SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

6 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Artikolu 87(8) – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14ċ(b) – Ħaddiem li jeżerċita attività bħala persuna impjegata u attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stati Membri differenti – Derogi għall-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli – Affiljazzjoni doppja – Tressiq ta’ talba bil-għan tal-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni applikabbli bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004”

Fil-Kawża C‑33/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

V

vs

Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants (Inasti),

Securex Integrity ASBL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn S. Rodrigues, avocat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Van Hoof, bħala aġenti,

għal V, minnu nnifsu,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, V u, min-naħa l-oħra, l-Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants (Inasti) (l-Istitut Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni Soċjali għal Ħaddiema li Jaħdmu għal Rashom, il-Belġju) u Securex Integrity ASBL (iktar ’il quddiem “Securex”) dwar l-issuġġettar ta’ V għal-leġiżlazzjoni soċjali Belġjana.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1408/71

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat, fl-aħħar lok, bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008, L 177, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) kien jipprovdi, fl-Artikolu 14ċ(b) tiegħu li jinsab taħt it-Titolu II tiegħu:

“Persuna li hija simultanjament impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun suġġetta:

[…]

(b)

fil-każijiet imsemmija fl-Anness VII:

għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fit-territorju ta’ liema huwa mpenjat f’impjieg imħallas, billi dik il-leġislazzjoni kienet iddeterminata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 14(2) jew (3), fejn hija twettaq tali attività fit-territorju ta’ tnejn jew iktar Stati Membri,

u

għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija impjegata għal rasha, billi dik il-leġislazzjoni kienet iddeterminata skond l-Artikolu 14a(2), (3) jew (4), fejn twettaq tali attività fit-territorju ta’ tnejn jew iktar Stati Membri.”

4

L-Anness VII ta’ dan ir-regolament kien jelenka l-każijiet li fihom persuna kienet simultanjament suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri, skont l-Artikolu 14ċ(b) tal-imsemmi regolament. Fost dawn il-każijiet, kien jissemma, fil-punt 1 ta’ dan l-anness, “[f]ejn hija taħdem għal rasha fil-Belġju u taħdem bi qligħ fi kwalunkwe Stat Membru ieħor.”

5

Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 883/2004, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, mill‑1 ta’ Mejju 2010, data li fiha dan l-aħħar regolament sar applikabbli.

Ir-Regolament Nru 883/2004

6

Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 883/2004 tipprovdi li huwa meħtieġ li jiġu osservati l-karatteristiċi speċifiċi għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali u li tiġi stabbilita biss sistema ta’ koordinazzjoni.

7

Skont il-premessa 45 ta’ dan ir-regolament:

“Minħabba li l-objettiv ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-miżuri ta’ kordinazzjoni sabiex jiggarantixxu li d-dritt ta’ moviment liberu ta’ persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv, ma jistax jintlaħaq kif suppost mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-livell u l-effetti ta’ dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan il-Regolament ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv[.]”

8

L-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.”

9

L-Artikolu 13(3) tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stati Membri differenti għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn hija twettaq attività bħala persuna impjegata jew, jekk twettaq attività bħal din f’żewġ Stati Membri jew aktar, għal-leġislazzjoni determinata skond il-paragrafu 1.”

10

L-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi:

“Jekk, bħala riżultat ta’ dan ir-Regolament, persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra minn dak determinat skont it-Titolu II tar-[Regolament Nru 1408/71], dik il-leġiżlazzjoni għandha tkompli tapplika sakemm is-sitwazzjoni relevanti tibqa’ ma nbidlitx u fi kwalunkwe każ għal perijodu mhux anqas minn 10 snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm il-persuna kkonċernata ma titlobx li hija ssir suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli taħt dan ir-Regolament. It-talba għandha tiġi preżentata fi żmien tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hi applikabbli taħt dan ir-Regolament jekk il-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru sa mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk it-talba ssir wara l-limitu taż-żmien indikat, il-bidla tal-leġiżlazzjoni applikabbli għandha ssir fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

V ħadem bħala avukat iskritt mal-barreau de Bruxelles (il-Kamra tal-Avukati ta’ Brussell, il-Belġju), minn Settembru 1980 sat‑30 ta’ Settembru 2007. Waqt dan il-perijodu, huwa kien iskritt mal-Inasti u kien affiljat mal-fond ta’ assigurazzjoni soċjali Belġjan Securex.

