SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 3 – Għanijiet – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Tnaqqis speċjali impost fuq id-dħul minn entitajiet li għandhom awtorizzazzjoni li jeżerċitaw attività fis-setturi rregolati – Settur tal-elettriku”

Fil-Kawża C‑376/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Slovenské elektrárne a.s.

vs

Úrad pre vybrané hospodárske subjekty, li kienet Daňový úrad pre vybrané daňové subjekty,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Slovenské elektrárne a.s., minn R. Prekop, advokát,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lindenthal u O. Beynet, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Slovenské elektrárne a.s. u l-Úrad pre vybrané hospodárske subjekty, li kienet id-Daňový úrad pre vybrané daňové subjekty (l-amministrazzjoni fiskali għal ċerti persuni taxxabbli, is-Slovakkja, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) dwar il-legalità ta’ leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tistabbilixxi imposta speċjali fuq id-dħul tal-impriżi li għandhom awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività fis-setturi rregolati, bħas-settur tal-provvista tal-elettriku (iktar ’il quddiem l-“entitajiet irregolati”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 3 sa 5 u 7 tad-Direttiva 2009/72 jipprovdu:

“(1)

Is-suq intern fil-qasam tal-elettriku, li ġie implimentat progressivament [fl-Unjoni] kollha sa mill-1999, għandu l-għan li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea, kemm jekk ikunu ċittadini kif ukoll jekk ikunu negozji, opportunitajiet ġodda ta’ negozju u aktar kummerċ transkonfinali, sabiex jinkiseb titjib fl-effiċjenza, prezzijiet kompettitivi, u standards ogħla ta’ servizzi, u għandu l-għan ukoll li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u s-sostenibilità.

[…]

(3)

Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni — inter alia, il-moviment ħieles tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi — jistgħu jinkisbu biss f’suq miftuħ kompletament, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u li jippermetti lill-fornituri kollha biex jikkunsinjaw liberament il-prodotti lill-klijenti tagħhom.

(4)

[…] B’mod partikolari, aċċess mhux diskriminatorju għan-network u livell effettiv ugwalment ta’ superviżjoni regolatorja f’kull Stat Membru, għad ma jeżistux.

(5)

Il-Provvista sigura ta’ elettriku hija ta’ importanza essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà Ewropea, għall-implimentazzjoni ta’ politika sostenibbli għall-bidla fil-klima, kif ukoll sabiex titkattar il-kompetittivitá fi ħdan is-suq intern. […]

[…]

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni [lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Parlament tal-Unjoni Ewropea (COM (2007) 1 finali)] tal-10 ta’ Jannar 2007[,] intitolata “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa”enfasizzat l-importanza li jitlesta s-suq intern fl-elettriku u li jinħolqu kondizzjonijiet [ta’ kompetizzjoni] ugwali għall-impriżi kollha tal-elettriku stabbiliti [fl-Unjoni]. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija [fl-Unjoni]. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-impriżi tal-elettriku jiħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-Direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur, u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fejn jikkonċerna d-drittijiet jew l-obbligi tagħhom.

2.   B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku [tal-Unjoni] għall-konsumaturi nazzjonali. […]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti domestiċi kollha, u, fejn l-Istati Membri jqisu adatt, l-impriżi ż-żgħar […], ikunu jgawdu servizzi universali, jiġifieri d-dritt li jkunu fornuti b’elettriku ta’ kwalità speċifikata fit-territorju tagħhom bi prezzijiet raġonevoli, kumparabbli faċilment u b’mod ċar, trasparenti u nondiskriminatorji. Biex ikun żgurat il-forniment ta’ servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jaħtru fornitur bħala l-aħħar għażla tagħhom. […]

[…]

10.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri biex jinkisbu l-obbjettivi tal-koeżjoni soċjali u ekonomika, u l-protezzjoni ambjentali, li għandha tinkludi miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija/ġestjoni tad-domanda u mezzi biex jiġi miġġieled il-bdil klimatiku, u s-sigurtà tal-provvista, fejn xieraq. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, il-forniment ta’ inċentivi ekonomiċi adegwati, bl-użu, meta jkun adatt, tal-għodod nazzjonali u [tal-Unjoni] eżistenti kollha, għall-manutenzjoni u l-bini tal-infrastruttura meħtieġa ta’ netwerks, inkluża l-kapaċità ta’ interkonnessjoni.

