SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti – Regolament (KE) Nru 2100/94 – Artikolu 13(2) u (3) – Effetti tal-protezzjoni – Sistema ta’ protezzjoni mifruxa fuq numru ta’ stadji – Żergħa ta’ kostitwenti tal-varjetajiet u ħsad tal-frott tagħhom – Distinzjoni bejn l-atti magħmula fuq il-kostitwenti tal-varjetajiet u dawk magħmula fuq il-materjal maħsud – Kunċett ta’ ‘użu mhux awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet’ – Artikolu 95 – Drittijiet provviżorji”

Fil-Kawża C‑176/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2018 li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2018 fil-proċedura

Club de Variedades Vegetales Protegidas

vs

Adolfo Juan Martínez Sanchís,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Club de Variedades Vegetales Protegidas, minn P. Tent Alonso, abogado, kif ukoll minn V. Gigante Pérez, G. Navarro Pérez, u I. Pérez-Cabrero Ferrández, abogadas,

għal Martínez Sanchís, minn C. Kraus Frutos, abogada, u minn M. L. Maestre Gómez, procuradora,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos, E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers, I. Galindo Martín, G. Koleva, F. Castilla Contreras u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Club de Variedades Vegetales Protegidas (iktar ’il quddiem “CVVP”), li jirrappreżenta l-interessi tad-detentur tad-dritt ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità għall-varjetà ta’ siġar tal-mandolin “Nadorcott”, u Adolfo Juan Martínez Sanchís fir-rigward tal-isfruttament, minn dan tal-aħħar, ta’ pjanti ta’ din il-varjetà.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni tal-UPOV

3

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti tat‑2 ta’ Diċembru 1961 fil-verżjoni tagħha rriveduta fid‑19 ta’ Marzu 1991 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-UPOV”, ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 14 ta’ din il-konvenzjoni:

“1.   [Atti fil-konfront ta’ materjal għat-tkabbir] a) Soġġetti għall-Artikoli 15 u 16, l-atti li gejjin dwar il-materjal għat-tkabbir tal-varjetà protetta għandhom jinħtieġu l-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar:

i)

produzzjoni jew riproduzzjoni (multiplikazzjoni),

ii)

kondizzjonament għall-għan ta’ tkabbir,

iii)

offerti għall-bejgħ,

iv)

bejgħ jew marketing ieħor [jew forma oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni],

v)

esportazzjoni,

vi)

importazzjoni,

vii)

taħżin għal kull fini imsemmija f’(i) sa (vi), hawn fuq.

b)

Min ikabbar jista’ jagħmel l-awtorizzazzjoni tiegħu soġġetta għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

2.   [Atti fil-konfront ta’ materjal maħsud] Suġġett għall-Artikoli 15 u 16, l-atti msemmija fil-punti (i) sa (vii) ta’ paragrafu (1)(a) fil-konfront tal-materjal maħsud, inkluż il-pjanti kollha u l-partijiet tal-pjanti, miksuba mill-użu mhux awtorizzat ta’ materjal ta’ tkabbir tal-varjetà protetta għandhom bżonn l-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar, sakemm dan ma kellux opportunità raġonevoli biex jeżerċita d-dritt tiegħu fir-rigward ta’ l-imsemmi materjal ta’ tkabbir.

[…]”

Ir-Regolament Nru 2100/94

5

Skont il-premezzi erbatax, sbatax, tmintax, għoxrin u disgħa-u-għoxrin tar-Regolament Nru 2100/94:

“[b]illi, minħabba l-effett ta’ dritt tal-Komunità ta’ varjetà ta’ pjanti għandu jkun uniformi fil-Komunità kollha, tranżazzjonijiet kummerċjali suġġetti għall-ftehim tad-detentur għandhom ikun preċiżament magħmula; billi l-iskop ta’ protezzjoni għandu jiġi estiż, meta mqabbel mal-parti l-kbira tas-sistemi nazzjonali, għal ċerti materjali tal-varjetà biex jagħti kont ta’ negozju minn pajjiżi barra l-Komunità mingħajr protezzjoni; billi, iżda, l-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ eżawriment tad-drittijiet għandu jassigura li l-protezzjoni ma tkunx eċċessiva;