12

Fit‑30 ta’ Settembru 2007, V talab li jitneħħa minn fuq il-lista tal-Kamra tal-Avukati u, għaldaqstant, ma baqax affiljat ma’ Securex. Fl-istess jum, l-uffiċċju tal-avukati li miegħu huwa kien jeżerċita l-attività tiegħu tqiegħed fi stralċ u V ġie nnominat stralċatarju.

13

Mill‑1 ta’ Ottubru 2007, V beda jaħdem bħala direttur legali ma’ kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu u, bħala persuna impjegata, huwa suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Lussemburgiża.

14

Fil‑11 ta’ Ġunju 2010, l-Inasti talab preċiżazzjonijiet mingħand V dwar il-mandat tiegħu ta’ stralċatarju. Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ġunju 2010, V wieġeb li l-emolumenti li kienu tħallsulu, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċatarju, mill-uffiċċju tal-avukati fi stralċ, la kienu jippermettu li huwa jiġi assimilat ma’ ħaddiem li jaħdem għal rasu u lanqas li huwa jkun suġġett għall-istatus soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

15

Fil‑11 ta’ Diċembru 2013, l-Inasti bagħat lil Securex deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni relatata mad-dħul ta’ V għas-snin 2008 sa 2010. Fit‑23 ta’ Diċembru 2013, Securex informa lil V li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Inasti, huwa kellu jitqies bħala suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Belġjana, bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu fuq bażi supplimentari mill‑1 ta’ Ottubru 2007, u li, għaldaqstant, huwa kellu jħallas lil Securex bilanċ li jammonta għal EUR 35 198.42 bħala kontribuzzjonijiet u żidiet dovuti għall-perijodu ta’ bejn ir-raba’ trimestru tal‑2007 u r-raba’ trimestru tal‑2013.

16

Fit‑12 ta’ Marzu 2014, V ippreżenta rikors quddiem it-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju), intiż sabiex jikkontesta l-issuġġettar tiegħu għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Belġjana bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu fuq bażi supplimentari kif ukoll sabiex jikkontesta t-talba ta’ Securex għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali.

17

Wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, V bagħat lil Securex dikjarazzjoni ġġuramentata relatata mal-assenza ta’ ħlas fir-rigward tal-mandat tiegħu bħala stralċatarju filwaqt li żied ma’ din tal-aħħar il-minuti tal-laqgħa tas-soċji kooperaturi tal-uffiċċju tal-avukati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li nżammet fl‑24 ta’ Frar 2014, li fiha ġie kkonstatat, b’mod partikolari, li l-mandat tiegħu bħala stralċatarju kien ġie eżerċitat mingħajr ħlas mill‑1 ta’ Jannar 2010 u li din is-sitwazzjoni kellha tkompli sakemm tingħalaq il-proċedura ta’ stralċ. V talab ukoll li ma jibqax iktar suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Belġjana mid-data ta’ din il-laqgħa.

18

Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Awwissu 2016, it-tribunal du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège), filwaqt li rrikonoxxiet li l-interessi legali kkalkolati fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux dovuti għall-perijodu ta’ bejn Ottubru 2011 u Settembru 2013, ċaħdet ir-rikors ta’ V bħala infondat.