[…]”

Id-dritt Slovakk

6

Iz-zákon č. 235/2012 Z.z. o osobitnom odvode z podnikania v regulovaných odvetviach a o zmene a doplnení niektorých zákonov, v znení neskorších predpisov (il-Liġi Nru 235/2012 li tistabbilixxi tnaqqis speċjali fuq id-dħul tal-impriżi mwettaq fis-setturi rregolati, li temenda u li tikkompleta ċerti liġijiet, fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali), tas-26 ta’ Lulju 2012 (Nru 60/2012 Z. z., iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 235/2012”), tistabbilixxi tnaqqis speċjali ta’ taxxa fuq id-dħul ta’ ċerti entitajiet li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-setturi rregolati, bħas-settur tal-elettriku (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis speċjali”).

7

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, konformement mal-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi, l-għan tagħha huwa li “jiġi żgurat tqassim iktar ġust tal-isforzi użati għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika, iżda wkoll li tiġi żgurata mobilizzazzjoni effettiva ta’ riżorsi sabiex jiġi aċċellerat it-tkabbir ekonomiku u, għaldaqstant, li jkun hemm titjib tal-bażi li sservi għall-ġbir tad-dħul tal-finanzi pubbliċi”.

8

Skont l-Artikolu 3(1), (3) u (4) tal-imsemmija liġi:

“1.   Entità rregolata tfisser kull persuna jew entità organizzattiva ta’ kumpannija barranija, li

a)

hija awtorizzata sabiex teżerċita l-attività tagħha fil-qasam:

(1)

tal-enerġija abbażi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-Úrad pre reguláciu sieťových odvetví [l-awtorità regolatorja tal-industriji b’netwerk, is-Slovakkja] skont leġiżlazzjoni speċjali […];

[…]

(11)

imsemmi fil-punti 1 sa 10 abbażi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea [jew] fi Stat li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u […]

b)

tqis li d-dħul tagħha miksub mill-attività eżerċitata fil-qasam imsemmi fil-punt (a) għas-sena finanzjarja li matulha hija kisbet l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita din l-attività jilħaq mill-inqas 50 % tad-dħul totali ta’ din is-sena finanzjarja. […]

[…]

3.   Kull persuna jew entità organizzattiva ta’ kumpannija barranija awtorizzata sabiex teżerċita l-attività msemmija fil-paragrafu 1(a) hija entità rregolata għall-perijodi kollha ta’ eżiġibbiltà tas-sena finanzjarja li matulha d-dħul tagħha minn din l-attività jilħaq mill-inqas 50 % tad-dħul totali ta’ dik is-sena finanzjarja, u dan anki jekk din ma pprevedietx li d-dħul tagħha bbażat fuq l-attività msemmija fil-paragrafu 1(a) fir-rigward ta’ din is-sena finanzjarja jilħaq mill-inqas 50 % tad-dħul totali ta’ din is-sena finanzjarja jew jekk id-dħul minn din l-attività fir-rigward tas-sena finanzjarja ddefinita fl-Artikolu 13(1) ma jkunx laħaq mill-inqas 50 % tat-total tad-dħul għal dik is-sena finanzjarja; l-entità rregolata għandha tinforma b’dan lill-amministrazzjoni fiskali sa mhux iktar tard mill-preżentata tad-dikjarazzjoni ta’ dħul.

4.   Jekk din il-persuna jew entità organizzattiva ta’ kumpannija barranija ssir entità rregolata, din ma titlifx din il-kwalità, inkluż meta d-dħul tagħha mill-attività eżerċitata fil-qasam previst fil-paragrafu 1(a) fir-rigward tas-sena finanzjarja li matulha tkun kisbet l-awtorizzazzjoni sabiex teżerċita din l-attività ma jilħaqx il-50 % tad-dħul totali ta’ din is-sena finanzjarja.”

9

L-Artikolu 12(6) tal-istess liġi jipprovdi:

“Il-ħlas tal-imposta ma għandux iservi sabiex jiġġustifika żieda fil-prezz irregolat iffissat permezz ta’ dispożizzjonijiet speċjali […] u l-imposta ma għandhiex titqies bħala spiża li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-prezz irregolat.”

