KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ BORDONA
ippreżentati fit-30 ta’ April 2019 ( 1 )
Kawża C‑509/18
Minister for Justice and Equality,
vs
P.F.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) (l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA — Artikolu 6(1) — Mandat ta’ arrest Ewropew — Kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” — Prosekutur Pubbliku — Indipendenza mill-poter eżekuttiv”
1. |
F’din l-istess data qiegħed nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑508/18 u C‑82/19 PPU ( 2 ), dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) u l-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) rispettivament. Dawn iż-żewġ kawżi jqajmu l-kwistjoni dwar jekk il-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA ( 3 ). |
2. |
F’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb lill-qrati tar-rinviju li l-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż ma huwiex “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. |
3. |
F’din il-kawża (C‑509/18), fejn ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar ukoll mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), id-dubju jikkonċerna l-kapaċità tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. Bi qbil ma’ dawk il-konklużjonijiet, ser intenni l-istess proposta rigward il-Prosekutur Ġenerali Litwan, minkejja l-awtonomija tiegħu fir-rigward tal-poter eżekuttiv (għall-kuntrarju tal-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż). |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
4. |
Nirreferi għall-premessi 5, 6 u 10 kif ukoll għall-Artikoli 1 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas, li jinsabu fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU. |
B. Id-dritt nazzjonali
5. |
Skont l-Artikolu 109 tal-Kostituzzjoni tal-Litwanja (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”), l-amministrazzjoni tal-ġustizzja hija eżerċitata esklużivament mill-qrati. |
6. |
Skont l-Artikolu 118 tal-Kostituzzjoni tal-Litwanja, il-funzjoni tal-Prosekutur Pubbliku hija li jorganizza u jmexxi l-investigazzjoni u li jeżerċita l-proċeduri kriminali. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-Prosekutur Pubbliku huwa indipendenti mir-rappreżentanti tal-poteri kollha (leġiżlattiv, eżekuttiv jew ġudizzjarju) u ma huwa suġġett għal ebda pressjoni jew influwenza politika, iżda huwa suġġett biss għal-liġi. |
7. |
Skont l-Artikolu 3 tal-Lietuvos Respublikos prokuratūros įstatymas (il-Liġi dwar il-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Litwanja) ( 4 ), il-Prosekutur Pubbliku jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod indipendenti u sovran, konformement mal-liġi u l-prinċipju tar-raġonevolezza, fir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni, filwaqt li josserva l-preżunzjoni tal-innoċenza u l-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi. |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8. |
Fit‑18 ta’ April 2014, il-Prosekutur Pubbliku ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew dwar il-konsenja ta’ P.F. għall-proċess tiegħu għal allegat twettiq ta’ serq armat fl-2012. |
9. |
P.F. oppona l-konsenja tiegħu quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), u allega, fost affarijiet oħra, li l-Prosekutur Pubbliku ġenerali ma huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. |
10. |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2017, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Prosekutur Pubbliku ġenerali, dan kien jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas. Għaldaqstant, ordnat il-konsenja ta’ P.F. |
11. |
Id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2017 ġiet ikkonfermata fl-appell fl‑20 ta’ Ottubru 2017 mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell). |
12. |
Peress li sar appell quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema), din il-qorti għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13. |
Id-domanda preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Awwissu 2018. |
14. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza), il-Gvern Ġermaniż, dawk tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Ungerija, tal-Litwanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja, flimkien mal-Kummissjoni. Fis-seduta għal smigħ pubbliku, li saret fis‑26 ta’ Marzu 2019 flimkien mal-Kawżi magħquda C‑508/18 u C‑82/19 PPU, dehru, minbarra dawk li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub — bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ungeriż u dak Pollakk — il-Gvern Daniż u dak Taljan. |
IV. Analiżi
15. |
Il-kwistjonijiet imqajma mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema) huma mqassra taħt in-numru erbgħa, jiġifieri jekk il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali Litwan huwiex “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni qafas. |
16. |
Il-qorti tar-rinviju tkun tixtieq tkun taf b’mod partikolari:
|
17. |
Fil-konklużjonijiet ppreżentati fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU, sostnejt, kif diġà għidt, li l-Prosekutur Pubbliku ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. |
18. |
Mingħajr ħtieġa li ntennihom, nirreferi għar-raġunijiet esposti f’dawk il-konklużjonijiet, li huma miġbura fil-qosor fl-idea li deċiżjoni ta’ ċaħda tal-libertà bħal dik li tippermetti l-proċedura tad-Deċiżjoni Qafas tista’ tittieħed biss minn qorti stricto sensu, jiġifieri “l-unika awtorità li tista’ tipprovdi protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta” ( 5 ). |
19. |
F’dawn l-istess konklużjonijiet, nirreferi wkoll għall-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja bħala kriterju determinanti tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” ( 6 ). Dan il-prinċipju huwa fiċ-ċentru tal-kwistjoni mqajma f’din il-proċedura li fuqha ser niddedika l-analiżi tiegħi. |
20. |
Nixtieq infakkar għal darba oħra li, bl-istess mod kif hemm rabta mill-qrib bejn in-natura ta’ sentenza u l-kwalità tal-awtorità li ġejja minnha, “hemm ukoll rabta mill-qrib bejn l-indipendenza ta’ awtorità u l-kwalità tad-deċiżjonijiet tagħha. Fi kliem ieħor, il-kwalità ġudizzjarja ta’ awtorità tiddependi fuq in-natura u l-portata tal-indipendenza tagħha” ( 7 ). |
21. |
Peress li l-Prosekutur Pubbliku ma jeżerċitax funzjoni ġudizzjarja, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ma għandu l-ebda indipendenza li hija inerenti fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja. |
22. |
Ċertament, id-dritt nazzjonali jista’ jagħti lill-Prosekutur Pubbliku l-kwalifika ta’ korp indipendenti. Madankollu, sa fejn il-funzjonijiet tiegħu ma humiex ġudizzjarji, l-indipendenza mogħtija lilu ma tistax tkun “indipendenza ġudizzjarja”. |
23. |
Skont l-informazzjoni li tinsab fil-proċess, il-Kostituzzjoni Litwana, fl-Artikolu 118, tipprevedi li l-Prosekutur Pubbliku huwa indipendenti mir-rappreżentanti tal-poteri leġiżlattiv, eżekuttiv u ġudizzjarju. Madankollu, din l-indipendenza hija rrikonoxxuta lilu fil-kuntest tal-“eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu”. Issa dawn il-funzjonijiet huma li jorganizza u jmexxi investigazzjoni, kif ukoll li jiġu żgurati l-proċeduri kriminali. B’mod ċar, huma funzjonijiet mhux ġudizzjarji, peress li dawn jikkonsistu strettament fl-applikazzjoni irrevokabbli tad-dritt ta’ soluzzjoni għat-tilwim ( 8 ). |
24. |
Il-qorti li teżerċita ġurisdizzjoni ma għandha ebda interess ieħor ħlief dak li tiżgura l-integrità tal-ordinament ġuridiku. Sabiex tħares tali interess, hija tgawdi minn indipendenza li tipproteġi l-fatt li hija suġġetta esklużivament għal-liġi; jiġifieri ma hija marbuta ma’ ebda interess ieħor partikolari, jew interessi pubbliċi oħra bħal dak tal-eżerċizzju tal-proċeduri kriminali. |
25. |
L-awtoritajiet li, bħall-Prosekutur Pubbliku, iwettqu funzjonijiet pubbliċi fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku jistennew li l-integrità ta’ dan tal-aħħar tiġi żgurata mill-poter ġudizzjarju. Huwa preċiżament minħabba din il-fiduċja li dawn jistgħu jkunu ddedikati għat-twettiq tal-interess speċifiku li għalih huma diretti l-funzjonijiet mogħtija lilhom. |
26. |
