SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 325(1) TFUE – Il‑Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej – Proċeduri kriminali li jikkonċernaw reati fil-qasam tal-VAT – Prinċipju ta’ effettività – Produzzjoni tal-provi – Interċettazzjonijiet telefoniċi – Awtorizzazzjoni mogħtija minn awtorità ġudizzjarja li ma għandhiex kompetenza – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-interċettazzjonijiet bħala provi – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Projbizzjoni”

Fil-Kawża C‑310/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2016, fil-proċeduri kriminali kontra

Peter Dzivev

Galina Angelova,

Georgi Dimov,

Milko Velkov,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u J. Baquero Cruz kif ukoll minn P. Mihaylova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE, tal-Artikolu 1(1)(b) u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni PIF”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Petar Dzivev, Galina Angelova, Georgi Dimov u Milko Velkov, li ġew akkużati li wettqu reati fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 325 TFUE:

“1.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess.

[…]”

Il-Konvenzjoni PIF

4

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni jipprevedi:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkonsisti fir-:

[…]

b)

rigward dħul, kwalunkwe att jew omissjoni intenzjonali dwar:

l-użu jew preżentazzjoni ta’ stqarrijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li għandhom bħala effett it-tnaqqis illegali ta’ fondi mill-bilanċ ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew bilanċi mħaddma minn, jew f’isem, il-Komunitajiet Ewropej,

ma tkunx żvelata informazzjoni bi ksur ta’ obbligu speċifiku, bl-istess effett,

applikazzjoni ħażina ta’ benefiċċju miksub legalment, bl-istess effett.

2.   Soġġett għall-Artikolu 2 (2), kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa u xierqa biex jittrasponu minn paragrafu fil-liġi kriminali tagħhom b’dak il-mod li l-kondotta msemmija hemm tikkostitiwxxi reati kriminali.

[…]”

5

L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jipprovdi:

“Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-kondotta msemmija fl-Artikolu 1, u parteċipazzjoni f’instigazzjoni jew attentat tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 1(1), huma puniti b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, inklużi, għal inqas f’każi ta’ frodi serja, penalitajiet li jinvolvu depravazzjoni ta’ libertà li tista’ tagħti lok għal estradizzjoni, u jinftiehem li frodi serja titqies frodi li tinvolvi ammont minimu li għandu jkun stabbilit f’kull Stat Membru. Dan l-ammont minimu ma jistax ikun stabbilit għas-somma li taqbeż [EUR 50000].”

Id-Deċiżjoni 2007/436/KE

6

Id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17), fl-Artikolu 2(1) tagħha tipprevedi:

“Id-dħul minn dan li ġej għandu jkun jikkostitwixxi r-riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea:

[…]

(b)

[…] l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażijiet ta’ valutazzjoni tal-VAT armonizzati ddeterminati skond ir-regoli Komunitarji. […]”

Id-dritt Bulgaru

Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija

7

L-Artikolu 32(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija jipprevedi projbizzjoni li l-konverżazzjonijiet ta’ persuna jiġu interċettati, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi.

8

L-Artikolu 121(4) ta’ din il-kostituzzjoni jipprovdi li l-atti ġudizzjarji għandhom ikunu motivati.

In-NPK

9

L-Artikolu 348 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) jiddisponi:

“(1)   Is-sentenza jew id-deċiżjoni tista’ tiġi revokata jew emendata fil-kassazzjoni:

[…]

2.

meta tkun ivvizzjata bi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

[…]

(3)   Il-ksur tar-regoli proċedurali huwa essenzjali:

1.

jekk dan wassal għal limitazzjoni għad-drittijiet proċedurali tal-imputat jew tal-partijiet l-oħra u li ma jkunx ġie rimedjat;

2.

jekk dan ma jkunx motivat jew ma hemmx minuti tas-seduta fl-ewwel istanza jew fl-istanza ta’ appell;

3.

jekk il-kundanna jew is-sentenza tkun ingħatat minn istanza li ma għandhiex kompetenza;

4.

jekk is-segretezza tad-deliberazzjoni nkisret waqt l-għoti tal-kundanna jew tad-deċiżjoni.”

