SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(1) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza – Drittijiet għal leave annwali mħallas skont l-anzjanità tal-impjegat mal-persuna li timpjega – Teħid inkunsiderazzjoni parzjali biss tal-perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa ma’ persuni li jimpjegaw oħra – Dritt soċjali – Diskrepanza bejn is-sistemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri”

Fil-Kawża C‑437/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH

vs

EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, F. Biltgen u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH, minn S. Ameshofer, kif ukoll minn G. Storch u R. Storch, Rechtsanwälte, assistiti minn K. Mayr, espert,

għal EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH, minn F. Marhold, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH (il-Kumitat tax-Xogħlijiet tal-kumpannija EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH, iktar ’il quddiem il-“Kumitat tax-Xogħlijiet ta’ Eurothermen”) (iktar ’il quddiem “Eurothermen”) u, EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH (iktar ’il quddiem “Eurothermen”), dwar it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod parzjali biss, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas tal-impjegati ta’ din tal-aħħar, ta’ perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa minnhom ma persuni li jimpjegaw oħra.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi li:

“Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa' mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.”

Id-dritt Awstrijak

4

L-Artikolu 2(1) tal-Urlaubsgesetz (il-Liġi dwar il-Leave), tas-7 ta’ Lulju 1976 (BGBl. 1976/390, kif ippubblikata fil-BGBl. I, 2013/3 (iktar ’il quddiem l-“UrlG”) huwa fformulat b’dan il-mod:

“Il-ħaddiem għandu dritt, għal kull sena ta’ xogħol, għal leave imħallas mhux interrott. It-tul tal-leave għandu jkun ta’ 30 jum tax-xogħol jekk il-perijodu ta’ servizz tiegħu jkun inqas minn 25 sena u ta’ 36 jum tax-xogħol meta tkun ikkompletata l-ħamsa u għoxrin sena.”

5

L-Artikolu 3 tal-UrlG jipprovdi:

“1.   Għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave, il-perijodi ta’ attività mwettqa mal-istess persuna li timpjega li ma ġewx interrotti b’perijodi ta’ iktar minn 3 xhur għandhom jiġu ttotalizzati.

[…]

2.   Għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:

1)

kull perijodu ta’ attività mwettqa fit-territorju nazzjonali […] fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol oħra jekk din tkun damet, f’kull każ, minn tal-anqas 6 xhur;

[…]

3.   il-perijodi msemmija fil-punt 1 tal-paragrafu (2) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala total, biss sa ħames snin […]

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Eurothermen hija kumpannija attiva fis-settur tat-turiżmu. Hija għandha s-sede tagħha f’Bad Schallerbach (l-Awstrija) u timpjega numru ta’ ħaddiema li jkunu wettqu perijodi ta’ attività preċedenti, ma’ persuni li jimpjegaw oħra, fit-territorju ta’ Stati Membri differenti mir-Repubblika tal-Awstrija.

7

Il-Kumitat tax-Xogħlijiet ta’ Eurothermen ressaq, bħala korp kompetenti għall-impjegati ta’ Eurothermen, talba skont il-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 54(1) tal-Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz (il-Liġi dwar il-Kompetenzi u l-Proċeduri fil-Qasam tas-Sigurtà Soċjali u tad-Dritt tax-Xogħol), tas-7 ta’ Marzu 1985 (BGBl. 104/1985).

8

Din it-talba, diretta kontra Eurothermen, tikkonċerna d-drittijiet għal leave annwali mħallsa tal-ħaddiema ta’ din il-kumpannija li wettqu perijodi ta’ attività preċedenti, ma’ persuni li jimpjegaw oħra, fit-territorju ta’ Stati Membri differenti mir-Repubblika tal-Awstrija.

9

Skont il-Kumitat tax-Xogħlijiet ta’ Eurothermen, il-fatt li l-punt 1 tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tal-UrlG jillimita sa ħames snin it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa ma’ persuni li jimpjegaw oħra stabbiliti fi Stati Membri oħra jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, iggarantit mill-Artikolu 45 TFUE.

10

Dan isostni li, skont id-dritt tal-Unjoni, tali perijodi ta’ attività preċedenti għandhom jingħaddu fl-intier tagħhom, b’tali mod li kull ħaddiem li jiġġustifika 25 sena ta’ esperjenza professjonali jkollu d-dritt għas-sitt ġimgħa ta’ leave skont l-Artikolu 2(1) tal-UrlG.

