SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materja ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Artikolu 15 – Kuntratt konkluż minn konsumatur – Rabta mad-Direttiva 2008/48/KE – Kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur – Artikoli 2 u 3 – Kunċetti ta’ “konsumatur” u “transazzjonijiet” li għalihom tapplika d-direttiva” – Ammont massimu ta’ kreditu – Assenza ta’ rilevanza fid-dawl tal-Artikolu 15 tal‑Konvenzjoni ta’ Lugano II”

Fil-Kawża C‑694/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Pillar Securitisation Sàrl

vs

Hildur Arnadottir,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pillar Securitisation Sàrl, minn A. Moro, avukat,

għal H. Arnadottir, minn M. Mailliet, avukat,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u P. Lacerda, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE, tas-27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn Pilar Securitisation Sàrl u Hildur Arnadottir dwar talba għar-rimbors ta’ kreditu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II

3

It-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi, fit-Taqsima 4, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti konsumeristiċi”, l-Artikolu 15, li jistabbilixxi:

“1.   F’materji relatati ma’ kuntratt li jsir minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus lil hinn mis-sengħa jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tkun stabbilita minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5), jekk:

a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs;

b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti;

c)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun sar ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, tidderiġi dawk l-attivitajiet lejn dak l-Istat jew lejn diversi Stati li jinkludu dak l-Istat, u l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ tali attivitajiet.

[…]

3.   Din it-Taqsima m’għandhiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport divers minn kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal kombinazzjoni ta’ vvjaġġar u ta’ akkomodazzjoni.”

4

L-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Jistgħu jiġu istitwiti proċedimenti kontra konsumatur, mill-parti l-oħra fil-kuntratt, biss fil-qrati ta’ l-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

5

L-Artikolu 17 tal-imsemmija konvenzjoni jistabbilixxi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

1.

li jkun intlaħaq wara li tkun inqalgħet id-disputa, jew

2.

li jippermetti lill-konsumatur li jistitwixxi proċedimenti fi qrati diversi minn dawk indikati f’din it-Taqsima, jew

3.

li jkun intlaħaq bejn il-konsumatur u l-parti l-oħra fil-kuntratt, li t-tnejn ikunu fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt domiċiljati jew jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat marbut b’din il-Konvenzjoni, u li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta’ dak l-Istat, sakemm dak il-ftehim ma jmurx kontra l-liġi ta’ dak l-Istat.”

6

Id-Deċiżjoni 2009/430 tistabbilixxi fil-premessa 4 tagħha:

“Fid-dawl tal-parallelliżmu bejn is-sistemi tal-[Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni tad-Deċiżjonijiet fil-qasam Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972 L 299, p. 32), fil-verżjoni konsolidata tagħha (ĠU 1998, C 27, p. 1) u l-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materja ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988 (ĠU 1988, L 319, p. 9)], dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Lugano għandhom jiġu allinjati mar-regoli tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)], sabiex jinkiseb l-istess livell ta’ ċirkulazzjoni ta’ sentenzi bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati tal-EFTA kkonċernati.”

Ir-Regolamenti (KE) Nru 44/2001 u (UE) Nru 1215/2012

7

Il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni tad-Deċiżjonijiet fil-Qasam Ċivili u Kummerċjali ġiet issostitwita bir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u sussegwentement bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012 L 351, p. 1) li ħassar ir-Regolament Nru 44/2001.

Id-Direttiva 2008/48/KE

8

Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66) tistabbilixxi, fil-premessa 10 tagħha:

“Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi [tal-Unjoni], tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Stat Membru għandu b’hekk ikun jista’ jżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar ftehim ta’ kreditu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, per eżempju dwar ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammonti inqas EUR 200 jew iktar minn EUR 75000. […]”

9

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ftehim ta’ kreditu.

2.   Din id-Direttiva m’għandiex tapplika għal:

[…]

(ċ)

ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammont totali ta’ kreditu inqas minn EUR 200 jew aktar minn EUR 75000;

[…]”

10

L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2008/48 jiddefinixxi t-terminu “konsumatur” kif ġej:

“[…] persuna fiżika li, fit-tranżazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma barra mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

H. Arnadottir, li hija residenti fl-Iżlanda, iffirmat f’Marzu 2005 self li jammonta għal ISK 193621074 (króna Iżlandiża) ekwivalenti għal aktar minn EUR 1 miljun minn Kaupthing Bank Luxembourg (KBL). Dan is-self kien rimborsabbli fi ħlas wieħed sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 2010.