Skont l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħi, il-Prosekutur Pubbliku Litwan huwa indipendenti kemm fl-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet kriminali kif ukoll sabiex jeżerċita l-prosekuzzjoni tar-reat, iżda mhux sabiex jiggarantixxi l-integrità tal-ordinament ġuridiku bħala tali. L-indipendenza tiegħu hija għas-servizz tal-funzjonijiet mogħtija lilu u l-eżerċizzju tiegħu jrid jitwettaq fil-kuntest tad-dritt billi juża l-mezzi offruti minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, id-dritt huwa għalih mezz sabiex jintlaħaq dan l-għan. |
27. |
Min-naħa l-oħra, jekk imħallef jingħata indipendenza, dan huwa sabiex ikun jista’ jiddeċiedi, jiġifieri sabiex jistabbilixxi d-dritt b’mod irrevokabbli f’każ speċifiku. Il-kompitu tiegħu huwa li jagħti l-aħħar kelma, li tfisser l-applikazzjoni tad-dritt b’mod li r-riposta mogħtija jkollha l-forza ta’ res judicata, tkun konformi mad-dritt u, bħala tali, valida. L-indipendenza tiegħu tagħmel sens minn dan il-lat, peress li jekk jiġi fdat bis-setgħa li jsolvi tilwim (skont it-termini stabbiliti mill-proċeduri regolatorji u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkostitiwixxu l-ordinament ġuridiku), dan huwa sabiex ikun jista’ jiżgura r-regolarità kollha ta’ din l-aħħar kelma li trid tkun ħielsa minn kwalunkwe ndħil. |
28. |
Konsegwentement jista’ jingħad li l-osservanza tad-dritt ma hijiex mezz għall-imħallef, iżda għan aħħari fih innifsu. B’mod iktar preċiż, hija l-uniku skop li għalih għandu jitwettaq u għandu jingħata indipendenza differenti b’mod kwalitattiv minn dik li tista’ tingħata lill-Prosekutur Pubbliku jew minn dik li tista’ taqa’ taħt l-obbligu ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità li hija karatteristika tal-awtoritajiet amministrattivi. |
29. |
Il-kwalifika tal-Prosekutur Pubbliku bħala istituzzjoni indipendenti ma tfissirx li huwa ekwivalenti għall-poter ġudizzjarju, bħalma dak li jsir għall-hekk imsejħa awtoritajiet indipendenti li jinsabu fil-kuntest tar-regolamenti ta’ diversi setturi ekonomiċi. B’mod partikolari, l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku ma hijiex komparabbli ma’ dik tal-imħallef la fuq il-bażi tagħha u lanqas fuq l-estensjoni tagħha, peress li jwettqu funzjonijiet differenti. |
30. |
L-awtonomija tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” li juża l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas ( 9 ) hija konsegwenza tal-ħtieġa li tingħata definizzjoni uniformi tas-sens u tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett fl-Unjoni kollha. B’hekk, l-Istati Membri ma għandhomx is-setgħa li jikkwalifikaw bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” istituzzjonijiet li, minkejja li ma għandhomx ġurisdizzjoni, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala indipendenti skont il-liġi nazzjonali ( 10 ). |
31. |
Din l-aħħar dikjarazzjoni hija bbażata fuq il-premessa li l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku ma tistax tiġi konfuża mal-indipendenza ġudizzjarja. Ma’ dan jiżdiedu, fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, l-iżvantaġġi li jistgħu jwasslu għar-rikonoxximent ta’ istituzzjonijiet li ma humiex imħallfin bħala “awtoritàajiet ġudizzjarji emittenti”. |
32. |
Għalkemm huwa evidenti, għall-Istati Membri kollha, li l-poter ġudizzjarju huwa awtorità indipendenti — li jwassal għall-fiduċja li fuqha jistgħu jibbażaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet tagħhom — dan ma huwiex il-każ għall-Prosekutur Pubbliku, kif juri b’mod ċar dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u l-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU. |
33. |
Fil-fatt, tista’ tiġi nnotata gradazzjoni fil-livelli ta’ awtonomija tal-Prosekutur Pubbliku fid-diversi Stati Membri li, mingħajr ma tista’ tkun qatt, għal raġunijiet kunċettwali, l-istess bħall-indipendenza ġudizzjarja, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tinvestigaha f’kull każ, fid-dawl tal-liġi applikabbli fl-Istat Membru emittenti fir-rigward tal-Prosekutur Pubbliku. |
34. |
Dan l-eżami jista’ jdewwem il-proċedura ta’ konsenja u jagħti lok għal talbiet għal informazzjoni jew għal kontestazzjonijiet proċedurali min-naħa tal-persuna kkonċernata, u dan iwassal inevitabbilment sabiex itawwal it-tul tal-proċeduri, u b’hekk, tal-miżuri ta’ ċaħda tal-libertà li kienu setgħu ġew adottati. |