[…]

[b]illi, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità fil-varjetà tal-pjanti għandu jkun suġġett għar-restrizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet adottati fl-interess pubbliku;

[b]illi din tinkludi t-tħaris tal-produzzjoni agrikola, billi dak il-għan jeħtieġ awtorizzazzjoni għall-bdiewa biex jużaw il-prodott tal-ħsad għall-propagazzjoni taħt ċerti kondizzjonijiet;

[…]

[b]illi liċenzjar obbligatorju għandu wkoll jiġi pprovdut f’ċerti ċirkostanzi fl-interess pubbliku li jista’ jinkludi l-ħtieġa li jkun ipprovdut materjal li joffri karatteristiċi speċifiċi, jew li jżomm l-inċentiv għat-tkabbir kontinwu ta’ varjetajiet imtejba;

[…]

[b]illi jittieħed akkont tal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti bħal ma [hija l-Konvenzjoni tal-UPOV] […]”

6

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-Iskop tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprovdi, fil-paragraf 3 tiegħu:

“Grupp ta’ pjanti jkun jikkonsisti fi pjanti sħaħ jew parti ta’ pjanti sakemm dawk il-partijiet ikunu jistgħu jipproduċu pjanti sħaħ, it-tnejn li huma hawnhekk iżjed il-quddiem imsejħa ‘kostitwenti tal-varjetajiet’.”

7

L-Artikolu 13 tar-regolament imsemmi, intitolat “Drittijiet tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u atti pprojbiti”, jipprovdi:

“1.   Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’, ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:

a)

produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

b)

kondizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni;

c)

toffri għall-bejgħ;

d)

bejgħ jew tqegħid tal-prodott fis-suq;

e)

esportazzjoni mill-Komunità;

f)

importazzjoni lejn il-Komunità;

g)

ħażna għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fi a) sa f).

Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw dwar materjal maħsud biss jekk dan kien akkwistat permezz ta’ l-użu [mhux] awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet protetti, u sakemm id-detentur kellu opportunità raġonevoli li jeżerċita id-dritt tiegħu dwar l-imsemmija kostitwenti tal-varjetajiet.

[…]”

8

L-Artikolu 16 tal-istess regolament, intitolat “Tmiem tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprovdi:

“Id-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti m’għandhomx ikunu jestendu għall-atti li jikkonċernaw kull materjal tal-varjetajiet protetti, jew ta’ varjetajiet koperti bid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13(5), li jkun ġie mogħti lill-oħrajn mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu, f’kull parti tal-Komunità, jew kull materjal meħud mill-imsemmi materjal, sakemm dawk l-atti:

a)

jinvolvu aktar propagazzjoni tal-varjetajiet in kwistjoni, ħlief meta dik il-propagazzjoni kienet intiża meta l-materjal kien ġie mogħti;

jew

b)

jinvolvi l-esportazzjoni ta’ kostitwenti tal-varjetajiet f’pajjiż terż li ma jipproteġix varjetajiet tal-ġeneru tal-pjanti jew ta’ l-ispeċi li għalihom tkun tappartjeni l-varjetà, ħlief meta l-materjal esportat ikun għall-għanijiet ta’ konsum finali.”

9

Bis-saħħa tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, intitolat “Ksur tal-liġi”:

“1.   Kull min:

a)

jafttwa [iwettaq] xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti;

jew

b)

iħalli barra l-użu korrett ta’ denominazzjoni ta’ varjetà li għaliha jirreferi l-Artikolu 17(1) jew iħalli barra t-tagħrif relevanti li għalih jirreferi l-Artikolu 17(2);

jew

c)

kuntrarju għall-Artikolu 18(3) juża d-denominazzjoni ta’ varjetà li għaliha jkun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti jew deskrizzjoni li tista’ titħallat magħha,

jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

2.   Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda [barra minn hekk] jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skond il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur.”

