SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Artikolu 41(11) – Riżoluzzjoni tat-tilwim relatat mal-obbligi imposti fuq l-operatur ta’ sistema – Effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet tal-awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi”
Fil-Kawża C‑236/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura
GRDF SA
vs
Eni Gas & Power France SA,
Direct énergie,
Commission de régulation de l’énergie,
Procureur général près la cour d’appel de Paris,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Marzu 2019,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal GRDF SA, minn F. Boucard, H. Savoie, u D. Théophile, avocats, |
– |
għal Eni Gas & Power France SA, minn J. Rousseau u F. Prunet, avocats, |
– |
għal Direct énergie, minn F. Molinié, O. Fréget u L. Eskenazi, avocats, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn S. Horrenberger, D. Colas, A.‑L. Desjonquères u C. Mosser, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea minn, O. Beynet u Y. G. Marinova, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Mejju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94), u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 41(11) ta’ din id-direttiva. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, GRDF SA, operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali fi Franza u, min-naħa l-oħra, Eni Gas & Power France SA (iktar ’il quddiem “Eni Gas”) u Direct énergie, fornituri ta’ gass naturali, kif ukoll il-Commission de régulation de l’énergie (il-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija, Franza; iktar ’il quddiem iċ-“CRE”) u l-procureur général près la cour d’appel de Paris (il-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) dwar kuntratti għal trażmissjoni li għandhom bħala effett li jittrasferixxu lill-fornituri r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-klijenti finali kif ukoll il-piż tal-immaniġġjar tal-klijentela. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/55/KE
3 |
L-Artikolu 18, bit-titolu “Aċċess ta’ terzi”, tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jaċċertaw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess ta’ terzi għas-sistema tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni, u l-faċilitajiet tal-LNG a bażi ta’ tariffi ppubblikati, li japplikaw għall-klijenti kollha eliġibbli, inklużi l-impriżi tal-fornitura, u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskrkiminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji wara l-kalkolu tagħhom għandhom jiġu approvati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom minn awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 25(1) u li dawk it-tariffi - u l-metodoloġiji fejn il-metodoloġiji biss huma approvati - jiġu ppubblikati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ.” |
4 |
Skont l-Artikolu 33(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġiijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Lulju 2004. |
Id-Direttiva 2009/73
5 |
Il-premessi 4, 6, 25, 30, 32 u 40 tad-Direttiva 2009/73 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
6 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-għan ta’ din tal-aħħar kif ġej: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u ħażna ta’ gass naturali. Hija tippreskrivi r-regoli marbuta mal-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-settur tal-gass naturali, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-trasmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin ta’ gass naturali u l-operazzjoni tas-sistemi.” |
7 |
L-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “L-aċċess għal partijiet terzi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ aċċess għal parti terza għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, u faċilitajiet tal-LNG abbażi ta’ tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha, inklużi l-impriżi ta’ forniment u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ konformement mal-Artikolu 41 minn awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 39(1) u li dawk it-tariffi — u l-metodoloġiji, fejn il-metodoloġiji biss ikunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.” |
8 |
L-Artikolu 40 tal-istess direttiva, bit-titolu “Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprovdi: “Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 41, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra, inklużi l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:
[…]
[…]” |
9 |
Skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/73, bit-titolu “Dmirijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja”: “1. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:
[…] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom għall-anqas dawn is-setgħat:
