SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ April 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 82 KE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 3(1) – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li timponi multa fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali u multa fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Applikabbiltà”

Fil-Kawża C‑617/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie S.A.

vs

Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów,

fil-preżenza ta’:

Edward Dętka,

Mirosław Krzyszczak,

Zakład Projektowania i programowania systemów Sterowania Atempol Sp. z o.o. w Piekarach Śląskich,

Ommer Polska Sp. z o.o w Krapkowicach,

Glimat Marcinek i S-Ka spółka jawna w Gliwicach,

Jastrzębskie Zakłady Remontowe Dźwigi Sp. z o.o. w Jastrzębiu Zdroju,

Petrofer-Polska Sp. z o.o. w Nowinach,

Pietrzak B.B. Beata Pietrzak, Bogdan Pietrzak Spółka jawna w Katowicach,

Ewelina Baranowska,

Przemysław Nikiel,

Tomasz Woźniak,

Spółdzielnia Kółek Rolniczych w Bielinach,

Lech Marchlewski,

Zakład Przetwórstwa Drobiu Marica spółka jawna J.M.E.K. Wróbel sp. jawna w Bielsku Białej,

HTS Polska Sp. z o.o.,

Paco Cases Andrzej Paczkowski, Piotr Paczkowski spółka jawna w Puszczykowie,

Bożena Kubalańca,

Zbigniew Arczykowski,

Przedsiębiorstwo Produkcji Handlu i Usług Unipasz Sp. z o.o. w Radzikowicach,

Janusz Walocha,

Marek Grzegolec,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie S.A., minn W. Boruń u J. Wójcik, radcy prawni,

għall-Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów, minn B. Cebula, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Christoforou, M. Farley u J. Szczodrowski kif ukoll minn F. van Schaik, bħala aġenti,

għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn C. Zatschler u M. Sánchez Rydelski kif ukoll minn C. Simpson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stipulat fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie S.A. (iktar ’il quddiem “PZU Życie”) u Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów (il-President tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“President tal-UOKiK”) dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li timponilha, minħabba abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, multa fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u multa fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1/2003 hija redatta kif ġej:

“Sabiex jiżgura li l-liġijiet tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] huma applikati b’mod effettiv, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikun assoċjati aktar mil-qrib ma l-applikazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, għandhom is-saħħa li japplikaw il-liġijiet [tal-Unjoni].”

4

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 [KE] għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu 82 [KE], dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 82 [KE].”

5

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-poteri ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu 81 u 82 [KE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

[…]

jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom.”

6

L-Artikolu 11 tal-istess regolament, intitolat “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni [mill-qrib].

[…]

3.   L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa ikollhom, meta jagixxu taħt l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE], tinforma il-Kummissjoni bil-kitba qabel u mingħajr l-ebda telf ta’ ħin wara il-bidu ta’ l-ewwel miżuri formali investigattivi. Din l-informazzjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003:

“1.   Meta l-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 [KE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat [mressqa minnha]. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu [jissospendu] dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu 234 [KE].

2.   Meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 [KE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra għad-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni.”

Id-dritt Pollakk

8

L-Artikolu 8(1) tal-ustawa o ochronie konkurencji i konsumentów (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumaturi) tal-15 ta’ Diċembru 2000 (Dz. U. tal-2000, Nru 122, pożizzjoni 1319, iktar ’il quddiem il-“LPCC”), jipprovdi:

“L-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq ikkonċernat minn impriża jew iktar huwa pprojbit.”

