SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

11 ta’ April 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba għal kumpens minħabba titjira li ġarrbet dewmien – Punt 5 tal-Artikolu 7 – Operat ta’ fergħa – Artikolu 26 – Estensjoni taċita – Ħtieġa li l-konvenut jidher”

Fil-Kawża C‑464/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Gerona (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Girona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

ZX

vs

Ryanair DAC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ZX, passiġġier, u l-kumpannija tal-ajru Ryanair DAC, dwar kawża għad-danni mressqa minn ZX minħabba titjira li ġarrbet dewmien.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

4

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati [is-servizzi ġew ipprovduti] jew suppost li kienu kkonsenjati [pprovduti];

(c)

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

[…]

5)

fir-rigward ta’ tilwima li tirriżulta mill-attività ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu;

[…]”

5

It-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, li hija intitolata “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti mal-konsumatur”, tinkludi l-Artikolu 17 li jipprovdi:

“1.   Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7, jekk:

(a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs;

(b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

(c)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.

2.   Meta konsumatur jidħol f’kuntratt ma’ parti li ma tkunx domiċiljata fi Stat Membru iżda li jkollha fergħa, aġenzija jew xi stabbiliment ieħor f’wieħed mill-Istati Membri, dik il-parti għandha, fi kwistjonijiet li jinqalgħu mill-operazzjonijiet tal-fergħa, l-aġenzija jew l-istabbiliment, tkun meqjusa bħala domiċiljata f’dak l-Istat Membru.

3.   Din it-Taqsima m’għandhiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni.”

6

It-Taqsima 7, intitolata “Proroga tal-ġurisdizzjoni”, tinsab f’dan l-istess kapitolu. Din it-taqsima tinkludi, fost oħrajn, l-Artikolu 26(1), li huwa fformulat hekk:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandhiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex tkun ikkontestata l-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 24.”

7

L-Artikolu 28(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed jitressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor u ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

8

L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), jipprovdi li, fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, il-passiġġieri għandhom jirċievu, għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas, kumpens li l-ammont tiegħu huwa ffissat bħala EUR 250.

Id-dritt Spanjol

9

Skont l-Artikolu 86 ter (2)(b) tal-Ley Orgánica 6/1985 del Poder Judicial (il-Liġi Organika 6/1985 dwar is-Setgħa Ġudizzjarja), tal-1 ta’ Lulju 1985, it-talbiet imressqa fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew internazzjonali fil-qasam tat-trasport għandhom jitressqu, fl-ewwel istanza jew f’istanza unika, quddiem il-qrati kummerċjali li, fl-ordinament tal-qrati ċivili, huma qrati speċjalizzati f’ċerti materji ċivili u kummerċjali.

10

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), torganizza l-azzjonijiet, b’mod partikolari, skont l-ammont tat-talba, b’tali mod li dawn huma suġġetti għall-proċedura ordinarja jew għall-proċedura sommarja.

11

Konformement mal-Artikolu 250(2) ta’ dan il-kodiċi, jekk il-valur tat-talba ma jaqbiżx l-EUR 6000, din it-talba għandha tiġi ttrattata skont ir-regoli tal-proċedura sommarja.

12

Skont l-Artikolu 56 tal-imsemmi kodiċi, ir-rikorrent huwa meqjus li jkun għamel għażla taċita tal-forum bil-fatt li jkun resaq quddiem il-qrati ta’ distrett partikolari sabiex jippreżenta t-talba, filwaqt li l-konvenut huwa meqjus li jkun għamel l-istess bil-fatt li jippreżenta kwalunkwe att li ma jkunx att li joġġezzjona għall-ġurisdizzjoni tal-qorti wara li jkun deher. Il-konvenut huwa wkoll meqjus li jkun għamel għażla taċita tal-forum meta, wara li jkun debitament imħarrek sabiex jidher, ma jidhirx jew jidher filwaqt li jkun iddekada mill-possibbiltà li jqajjem oġġezzjoni għall-ġurisdizzjoni tal-qorti.

13

Skont l-Artikolu 54(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, “l-estensjoni ta’ ġurisdizzjoni espliċita jew taċita ma hijiex valida fil-kawżi suġġetti għall-proċedura sommarja”.

14

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 404 ta’ dan il-kodiċi, moqrija flimkien mal-Artikolu 58 tal-imsemmi kodiċi, f’sitwazzjoni fejn ir-reġistratur responsabbli għall-organizzazzjoni formali u materjali tal-proċess jikkonstata, fl-istadju tal-ammissjoni tat-talba, l-eventwali assenza ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita, huwa għandu jinforma b’dan lill-qorti sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà jew l-inammissibbiltà tat-talba wara li jinstemgħu l-partijiet li jidhru fil-kawża u l-Ministerio Fiscal (il-Ministeru Pubbliku, Spanja).

15

Il-punt 3 tal-Artikolu 36(2) tal-istess kodiċi jipprovdi:

“Il-qrati ċivili Spanjoli għandhom jastjenu milli jieħdu konjizzjoni ta’ kawżi mressqa quddiemhom […] meta l-konvenut, debitament imsejjaħ, ma jidhirx fil-każijiet fejn il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Spanjoli tista’ tirriżulta biss minn għażla taċita tal-forum mill-partijiet.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

ZX xtara fuq l-internet biljett tal-ajruplan għal titjira operata minn Ryanair bejn Porto (il-Portugall) u Barcelona (Spanja).