10

L-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“Id-detentur jista’ jenħtieġ kumpens raġonevoli minn kull persuna li tkun, fiż-żmien ta’ bejn il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-għoti tiegħu, effettwat xi att li kienet tkun ipprojbita li tagħmel sussegwentement għalih.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Wara applikazzjoni mressqa minn Nadorcott Protection SARL fit‑22 ta’ Awwissu 1995 quddiem l-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (UKVP), fl‑4 ta’ Ottubru 2004 dan tal-aħħar taha dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti fir-rigward tal-varjetà ta’ siġar tal-mandolin bl-isem ta’ “ Nadorcott”. Din id-deċiżjoni kienet suġġetta għal rikors b’effett sospensiv, li ġie miċħud fit‑8 ta’ Novembru 2005 permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata fil-Bulletin Uffiċjali tal-UKVP tal‑15 ta’ Frar 2006.

12

Bejn it‑22 ta’ Awwissu 1995 u l‑15 ta’ Frar 2006, A. J. Martínez Sanchís xtara, minn mixtla miftuħa għall-pubbliku, pjanti tal-varjetà Nadorcott, fejn iż-żergħa ta’ wħud minnhom seħħet fir-rebbiegħa tas-sena 2005 u oħrajn fir-rebbiegħa tas-sena 2006. Wara l‑15 ta’ Frar 2006, huwa wettaq sostituzzjoni ta’ ċertu numru ta’ pjanti ta’ din il-varjetà, fejn, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-pjanti l-ġodda nxtraw mingħand din l-istess mixtla.

13

CVVP, li ġie fdat bl-eżerċizzju tal-azzjonijiet ta’ ksur ta’ liġi fir-rigward tal-varjetà Nadorcott, ħarrek lil A. J. Martínez Sanchís għar-raġuni li allegatament kiser id-drittijiet tad-detentur tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti relatat ma’ din il-varjetà ta’ pjanti. B’hekk CVVP, minn naħa, ippreżentat azzjoni taħt id-“dritt provviżorju” fir-rigward tal-atti mwettqa minn A. J. Martínez Sanchís qabel l-għoti ta’ dan id-dritt, jiġifieri l‑15 ta’ Frar 2006, u, min-naħa l-oħra, azzjoni għal ksur minħabba atti li seħħew wara din id-data. Barra minn hekk CVVP talbet il-waqfien ta’ dawn l-atti kollha, inkluż dak relatat mal-kummerċjalizzazzjoni tal-frott miksub minn siġar tal-imsemmija varjetà ta’ pjanti, kif ukoll il-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba atti mwettqa minn A. J. Martínez Sanchís kemm matul il-perijodu ta’ dritt provviżorju kif ukoll wara dan il-perijodu.

14

Peress li l-azzjoni għal ksur ta’ CVVP kienet preskritta bis-saħħa tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet ir-rikors tiegħu.

15

L-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Spanja), adita b’appell minn din id-deċiżjoni, iddeċidiet li l-azzjoni ma kinitx preskritta, iżda ċaħditha bħala infondata. Din il-qorti kkonstatat, minn naħa, li A. J. Martínez Sanchís kien akkwista l-pjanti tal-varjetà Nadorcott in bona fide, mingħand mixtla miftuħa għall-pubbliku u, min-naħa l-oħra, li dan l-akkwist kien seħħ f’data li tippreċedi dik tal-għoti tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti relatat ma’ din il-varjetà, jiġifieri fil‑15 ta’ Frar 2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija qorti ddeċidiet li l-pretensjonijiet ta’ CVVP ma kinux fondati.

16

It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), ġiet adita minn CVVP b’appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni.

17

Din il-qorti tistaqsi dwar il-punt jekk iż-żergħa ta’ kostitwenti veġetali ta’ varjetà protetta u l-ħsad tal-frott ta’ dawn il-kostitwenti għandhomx jiġu kkunsidrati bħala att li jirrigwarda l-“kostitwenti tal-varjetajiet” li jeħtieġ, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94, l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti relatat mal-varjetà ta’ pjanta, taħt piena li jikkostitwixxi att ta’ ksur, jew pjuttost bħala att li jirrigwarda l-“materjal maħsud” li, skont din l-istess qorti huwa suġġett għal dan ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel biss fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament.

