti għall-Kodiċi Doganali tal-Komunità f’atti oħra tal-Unjoni għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. |
19. |
L-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni – li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2016 ( 4 ) – jikkorrispondi essenzjalment għad-dispożizzjonijiet preċedentement inklużi fl-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, “[m]erkanzija ottenuta kollha kemm hi f’pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies bħala li toriġina minn dak il-pajjiż jew territorju”. Il-paragrafu 2 jistabbilixxi li “[m]erkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż jew territorju wieħed għandha titqies li toriġina fil-pajjiż jew territorju fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament ġustifikat, f’impriża mgħammra għal dak l-għan, u li jirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”. |
3. L-Avviż Interpretattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti minn territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ’l hawn
20. |
Fit‑12 ta’ Novembru 2015, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż intitolat “Avviż Interpretattiv dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti minn territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ’l hawn” ( 5 ) (iktar ’il quddiem l-“Avviż Interpretattiv”). |
21. |
Il-Kummissjoni tiġġustifika l-approċċ tagħha mill-fatt li hemm “domanda mingħand il-konsumaturi, l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet nazzjonali għal ċarezza rigward il-leġiżlazzjoni eżistenti fuq l-informazzjoni ta’ oriġini tal-merkanzija minn territorji okkupati mill-Iżrael” ( 6 ). L-għan tiegħu huwa “wkoll li jkun iggarantit li jiġu rispettati l-pożizzjonijiet u l-impenji tal-Unjoni f’konformità mad-dritt internazzjonali fir-rigward tan-nonrikonoxximent mill-Unjoni tas- sovranità tal-Iżrael fuq it-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ’l hawn” ( 7 ). |
22. |
Din hija r-raġuni għalfejn, fl-aħħar tal-Avviż Interpretattiv, il-Kummissjoni tqis li: “(7) Peress li l-Għoljiet tal-Golan u x-Xatt tal-Punent (inkluż Ġerusalemm tal-Lvant) ma jiffurmawx parti mit-territorju Iżraeljan skont id-dritt internazzjonali, l-indikazzjoni ‘prodott tal-Iżrael’ hija kkunsidrata skorretta u qarrieqa fis-sens tal-leġiżlazzjoni li saret referenza għaliha. (8) Sal-punt li l-indikazzjoni tal-oriġini hija obbligatorja, trid tintuża espressjoni oħra, li tikkunsidra kif dawn it-territorji s-soltu jissejħu. (9) Għall-prodotti mill-Palestina li ma joriġinawx mill-insedjamenti, indikazzjoni li ma tqarraqx rigward l-oriġini ġeografika, filwaqt li tikkorrispondi mal-prassi internazzjonali, tista’ tkun ‘prodott tax-Xatt tal-Punent (prodott Palestinjan)’, ‘prodott ta’ Gaża’ jew ‘prodott tal-Palestina’. (10) Għal prodotti mix-Xatt tal-Punent jew mill-Għoljiet tal-Ġolan li joriġinaw mill-insedjamenti, indikazzjoni limitata għal ‘prodott tal-Għoljiet tal-Golan’ jew ‘prodott tax-Xatt tal-Punent’ ma tkunx aċċettabbli. Anke jekk ikunu jindikaw żona jew territorju usa’ minn fejn il-prodott joriġina, in-nuqqas tal-informazzjoni ġeografika addizzjonali li l-prodott ġej mill-insedjamenti tal-Iżrael ikun iqarraq bil-konsumatur rigward l-oriġini vera tal-prodott. F’dawn il-każi trid tiżdied l-espressjoni ‘insedjament Iżraeljan’ jew waħda ekwivalenti, pereżempju f’parentesi. Għaldaqstant, jistgħu jintużaw espressjonijiet bħal ‘prodott tal-Għoljiet tal-Golan (insedjament Iżraeljan)’ jew ‘prodott tax-Xatt tal-Punent (insedjament Iżraeljan)’.” |
B. Id-dritt Franċiż
23. |
Fl‑24 ta’ Novembru 2016, b’riferiment għar-Regolament Nru 1169/2011, il-Ministeru Franċiż għall-Ekonomija u l-Finanzi ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża avviż lill-operaturi ekonomiċi dwar l-indikazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija li tkun ġejja mit-territorji okkupati mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn (“Avis aux opérateurs économiques relatifs à l’indication de l’origine des marchandises issues des territoires occupés par Israël depuis 1967”) ( 8 ) (iktar ’il quddiem l-“avviż kontenzjuż”) |
24. |
Dan l-avviż kontenzjuż huwa fformulat kif ġej: “Ir-Regolament [Nru 1169/2011] jipprovdi li d-dettalji tal-ittikkettjar għandhom ikunu ġusti. Dawn ma għandhomx jirriskjaw li jqarrqu bil-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-oriġini tal-prodotti. Il-prodotti tal-ikel mit-territorji okkupati mill-Iżrael għandhom għalhekk jiġu ttikkettjati sabiex jirriflettu din l-oriġini. Konsegwentement, id-Direction générale de la Concurrence, de la consommation et de la répression des fraudes du ministère de l’Économie et des Finances (GCCRF) għandha tiġbed l-attenzjoni tal-operaturi għall-Avviż Interpretattiv. B’mod partikolari, dan jispeċifika li skont id-dritt internazzjonali l-Għoljiet tal-Golan u x-Xatt tal-Punent, inkluż Ġerusalem tal-Lvant, ma humiex parti mill-Iżrael. Konsegwentement, sabiex il-konsumatur ma jitqarraqx, l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel għandu b’mod preċiż jindika l-oriġini eżatta tal-prodotti, kemm jekk l-indikazzjoni tagħha hija obbligatorja skont ir-regoli tal-Komunità u kemm jekk titwaħħal mill-operatur b’mod volontarju. Għal prodotti mix-Xatt tal-Punent jew mill-Għoljiet tal-Golan li joriġinaw minn kolonji, riferiment limitat għal ‘prodott li joriġina mill-Għoljiet tal-Golan’ jew ‘prodott li joriġina mix-Xatt tal-Punent’ ma huwiex aċċettabbli. Għalkemm dawn it-termini effettivament jirreferu għaż-żona jew it-territorju usa’ li minnu joriġina l-prodott, l-ommissjoni tal-informazzjoni ġeografika addizzjonali li l-prodott joriġina minn kolonja Iżraeljana x’aktarx li tqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott. F’dawn il-każijiet, huwa neċessarju li jiżdied, bejn il-parenteżi, it-terminu ‘insedjament Iżraeljan’ jew termini ekwivalenti. Għalhekk, jistgħu jintużaw termini bħal ‘prodott li joriġina mill-Għoljiet tal-Golan (insedjament Iżraeljan)’ jew ‘prodott li joriġina mix-Xatt tal-Punent (insedjament Iżraeljan)’.” |
IV. Il-fatti fil-kawża prinċipali
25. |
