SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

13 ta’ Frar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Drittijiet għall-pensjoni taħt l-iskema nazzjonali tal-pensjoni għall-ħaddiema impjegati – Rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu tas-servizz militari obbligatorju mwettaq minn uffiċjal tal-Unjoni Ewropea wara d-dħul fil-kariga tiegħu – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑179/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-arbeidsrechtbank Gent (it-Tribunal Industrijali ta’ Gent, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Ronny Rohart

vs

Federale Pensioendienst,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, E. Juhász u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, C. Van Lul u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn C. Vandenberghe, advocaat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Mongin u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri partikolari applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU 1968, L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 26, fil-ĠU 2012, L 130, p. 24, fil-ĠU 2012, L 342, p. 48, u fil- ĠU 2016, L 289, p. 21) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ronny Rohart u l-Federale Pensioendienst (id-Dipartiment Federali tal-Pensjonijiet, il-Belġju) dwar ir-rifjut ta’ dan l-organu li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu tas-servizz militari obbligatorju mwettaq mill-individwu kkonċernat għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu bħala ħaddiem impjegat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 42 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Uffiċjal mgħajjat għal servizz militari jew għal taħriġ ta’ riservi jew mgħajjat mill-ġdid biex iservi fil-forzi armati għandu jkun assenjat l-istat speċjali ta’ ‘leave għal servizz militari’.

Uffiċjal mgħajjat għal servizz militari għandu jieqaf jirċievi r-remunerazzjoni tiegħu iżda għandu jżomm id-dritt tiegħu għall-avvanzament għal skala ogħla u promozzjoni taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. Huwa għandu wkoll iżomm id-dritt tiegħu li jgawdi minn pensjoni ta’ l-irtirar jekk, wara li jlesti s-servizz militari tiegħu, iħallas il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tiegħu b’lura.

[…]”

4

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), fis-seħħ meta R. Rohart ħareġ bil-pensjoni:

“Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

[…]

(e)

persuna msejħa għas-servizz jew li terġa tissejjaħ għas-servizz fil-forzi armati, jew għas-servizz ċivili, ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat. Jekk l-intitolament taħt dik il-leġislazzjoni jkun suġġett għall-kompliment ta’ perjodi ta’ assikurazzjoni qabel id-dħul jew wara li jispiċċa minn tali servizz militari jew ċivili, il-perjodi ta’ assikurazzjoni kompluti taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jittieħdu inkonsiderazzjoni, sa fejn hu meħtieġ, bħallikieku kienu perjodi ta’ assikurazzjoni kompluta taħt il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat. Il-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha msejħa jew imsejħa mill-ġdid għas-servizz fil-forzi armati jew għas-servizz ċivili żżomm l-Istatus ta’ impjegata jew li taħdem għal rasha;

[…]”

Id-dritt Belġjan

5

Il-punt F tal-Artikolu 34(1) tal-Koninklijk besluit tot vaststelling van het algemeen reglement betreffende het rust- en overlevingspensioen voor werknemers (id-Digriet Irjali li jadotta Regolament Ġenerali dwar l-Iskema tal-Pensjoni tal-Irtirar u tas-Superstiti għall-Ħaddiema Impjegati), tal-21 ta’ Diċembru 1967 (Belgisch Staatsblad, 16 ta’ Jannar 1968, p. 441), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”), jipprevedi li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-perijodi obbligatorji ta’ servizz militari fl-armata Belġjana għandhom jiġu assimilati ma’ perijodi ta’ xogħol.

6

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 34(2) tad-Digriet Irjali:

“Il-perijodi msemmija fil-punt F tal-paragrafu 1 […] jistgħu jiġu assimilati biss jekk l-individwu kkonċernat ikun okkupat bħala ħaddiem fil-mument li fih iseħħ l-avveniment li jagħti lok għal assimilazzjoni jew jekk ikun diġà jinsab f’perijodu ta’ inattività assimilat ma’ perijodu ta’ attività.

Fir-rigward tal-perijodi previsti [fil-punt F] tal-paragrafu 1, l-assimilazzjoni għandha titwettaq ukoll meta l-individwu kkonċernat kellu l-kwalità ta’ ħaddiem fit-tliet snin wara t-tmiem ta’ dawn il-perijodi u baqa’ okkupat f’din il-kwalità, abitwalment u b’mod prinċipali, għal minn tal-inqas sena.