12

L-għan tas-self kien sabiex tkun tista’ takkwista ishma fil-kumpannija Iżlandiża Bakkavör Group hf li fiha kienet impjegata.

13

Il-ħlas tas-self kien iggarantit b’depożitu minn Bakkavör Group, li, skont it-termini użati mill-qorti nazzjonali, kellu jsir mill-iktar fis possibbli matul l-2009. Din il-garanzija ġiet iffirmata minn żewġ diretturi ta’ din il-kumpannija, inkluża H. Arnadottir infisha.

14

Sussegwentement, KBL inqasmet f’żewġ entitajiet. Pillar Securitisation, waħda minnhom, talbet rimbors tas-self meħud minn H. Arnadottir.

15

Peress li din tal-aħħar kienet inadempjenti fil-ħlas ta’ dan is-self, matul l-2011, Pillar Securitisation ressqet azzjoni legali quddiem il-qrati tal-Lussemburgu abbażi tal-klawżola fil-kuntratt tas-self li tagħti ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar.

16

Madankollu, il-qorti distrettwali tal-Lussemburgu ddikjarat li ma kellha l-ebda ġurisdizzjoni sabiex tisma’ t-tilwima inkwistjoni fuq il-bażi li H. Arnadottir għandha titqies bħala “konsumatur” skont it-tifsira tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Hija kkunsidrat li l-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Lussemburgu kellha tiġi eskluża peress li ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ deroga tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

17

Fit-tieni lok, il-Cour d’appel (il-Qorti tal-Appell, il-Lussemburgu) permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ April 2016 ikkonfermat li l-qrati tal-Lussemburgu ma kellhom l-ebda ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq it-talba ta’ Pillar Securitisation.

18

Hija mbagħad ippreżentat appell fil-kassazzjoni, fejn sostniet li l-Qorti tal-Appell kienet kisret l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. B’mod partikolari, hija ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Appell kienet żbaljata meta qieset li H. Arnadottir kienet aġixxiet għal finijiet privati. Fit-tieni lok, dik il-qorti żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 15 billi qieset li ftehim ta’ self ta’ iktar minn EUR 1 miljun, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jkun kuntratt konkluż minn “konsumatur” skont it-tifsira tal-imsemmi Artikolu 15.

19

Skont Pillar Securitisation, sabiex wieħed jivverifika jekk kuntratt ta’ kreditu huwiex kuntratt konkluż minn konsumatur, skont it-tifsira tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, għandu jiġi vverifikat jekk dan jikkostitwixxix “ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur” skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/48. Dan jirriżulta mir-rapport ta’ spjegazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni mħejji mill-Professur Fausto Poar (ĠU 2009, C 319, p. 1). Għalhekk, dik id-direttiva tapplika biss għal kuntratti ta’ self b’valur ta’ iktar minn EUR 200 u inqas minn EUR 75000, sakemm id-dritt nazzjonali li jittrasponi dik id-direttiva ma jipprevedix limitu massimu ogħla. Peress li d-dritt Lussemburgiż ma jipprevedix limitu massimu bħal dan, il-kuntratt ta’ self fil-kawża prinċipali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva u, konsegwentement, l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma japplikax.

20

Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu) tqis li tqum il-kwistjoni ta’ kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal‑Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u l-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2008/48. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva dwar il-ftehimiet ta’ kreditu tal-konsumatur għandhiex impatt fuq id-definizzjoni ta’ “konsumatur” skont it-tifsira tal-Artikolu 15.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu li, fid-dawl tal-ammont totali tal-kreditu, ma huwiex kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE […], persuna tista’ titqies bħala ‘konsumatur’ fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tat-30 ta’ Ottubru 2007 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva għal oqsma li ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, peress li l-kuntratt ġie konkluż għal użu li jista’ jitqies bħala estranju għall-attività professjonali tagħha?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandux jiġi interpretat li jfisser li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim ta’ kreditu huwiex ftehim ta’ kreditu konkluż minn “konsumatur” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 15, għandu jiġi vverifikat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 fis-sens li l-ammont totali tal-kreditu inkwistjoni ma jaqbiżx il-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 2(2)(c) ta’ dik id-direttiva u jekk huwiex rilevanti, f’dan ir-rigward, li d-dritt nazzjonali li jittrasponi l-imsemmija direttiva ma jipprevedix limitu massimu ogħla.