Permezz tal-avviż kontenzjuż, il-Ministeru Franċiż għall-Ekonomija u l-Finanzi, b’riferiment għar-Regolament Nru 1169/2011, speċifika t-termini li jistgħu jew li ma jistgħux jintużaw għal prodotti mit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 ’l hawn. |
26. |
Permezz ta’ żewġ rikorsi, l-Organisation juive européenne u Psagot (kumpannija li tispeċjalizza fl-isfruttament tal-vinji li jinsabu b’mod partikolari fit-territorji okkupati mill-Iżrael) qegħdin ifittxu l-annullament tal-avviż kontenzjuż bħala ultra vires. |
27. |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-avviż kontenzjuż mar-Regolament Nru 1169/2011 tiddependi minn jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix, għal prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, indikazzjoni ta’ dan it-territorju u indikazzjoni li l-prodott ġej minn insedjament Iżraeljan jekk ikun il-każ, jew, jekk le, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 jippermettux lil Stat Membru jeżiġi li tali prodotti jġorru tali tikketti. |
V. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2018, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2018, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin: “Id-dritt tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari r-Regolament Nru 1169/2011 […], meta l-indikazzjoni tal-oriġini ta’ prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun obbligatorja, jeżiġi, fir-rigward ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael sa mill‑1967, l-indikazzjoni ta’ dan it-territorju u indikazzjoni li tispeċifika li l-prodott joriġina minn kolonja Iżraeljana [insedjament Iżraeljan] jekk dan ikun il-każ? Fin-nuqqas ta’ dan, id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 1169/2011] b’mod partikolari dawk tal-Kapitolu VI tiegħu, jippermettu li Stat Membru jeżiġi tali indikazzjonijiet?” |
29. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Organisation juive européenne, Psagot, il-Gvern Franċiż, dak Svediż, dak Irlandiż u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni. Ħlief għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, dawn il-partijiet kollha ppreżentaw sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tad‑9 ta’ April 2019. |
VI. Analiżi
A. Fuq l-ewwel domanda
30. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1169/2011 jeżiġix għall-finijiet ta’ ttikkettjar, l-indikazzjoni tal-oriġini ta’ prodott li jkun ġej minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn u, jekk it-tweġiba tkun fl-affermattiv, x’inhi l-portata ta’ dan ir-rekwiżit tal-ittikkettjar. |
1. It-tifsira ta’ “pajjiż tal-oriġini” u “post ta’ provenjenza”
31. |
Skont l-Artikoli 9 u 26 tar-Regolament Nru 1169/2011, l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza hija obbligatorja fejn “nuqqas ta’ din l-indikazzjoni jista’ jiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel”. Għalhekk, huwa neċessarju li tiġi ddeterminata, fl-ewwel lok, it-tifsira tat-termini “pajjiż tal-oriġini” u “post ta’ provenjenza”. |
32. |
Il-“post ta’ provenjenza” huwa ddefinit mill-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament Nru 1169/2011 għall-kuntrarju tal-“pajjiż tal-oriġini” li huwa minnu nnifsu ddefinit b’riferiment għall-Artikoli 23 sa 26 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. |
33. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiċċara fir-rigward tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ oriġini tal-merkanzija, iżda ma jirrigwardawx il-kontenut tal-informazzjoni ddestinata għall-konsumaturi ( 9 ). Il-“pajjiż tal-oriġini” fis-sens tar-Regolament Nru 1169/2011 sempliċement ikopri, għalhekk, merkanzija li toriġina minn pajjiż, inkluż il-baħar territorjali tiegħu. |
34. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament Nru 1169/2011 jipprovdi wkoll li “l-isem, l-isem tan-negozju jew l-indirizz tal-operatur tan-negozju tal-ikel fuq it-tikketta ma għandhomx jikkostitwixxu indikazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tal-ikel skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament”. Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, huwa ċar li r-riferiment għal “post ta’ provenjenza” neċessarjament jirreferi għal post li la huwa pajjiż u lanqas l-indirizz tal-operatur tan-negozju tal-ikel fuq it-tikketta. |
35. |
Il-kelma “post” hija kelma komuni li tirreferi, fis-sens ordinarju tagħha, għal sitwazzjoni ta’ spazju li tagħmel possibbli li jiġu llokalizzati persuni jew oġġetti ( 10 ). Għalhekk, jirriżulta li t-termini “pajjiż tal-oriġini” fis-sens tar-Regolament Nru 1169/2011 jirreferu għal pajjiż, inkluż il-baħar territorjali tiegħu ( 11 ) filwaqt li t-termini “post ta’ provenjenza” jirreferu għal post ġeografiku li huwa iżgħar minn pajjiż u ikbar mill-post preċiż ta’ bini ( 12 ). |
36. |
Iktar minn hekk, madankollu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti ( 13 ). |
37. |
Fl-ewwel lok, l-għan tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa stabbilit b’mod ċar fl-Artikolu 1: il-leġiżlatur tal-Unjoni jfittex li jiżgura “livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, billi jqis id-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni” ( 14 ). Huwa ovvju li l-enfasi hawn hija fuq il-bżonn għal informazzjoni tal-konsumatur. |
38. |
Ma jistax jiġi miċħud li l-protezzjoni tas-saħħa hija wkoll żgurata mir-Regolament Nru 1169/2011. Fil-fatt, il-premessa 3 tiegħu tistabbilixxi li “[s]abiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għall-konsumaturi u sabiex ikun garantit id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, għandu jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati b’mod adegwat dwar l-ikel li jieklu”. Madankollu, flimkien mal-fatt li din il-premessa tqis il-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi u d-dritt tagħhom għal informazzjoni fuq bażi ugwali, l-istess premessa tikkonferma li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa ferm usa’ minn sempliċement kwistjonijiet ta’ saħħa. Fil-fatt, il-premessa 3 tenfasizza l-fatt li l-għażliet tal-konsumaturi jistgħu jiġu influwenzati, fost l-oħrajn, minn kunsiderazzjonijiet sanitarji iżda wkoll minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi. |
39. |