Meta l-pensjoni tibda tiddekorri effettivament u għall-ewwel darba sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1984, il-perijodi previsti fil-punt F tal-paragrafu 1 […] jistgħu jiġu assimilati biss jekk fir-rigward ta’ dawn il-perijodi l-individwu kkonċernat ma jibbenefika minn ebda pensjoni bis-saħħa ta’ skema ta’ pensjoni oħra tal-irtirar u tas-superstiti, bl-esklużjoni tal-iskema għall-persuni li jaħdmu għal rashom.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

R. Rohart ħadem fil-Belġju bħala ħaddiem impjegat mill-1 ta’ Ottubru 1970 sal-15 ta’ Awwissu 1973. Fis-16 ta’ Awwissu 1973, huwa daħal fil-kariga ta’ uffiċjal mal-Kummissjoni Ewropea fejn ħadem sal-irtirar tiegħu fl-1 ta’ Jannar 2009, b’interruzzjoni ta’ sena, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 1974 sat-30 ta’ Ġunju 1975, li matulha wettaq is-servizz militari obbligatorju tiegħu fil-Belġju.

8

R. Rohart, li jirċievi pensjoni mill-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea, ingħata wkoll pensjoni mill-iskema Belġjana tal-pensjoni għall-ħaddiema impjegati.

9

Wara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski (C‑408/14, EU:C:2015:591), l-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ R. Rohart ġie kkalkolat mill-ġdid, fuq talba tiegħu, mid-Dipartiment Federali tal-Pensjonijiet, li stabbilixxa dawn id-drittijiet permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Mejju 2017, mingħajr madankollu ma ħa inkunsiderazzjoni l-perijodu tas-servizz militari obbligatorju. It-talba tal-individwu kkonċernat sabiex dan il-perijodu jittieħed inkunsiderazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2017 għar-raġuni li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għal assimilazzjoni ddefiniti fl-Artikolu 34 tad-Digriet Irjali, u dan għaliex ma kienx ħaddiem fis-sens ta’ dan id-digriet fil-mument tas-servizz militari tiegħu u lanqas ma kien ħaddiem matul it-tliet snin ta’ wara.

10

Adita b’rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-perijodu tas-servizz militari obbligatorju mwettaq minn R. Rohart la ttieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tiegħu taħt l-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni u lanqas ma ttieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tiegħu taħt l-iskema Belġjana, sa fejn l-individwu kkonċernat ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għal assimilazzjoni taħt l-Artikolu 34 tad-Digriet Irjali. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni ta’ jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex kuntrarji għar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

11

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża prinċipali tqajjem kwistjoni komparabbli għal dawk eżaminati fis-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, EU:C:2004:821), u tal-10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski (C‑408/14, EU:C:2015:591). Hija tosserva li l-perijodu tas-servizz militari obbligatorju mwettaq minn R. Rohart kien jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tiegħu li kieku kien kompla l-karriera tiegħu fil-Belġju bħala ħaddiem impjegat, bħala uffiċjal jew bħala persuna li taħdem għal rasha, u li dan il-perijodu kien jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll li kieku kompla l-karriera tiegħu fi Stat Membru ieħor, konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, b’tali mod li jinsab żvantaġġat minħabba li kien uffiċjal tal-Unjoni.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arbeidsrechtbank Gent (it-Tribunal Industrijali ta’ Gent, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni legali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tippermettix, fil-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiem abbażi tal-prestazzjonijiet tiegħu fi Stat Membru, li jittieħed inkunsiderazzjoni s-servizz militari mwettaq minn dan il-ħaddiem f’dan l-Istat Membru, peress li matul l-imsemmi servizz militari u sussegwentement, huwa kien, b’mod interrott, uffiċjal tal-[Unjoni], u għalhekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ekwivalenza stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru?”

Fuq id-domanda preliminari

13

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(3) TUE, inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, meta jiġu ddeterminati d-drittijiet għall-pensjoni ta’ ħaddiem li okkupa impjieg bħala ħaddiem impjegat f’dan l-Istat Membru qabel ma sar uffiċjal tal-Unjoni u li wettaq, wara li sar uffiċjal tal-Unjoni, is-servizz militari obbligatorju tiegħu f’dan l-Istat Membru, dan il-ħaddiem għandu jiġi mċaħħad mill-benefiċċju tal-assimilazzjoni tal-perijodu li matulu serva fil-forzi armati ma’ perijodu ta’ xogħol effettiv bħala ħaddiem impjegat, benefiċċju li kien ikun intitolat għalih li kieku kien jeżerċita, fil-mument li fih issejjaħ sabiex iwettaq dan is-servizz jew matul minn tal-inqas sena matul it-tliet snin wara li lesta s-servizz militari obbligatorju tiegħu, impjieg kopert mill-iskema tal-pensjoni nazzjonali.

