SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ta’ komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati miċ-Ċina – Dazju kumpensatorju definittiv – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 3(7) – Artikolu 9(4) – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament (UE) Nru 1168/2012”

Fil-Kawża C‑236/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2017,

Canadian Solar Emea GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja),

Canadian Solar Manufacturing (Changshu) Inc., stabbilita f’Changshu (iċ-Ċina),

Canadian Solar Manufacturing (Luoyang) Inc., stabbilita f’Luoyang (iċ-Ċina),

Csi Cells Co. Ltd, stabbilita f’Suzhou (iċ-Ċina),

Csi Solar Power Group Co. Ltd, li kienet Csi Solar Power (China) Inc., stabbilita f’Suzhou,

irrappreżentati minn J. Bourgeois u A. Willems, avocats, kif ukoll minn S. De Knop, M. Meulenbelt u B. Natens, advocaten,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Marcos Fraile, bħala aġent, assistita minn N. Tuominen, avocată,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Kuplewatzky, J.‑F. Brakeland u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Canadian Solar Emea GmbH, Canadian Solar Manufacturing (Changshu) Inc., Canadian Solar Manufacturing (Luoyang) Inc., Csi Cells Co. Ltd u Csi Solar Power Group Co. Ltd, li kienet Csi Solar Power (China) Inc. (iktar ’il quddiem “Csi Solar Power”), qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Frar 2017, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (T‑162/14, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:124), sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), sa fejn japplika għall-appellanti.

2

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minnha u, min-naħa l-oħra, wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39, u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20; iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament bażiku

3

L-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament bażiku jipprevedi:

“2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

3.   Il-pajjiż esportatur għandu normalment ikun il-pajjiż ta’ oriġini. Madanakollu, jista’ jkun pajjiż intermedjarju, ħlief fejn, per eżempju, il-prodotti jkunu sempliċiment trasbordati minn dak il-pajjiż, jew il-prodotti konċernati ma jkunux ġew magħmula f’dak il-pajjiż, jew ma jkunx hemm prezz paragunabbli għalihom f’dak il-pajjiż.”

4

L-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien; fejn xieraq, għandu jiġi wżat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq li huwa bla ħsara għall-istess investigazzjoni.

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa ftit wara l-bidu tagħha (l-investigazzjoni) bil-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq previst u għandhom jingħataw għaxart ijiem żmien sabiex jikkommentaw.”

5

Skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament, “[p]retensjoni skond is-subparagrafu (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq” u, f’dan ir-rigward, jissodisfa kriterji elenkati b’mod speċifiku. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll:

“Għandu jiġi stabbilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattiv u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

6

Intitolat “Tistabbilixxi l-ħsara”, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-paragrafi 6 u 7 tiegħu:

“6.   Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li fl-istess ħin qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija Komunitarja għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiżguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra mhix attribwita għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom, tnaqqis fid-domanda jew tibdiliet fil-mudelli tal-konsum, prattiċi restritti tal-kummerċ, u kompetizzjoni bejn, produtturi Komunitarji u ta’ pajjiżi terzi, żviluppi fit-teknoloġija u l-atteġġament ta’ l-esportazzjoni u l-produttività ta’ l-industrija Komunitarja.”

7

L-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dwar l-impożizzjoni ta’ dazji definittivi, jipprovdi:

“Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill, sakemm ma jiddeċidix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xhar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. […] L-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġini tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġini jekk dan id-dazju mnaqqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja.”

8

L-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jipprevedi:

“1.   F’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

[…]”

9

Fit-12 ta’ Diċembru 2012, ġie adottat ir-Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 1225/2009 (ĠU 2012, L 344, p. 1). Konformement mal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1168/2012:

“Ir-[Regolament bażiku] huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2(7) huwa emendat kif ġej:

(a)

Fis-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tas-subparagrafu (c) il-kliem ‘fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni’ huma sostitwiti bil-kliem segwenti ‘normalment fi żmien seba’ xhur, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmien xhur, mill-bidu tal-investigazzjoni’;

(b)

Is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

‘(d)

Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skont l-Artikolu 17, id-determinazzjoni skont is-subparagrafi (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu għandha tkun limitata għall-Partijiet inklużi fl-eżami u għal kull produttur li jirċievi trattament individwali skont l-Artikolu 17(3).’

(2)

Fl-Artikolu 9(6), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

‘Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skont l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju anti-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li jkunu ressqu d-dettalji tagħhom skont l-Artikolu 17 imma li ma kinux ġew inklużi fl-eżami ma għandux jaqbeż il-marġini medju peżat ta’ dumping stabbilit fir-rigward tal-partijiet fil-kampjun, irrispettivament minn jekk il-valur normali għal dawn il-partijiet huwiex determinat abbażi tal-Artikolu 2(1) sa (6) jew is-subparagrafu [(a)] tal-Artikolu 2(7).’”

10

Skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament Nru 1168/2012, dan tal-aħħar japplika għal kull investigazzjoni ġdida jew pendenti b’effett mill-15 ta’ Diċembru 2012 u jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din il-pubblikazzjoni saret fl-14 ta’ Diċembru 2012.

Ir-Regolament kontenzjuż

11

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament kontenzjuż, huwa impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli jew ta’ pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u ta’ ċelloli tat-tip użat fil-moduli jew fil-pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin, li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati miċ-Ċina u li jaqgħu taħt ċerti kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi r-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, qabel il-ħlas tad-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu u prodotti mill-kumpanniji elenkati f’dan il-paragrafu 2.

12

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament kontenzjuż, li japplika għal ċerti prodotti li r-referenzi tagħhom huma speċifikati fir-rigward ta’ din in-nomenklatura magħquda u li huma ffatturati minn kumpanniji li l-Kummissjoni aċċettat l-impenji tagħhom u li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/707/UE tal-4 ta’ Diċembru 2013 li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ anti-dumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU 2013, L 325, p. 214, rettifika fil-ĠU 2014, L 104, p. 82), l-importazzjonijiet iddikjarati sabiex jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera huma eżentati mid-dazju antidumping stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament kontenzjuż jekk ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

13

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament kontenzjuż jistabbilixxi li dejn doganali jitnissel fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera meta jiġi stabbilit li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma kinux issodisfatti jew meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

14

L-appellanti jappartjenu lill-grupp Canadian Solar. Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Csi Cells Co. u Csi Solar Power huma produtturi esportaturi ta’ ċelloli u ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin. Canadian Solar Emea hija ppreżentata bħala l-importatur assoċjat tagħhom stabbilit fl-Unjoni Ewropea.

15

Fis-6 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, notifika ta’ bidu ta proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2012, C 269, p. 5).

16

Il-grupp Canadian Solar ikkoopera fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

17

Fil-21 ta’ Settembru 2012, l-appellanti ressqu talba sabiex jintgħażlu fil-kampjun, previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Madankollu, din it-talba ma ntlaqgħetx.

18

Fl-istess ħin, fit-8 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż ta’ bidu ta’ proċedura kontra s-sussidju fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-moduli fotovoltajċi tas-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u wejfers) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2012, C 340, p. 13).

19

Fit-13 ta’ Novembru 2012, l-appellanti, li għandhom il-kwalità ta’ produtturi esportaturi, ressqu, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, talbiet għall-għoti tal-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“istatus KES”).

20

Fit-3 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lill-appellanti li dawn it-talbiet ma kinux ser jiġu eżaminati.

21

Fl-1 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 182/2013, li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli u wejfers) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU 2013, L 61, p. 2).

22

Fl-4 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 513/2013, li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew li jiġu kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament Nru 182/2013 (ĠU 2013, L 152, p. 5, rettifika fil-ĠU 2013, L 190, p. 102; iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

23

Fit-2 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2013/423/UE, li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 209, p. 26), minn grupp ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li kienu kkooperaw u li huma elenkati fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni, li fosthom jinsabu Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Csi Cells Co. u Csi Solar Power flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (iktar ’il quddiem iċ-“CCCME”).

24

Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 748/2013, li jemenda r-Regolament Nru 513/2013 (ĠU 2013, L 209, p. 1), sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni 2013/423. Essenzjalment, sakemm ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 513/2013, kif emendat bir-Regolament Nru 748/2013, jipprevedi, b’mod partikolari, li l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti identifikati f’dan ir-regolament, iddikjarati sabiex jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera u ffatturati minn kumpanniji li l-impenji tagħhom ġew aċċettati mill-Kummissjoni u li huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2013/423, huma eżentati mid-dazju antidumping provviżorju stabbilit fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament.