Huwa perfettament ovvju li f’ambjent modern ċerti xirjiet ma għadhomx ibbażati biss fuq kunsiderazzjonijiet bħall-prezz jew l-identità ta’ ditta partikolari. Għal ħafna konsumaturi, tali xirjiet jistgħu jkunu influwenzati wkoll minn kriterji bħal kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali, politiċi, kulturali jew etiċi ( 15 ). |
40. |
Lura għall-formulazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 u l-obbligu speċifiku relatat mal-“pajjiż tal-oriġini” jew il-“post ta’ provenjenza”, wieħed għandu jammetti wkoll li din id-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għal kwistjoni ta’ saħħa. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa newtrali fir-rigward tal-kawża tar-riskju ta’ qerq fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel. |
41. |
Fit-tieni lok, il-kuntest tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa wkoll rilevanti għad-determinazzjoni tal-portata tat-termini “post ta’ provenjenza”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni – li telenka d-dettalji obbligatorji – hija l-ewwel artikolu tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Informazzjoni Obbligatorja dwar l-Ikel”. Qabel il-Kapitolu IV, il-Kapitolu II jipprovdi xi “Prinċipji Ġenerali dwar l-Informazzjoni tal-Ikel” filwaqt li l-Kapitolu III huwa ddedikat għal “Rekwiżiti Ġenerali għal Informazzjoni dwar l-Ikel u r-Responsabbiltajiet tal-Operaturi tan-Negozji tal-Ikel”. |
42. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li, kif intqal diġà, l-ewwel artikolu tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1169/2011 – jiġifieri l-Artikolu 3(1) – jinsisti fuq il-bżonn għall-konsumaturi finali li jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, “b’mod partikolari fir-rigward ta’ konsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi” ( 16 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 iżid li “[m]eta jitqies il-bżonn ta’ informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, għandu jittieħed kont tal-bżonn frekwenti min-naħa tal-maġġoranza tal-konsumaturi għal ċerta informazzjoni li tkun ta’ valur sinifikanti għalihom” ( 17 ). Finalment, fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1169/2011, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 jistabbilixxi li “[l]-informazzjoni dwar l-ikel għandha tkun preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur” ( 18 ). |
43. |
Filwaqt li jista’ jkun minnu li jingħad li, meqjus waħdu, interpretazzjoni letterali tat-terminu “post ta’ provenjenza” tista’ tissuġġerixxi riferiment li jkun limitat għal żona ġeografika biss, dan il-kliem ma jistax, madankollu, jinqara sempliċement f’iżolament mill-bqija tat-test leġiżlattiv u l-għan tiegħu. Hawn huwa neċessarju li tinġibed l-attenzjoni għan-newtralità tal-formulazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011, għall-enfasi mogħtija mil-leġiżlatur lill-bżonn li l-konsumaturi jiġu pprovduti b’livell għoli ta’ informazzjoni, għall-firxa wiesgħa ta’ kunsiderazzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti għal dawn il-konsumaturi u għall-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni preċiża, ċara u faċilment komprensibbli. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jissuġġerixxu interpretazzjoni tat-terminu “post ta’ provenjenza” li ma hijiex neċessarjament limitata għal riferiment purament ġeografiku. |
44. |
Fi kliem ieħor, filwaqt li t-terminu “pajjiż tal-oriġini” b’mod ċar jirreferi għall-ismijiet tal-pajjiżi u l-baħar territorjali tagħhom, l-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament Nru 1169/2011 jippermetti d-determinazzjoni tal-“post ta’ provenjenza” ta’ prodott tal-ikel permezz ta’ kliem li ma huwiex neċessarjament limitat għall-isem taż-żona ġeografika kkonċernata, speċjalment fejn l-użu tal-indikatur ġeografiku waħdu jista’ jwassal għal interpretazzjoni żbaljata. |
2. Obbligu ta’ indikazzjoni tal-oriġini ta’ ikel li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn
45. |
Fid-dawl ta’ dawn id-definizzjonijiet tat-termini “pajjiż tal-oriġini” u “post ta’ provenjenza”, id-domanda pjuttost tirriduċi ruħha għal din: tista’ l-assenza tal-indikazzjoni tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza fis-sens tar-Regolament Nru 1169/2011 ta’ prodott tal-ikel li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael tiżgwida lill-konsumatur? |
46. |
Ir-risposta għal din id-domanda għandha tinstab fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1169/2011. Fil-fatt, hija din id-dispożizzjoni li tipprovdi l-kriterji li x’aktarx jinfluwenzaw l-għażla tal-konsumatur: il-forniment tal-informazzjoni dwar l-ikel għandu jsegwi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ saħħet il-konsumaturi u tal-interessi tagħhom billi jipprovdi bażi għall-konsumaturi finali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet informati u biex jużaw l-ikel b’mod sigur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kunsiderazzjonijiet sanitarji, ekonomiċi, ambjentali, soċjali u etiċi. Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 jirriżulta li ttieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-perċezzjoni tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni. |
47. |
Iktar minn hekk, għandu jiġi nnotat li jekk il-kapaċità li wieħed jiġi żgwidat minn deskrizzjoni fuq tikketta għandha tiġi evalwata b’rabta mal-“konsumatur medju”, dan ma jfissirx neċessarjament li huwa sempliċement kwalunkwe konsumatur. Għall-kuntrarju, dan huwa l-konsumatur medju “normalment informat u raġonevolment attent u avżat fir-rigward tal-oriġini, il-provenjenza, il-kwalità marbuta mal-prodott tal-ikel” ( 19 ). |
48. |
Kull wieħed minn dawn it-termini huwa importanti. Fil-fatt, jekk il-konsumatur medju huwa dak il-konsumatur li huwa sempliċement “normalment informat”, dan huwa wkoll “raġonevolment attent u avżat”. Għall-kuntrarju tal-ewwel element tad-definizzjoni tal-konsumatur medju, li jidher li jippermetti ċerta passività, it-tieni element jimplika approċċ pożittiv mill-konsumatur ikkonċernat u t-tielet wieħed jimplika interess ikbar fl-informazzjoni u, konsegwentement, tagħrif iktar iddettaljat. Fi kliem ieħor, jekk il-konsumatur medju huwa normalment informat, dan huwa minħabba l-aġir tiegħu stess ( 20 ). |
49. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li s-sitwazzjoni ta’ territorju okkupat minn setgħa okkupanti – a fortiori meta l-okkupazzjoni territorjali hija akkumpanjata minn insedjamenti – hija fattur li x’aktarx huwa importanti fl-għażla ta’ konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, f’kuntest fejn, f’konformità mal-Artikoli 1(1) u 3(1) tar-Regolament Nru 1169/2011, id-differenzi fil-perċezzjonijiet tal-konsumaturi u l-bżonnijiet tagħhom għal informazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, inklużi kunsiderazzjonijiet etiċi. |
50. |
F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju tal-argument imressaq mill-Organisation juive européenne fis-seduta li nżammet fid‑9 ta’ April 2019, ma naħsibx li r-riferiment għal “konsiderazzjonijiet etiċi” fir-Regolament Nru 1169/2011 jirreferi sempliċement għal kunsiderazzjonijiet etiċi fil-kuntest tal-konsum tal-ikel biss. Ċertament, il-konsumaturi jistgħu joġġezzjonaw għall-konsum ta’ ċertu ikel minħabba t-twemmin reliġjuz jew etiku tagħhom stess (bħal, pereżempju, il-veġetarjaniżmu). Wieħed jista’ ugwalment jipprevedi ċirkustanzi fejn il-konsumaturi jistgħu joġġezzjonaw għall-konsum ta’ ċertu ikel minħabba l-manjiera li biha l-annimali inkwistjoni jkunu ġew ittrattati b’mod inġenerali jew qabel il-qatla. Madankollu, l-informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini tkun biss rarament ta’ għajnuna għal, pereżempju, konsumatur li joġġezzjona għall-preżenza ta’ prodotti tal-laħam fl-ikel li jixtieq jikkonsma. |
51. |
Fil-fehma tiegħi, ir-riferiment għal “kunsiderazzjonijiet etiċi” fil-kuntest tal-ittikkettjar tal-pajjiż tal-oriġini huwa b’mod ċar riferiment għal dawk il-kunsiderazzjonijiet etiċi usa’ li jistgħu jinformaw il-ħsieb ta’ ċerti konsumaturi qabel ix-xirja. L-istess bħal meta ħafna konsumaturi Ewropej oġġezzjonaw għax-xiri ta’ merkanzija mill-Afrika t’Isfel fl-era tal-apartheid ta’ qabel l-1994, fil-ġurnata tal-lum il-konsumaturi jistgħu joġġezzjonaw għal raġunijiet simili għax-xiri ta’ merkanzija minn pajjiż partikolari minħabba li, pereżempju, dan ma huwiex demokrazija jew minħabba li jsegwi linji ta’ politika jew soċjali partikolari li l-konsumatur inzerta li jarahom bħala oġġezzjonabbli jew bħala xi ħaġa mistmerra. Fil-kuntest tal-politiki Iżraeljani fil-konfront tat-Territorji Okkupati u tal-insedjamenti, jista’ jkun hemm xi konsumaturi li joġġezzjonaw għax-xiri ta’ prodotti li jkunu ġejjin mit-territorji, preċiżament minħabba l-fatt li l-okkupazzjoni u l-insedjamenti jammontaw b’mod ċar għal ksur tad-dritt internazzjonali. Ovvjament, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tapprova jew li ma tapprovax tali għażla min-naħa tal-konsumatur: huwa pjuttost biżżejjed li jingħad li ksur tad-dritt internazzjonali jikkostitwixxi t-tip ta’ kunsiderazzjoni etika li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa bħala leġittima fil-kuntest ta’ rekwiżit ta’ informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini. |
52. |
Fil-fatt, il-konformità mar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali hija meqjusa minn ħafna – u mhux grupp limitat ta’ esperti li jispeċjalizzaw fil-qasam tad-dritt internazzjonali u d-diplomazija – bħala li għandha rwol vitali fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u bħala sors ta’ ġustizzja f’dinja li altrimenti hija inġusta. Dan huwa x’aktarx minnu speċjalment fil-kuntest taċ-ċittadini tal-Unjoni li, anki matul il-ħajja ta’ xi wħud minnhom, kienu xhieda tal-impatt distruttiv ta’ forza vjolenti f’era fejn xi pajjiżi waslu biex jemmnu li d-dritt internazzjonali kien sempliċement wegħda fiergħa lill-persuni oppressi u vulnerabbli tad-dinja u li setgħet tiġi injorata b’impunità. |
53. |
Għaldaqstant, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, l-okkupazzjoni Iżraeljana ta’ dawn it-territorji hija illegali. Il-politika tal-insedjamenti fir-rigward ta’ dawn it-territorji hija wkoll ksur ċar tad-dritt internazzjonali, peress li l-Artikolu 49 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Pajżani fi Żmien ta’ Gwerra ( 21 ) (iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève”) jipprovdi li s-Setgħa Okkupanti (f’dan il-każ, l-Iżrael) ma għandhiex “tiddeporta jew tittrasferixxi parti mill-popolazzjoni ċivili tagħha stess fit-territorji li hija tokkupa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
54. |
Fl-Opinjoni Konsultattiva tagħha dwar il-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kkonkludiet li din id-dispożizzjoni “[…] tipprojbixxi mhux biss deportazzjonijiet jew trasferimenti forzati tal-popolazzjoni bħal dawk imwettqa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, iżda wkoll kwalunkwe miżura meħuda mis-Setgħa okkupanti sabiex torganizza jew tinkoraġġixxi trasferimenti ta’ partijiet mill-popolazzjoni tagħha stess fit-territorju okkupat. F’dan ir-rigward, l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja turi li, mill‑1977 ’l hawn, l-Iżrael ħaddan u żviluppa politiki u prattiki li jinvolvu l-istabbiliment ta’ Insedjamenti fit-Territorju Palestinjan Okkupat, bi ksur tat-termini tal-Artikolu 49(6) li għadu kif ġie ċċitat. Il-Kunsill tas-Sigurtà għalhekk adotta l-fehma li dawn il-politiki u prattiki ‘ma għandhom l-ebda validità legali’. Huwa talab ukoll biex ‘l-Iżrael, bħala s-Setgħa okkupanti, jikkonforma skrupolożament’ mar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève u: ‘iħassar il-miżuri preċedenti tiegħu u joqgħod lura milli jieħu kwalunkwe azzjoni li twassal għall-bidla tal-istatus legali u tan-natura ġeografika u li materjalment taffettwa l-kompożizzjoni demografika tat-territorji Għarab okkupati mill‑1967 ’l hawn, inkluż Ġerusalem u, b’mod partikolari, milli jittrasferixxi partijiet tal-popolazzjoni ċivili tiegħu stess fit-territorji Għarab okkupati’ (Riżoluzzjoni 446 (1979) tat‑22 ta’ Marzu 1979). Il-Kunsill afferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu fir-Riżoluzzjonijiet 452 (1979) tal‑20 ta’ Lulju 1979 u 465 (1980) tal‑1 ta’ Marzu 1980. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ huwa ddeskriva l-‘politiki u l-prattiki tal-Iżrael li jinsedja partijiet mill-popolazzjoni tiegħu u immigranti ġodda fit-territorji [okkupati]’ bħala ‘ksur skandaluż’ tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève. Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-kolonji Iżraeljani fit-Territorji Palestinjani Okkupati (inkluż Ġerusalem tal-Lvant) ġew stabbiliti bi ksur tad-dritt internazzjonali” ( 22 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