Iż-ŻIDNPK

10

Fl-1 ta’ Jannar 2012 daħlet fis-seħħ iż-Zakon za izmenenie i dopalnenie na nakazatelno-protsesualnia kodeks (il-Liġi li temenda u tikkompleta l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem iż-“ZIDNPK”) dwar il-ħolqien u l-funzjonament tas-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija). Iż-ZIDNPK tipprevedi trasferiment ta’ ċerti kompetenzi tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) lis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), li għandha l-kompetenza esklużiva sabiex tiddeċiedi fuq il-kawżi li jikkonċernaw organizzazzjoni kriminali.

11

Skont l-Artikolu 5 taż-ZIDNPK, il-kompetenza sabiex l-interċettazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni ssuspettati li jipparteċipaw f’organizzazzjoni kriminali jiġu awtorizzati ġiet ittrasferita mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) lis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata).

12

Skont l-Artikolu 9(2) taż-ZIDNPK, il-proċeduri preliminari diġà mibdija għandhom jingħalqu mill-awtoritajiet kompetenti qabel dan it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni ġiet emendata, fis-6 ta’ Marzu 2012, fejn f’din id-dispożizzjoni ġie speċifikat li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn il-proċeduri kellu jibqa’ taħt il-qorti li kellha kompetenza qabel l-1 ta’ Jannar 2012.

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tekniki investigattivi speċjali

13

Il-proċedura li tippermetti li jsiru interċettazzjonijiet telefoniċi hija rregolata fl-Artikoli 1 sa 3, 6 u 12 sa 18 taż-Zakon za spetsialnite razuznavatelni sredstva (il-Liġi dwar it-Tekniki Investigattivi Speċjali) kif ukoll fl-Artikoli 172 sa 177 tan-NPK. Skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-interċettazzjoni telefonika tista’ ssir fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari kif ukoll wara l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali. Tali miżura għandha tiġi awtorizzata minn qabel minn qorti kompetenti fuq talba tad-Direttur tad-Direttorat Ġenerali inkarigat mill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, jew tal-prosekutur, rispettivament. Id-deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza interċettazzjoni telefonika għandha tkun motivata u, skont l-Artikolu 15 tal-Liġi dwar it-Tekniki Investigattivi Speċjali u l-Artikolu 174 tan-NPK, għandha tingħata mill-President tal-qorti kompetenti jew mill-Viċi President awtorizzat għal dan il-għan.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

P. Dzivev, G. Angelova, G. Dimov u M. Velkov huma akkużati li, bejn l-1 ta’ Ġunju 2011 u l-31 ta’ Marzu 2012, wettqu reati fil-qasam tat-taxxa, permezz ta’ Karoli Kepital EOOD, li hija kumpannija kummerċjali. P. Dzivev huwa akkużat li, b’mod partikolari, mexxa organizzazzjoni kriminali li tinvolvi t-tliet imputati l-oħra, li f’dan il-każ l-għan tagħha kien li jarrikkixxu ruħhom billi jevitaw il-ħlas tat-taxxa dovuta taħt iż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (DV Nru 63, tal-4 ta’ Awwissu 2006), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti prinċipali.

15

Matul l-investigazzjoni preliminari, diversi talbiet għal awtorizzazzjoni sabiex jiġu implimentati interċettazzjonijiet telefoniċi li jikkonċernaw lill-erba’ imputati imressqa mid-direttur tal-Glavna direktsia za borba s organiziranata prestapnost (id-Direttorat Ġenerali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata, il-Bulgarija) bejn ix-xhur ta’ Novembru 2011 u ta’ Frar 2012, intlaqgħu b’mod favorevoli mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija). Wara l-ftuħ tal-proċeduri kriminali, il-prosekutur talab u kiseb, fix-xahar ta’ Marzu 2012, diversi awtorizzazzjonijiet tas-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) sabiex isiru interċettazzjonijiet ġodda li jikkonċernaw lil dawn l-imputati.