19

Fit‑22 ta’ Settembru 2016, V appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju fejn talab lil din il-qorti tirriforma l-imsemmija sentenza u, b’mod partikolari, sostna li, fid-dawl tar-Regolament Nru 883/2004, l-Inasti u Securex ma setgħux jitolbu l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li V ma kienx iktar suġġett għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Belġjana sa mit‑30 ta’ Settembru 2007, data li fiha huwa waqqaf l-attività tiegħu bħala avukat. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk V, li, fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, kien suġġett biss għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Lussemburgiża, kellux madankollu jressaq talba speċifika f’terminu ta’ tliet xhur, skont l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

21

Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont il-Gwida Prattika għad-Determinazzjoni tal-Leġiżlazzjoni Applikabbli għall-Ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, fiż-Żona Ekonomika Ewropea u fl-Iżvizzera, redatta mill-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali, l-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 hija li, b’riżultat ta’ dan ir-regolament, persuna tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra minn “dak diġà ddeterminat” skont ir-Regolament Nru 1408/71. Skont din il-qorti, din il-gwida tidher li tindika li din id-dispożizzjoni tapplika bil-kundizzjoni li fid-data tal‑1 ta’ Mejju 2010, li tikkorrispondi għad-data tat-tħassir tar-Regolament Nru 1408/71 u għal dik tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, il-persuna kkonċernata kienet effettivament suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti skont ir-Regolament Nru 1408/71. Madankollu, tali kundizzjoni ma hijiex espliċitament koperta mill-kliem tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, fatt li jqajjem diffikultà fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour du travail de Liège (il-Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 87(8) tar-[Regolament Nru 883/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li, qabel l‑1 ta’ Mejju 2010, bdiet teżerċita attività bħala persuna impjegata fil-[Lussemburgu] u attività bħala persuna li taħdem għal rasha fil-Belġju, għandha, sabiex tiġi suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-[Regolament Nru 883/2004], tippreżenta talba espressa f’dan is-sens, anki jekk hija ma kienet suġġetta għall-ebda ssuġġettar […] fil-Belġju qabel l‑1 ta’ Mejju 2010 u kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-istatus soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom b’mod retroattiv biss, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur li beda jiddekorri fl‑1 ta’ Mejju 2010?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, it-talba msemmija fl-Artikolu 87(8) tar-[Regolament Nru 883/2004], imressqa fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, twassal għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat [Membru] kompetenti skont ir-[Regolament Nru 883/2004] b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Mejju 2010?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

23

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-Renju tal-Belġju sostna li l-analiżi tal-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq premessa fattwali żbaljata li skontha V ma kien suġġett għal ebda ssuġġettar fil-Belġju fl‑1 ta’ Mejju 2010, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. Skont dan l-Istat Membru, l-issuġġettar ta’ V għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Belġjana tkompla mingħajr ebda interruzzjoni wara t‑30 ta’ Settembru 2007, minħabba l-attività tiegħu bħala stralċatarju.

24

Għalhekk, id-domandi preliminari jqajmu problema purament ipotetika, mhux neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u għalhekk, huma inammissibbli.

25

Għandu jiġi rrilevat li, wara talba għal kjarifika li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, V seta’ jitqies bħala li kien suġġett għal-leġiżlazzjoni Belġjana bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu fir-rigward tal-attività tiegħu bħala stralċatarju.

26

Għalhekk, fid-dawl tal-kjarifiki pprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-tweġiba tagħha, il-Gvern Belġjan afferma, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa ma kienx ser ikompli jqajjem l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

27

Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jidhirx manifestament li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fil-verità, twassalha sabiex tagħti deċiżjoni permezz ta’ kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża, jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu tressqu quddiemha (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, VIEBC, C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk, sabiex ikun jista’ jiġi suġġett esklużivament għal-leġiżlazzjoni ddeterminata skont ir-Regolament Nru 883/2004, f’dan il-każ, għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, wara l‑1 ta’ Mejju 2010, V kienx meħtieġ iressaq talba skont l-Artikolu 87(8) ta’ dan ir-regolament u, fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, dik dwar liema huma l-konsegwenzi tat-tressiq ta’ talba bħal din diversi snin wara din id-data, għandhom effett ċert fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ir-risposta għal dawn id-domandi għandha effett dirett fuq id-determinazzjoni tan-numru ta’ snin li fir-rigward tagħhom l-awtoritajiet Belġjani jkollhom id-dritt jitolbu lil V il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet.