10

L-Artikolu 13(1) tal-Liġi Nru 235/2012 jipprovdi:

“Kull persuna jew entità organizzattiva ta’ kumpannija barranija li, fl-1 ta’ Settembru 2012, tkun awtorizzata teżerċita l-attività msemmija fl-Artikolu 3(1)(a), u li d-dħul tagħha minn din l-attività fir-rigward tas-sena finanzjarja preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi jilħaq mill-inqas 50 % tad-dħul totali ta’ din is-sena finanzjarja, għandha l-kwalità ta’ entità rregolata fis-sens ta’ din il-liġi. Din l-entità rregolata hija suġġetta għat-taxxa sa mill-perijodu li matulu l-imposta ssir dovuta, jiġifieri x-xahar ta’ Settembru 2012, jekk ir-riżultat tagħha magħmul fis-sena finanzjarja preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi jkun, għall-inqas, jilħaq l-ammont tal-bażi tat-taxxa prevista fl-Artikolu 4(2). B’sena finanzjarja, wieħed jifhem l-eżerċizzju kontabbli li jippreċedi immedjatament id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, li matulu nħoloq l-obbligu li jiġu stabbiliti debitament id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u li jkunu ppreżentati mad-dikjarazzjoni tad-dħul […] qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Slovenské elektrárne hija entità rregolata Slovakka li tipprovdi l-elettriku u għandha, għal dan il-għan, awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità regolatorja tal-industriji b’netwerk (iktar ’il quddiem “awtorizzazzjoni”).

12

B’applikazzjoni tal-Liġi Nru 235/2012, l-amministrazzjoni fiskali ħarġet avviż ta’ taxxa b’ammont ta’ EUR 11 298 797.52 bħala tnaqqis obbligatorju, li jinkludi t-tnaqqis speċjali, dovut minn din il-kumpannija għas-sena fiskali 2015.

13

Slovenské elektrárne kkontestat dan l-avviż ta’ taxxa quddiem il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava, is-Slovakkja) b’mod partikolari minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha kien ġie adottat l-imsemmi avviż ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’risposta, l-amministrazzjoni fiskali enfasizzat, b’mod partikolari, li mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi Nru 235/2012 jirriżulta li din hija intiża sabiex tiżgura tqassim ekwu u effettiv tal-isforzi sabiex tiġi miġġielda l-kriżi ekonomika, sabiex jitnaqqas it-tkabbir tad-defiċit pubbliku b’mod li jitwassal lura taħt il-limitu ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross u sabiex l-impriżi li joperaw fis-setturi ta’ attività rregolata jkunu jistgħu jipparteċipaw fit-titjib tal-istat tal-finanzi pubbliċi.

14

Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, il-Krajský súd v Bratislave (il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislava) annullat dan l-istess avviż ta’ taxxa minħabba, b’mod partikolari, li l-amministrazzjoni fiskali ma kinitx ikkunsidrat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-ilment ta’ Slovenské elektrárne, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

15

Il-qorti tar-rinviju, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), adita b’appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza, tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-imposta speċjali mad-Direttiva 2009/72.

16

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan it-tnaqqis japplika għall-entitajiet irregolati, bħalma huma, b’mod partikolari, il-fornituri tal-elettriku li għandhom awtorizzazzjoni li jisiltu jew li jisperaw li jisiltu mill-attività rregolata li huma jeżerċitaw mill-inqas 50 % tat-total tad-dħul tagħhom. L-entitajiet irregolati jinkludu kemm entitajiet li għandhom ir-residenza fiskali tagħhom fis-Slovakkja (iktar ’il quddiem l-“entitajiet irregolati nazzjonali”) kif ukoll entitajiet irregolati li għandhom din ir-residenza barra mill-pajjiż (iktar ’il quddiem l-“entitajiet irregolati barranin”), fejn din it-tieni kategorija tinkludi lill-entitajiet irregolati stabbiliti barra mill-pajjiż li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni abbażi tal-awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività mogħtija lil dawn l-entitajiet fl-Istat ta’ oriġini tagħhom (awtorizzazzjoni msejħa “passaport”). Filwaqt li tal-ewwel huma suġġetti għat-taxxa speċjali fuq id-dħul magħmul mill-attivitajiet tagħhom eżerċitati kemm fis-Slovakkja kif ukoll f’pajjiż ieħor, tat-tieni huma biss suġġetti għal taxxa f’dak li jirrigwarda d-dħul magħmul mill-attivitajiet tagħhom f’dan l-Istat Membru. Madankollu, kull entità rregolata ma hijiex suġġetta għat-tnaqqis speċjali għal kull sena finanzjarja partikolari ħlief jekk id-dħul ekonomiku tagħha jkun laħaq, fir-rigward tas-sena finanzjarja inkwistjoni, ammont ta’ mill-inqas EUR 3000000.