23

Jekk ftehim ta’ self, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun kuntratt konkluż minn “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, isegwi, skont l-Artikolu 16 ta’ din il-konvenzjoni, li l-qrati tal-Istat marbut minn din tal-aħħar fit-territorju li fih huwa ddomiċiljat il-konsumatur, f’dan il-każ il-qrati Iżlandiżi, għandu jkollhom ġurisdizzjoni. Madankollu, jekk il-kuntratt inkwistjoni ma jkunx kuntratt ta’ konsumatur taħt l-Artikolu 15, il-qrati indikati mill-klawżola ta’ ġurisdizzjoni stipulata f’dak il-kuntratt, f’dan il-każ il-qrati tal-Lussemburgu, għandu jkollhom ġurisdizzjoni.

24

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li Pillar Securitisation issostni li H. Arnadottir aġixxiet għal finijiet professjonali u li hija ma tissodisfax id-definizzjoni ta’ “konsumatur”. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għan tas-self konkluż minn persuna bħalma hija H. Arnadottir. Għall-kuntrarju ta’ dan, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja billi titlaq mill-premessa skont liema l-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż għal fini li jista’ jitqies bħala lil hinn mill-attività professjonali ta’ H. Arnadottir. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni ta’ rinviju ma fihiex biżżejjed informazzjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’, jekk ikun il-każ, tipprovdi indikazzjonijiet utli dwar din il-kwistjoni.

25

Għalhekk, ma hemmx lok, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li jiġi analizzat l-għan tal-ftehim ta’ self konkluż minn persuna bħal H. Arnadottir.

26

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li ftehim ta’ kreditu jaqbeż il-limitu ta’ EUR 75000 stabbilit fl-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2008/48, fejn id-dritt nazzjonali ma jipprevedix limitu massimu ogħla minn dak l-ammont, jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

27

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, huwa importanti li jitfakkar, l-ewwel nett, li din hija redatta kważi b’mod identiku għall-artikoli korrispondenti fir-Regolamenti Nri 44/2001 u 1215/2012 u li għandha tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ dawn l-istrumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Schlömp, C‑467/16, EU:C:2017:993, il-punti 46 u 47).

28

L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jittratta kuntratti konklużi minn persuna, il-konsumatur, għal għan li jista’ jitqies bħala lil hinn mill-attività jew il-professjoni tiegħu. Il-kuntratti msemmija huma speċifikati fl-Artikolu 15(1)(a) sa (c). Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tad-dispożizzjoni ekwivalenti fir-Regolament Nru 44/2001 li tinsab fir-Regolament Nru 1215/2012, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti kuntratti ta’ trasport esklużi mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-konsumatur permezz tal-Artikolu 15(3) ta’ dik il-konvenzjoni, il-paragrafu 1(c) ta’ dak l-artikolu jirreferi għall-kuntratti kollha, indipendentement mis-suġġett tagħhom, peress li jkunu ġew konklużi minn konsumatur ma’ professjonist u li huma konnessi mal-kummerċ jew professjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Illiger, C‑180/06, EU:C:2009:303, il-punt 50).

29

Id-Direttiva 2008/48 min-naħa tagħha tiddefinixxi l-“konsumatur” fl-Artikolu 3 bħala persuna fiżika li, fit-tranżazzjonijiet koperti minn din id-direttiva, tkun qed taġixxi b’finijiet li huma lil hinn mill-attività kummerċjali jew professjonali tagħha.

30

It-tranżazzjonijiet inkwistjoni, mingħajr ma huma ddefiniti, jissemmew fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/48 intitolata “Kamp ta’ applikazzjoni”, li fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li din id-direttiva tapplika għal ftehimiet ta’ kreditu, iżda skont il-paragrafu 2(c) tiegħu, ma testendix għal dawk li l-ammont totali ta’ kreditu tagħhom huwa inqas minn EUR 200 jew iktar minn EUR 75000.