55. |
Din is-silta titkellem tassew waħedha. Din turi mingħajr l-ebda dubju li l-politika ta’ insedjamenti Iżraeljana hija meqjusa bħala ksur manifest tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari fuq il-bażi tad-dritt tal-popli għall-awtodeterminazzjoni ( 23 ) li huwa dritt li jista’ jiġi legalment eżegwit erga omnes skont il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ( 24 ) u l-Qorti tal-Ġustizzja ( 25 ). Fehma simili ġiet adottata spiss min-Nazzjonijiet Uniti (NU) ( 26 ). |
56. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċilment li wieħed jeħodha b’sorpriża li xi konsumaturi normalment informati u raġonevolment attenti u avżati jistgħu jqisu dan bħala kunsiderazzjoni etika li tinfluwenza l-preferenzi ta’ konsum tagħhom u li fir-rigward tagħhom jistgħu jitolbu iktar informazzjoni. |
57. |
Iktar minn hekk, jista’ jiġi osservat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà rrikonoxxiet fis-sentenza tagħha fi Brita ( 27 ) – x’aktarx fuq aspett partikolari tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-portata rispettiva tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Iżrael ( 28 ) u bejn l-Unjoni u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina ( 29 ) – il-bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn il-prodotti li joriġinaw mit-territorju tal-Iżrael u dawk li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent. |
58. |
Din l-analiżi hija konformi wkoll mal-Artikolu 3(5) TUE, li skontu l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għar-“rispett sħiħ […] tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.” Din hija konformi wkoll mal-UNSCR Nru 2334 (2016) li “jitlob lill-Istati kollha […] biex jiddistingwu, fit-tranżazzjonijiet rispettivi tagħhom, bejn it-territorju tal-Istat tal-Iżrael u t-territorji okkupati mill‑1967 ’l hawn” ( 30 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
59. |
Għaldaqstant wieħed huwa mġiegħel jasal għall-konklużjoni li l-assenza tal-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael u, fi kwalunkwe każ, minn kolonja insedjata, tista’ tiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-pajjiż veru tal-oriġini jew il-post veru ta’ provenjenza tal-ikel. |
60. |
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-indikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ssir obbligatorja skont l-Artikolu 9(1)(i) u l-Artikolu 26(2)(a) tar-Regolament Nru 1169/2011. |
3. Is-sentenza tal-Qorti Suprema tar-Renju Unit Richardson vs Director of Public Prosecutions
61. |
Ir-rappreżentanti ta’ Psagot ibbażaw ferm fuq is-sentenza tal-Qorti Suprema tar-Renju Unit tal‑5 ta’ Frar 2014, Richardson vs Director of Public Prosecutions ( 31 ). Għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata din il-kawża f’iktar dettall. |
62. |
Din kienet kawża fejn il-konvenuti ġew imressqa l-qorti għal reat kriminali ta’ intrużjoni li rriżulta minn dik li l-qorti ddeskriviet bħala “protesta mhux vjolenti iżda determinata f’ħanut f’Londra”. Il-ħanut kien jispeċjalizza fil-bejgħ ta’ prodotti ta’ sbuħija li ġejjin minn materjal minerali tal-Baħar il-Mejjet. L-oġġezzjoni tal-konvenuti kienet ibbażata fuq il-fatti li (i) dawn il-prodotti kienu magħmula minn kumpannija Iżraeljana, f’insedjament Iżraeljan maġenb il-Baħar il-Mejjet fix-Xatt tal-Punent, jiġifieri fit-Territorji Okkupati u (ii) kien intqal li l-persunal tal-fabbrika kien magħmul minn persuni Iżraeljani li kienu inkoraġġiti mill-Gvern tal-Iżrael biex jistabbilixxu ruħhom hemm. |
63. |
Waħda mid-difiżi speċifiċi mressqa kienet li l-prodotti mibjugħa fil-ħanut kienu ttikkettjati “Magħmul minn Dead Sea Laboratories Ltd, il-Baħar il-Mejjet, l-Iżrael” [traduzzjoni libera]. Intqal li dan kien falz jew ittikkettjar li jiżgwida minħabba li t-Territorji Okkupati ma humiex irrikonoxxuti internazzjonalment jew fir-Renju Unit bħala parti mill-Iżrael. Għaldaqstant ġie affermat mill-konvenuti li l-kumpannija li topera l-ħanut kienet ħatja ta’ ċerti reati ta’ ttikkettjar. |
64. |
Ir-reat prinċipali li fuqu bbażaw ruħhom għal dan il-għan kien wieħed li jikser ċerti regolamenti tar-Renju Unit li ttrasponew id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali ( 32 ). Ir-reat rilevanti inkwistjoni kien jikkonsisti fl-involviment “fi prattika kummerċjali li kienet azzjoni li tiżgwida” ( 33 ). |
65. |
L-argument imressaq quddiem il-qorti lokali (l-imħallef distrettwali) kien li l-prodotti mibjugħa fil-ħanut kienu ttikkettjati ħażin fir-rigward tal-oriġini ġeografika peress li kienu ttikkettjati bħala “Magħmul minn Dead Sea Laboratories Ltd, il-Baħar il-Mejjet, l-Iżrael” [traduzzjoni libera]. Dan ammonta, kif intqal, għal rappreżentazzjoni li l-prodotti ġew mill-Iżrael meta dawn ma kinux, minħabba li ġew mit-Territorji Okkupati. |
66. |
Jekk jitwarrab il-fatt li, kif il-Qorti Suprema finalment iddeċidiet, ir-regolament ma qiesx il-bejgħ ta’ merkanzija ttikkettjata ħażin bħala reat, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-qorti lokali kkonstatat li ma kien hemm l-ebda bażi sabiex jingħad li l-konsumatur medju jkun żgwidat fit-teħid ta’ deċiżjoni tranżazzjonali (jiġifieri, biex jixtri l-prodott) meta f’ċirkustanzi oħra ma kienx jeħodha, sempliċement minħabba li s-sors tal-prodotti kien deskritt bħala kostituzzjonalment jew politikament l-Iżrael meta effettivament kien it-Territorji Okkupati: is-sors wara kollox kien korrettement ittikkettjat bħala l-Baħar il-Mejjet. L-imħallef distrettwali kkonstata li: “Jekk l-informazzjoni mogħtija kinitx falza jew le […] jiena nqis li n-numru ta’ persuni li d-deċiżjoni tagħhom, jekk jixtrux jew le prodott maħsub li huwa Iżraeljan, tkun influwenzata mill-għarfien tal-provenjenza vera tal-prodott, ikun ħafna iżgħar min-numru meħtieġ sabiex dawn jiġu meqjusa bħala ‘konsumatur medju’. Jekk xerrej potenzjali huwa persuna li fi kwalunkwe każ hija lesta li tixtri merkanzija Iżraeljana, l-istess persuna tkun f’kategorija żgħira ħafna jekk din id-deċiżjoni kellha tkun differenti minħabba li l-merkanzija ġiet minn territorju okkupat illegalment”. Il-Qorti Suprema ddeċidiet li din il-konstatazzjoni “kienet b’mod ċar miftuħa għall-imħallef distrettwali fid-dawl tal-provi u hija fatali għad-dikjarazzjoni li kien twettaq reat.” |