25

Fis-27 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni kkomunikat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kellha l-intenzjoni tipproponi l-istabbiliment ta’ dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli u tal-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati miċ-Ċina.

26

Wara n-notifika tal-konklużjonijiet finali tal-proċeduri antidumping u antisussidji, il-produtturi esportaturi, flimkien maċ-CCCME, ippreżentaw notifika bil-għan li jemendaw l-offerta ta’ impenn inizjali tagħhom.

27

Fit-2 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament kontenzjuż. Peress li kienu kkooperaw fl-investigazzjoni antidumping, iżda ma kinux intgħażlu fil-kampjun previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi tal-grupp Canadian Solar ġew inklużi fl-Anness I tar-Regolament kontenzjuż. Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, il-kumpanniji inklużi f’din il-lista kienu suġġetti għal dazju antidumping ta’ 41.3 %. L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament kien, taħt ċerti kundizzjonijiet, jeżenta mid-dazju stabbilit fl-Artikolu 1 tiegħu lill-importazzjonijiet iffatturati mill-kumpanniji li l-impenji tagħhom kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni, elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, li kienu jinkludu dawn il-produtturi esportaturi.

28

Fit-2 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-proċedura antisussidji parallela, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 66).

29

Fl-4 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, li permezz tagħha aċċettat l-impenn emendat offert mill-produtturi esportaturi elenkati fl-Anness tagħha, flimkien maċ-CCCME, fil-kuntest tal-proċeduri antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkunsinnati miċ-Ċina għall-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri definittivi.

30

Wara l-preżentata tar-rikors għal annullament fil-kawża li tat lok għas-sentenza appellata, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/866 tal-4 ta’ Ġunju 2015 li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal tliet produtturi esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 (ĠU 2015, L 139, p. 30). Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, ġiet irtirata l-aċċettazzjoni tal-impenn fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Csi Cells Co. u Csi Solar Power. L-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni daħal fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis-6 ta’ Ġunju 2015.

31

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/367 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU 2017, L 56, p. 131).

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

32

Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw sitt motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 5(10) u (11) tar-Regolament bażiku, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 1 u 17 ta’ dan ir-regolament, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 1(4) tal-istess regolament, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament.

33

Il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni filwaqt li kkonkludiet, b’mod partikolari, li l-aċċettazzjoni ta’ offerta ta’ impenn la tinfluwenza l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra att li jistabbilixxi dazju antidumping u lanqas l-evalwazzjoni tal-motivi invokati insostenn ta’ dan ir-rikors u li l-appellanti kien għad għandhom interess li r-Regolament kontenzjuż jiġi annullat.

34

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivi mqajma mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħhom. Hija ċaħdet l-ewwel tliet motivi bħala inammissibbli u l-aħħar tlieta bħala infondati. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet

35

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ t-talba mressqa fl-ewwel istanza u tannulla r-Regolament kontenzjuż, sa fejn jikkonċerna lill-appellanti;

tikkundanna lill-konvenut fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-appellanti, u għall-ispejjeż tiegħu stess, kemm fl-ewwel istanza u kemm fl-appell;

tikkundanna lill-partijiet kollha l-oħra fil-proċedura tal-appell għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, jew, sussidjarjament;

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid;

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż marbuta mal-ewwel istanza u mal-appell sakemm tingħata s-sentenza definittiva tal-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-partijiet kollha l-oħra fil-proċedura tal-appell għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

36

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

37

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

38

Permezz tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara inammissibbli r-rikors fl-ewwel istanza, jew

sussidjarjament, tiddikjara li r-rikors fl-ewwel istanza ma għandux skop, jew

iktar sussidjarjament, tiddikjara infondat ir-rikors fl-ewwel istanza u twarrab l-interpretazzjoni tar-rabta kawżali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-sitt motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

39

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell inċidentali fl-intier tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-appellanti u l-ispejjeż tagħha stess li jirriżultaw kemm mir-rikors fl-ewwel istanza u kemm mill-appell inċidentali, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu stess.

Fuq l-appell inċidentali

40

L-appell inċidentali ppreżentat mill-Kummissjoni huwa intiż, prinċipalment, li jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, li hija kwistjoni preliminari fil-konfront ta’ dawk dwar il-mertu mqajma mill-appell prinċipali. Għalhekk għandu l-ewwel jiġi eżaminat dan l-appell inċidentali.

41

Insostenn tal-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tqajjem tliet aggravji. L-ewwel aggravju, invokat b’mod prinċipali, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li r-Regolament kontenzjuż seta’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali għall-appellanti. It-tieni aggravju, invokat b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-interess tal-appellanti li jiġi annullat ir-Regolament kontenzjuż kien għadu jeżisti fid-data tal-għoti tas-sentenza appellata. It-tielet aggravju, invokat b’mod iktar sussidjarju, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku jeżiġu analiżi fuq żewġ stadji li tinvolvi, fl-ewwel stadju, li tintwera l-assenza ta’ interruzzjoni tar-rabta kawżali bejn id-dumping u d-dannu u, fit-tieni stadju, li l-marġni ta’ dumping, u għalhekk potenzjalment ir-rata tad-dazju, jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ attribuzzjoni tad-diversi fatturi ta’ dannu.

Fuq l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali

L-argumenti tal-partijiet

42

L-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, li huwa ppreżentat b’mod prinċipali, huwa maqsum f’żewġ partijiet.

43

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li jikkonċerna l-punti 41 sa 47 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement il-konklużjoni tagħha li r-Regolament kontenzjuż, u mhux id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, jolqot is-sitwazzjoni legali tal-appellanti u li, fi kwalunkwe każ, meta fformulat din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ekwilibriju istituzzjonali kif ukoll l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament bażiku.

44

Il-Kummissjoni tqis, l-ewwel nett, li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fis-sens li għandu jintalab l-annullament tar-Regolament kontenzjuż bħala motiv adegwat sabiex jiġu kkontestati l-konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali, tinjora kompletament il-fatt li l-appellanti kellhom jikkontestaw id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 jekk l-għan tagħhom kien li jikkontestaw tali konklużjonijiet. Issa, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jissostanzjaw biss il-konklużjoni li rikors seta’ jiġi ppreżentat jew kontra r-Regolament kontenzjuż, jew kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707. Skont il-Kummissjoni, dan iwassal għal nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn mis-sentenza appellata huwa impossibbli li tiġi dedotta r-raġuni għaliex ir-Regolament kontenzjuż huwa neċessarjament, jew anki normalment, l-att li għandu jiġi kkontestat, u mhux id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, li minnha fil-verità joħorġu d-drittijiet u/jew l-obbligi għall-importatur ikkonċernat.

45

It-tieni nett, il-Kummissjoni tallega li, meta ddeċidiet li r-rikors għandu jiġi ppreżentat kontra r-Regolament kontenzjuż, u mhux kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ġenerali ta’ ekwilibriju istituzzjonali kif ukoll it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali timplika li din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha, iżda għandha tiġi vvalidata permezz tad-drittijiet u tal-obbligi indipendenti maħluqa mill-Kunsill bl-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż.

46

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li dawn l-iżbalji ta’ liġi ma jistgħux jiġi rrimedjati bil-konklużjoni magħmula fil-punt 42 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-qrati tal-Unjoni “impliċitament, iżda neċessarjament” ikkonfermaw l-ammissibbiltà ta’ rikors kontra regolamenti li jistabbilixxu dazji definittivi ppreżentati minn partijiet li għandhom interess u li l-impenn tagħhom kien ġie aċċettat. Minn naħa, din il-kwistjoni sempliċement ma kinitx indirizzata fil-ġurisprudenza ċċitata f’dan il-punt u, min-naħa l-oħra, din il-ġurisprudenza tal-aħħar tinsab f’kontradizzjoni diretta mas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 1979, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill (113/77, EU:C:1979:91).

47

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, il-Kummissjoni ssostni li l-aċċettazzjoni ta’ impenn tikkostitwixxi att favorevoli li l-adozzjoni tiegħu kienet intalbet mill-appellanti u li ma jolqotx is-sitwazzjoni legali tagħhom. Il-konklużjoni kuntrarja tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, jekk jitqies li hija korretta, tistabbilixxi biss interess sabiex jintalab l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, iżda mhux l-annullament tar-Regolament kontenzjuż. Skont il-Kummissjoni, dan il-punt 46 tas-sentenza appellata fih żewġ żbalji ta’ liġi.