18

Fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 ikun applikabbli għall-kawża li biha hija adita, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk il-kundizzjoni relatata ma’ “użu [mhux] awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet protetti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tistax tiġi sodisfatta meta l-varjetà inkwistjoni, li l-pjanti tagħha ġew akkwistati matul il-perijodu inkluż bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt u l-għoti effettiv ta’ dan id-dritt, tibbenefika biss minn “dritt provviżorju”, konformement mal-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta bidwi jixtri pjanti ta’ varjetà ta’ pjanti minn mixtla (stabbiliment li jappartjeni lil terzi) u jħawwilhom qabel ma’ jkunu daħlu fis-seħħ l-effetti tal-għoti tal-protezzjoni ta’ din il-varjetà, sabiex l-attività mwettqa sussegwentement mill-bidwi, konsistenti fil-ħsad suċċessiv tas-siġar, tkun koperta mill-ius prohibendi previst fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament [Nru 2100/94], għandhom jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu sa fejn dan jitqies li huwa ‘materjal maħsud’? Jew inkella din l-attività tal-ħsad tikkostitwixxi att ta’ produzzjoni jew ta’ riproduzzjoni tal-varjetà li jagħti lok għall-‘materjal maħsud’, li l-projbizzjoni tagħha mill-proprjetarju tal-varjetà ta’ pjanti ma tirrikjedix l-osservanza tar-rekwiżiti tal-paragrafu 3 [tal-artikolu msemmi]?

2)

Hija konformi mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament [Nru 2100/94], interpretazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni kumulattiva tikkonċerna l-atti kollha previsti fil-paragrafu 2 li jikkonċerna l-‘materjal maħsud’, inkluż il-ħsad innifsu, jew inkella unikament l-atti sussegwenti għall-produzzjoni ta’ dan il-materjal maħsud, bħal fil-każ tad-detenzjoni jew tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha?

3)

Fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-‘materjal maħsud’ tas-sistema ta’ estensjoni tal-protezzjoni kumulattiva prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament [Nru 2100/94], huwa neċessarju, sabiex jiġi ssodisfatt l-ewwel rekwiżit, li x-xiri tal-pjanti jkun twettaq wara li l-proprjetarju jkun kiseb il-protezzjoni Komunitarja tal-varjetà ta’ pjanti, jew huwa suffiċjenti li dan ikun ibbenefika, sa dakinhar, minn protezzjoni provviżorja, minkejja l-xiri jkun twettaq matul il-perijodu ta’ bejn il-pubblikazzjoni tat-talba għall-protezzjoni [applikazzjoni għal dritt] u d-dħul fis-seħħ tal-effetti tal-għoti tal-protezzjoni [dritt] tal-varjetà ta’ pjanti?

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

20

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li għalkemm CVVP sostna quddiem il-qorti tar-rinviju li A. J. Martínez Sanchís kien ħawwel, laqqam u sfrutta b’mod kummerċjali l-varjetà ta’ pjanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-qorti ssemmi biss, fil-preżentazzjoni tagħha tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali, li huwa ħawwel il-pjanti li huwa kien xtara minn mixtla. B’hekk jidher li ma kienx huwa li wettaq il-moltiplikazzjoni tal-kostitwenti tal-varjetà protetta, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, kif jirriżulta, b’mod konkordanti, mill-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-frott maħsud mis-siġar tal-mandolin tal-varjetà Nadorcott, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni tal-pjanti ta’ din il-varjetà.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mifhum li permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2)(a) u (3) tar-Regolament Nru 2100/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ żergħa ta’ varjetà protetta u ta’ ħsad tal-frott tagħha, li ma jkunx tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni, tirrikjedi l-awtorizzazzjoni tad-detentur tal-imsemmija varjetà ta’ pjanti sa fejn jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu.