67. |
Madankollu, min-naħa tiegħi, ma tantx sibt din id-deċiżjoni ta’ għajnuna. Il-każ effettivament jikkonċerna intrużjoni illegali fil-bini ta’ ħanut li fir-rigward tiegħu tressqu argumenti pjuttost imżejna u inġenwi bħala difiża sabiex jiġġustifikaw l-azzjonijiet tal-konvenuti. Barra minn hekk, il-Qorti Suprema kienet qiegħda finalment tittratta l-kawża fuq punt legali u, b’mod kritiku, kienet marbuta mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-qorti inferjuri. |
68. |
Lanqas ma nista’, bir-rispett kollu, naqbel neċessarjament mar-raġunament tal-imħallef distrettwali. Min-naħa tiegħi, jiena nqis li effettivament jista’ jkun hemm ħafna konsumaturi potenzjali li lesti li jixtru merkanzija Iżraeljana (jiġifieri, fis-sens ta’ merkanzija prodotta fil-limiti rrikonoxxuti internazzjonalment tal-Iżrael ta’ qabel l-1967), iżda li jkunu jistmerru jew anki joġġezzjonaw għas-suġġeriment li dawn jistgħu jixtru merkanzija li toriġina mit-territorji okkupati mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn u, fejn applikabbli, minn insedjamenti f’dawn it-territorji. |
4. Il-portata tal-obbligu ta’ indikazzjoni tal-oriġini ta’ ikel li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn
69. |
L-aħħar problema li għandha tiġi riżolta sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija li tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu ta’ indikazzjoni tal-post tal-oriġini ta’ prodott tal-ikel li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, fi kliem ieħor, il-formulazzjoni tal-indikazzjoni obbligatorja. |
70. |
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1169/2011. Fil-fatt, skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, l-informazzjoni dwar l-ikel ma għandhiex tiżgwida, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, inter alia, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza. |
71. |
Fuq il-bażi tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni simili fid-Direttiva 2000/13 ( 34 ) (imħassra bir-Regolament Nru 1169/2011), jista’ jingħad li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 jeżiġi li l-konsumatur ikollu informazzjoni korretta, newtrali u oġġettiva li ma tiżgwidahx ( 35 ). L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1169/2001 iżid li l-informazzjoni dwar l-ikel għandha tkun preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur. |
72. |
F’dan il-kuntest, kif spjega b’mod partikolarment rilevanti l-Avukat Ġenerali Mischo fil-konklużjonijiet tiegħu f’Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:102), hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn l-informazzjoni li hija oġġettivament korretta, l-informazzjoni li hija oġġettivament żbaljata u l-informazzjoni li hija oġġettivament korretta iżda tista’ tiżgwida lill-konsumatur minħabba li ma tirriflettix il-verità sħiħa ( 36 ). Fil-fatt, “jekk l-informazzjoni ommessa tkun x’aktarx titfa’ [b’mod ċar] dawl differenti fuq l-informazzjoni pprovduta, il-konklużjoni għandha tkun li l-konsumatur ġie żgwidat” ( 37 ). |
73. |
Dan huwa wkoll perfettament koerenti mad-definizzjoni ta’ “azzjonijiet qarrieqa” fis-sens tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, li tkopri, skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1169/2011, ċerti aspetti tal-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi, bil-għan speċifiku li tipprevjeni li jsiru azzjonijiet li jiżgwidaw u li titħalla barra xi informazzjoni li għandhom jiġu kkomplementati minn regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa “anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, [iżda] x’aktarx [iġiegħel lill-konsumatur medju] jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”. |
74. |
Barra minn hekk, kif intwera fl-ewwel parti tal-analiżi tiegħi, jiena naħseb li filwaqt li t-terminu “pajjiż tal-oriġini” jirreferi b’mod ċar għall-ismijiet tal-pajjiżi u l-baħar territorjali tagħhom, l-Artikolu 2(2)(g) tar-Regolament Nru 1169/2011 jippermetti d-determinazzjoni ta’ “post ta’ provenjenza” ta’ prodott tal-ikel permezz ta’ kliem li ma huwiex limitat għall-isem taż-żona ġeografika kkonċernata. |
75. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena naħseb li riferiment limitat għall-indikazzjoni “prodott mill-Għoljiet tal-Golan” jew “prodott mix-Xatt tal-Punent” għal prodotti mix-Xatt tal-Punent jew mill-Għoljiet tal-Golan li joriġinaw mill-insedjamenti Iżraeljani ma jkunx suffiċjenti. Filwaqt li tali deskrizzjonijiet jistgħu jkunu teknikament korretti, jiena nqis li l-konsumatur jista’ xorta waħda jiġi żgwidat. Tali deskrizzjonijiet ma jkunux jirriflettu l-verità sħiħa fir-rigward ta’ kwistjoni li tista’ taffettwa sew it-tendenzi tax-xiri tal-konsumatur. |
76. |
Fil-fatt, bħala parafrażi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Severi ( 38 ), fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-ittikkettjar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiżgwida, okkupazzjoni u insedjamenti Iżraeljani jistgħu jkunu “element oġġettiv li jista’ jimmodifika l-aspettattivi tal-konsumatur raġonevoli” ( 39 ). |
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nqis għalhekk li ż-żieda tat-termini “insedjamenti Iżraeljani” għall-identifikazzjoni ġeografika tal-oriġini tal-prodotti hija l-uniku mod sabiex tiġi pprovduta – kif meħtieġ mill-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1169/2011 – informazzjoni korretta u oġġettiva iżda wkoll preċiża, ċara u faċilment komprensibbli għall-konsumatur. |
78. |
