SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 528/2012 – Artikolu 3(1)(a) u (ċ) – Kunċett ta’ ‘prodott bijoċidali’ – Kunċett ta’ ‘sustanza attiva’ – Prodott batterjali li fih l-ispeċi Bacillus ferment – Mod ta’ azzjoni li ma huwiex sempliċement azzjoni fiżika jew mekkanika – Mod ta’ azzjoni indirett – Perijodu li fih jaġixxi l-prodott”
Fil-Kawża C‑592/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura
Darie BV
vs
Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Darie BV, minn H. Lamon u J. A. M. Jonkhout, advocaten, |
|
– |
għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, inizjalment minn G. Hesse, sussegwentement minn J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Norveġiż, minn J. T. Kaasin u T. Skjeie, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek u R. Lindenthal, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 280, p. 57). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Darie BV, kumpannija kummerċjali attiva fis-suq tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti ta’ manutenzjoni, ta’ tindif u ta’ ħasil, u l-iStaatssecretaris van Infrastructuur en Milieu (is-Segretarju tal-Istat għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li permezz tagħha dan tal-aħħar ordnalha twaqqaf it-tqegħid fis-suq ta’ prodott li s-Segretarju tal-Istat ikklassifika bħala “prodott bijoċidali” u li ma kienx ġie awtorizzat. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 528/2012
|
3 |
Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 528/2012 hija fformulata kif ġej: “Ir-regoli dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali ġewwa l-Komunità ġew mid-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3)]. Hemm il-ħtieġa li dawk ir-regoli jiġu adattati fid-dawl tal-esperjenza u b’mod partikolari r-rapport dwar l-ewwel seba’ snin tal-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva mressaq mill-Kummissjoni quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li janalizza l-problemi fir-rigward ta’ dik id-Direttiva u d-dgħufijiet tagħha.” |
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u suġġett”, jipprovdi: “1. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li l-għan tiegħu hu li jkunu salvagwardjati s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. […] 2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għal:
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti bijoċidali u oġġetti ttrattati. Lista tat-tipi tal-prodotti bijoċidali koperti b’dan ir-Regolament u d-deskrizzjonijiet tagħhom hija stabbilita fl-Anness V.” |
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[…]
[…]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 528/2012 jipprovdi: “Il-prodotti bijoċidali ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw sakemm ma jkunux awtorizzati skont dan ir-Regolament.” |
|
8 |
L-Anness V ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tipi ta’ prodotti bijoċidali u d-deskrizzjonijiet tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)”, jikklassifika dawn il-prodotti f’erba’ gruppi, jiġifieri d-diżinfettanti, il-prodotti preżervattivi, il-prodotti għall-kontroll tal-infestazzjonijiet u l-prodotti bijoċidali l-oħra. Dan l-anness jispeċifika, minn naħa, li d-diżinfettanti ma jinkludux il-prodotti tat-tindif li ma humiex intiżi li jkollhom effett bijoċidali u, min-naħa l-oħra, li l-prodotti preżervattivi, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, jinkludu biss prodotti intiżi li jipprevjenu l-iżvilupp ta’ mikrobi u ta’ alka. |
Id-Direttiva 98/8
|
9 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/8, intitolat “Id-definizzjonijiet”, li tħassret u li ġiet issostitwita bir-Regolament Nru 528/2012, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004
|
10 |
Fil-premessa 21 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 49), huwa indikat li “wieħed iżomm quddiem għajnejh li hemm leġislazzjoni orizzontali oħra applikabbli għal surfactants ta’ diterġenti”, leġiżlazzjoni li tinkludi d-Direttiva 98/8. |
|
11 |
Il-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “diterġent” għall-finijiet tal-imsemmi regolament. |
Id-dritt Olandiż
|
12 |