48

L-ewwel nett, l-imsemmi punt 46 ma fih ebda raġunament li jispjega r-raġuni għaliex l-aċċettazzjoni ta’ impenn mill-Kummissjoni hija differenti minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern konċentrazzjoni li tkun ġiet innotifikata lilha, minn dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li ftehim ma jmurx kontra l-Artikolu 101(1) TFUE jew minn deċiżjoni li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern għajnuna mill-Istat innotifikata.

49

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku ma jipprevedix l-adozzjoni ta’ att distint ladarba l-Kummissjoni tkun ikkonkludiet l-investigazzjoni tagħha dwar id-dumping u d-dannu. Issa, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali tfisser li kumpannija li toffri impenn hija obbligata tikkontesta b’mod antiċipat id-deċiżjoni li taċċetta l-impenn sa minn qabel ma tiġi konkluża, diversi xhur iktar tard, l-investigazzjoni antidumping.

50

Il-Kummissjoni tindika, għal finijiet ta’ kompletezza, li l-punt 47 tas-sentenza appellata fih żewġ żbalji ta’ liġi. Minn naħa, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li r-Regolament kontenzjuż emenda s-sitwazzjoni legali tal-appellanti fir-rigward tad-“dazji antidumping fuq il-prodotti li ma humiex koperti mill-impenn” hija bbażata fuq żball ta’ liġi marbut mal-interpretazzjoni tal-offerta ta’ impenn jew ma’ żnaturament ta’ provi mill-Qorti Ġenerali, fil-każ li din l-offerta titqies li hija “punt ta’ fatt”. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-appellanti ma kellhomx id-dritt li jbigħu l-prodott ikkonċernat b’mod ieħor għajr konformement mad-dispożizzjonijiet tal-impenn, kif jirriżulta b’mod ċar u mingħajr ambigwità mit-test tal-offerta ta’ impenn. Għaldaqstant, seta’ jkun hemm dazji biss fuq il-prodotti li jaqbżu l-livell annwali, u mhux fuq “prodotti li ma humiex koperti mill-impenn”.

51

Min-naħa l-oħra, peress li d-dazji fuq il-“prodotti […] li jaqbżu l-livell annwali” kienu diġà inklużi fl-offerta ta’ impenn, hawnhekk ma humiex inkwistjoni dritt ġdid jew obbligu ġdid li joħorġu mir-Regolament kontenzjuż.

52

L-appellanti jqisu li l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Permezz tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 41 sa 47 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta qieset li r-Regolament kontenzjuż seta’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali għall-appellanti.

54

L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata, essenzjalment, fuq l-argument li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement il-konklużjoni tagħha li r-Regolament kontenzjuż, u mhux id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, li permezz tagħha l-Kummissjoni aċċettat l-impenn offert mill-produtturi esportaturi msemmija fl-Anness tagħha, fosthom dawk tal-grupp Canadian Solar, jolqot is-sitwazzjoni legali tal-appellanti u fuq l-argument li, fi kwalunkwe każ, meta fformulat din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali.

55

Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, għall-kuntrarju tal-argumenti tal-Kummissjoni, fil-punti 41 sa 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali la tafferma li r-Regolament kontenzjuż għandu neċessarjament, jew anki normalment, ikun l-att ikkontestat, u lanqas ma tafferma li r-rikors għal annullament kellu jiġi ppreżentat kontra dan ir-regolament u mhux kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma mmotivatx dak li ma affermatx.

56

Fit-tieni lok, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, jekk tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, dan iwassal sabiex l-impriżi, li l-impenn tagħhom dwar prezz minimu mal-importazzjoni (iktar ’il quddiem il-“PMI”) ikun ġie aċċettat mill-Kummissjoni, ikunu preklużi milli jikkontestaw regolament li jissuġġettahom għal dazju antidumping definittiv. Issa, kif il-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 42 tas-sentenza appellata, la l-Qorti Ġenerali u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħhom iċċitati f’dan il-punt, ma ddeċidew li kien inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn impriża kontra regolament li jissuġġettaha għal dazji antidumping definittivi għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet aċċettat impenn ta’ PMI offert minn din l-impriża.

57

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-Regolament kontenzjuż jolqot neċessarjament is-sitwazzjoni legali tal-appellanti sa fejn, jekk tali regolament jiġi annullat, l-offerta ta’ impenn titlef is-sens tagħha. Issa, dan huwa preċiżament dak li osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 45 tas-sentenza appellata.

58

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, l-appellanti baqgħu suġġetti għad-dazji antidumping previsti fir-Regolament kontenzjuż, konformement mal-Artikoli 1 u 3 tiegħu, fir-rigward tal-importazzjonijiet li jaqbżu l-livell annwali previst fl-impenn ta’ PMI.

59

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tallega b’mod validu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali. Għall-kuntrarju, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li l-appellanti kellhom jikkontestaw id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 jekk l-għan tagħhom kien li jikkontestaw il-konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta’ dumping, tista’ tiġi aċċettata biss li kieku l-Kunsill kien obbligat, mal-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni ta’ impenn ta’ PMI offert minn impriża, jadotta regolament li jistabbilixxi miżuri antidumping definittivi. Issa, il-kompetenza tal-Kunsill, f’dan ir-rigward, ma hijiex kompetenza limitata, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li l-proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix li jiċħadha.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rwol tal-Kummissjoni jagħmel parti mill-proċess ta’ deċiżjoni tal-Kunsill. Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni hija responsabbli sabiex twettaq investigazzjonijiet u sabiex tiddeċiedi, fuq il-bażi tagħhom, li tagħlaq il-proċedura jew, għall-kuntrarju, li tkompli bil-proċedura billi tadotta miżuri provviżorji u billi tipproponi lill-Kunsill l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi. Madankollu, huwa l-Kunsill li għandu jieħu d-deċiżjoni definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 1990, Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115, punt 8).

61

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandha tiġi miċħuda.

62

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-ewwel aggravju, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni ssostni li l-aċċettazzjoni ta’ impenn ta’ PMI tikkostitwixxi att favorevoli għall-appellanti, li ma jolqotx is-sitwazzjoni legali tagħhom, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mill-punt 46 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi osservat li din il-kwistjoni hija irrilevanti peress li l-att ikkontestat li huwa s-suġġett tar-rikors għal annullament li l-Qorti Ġenerali qieset li huwa ammissibbli huwa r-Regolament kontenzjuż u mhux id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, li permezz tagħha l-Kummissjoni aċċettat dan l-impenn.

63

Fir-rigward taż-żewġ żbalji ta’ liġi li allegatament huwa vvizzjat bihom il-punt 47 tas-sentenza appellata, u li l-Kummissjoni tindika li qiegħda tqajjem biss għal finijiet ta’ kompletezza, dawn l-iżbalji, jekk jitqiesu li huma stabbiliti, ma jista’ jkollhom, fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-punti 53 sa 60 ta’ din is-sentenza, ebda impatt fuq il-validità tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni kellha tiġi miċħuda għaliex ir-Regolament kontenzjuż jolqot is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

64

Għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta dan ir-regolament, introduċa miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali li jikkostitwixxu sett jew “pakkett” u li huma intiżi li jintlaħaq riżultat komuni, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-effett dannuż għall-industrija tal-Unjoni tad-dumping Ċiniż dwar il-prodotti kkonċernati filwaqt li jitħares l-interess ta’ din l-industrija u li l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament ma setax jiġi sseparat mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il-Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punti 4455).

65

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju tal-appell inċidentali

L-argumenti tal-partijiet

66

Permezz tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, ippreżentat b’mod sussidjarju, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, issostni li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta qieset, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li r-Regolament kontenzjuż emenda s-sitwazzjoni legali tal-appellanti għaliex huwa biss bis-saħħa ta’ dan ir-regolament li l-appellanti għandhom iħallsu d-dazji fuq il-pannelli solari inkwistjoni li jaqbżu l-volum annwali, ir-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kien tilef l-iskop tiegħu fil-ġurnata li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/866, li rtira l-aċċettazzjoni tal-impenn offert mill-appellanti.

67

Il-Kummissjoni tikkonstata li l-livell annwali ta’ importazzjoni tal-prodott ikkonċernat, previst fl-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ impenn tal-appellanti, qatt ma kien intlaħaq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk, anki jekk l-appellanti kellhom interess ġuridiku fuq il-bażi tal-klawżola tal-impenn li tipprevedi l-ħlas ta’ dazji għall-prodotti importati lil hinn minn dan il-livell annwali, dan l-interess intemm, fi kwalunkwe każ, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, li kellu jwassal għall-konstatazzjoni li, f’dik id-data, ir-rikors għal annullament kien tilef l-iskop tiegħu. F’dan ir-rigward, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb għal tali argument imqajjem minnha matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

68

Il-Kummissjoni żżid li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali wieġbet għal dan l-argument, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, it-tweġiba tagħha ma tikkonċernax il-kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa preċiżament minħabba li l-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenn fir-rigward tal-appellanti wara n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu li l-konsegwenzi legali ta’ din l-aċċettazzjoni ma setgħux jibqgħu jagħtu lill-appellanti interess ġuridiku leġittimu.