Fil-fatt, it-terminu “insedjament” ġej minn sitwazzjoni fejn hemm territorju okkupat minn setgħa okkupanti. Fil-kawża ineżami, dan l-approċċ huwa, għalhekk, loġiku peress li l-Iżrael ġie rrikonoxxut bħala “setgħa okkupanti” fis-sens tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève ( 40 ). Dawn it-termini huma spiss użati sabiex jiddeskrivu s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tat-Territorji Okkupati ( 41 ). Filwaqt li naċċetta li f’ċerti sensi din in-nomenklatura tista’ tidher għal xi wħud bħala li għandha eku peġġorattiv, dawn huma, madankollu, it-termini mifruxa fl-użu u li l-konsumatur medju raġonevolment jifhem. |
5. Konklużjoni dwar l-ewwel domanda
79. |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkonkludi li r-Regolament Nru 1169/2011 jeżiġi, għal prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, l-indikazzjoni tal-isem ġeografiku ta’ dan it-territorju u l-indikazzjoni li l-prodott ġej minn insedjament Iżraeljan jekk dan ikun il-każ. |
B. Sussidjarjament, fuq it-tieni domanda
80. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1169/2011 jippermettux lil Stat Membru jeżiġi indikazzjoni tat-territorju ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn u, barra minn hekk, li dan il-prodott ġej minn insedjament Iżraeljan jekk dan ikun il-każ. |
81. |
Għaldaqstant, il-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet ser jipproċedu fuq il-preżunzjoni – għall-kuntrarju tal-fehma tiegħi stess – li l-Artikolu 9(1)(i) u l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1169/2011 ma japplikawx għal dawn iċ-ċirkustanzi. |
82. |
L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 1169/2011 huwa ċar: “[f]ir-rigward tal-kwistjonijiet speċifikament armonizzati minn dan ir-Regolament, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu jistgħu jadottaw lanqas iżommu miżuri nazzjonali sakemm ma jkunux awtorizzati mil-liġi tal-Unjoni”. Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali dwar kwistjonijiet li ma humiex speċifikament armonizzati minn dan ir-regolament sakemm dawn ma jipprojbixxux, ma jimpedixxux jew ma jirristrenġux il-moviment liberu tal-prodotti li huma f’konformità ma’ dan ir-regolament. |
83. |
Peress li l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, li huwa relatat mal-miżuri nazzjonali dwar dettalji obbligatorji addizzjonali, huwa espressament iddedikat għal miżuri nazzjonali dwar l-indikazzjoni tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza, wieħed għandu jammetti li dawn it-tipi ta’ dettalji ma humiex kompletament armonizzati mir-Regolament Nru 1169/2011. |
84. |
Madankollu, skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011, miżuri nazzjonali li jikkonċernaw l-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza ta’ prodotti tal-ikel huma awtorizzati biss fejn hemm “rabta ppruvata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel u l-oriġini jew il-provenjenza tiegħu”. |
85. |
Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, għalhekk, ma huwiex biżżejjed li l-pajjiż tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza jkollu, bħala tali, ċerta importanza fid-deċiżjoni tal-konsumatur. Għall-kuntrarju, it-territorju tal-oriġini jew il-post ta’ provenjenza għandu jkollu impatt tanġibbli fir-rigward tal-prodott innifsu u, b’mod partikolari, tal-kwalità tal-ikel inkwistjoni. |
86. |
Jidhirli li l-fatt li territorju huwa okkupat minn setgħa okkupanti jew li prodott tal-ikel partikolari huwa magħmul minn persuna li tgħix f’insedjament x’aktarx li ma jagħtix jew ma jimmodifikax ċerti kwalitajiet tal-prodott tal-ikel fir-rigward tal-oriġini jew il-provenjenza tiegħu, tal-inqas sa fejn il-prodotti tal-ikel li joriġinaw mit-Territorji Okkupati huma kkonċernati. |
87. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nħossni obbligat li nikkonkludi li l-Istati Membri ma għandhomx jeżiġu għall-finijiet tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 l-indikazzjoni tat-territorju ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, u lanqas li tali prodott ġej minn insedjament Iżraeljan. |
VII. Konklużjoni
88. |
Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) kif ġej: L-Artikolu 9(1)(i) u l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, jeżiġu, għal prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, l-indikazzjoni tal-isem ġeografiku ta’ dan it-territorju u l-indikazzjoni li l-prodott ġej minn insedjament Iżraeljan jekk dan fil-fatt ikun il-każ. |
89. |
Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax l-analiżi tiegħi dwar din l-ewwel domanda, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-tieni domanda kif ġej: L-Istati Membri ma għandhomx jeżiġu l-indikazzjoni tat-territorju ta’ prodott li joriġina minn territorju okkupat mill-Iżrael mill‑1967 ’l hawn, u lanqas li tali prodott ġej minn insedjament Iżraeljan skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 1169/2011 peress li ma hemm l-ebda prova ta’ rabta pprovata bejn ċerti kwalitajiet tal-ikel prodott fit-Territorji Okkupati u l-post ta’ provenjenza tiegħu. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014, L 331, p. 40 u fil-ĠU 2016, L 266, p. 7. Dan ir-regolament jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004.
( 3 ) ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2.
( 4 ) Ara l-Artikolu 288(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.
( 5 ) ĠU 2015, C 375, p. 4.
( 6 ) Punt 2 tal-Avviż Interpretattiv.
( 7 ) Punt 2 tal-Avviż Interpretattiv.
( 8 ) JORF 2016, Nru 273, test Nru 81.
( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, UNIC u Uni.co.pel (C‑95/14, EU:C:2015:492, punti 59 u 60).
( 10 ) Il-kelma bl-Ingliż “space” hija ddefinita bħala “a particular position, point, or area in space” (pożizzjoni partikolari, punt, jew żona fi spazju) [traduzzjoni libera] (Oxford Dictionary of English, it-tieni edizzjoni (irriveduta), Oxford University Press, 2005) filwaqt li, pereżempju, il-kelma “lieu” (użata fil-verżjoni bil-Franċiż tar-Regolament Nru 1169/2011) tista’ tiġi ddefinita bħala “la situation spaciale de quelque chose, de quelqu’un permettant de la localiser” (Larousse.fr) u l-kelma “lugar” (użata fil-verżjoni bl-Ispanjol) bħala “porción de espacio” (Diccionario de la lengua española, Real Academia Española, Edición del Tricentenario-Actualización 2018).
( 11 ) Ara l-Artikolu 23(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.