29

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

30

Fid-dawl tal-kjarifiki pprovduti mill-qorti tar-rinviju sussegwentement għat-talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li, fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, kienet teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru u attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor, peress li kienet għaldaqstant suġġetta simultanjament għal-leġiżlazzjonijiet applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, kellhiex, sabiex tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament Nru 883/2004, tressaq talba espressa f’dan is-sens.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi, favur persuna li, b’riżultat ta’ dan ir-regolament, tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra minn dak li għal-leġiżlazzjoni tiegħu hija kienet suġġetta bis-saħħa tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, iż-żamma ta’ din l-aħħar leġiżlazzjoni matul ċertu perijodu, wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, bla ħsara għall-fatt li s-sitwazzjoni prevalenti tibqa’ l-istess.

32

B’hekk din id-dispożizzjoni tapplika, l-ewwel nett, bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni applikabbli taqa’ taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 u, it-tieni nett, bil-kundizzjoni li s-sitwazzjoni prevalenti baqgħet l-istess (sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Jeltes et, C‑443/11, EU:C:2013:224, punt 50).

33

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, ma huwiex ikkontestat li, fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, is-sitwazzjoni ta’ V kienet taqa’ taħt l-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament Nru 1408/71, li jinsab fit-Titolu II tiegħu. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 ma jirregolax espliċitament sitwazzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament Nru 1408/71, li fihom il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ żewġ Stati Membri tapplika simultanjament u, b’riżultat tar-Regolament Nru 883/2004, waħda biss minn dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet tibqa’ applikabbli.

34

Għalhekk, tqum il-mistoqsija dwar jekk dan il-fatt jipprekludix li persuna li tkun tinsab fis-sitwazzjoni ta’ V taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004.

35

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst, C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 34).

36

Fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, li huwa dispożizzjoni tranżitorja, jirrigwarda l-każ ta’ persuna li, b’riżultat tar-Regolament Nru 883/2004, “hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra minn dak determinat skont it-Titolu II tar-[Regolament Nru 1408/71]”.

37

Għaldaqstant mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jidher li jirriżulta, sa fejn l-aġġettiv “barra” jirreferi għall-kelma “Stat”, li l-leġiżlatur tal-Unjoni qiegħed jirreferi għas-sitwazzjoni li fiha l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuċċiedi għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

38

Għalhekk, skont interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, l-ewwel parti tal-frażi tiegħu tidher li tirreferi biss għas-sitwazzjonijiet li fihom, mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, persuna tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru differenti mill-Istat li għal-leġiżlazzjoni tiegħu hija kienet suġġetta qabel.

39

Min-naħa l-oħra, persuna li, taħt ir-Regolament Nru 1408/71, kienet suġġetta għall-applikazzjoni simultanja tal-leġiżlazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri, bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004, minn naħa, tkompli tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri u, min-naħa l-oħra, tara s-sitwazzjoni tagħha tinbidel biss minħabba li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru l-ieħor ma tibqax tapplika fir-rigward tagħha.

40

Fir-rigward tal-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi rrilevat li, meta r-Regolament Nru 1408/71 ġie estiż għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, l-Artikolu 14ċ ta’ dan ir-regolament ġie introdott sabiex jipprevedi eċċezzjoni għar-regola ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, fil-każ ta’ persuna li teżerċita simultanjament attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru u attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Fil-każijiet imsemmija fl-Anness VII tar-Regolament Nru 1408/71, din il-persuna kienet, għaldaqstant, suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ Stati Membri.

41

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, skont il-premessi 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004, l-għan tiegħu huwa li jikkoordina s-sistemi ta’ sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. Dan ir-regolament wettaq modernizzazzjoni u semplifikazzjoni tar-regoli inklużi fir-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li żamm l-istess għan ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Klein Schiphorst, C‑551/16, EU:C:2018:200, punt 31).