16

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-ebda waħda mill-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienet immotivata u li dawk maħruġa matul ix-xhur ta’ Novembru 2011 sa Jannar 2012 ma kinux jindikaw b’mod korrett, b’mod partikolari, jekk kienx aġixxa l-President jew il-Viċi President tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija). Dawn in-nuqqasijiet ma jwasslux għall-illegalità tal-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, l-awtorizzazzjonijiet li nħarġu fix-xhur ta’ Jannar u ta’ Frar 2012 ġew adottati minn qorti li ma għandhiex kompetenza. Fil-fatt, wara din id-data, it-talbiet kollha għal awtorizzazzjoni kellhom jiġu indirizzati lill-President tas-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) u ma kellhomx jibqgħu jiġu indirizzati lill-President tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija). Dan tal-aħħar, peress li ma kienx għad kellu kompetenza sabiex jeżamina u jilqa’ dawn it-talbiet, messu bagħathom lill-President tas-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata).

17

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sussegwentement, kienu ġew ikkonstatati b’mod formali irregolaritajiet sistematiċi fil-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ mezzi investigattivi speċjali, b’mod partikolari l-interċettazzjonijiet telefoniċi, u dan wassal sabiex il-liġi rilevanti ġiet emendata.

18

Barra minn hekk, din il-qorti ssostni li l-punt ta’ jekk ir-regola tranżitorja prevista fl-Artikolu 9 taż-ZIDNPK kinitx tikkonċerna wkoll l-investigazzjonijiet preliminari li kienu jinsabu għaddejjin ma kienx ċar. Din id-dispożizzjoni wasslet għal ħafna ġurisprudenza kontradittorja. Is-sentenza interpretattiva Nru 5/14, tas-16 ta’ Jannar 2014, mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), ikkonfermat li ma setgħet tingħata l-ebda eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ kompetenza esklużiva tal-awtorità ġudizzjarja f’materji ta’ ġustizzja kriminali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li dan il-prinċipju huwa ta’ importanza kbira fid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari fil-każ tal-użu ta’ tekniki investigattivi speċjali, li jinkludu l-interċettazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet. Madankollu, billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 91), din il-qorti tistaqsi jekk l-insenjamenti li jirriżultaw minn din is-sentenza interpretattiva humiex meħtieġa wkoll meta r-rispett tad-dritt tal-Unjoni ikun jinsab inkwistjoni.

19

Il-qorti tar-rinviju żżid li, fil-każ ta’ P. Dzivev, huma biss l-interċettazzjonijiet implimentati abbażi tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-awtorità ġudizzjarja li ma għandhiex kompetenza juru b’mod ċar u indubitabbli t-twettiq tar-reati li bihom huwa akkużat u jippermettu l-kundanna tiegħu, filwaqt li l-imputati l-oħra jistgħu jiġu kkundannati abbażi tal-evidenza miksuba legalment.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-dispożizzjonijiet segwenti:

l-Artikolu 325(1) [TFUE], li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri intiżi li joffru protezzjoni effettiva kontra l-frodi u kontra kull attività illegali li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

l-Artikolu 2(1) [tal-Konvenzjoni PIF], moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) [tagħha] u mal-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni [2007/436] li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri intiżi li jissanzjonaw b’mod effettiv il-frodi fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud;

l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiggarantixxu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti stabbilita minn qabel permezz tal-liġi,