22

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94, l-awtorizzazzoni tad-detentur tad-dritt ta’ varjetà ta’ pjanti hija meħtieġa għall-“ produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni)” fuq il-“kostitwenti tal-varjetajiet” jew il-“materjal maħsud” ta’ varjetà protetta.

23

Għalkemm l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi kemm għall-kostitwenti tal-varjetajiet kif ukoll għall-materjal maħsud tal-varjetà protetta, li b’mod kollettiv issejjaħ bħala “materjal”, il-protezzjoni prevista għal dawn iż-żewġ kategoriji hija madankollu differenti. Fil-fatt, l-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li, fir-rigward tal-atti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu dwar il-materjal maħsud, tali awtorizzazzjoni hija meħtieġa biss jekk dan ikun inkiseb permezz tal-użu mhux awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet tal-varjetà protetta u bil-kundizzjoni li d-detentur ta’ din il-varjetà ma setax raġonevolament jeżerċita d-dritt tiegħu b’rabta mal-kostitwenti tal-varjetajiet tal-varjetà protetta. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni meħtieġa, taħt l-Artikolu 13(2)(a) tal-imsemmi regolament, min-naħa tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti hija neċessarja, fir-rigward ta’ atti fuq il-materjal ta’ ħsad, biss meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3.

24

Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 2100/94 jipprevedi protezzjoni “primarja” li tkopri l-produzzjoni jew ir-riproduzzjoni ta’ kostitwenti tal-varjetajiet, konformement mal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa tiegħu l-materal maħsud huwa suġġett għal protezzjoni “sekondarja”, li, minkejja li tissemma wkoll f’din id-dispożizzjoni, hija limitata ħafna mill-kundizzjonijiet supplimentari previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Greenstar‑Kanzi Europe, C‑140/10, EU:C:2011:677, punt 26).

25

B’hekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk u taħt liema kundizzjonijiet l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 japplikax għall-attività ta’ żergħa ta’ varjetà ta’ pjanti protetta u ta’ ħsad tal-frott ta’ din il-varjetà li ma huwiex tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din l-attività tistax tagħti lok għall-produzzjoni jew għar-riproduzzjoni ta’ kostitwenti tal-varjetajiet jew tal-materjal maħsud tal-varjetà protetta.

26

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas-sens komuni tat-termini “produzzjoni” u “riproduzzjoni” użati għal din id-dispożizzjoni, dan japplika għall-atti li permezz tagħhom huma ġġenerati kostitwenti ġodda tal-varjetajiet jew tal-materjal maħsud.

27

Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kostitwenti tal-varjetajiet” bħala li jirrigwarda l-pjanti sħaħ jew il-partijiet ta’ pjanti, sa kemm dawn jistgħu jipproduċu pjanti sħaħ.

28

Issa, f’dan il-każ, il-frott maħsud minn siġar tal-varjetà inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex, hekk kif jirriżulta fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni tal-pjanti ta’ din il-varjetà.

29

Għalhekk, iż-żergħa ta’ tali varjetà protetta u l-ħsad tal-frott tal-pjanti ta’ din il-varjetà ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni)” ta’ kostitwenti tal-varjetajiet, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 iżda għandhom jitqiesu bħala l-produzzjoni ta’ materjal maħsud li jirrikjedi l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet tal-pjanti, konformement ma’ din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, biss sa fejn dan il-materjal maħsud ikun inkiseb permezz tal-użu mhux awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet tal-varjetà protetta, sakemm dan id-detentur ma setax raġonevolment jeżerċita d-dritt tiegħu b’rabta mal-imsemmija komponenti tal-varjetajiet.

30

L-importanza li għandha l-kapaċità ta’ moltiplikazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament għall-atti ta’ produzzjoni jew ta’ riproduzzjoni, minbarra l-każijiet li fihom il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huma ssodisfatti fir-rigward tal-materjal maħsud, hija kkorroborata bil-kuntest li fih jidħol dan l-Artikolu 13.