L-Artikolu 1 tal-Wet gewasbeschermingsmiddelen en biociden (il-Liġi dwar il-Prodotti tas-Saħħa tal-Pjanti u Bijoċidi, iktar ’il quddiem il-“Wgb”), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ din il-liġi u tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tagħha għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet: […] Prodotti bijoċidali: il-prodotti bijoċidali msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament [Nru 528/2012]; […]” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 43 tal-Wgb, intitolat “Ksur tar-Regolament”: “1. Huwa pprojbit it-twettiq ta’ att li jmur kontra l-Artikolu 17(1), (5) u (6) […] tar-Regolament [Nru 528/2012] jew ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni tagħhom. […]” |
|
14 |
L-Artikolu 86 tal-Wgb, intitolat “Miżuri amministrattivi ta’ infurzar”, jipprevedi: “Il-Ministru huwa awtorizzat jimponi ordni permezz ta’ miżura amministrattiva ta’ infurzar sabiex jiżgura l-osservanza tar-regoli stabbiliti fi jew bis-saħħa ta’ din il-liġi u tal-Artikolu 5:20 tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Kodiċi Amministrattiv) sa fejn ikun involut l-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-uffiċjali indikati taħt l-Artikolu 82.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2017, is-Segretarju tal-Istat, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 43 u 86 tal-Wgb u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 528/2012, ordna lil Darie, suġġett għal pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 1000 fil-ġimgħa sa massimu ta’ EUR 25000, sabiex twaqqaf it-tqegħid fis-suq ta’ Pure Air, prodott li huwa kklassifika bħala “prodott bijoċidali” u li ma kienx ġie awtorizzat mill-awtorità kompetenti, jiġifieri mill-College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden (il-Korp li Jawtorizza l-Prodotti tas-Saħħa tal-Pjanti u Bijoċidi, il-Pajjiżi l-Baxxi). |
|
16 |
Darie ppreżentat ilment kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat filwaqt li sostniet li dan kien wettaq żball meta kklassifika Pure Air bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012. |
|
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2017, is-Segretarju tal-Istat ċaħad dan l-ilment. |
|
18 |
Darie ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn ikkontestat il-klassifikazzjoni ta’ Pure Aire bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012. Skont din il-kumpannija, Pure Air għandu effett probijotiku u mhux bijoċidali, sa fejn l-ispeċi batterjali Bacillus ferment li tinsab f’dan il-prodott tiġġenera enzimi li jassorbu u jiddiġerixxu kwalunkwe residwi organiċi li kienu jintużaw bħala ikel mill-mikroorganiżmi, b’tali mod li, fuq il-wiċċ ittrattat bl-imsemmi prodott, ma jistax ikun hemm bijotopi li fihom jistgħu jiżviluppaw mikroorganiżmi bħall-moffa. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li t-tikketta ta’ Pure Air tiddeskrivi dan il-prodott bħala likwidu kkonċentrat bijodegradabbli li jitbexxex, li fih probijotiċi u li jinkludi b’mod partikolari l-ispeċi batterjali Bacillus ferment, u li għandu jintuża “sabiex tiġi żgurata l-assenza ta’ moffa” u sabiex “jitneħħew u jitwaqqfu rwejjaħ mhux pjaċevoli”, billi tingħata mikroflora b’saħħitha u sigura fuq l-uċuħ imbexxa. L-istruzzjonijiet għall-użu ta’ Pure Air jispeċifikaw, minn naħa, li, qabel jitbexxex dan il-prodott fuq l-uċuħ li għandhom jiġu ttrattati, kien meħtieġ li titneħħa l-moffa “sabiex ikun hemm bidu ġdid” u, min-naħa l-oħra, li “sabiex ma tiġix lura l-moffa, huwa meħtieġ li t-tbexxix ta’ [Pure Air] isir darba kull tlieta jew erba’ ġimgħat, skont l-umdità li jkun hemm fil-kamra”. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li, fit-22 ta’ Marzu 2017, is-sit internet ta’ Darie kien juri informazzjoni fis-sens li “[i]l-prodotti ta’ tindif probijotiċi jiffunzjonaw bħal tekniki ta’ tindif konvenzjonali. Dawn il-prodotti jneħħu l-ħmieġ viżibbli. Madankollu, hemm differenza importanti. Patoġeni potenzjali bħal moffa u batterji dannużi jisparixxu. L-għadd ta’ batterji u moffa ħżiena huwa mnaqqas sew bit-tneħħija tal-bażi nutrittiva tagħhom. Barra minn hekk, il-prodott huwa sigur u sostenibbli. Il-bażi tikkonsisti f’batterji tajbin u f’ilma, u għalhekk il-prodott huwa l-iktar prodott li jirrispetta l-ambjent li wieħed jista’ jsib fis-suq professjonali”. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-azzjoni ta’ Pure Air kif invokata minn Darie, jiġifieri li ma jiġux miġġielda l-organiżmi ta’ ħsara iżda pjuttost il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi, taqax taħt il-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