69

L-appellanti jqisu li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud sa fejn ma jistax jinftiehem u, fi kwalunkwe każ, huwa ineffettiv.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Għandu jiġi osservat li ċ-ċaħda tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali timplika ċ-ċaħda tat-tieni aggravju. Fil-fatt, mill-evalwazzjoni li wasslet għaċ-ċaħda ta’ dan l-ewwel aggravju jirriżulta li r-Regolament kontenzjuż għandu konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti, irrispettivament mill-eżistenza tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707.

71

B’hekk, il-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/866 irtira l-aċċettazzjoni tal-impenn offert mill-appellanti li kienet prevista fl-imsemmija Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, f’sitwazzjoni fejn il-livell annwali ta’ importazzjoni tal-prodott ikkonċernat, previst f’dan l-impenn, qatt ma kien intlaħaq, ma jista’ jkollu ebda impatt fuq il-konstatazzjoni li r-Regolament kontenzjuż jolqot is-sitwazzjoni legali tal-appellanti u li, għaldaqstant, dawn tal-aħħar setgħu jippreżentaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, rikors għall-annullament ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

72

Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju tal-appell inċidentali

73

Permezz tat-tielet aggravju tal-appell inċidentali, ippreżentat b’mod iktar sussidjarju, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv imqajjem quddiemha mill-appellanti, meta affermat li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jeżiġu li l-analiżi ta’ attribuzzjoni titwettaq sabiex “l-industrija tal-Unjoni ma tingħatax protezzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ”.

74

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 169(1) u mal-Artikolu 178(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull appell, kemm jekk ikun appell prinċipali u kemm jekk ikun appell inċidentali, għandu jkun intiż biss għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

75

F’dan il-każ, peress li l-motiv inkwistjoni ġie miċħud, il-Kummissjoni kisbet, quddiem il-Qorti Ġenerali, iċ-ċaħda tar-rikors għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż konformement mat-talbiet tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Għaldaqstant, it-tielet aggravju tal-appell inċidentali li, fil-verità, huwa intiż li tinkiseb biss sostituzzjoni tar-raġunijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament, ma jistax jintlaqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

77

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-appell

78

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

79

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali, fil-punti 64 sa 74 tas-sentenza appellata, eżiġiet li l-appellanti jipprovaw l-interess tagħhom li jqajmu l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors għal annullament tagħhom u, fi kwalunkwe każ, fuq żball fil-klassifikazzjoni legali tal-fatti, sa fejn l-appellanti effettivament għandhom tali interess.

80

L-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li, b’analoġija, meta applikat għall-possibbiltà li jitqajmu motivi iżolati l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha joħroġ li kull rikorrent huwa meħtieġ juri li għandu interess ġuridiku, jiġifieri interess li l-att ikkontestat jiġi annullat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi għal erba’ raġunijiet.

81

L-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li teżiġi li l-appellanti juru biss interess fl-annullament tal-att ikkontestat.

82

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors għal annullament u, min-naħa l-oħra, sitwazzjonijiet fejn motiv ikun inammissibbli għaliex ir-rikorrent ma jkollux locus standi sabiex iqajmu. Dawn is-sitwazzjonijiet, identifikati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkonċernaw, minn naħa, il-każ fejn motiv ma jkunx jikkonċerna rikorrent iżda jsegwi l-interess ġenerali jew l-interessi tal-liġi u, min-naħa l-oħra, il-każ fejn motiv jikkonċerna regoli li, bħalma huma r-regoli proċedurali ta’ istituzzjoni, ma humiex maħsuba li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi. Issa, skont l-appellanti, l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors għal annullament ma kinux jikkonċernaw din it-tip ta’ sitwazzjoni u l-Qorti Ġenerali ma invokatx li kienu jikkonċernaw tali sitwazzjoni.

83

It-tieni nett, l-appellanti jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom għaliex il-Qorti Ġenerali pprekludiethom milli jqajmu l-motivi li fil-fehma tagħhom kienu opportuni, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

84

It-tielet nett, l-appellanti jqisu li, anki jekk jiġi aċċettat li kienu meħtieġa jipprovaw l-interess tagħhom li jqajmu l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors għal annullament, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li dawn il-motivi huma inammissibbli tikser id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, l-appellanti kien imisshom ippreżentaw rikors għal annullament fit-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jevitaw il-preskrizzjoni tad-drittijiet tagħhom, sa fejn, fil-każ kuntrarju, fid-dawl tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), huma kienu jesponu ruħhom għar-riskju li jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jikkontestaw il-validità tar-Regolament kontenzjuż quddiem il-qorti ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

85

F’dan ir-rigward, l-appellanti jfakkru li, skont il-Qorti Ġenerali, l-interess tagħhom li jqajmu l-ewwel żewġ motivi tar-rikors għal annullament huwa ipotetiku, li jimplika li, fil-każ li l-interess tagħhom li jqajmu dawn il-motivi jimmaterjalizza wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huma jkunu preklużi milli jressqu kawża. Tali sitwazzjoni tkun iktar u iktar problematika fid-dawl tal-fatt li waħda mill-appellanti, Canadian Solar Emea, kumpannija li timporta, kienet tkun tista’ tikkontesta l-validità tar-Regolament kontenzjuż quddiem qorti nazzjonali f’kull mument li kieku ma kinitx marbuta mal-appellanti l-oħra, li, min-naħa tagħhom, huma kumpanniji li jesportaw.

86

Ir-raba’ nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ tagħhom għaliex il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-ewwel żewġ motivi tar-rikors għal annullament ma kinitx diskussa kompletament quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, din il-kwistjoni ma ġietx invokata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni matul il-proċedura bil-miktub u lanqas ma kienet indirizzata kompletament matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, u dan ipprekluda lill-appellanti milli juru li huma jipproduċu u jesportaw lejn l-Unjoni, u jimportaw fl-Unjoni, moduli li joriġinaw minn pajjiżi terzi iżda li jiġu kkunsinnati miċ-Ċina, u jimportaw fl-Unjoni moduli li joriġinaw miċ-Ċina iżda li jiġu kkunsinnati minn pajjiżi terzi.

87

Fit-tieni lok, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-klassifikazzjoni legali tal-fatti meta kkonkludiet, fil-punti 69 sa 73 tas-sentenza appellata, li ma kellhomx interess iqajmu l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors għal annullament.

88

Minn naħa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appellanti għandhom interess ġuridiku li jevitaw li l-istituzzjonijiet ma jirriproduċux żbalji bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, kif barra minn hekk ġara f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni adottat regolament ġdid, jiġifieri r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/367, li jestendi l-applikazzjoni tar-Regolament kontenzjuż bi tmintax-il xahar addizzjonali u li jipproduċi l-istess żbalji.

89

Min-naħa l-oħra, il-motivi mqajma mill-appellanti kienu jikkonċernaw il-portata tal-investigazzjoni antidumping, li sussegwentement ikkonċernat id-dumping, id-dannu, ir-rabta kawżali u l-evalwazzjonijiet tal-interess tal-Unjoni li wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta r-Regolament kontenzjuż.

90

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat fl-intier tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jikseb vantaġġ għall-parti li tkun ippreżentatu. Il-prova ta’ tali interess, li għandu jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors u li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u primordjali għal kull rikors ġudizzjarju, għandha titressaq mir-rikorrent (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 37).

92

Kif indikat ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punti 65 u 66 tas-sentenza appellata, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun reali u attwali. Dan l-interess ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika. Fid-dawl tal-iskop tar-rikors, dan l-interess għandu jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, u għandu jibqa’ jeżisti sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, għaliex fl-assenza tiegħu ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 5657 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-qorti adita bl-istanza tista’ tqajjem ex officio u f’kull mument tal-proċedura l-assenza ta’ interess ta’ parti li żżomm it-talba tagħha minħabba fatt li jkun jseħħ wara d-data tal-att promotur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 38).