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-provi miġbura permezz ta’ “tekniki investigattivi speċjali”, jiġifieri permezz tas-smigħ ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni sussegwentement akkużati b’reat fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu esklużi bħala provi minħabba l-fatt li dan is-smigħ kien ġie awtorizzat minn awtorità ġudizzjarja li ma kellhiex kompetenza, fid-dawl tal-elementi segwenti:

preċedentement (bejn xahar u tliet xhur qabel) kienet tressqet talba sabiex ikunu suġġetti għal smigħ uħud minn dawn it-telefowns u din kienet ġiet awtorizzata minn din l-istess awtorità ġudizzjarja li, dak iż-żmien, kienet għadha kompetenti;

talba għal tali awtorizzazzjoni għas-smigħ telefoniku inkwistjoni (intiża għall-estensjoni tas-smigħ preċedenti u għas-smigħ ta’ telefowns ġodda) tressqet quddiem din l-istess awtorità ġudizzjarja, meta din l-awtorità ma kinitx għadha kompetenti minħabba li, immedjatament qabel dan, il-kompetenza tagħha kienet ġiet ittrasferita lil awtorità ġudizzjarja ġdida; minkejja li ma kellhiex kompetenza, l-awtorità ġudizzjarja li preċedentement kellha kompetenza eżaminat it-talba fil-mertu u tat din l-awtorizzazzjoni;

sussegwentement (madwar xahar wara), tressqet talba ġdida għal smigħ telefoniku tal-istess telefowns u din ġiet awtorizzata mill-awtorità l-ġdida li kellha kompetenza f’dan ir-rigward;

fil-prattika, l-awtorizzazzjonijiet kollha mogħtija ma humiex motivati;

leġiżlattiva li tittrasferixxi l-kompetenza ma kinitx ċara u wasslet għal diversi atti ġudizzjarja kontradittorji, li wassal lill-Varhoven sad [il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni] sabiex tagħti deċiżjoni interpretattiva vinkolanti madwar sentejn wara t-trasferiment legali tal-kompetenza u wara s-smigħ telefoniku inkwistjoni;

il-qorti li qiegħda teżamina din il-kawża fir-rigward tal-mertu ma għandhiex il-kompetenza li tiddeċiedi dwar it-talbiet intiżi għall-użu ta’ tekniki investigattivi speċjali (smigħ telefoniku); madankollu, l-imsemmija qorti għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ smigħ telefoniku mwettaq, b’mod partikolari sabiex tqis li awtorizzazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali u sabiex tirrifjuta, għalhekk, li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi miġbura b’riżultat ta’ din l-awtorizzazzjoni; din il-kompetenza madankollu teżisti fil-każ ta’ awtorizzazzjoni ta’ smigħ mogħtija b’mod validu;

l-użu ta’ dawn il-provi (konverżazzjonijiet telefoniċi tal-intimati awtorizzati minn awtorità ġudizzjarja li ma għadhiex kompetenti) huwa essenzjali sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tar-responsabbiltà ta’ persuna bħala l-mexxej ta’ organizzazzjoni kriminali li l-għan tagħha kien li twettaq reati fiskali koperti [mil-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti prinċipali], u bħala l-persuna li instigat ir-reati fiskali kkonċernati, f’sitwazzjoni fejn din il-persuna ma tistax tinstab ħatja u ma tistax tiġi kkundannata ħlief jekk dawn il-konverżazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala prova u fejn, jekk dan ma jsirx, din il-persuna tinħeles mill-akkużi mressqa kontriha[?]

2)

Id-deċiżjoni preliminari [li ser tingħata fil-kawża] Ognyanov (C‑614/14) tapplika għall-kawża ineżami?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

B’deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2016, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tirtira t-tieni domanda preliminari tagħha. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, wara l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514), din it-tieni domanda ma għadx għandha skop.

22

Barra minn hekk, din il-kawża, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2017, ġiet sospiża sal-għoti tas-sentenza fil-Kawża M.A.S. u M.B. (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, C‑42/17, EU:C:2017:936). Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkompliet fit-12 ta’ Diċembru 2017.

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 325(1) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqrija fid-dawl tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali dwar reati relatati mal-VAT, l-applikazzjoni min-naħa tal-qorti nazzjonali ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li għandhom jiġu skartati minn proċeduri kriminali provi, bħal interċettazzjonijiet telefoniċi, li jeħtieġu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel meta din l-awtorizzazzjoni tkun inħarġet minn awtorità ġudizzjarja li ma jkollhiex kompetenti, minkejja li jkun biss dawn il-provi li jistgħu jagħtu prova tar-reati inkwistjoni.