11

It-talba mressqa mill-Kumitat tax-Xogħlijiet ta’ Eurothermen ġiet miċħuda fl-ewwel istanza mil-Landesgericht Wels (il-Qorti Reġjonali ta’ Wels, l-Awstrija) u, fl-appell, mill-Oberlandesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz, l-Awstrija).

12

Adita b’appell fil-kassazzjoni, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta fid-dawl tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jew ostakolu fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE. Kieku dan kien il-każ, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tqis li tqum barra minn hekk il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni ta’ din l-iskema.

13

F’dan ir-rigward, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tispjega li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha stess u duttrina unanima, l-Artikolu 3(2)(1) tal-UrlG għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ attività mwettqa ma’ persuni li jimpjegaw nazzjonali u mhux nazzjonali għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Għalhekk, minkejja l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa barra mill-pajjiż għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll sa, bħala massimu, perjodu totali ta’ ħames snin.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 45 TFEU u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011/KE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali [dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-punt 1 tal-Artikolu 3(2), tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 2(1) tal-Urlaubsgesetz (liġi dwar il-leave)], li skontha ħaddiem li jkollu total ta’ 25 sena servizz, iżda li ma jkunx wettaqhom mal-istess persuna li timpjega Awstrijaka, jibbenefika biss minn leave annwali ta’ 5 ġimgħat, filwaqt li ħaddiem li jkun wettaq 25 sena servizz mal-istess persuna li timpjega Awstrijaka għandu dritt għal sitt ġimgħat leave fis-sena?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ħaddiem b’total ta’ 25 sena ta’ attività professjonali huwiex intitolat għal żieda fil-leave annwali mħallas tiegħu minn 5 għal 6 ġimgħat, tipprevedi li s-snin imwettqa fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol waħda jew diversi preċedenti għal dik mibdija mal-persuna li attwalment timpjegah jiswew biss sa massimu ta’ 5 snin ta’ attività professjonali, anki jekk l-għadd reali tagħhom ikun itwal minn 5 snin.

Fuq l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011

16

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(2) TFUE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi biss espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-imsemmi Artikolu 45(2) fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg kif ukoll ta’ xogħol, u għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat bl-istess mod bħal dan l-aħħar artikolu (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, iktar ’il quddiem is-“sentenza SALK, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

B’hekk, peress li d-drittijiet għal leave annwali mħallas irrikonoxxuti lill-ħaddiema mingħajr dubju jifformaw parti mill-qasam tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti.

18

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilita kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, SALK, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner, C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, għalkemm applikabbli b’mod indistint skont iċ-ċittadinanza, għandha titqies bħala indirettament diskriminatorja meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa kemm lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra kif ukoll lill-ħaddiema nazzjonali u, konsegwentement, toħloq ir-riskju li tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan segwit (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, C‑496/15, Eschenbrenner, EU:C:2017:152, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

F’dan il-każ, skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) sa (3) tal-UrlG, id-dritt għal-leave annwali mħallas ikun jammonta, wara 25 sena ta’ attività professjonali, għal sitt ġimgħat meta l-perijodi ta’ attività jkunu ġew ikkompletati mal-persuna li timpjega attwali. Jekk il-ħaddiem kien preċedentement attiv ma’ persuna li timpjega waħda jew iktar, huwa biss perijodu massimu ta’ 5 snin imwettaq ma dawn tal-aħħar li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. Għalhekk, sabiex ikun intitolat għal 6 ġimgħat ta’ leave annwali mħallas, ħaddiem għandu jkun jew wettaq 25 sena attività professjonali mal-persuna li timpjegah attwalment, jew wettaq total ta’ 25 sena ta’ attività professjonali billi jkun wettaq mill-inqas 20 mal-persuna li timpjegah attwalment.

21

Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, għalkemm il-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 3(2) tal-UrlG jirreferi biss għall-attivitajiet preċedenti mwettqa “fit-territorju nazzjonali”, skont ġurisprudenza kostanti tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) u duttrina unanima, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa minn ħaddiem ma’ persuni li jimpjegaw oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod identiku, sa massimu ta’ perjodu totali ta’ ħames snin, kemm jekk ikunu twettqu fit-territorju nazzjonali jew fi Stat Membru ieħor.