93

Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrikjediet li l-appellanti jipprovaw l-interess tagħhom li jqajmu l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors għal annullament tagħhom, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li motiv ta’ annullament ikun inammissibbli għar-raġuni li l-interess ġuridiku ma jkunx preżenti f’sitwazzjoni fejn, jekk jitqies li huwa fondat, l-annullament tal-att ikkontestat fuq il-bażi ta’ dan il-motiv ma jkunx ta’ natura li jikseb sodisfazzjon għar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs BĊE, C‑401/09 P, EU:C:2011:370, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-klassifikazzjoni legali tal-fatti, għandu jiġi osservat li huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att imħassar fil-mori tal-kawża, sabiex l-awtur tal-att ikkontestat ikollu jwettaq, fil-futur, l-emendi adegwati u, b’hekk, jiġi evitat ir-riskju ta’ repetizzjoni tal-illegalità li biha dan l-att ikun allegatament ivvizzjat (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il-Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 64).

95

Madankollu, l-eventwali persistenza ta’ tali interess, sabiex jiġi evitat li l-istituzzjonijiet ma jirriproduċux żbalji bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma tistax tiġi aċċettata f’sitwazzjoni fejn l-interess ġuridiku tar-rikorrent qatt ma eżista.

96

B’hekk, sa fejn, fid-data tal-preżentata tar-rikors għal annullament tagħhom, l-appellanti ma stabbilixxewx l-interess tagħhom li jqajmu l-ewwel żewġ motivi, u sa fejn dan l-interess, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 91 u 92 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors u ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika, l-appellanti ma jistgħux jiġġustifikaw tali interess billi jinvokaw il-ħtieġa li jiġi evitat li l-istituzzjonijiet jirriproduċu żbalji bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

97

Fir-rigward tal-allegazzjoni li, sa fejn l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors għal annullament kienu jikkonċernaw il-portata tal-investigazzjoni antidumping, dawn il-motivi għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli, għandu jiġi osservat li din l-allegazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, il-fatt li, fuq il-mertu, tali motivi jindirizzaw elementi ta’ din l-investigazzjoni, bħalma huma d-dumping, id-dannu jew ir-rabta kawżali, ma jistax, waħdu, jimplika l-ammissibbiltà ta’ dawn il-motivi f’sitwazzjoni fejn l-appellanti ma stabbilixxewx interess li jqajmu l-imsemmija motivi.

98

Minn dan isegwi li, meta bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 91 u 92 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkonkludi, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li dawn l-ewwel żewġ motivi tar-rikors għal annullament kellhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

99

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-protezzjoni mogħtija minnu, dan l-artikolu ma huwiex intiż li jemenda s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista fit-Trattati, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif jirriżulta wkoll mill-Ispjegazzjonijiet dwar dan l-Artikolu 47 li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

100

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta ma teżiġix li individwu għandu jkun jista’, b’mod inkundizzjonat, jippreżenta rikors għal annullament, direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, kontra atti leġiżlattivi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 105).

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti ma jistgħux jallegaw b’mod validu li r-rekwiżit li jistabbilixxu interess li jinvokaw motiv ta’ annullament jikser id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta.

102

Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ tal-appellanti, li joħroġ minn dan l-artikolu tal-Karta, għandu jiġi kkonstatat li dawn tal-aħħar ma humiex qegħdin jikkontestaw li, matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, id-diversi intervenjenti indirizzaw is-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill fir-rigward tal-ewwel żewġ motivi tar-rikors għal annullament. B’hekk, l-appellanti ma jistgħux jallegaw b’mod validu li l-Qorti Ġenerali ma ħallithomx jindirizzaw il-punti ta’ liġi kollha li kienu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura jew li ma ħallithomx iressqu l-provi neċessarji insostenn tal-pożizzjoni tagħhom.

103

It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali tipprekludi lill-appellanti milli jippreżentaw rikors ġudizzjarju fis-sitwazzjoni li l-interess tagħhom li jqajmu l-ewwel u t-tieni motivi jitnissel wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, f’tali każ, il-ġurisprudenza inkwistjoni ma tikkostitwixxix, bħala prinċipju, ostakolu sabiex l-appellanti jkunu jistgħu jqajmu tali motivi quddiem qorti nazzjonali.

104

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

105

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, minn naħa, sa fejn il-Qorti Ġenerali eżiġiet li l-appellanti jipprovaw l-interess tagħhom li jqajmu t-tielet motiv tar-rikors għal annullament u, min-naħa l-oħra, sa fejn interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament.

106

L-ewwel nett, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati fil-punti 91 sa 98 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżiġiet li l-appellanti jistabbilixxu l-interess tagħhom li jqajmu t-tielet motiv tar-rikors għal annullament.

107

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar l-iżball eventwalment imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-punti 90 sa 95 tas-sentenza appellata, li huma kkonċernati minn din l-allegazzjoni, jagħmlu parti minn evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fformulata għal finijiet ta’ kompletezza. Minn dan isegwi li l-imsemmija allegazzjoni hija ineffettiva.

108

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju

109

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, minn naħa, li r-Regolament Nru 1168/2012 japplika għall-investigazzjoni antidumping li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż u, min-naħa l-oħra, li dan tal-aħħar ma huwiex ivvizzjat bi żball ta’ liġi minkejja li l-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni dwar it-talba tal-appellanti sabiex jiksbu l-istatus KES.

L-argumenti tal-partijiet

110

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1168/2012, l-appellanti jfakkru li dan ir-regolament, li emenda r-Regolament bażiku, kien reazzjoni għas-sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il‑Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li l-Kummissjoni astjeniet milli tieħu deċiżjoni dwar talba għall-istatus KES kien jikkostitwixxi ksur tar-regolament bażiku li għalhekk jivvizzja r-regolament li jistabbilixxi d-dazji antidumping ikkonċernat fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza.

111

Huma jqisu li l-emenda introdotta f’din il-kawża permezz tar-Regolament Nru 1168/2012 illimitat id-dritt li jintalab l-istatus KES għal dawk il-produtturi esportaturi biss li kienu ntgħażlu fil-kampjun tal-investigazzjoni antidumping ikkonċernata. Madankollu, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li din l-emenda kienet tapplika għall-investigazzjoni antidumping ineżami u li ma kinitx involuta applikazzjoni retroattiva tal-liġi minħabba li l-fatt li kien inqabeż it-terminu applikabbli sabiex tingħata deċiżjoni dwar talba għall-istatus KES ma kienx ħoloq sitwazzjoni stabbilita definittivament fir-rigward tal-appellanti.

112

Skont l-appellanti, tali konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ċċaħħadhom mid-dritt li tiġi eżaminata t-talba tagħhom għall-istatus KES u tawtorizza indebitament lill-Kummissjoni tevita l-obbligu tagħha li tiddeċiedi dwar din it-talba. Sa fejn l-għoti tal-istatus KES kellu jwassal għall-użu tal-prezzijiet u tal-ispejjeż tal-appellanti, minflok dawk ta’ produttur ta’ pajjiż analogu, sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali applikabbli, il-fatt li l-Kummissjoni astjeniet milli tieħu deċiżjoni dwar din it-talba ħoloq bidla definittiva li taffettwa b’mod negattiv u irrevokabbli d-drittijiet tal-appellanti.

113

Dawn tal-aħħar iqisu li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, qabel u wara l-emenda introdotta permezz tar-Regolament Nru 1168/2012, ma tħalli lok għal ebda dubju. Fil-fatt, qabel din l-emenda, din id-dispożizzjoni kienet tispeċifika li l-produtturi esportaturi li ma jintgħażlux fil-kampjun, bħall-appellanti, kellhom id-dritt li jitolbu l-istatus KES u li l-Kummissjoni kellha l-obbligu tagħti deċiżjoni favur jew kontra dan l-għoti.

114

Wara l-imsemmija emenda, l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku japplika, skont l-appellanti, għal kull investigazzjoni ġdida jew pendenti b’effett mill-15 ta’ Diċembru 2012. Issa, f’din il-każ, it-terminu mogħti lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għall-istatus KES tal-appellanti skada fis-6 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda introdotta permezz tar-Regolament Nru 1168/2012. Il-fatt li ma twettaqx l-istadju li jikkonsisti f’deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus KES ma jistax jiġi rrimedjat b’applikazzjoni retroattiva ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

115

L-appellanti jenfasizzaw li mit-termini stess tad-dispożizzjoni tranżitorja tal-emenda introdotta permezz tar-Regolament Nru 1168/2012 jirriżulta li din l-emenda ma tapplikax għall-imsemmi stadju fl-investigazzjoni antidumping ineżami, sa fejn l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus KES huwa regola sostantiva u mhux formali. B’hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni ratione temporis tar-regoli formali, li fuqha tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali fil-punti 157, 159 u 160 tas-sentenza appellata, ma hijiex adegwata.