14

Għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom jingħataw il-benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, li jinkludi l-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski, C‑408/14, EU:C:2015:591, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li r-Regolamenti tal-Persunal ġew adottati permezz ta’ regolament tal-Kunsill, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 259/68, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, għandu portata ġenerali, jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha u li minn dan jirriżulta li, minbarra l-effetti tagħhom fl-ordinament intern tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, ir-Regolamenti tal-Persunal jorbtu wkoll lill-Istati Membri kull fejn il-kooperazzjoni tagħhom tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski, C‑408/14, EU:C:2015:591, punti 3641 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

16

Barra minn hekk, fil-punt 49 tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, EU:C:2004:821), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE – li issa jinsab espress fl-Artikolu 4(3) TUE –, inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni snin ta’ xogħol li ċittadin tal-Unjoni jkun wettaq fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni għall-finijiet tal-intitolament għal dritt għal pensjoni tal-irtirar antiċipat taħt l-iskema nazzjonali. Fil-punt 34 tad-digriet tad-9 ta’ Lulju 2010, Ricci u Pisaneschi (C‑286/09, mhux ippubblikat, EU:C:2010:420), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-intitolament għal dritt għal pensjoni tal-irtirar ordinarja.

17

F’dan id-dawl, fil-punti 45 sa 48 tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, EU:C:2004:821), kif ukoll fil-punti 29 sa 33 tad-digriet tad-9 ta’ Lulju 2010, Ricci u Pisaneschi (C‑286/09, mhux ippubblikat, EU:C:2010:420), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlazzjonijiet li kienu inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal din is-sentenza u għal dan id-digriet setgħu jagħmlu iktar diffiċli r-reklutaġġ, mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, ta’ uffiċjali nazzjonali li jkollhom ċerta anzjanità. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li dawn il-leġiżlazzjonijiet setgħu jiskoraġġixxu l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni sa fejn, meta jaċċetta impjieg ma’ waħda jew wieħed minnhom, ħaddiem li qabel kien affiljat ma’ skema tal-pensjoni nazzjonali seta’ jitlef il-possibbiltà li jibbenefika, taħt din l-iskema, minn benefiċċju tax-xjuħija li kien ikun intitolat għalih li kieku ma aċċettax dan l-impjieg. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali konsegwenzi ma setgħux jiġu ammessi fid-dawl tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali li għandhom l-Istati Membri fil-konfront tal-Unjoni u li huwa espress fl-obbligu, li qabel kien previst fl-Artikolu 10 KE u li issa jinsab fl-Artikolu 4(3) TUE, li jgħinu lill-Unjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

18

Barra minn hekk, fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski (C‑408/14, EU:C:2015:591), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(3) TUE, inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-pensjoni tal-irtirar li tkun dovuta lil ħaddiem fir-rigward tal-prestazzjonijiet imwettqa bħala ħaddiem impjegat f’dan l-Istat Membru ser tkun imnaqqsa jew irrifjutata minħabba l-karriera li huwa eżerċita sussegwentement fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni, filwaqt li osservat b’mod partikolari, fil-punt 43 ta’ dik is-sentenza, li tali leġiżlazzjoni kienet ukoll ta’ natura li tagħmel iktar diffiċli mhux biss ir-reklutaġġ, minn dawn l-istituzzjonijiet, ta’ uffiċjali nazzjonali li jkollhom ċerta anzjanità, iżda wkoll iż-żamma fis-servizz ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ uffiċjali b’esperjenza.

19

F’dan il-każ, jidher li hija wkoll ta’ natura li tagħmel iktar diffiċli r-reklutaġġ ta’ uffiċjali fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li għandha l-effett li ċċaħħad lill-ħaddiem li wettaq is-servizz militari obbligatorju tiegħu f’dan l-Istat Membru meta kien uffiċjal tal-Unjoni mill-benefiċċju tal-assimilazzjoni tal-perijodu li matulu serva fil-forzi armati ma’ perijodu ta’ xogħol effettiv, benefiċċju li kien ikun intitolat għalih li kieku kien jeżerċita, fil-mument li fih issejjaħ sabiex iwettaq dan is-servizz jew matul it-tliet snin li lesta s-servizz militari obbligatorju tiegħu, impjieg kopert minn skema tal-pensjoni tal-imsemmi Stat Membru jew, konformement mal-Artikolu 13(2)(e) tar-Regolament Nru 1408/71, impjieg fi Stat Membru ieħor.

20

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tista’ tiddiswadi lil ħaddiem li jokkupa impjieg kopert minn skema tal-pensjoni tal-Istat Membru kkonċernat milli jsir uffiċjal tal-Unjoni qabel iwettaq is-servizz militari obbligatorju tiegħu jew matul it-tliet snin wara dan is-servizz.