17

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-imposta speċjali tmurx kontra l-għan imfittex mid-Direttiva 2009/72, sa fejn tostakola l-iżvilupp ta’ suq tal-elettriku kompletament kompetittiv. Fil-fatt, l-ewwel nett, dan it-tnaqqis għandu effett fuq il-libertà tal-entitajiet irregolati kkonċernati li jistabbilixxu prezz kompetittiv b’mod sħiħ għall-provvista tal-elettriku fis-swieq barranin u b’hekk jaffettwa l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq. It-tieni nett, l-imsemmi tnaqqis ma huwiex biss impost fuq id-dħul tal-entitajiet irregolati kkonċernati abbażi tal-attività rregolata li fir-rigward tagħha dawn l-entitajiet ingħataw awtorizzazzjoni, iżda wkoll fuq id-dħul li dawn l-entitajiet jisiltu minn attivitajiet oħra. Għaldaqstant, dan l-istess tnaqqis jista’ jiskoraġġixxi l-aċċess ta’ operaturi ġodda fis-suq Slovakk u dak barrani tal-provvista tal-elettriku. It-tielet nett, l-imposta speċjali jista’ jkollha impatt fuq il-kompetittività tal-entitajiet irregolati nazzjonali fuq is-swieq barranin, peress li, kuntrarjament għall-entitajiet irregolati barranin, dawn huma suġġetti għal din l-imposta abbażi tad-dħul li jirriżulta mill-attivitajiet li dawn jeżerċitaw f’dawn is-swieq. Finalment, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-uniku mezz għal entità rregolata li tevita l-imsemmija taxxa huwa li titlob l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha.

18

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tnaqqis speċjali jistax jaqa’ taħt il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 3(2), (3) u (10) tad-Direttiva 2009/72, u dan minkejja li dan it-tnaqqis ma jikkostitwixxix mezz ta’ ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista u lanqas ma huwa intiż li jwettaq għan ieħor imfittex minn din id-direttiva. Barra minn hekk, għalkemm, skont din il-qorti, jista’ jiġi aċċettat li l-imsemmija imposta ssegwi għan ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, jibqgħu xi dubji f’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità ta’ dan l-istess tnaqqis fis-sens tal-imsemmija direttiva, peress li, l-ewwel nett, din l-imposta tolqot id-dħul mill-entitajiet irregolati nazzjonali miksub mill-attivitajiet tagħhom, inklużi dawk barra mill-pajjiż; it-tieni nett, din tapplika għall-entitajiet irregolati għar-raġuni biss li huma detenturi ta’ awtorizzazzjoni; u, it-tielet nett, il-Liġi Nru 235/2012 li tistabbilixxi l-imposta speċjali teskludi l-possibbiltà għall-entità kkonċernata li tgħaddi l-ammont tagħha fuq il-klijent finali.

19

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 235/2012 mar-rekwiżit ta’ trasparenza, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mal-prinċipju ta’ aċċess ugwali tal-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali, imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72. F’dan ir-rigward, din il-qorti tenfasizza li huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk l-imposta speċjali tippermettix li jintlaħaq l-għan imfittex mil-Liġi Nru 235/2012 u jekk l-applikazzjoni tagħha mingħajr limitazzjoni ratione temporis hijiex neċessarja għal dan il-għan. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk din il-liġi tmurx kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn l-entitajiet irregolati nazzjonali jsofru imposta fuq bażi iktar wiesgħa mill-entitajiet irregolati barranin.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-Direttiva [2009/72] għandha tiġi interpretata fis-sens li tippreġudika l-għan tagħha, u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi miżura speċjali li tikkonsisti f’imposta obbligatorja għall-entitajiet irregolati, inklużi d-detenturi ta’ liċenzja għall-provvista tal-elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat […], stabbilita skont ir-riżultat tagħhom miksub mhux biss fil-livell nazzjonali, iżda wkoll fuq il-bażi tal-attivitajiet tagħhom barra ‘l pajjiż, leġiżlazzjoni li