116

Skont l-appellanti, l-iskadenza tat-terminu mogħti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għall-istatus KES effettivament ħolqot, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, sitwazzjoni stabbilita definittivament fir-rigward tal-appellanti, fis-sens li l-Kummissjoni, għall-kuntrarju tal-obbligu tagħha, ma osservatx l-istadju li jikkonsisti fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar jekk jingħatax jew le l-istatus KES.

117

L-appellanti jsostnu li, li kieku l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar dan il-punt, id-deċiżjoni tagħha ma kinitx tkun tista’ tiġi emendata fi stadju ulterjuri tal-investigazzjoni antidumping għad-detriment tal-appellanti, sakemm ma toħroġx informazzjoni ġdida li ma kinitx disponibbli fid-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-istatus KES. Għalhekk, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1168/2012 għat-talba għall-istatus KES, imressqa mill-appellanti, iċċaħħad ex post lil dawn tal-aħħar mid-dritt tagħhom li din it-talba tiġi eżaminata, minkejja li ma huwiex ikkontestat li kienu jibbenefikaw minn dan id-dritt fid-data li fiha l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi dwar l-imsemmija talba.

118

F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-appellanti dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1168/2012 ma tmurx kontra l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u, jekk jitqies li tmur kontriha, l-emenda introdotta permezz tal-imsemmi regolament, sa fejn tapplika għall-appellanti, hija illegali għaliex hija inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività.

119

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 162 sa 165 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni dwar it-talba tal-appellanti sabiex jiksbu l-istatus KES ma kienx jimplika l-annullament tar-Regolament kontenzjuż. Fil-fatt, sa fejn l-emenda introdotta permezz tar-Regolament Nru 1168/2012 ma kinitx applikabbli għall-investigazzjoni antidumping ineżami, il-Kummissjoni kien imissha ħadet deċiżjoni dwar it-talba għall-istatus KES tal-appellanti.

120

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li t-tielet aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

121

Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, huma jqisu, essenzjalment, li l-allegazzjoni tal-appellanti, li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li t-terminu mogħti lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni dwar it-talba għall-istatus KES tal-appellanti kien skada qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din l-emenda, hija inammissibbli sa fejn l-appellanti jtennu l-istess argumenti li kienu ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-argument li l-imsemmija emenda tista’ tkun illegali, sa fejn tapplika għall-appellanti, jikkostitwixxi motiv ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli. Fil-fatt, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma qajmu ebda eċċezzjoni ta’ illegalità, taħt l-Artikolu 277 TFUE, kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, kif imfassal wara l-emenda introdotta permezz tar-Regolament Nru 1168/2012.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà

122

L-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni ma jistgħux jintlaqgħu.

123

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat il-fatt li t-terminu mogħti lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni dwar it-talba tal-appellanti għall-istatus KES kien skada qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1168/2012 hija intiża, kif jindika l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ddaħħal inkwistjoni l-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tar-regola tranżitorja prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament u, b’mod partikolari, il-punt 152 tas-sentenza appellata.

124

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu indirizzati fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkun diġà ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il-Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-appellanti qegħdin jipprovaw jiksbu sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali.

126

It-tieni nett, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-sens li l-allegazzjoni tal-appellanti dwar l-illegalità tar-Regolament Nru 1168/2012 tikkostitwixxi motiv ġdid, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija, fi kwalunkwe każ, inammissibbli għar-raġuni li l-appellanti jsostnu biss li dan ir-regolament huwa illegali minħabba l-inkompatibbiltà tiegħu mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività, mingħajr ma jressqu ebda element li jissostanzja tali affermazzjoni.

127

Fil-fatt, l-elementi tal-appell li ma jkun fihom ebda argument intiż speċifikament li jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza appellata għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Ottubru 2018, Alex vs Il‑Kummissjoni, C‑696/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:848, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128

Minn dan isegwi li, bl-esklużjoni tal-allegazzjoni dwar l-illegalità tar-Regolament Nru 1168/2012, it-tielet aggravju huwa ammissibbli.

– Fuq il-mertu

129

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, meta ddeċidiet li r-Regolament Nru 1168/2012 kien japplika għall-investigazzjoni antidumping li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż u, min-naħa l-oħra, meta qieset li dan ir-regolament tal-aħħar ma kienx ivvizzjat bi żball minkejja li l-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni dwar it-talba tal-appellanti sabiex jiksbu l-istatus KES.

130

Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 153 tas-sentenza appellata, il-formulazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1168/2012 tipprekludi l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sostnuta mill-appellanti. Fil-fatt, dan l-artikolu jispeċifika b’mod ċar li l-imsemmi regolament japplika għal kull investigazzjoni ġdida jew pendenti b’effett mill-15 ta’ Diċembru 2012. Issa, l-appellanti ma jikkontestawx li, f’dik id-data, l-investigazzjoni antidumping li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż kienet pendenti. Fil-fatt, f’dik id-data, il-Kunsill la kien adotta miżuri definittivi fuq il-bażi tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku u lanqas ma kien adotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament.

131

Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1168/2012 jirreferi, mingħajr ebda indikazzjoni oħra, “għall-investigazzjonijiet pendenti kollha”, l-appellanti ma jistgħux jallegaw, b’mod validu, li dan l-artikolu jirreferi biss għall-investigazzjonijiet pendenti li fihom it-terminu sabiex tingħata deċiżjoni dwar talba għall-istatus KES ma jkunx għadu skada.

132

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-fatt li nqabeż it-terminu applikabbli taħt l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi r-Regolament Nru 1168/2012, sabiex tingħata deċiżjoni dwar talba għall-istatus KES, mingħajr ma ttieħdet deċiżjoni dwar din it-talba mill-Kummissjoni, ma ħoloqx sitwazzjoni stabbilita definittivament fir-rigward tal-appellanti.

133

Minn naħa, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi, b’mod validu, dwar it-talba għall-istatus KES wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi r-Regolament Nru 1168/2012.

134

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt diġà ddeċidiet li, anki jekk il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar it-talba għall-istatus KES, taħt dan l-Artikolu 2(7)(ċ), hija tista’ temenda d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punti 111 sa 113).

135

Min-naħa l-oħra, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 160 tas-sentenza appellata, is-sitwazzjoni tal-appellanti kienet stabbilita definittivament biss wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament kontenzjuż u, sal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, l-appellanti ma kienu kisbu ebda ċertezza fir-rigward tal-eventwali drittijiet u obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament bażiku.

136

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif diġà ġie osservat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, ir-rwol tal-Kummissjoni jagħmel parti mill-proċess ta’ deċiżjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni hija responsabbli, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, sabiex twettaq investigazzjonijiet u sabiex tiddeċiedi, fuq il-bażi tagħhom, li tagħlaq il-proċedura jew, għall-kuntrarju, li tkompli bil-proċedura billi tadotta miżuri provviżorji u billi tipproponi lill-Kunsill l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi. Madankollu, huwa l-Kunsill li għandu jieħu d-deċiżjoni definittiva.

137

B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1168/2012, is-sitwazzjoni tal-appellanti ma kinitx saret definittiva.

138

Minn dan isegwi li l-fatt li nqabeż it-terminu applikabbli taħt l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi r-Regolament Nru 1168/2012, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-istatus KES mingħajr ma ġiet adottata deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar din it-talba ma kellu ebda impatt fuq l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament tal-aħħar għall-investigazzjoni antidumping li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż.

139

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, essenzjalment, li l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni dwar it-talba tal-appellanti intiża għall-kisba tal-istatus KES ma setax iwassal għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

140

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ aggravju

141

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw li, fil-punti 202 u 205 sa 216 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ppermettiet lill-Kunsill jiffissa d-dazju antidumping f’livell li jikkumpensa d-dannu kkawżat minn fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping u meta qalbet, indebitament, l-oneru tal-prova.

L-argumenti tal-partijiet

142

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li l-kriterju applikat mill-Qorti Ġenerali, fis-sens li ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett dannuż ta’ fatturi oħra ħlief fil-każ li dan l-effett ikun ta’ portata tali li tinkiser ir-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament.

143

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-appellanti jsostnu li, sabiex jikkalkola l-marġni ta’ dannu, u, għalhekk, sabiex jiffissa d-dazju antidumping fuq il-bażi tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill huwa meħtieġ jeskludi kull dannu kkawżat minn fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping. Dan l-obbligu tal-Kunsill għandu rwol fil-kuntest ta’ żewġ stadji proċedurali distinti, jiġifieri sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dannu u sabiex jiġi ffissat il-livell tad-dazju antidumping konformement mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Dawn l-obbligi huma intiżi li jiġu bbilanċjati l-interessi tal-importaturi, tal-industrija u tal-konsumaturi tal-Unjoni, kif ukoll tal-produtturi esportaturi tal-Unjoni, u huma l-espressjoni, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali tal-Unjoni, tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità.