9

L-Artikolu 101(1) tal-LPCC jipprovdi:

“Il-[President tal-UOKiK] jista’ jimponi fuq l-impriża kkonċernata, permezz ta’ deċiżjoni, multa li ma teċċedix 10 % tad-dħul tagħha matul s-sena ta’ qabel is-sena tal-impożizzjoni tal-multa, meta l-imsemmija impriża tkun, anki b’mod involontarju:

(1)

wettqet ksur tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 5, mingħajr ma dan ikun jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ eċċezzjoni prevista skont l-Artikoli 6 u 7, jew wettqet ksur tal-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(2)

kisret l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 [KE];

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

B’deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007, il-President tal-UOKiK ikkunsidra li, matul il-perijodu dekorribbli mill-1 ta’ April 2001 sad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, PZU Życie kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-assigurazzjoni għall-ħajja ta’ grupp għal ħaddiema fil-Polonja u, konsegwentement, kiser l-Artikolu 8 tal-LPCC.

11

Il-President tal-UOKiK qies ukoll li l-prattika li tikkostitwixxi dan l-abbuż seta’ jkollha impatt negattiv fuq il-possibbiltajiet għall-assiguraturi barranin li jidħlu fis-suq Pollakk, u, b’hekk, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Huwa kkunsidra wkoll li PZU Życie kienet kisret, minbarra d-dritt nazzjonali, l-Artikolu 82 KE.

12

Il-President tal-UOKiK impona fuq PZU Życie sanzjoni ta’ ammont totali ta’ PLN 50381080 złoty Pollakk (madwar EUR 11697000), li jinkludi, minn naħa, multa ta’ PLN 33022 892.77 (madwar EUR 7664000) fuq il-bażi tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-perijodu dekorribbli mill-1 ta’ Mejju 2001 sal-25 ta’ Ottubru 2007, min-naħa l-oħra, multa ta’ PLN 17358 187.23 (madwar EUR 4033000) fuq il-bażi tal-ksur tal-Artikolu 82 KE għall-perijodu dekorribbli mill-1 ta’ Mejju 2004, id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni, sal-25 ta’ Ottubru 2007.

13

Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Marzu 2014, is-Sąd Okręgowy w WarszawieSąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja — il-Qorti għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur, il-Polonja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn PZU Życie kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2007. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata b’sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) tas-17 ta’ Settembru 2015.

14

PZU Życie ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) billi invokat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta u fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li hija ġiet issanzjonata darbtejn għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, l-ewwel darba, b’mod dirett, fuq il-bażi tal-Artikolu 82 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 u, it-tieni darba, b’mod indirett, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.

15

Il-Qorti tar-rinviju tfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa ta’ importanza kunsiderevoli fi Stat ta’ dritt demokratiku u jipprojbixxi li persuna tiġi ġġudikata u mogħtija piena darbtejn għall-istess fatt. Il-Qorti tar-rinviju tenfasizza li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar f’liema każ ikun hemm, għall-istess kawża, it-tieni sentenza jew it-tieni sanzjoni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

16

Fl-ewwel lok, hija tenfasizza li, fis-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Sergueï Zolotoukhine vs Ir-Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, punti 78 sa 82), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li dan il-prinċipju għandu japplika fil-każ ta’ identiċità tal-fatti u mhux fil-każ tal-istess ksur. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li, bħal f’dan il-każ, persuna tingħata piena darbtejn għall-istess aġir antikompetittiv jikkostitwixxi ksur tal-imsemmi prinċipju. Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet l-istess approċċ f’oqsma oħra differenti mid-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fis-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il-Kummissjoni (18/65 u 35/65, EU:C:1966:24), u tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C-436/04, EU:C:2006:165).

17

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa suġġett għal kundizzjoni tripla tal-identità tal-fatti, tal-unità tal-persuna li twettaq il-ksur u tal-unità tal-interess ġuridiku protett. Fir-rigward speċifikament tal-identità tal-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fis-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C-17/10, EU:C:2012:72, punt 99), li din għandha tiġi evalwata mhux biss mill-perspettiva tal-aġir tal-impriża, iżda wkoll fid-dawl tal-effetti tagħha ratione temporis u fil-livell territorjali.