( 12 ) Huwa minnu li l-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa usa’ peress li jirreferi għall-“pajjiż jew territorju” (enfasi miżjuda minni) minflok għal pajjiż. Madankollu, peress li l-“post ta’ provenjenza” huwa ddefinit fir-Regolament Nru 1169/2011 għall-kuntrarju ta’ “pajjiż tal-oriġini”, “post ta’ provenjenza” jsir purament tawtoloġiku u jitlef it-tifsira tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Fil-fatt, x’inhu “territorju” jekk mhux żona ġeografika iżgħar minn pajjiż, fi kliem ieħor: “post”? Għalhekk nemmen li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1169/2011, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 286(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li skontha r-riferimenti għall-Kodiċi Doganali tal-Komunità f’atti oħra tal-Unjoni għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ma hijiex applikabbli.
( 13 ) Ara, għal applikazzjonijiet reċenti, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 45).
( 14 ) Enfasi miżjuda minni.
( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, Conway, É., “Étiquetage obligatoire de l’origine des produits au bénéfice des consommateurs: portée et limites”, Revue Québécoise de droit international, Vol. 24‑2, 2011, pp. 1‑51. speċjalment p. 2.
( 16 ) Enfasi miżjuda minni.
( 17 ) Enfasi miżjuda minni.
( 18 ) Enfasi miżjuda minni.
( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 61). Filwaqt li fil-verżjoni bil-Franċiż ta’ din is-sentenza, it-terminu użat huwa “éclairé”, il-Qorti tal-Ġustizzja spiss tuża wkoll l-aġġettiv “avisé” f’sentenzi marbuta mal-protezzjoni tal-konsumatur, fejn din tal-aħħar jidhirli li hija iktar viċin għal “avżat”. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:369, punti 31 u 37); tal‑4 ta’ April 2000, Darbo (C‑465/98, EU:C:2000:184, punt 20); u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 25). Qiegħed ninnota wkoll li, f’Teekanne (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, C‑195/14, EU:C:2015:361), il-Qorti tal-Ġustizzja tuża alternattivament “avisé” (punt 23) u “éclairé” (punt 36), it-tnejn tradotti bħala “circumspect” fl-Ingliż. Barra minn hekk, bħal fl-Ingliż, l-istess formulazzjoni tidher li hija sistematikament użata fil-verżjonijiet tal-lingwi l-oħra (ara, inter alia, fl-Olandiż — een normaal geïnformeerde en redelijk omzichtige en oplettende gemiddelde consument —, fit-Taljan — un consumatore medio normalmente informato e ragionevolmente attento e avveduto —, fl-Ispanjol — un consumidor medio, normalmente informado y razonablemente atento y perspicazor —, jew fir-Rumen — unui consumator mediu, normal informat, suficient de atent și de avizat).
( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, González Vaqué, L., “La noción de consumidor medio según la jurisprudencia del Tribunal de Justicia de las Communidades europeas”, Revista de derecho comunitario europeo, 2004/17, pp. 47‑81, speċjalment pp. 63 u 64.
( 21 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Volum 75, p. 287.
( 22 ) Konsegwenzi Legali tal-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, Opinjoni Konsultattiva, QIĠ, Ġabra 2004, p. 136 (punt 120).
( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, Konsegwenzi Legali tal-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, Opinjoni Konsultattiva, QIĠ, Ġabra 2004, punt 155, kif ukoll il-punti 118 u 120.
( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, Konsegwenzi Legali tal-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, Opinjoni Konsultattiva, QIĠ, Ġabra 2004, p. 136 (punti 88 u 155).
( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 88).
( 26 ) Ara, inter alia, għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, UNSCR Nru 242 (1967) tat‑22 ta’ Novembru 1967 (Il-Lvant Nofsani); UNSCR Nru 446 (1979) tat‑22 ta’ Marzu 1979 (Territorji okkupati mill-Iżrael); UNSCR Nru 465 (1980) tal‑1 ta’ Marzu 1980 (Territorji okkupati mill-Iżrael); UNSCR Nru 476 (1980) tat‑30 ta’ Ġunju 1980 (Territorji okkupati mill-Iżrael); UNSCR Nru 2334 (2016) tat‑23 ta’ Diċembru 2016 (Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, inkluża l-kwistjoni Palestinjana); u, għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Riżoluzzjonijiet Nru 72/14 (2017) tat‑30 ta’ Novembru 2017 (Soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni tal-Palestina); Nru 72/15 (2017) tat‑30 ta’ Novembru 2017 (Ġerusalem); Nru 72/16 (2017) tat‑30 ta’ Novembru 2017 (Il-Golan Sirjan); u Nru 72/86 (2017) tas‑7 ta’ Diċembru 2017 (Insedjamenti Iżraeljani fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż Ġerusalem tal-Lvant, u l-Golan Sirjan okkupat).
( 27 ) Sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91).
( 28 ) Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti ’l waħda, u l-Istat ta’ Iżrael mill-parti ’l oħra, iffirmat fi Brussell fl‑20 ta’ Novembru 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 55, p. 167).
( 29 ) Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju dwar kummerċ u koperazzjoni bejn il-Komunità‘ ewropea minn naħa waħda, u l-Organiżazzjoni għall-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorita‘ Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-medda ta’ Gaża, minn naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fl‑24 ta’ Frar 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 124).
( 30 ) Punt 5.
( 31 ) [2014] UKSC 8.
( 32 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).
( 33 ) Din kienet iddefinita bħala li tistabbilixxi li prattika kummerċjali hija azzjoni li tiżgwida jekk (inter alia): “(2)(a) […] ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità fir-rigward ta’ kwalunkwe mill-kwistjonijiet fil-paragrafu (4) jew jekk hi jew il-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx li tqarraq bil-konsumatur medju, fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet f’dan il-paragrafu, anki jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment; u (b) tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra”.
( 34 ) Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75).
( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne (C‑195/14, EU:C:2015:361, punt 32). Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich (C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 69).
( 36 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo f’Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:102, punt 78).
( 37 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo f’Gut Springenheide u Tusky (C‑210/96, EU:C:1998:102, punt 87). Għalkemm il-verżjoni bl-Ingliż tuża l-avverbju “completely”, l-avverbju “clearly” jidhirli li huwa iktar viċin tal-verżjoni bil-lingwa oriġinali – li hija l-Franċiż – li tuża t-terminu “nettement”.
( 38 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009 (C‑446/07, EU:C:2009:530).
( 39 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 62).
( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 49 tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Genève. Ara Konsegwenzi Legali tal-Bini ta’ Ħajt fit-Territorju Palestinjan Okkupat, Opinjoni Konsultattiva, QIĠ, Ġabra 2004, p. 136 (punt 78 et seq.).
( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, UNSCR Nru 2334 (2016) tat‑23 ta’ Diċembru 2016 (Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, inkluża l-kwistjoni Palestinjana).