23 |
Darie ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda għaliex il-qorti tar-rinviju għandha l-elementi kollha li jippermettulha, mingħajr ma jkun meħtieġ li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, tikkonstata li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex prodott bijoċidali. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Marzu 2012, Söll (C‑420/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Söll”, EU:C:2012:111), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat risposta għall-ewwel domanda. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha, u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinita minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Issa, f’dan il-każ, quddiem il-qorti tar-rinviju hija pendenti tilwima li tikkonċerna, essenzjalment, il-klassifikazzjoni tal-prodott Pure Air bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012. Peress li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “prodott bijoċidali” u ta’ “sustanza attiva” fis-sens ta’ dan ir-regolament, u peress li hija tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula, ma hemm ebda dubju li l-imsemmija domandi huma rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imfakkra fil-punt preċedenti, huma ssodisfatti. |
|
27 |
Għalhekk, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel domanda
|
28 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri prodotti li fihom waħda jew iktar speċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra li, minħabba l-mod ta’ azzjoni speċifika tagħhom, ma għandhomx effett dirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom huma maħsuba iżda fuq il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi ta’ ħsara u, skont il-każ, liema kundizzjonijiet għandha tissodisfa azzjoni ta’ dan it-tip. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, peress li r-Regolament Nru 528/2012 ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 98/8, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tgħodd ukoll għal dan ir-regolament fejn id-dispożizzjonijiet taż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C‑417/15, EU:C:2016:881, punt 26; tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 31; u tal-15 ta’ Novembru 2018, Kuhn, C‑308/17, EU:C:2018:911, punt 31). |
|
30 |
Fil-punt 31 tas-sentenza Söll, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 kellu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-prodotti li jaġixxu biss b’mod indirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom ikunu maħsuba, meta dawn il-prodotti jkun fihom sustanza attiva waħda jew iktar li timplika azzjoni, kimika jew bijoloġika, li tagħmel parti integrali minn katina ta’ kawżalità li l-għan tagħha jkun li jiġi prodott effett inibitorju għall-imsemmija organiżmi. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, fil-punt 24 tas-sentenza Söll, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 kien isawwar id-definizzjoni ta’ prodotti bijoċidali madwar tliet elementi kumulattivi. Dawn kienu marbuta mal-preżenza, fil-prodott, ta’ “sustanza attiva”, mal-fatt li dan il-prodott ikun intiż li jintlaħqu ċerti għanijiet u mal-mod ta’ azzjoni kimika jew bijoloġika tiegħu. Il-konklużjoni misluta mil-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 31 ta’ din is-sentenza kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq analiżi tat-tieni element ta’ din id-definizzjoni, moqri fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva. |
|
32 |
Issa, l-analiżi komparattiva tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 u tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 turi li dan l-element huwa fformulat b’mod identiku fiż-żewġ dispożizzjoni, fis-sens li l-klassifikazzjoni bħala “prodott bijoċidali” hija, b’mod partikolari, suġġetta għall-fatt li l-prodotti inkwistjoni jkollhom l-“intenzjoni li jeqirdu, jimpedixxu, jrendu mhux dannuż, jipprevjenu l-azzjoni ta’, jew li jeżerċitaw b’mod ieħor effett ta’ kontroll fuq kwalunkwe organiżmu ta’ ħsara bi kwalunkwe mezz”. |
|