21

In-natura dissważiva ta’ tali leġiżlazzjoni tista’, barra minn hekk, tissaħħaħ meta l-iskema tal-pensjoni nazzjonali teżiġi numru minimu ta’ snin ta’ attività sabiex wieħed jibbenefika minn pensjoni, b’tali mod li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu tas-servizz militari obbligatorju bħala perijodu ta’ xogħol effettiv jista’ f’ċerti każijiet iwassal mhux biss għal tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni iżda wkoll għall-assenza ta’ dritt għall-pensjoni.

22

Tali konsegwenzi ma jistgħux jiġu ammessi fid-dawl tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali li għandhom l-Istati Membri fil-konfront tal-Unjoni u li jinsab espress fl-obbligu previst fl-Artikolu 4(3) TUE li jgħinu lill-Unjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

23

F’dan id-dawl, ma jistax jintlaqa’ l-argument imressaq mill-Gvern Belġjan sabiex jiġġustifika r-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu tas-servizz militari obbligatorju mwettaq minn R. Rohart u bbażat fuq il-fatt li dan ma ħallasx kontribuzzjonijiet matul dan il-perijodu lill-iskema tal-pensjoni nazzjonali, peress li dan ikun il-każ ukoll fir-rigward tal-ħaddiema li qabel jew wara t-twettiq tas-servizz militari obbligatorju tagħhom ikunu eżerċitaw impjieg kopert minn din l-iskema jew impjieg fi Stat Membru ieħor, li huma intitolati għall-benefiċċju tal-assimilazzjoni prevista fl-Artikolu 34 tad-Digriet Irjali.

24

Dan il-gvern lanqas ma jista’ jinvoka l-fatt li R. Rohart seta’, b’applikazzjoni tal-Artikolu 42 tar-Regolamenti tal-Persunal, jagħmel ħlasijiet retroattivi lill-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni sabiex dan il-perijodu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-irtirar tiegħu taħt din l-iskema. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi sempliċi possibbiltà, li kull uffiċjal ikkonċernat huwa liberu li jeżerċita jew le, li jikkontribwixxi volontarjament għall-imsemmija skema. Għaldaqstant, mill-fatt li din il-possibbiltà ma tiġix eżerċitata ma jistax jirriżulta telf ta’ drittijiet taħt l-iskema tal-pensjoni nazzjonali, għaliex inkella din il-kontribuzzjoni titlef in-natura volontarja u fakultattiva tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski, C‑408/14, EU:C:2015:591, punt 52).

25

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 4(3) TUE, inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, meta jiġu ddeterminati d-drittijiet għall-pensjoni ta’ ħaddiem li okkupa impjieg bħala ħaddiem impjegat f’dan l-Istat Membru qabel ma sar uffiċjal tal-Unjoni u li wettaq, wara li sar uffiċjal tal-Unjoni, is-servizz militari obbligatorju tiegħu f’dan l-Istat Membru, dan il-ħaddiem għandu jiġi mċaħħad mill-benefiċċju tal-assimilazzjoni tal-perijodu li matulu serva fil-forzi armati ma’ perijodu ta’ xogħol effettiv bħala ħaddiem impjegat, benefiċċju li kien ikun intitolat għalih li kieku kien jeżerċita, fil-mument li fih issejjaħ sabiex iwettaq dan is-servizz jew matul minn tal-inqas sena matul it-tliet snin wara li lesta s-servizz militari obbligatorju tiegħu, impjieg kopert mill-iskema tal-pensjoni nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

26

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(3) TUE, inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri partikolari applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, meta jiġu ddeterminati d-drittijiet għall-pensjoni ta’ ħaddiem li okkupa impjieg bħala ħaddiem impjegat f’dan l-Istat Membru qabel ma sar uffiċjal tal-Unjoni Ewropea u li wettaq, wara li sar uffiċjal tal-Unjoni, is-servizz militari obbligatorju tiegħu f’dan l-Istat Membru, dan il-ħaddiem għandu jiġi mċaħħad mill-benefiċċju tal-assimilazzjoni tal-perijodu li matulu serva fil-forzi armati ma’ perijodu ta’ xogħol effettiv bħala ħaddiem impjegat, benefiċċju li kien ikun intitolat għalih li kieku kien jeżerċita, fil-mument li fih issejjaħ sabiex iwettaq dan is-servizz jew matul minn tal-inqas sena matul it-tliet snin wara li lesta s-servizz militari obbligatorju tiegħu, impjieg kopert mill-iskema tal-pensjoni nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.