31

B’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2100/94 dwar tmiem id-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, jirriżulta li dan id-dritt huwa estiż għall-atti li jirrigwardaw materjal tal-varjetà protetta li ġie ttrasferit lil terzi mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu biss sa fejn dawn l-atti jinvolvu, b’mod partikolari, moltiplikazzjoni ulterjuri, mhux permessa mid-detentur, tal-varjetà inkwistjoni.

32

Fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 2100/94, mill-ħames, l-erbatax u l-għoxrin premessi ta’ dan ir-regolament jirriżulta li minkejja li s-sistema stabbilita mill-Unjoni hija intiża li tagħti protezzjoni lil min ikabbar varjetajiet ġodda sabiex tiġi inċentivata, fl-interess pubbliku, is-selezzjoni u l-iżvilupp ta’ varjetajiet ġodda, dan id-dritt ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa indispensabbli sabiex din l-attività tiġi inkoraġġuta, inkella tiġi kompromessa l-protezzjoni tal-interessi pubbliċi li huma s-salvagwardja tal-produzzjoni agrikola, inkwantu l-provvista ta’ materjal fis-suq tippreżenta karatteristiċi speċifiċi, jew jiġi kompromess l-għan innifsu li jikkonsisti fit-tkomplija tal-inċentiv tas-selezzjoni kostanti ta’ varjetajiet imtejba. B’mod partikolari, skont qari flimkien tas‑sbatax u t-tmintax‑il premessa tar-regolament imsemmi, il-produzzjoni agrikola tikkostitwixxi interess pubbliku li jiġġustifika s-sottomissjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għal restrizzjonijiet. Sabiex dan l-għan jiġi ssodisfatt, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 jipprovdi li l-protezzjoni mogħtija mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu lid-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti tapplika biss taħt ċerti kundizzjonijiet għall-“materjal maħsud”.

33

Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 tirrigwarda wkoll, indipendentement mill-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-attività li tikkonsisti fil-ħsad tal-frott ta’ varjetà protetta, mingħajr ma dan il-frott ikun jista’ jintuża għal finijiet ta’ moltiplikazzjoni ta’ din il-varjetà, hija inkompatibbli mal-imsemmi għan, inkwantu tidher li għandha bħala effett li ċċaħħad il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu minn kull utilità u, għalhekk, tqiegħed inkwistjoni s-sistema ta’ protezzjoni mifruxa fuq numru ta’ stadji stabbilita fl-Artikolu 13(2) u (3) ta’ dan ir-regolament.

34

Barra minn hekk, l-interess pubbliku marbut mas-salvagwardja tal-produzzjoni agrikola, imsemmi fis-sbatax u t-tmintax‑il premessa tar-Regolament Nru 2100/94, jitqiegħed potenzjalment inkunsiderazzjoni li kieku d-drittijiet li jislet id-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti mill-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 kellhom jiġu estiżi, indipendentement mill-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, għall-prodotti tal-ħsad tal-varjetà protetta li ma jistgħux jintużaw għal finijiet ta’ moltiplikazzjoni.

35

L-interpretazzjoni li skontha l-protezzjoni “primarja” taħt l-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament hija limitata, minbarra l-każijiet li fihom il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huma ssodisfatti fir-rigward tal-materjal maħsud, għall-kostitwenti tal-varjetajiet inkwantu materjal ta’ moltiplikazzjoni, hija kkorroborata mill-Artikolu 14(1)(a) tal-Konvenzjon tal-UPOV, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-regolament imsemmi, konformement mal-premessa 29 tiegħu.

36

Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni, l-awtorizzazzjoni ta’ min ikabbar hija meħtieġa għall-atti ta’ “produzzjoni” jew ta’ “riproduzzjoni” imwettqa fir-rigward tal-“materjal għat-tkabbir tal-varjetà protetta”.