42

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jafferma mill-ġdid il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, li abbażi tiegħu l-persuni li fir-rigward tagħhom japplika dan ir-regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. L-għan ta’ dan il-prinċipju huwa għalhekk li jevita l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jelimina l-inugwaljanzi fit-trattament li, fil-każ tal-persuni li jiċċaqalqu fi ħdan l-Unjoni, ikunu r-riżultat ta’ kumulazzjoni parzjali jew totali tal-leġiżlazzjoni applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski, C‑493/04, EU:C:2006:167, punt 21).

43

B’mod konformi mal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament 883/2004 jipprevedi li persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru u attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih hija teżerċita attività bħala persuna impjegata.

44

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-Regolament Nru 883/2004 neħħa l-eċċezzjonijiet kollha għall-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li kienu jeżistu fir-Regolament Nru 1408/71.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li taħtu din id-dispożizzjoni taqa’, ma tistax timmilita favur il-kontinwazzjoni tal-iskema derogatorja li tipprevedi affiljazzjoni doppja, li tkun inkonsistenti mas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

46

Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, hekk kif jindika l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħalma jirriżulta mill-Gwida Prattika għad-Determinazzjoni tal-Leġiżlazzjoni Applikabbli għall-Ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, fiż-Żona Ekonomika Ewropea u fl-Iżvizzera, dan ġie identifikat bħala dak li jiġu evitati ħafna bidliet tal-leġiżlazzjoni applikabbli mal-bidla għar-Regolament Nru 883/2004 u li jippermetti “tranżizzjoni faċli” għall-persuna kkonċernata fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli jekk ikun hemm diskrepanza bejn il-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament Nru 1408/71 u l-leġiżlazzjoni applikabbli skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004.

47

Għaldaqstant, permezz ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura fir-rigward tal-ħaddiema perijodu ta’ adattament neċessarju, b’mod partikolari sabiex jippermettilhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li tkun ġdida għalihom.

48

Issa, mill-punt 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’sitwazzjoni li fiha persuna kienet suġġetta, taħt ir-Regolament Nru 1408/71, simultanjament għal-leġiżlazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 ma twassalx sabiex tiġi applikata fir-rigward tal-ħaddiem leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, li għalhekk tkun ġdida, iżda tinvolvi biss bidla fis-sitwazzjoni tiegħu minħabba l-waqfien tal-applikazzjoni, fir-rigward tiegħu, tal-leġiżlazzjoni ta’ wieħed miż-żewġ Stati Membri li sa dak iż-żmien huwa kien suġġett għaliha.

49

Fid-dawl ta’ dan li ntqal, u mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 ma japplikax għal sitwazzjoni, bħal dik ta’ V, li, fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, kien suġġett, bis-saħħa tal-Artikolu 14ċ(b) tar-Regolament Nru 1408/71, simultanjament għal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri.

50

Minn dan isegwi li, mill‑1 ta’ Mejju 2010, sabiex tkun suġġetta esklużivament għal-leġiżlazzjoni ddeterminata mir-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, persuna li tkun tinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex meħtieġa tressaq it-talba prevista fl-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004.

51

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li, fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, kienet teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru u attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor, peress li kienet għaldaqstant suġġetta simultanjament għal-leġiżlazzjonijiet applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri, ma kellhiex, sabiex tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament Nru 883/2004, tressaq talba espressa f’dan is-sens.

52

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 87(8) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009, għandu jiġi interpretat fis‑sens li persuna li, fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, kienet teżerċita attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru u attività bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor, peress li kienet għaldaqstant suġġetta simultanjament għal-leġiżlazzjonijiet applikabbli fil‑qasam tas-sigurtà soċjali ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri, ma kellhiex, sabiex tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 988/2009, tressaq talba espressa f’dan is-sens.

 

Firem


( *1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.