17

Permezz tal-azzjoni tiegħu mressqa, quddiem il-qorti tar-rinviju, fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab li jingħata kumpens ta’ EUR 250 għad-dewmien li ġarrbet it-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

18

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwiex iddomiċiljat jew ma jirrisjedix fi Spanja, li l-kumpannija konvenuta fil-kawża prinċipali għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Irlanda, u li din għandha fergħa f’Girona (Spanja).

19

Konformement mal-Artikolu 58 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, ir-reġistratur tal-qorti tar-rinviju stieden lill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll lill-Ministeru Pubbliku sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ dik il-qorti.

20

Kien biss il-Ministeru Pubbliku li ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Dan sostna li, sa fejn it-tilwima fil-kawża prinċipali ma taqax taħt wieħed mill-każijiet ta’ ġurisdizzjoni esklużiva u peress li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma kinitx qiegħda toġġezzjona li l-qorti tar-rinviju tieħu konjizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, dik il-qorti kellha tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-tilwima sa fejn jista’ jkollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni.

21

Fid-dawl tal-fatt li l-konvenuta fil-kawża prinċipali għandha fergħa fil-belt ta’ Girona, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk hija jistax ikollha wkoll ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali fuq il-bażi tal-ġurisdizzjoni speċjali tal-qrati fil-post fejn fergħa jkollha l-uffiċċju rreġistrat.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tieħu deċiżjoni dwar l-eventwali astensjoni tagħha permezz ta’ deċiżjoni definittiva li tagħlaq il-proċess jew dwar l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u tagħti deċiżjoni dwar il-mertu, hija għandha bżonn tkun taf l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar l-estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni, kif ukoll l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, dwar il-ġurisdizzjoni alternattiva tal-qrati tal-post fejn il-fergħa jkollha l-uffiċċju rreġistrat fit-tilwim dwar l-operat tal-imsemmija fergħa.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Gerona (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Girona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-kunċett ta’ qorti ddeterminata permezz ta’ proroga taċita prevista u rregolata mill-Artikolu 26 tar-[Regolament Nru 1215/2012] jeżiġi, fl-aspetti kollha tiegħu, interpretazzjoni awtonoma u komuni għall-Istati Membri kollha u li, għaldaqstant, ma jistax tkun ikkundizzjonat mil-limitazzjonijiet li jistabbilixxu r-regoli ta’ ġurisdizzjoni interna tal-Istati Membri?

2)

Il-kunċett ta’ qorti ddeterminata permezz ta’ proroga taċita prevista u rregolata mill-Artikolu 26 tar-[Regolament Nru 1215/2012] huwa regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali ‘pura’, li jiddetermina esklużivament il-qrati ta’ Stat Membru iżda mbgħad huwa d-dritt proċedurali ta’ dan l-istess Stat li għandu jirregola l-qorti kompetenti fit-territorju jew, għall-kuntrarju, huwa regola ta’ ġurisdizzjoni kemm internazzjonali kif ukoll territorjali?

3)

Sitwazzjoni li tinvolvi titjira operata minn kumpannija tal-ajru ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor iżda bi tluq jew nżul fi Stat Membru fejn din għandha fergħa li tipprovdi servizzi awżiljarji għall-kumpannija u li l-biljetti ma nxtrawx permezz tagħha, tista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, tikkostitwixxi tilwima dwar l-operat ta’ fergħa, aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor li jiġġustifika l-kriterju ta’ konnessjoni għall-ġurisdizzjoni stabbilit fl-Artikolu 7(5) tar-[Regolament Nru 1215/2012]?”

Fuq id-domandi preliminari

24

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 261/2004 ma jinkludix regoli dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri, b’tali mod li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 28).

25

F’dan id-dawl, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti meta “[a]pparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni”.

26

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament.

27

Għalkemm ir-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi regoli dwar ġurisdizzjoni speċjali, li jinsabu b’mod partikolari fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ressaqx, quddiem il-qorti tar-rinviju, it-talba għal kumpens tiegħu marbuta ma’ titjira magħmula bejn Porto u Barcelona fuq il-bażi tar-regola dwar ġurisdizzjoni speċjali bbażata fuq il-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li fuqu tkun ibbażata t-talba, prevista fil-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punt 43), għar-raġuni li din il-qorti tinsab fit-territorju tal-ġurisdizzjoni ġeografika li fiha jaqgħu l-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tat-titjira kkonċernata.

28

Bl-istess mod, għalkemm id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar il-“Ġurisdizzjoni dwar kuntratti mal-konsumatur”, jistabbilixxu wkoll regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali favur il-konsumaturi, u għalkemm passiġġier tal-ajru jista’ jitqies li huwa konsumatur, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li din it-taqsima “m’għandhiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni”.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta b’mod inekwivoku li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, passiġġier tal-ajru, li ma jkunx xtara vjaġġ b’kollox inkluż iżda sempliċi biljett tal-ajruplan għal titjira, ma jistax jinvoka r-regoli dwar ġurisdizzjoni speċjali marbuta mal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi previsti fir-Regolament Nru 1215/2012.