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, l-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza Söll, fis-sens li huma koperti mill-kunċett ta’ “prodott bijoċidali” mhux biss l-effett diretti iżda wkoll l-effetti indiretti ta’ prodott, għadha għalhekk applikabbli għall-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012. |
|
34 |
Tali interpretazzjoni hija koerenti wkoll mal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sustanza attiva”, li minnha jista’ jkun ikkostitwit prodott bijoċidali, bħala “sustanza jew mikroorganiżmu li jaġixxu fuq jew kontra organiżmi ta’ ħsara”. Iż-żewġ partijiet alternattivi ta’ dan il-kunċett, jiġifieri azzjoni “fuq” l-organiżmi ta’ ħsara u azzjoni “kontra” dawn l-organiżmi, jikkonfermaw li tali kunċett ma jinkludix biss l-azzjonijiet diretti fuq l-organiżmi ta’ ħsara, iżda wkoll l-azzjonijiet indiretti kontra dawn l-organiżmi, bil-kundizzjoni li l-effetti tagħhom jagħmlu parti integrali minn katina ta’ kawżalità li l-għan tagħha huwa li tipprodoċi effetti inibitorju għall-imsemmija organiżmi. |
|
35 |
Mill-banda l-oħra, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-mod ta’ azzjoni ta’ prodott bijoċidali, l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, b’differenza mill-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8, ma jillimitax dan il-mod ta’ azzjoni għal “azzjoni kimika jew bijoloġika”, iżda jestendih għal “kwalunkwe mezz għajr b’azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika”. |
|
36 |
Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tagħha, dan ir-regolament ma inkludiex il-proposta tal-Kummissjoni li l-kunċett ta’ “prodott bijoċidali” jiġi limitat espliċitament għall-effetti bijoloġiċi u kimiċi, kif kien jipprevedi l-Artikolu 3(1)(a) tal-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2009 għal regolament dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (KUMM(2009) 267 finali). |
|
37 |
L-estensjoni tad-definizzjoni tal-mod ta’ azzjoni ta’ prodott bijoċidali, introdotta permezz tar-Regolament Nru 528/2012, hija koerenti mal-għan, imfakkar fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, li r-regoli tad-Direttiva 98/8 jiġu adattati “fid-dawl tal-esperjenza” miksuba u li jiġi ggarantit livell ta’ protezzjoni ikbar tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent. |
|
38 |
Minn dan isegwi li l-fatt li prodott ikollu effett probijotiku, u mhux kimiku, ma jipprekludix, fih innifsu, il-klassifikazzjoni tiegħu bħala “prodott bijoċidali” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012. Għall-kuntrarju, sakemm l-effett probijotiku ta’ prodott jirriżulta minn “kwalunkwe mezz għajr b’azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fiha jkunu ssodisfatti, dan il-prodott jaqa’, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. |
|
39 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri prodotti li fihom waħda jew iktar speċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra li, minħabba l-mod ta’ azzjoni speċifika tagħhom, ma jaġixxux, bħala prinċipju, b’mod dirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom huma maħsuba iżda fuq il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi ta’ ħsara, bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti jinvolvu azzjoni li ma hijiex azzjoni sempliċement fiżika jew mekkanika u li tagħmel parti integrali minn katina ta’ kawżalità li l-għan tagħha jkun li tipproduċi effett inibitorju għall-imsemmija organiżmi. |
Fuq it-tieni domanda
|
40 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li prodott ma għandux jiġi applikat fuq il-wiċċ li għandu jiġi ttrattat qabel ma jiġu eliminati l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu jinsabu fuq dan il-wiċċ għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, liema huwa l-kriterju li fid-dawl tiegħu għandu jiġi evalwat jekk il-wiċċ li għandu jiġi ttrattat huwiex effettivament ħieles minn dawn l-organiżmi wara l-imsemmija eliminazzjoni. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-gradazzjoni tal-għanijiet tal-prodotti bijoċidali mwettqa fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 telenka l-għanijiet tal-prodotti bijoċidali. Dawn l-għanijiet ivarjaw mill-qerda tal-organiżmi ta’ ħsara sal-prevenzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Söll, punt 28). Barra minn hekk, l-Anness V ta’ dan ir-regolament, li jinkludi l-lista tal-prodotti bijoċidali koperti mill-imsemmi regolament, jinkludi f’din il-lista prodotti b’azzjoni preventiva li ġeneralment jintużaw f’kuntesti fejn ma jkunx hemm organiżmi ta’ ħsara. |