18

B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, hemm diverġenza bejn l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi tal-kompetizzjoni u l-approċċ tagħha f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li, minbarra l-identità tal-fatti u l-unità tal-persuna li twettaq il-ksur, ikun hemm ukoll unità tal-interess ġuridiku protett. Din il-kundizzjoni addizzjonali tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Hija twassal, f’dan il-każ, għall-konstatazzjoni li ma kienx hemm ksur ta’ dan il-prinċipju.

19

Din il-qorti tistaqsi, għaldaqstant, dwar il-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, peress li hija obbligata tapplika kemm id-dispożizzjonijiet tal-KEDB u kif ukoll dawk tal-Karta. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-qasam tal-kompetizzjoni hijiex konformi mat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, peress li din il-ġurisprudenza tagħti protezzjoni iktar limitata minn dik iggarantita mill-KEDB.

20

Fit-tielet lok, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-unità tal-interess ġuridiku protett tikkostitwixxi element addizzjonali li jikkundizzjona l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4), mogħtija f’kawża li ma kellhiex inkwistjoni l-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni jipproteġu l-istess interess ġuridiku. Din l-ambigwità toħroġ ukoll mis-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C-17/10, EU:C:2012:72, punti 8198), li tista’ madankollu tinqara’ fis-sens li ż-żewġ drittijiet jipproteġu l-istess interess ġuridiku. Din il-kwistjoni, li għadha ma ġietx deċiża, hija determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, ikkaratterizzata minn identiċità ta’ fatti u li fiha ġew applikati b’mod parallel, fil-kuntest tal-istess proċedura, dispożizzjonijiet analogi tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt nazzjonali.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 50 tal-[Karta], jista’ jiġi interpretat fis-sens li jissuġġetta l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem mhux biss għall-identiċità tal-persuna li qed twettaq il-ksur u għall-identiċità taċ-ċirkustanzi fattwali, iżda wkoll għall-identiċità tal-interess ġuridiku protett?

2)

L-Artikolu 3 tar-Regolament [Nru 1/2003], moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni parallela, minn awtorità tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni, tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u tad-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, tagħti lok għall-protezzjoni tal-istess interess ġuridiku?”

Fuq id-domandi preliminari

22

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stipulat fl-Artikolu 50 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali timponi fuq impriża, fil-kuntest tal-istess deċiżjoni, multa għal ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u multa għal ksur tal-Artikolu 82 KE.

23

Skont il-premessa 6 tiegħu, ir-Regolament Nru 1/2003 għandu l-għan, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li jassoċja iktar mill-qrib lill-awtoritajiet nazzjonali billi jawtorizzahom japplikaw id-dritt tal-Unjoni.

24

B’hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, meta l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri japplikaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni għal prattika abbużiva pprojbita mill-Artikolu 82 KE, dawn japplikaw ukoll dan l-artikolu.

25

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni japplikaw b’mod parallel. Ir-regoli tal-kompetizzjoni fil-livelli Ewropej u nazzjonali jikkunsidraw il-prattiki restrittivi minn aspetti differenti u l-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom ma jikkoinċidux (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C-17/10, EU:C:2012:72, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Minn dan isegwi li, fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tkunx fetħet proċedura sabiex tadotta deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprojbixxu l-aġir unilaterali ta’ impriża li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 82 KE, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament teħtieġ li jiġi applikat għalih ukoll, b’mod parallel, dan l-Artikolu 82 KE (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 81 CE, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C-17/10, EU:C:2012:72, punti 7778).

27

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jispeċifika li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kompetenti sabiex tapplika l-Artikolu 82 KE tista’ timponi multi, pagamenti ta’ penalità jew kwalunkwe sanzjoni oħra prevista mid-dritt nazzjonali tagħha.

28

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi, li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju jipprekludi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka mill-ġdid minħabba aġir antikompetittiv li għalih hija tkun ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu hija tkun ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C-17/10, EU:C:2012:72, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa intiż sabiex jipprekludi li impriża tiġi “kkundannata jew imħarrka mill-ġdid”, li jippreżupponi li din l-impriża tkun ġiet ikkundannata jew iddikjarata mhux responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata.