22

F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 45(2) TFUE u għall-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011, għandu jiġi osservat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistabbilixxi, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema skont l-anzjanità tagħhom mal-persuna li timpjegahom attwalment. Fil-fatt, skont din il-leġiżlazzjoni, is-snin maħduma ma’ persuna li timpjega preċedenti waħda jew iktar jgħoddu biss sa massimu ta’ 5 snin ta’ attività professjonali anki jekk l-għadd reali tagħhom huwa itwal minn 5 snin, b’tali mod li ħaddiem b’total ta’ 25 sena ta’ attività professjonali u li ħadem mill-inqas 20 sena mal-persuna li timpjegah attwalment huwa intitolat għal 6 ġimgħat ta’ leave annwali mħallas, filwaqt li ħaddiem b’total ta’ 25 sena ta’ attività professjonali iżda mingħajr ma jkun ħadem 20 sena mal-persuna li timpjegah attwalment ikun biss intitolat għal 5 ġimgħat ta’ leave annwali mħallas.

23

Minn dan isegwi li peress li tali leġiżlazzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha li ħadmu mill-inqas 25 sena ta’ attività, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, din ma tistax toħloq diskriminazzjoni bbażata direttament fuq in-nazzjonalità.

24

Skont il-Kumitat tax-Xogħlijiet ta’ Eurothermen u l-Kummissjoni Ewropea, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala indirettament diskriminatorja. Fil-fatt, il-ħaddiema Awstrijaċi jirrisjedu fil-parti l-kbira tagħhom fl-Awstrija u jibdew il-karrieri professjonali tagħhom hemm, u b’hekk jistgħu faċilment jibqgħu b’mod mhux interrott fis-servizz tal-istess persuna li timpjega għal 25 sena u, għaldaqstant, jibbenefikaw mis-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas, skont l-Artikolu 2(1) tal-UrlG. F’dan il-kuntest, biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira tal-ħaddiema li jissodisfaw il-kundizzjoni tal-25 sena ta’ anzjanità prevista fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG huma Awstrijaċi.

25

Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li normalment jibdew il-karriera professjonali tagħhom fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, jissieħbu ma’ persuna li timpjega Awstrijaka biss iktar tard matul il-karriera tagħhom. B’dan il-mod, ikun iktar diffiċli li tinkiseb l-anzjanità meħtieġa sabiex jibbenefikaw, l-istess bħall-ħaddiema Awstrijaċi, mis-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas. F’dan ir-rigward, il-maġġoranza tal-ħaddiema milquta mit-teħid inkunsiderazzjoni parzjalment biss tal-perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa ma’ persuni li jimpjegaw oħrajn, stabbilita fl-Artikolu 3(3) tal-UrlG, huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

26

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tqiegħed fi żvantaġġ lill-ħaddiema kollha, kemm Awstrijaċi kif ukoll ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li jkollhom total ta’ 25 sena ta’ attività professjonali, iżda mingħajr ma jkunu wettqu mill-inqas 20 sena mal-persuna li timpjegahom attwalment meta mqabbla ma’ dawk li jkollhom total ta’ 25 sena ta’ attività professjonali u li jkunu wettqu mill-inqas 20 sena mal-persuna li timpjegahom attwalment. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din l-ewwel kategorija ta’ ħaddiema, il-fatt li jkunu bidlu l-impjieg tagħhom għandu l-effett li l-esperjenza professjonali miksuba ma’ persuni li jimpjegaw preċedenti tittieħed inkunsiderazzjoni biss sa massimu ta’ 5 snin previst fl-Artikolu 3(3) tal-UrlG.

27

Sabiex din id-differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema skont l-anzjanità tagħhom mal-persuna li timpjegahom attwalment titqies bħala indirettament diskriminatorja, fis-sens tal-Artikolu 45(2) TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011, din għandha tkun tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema nazzjonali.

28

Issa, kuntrarjament għal dak li josservaw il-Kumitat tax-Xogħlijiet ta’ Eurothermen u l-Kummissjoni, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li xejn ma jindika li l-ħaddiema Awstrijaċi normalment jibqgħu jaħdmu mal-persuna li timpjegahom attwalment għal 25 sena. Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li din il-leġiżlazzjoni tagħti vantaġġ b’mod partikolari lill-ħaddiema Awstrijaċi meta mqabbla maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

29

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi konkluż li l-ħaddiema milquta mit-teħid inkunsiderazzjoni limitat tal-perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa ma’ persuni li jimpjegaw oħrajn, stabbilit fl-Artikolu 3(3) tal-UrlG, huma fil-maġġoranza tagħhom ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

30

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li huwa argumentat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, jekk jitqies li huwa vverifikat li l-maġġoranza tal-ħaddiema li jissodisfaw il-kriterju tal-25 sena anzjanità previst fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG huma ta’ nazzjonalità Awstrijaka, dan fih innifsu ma jippermettix li jiġi konkluż, hekk kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, li l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra huma suġġetti għal diskriminazzjoni indiretta.