24

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tiegħu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli, applikabbli għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, dwar il-modalitajiet tal-produzzjoni tal-provi u l-użu tagħhom fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali fil-qasam tal-VAT. Għaldaqstant, fil-prinċipju, dan il-qasam jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 65, kif ukoll tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone, C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 25).

25

Madankollu, l-Artikolu 325(1) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri effettivi u dissważivi (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Peress li r-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2007/436, id-dħul provenjenti mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi fuq il-bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni, teżisti rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT skont id-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi korrispondenti mill-VAT, peress li kwalunkwe lakuna fil-ġbir ta’ dan tal-ewwel potenzjalment tikkawża tnaqqis f’tat-tieni (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 31, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 51).

27

Sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi dħul jinġabar kollu u sabiex b’hekk tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom libertà fl-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli, liema sanzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew ta’ taħlita tat-tnejn. Madankollu, sanzjonijiet kriminali jistgħu ikunu indispensabbli sabiex ċerti każijiet ta’ frodi serja mill-VAT jiġu miġġielda b’mod effettiv u dissważiv, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 20; tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone, C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 36 kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 54).

28

F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni, inklużi regoli armonizzati li joħorġu mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), jiġi ssanzjonat f’kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jkunu analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta’ natura u ta’ importanza simili u li, fi kwalunkwe każ, jagħtu natura effettiva, proporzjonata u dissważiva lis-sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone, C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 28).

29

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li r-regoli proċedurali kriminali, previsti mid-dritt nazzjonali, jippermettu repressjoni effettiva tal-ksur marbut ma’ tali aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 65, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 55).

30

Minn dan isegwi li, għalkemm is-sanzjonijiet u l-proċeduri amministrattivi u/jew kriminali dwar dawn is-sanzjonijiet, li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ fil-ġlieda kontra l-ksur tar-regoli armonizzati fil-qasam tal-VAT, jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali u istituzzjonali tagħhom, madankollu din l-awtonomija hija limitata mhux biss mill-prinċipju ta’ proporzjonalità u mill-prinċipju ta’ ekwivalenza, li l-applikazzjoni tagħhom ma hijiex inkwistjoni f’dan il-każ, iżda wkoll mill-prinċipju ta’ effettività, li jimponi li l-imsemmija sanzjonijiet għandhom ikunu ta’ natura effettiva u dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone, C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 29).

31

F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jieħu l-miżuri meħtieġa. Huwa dan li, jekk ikun il-każ, għandu jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu u jiżgura li s-sistema proċedurali applikabbli għall-prosekuzzjoni tar-reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma tkunx maħsuba b’mod li, għal raġunijiet inerenti għaliha, tkun ta’ riskju sistematiku ta’ impunità tal-atti li jikkostitwixxu tali reati, u għandu jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ prosekuzzjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 65).

32

Fir-rigward tal-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija r-responsabbiltà tagħhom li jagħtu effett sħiħ lill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u li ma japplikawx dispożizzjonijiet interni, li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar ksur gravi fil-qasam tal-VAT, jostakolaw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi sabiex jiġu miġġielda l-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenza tat-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 39).

33

Madankollu, l-obbligu li jiġi żgurat ġbir effikaċi tar-riżorsi tal-Unjoni ma jeżentax lill-qrati nazzjonali mill-ħtieġa li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-proċeduri kriminali mibdija għal reati fil-qasam tal-VAT jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Fil-qasam kriminali, dawn id-drittijiet u dawn il-prinċipji ġenerali għandhom jiġu osservati mhux biss waqt il-proċeduri kriminali, iżda wkoll matul il-fażi tal-investigazzjoni preliminari, sa mill-mument fejn il-persuna kkonċernata reat issib ruħha akkużata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 52; tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 6871, kif ukoll tal-20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca, C‑596/16 u C‑597/16, EU:C:2018:192, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

B’hekk, l-obbligu li jiġi żgurat ġbir effikaċi tar-riżorsi tal-Unjoni ma jfissirx li dawn il-qrati jistgħu jevitaw ir-rispett neċessarju tal-prinċipju ta’ legalità u tal-istat tad-dritt, li huwa wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom tistrieħ l-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE.