35. |
Fl-interessi tas-sempliċità u tal-ħeffa tal-proċedura, u għalhekk id-dritt għal-libertà, huwa għalhekk meħtieġ li titneħħa minn qabel kwalunkwe inċertezza dwar il-kwalità tal-awtorità li tkun ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew u, konsegwentement, li tirriżerva l-ħruġ tagħha lil korp ġudizzjarju (indipendenti). |
36. |
Fl-aħħar nett, infakkar ukoll, kif għamilt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Özçelik ( 11 ), li x-xogħlijiet preparatorji dwar l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas jidher li juru li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jeskludi lill-Prosekutur Pubbliku mill-kunċett ta’ awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
37. |
L-Artikolu 3 tal-proposta inzijali ta’ Deċiżjoni Qafas ( 12 ) kien jinkludi espressament il-Prosekutur Pubbliku fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” (ta’ ħruġ jew eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew) ( 13 ). |
38. |
Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Özçelik ( 14 ), “[I]n-nota ta’ spjegazzjoni ta’ din il-proposta żiedet tgħid li t-terminu “awtorità ġudizzjarja’ kien jikkorrispondi għal dak tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tal-1957 li, imbagħad, min-naħa tagħha rrikonoxxiet bħala tali lill-‘awtoritajiet ġudizzjarji nfushom u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, bl-esklużjoni tal-awtoritajiet tal-pulizija’” ( 15 ). |
39. |
Il-proposta ma rnexxietx iżda r-riferiment għall-Prosekutur Pubbliku fil-verżjoni finali tal-Artikoli 1 u 6 ma għadux hemm. |
40. |
Dan l-għajbien wassal għal xi inċertezza, u hemm xi wħud li jaħsbu li f’dan il-kuntest jista’ jinftiehem, mingħajr riferiment espress, li l-Prosekutur Pubbliku huwa parti mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, għall-finijiet tal-mandat ta’ arrest Ewropew ( 16 ). |
41. |
Xi Stati Membri infurmaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li fost l-“awtorit[ajiet] ġudizzjarj[i] kompetenti taħt il-liġi [tagħhom]” li joħorġu jew jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest Ewropej kien hemm il-prosekuturi pubbliċi rispettivi tagħhom. Għal dawn l-Istati, l-għajbien tar-riferiment espress għall-Prosekutur Pubbliku ma wassalx għall-esklużjoni tagħhom. |
42. |
Dawn ir-rapporti, madankollu “ma jippreġudikawx u lanqas ma jikkondizzjonaw, f’termini strettament ġuridiċi, il-konformità tal-miżuri meħuda minn kull Stat mal-kontenut tad-Deċiżjoni Qafas. Id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati jinnominaw jew jaħtru, minn fost l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom, lil dawk li jkunu kompetenti sabiex jirċievu jew joħorġu mandati ta’ arrest Ewropej, iżda ma tippermettilhomx jespandu l-kunċett ta’ awtorità ġudizzjarja, għall-korpi li ma jgawdux minn dan l-istatus” ( 17 ). |
43. |
Fil-fehma tiegħi, dan l-għajbien tar-riferiment għall-Prosekutur Pubbliku għandu jiġi interpretat li jfisser li l-leġiżlatur ried jeskludih mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni qafas. Fil-rigward ta’ kwistjoni li ġiet diskussa ħafna, jekk il-leġiżlatur ried jirrikonoxxi lill-Prosektur Pubbliku il-kwalifika ta’ awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, kien jiddikjara dan b’mod espliċitu, kif kien sar fil-proposta inizjali. |
44. |
Skont it-teżi opposta għal dak li nsostni, l-għajbien tar-riferiment għall-Prosekutur Pubbliku, matul il-proċedura leġiżlattiva, kien iġġustifikat sabiex jiġi evitat dak li huwa żejjed. Madankollu, ma nemminx li dan kien il-każ, kif ġustament turi l-inċertezza li nħolqot. |
45. |
B’mod ħafna iktar sempliċi, naħseb li, jekk il-proposta inizjali kienet li jiġi solvut id-dibattitu dwar in-natura ġudizzjarja tal-Prosekutur Pubbliku billi dan jiġi ddikjarat b’mod espliċitu, l-għajbien sussegwenti tar-riferiment mhux biss ma għandux jerġa’ jibda d-dibattitu, iżda, għall-kuntrarju, itendi sabiex dan jiġi konkluż b’soluzzjoni negattiva. |
46. |