31

It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-argument tagħha la, b’mod ġenerali, fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “indirettament diskriminatorja” ma tirrikjedix li hija jkollha bħala effett li tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u lanqas, b’mod dirett, fuq ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799).

32

Fil-fatt, minn naħa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti hija biss rilevanti jekk ikun stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taffettwa iktar lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema nazzjonali. Issa, peress li, f’dan il-każ, dan ma huwiex il-każ, din il-ġurisprudenza ma tistax isservi bħala bażi sabiex jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni għandha titqies bħala indirettament diskriminatorja.

33

Min-naħa l-oħra, il-kawża li tat lok għas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799), kienet tirrigwarda lill-impjegati ta’ kollettività territorjali li għalihom il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet intiża sabiex tippermetti l-mobbiltà fi ħdan grupp ta’ persuni li jimpjegaw distinti u mhux sabiex tippremja l-lealtà tal-ħaddiem lejn persuna li timpjega determinata. Minn dan isegwi li r-raġunament żviluppat f’din is-sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi traspost għall-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din tal-aħħar hija intiża preċiżament sabiex tippremja l-lealtà ta’ ħaddiema lejn il-persuna li timpjegah attwalment.

34

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema skont l-anzjanità tagħhom mal-persuna li timpjegahom attwalment, ma tistax titqies bħala ta’ natura indirettament diskriminatorja fir-rigward tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra u, għaldaqstant, bħala li tikser l-Artikolu 45(2) TFUE.

Skont l-Artikolu 45(1) TFUE

35

Għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, ipprojbit mill-Artikolu 45(1) TFUE.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, l-Artikolu 45 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat relattivi għall-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jisfavorixxu lil dawn iċ-ċittadini meta dawn tal-aħħar ikunu jixtiequ jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, id-dritt, li huma jiksbu direttament mit-Trattat, li jitilqu mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu fih, bil-għan li jeżerċitaw attività hemmhekk (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Madankollu, id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiem li ċaqliq, lejn Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, ma huwiex ser ikollu impatt fil-qasam tas-sigurtà soċjali, billi dan iċ-ċaqliq, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż għall-persuna kkonċernata f’dan il-qasam (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi biss li l-ħaddiema li jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2019, Zyla, C‑272/17, EU:C:2019:49, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali kunsiderazzjonijiet japplikaw kemm għal ħaddiem li jkun jixtieq jitlaq lil persuna li timpjega suġġetta għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, kif ukoll għal ħaddiem, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, attirat minn impjieg fl-Awstrija.

40

Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw il-Kumitat tax-Xogħlijiet ta’ Eurothermen u l-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ta’ natura li tiddiswadi lill-ħaddiema Awstrijaċi li biħsiebhom jitilqu lill-persuna li timpjegahom attwalment biex jingħaqdu ma’ persuna li timpjega fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jkunu jixtiequ li sussegwentement jirritornaw fis-servizz tal-persuna li kienet timpjegahom inizjalment. Għandu jiġi nnotat, kif għamel l-Avukat Ġenerali, fil-punti 60 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali argumentazzjoni hija bbażata fuq numru ta’ ċirkustanzi inċerti u indiretti wisq sabiex din il-leġiżlazzjoni tkun tista’ titqies li hija tali li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf, C‑190/98, EU:C:2000:49, punt 25).

41

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema”, ipprojbit skont l-Artikolu 45(1) TFUE.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ħaddiem b’total ta’ 25 sena ta’ attività professjonali huwiex intitolat għal żieda fil-leave annwali mħallas tiegħu minn 5 għal 6 ġimgħat, tipprevedi li s-snin imwettqa fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol waħda jew diversi preċedenti għal dik mibdija mal-persuna li attwalment timpjegah jiswew biss sa massimu ta’ 5 snin ta’ attività professjonali, anki jekk l-għadd reali tagħhom ikun itwal minn 5 snin.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 45 TFUE u 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ħaddiem b’total ta’ 25 sena ta’ attività professjonali huwiex intitolat għal żieda fil-leave annwali mħallas tiegħu minn 5 għal 6 ġimgħat, tipprevedi li s-snin imwettqa fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol waħda jew diversi preċedenti għal dik mibdija mal-persuna li attwalment timpjegah jiswew biss sa massimu ta’ 5 snin ta’ attività professjonali, anki jekk l-għadd reali tagħhom ikun itwal minn 5 snin.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.