30

Din l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija sostnuta mill-kliem tal-Artikolu 50 tal-Karta u mill-iskop ta’ dan il-prinċipju.

31

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 50 tal-Karta, dan jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”.

32

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-artikolu jipprevedi speċifikament repetizzjoni ta’ proċedura li wasslet għal deċiżjoni definittiva dwar l-istess element materjali. Issa, f’sitwazzjoni fejn, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tagħmel applikazzjoni parallela tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-Artikolu 82 KE, repetizzjoni bħal din tkun preċiżament nieqsa.

33

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-iskop tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandu jitfakkar, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, dan il-prinċipju għandu l-għan li jiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-ekwità billi jiżgura li, ladarba hija tkun ġiet imħarrka u, jekk ikun il-każ, ikkundannata, il-persuna kkonċernata jkollha ċ-ċertezza li ma tkunx ser tiġi mħarrka mill-ġdid għall-istess ksur.

34

B’hekk, il-protezzjoni li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa intiż li joffri kontra r-repetizzjoni ta’ proċeduri li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ kundanna ma tkunx applikabbli f’sitwazzjoni fejn, f’deċiżjoni waħda, issir applikazzjoni parallela tal-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni.

35

Minn dan isegwi, kif il-President tal-UOKiK, il-Gvern Pollakk, il-Kummissjoni u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA essenzjalment sostnew fl-osservazzjonijiet tagħhom, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tapplika b’mod parallel, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003, id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u r-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u tissanzjona, fuq il-bażi tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, impriża billi timponilha, fl-istess deċiżjoni, multa għall-ksur ta’ dan id-dritt u multa għall-ksur ta’ dawn ir-regoli.

36

Madankollu, għandu jiġi ċċarat li, fil-każ fejn, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tiddeċiedi li timponi multa għal ksur tal-Artikolu 82 KE, din l-awtorità tkun marbuta teżerċita l-kompetenza tagħha f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

37

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta regolament tal-Unjoni ma jkun fih ebda dispożizzjoni speċifika li tipprevedi sanzjoni f’każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament jew ikun jirreferi, f’dan ir-rigward, għal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, l-Artikolu 10 KE jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu kull miżura xierqa sabiex il-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni jkunu ggarantiti. Għal dan l-għan, filwaqt li jżommu l-għażla tas-sanzjonijiet, huma għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi ssanzjonat f’kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jkunu analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta’ natura u ta’ importanza simili u li, f’kull każ, jiżguraw li s-sanzjoni tkun proporzjonata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Hansen, C-326/88, EU:C:1990:291, punt 17).

38

B’hekk, kif sostniet l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA fl-osservazzjonijiet tagħha, meta, fil-kuntest tal-istess deċiżjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali timponi żewġ multi rispettivament sabiex jiġi ssanzjonat ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u ksur tal-Artikolu 82 KE, rispettivament, din l-awtorità għandha tiżgura li l-multi meħuda flimkien ikunu proporzjonati fid-dawl tan-natura tal-ksur, u dan huwa, fil-kawża prinċipali, il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

39

Fid-dawl tal-premess, għad-domandi preliminari għandha tingħata r-risposta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stipulat fl-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali timponi fuq impriża, fl-ambitu tal-istess deċiżjoni, multa għal ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u multa għal ksur tal-Artikolu 82 KE. F’sitwazzjoni bħal din, l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali għandha madankollu tiżgura ruħha li l-multi meqjusa flimkien ikunu proporzjonati fid-dawl tan-natura tal-ksur.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stipulat fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali timponi fuq impriża, fl-ambitu tal-istess deċiżjoni, multa għal ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u multa għal ksur tal-Artikolu 82 KE. F’sitwazzjoni bħal din, l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali għandha madankollu tiżgura ruħha li l-multi meqjusa flimkien ikunu proporzjonati fid-dawl tan-natura tal-ksur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.