30

Għandu jingħad ukoll li filwaqt li r-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi, fl-Artikolu 4 tiegħu, il-prinċipju ġenerali tal-forum tal-konvenut, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-konvenuta fil-kawża prinċipali għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju ta’ Spanja, jiġifieri fl-Irlanda, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tistax isservi bħala bażi għall-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti.

31

Minn dan isegwi li għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, it-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, dwar l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ġurisdizzjoni tagħha tistax toħroġ mill-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq it-tielet domanda

32

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima dwar kawża għad-danni mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 kontra kumpannija tal-ajru, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni li din il-kumpannija għandha fergħa fit- territorju tal-ġurisdizzjoni ġeografika tal-qorti adita.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żewġ kriterji jippermettu li jiġi ddeterminat jekk azzjoni ġudizzjarja dwar l-operat ta’ fergħa hijiex marbuta ma’ Stat Membru. Minn naħa, il-kunċett ta’ “fergħa” jippreżumi l-eżistenza ta’ ċentru ta’ operazzjonijiet li jservi ta’ manifestazzjoni esterna dejjiema, bħala l-estensjoni tal-istabbiliment omm. Dan iċ-ċentru għandu jkollu tmexxija u għandu jkun mgħammar materjalment b’mod li jkun jista’ jinnegozja ma’ terzi li b’hekk ma jkunux meħtieġa jikkuntattjaw direttament lill-istabbiliment omm. Min-naħa l-oħra, it-tilwima għandha tikkonċerna jew atti marbuta mal-operat ta’ fergħa, jew impenji meħuda minnha f’isem l-istabbiliment omm, f’sitwazzjoni fejn dawn tal-aħħar ikollhom jiġu eżegwiti fl-Istat fejn tinsab din il-fergħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tieni kriterju żviluppat mill-ġurisprudenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-biljett tal-ajruplan inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien inxtara fuq l-internet. B’hekk, f’din id-deċiżjoni ma hemm ebda element li jindika li l-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-kumpannija tal-ajru kien ġie konkluż bl-intervent ta’ din il-fergħa. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, is-servizzi pprovduti mill-fergħa ta’ Ryanair f’Girona jidhru li huma marbuta ma’ kwistjonijiet fiskali.

35

Minn dan isegwi li ma hemmx elementi li jippermettu li jiġi stabbilit l-involviment tal-fergħa fir-relazzjoni legali bejn Ryanair u r-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’tali mod li l-qorti tar-rinviju ma jistax ikollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali bis-saħħa tal-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑27/17, EU:C:2018:533, punt 63).

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima dwar azzjoni għad-danni mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 kontra kumpannija tal-ajru, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni li din il-kumpannija għandha fergħa fit-territorju tal-ġurisdizzjoni ġeografika tal-qorti adita mingħajr ma din il-fergħa ma kienet involuta fir-relazzjoni legali bejn il-kumpannija u l-passiġġier ikkonċernat.

Fuq l-ewwel żewġ domandi

37

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġġustifika l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita bis-saħħa ta’ għażla taċita tal-forum, għar-raġuni li l-konvenut ma jkunx oġġezzjona għall-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

38

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 tipprevedi regola dwar ġurisdizzjoni bbażata fuq id-dehra tal-konvenut fir-rigward tat-tilwim kollu li fir-rigward tiegħu l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ma tirriżultax minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni timplika, inkluż fil-każ li l-qorti tkun ġiet adita bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, li d-dehra tal-konvenut tista’ titqies bħala aċċettazzjoni taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita u għalhekk bħala estensjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha (sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group, C‑111/09, EU:C:2010:290, punt 21, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, Cartier parfums-lunettes u Axa Corporate Solutions assurances, C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 34).

39

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, wara l-istedina mir-reġistru ta’ dik il-qorti sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-eventwali ġurisdizzjoni internazzjonali tal-imsemmija qorti sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ma ppreżentatx osservazzjonijiet bil-miktub.

40

Peress li assenza ta’ osservazzjonijiet ma tistax tikkostitwixxi dehra fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1215/2012 u, għalhekk, ma tistax titqies bħala aċċettazzjoni taċita, mill-konvenut, tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi applikata tali dispożizzjoni dwar l-estensjoni taċita tal-ġurisdizzjoni.

41

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax f’każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-konvenut ma ppreżentax osservazzjonijiet jew ma deherx.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti ta’ Stat Membru ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima dwar azzjoni għad-danni mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 kontra kumpannija tal-ajru, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għar-raġuni li din il-kumpannija għandha fergħa fit-territorju tal-ġurisdizzjoni ġeografika tal-qorti adita mingħajr ma din il-fergħa ma kienet involuta fir-relazzjoni legali bejn il-kumpannija u l-passiġġier ikkonċernat.

 

2)

L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax f’każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-konvenut ma ppreżentax osservazzjonijiet jew ma deherx.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.