[…] 6. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu responsabbli biex jistipulaw jew japprovaw biżżejjed qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, mill-inqas il-metodoloġiji użati għall-kalkolu jew l-istabbiliment tat-termini u l-kondizzjonijiet għal:
[…] 10. L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom l-awtorità li jesiġu li l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, tal-ħżin, tal-LNG, jekk hekk ikun meħtieġ, jimmodifikaw it-termini u l-kondizzjonijiet, inklużi t-tariffi u l-metodoloġiji msemmija f’dan l-Artikolu, biex jiżguraw li jkunu proporzjonati u applikati b’mod mhux diskriminatorju. […] 11. Kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, ħżin, LNG jew distribuzzjoni fir-rigward tal-obbligi tal-operatur taħt din id-Direttiva msemmija tista’ tirriferi l-ilment lill-awtoritajiet regolatorji li, waqt li jaġixxu bħala l-awtoritajiet għar-riżoluzzjoni tad-disputi, għandhom jagħtu deċiżjoni fi żmien xahrejn wara li jkunu rċevew l-ilment. […] […]” |
Id-Direttiva 2009/72/KE
10 |
Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55), tipprevedi, fl-Artikolu 37(11) tagħha, li “[k]walunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema tat-trasmissjoni jew distribuzzjoni b’rabta mal-obbligi ta’ dak l-operatur skont din id-Direttiva, tista’ tirreferi l-ilment lill-awtorità regolatorja li, waqt li tkun qed taġixxi bħala awtorità li ssolvi t-tilwim, għandha tagħti deċiżjoni fi żmien perjodu ta’ xahrejn minn wara li din tkun irċeviet l-ilment”. |
Id-dritt Franċiż
11 |
L-Artikolu L.134–20 tal-code de l’énergie (il-Kodiċi tal-Enerġija), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “Id-deċiżjoni tal-Kumitat [għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim u għas-Sanzjonijiet], li jista’ jkollha magħha sanzjonijiet, għandha tkun motivata u għandha tispeċifika l-kundizzjonijiet tekniċi u finanzjarji tar-riżoluzzjoni tat-tilwima li fihom l-aċċess għan-networks, għax-xogħlijiet, u għall-installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu L 134‑19 jew l-użu tagħhom huwa, jekk ikun meħtieġ, żgurat. Meta dan ikun meħtieġ għar-riżoluzzjoni tat-tilwima, il-kumitat jista’ jistabbilixxi, b’mod oġġettiv, trasparenti, nondiskriminatorju u proporzjonat, il-modalitajiet tal-aċċess għall-imsemmija networks, xogħlijiet u installazzjonijiet jew il-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 |
Poweo u Direct énergie, żewġ kumpanniji li jipprovdu gass naturali, ikkonkludew, rispettivament fil‑21 ta’ Ġunju 2005 u fil‑21 ta’ Novembru 2008, ma’ GRDF, operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali fi Franza, żewġ kuntratti għat-trażmissjoni permezz tas-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali (iktar ’il quddiem il-“kuntratti inkwistjoni”). Poweo u Direct énergie wara saru Poweo-Direct énergie, u sussegwentement saru Direct énergie. |
13 |
Il-kuntratti inkwistjoni kienu jinkludu klawżola ta’ intermedjazzjoni li kienet tobbliga lill-fornituri jipprovdu, fil-kuntest tal-kuntratti msejħa “individwali” mal-klijent finali, jiġifieri kuntratti li jagħqdu l-aspetti ta’ provvista u ta’ distribuzzjoni ta’ gass, servizzi ta’ intermedjazzjoni f’isem GRDF lill-klijenti finali, mingħajr ma setgħu jinnegozjaw il-prezz jew il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ dawn is-servizzi. Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fornituri kellhom jiġbru, mingħand il-klijenti finali, l-ammonti dovuti minn dawn tal-aħħar abbażi tat-tariffa tas-servizzi ta’ distribuzzjoni li GRDF kienet ipprovdiet u sussegwentement iħallsuhom lilha. Issa, il-fornituri kienu obbligati jħallsu dawn l-ammonti anki jekk il-klijent finali ma kienx ħallashom. Għaldaqstant, permezz tal-klawżola ta’ intermedjazzjoni, GRDF ittrasferixxiet ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas lil Direct énergie. |
14 |
Fit‑22 ta’ Lulju 2013, Direct énergie adixxiet lill-Kumitat għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim u għas-Sanzjonijiet stabbilit fi ħdan iċ-CRE (iktar ’il quddiem il-“Cordis”), billi kienet tqis li l-klawżola ta’ intermedjazzjoni kienet kuntrarja għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Hija talbet, minn naħa, li l-Cordis jordna lil GRDF tikkonforma l-ftehimiet tagħha mal-leġiżlazzjoni applikabbli għas-settur tal-enerġija u, min-naħa l-oħra, tiffissa t-tariffa tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni mwettqa mill-fornitur f’isem l-operatur ta’ sistema fil-kuntest tal-kuntratt individwali konkluż mal-klijent finali. Matul il-proċedura, il-Cordis sema’ lil Eni Gas, kumpannija oħra li tipprovdi gass naturali. |
15 |