144

Minn naħa, skont l-appellanti, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma obbligati, sabiex jiddeterminaw l-eżistenza ta’ dannu, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, jiżguraw ruħhom li d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping, wara l-esklużjoni tad-dannu kkawżat minn fatturi oħra, jibqa’ “materjali” u li dawn il-fatturi l-oħra ma kisrux ir-rabta kawżali bejn dawn l-importazzjonijiet u d-dannu.

145

Min-naħa l-oħra, l-appellanti jsostnu li, anki meta din ir-rabta kawżali ma tkunx miksura, id-dazji antidumping ma jistgħux jikkumpensaw lill-industrija tal-Unjoni ħlief sal-livell tad-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping, u mhux sal-livell tad-“dannu awtonomu” ikkawżat minn fatturi oħra. Deċiżjoni differenti twassal sabiex l-industrija tal-Unjoni tingħata protezzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju. Għalhekk, il-Kunsill għandu, sabiex jiffissa d-dazju antidumping konformement mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jagħmel korrezzjonijiet fir-rigward tad-dannu kkawżat minn fatturi oħra.

146

It-tieni nett, l-appellanti jgħidu wkoll li, minkejja li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li minn tal-inqas tliet fatturi oħra kienu kkontribwixxew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, u minkejja li l-Kunsill irrikonoxxa li la huwa stess u lanqas il-Kummissjoni ma kienu eskludew id-dannu kkawżat mill-imsemmija fatturi, il-Qorti Ġenerali astjeniet milli tesponi r-raġunijiet għaliex l-impatt ta’ dawn it-tliet fatturi l-oħra ma kienx sinjifikattiv u, għalhekk, kisret id-dmir ta’ motivazzjoni tagħha, fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE. Barra minn hekk, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-kontribuzzjoni ta’ dawn it-tliet fatturi għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali kien imissha obbligat lill-Kunsill inaqqas id-dazju antidumping sal-livell tal-effett akkumulat ta’ dawn il-fatturi l-oħra. Finalment, meta aċċettat li l-imsemmija fatturi kien kellhom effett u meta mbagħad ikkonkludiet, mingħajr ebda fatt stabbilit insostenn ta’ dan, li dan l-impatt ma kienx materjali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball dwar il-klassifikazzjoni tal-fatti.

147

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-oneru tal-prova, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li imponiet fuqhom l-obbligu li jikkwantifikaw, filwaqt li jressqu provi insostenn ta’ dan, l-impatt tat-tliet fatturi l-oħra li wasslu għad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni.

148

L-ewwel nett, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma obbligati, skont l-appellanti, jibbażaw id-determinazzjoni tagħhom tad-dannu fuq provi pożittivi kif ukoll fuq eżami oġġettiv tal-fatti rilevanti kollha li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Fil-fehma tal-appellanti, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom iressqu l-prova tal-korrezzjonijiet li għandhom jitwettqu fir-rigward tad-dannu kkawżat mill-fatturi l-oħra. Fil-fatt, ma hemm xejn li jawtorizza l-impożizzjoni ta’ dan l-oneru fuq il-produtturi esportaturi, speċjalment meta l-ġustifikazzjoni ta’ din l-inverżjoni tal-oneru tal-prova tkun marbuta esklużivament mal-fatt li l-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-imsemmija istituzzjonijiet hija kumplessa wisq.

149

It-tieni nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqhom oneru tal-prova li huwa impossibbli li jintlaħaq. Fil-fatt, huma jindikaw li ma għandhomx aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex jikkalkolaw l-impatt tal-fatturi l-oħra.

150

Fl-aħħar nett, l-appellanti josservaw li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta, il-Qorti Ġenerali ma tistax tawtorizza lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinvokaw in-natura kumplessa ta’ evalwazzjoni sabiex jastjenu milli jwettqu evalwazzjoni meħtieġa mil-liġi, b’mod partikolari meta din l-astensjoni tippreġudika operaturi ekonomiċi.

151

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li dan ir-raba’ aggravju jiġu miċħud, filwaqt li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq sostituzzjoni ta’ raġunijiet.

152

Dawn l-istituzzjonijiet jallegaw, essenzjalment, li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 185, 191 sa 193 tas-sentenza appellata, jagħtu x’jifhem, b’mod żbaljat, li l-livell tad-dazji antidumping għandu jitnaqqas minħabba l-eżistenza ta’ fatturi, għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, li jistgħu jaffettwaw id-dannu.

153

Huma jindikaw li, minn naħa, il-kalkolu tal-marġni ta’ dannu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, huma żewġ stadji differenti. Sabiex jiddeterminaw il-marġni ta’ dannu, il-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu l-kalkolu tagħhom fuq il-bażi tal-prezzijiet, tal-profitti u tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni “[f]atturi magħrufa għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping”, li setgħu kkontribwixxew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, fatturi dawn li huma rilevanti biss għall-eżami tal-ksur tar-rabta kawżali, taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

154

L-imsemmija istituzzjonijiet isostnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok għal analiżi ta’ attribuzzjoni meta jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dannu taħt l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-ġurisprudenza, iddeċidiet li, anki jekk il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni fattur li seta’ kkontribwixxa għad-dannu fl-analiżi ta’ attribuzzjoni tagħhom taħt l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, tali żball ma kienx ta’ natura li jimplika l-annullament tar-regolamenti kkontestati fil-proċeduri kkonċernati, u dan għaliex dawn l-istituzzjonijiet kienu wrew li dan il-fattur l-ieħor ma setax jikser ir-rabta kawżali. Minn dan isegwi, skont l-appellanti, li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi biss analiżi ta’ attribuzzjoni waħda, li titwettaq fl-istadju tad-determinazzjoni tar-rabta kawżali.

155

B’hekk, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li jitnaqqas id-dazju antidumping sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett ta’ fatturi oħra. Skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, ma hemm ebda obbligu ta’ dan it-tip fis-sistema tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jew fil-prassi tal-imsieħba kummerċjali prinċipali tal-Unjoni, li din tal-aħħar tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-premessa 4 tar-Regolament bażiku.

156

B’mod sussidjarju, il-Kunsill isostni li dan ir-raba’ aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat. Il-Kummissjoni ssostni, b’mod sussidjarju, li dan l-aggravju huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

157

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 205 sa 216 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ppermettiet lill-Kunsill jiffissa d-dazju antidumping f’livell li jikkumpensa d-dannu kkawżat minn fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping, bi ksur tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 9(4) ta’ dan ir-regolament. Huma jsostnu wkoll li, fil-punti 202 u 205 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalbet, indebitament, l-oneru tal-prova.

158

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu sostituzzjoni ta’ raġunijiet, filwaqt li jsostnu li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 185 u 191 sa 193 tas-sentenza appellata, tinkludi interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, sa fejn timplika li l-livell tad-dazji antidumping għandu jitnaqqas minħabba l-eżistenza ta’ fatturi, għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping, li jistgħu jaffettwaw id-dannu.

159

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li din it-talba għas-sostituzzjoni ta’ raġunijiet hija ammissibbli sa fejn tikkostitwixxi risposta għar-raba’ aggravju mressaq mill-appellanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 42), u li din it-talba tikkonċerna l-punti 185 u 191 sa 193 tas-sentenza appellata, li fihom, kif jirriżulta mill-punt 196 tal-istess sentenza, il-prinċipji li fuq il-bażi tagħhom il-Qorti Ġenerali eżaminat il-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti dwar is-sitt motiv ta’ annullament tagħhom u li l-evalwazzjoni tagħhom hija kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-raba’ aggravju.

160

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-analiżi tal-imsemmi raba’ aggravju, għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, il-fondatezza ta’ din it-talba għas-sostituzzjoni ta’ raġunijiet.

161

Fil-punt 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li għalkemm l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku ma kien jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ebda metodoloġija partikolari sabiex jiġi żgurat li d-dazju antidumping ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju sabiex jilqa’ għall-effetti dannużi tal-importazzjonijiet tal-prodott li huma s-suġġett tad-dumping, dawn l-istituzzjonijiet kellhom, f’dan il-kuntest, jieħdu inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet li kienu waslu għalihom fil-kuntest tal-analiżijiet imwettqa taħt l-Artikolu 3(6) u (7) ta’ dan ir-regolament.