37

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 sa 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ħidma preparatorja relatata mal-Artikolu 14(1)(a) tal-Konvenzjoni tal-UPOV jirriżulta li l-użu tal-materjal ta’ riproduzzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ ħsad ġie espliċitament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dritt primarju, hekk kif din tikkorrispondi ma’ din tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

38

Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 14(1)(a) tal-Konvenzjoni tal-UPOV, min ikbabbar ma jistax jipprojbixxi l-użu ta’ kostitwenti tal-varjetajiet għas-sempliċi finijiet ta’ ħsad agrikolu, iżda jista’ biss jipprojbixxi atti li jagħtu lok għal riproduzzjoni jew moltiplikazzjoni tal-varjetà protetta.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi tkun li l-Artikolu 13(2)(a) u (3) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività li ta’ żergħa ta’ varjetà protetta u ta’ ħsad tal-frott tagħha, li ma jkunx tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni, tirrikjedi l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti relatat mal-imsemmija varjetà ta’ pjanti sa fejn jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament.

Fuq it-tielet domanda

40

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-frott ta’ varjetà ta’ pjanti li ma jkunx tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni għandux jitqies li nkiseb permezz ta’ “l-użu [mhux] awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet” ta’ din il-varjetà ta’ pjanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dawn il-kostitwenti tal-varjetajiet ikunu ġew immoltiplikati u mibjugħa lil operatur agrikolu minn mixtla matul il-perijodu inkluż bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità għall-imsemmija varjetà ta’ pjanti u l-għoti ta’ dan id-dritt.

41

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat, minn naħa, li, wara li jkun ingħata d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, it-twettiq mhux awtorizzat tal-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 fir-rigward tal-varjetà ta’ pjanti suġġetta għal dan id-dritt jikkostitwixxi “użu [mhux] awtorizzat” fis-sens tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94. B’hekk, konformement mal-Artikolu 94(1)(a) tar-regolament imsemmi, kull persuna li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, twettaq wieħed minn dawn l-atti tista’ tkun suġġetta għal azzjoni, ippreżentata minn dan id-detentur, għall-waqfien mill-ksur jew għall-ħlas ta’ kumpens raġonevoli jew għat-tnejn flimkien.

42

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodu li jippreċedi l-għoti ta’ dan id-dritt, l-imsemmi detentur jista’ jirrikjedi, konformement mal-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 2100/94, kumpens raġonevoli min-naħa ta’ kull persuna li tkun wettqet, matul il-perijodu inkluż bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-għoti tal-imsemmi dritt, att li kien jiġi pprojbit għal din l-aħħar persuna wara l-imsemmi perijodu taħt l-imsemmi dritt.

43

Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament jirrigwarda biss il-possibbiltà għad-detentur tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti ta’ varjetà ta’ pjanti li jitlob kumpens raġonevoli, dan ma jagħtihx drittijiet oħra, bħal, b’mod partikolari, id-dritt li jawtorizza jew jipprojbixxi l-użu ta’ kostitwenti tal-varjetajiet ta’ din il-varjetà ta’ pjanti għall-perijodu msemmi minn dan l-Artikolu 95. Għaldaqstant din is-sistema ta’ protezzjoni tiddistingwi ruħha minn dik tal-awtorizzazzjoni minn qabel neċessarja meta l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jitwettqu wara l-għoti tad-dritt tal-Komunità.

44

Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-perijodu ta’ protezzjoni msemmi fl-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 2100/94, id-detentur tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti ma jistax jipprojbixxi t-twettiq ta’ wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament għaliex ma jkunx ingħata kunsens min-naħa tiegħu, fejn għalhekk it-twettiq ta’ dawn l-atti ma jikkostitwixxix “użu [mhux] awtorizzat” fis-sens tal-Artikolu 13(3) tar-regolament imsemmi.

45

F’dan il-każ, mill-punti preċedenti jirriżulta li, sa fejn il-moltiplikazzjoni u l-bejgħ lil A. J. Martínez Sanchís tal-pjanti mill-varjetà protetta inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħet matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 2100/94, dawn l-atti ma jistgħux jitqiesu bħala tali użu mhux awtorizzat.