Peress li kien iqis li l-klawżola ta’ intermedjazzjoni kienet kuntrarja għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-Cordis ordna, permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2014, lil GRDF tibgħat lil Direct énergie “addendum [għall-kuntratti inkwistjoni] li jqiegħed s-sitwazzjoni kuntrattwali fl-istat li hija kellha tkun fih kieku [dawn il-kuntratti] kien[u] ab initio konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ”. Barra minn hekk, il-Cordis ippreċiża li s-setgħa tiegħu kienet testendi għall-perijodu kollu kopert mit-tilwima li huwa kien adit biha, bla ħsara għar-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-qasam, irrispettivament mid-data tal-bidu tagħha bejn il-partijiet. |
16 |
GRDF, Direct énergie u Eni Gas ippreżentaw, kull waħda minnhom, rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza). |
17 |
Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) essenzjalment ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Cordis. Hija ordnat lil GRDF tipproponi addendum għall-kuntratti inkwistjoni li jistipola li l-klawżola ta’ intermedjazzjoni kienet meqjusa li qatt ma eżistiet. Barra minn hekk, din il-qorti obbligat lil GRDF tħallas remunerazzjoni ekwa u proporzjonata lil Direct énergie fir-rigward tal-ispejjeż evitati għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni li Direct énergie pprovdiet lill-klijenti tagħha mill-jum tal-iffirmar tal-imsemmija kuntratti. |
18 |
GRDF appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza). L-ilmenti mressqa minn GRDF kontra s-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) jinkludu aggravju li skontu hija tqis, essenzjalment, li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi n-natura retroattiva preċedenti għall-bidu tat-tilwima tad-deċiżjoni adottata mill-Cordis. |
19 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et (C‑383/06 sa C‑385/06, EU:C:2008:165, punt 55), li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju ta’ ċertezza legali u ammettiet li dan jista’ jipprevali fuq l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Id-Direttiva 2009/73[…] u b’mod partikolari l-Artikolu 41(11) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jeħtieġu li awtorità regolatorja, li tirriżolvi tilwima, ikollha s-setgħa li tagħti deċiżjoni li tapplika għall-perijodu kollu kopert mit-tilwima li biha tkun adita, irrispettivament mid-data ta’ meta din tkun inqalgħet bejn il-partijiet, b’mod partikolari billi tiddeduċi l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità ta’ kuntratt mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva permezz ta’ deċiżjoni li l-effetti tagħha jkopru l-perijodu kuntrattwali kollu?” |
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
21 |
Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, GRDF sostniet li din il-kawża kienet tirrigwarda servizz ta’ fornitur ta’ gass naturali favur operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u li tali servizz ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73. Din id-direttiva tirregola biss is-servizzi ta’ operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali favur fornituri. |
22 |
Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. |
23 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2009/73 tistabbilixxi regoli komuni għat-trażmissjoni, għad-distribuzzjoni, għall-provvista u għall-ħażna ta’ gass naturali. Din tiddefinixxi r-regoli marbuta mal-organizzazzjoni u mal-funzjonament tas-settur tal-gass naturali, l-aċċess għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għat-trażmissjoni, għad-distribuzzjoni, għall-provvista u għall-ħażna ta’ gass naturali kif ukoll għall-operazzjoni tas-sistemi. |
24 |
L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/73 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita, għall-klijenti kollha eliġibbli, inklużi l-impriżi ta’ provvista, sistema ta’ aċċess ta’ terzi għas-sistemi ta’ distribuzzjoni. Din is-sistema, ibbażata fuq tariffi ppubblikati, għandha tiġi applikata oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. Għal dan il-għan, l-Artikolu 41(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jagħti lill-awtorità regolatorja l-kompitu li tiffissa jew li tapprova, skont kriterji trasparenti, it-tariffi ta’ distribuzzjoni jew il-metodi ta’ kalkolu tagħhom, u li tiżgura l-osservanza, mill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, tal-obbligi li huma għandhom skont l-imsemmija direttiva. Bis-saħħa tal-Artikolu 41(10) tal-istess direttiva, l-awtorità regolatorja għandha s-setgħa titlob li l-operaturi ta’ sistema jimmodifikaw skont il-ħtieġa l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u għall-aċċess għas-sistema kif ukoll it-tariffi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(11) tad-Direttiva 2009/73, kull parti li jkollha lment kontra operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-imsemmi operatur minn din id-direttiva tista’ tadixxi lill-awtorità regolatorja, li taġixxi bħala awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima (iktar ’il quddiem l-“awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima”), li għandha tieħu deċiżjoni vinkolanti fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-ilment. |