Jekk ma’ dan kollu jiżdiedu r-raġunijiet kunċettwali u ta’ prinċipju kif ukoll dawn marbuta maċ-ċertezza u s-simplifikazzjoni tal-proċedura, li ddefendejt kemm f’dawn il-konklużjonijiet kif ukoll f’dawk fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU, naħseb li l-interpretazzjoni li l-Prosekutur Pubbliku ma jiġix ikkwalifikat bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas hija l-iktar konformi mas-sistema stabbilita minn din tal-aħħar. |
V. Konklużjoni
47. |
Fid-dawl ta’ dan, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) kif ġej: “L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’, previst f’din id-dispożizzjoni ma jinkludix l-istituzzjoni tal-prosekutur pubbliku”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Minister for Justice and Equality
( 3 ) Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/JHA tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34 u rettifika f’ĠU 2009, L 17, p.45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni qafas”).
( 4 ) Lietuvos Respublikos teisės aktų registras (TAR), 0921010KONSRG 922324.
( 5 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Lulju 2018, il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 53, li sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal rimedju effettiv “huwa primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti ‘indipendenti’ fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv” (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 41)”
( 6 ) Konklużjonijiet ippreżentati fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU, punti 24 u 79 sa 99.
( 7 ) Ibidem, punt 81.
( 8 ) Nirreferi għall-punti 66 u 67 tal-Konklużjonijiet tiegħi C‑508/18 u C‑82/19 PPU.
( 9 ) Kif ġie kkonfermat fis-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak (C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 32).
( 10 ) Ninsisti li dan iseħħ b’rabta mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas u mhux neċessarjament fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(ċ) tagħha. Nirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punti 45 sa 50 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-Kawżi C‑508/18 u C‑82/19 PPU.
( 11 ) Konklużjonijiet fil-kawża Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:783, punti 39 sa 42).
( 12 ) COM(2001) 522 finali.
( 13 ) “Għal-finijiet ta’ din id-deċiżjoni kwadru, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: a) ‘mandat ta’ arrest Ewropew’ ifisser talba magħmula minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru u mibgħuta lil Stati Membri oħra bil-għanijiet ta’ għajnuna, tfittxija, arrest, detenzjoni u konsenja ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ sentenza jew deċiżjoni ġudizzjarja fit-tifsira tal-Artikolu 2; b) ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ tfisser l-imħallef jew il-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru li jkun ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew; c) ‘awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni’ tfisser l-imħallef jew il-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu għandha tinstab il-persuna mfittxija, li jiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
( 14 ) Konklużjonijiet fil-kawża Özçelik (C 453/16 PPU, EU:C:2016:783, punt 40).
( 15 ) Il-kummentarju għall-Artikolu 3 tal-proposta jindika li “[l]-proċedura ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, issostitwiti minn relazzjonijiet bejn awtorità ġudizzjarja u oħra. It-terminu ‘awtorità ġudizzjarja’ jikkorrispondi, bħal fil-Konvenzjoni tal‑1957 (ara r-Rapport ta’ Spjegazzjoni, l-Artikolu 1), lill-awtoritajiet ġudizzjarji proprji u lill-[Prosekutur Pubbliku], bl-esklużjoni tal-awtoritajiet tal-pulizija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda minni).
( 16 ) Espożizzjoni eċċellenti tal-pożizzjonijiet li saru f’dan id-dibattitu tinsab fl-opinjonijiet konkorrenti u kuntrarji espressi fis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2012 mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) fil-kawża Assange v The Swedish Prosecution Autorithy [2012] UKSC 22.
( 17 ) Konklużjonijiet fil-kawża Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:783, punt 43).