|
42 |
Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012, għandu jinftiehem b’mod wiesa’ u jkopri, b’mod partikolari, prodotti ta’ prevenzjoni. Din l-interpretazzjoni wiesgħa hija kkorroborata mill-għan stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jiġi żgurat “livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-annimali u tal-ambjent”. |
|
43 |
Issa, dan l-għan ma jistax jintlaħaq kompletament jekk prodotti li fihom “sustanzi attivi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012, ma jiġux ikklassifikati bħala “prodotti bijoċidali” minħabba li għandhom effett sempliċement preventiv fuq l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom huma maħsuba u ma jiġux suġġetti għar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u dwar l-użu ta’ tali prodotti stabbiliti permezz ta’ dan ir-regolament. |
|
44 |
Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 27 tas-sentenza Söll, hija l-preżenza stess tas-sustanza attiva bħala tali li tista’ tippreżenta riskju għall-ambjent, irrispettivament minn jekk din is-sustanza taġixxix b’mod dirett jew indirett fuq l-organiżmi li għalihom tkun maħsuba. |
|
45 |
Fit-tieni lok, il-qerda tal-organiżmi ta’ ħsara ma hijiex meħtieġa mill-kunċett ta’ “sustanza attiva”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012. Fil-fatt, meta l-ispeċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra ta’ prodott jipprekludi l-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom ikun maħsub, billi jeliminaw il-bażi nutrittiva tagħhom, huma jaġixxu, bħala sustanza attiva, kontra dawn l-organiżmi b’mod preventiv. |
|
46 |
B’hekk, il-fatt li l-organiżmi ta’ ħsara inkwistjoni jkunu ġew eliminati minn qabel permezz ta’ azzjoni differenti minn dik prodotta mis-sustanza inkwistjoni, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jdaħħalx inkwistjoni l-klassifikazzjoni ta’ din is-sustanza, li taġixxi fuq il-ħolqien ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi ta’ ħsara, bħala “sustanza attiva”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 528/2012. |
|
47 |
Fit-tielet lok, l-eventwali effett ta’ tindif ta’ prodott li jkun fih waħda jew iktar speċi ta’ batterji, enzimi jew komponenti oħra li, minħabba l-mod ta’ azzjoni speċifika tagħhom ma jaġixxux b’mod dirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara iżda fuq il-ħolqien jew iż-żamma ta’ habitat li jiffavorixxi dawn l-organiżmi ta’ ħsara, ma jistax jeskludi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “prodott bijoċidali”. |
|
48 |
Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tagħha, il-prodotti ta’ tindif ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 528/2012. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 21 tar-Regolament Nru 648/2004, prodott jista’ jiġi kklassifikat kemm bħala “deterġent”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, u kemm bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012. |
|
49 |
Għaldaqstant, huma biss il-karatteristiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 528/2012 li huma rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala “prodott bijoċidali”. |
|
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li prodott ma għandux jiġi applikat fuq il-wiċċ li għandu jiġi ttrattat qabel ma jiġu eliminati l-organiżmi ta’ ħsara li għalihom ikun maħsub u li jkunu jinsabu fuq dan il-wiċċ ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it-tielet domanda
|
51 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li fih prodott jaġixxi għandu impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, mill-analiżi mwettqa fil-kuntest tat-tieni domanda jirriżulta li huma biss l-elementi li jagħmlu parti mill-kunċetti ta’ “prodott bijoċidali” u ta’ “sustanza attiva”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 528/2012, li huma rilevanti sabiex prodott jiġi kklassifikat bħala “prodott bijoċidali”. Issa, il-perijodu li fih prodott jaġixxi ma huwiex wieħed minn dawn l-elementi. |
|
53 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 528/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li fih prodott jaġixxi ma għandux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “prodott bijoċidali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.