162

Il-Qorti Ġenerali żżid, fil-punt 192 tas-sentenza appellata, li, li kieku kien differenti, kien ikun hemm riskju li l-miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali inkwistjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-għan imfittex minnhom, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-effetti dannużi, b’tali mod li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jagħtu wkoll protezzjoni kontra l-effetti negattivi ta’ fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping.

163

Issa, dan ir-raġunament ma huwiex ivvizzjat bi żball ta’ liġi.

164

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku jipprevedi li l-fatturi magħrufa, għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, li jikkawżaw fl-istess ħin dannu għall-industrija tal-Unjoni għandhom jiġu eżaminati b’mod li d-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jiġix attribwit lill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, fis-sens tal-Artikolu 3(6) ta’ dan ir-regolament. Dan l-artikolu tal-aħħar jispeċifika li għandu jintwera, permezz tal-provi rilevanti kollha ppreżentati, li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jikkawżaw dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

165

Fil-kuntest tad-determinazzjoni tiegħu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati jeżaminaw jekk id-dannu li jkollhom l-intenzjoni jieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra u, b’mod partikolari, id-dannu kkawżat mill-aġir tal-produtturi tal-Unjoni stess (sentenza tas-16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166

F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jivverifikaw jekk l-effetti ta’ dawn il-fatturi l-oħra kinux ta’ natura li jiksru r-rabta kawżali bejn, minn naħa, l-importazzjonijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Huma għandhom jivverifikaw ukoll, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li d-dannu attribwibbli lil dawn il-fatturi l-oħra ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-dannu, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, u li, għaldaqstant, id-dazju antidumping impost ma jaqbiżx dak li jkun neċessarju sabiex jiġi eliminat id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping (sentenza tas-16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167

Dan ir-rekwiżit tal-aħħar huwa bbażat fuq l-għan tar-regoli previsti fl-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, jiġifieri li l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex tikseb protezzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tpatti għall-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping (ara, f’dan is-sens, fil-qasam tas-sussidji, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C‑535/06 P, EU:C:2009:498, punt 90, kif ukoll, fil-qasam ta’ miżuri antidumping, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Transnational Company Kazchrome u ENRC Marketing vs Il-Kunsill, C‑10/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:865, punt 39).

168

Issa, f’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali qieset ġustament li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku huwa intiż ukoll li jiggarantixxi dan l-għan. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, meta mill-konstatazzjoni definittiva tal-fatti jirriżulta li hemm dumping u li hemm dannu li jirriżulta minn dan id-dumping u meta l-interess tal-Unjoni jeħtieġ li tittieħed azzjoni, il-Kunsill għandu jimponi dazju antidumping definittiv li l-ammont tiegħu ma għandux jaqbeż il-marġni ta’ dumping stabbilit, jew għandu jkun inqas minn dan il-marġni jekk dan id-dazju inqas ikun biżżejjed sabiex jelimina d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni.

169

Sabiex l-ammont tad-dazju antidumping, impost skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, ma jaqbiżx dak li jkun neċessarju sabiex jilqa’ għall-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping, huwa meħtieġ li dan l-ammont ma jiħux inkunsiderazzjoni l-effetti dannużi kkawżati minn fatturi oħra għajr dawn l-importazzjonijiet. Fi kliem ieħor, kif jirriżulta essenzjalment mill-punti 191 u 192 tas-sentenza appellata, huwa meħtieġ li l-Kunsill u l-Kummissjoni jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dan l-ammont, il-konklużjonijiet li għalihom dawn l-istituzzjonijiet ikunu waslu wara l-eżami dwar id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, fis-sens tal-Artikolu 3(6) u (7) ta’ dan ir-regolament.

170

Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, li, fl-ewwel sentenza tiegħu, jirreferi għad-“dumping u l-ħsara kkawżata minnu”. B’hekk, kif osservat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 189 tas-sentenza appellata, il-kelma “ħsara”, fl-aħħar sentenza tal-istess artikolu, għandha tinftiehem bl-istess mod, fis-sens li tirreferi għad-dannu li jirriżulta mid-dumping, jiġifieri d-dannu kkawżat biss mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping.

171

L-istess konstatazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li minnu jirriżulta li d-dazji antidumping għandhom jiġu ffissati f’ammont adegwat għal kull każ u għandhom jiġu imposti, b’mod mhux diskriminatorju, fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott, minn kwalunkwe sors li joriġinaw minnu, li fir-rigward tagħhom ikun ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u jikkawżaw dannu.

172

Għaldaqstant, it-talba għas-sostituzzjoni ta’ raġunijiet imressqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

173

Fir-rigward tal-aggravju invokat mill-appellanti, għandu fl-ewwel lok jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 164 sa 172 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma interpretatx l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku fis-sens li jippermetti lill-Kunsill jiffissa d-dazju antidumping f’livell li jikkumpensa d-dannu kkawżat minn fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping.

174

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali affermat, fil-punt 206 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ, mill-eżami tas-siltiet ikkonċernati tar-Regolament provviżorju u tar-Regolament bażiku ma jirriżultax li fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-dannu. Il-Qorti Ġenerali żiedet li dan huwa iktar u iktar il-każ fid-dawl tal-fatt li l-appellanti ma invokaw ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-analiżi tal-imsemmija fatturi.

175

Issa, fil-qasam tal-politika kummerċjali tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba n-natura kumplessa tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li jkollhom jeżaminaw (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C‑535/06 P, EU:C:2009:498, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jikkontestawx b’mod iddettaljat u speċifiku l-affermazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 206 tas-sentenza appellata, fis-sens li quddiemha huma ma kienu invokaw ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-analiżi, fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dannu, ta’ fatturi oħra għajr l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping.

177

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tal-appellanti dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali ppermettiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimponu livell ta’ dazju antidumping li jelimina kemm id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet kontenzjużi u kemm id-dannu kkawżat minn fatturi oħra ma tistax tintlaqa’.

178

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-prova, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu jeżaminaw jekk id-dannu li jkollhom l-intenzjoni jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jadottaw il-miżura antidumping jirriżultax effettivament mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u jinjoraw kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra. Madankollu, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 188 tas-sentenza appellata, huma l-partijiet li jinvokaw l-illegalità ta’ regolament antidumping li għandhom iressqu provi ta’ natura li juru li fatturi oħra għajr dawk marbuta mal-importazzjonijiet seta’ kienu ta’ portata tali li kienu ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni l-eżistenza tar-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punti 4142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

179

F’dan ir-rigward, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, quddiemha, l-appellanti ma ppreżentaw ebda argument u, wisq inqas, ebda prova ta’ natura li juru li l-fatturi li għalihom irreferew kellhom impatt ta’ portata tali li l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ma kinux għadhom affidabbli fil-konfront tal-obbligu tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jinjoraw kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra. Issa, tali affermazzjoni ma ġietx ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

180

Barra minn hekk, fil-punt 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat li l-appellanti la kkontestaw u lanqas ma wrew quddiemha n-natura żbaljata tal-allegazzjoni tal-Kunsill li kwantifikazzjoni tal-effetti attribwibbli lil fatturi oħra ma kinitx possibbli. Issa, l-appellanti, fl-appell tagħhom, ma jikkontestawx din l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-assenza ta’ kontestazzjoni min-naħa tagħhom, fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza, tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill.

181

B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji dwar il-produzzjoni tal-prova.

182

Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

183

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

184

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

185

L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

186

Peress li Canadian Solar Emea, Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Csi Cells Co. kif ukoll Csi Solar Power tilfu fir-rigward tal-appell prinċipali tagħhom, u peress li l-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni talbu li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li dawn il-kumpanniji jiġu kkundannati għall-ispejjeż marbuta mal-imsemmi appell.

187

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa wkoll applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-Kummissjoni, li intervjeniet fil-proċedura dwar l-appell prinċipali, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

188

Peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-appell inċidentali tagħha, u peress li Canadian Solar Emea, Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Csi Cells Co. kif ukoll Csi Solar Power talbu li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appell inċidentali.

189

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa wkoll applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-Kunsill, li intervjena fil-proċedura dwar l-appell inċidentali, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

Canadian Solar Emea GmbH, Canadian Solar Manufacturing (Changshu) Inc., Canadian Solar Manufacturing (Luoyang) Inc., Csi Cells Co. Ltd u Csi Solar Power Group Co. Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż marbuta mal-appell prinċipali.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta mal-appell prinċipali.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-appell inċidentali.

 

5)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu marbuta mal-appell inċidentali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.