25 |
Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima quddiem il-Cordis bejn Direct énergie, fornitur ta’ gass naturali, u GRDF, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ din l-enerġija fi Franza, kienet essenzjalment tirrigwarda l-obbligu li GRDF kienet imponiet fuq Direct énergie, bħala kundizzjoni għall-aċċess għas-sistema ta’ distribuzzjoni Franċiża, li tbati r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas relatat mal-ammonti dovuti mill-klijenti finali skont it-tariffa ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali. It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-premessa li din il-prattika hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73. Għaldaqstant it-tilwima taqa’ tassew taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73. |
26 |
Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari. |
Fuq id-domanda preliminari
27 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-premessa li l-prattika kuntrattwali ta’ operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni, li tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq il-fornitur ta’ gass, bħala kundizzjoni għall-aċċess għas-sistema ta’ distribuzzjoni nazzjonali, tal-obbligu li jbati r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas relatat mal-ammonti dovuti mill-klijenti finali abbażi tat-tariffa ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali, hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/73. Sa fejn din il-premessa ma ġietx ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tad-domanda magħmula huwa bbażat fuq l-imsemmija premessa. |
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/73 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, prevista fl-Artikolu 41(11) ta’ din id-direttiva, jestendu għas-sitwazzjoni tal-partijiet fit-tilwima li hija adita biha li kienet tipprevali bejn dawn tal-aħħar qabel il-bidu ta’ din it-tilwima, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kuntratt għat-trażmissjoni ta’ gass naturali, billi parti fl-imsemmija tilwima tiġi ordnata tirrendi dan il-kuntratt konformi mad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu kuntrattwali kollu. |
29 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(11) tad-Direttiva 2009/73, kull parti li jkollha lment kontra operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni ta’ gass naturali f’dak li jirrigwarda l-obbligi imposti fuq l-imsemmi operatur minn din id-direttiva tista’ tadixxi lill-awtorità regolatorja li, filwaqt li taġixxi bħala awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, għandha tieħu deċiżjoni vinkolanti fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-ilment. |
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan persegwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB, C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Hekk kif tikkonstata ġustament il-qorti tar-rinviju, il-formulazzjoni tal-Artikolu 41(11) tad-Direttiva 2009/73 ma tippreċiżax liema huma l-effetti ratione temporis tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, u, b’mod iktar partikolari, jekk dawn jistgħux ikollhom effett qabel il-bidu tat-tilwima. |
32 |
Fir-rigward tal-kuntest li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(1)(b) tad-Direttiva 2009/73 jagħti lill-awtorità regolatorja l-kompitu li tiżgura l-osservanza, mill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, tal-obbligi li huma għandhom skont din id-direttiva. L-obbligi tal-operatur ta’ sistema jinkludu b’mod partikolari dak li jirriżulta mill-Artikolu 32(1) tal-imsemmija direttiva li tiġi applikata s-sistema ta’ aċċess ta’ terzi għas-sistemi ta’ distribuzzjoni b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. |
33 |
Sabiex dawn l-awtoritajiet regolatorji jkunu jistgħu jwettqu dan il-kompitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont l-Artikolu 41(10) tad-Direttiva 2009/73, li dawn l-awtoritajiet ikollhom is-setgħat neċessarji, fosthom dik li jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward tal-impriżi ta’ gass naturali, sabiex dawn tal-aħħar jimmodifikaw skont il-ħtieġa l-kundizzjonijiet għall-konnessjoni u għall-aċċess għas-sistema, inklużi b’mod partikolari t-tariffi, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu proporzjonati u applikati b’mod nondiskriminatorju. |
34 |