31

It-tieni nett, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punt 31 tal-Konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48 li l-kunċett ta’ “konsumatur” huwa ddefinit bl-istess mod f’dawk iż-żewġ testi, jiġifieri bħala li jirreferi għal xi ħadd li jikkonkludi kuntratt għal skop, jew li jkun qed jaġixxi, “lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu”.

32

Madankollu, it-tranżazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2008/48 jirrigwardaw ftehimiet ta’ kreditu konklużi minn konsumatur, limitati għal dawk li l-ammont totali ta’ kreditu tagħhom la ma huwa inqas mil-limitu ta’ EUR 200 u lanqas ma huwa iktar mil-limitu massimu ta’ EUR 75000, filwaqt li, fil-każ ta’ kuntratti tal-konsumatur taħt il-Konvenzjoni ta’ Lugano II, tali livell u tali limitu massimu ma humiex previsti.

33

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-ftehimiet ta’ kreditu tal-konsumatur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II humiex biss dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 u għalhekk ma jinkludux dawk il-kuntratti li għalihom l-ammont totali ta’ kreditu huwa taħt il-limitu ta’ EUR 200 jew ’il fuq mil-limitu massimu ta’ EUR 75000.

34

F’dan ir-rigward, u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlatur Ewropew fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, huwa xieraq li, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab f’leġiżlazzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik, C‑508/12, EU:C:2013:790, il-punt 25 u tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, il-punt 28).

35

Madankollu, f’ebda każ ma jista’ dan il-bżonn li tiġi żgurata koerenza bejn l-atti differenti tad-dritt tal-Unjoni jagħti lid-dispożizzjonijiet ta’ regolament dwar ir-regoli tal-ġurisdizzjoni interpretazzjoni li ma għandha l-ebda rabta mas-sistema u mal-għanijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Kainiz, C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 20).

36

Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, konsegwentement, tal-għan tat-testi inkwistjoni, jiġifieri dak tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u dak tad-Direttiva 2008/48, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehimiet ta’ kreditu tal-konsumatur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II humiex biss dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 u għalhekk ma jinkludux kuntratti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għalihom l-ammont totali tal-kreditu jkun ’il fuq mil-limitu massimu ta’ EUR 75000.

37

F’dan ir-rigward, huwa ċar li l-Konvenzjoni ta’ Lugano II u d-Direttiva 2008/48 għandhom għanijiet distinti.

38

Fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2008/48, kif jirriżulta mill-premessi 7 u 9 tagħha, dan jikkonsisti fil-ħolqien, fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumaturi, ta’ armonizzazzjoni sħiħa u obbligatorja f’numru ta’ oqsma ċentrali, li hija meqjusa neċessarja sabiex tiżgura li l-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea jgawdu minn livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, il-punt 42).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li dan l-għan huwa maħsub sabiex jiżgura protezzjoni effettiva għall-konsumaturi kontra l-għoti irresponsabbli ta’ ftehimiet ta’ kreditu li jaqbżu l-kapaċità finanzjarja tagħhom u li jistgħu jagħtu lok għal insolvenza (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 43).

40

Għal dan il-għan, id-Direttiva 2008/48 hija intiża li tarmonizza ċerti aspetti tad-dritt sostantiv tal-ftehimiet ta’ kreditu tal-konsumatur, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tagħrif għall-konsumatur li huwa wkoll dak li jissellef. Meta tagħmel dan, hija timponi, fuq min jislef, b’mod partikolari obbligi ta’ informazzjoni prekuntrattwali.

41

Sabiex jintlaħaq l-għan doppju ta’ din id-direttiva kemm għall-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, il-leġiżlatur tal-Unjoni speċifika l-ftehimiet ta’ kreditu tal-konsumatur koperti mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni ta’ din id-direttiva billi llimita l-ftehimiet ta’ kreditu tal-konsumatur għal kuntratti b’ammont totali ta’ kreditu li la ma huwa inqas mil-limitu ta’ EUR 200 u lanqas ma huwa iktar mil-limitu massimu ta’ EUR 75000.