35

F’dan ir-rigward jirriżulta, b’mod partikolari, mir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ legalità u tal-istat tad-dritt li, bħala prinċipju, is-setgħa ta’ repressjoni ma tistax tiġi eżerċitata barra mil-limiti legali li fihom awtorità tista’, skont id-dritt tal-Istat Membru li hija taqa’ taħtu, taġixxi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Weltimmo, C‑230/14, EU:C:2015:639, punt 56).

36

Barra minn hekk, l-interċettazzjonijiet telefoniċi jikkostitwixxu ndħil fid-dritt għall-ħajja privata, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Tali ndħil jista’ jiġi ammess, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, biss jekk ikun previst mil-liġi u jekk, b’osservanza tal-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikun neċessarju u jissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punti 7173).

37

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-interċettazzjonijiet telefoniċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu awtorizzati minn awtorità ġudizzjarja li għandhiex il-kompetenza meħtieġa għal dan il-għan. Dawn l-interċettazzjonijiet telefoniċi għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma humiex previsti mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

38

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrifletti r-rekwiżiti stipulati fil-punti 35 sa 37 ta’ din is-sentenza, inkwantu din teżiġi li l-qorti nazzjonali teskludi mill-proċedura kriminali provi, bħal interċettazzjonijiet telefoniċi, li jeħtieġu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel meta din l-awtorizzazzjoni tkun inħarġet minn awtorità ġudizzjarja li ma għandhiex il-kompetenza.

39

Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jimponi fuq il-qorti nazzjonali li din twarrab l-applikazzjoni ta’ tali regola proċedurali, anki jekk l-użu tal-provi miġbura illegalment x’aktarx kien se jżid l-effettività tal-proċeduri kriminali li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali li jissanzjonaw, f’ċerti każijiet, in-nuqqas ta’ rispett tad-dritt tal-Unjoni (ara b’analoġija, fir-rigward tar-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċtata).

40

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li l-illegalità mwettqa hija dovuta għan-natura mhux preċiża tad-dispożizzjoni tranżitorja ta’ kompetenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ir-rekwiżit li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt mogħti mill-Artikolu 7 tal-Karta għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali li tawtorizza l-imsemmija limitazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 81). Huwa wkoll irrilevanti l-fatt li, fil-każ ta’ wieħed mill-erba’ imputati fil-kawża prinċipali, huma biss l-interċettazzjonijiet implimentati abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija minn awtorità li ma għandhiex kompetenza li jistgħu jagħtu prova tal-ħtija tiegħu u jiġġustifikaw kundanna.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 325(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, moqrija fid-dawl tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali dwar reati relatati mal-VAT, l-applikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li għandhom jiġu skartati minn proċeduri kriminali provi, bħal interċettazzjonijiet telefoniċi, li jeħtieġu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel meta din l-awtorizzazzjoni tkun inħarġet minn awtorità ġudizzjarja li ma għandhiex kompetenza, minkejja li huma dawn il-provi biss li jistgħu jagħtu prova tat-twettiq tar-reati inkwistjoni.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 325(1) TFUE kif ukoll l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Lulju 1995, moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività tal-prosekuzzjonijiet kriminali dwar reati relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), l-applikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li għandhom jiġu skartati minn proċeduri kriminali provi, bħal interċettazzjonijiet telefoniċi, li jeħtieġu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel meta din l-awtorizzazzjoni tkun inħarġet minn awtorità ġudizzjarja li ma għandhiex kompetenza, minkejja li huma dawn il-provi biss li jistgħu jagħtu prova tat-twettiq tar-reati inkwistjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.