Fir-rigward tal-għan segwit mid-Direttiva 2009/73, dan jikkonsisti fit-twettiq ta’ suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv, li fih il-konsumaturi kollha jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li fih il-fornituri kollha jistgħu jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 26). Għal dan il-għan, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva hija intiża li tistabbilixxi regoli komuni dwar it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħażna ta’ gass naturali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2019, Acea Energia et, C‑406/17 sa C‑408/17 u C‑417/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:404, punt 54). Il-premessi 4, 6, 25 u 40 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxu, f’dan ir-rigward, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura aċċess nondiskriminatorju għas-sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ gass (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 65). |
35 |
F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi miċħud l-argument ta’ GRDF li d-deċiżjonijiet tal-awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima huma deċiżjonijiet amministrattivi li ma jistgħux jipproduċu effetti qabel il-bidu tat-tilwima bejn il-partijiet. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2009/73 u timmina l-effett utli tagħha. Hekk kif għamlet il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-obbligu li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jiġu eliminati l-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, huwa impost fuq il-qrati nazzjonali iżda wkoll, fil-kuntest tas-setgħat rispettivi tagħhom, fuq il-korpi kollha tal-Istat Membru kkonċernat, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 1990, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑8/88, EU:C:1990:241, punt 13; tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 64, u tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punti 38 u 39). |
36 |
Sussegwentement, ċertament, skont l-Artikolu 41(11) tad-Direttiva 2009/73, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn minn meta tirċievi l-ilment. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni GRDF fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dan ma jimplikax li din l-awtorità ma tistax tieħu deċiżjonijiet li l-effetti tagħhom jestendu għal perijodu preċedenti għall-bidu tat-tilwima bejn il-partijiet. Fil-fatt, it-termini proċedurali ma għandhom ebda effett fuq l-aġġustament possibbli tal-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni tal-awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima. |
37 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-effett tal-fatt li, f’dan il-każ, il-kuntratti inkwistjoni ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/73, għandu jitfakkar li din tal-aħħar ma toħloqx sistema ġdida, iżda hija kontinwità diretta tad-Direttiva 2003/55, li d-Direttiva 2009/73 ħassret u ssostitwixxiet. Għalhekk, din l-aħħar direttiva tfittex li tilħaq l-istess għanijiet bħad-Direttiva 2003/55 u ma tibdilx il-kontenut tad-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-aċċess għas-sistema ta’ distribuzzjoni, previsti, rispettivament, fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55 u fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 37). |
38 |
F’dan il-każ, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratti inkwistjoni ġew konklużi matul is-snin 2005 u 2008, jiġifieri wara l‑1 ta’ Lulju 2004, data li fiha l-Istati Membri kienu meħtieġa jimplimentaw id-Direttiva 2003/55, skont l-Artikolu 33(1) tagħha. |
39 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, prevista fl-Artikolu 41(11) ta’ din id-direttiva, jestendu għas-sitwazzjoni tal-partijiet fit-tilwima li hija adita biha, li kienet tipprevali bejniethom qabel il-bidu ta’ din it-tilwima. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix deċiżjoni li tordna lil parti fl-imsemmija tilwima tirrendi l-kuntratt għal trażmissjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu kuntrattwali kollu. |
40 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(11) tad-Direttiva 2009/73 ma hijiex ikkontestata mill-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi invokati minn GRDF. |
41 |
Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri li permezz tagħhom huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-parti fil-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet, minn naħa, li hija tista’, b’mod eċċezzjonali u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali kuntrarju għaliha u, min-naħa l-oħra, li qorti nazzjonali tista’, sakemm ikunu osservati l-kundizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’ tiddetermina, eċċezzjonalment tiġi awtorizzata tagħmel użu minn dispożizzjoni nazzjonali li tagħtiha s-setgħa li żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat, minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 177 sa 179). |
44 |