42

Fir-rigward tal-għan tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, hija mhix intiża li tarmonizza d-dritt sostantiv relatat mal-kuntratti tal-konsumatur, iżda li tistabbilixxi, bħar-Regolament Nru 44/2001, u sussegwentement ir-Regolament Nru 1215/2012, ir-regoli li jiddeterminaw liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawża f’materji ċivili u kummerċjali dwar, b’mod partikolari, kuntratt konkluż bejn professjonist jew negozjant u persuna li taġixxi għal finijiet differenti minn dawk tal-attività professjonali tagħha, sabiex tiġi protetta dik il-persuna f’każ bħal dan. Filwaqt li ssegwi dan l-għan, din il-konvenzjoni ma tippreżentax kamp ta’ applikazzjoni limitat għal ammonti speċifiċi u testendi għat-tipi kollha ta’ kuntratti, bl-eċċezzjoni ta’ dak speċifikat fl-Artikolu 15(3) tal-imsemmija konvenzjoni.

43

Minħabba l-finijiet distinti tad-Direttiva 2008/48 u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-fatt li ftehim ta’ kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 għar-raġuni li l-ammont totali ta’ kreditu huwa ogħla mil-limitu massimu ta’ EUR 75000 stabbilit fl-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ dik id-direttiva ma jaffettwax id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

44

Barra minn hekk, kif indikat ukoll mill-Avukat Ġenerali, fil-punt 48 tal-Konklużjonijiet tiegħu, jekk il-limiti minimi relatati mal-ammont totali ta’ kreditu fid-Direttiva 2008/48 jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, dan jirriżulta f’sitwazzjoni fejn persuni li kkonkludew ftehim ta’ kreditu li l-ammont tiegħu jkun inqas minn EUR 200 ma jkunux jistgħu jiddependu fuq ir-regola protettiva prevista fl-Artikolu 15. Madankollu, sitwazzjoni bħal din ma tkunx konformi mal-għanijiet segwiti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II, peress li ma hemm l-ebda differenza sostanzjali fir-rigward tad-dgħufija preżunta ta’ persuna li kkonkludiet ftehim ta’ kreditu ta’ EUR 100 meta mqabbla ma’ dik li kkonkludiet ftehim ta’ kreditu ta’ ammont ta’ EUR 200.

45

Bl-istess mod, fir-rigward tal-limitu massimu ta’ EUR 75000, konsumatur li daħal fi ftehim ta’ kreditu li jaqbeż dan il-limitu jistħoqqlu l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 15.

46

Minn dan isegwi li l-fatt li l-limitu massimu previst mid-dritt nazzjonali ma jaqbiżx dak stipulat fid-Direttiva 2008/48 huwa wkoll irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim ta’ kreditu jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

47

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jinqara r-rapport ta’ spjegazzjoni mħejji mill-Professur Pocar (imsemmi fil-punt 19 ta’ din is-sentenza), li għalih tirreferi Pillar Securitisation. Il-punt 81 ta’ dak ir-rapport jgħid li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II wessa’ b’mod konsiderevoli l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratti tal-konsumatur meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet preċedenti li ssostitwixxa. Ir-rapport iżid li l-kunċett wiesa’ tal-kuntratti tal-konsumatur jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni offruta u jinkludi l-kuntratti kollha rregolati mid-direttivi tal-Unjoni bħala kuntratti tal-konsumatur, inklużi ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur sa fejn dawn huma koperti mid-Direttiva 2008/48. F’dan il-kuntest, ir-riferiment għal din id-direttiva għandu jittieħed bħala eżempju u ma għandux jinftiehem li jimplika li, fil-każ ta’ ftehimiet ta’ kreditu konklużi minn konsumatur, dawk biss koperti mid-Direttiva 2008/48 u li ma jaqbżux il-limitu massimu stabbilit b’dik id-direttiva jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

48

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk ftehim ta’ kreditu huwiex ftehim ta’ kreditu konkluż minn “konsumatur” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15, ma għandux jiġi vverifikat li dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 fis-sens li l-ammont totali tal-kreditu inkwistjoni ma jaqbiżx il-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva u li huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li d-dritt nazzjonali li jittrasponi l-imsemmija direttiva ma jipprevedix limitu massimu ogħla.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li ġiet approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas-27 ta’ Novembru 2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk ftehim ta’ kreditu huwiex ftehim ta’ kreditu konkluż minn “konsumatur” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15, ma għandux jiġi vverifikat li dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, fis-sens li l-ammont totali tal-kreditu inkwistjoni ma jaqbiżx il-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ dik id-direttiva u li huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li d-dritt nazzjonali li jittrasponi l-imsemmija direttiva ma jipprevedix limitu massimu ogħla.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.