46

B’hekk, il-frott miksub minn dawn il-pjanti ma għandux jtqies li nkiseb minn użu mhux awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, u dan anki jekk ikun ġie maħsud wara l-għoti tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi, iż-żergħa tal-kostitwenti tal-varjetajiet ta’ varjetà ta’ pjanti u l-ħsad tal-frott tagħha li ma jkunx tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni ma jikkostitwixxux att ta’ produzzjoni jew ta’ riproduzzjoni ta’ kostitwenti tal-varjetajiet fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 2100/94.

47

Fir-rigward tal-pjanti tal-varjetà protetta li ġiet immoltiplikata u mibjugħa lil A. J. Martínez Sanchís minn mixtla wara l-għoti tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, jeħtieġ li jiġi osservat li kemm il-moltiplikazzjoni ta’ dawn il-pjanti kif ukoll il-bejgħ tagħhom jista’ jikkostitwixxi tali użu mhux awtorizzat, ġaladarba, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2)(c) u (d) tar-Regolament Nru 2100/94, l-offerta għall-bejgħ u l-bejgħ jew kull forma oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-frott ta’ varjetà protetta huma suġġetti għall-kunsens minn qabel tad-detentur tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-frott tal-pjanti tal-varjetà protetta msemmi fil-punt preċedenti maħsud minn A. J. Martínez Sanchís jista’ jitqies li nkiseb permezz tal-użu mhux awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet ta’ varjetà protetta, fis-sens tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94.

49

Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jeħtieġ ulterjorment li dan id-detentur ma kienx seta’ raġonevolment jeżerċita d-dritt tiegħu b’rabta mal-varjetà ta’ pjanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-mixtla li kienet wettqet il-moltiplikazzjoni u l-bejgħ tal-kostitwenti tal-varjetajiet.

50

Peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjoni konkreta fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94, fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-frott ta’ varjetà ta’ pjanti li ma jkunx tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni ma jistax jitqies li inkiseb permezz ta’ “l-użu [mhux] awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet” ta’ din il-varjetà ta’ pjanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dawn il-kostitwenti tal-varjetajiet ikunu ġew immoltiplikati u mibjugħa lil operatur agrikolu minn mixtla matul il-perijodu inkluż bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għall-imsemmija varjetà ta’ pjanti u l-għoti ta’ dan id-dritt. Meta, wara l-għoti ta’ din il-protezzjoni, l-imsemmija kostitwenti tal-varjetajiet ikunu ġew immoltiplikati u mibjugħa mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ dan id-dritt, dan tal-aħħar jista’ jinvoka d-dritt mogħti lilu mill-Artikolu 13(2)(a) u (3) ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-imsemmi frott, bil-kundizzjoni li d-detentur ta’ din il-varjetà ma setax raġonevolment jeżerċita d-dritt tiegħu b’rabta ma’ dawn l-istess kostitwenti tal-varjetajiet.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 13(2)(a) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività li ta’ żergħa ta’ varjetà protetta u ta’ ħsad tal-frott tagħha, li ma jkunx tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni, tirrikjedi l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti relatat mal-imsemmija varjetà ta’ pjanti sa fejn jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament.

 

2)

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-frott ta’ varjetà ta’ pjanti li ma jkunx tali li jintuża bħala materjal ta’ moltiplikazzjoni ma jistax jitqies li inkiseb permezz ta’ “l-użu [mhux] awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet” ta’ din il-varjetà ta’ pjanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dawn il-kostitwenti tal-varjetajiet ikunu ġew immoltiplikati u mibjugħa lil operatur agrikolu minn mixtla matul il-perijodu inkluż bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għall-imsemmija varjetà ta’ pjanti u l-għoti ta’ dan id-dritt. Meta, wara l-għoti ta’ din il-protezzjoni, l-imsemmija kostitwenti tal-varjetajiet ikunu ġew immoltiplikati u mibjugħa mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ dan id-dritt, dan tal-aħħar jista’ jinvoka d-dritt mogħti lilu mill-Artikolu 13(2)(a) u (3) ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-imsemmi frott, bil-kundizzjoni li d-detentur ta’ din il-varjetà ma setax raġonevolment jeżerċita d-dritt tiegħu b’rabta ma’ dawn l-istess kostitwenti tal-varjetajiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.