Madankollu, anki jekk l-argument ta’ GRDF kellu jinftiehem fis-sens li jinvolvi talba f’dan is-sens, hemm lok li jiġi eskluż mill-ewwel li l-qorti tar-rinviju hija awtorizzata tillimita ratione temporis l-effetti tal-annullament ta’ att tad-dritt nazzjonali kuntarju għad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma rreferietx għal elementi konkreti li jistgħu jistabbilixxu riskji speċifiċi ta’ inċertezza legali li jirriżultaw mill-fatt li l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-Cordis, skont l-Artikolu 41(11) tad-Direttiva 2009/73, jestendu għas-sitwazzjoni tal-partijiet fit-tilwima li hija adita biha u li kienet tipprevali bejniethom qabel il-bidu ta’ din it-tilwima (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C‑597/17, EU:C:2019:544, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Fl-aħħar nett, GRDF tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn, f’dan il-każ, l-operaturi ekonomiċi setgħu leġittimament jibbażaw l-aspettattivi tagħhom fuq il-legalità tal-kuntratti għal trażmissjoni, ibbażata fuq in-negozjar ta’ dawn il-kuntratti taħt l-awspiċji u s-superviżjoni taċ-CRE, skont l-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73. |
46 |
F’dan ir-rigward, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull parti fil-kawża li fir-rigward tagħha awtorità amministrattiva nazzjonali nisslet aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li hija tkun tatha (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-atti tal-awtorità amministrattiva kkonċernata nisslux, fir-rigward tal-parti fil-kawża kkonċernata, aspettattivi raġonevoli u, jekk dan ikun il-każ, għandha tiġi stabbilita n-natura leġittima ta’ dawn l-aspettattivi (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Issa, f’dan il-każ, għalkemm GRDF issostni li l-kuntratti inkwistjoni kienu ġew innegozjati taħt l-awspiċji u s-superviżjoni taċ-CRE, hija ma semmietx garanziji preċiżi mogħtija minn din l-awtorità nazzjonali fir-rigward tal-konformità tal-klawżola ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
49 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi minn Eni Gas jidher li jirriżulta li l-Cordis, li huwa wkoll l-awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-elettriku prevista fl-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, kien adotta, sa mis-sena 2008, deċiżjonijiet fis-settur tal-elettriku paragunabbli għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’dak li jirrigwarda s-settur tal-gass naturali. B’hekk, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-Cordis jidher li ddeċieda li d-Direttiva 2009/72 tipprekludi klawżola kuntrattwali li permezz tagħha l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku jittrasferixxi r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas relatat mat-tariffa ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku lill-fornituri tal-elettriku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttivi 2009/72 u 2009/73 iridu jilħqu għanijiet identiċi, fosthom, b’mod partikolari, dak li jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għas-sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku jew ta’ gass (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 65). |
50 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni u l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq, fir-rigward ta’ parti fil-kawża, aspettattivi leġittimi ta’ bbenefikar minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-atti tal-awtorità regolatorja, jiġifieri l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet għal distribuzzjoni, inklużi tariffi, skont l-Artikolu 41(6)(a) tad-Direttiva 2009/73, ma setgħux joħolqu aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ GRDF li l-klawżola ta’ intermedjazzjoni kienet hija stess konformi mal-prinċipju ta’ aċċess nondiskriminatorju għas-sistema ta’ distribuzzjoni previst minn din id-direttiva. |
52 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2009/73 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, prevista fl-Artikolu 41(11) ta’ din id-direttiva, jestendu għas-sitwazzjoni tal-partijiet fit-tilwima li hija adita biha li kienet tipprevali bejn dawn tal-aħħar qabel il-bidu ta’ din it-tilwima, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kuntratt għat-trażmissjoni ta’ gass naturali, billi parti fl-imsemmija tilwima tiġi ordnata tirrendi dan il-kuntratt konformi mad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu kuntrattwali kollu. |
Fuq l-ispejjeż
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li l-effetti ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja, li taġixxi bħala awtorità tar-riżoluzzjoni tat-tilwima, prevista fl-Artikolu 41(11) ta’ din id-direttiva, jestendu għas-sitwazzjoni tal-partijiet fit-tilwima li hija adita biha li kienet tipprevali bejn dawn tal-aħħar qabel il-bidu ta’ din it-tilwima, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kuntratt għat-trażmissjoni ta’ gass naturali, billi parti fl-imsemmija tilwima tiġi ordnata tirrendi dan il-kuntratt konformi mad-dritt tal-Unjoni għall-perijodu kuntrattwali kollu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.