i)

tinfluwenza l-libertà tal-entitajiet irregolati li jiddeterminaw prezz kompletament kompetittiv bħala korrispettiv għall-provvista tal-elettriku fis-swieq barranin, u għalhekk, ukoll, il-proċess ta’ stabbiliment ta’ kompetizzjoni fl-imsemmija swieq;

ii)

iddgħajjef il-kompetittività tal-entitajiet irregolati meta mqabbla mal-fornituri tal-elettriku barranin li joperaw fis-suq Slovakk, meta t-tnejn li huma jipprovdu wkoll elettriku f’suq barrani ddeterminat, sa fejn il-provvista tal-elettriku minn fornitur barrani ma hijiex suġġetta għal tali imposta obbligatorja;

iii)

tiskoraġġixxi l-aċċess ta’ kompetituri ġodda għas-suq tal-elettriku [fis-Slovakkja] kif ukoll barra ‘l pajjiż, billi tali imposta obbligatorja tolqot ukoll id-dħul tagħhom mill-attivitajiet mhux irregolati, u dan anki jekk sussegwentement, għal perijodu ta’ żmien partikolari, huma jkollhom liċenzja għall-provvista tal-elettriku, li d-dħul tagħhom fuq din il-bażi jkun madankollu żero;

iv)

tista’ ġġiegħel lill-entitajiet irregolati Slovakki jitolbu lill-awtorità regolatorja [Slovakka] tirtira l-liċenzja tagħhom, jew lill-fornituri tal-elettriku barranin jitolbu l-irtirar tal-liċenzja għall-[awtorizzazzjoni ta’ ]provvista tal-elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja tal-Istat ta’ oriġini tagħhom, ladarba l-irtirar ta’ din il-liċenzja tirrappreżenta, għal persuna, l-uniku mod sabiex tillibera ruħha mill-istatus ta’ entità rregolata previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, jekk hija ma tkunx tixtieq li d-dħul mill-attivitajiet l-oħra tagħha jkunu wkoll suġġetti għal din l-imposta?

2)

[Id-Direttiva 2009/72] għandha tiġi interpretata fis-sens li ma taqax fil-kategorija ta’ miżuri li l-imsemmija direttiva tippermetti lil Stat Membru li jadotta, anki jekk imorru kontra l-għan li hija tfittex, miżura speċjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti f’imposta obbligatorja għall-entitajiet irregolati, inklużi d-detenturi ta’ liċenzja għall-provvista tal-elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja, stabbilita skont ir-riżultat tagħhom, inkluż dak miksub fuq il-bażi tal-attivitajiet tagħhom barra ‘l pajjiż, billi l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix la mezz għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, la mezz għas-sigurtà tal-provvista u lanqas mezz intiż sabiex jintlaħaq għan ieħor imfittex mi[d-Direttiva 2009/72]?

3)

[Id-Direttiva 2009/72] għandha tiġi interpretata fis-sens li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi miżura speċjali li tikkonsisti f’imposta obbligatorja għall-entitajiet irregolati, inklużi d-detenturi ta’ liċenzja għall-provvista tal-elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja, stabbilita skont ir-riżultat tagħhom, inkluż dak miksub fuq il-bażi tal-attivitajiet tagħhom barra ‘l pajjiż, ma tissodisfax la r-rekwiżiti ta’ trasparenza u lanqas dawk ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ aċċess ugwali għall-konsumaturi previsti fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, sa fejn din timponi piż fuq l-entità rregolata u d-dħul li jsir (fuq il-bażi tal-provvista tal-elettriku jew attivitajiet oħra) barra ‘l pajjiż, filwaqt li, fir-rigward tad-detentur ta’ liċenzja għall-provvista tal-elettriku miksuba fuq il-bażi ta’ liċenzja “passaport” maħruġa mill-Istat ta’ oriġini tiegħu, din tolqot biss id-dħul li jsir fir-Repubblika Slovakka?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

21

Il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni Ewropea jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

22

Dan il-Gvern isostni, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju ma tiddefinixxix il-kuntest fattwali u leġiżlattiv b’mod suffiċjentement preċiż u ma tispjegax ir-raġunijiet speċifiċi li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

23

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li d-Direttiva 2009/72 ma hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula u li l-interpretazzjoni tagħha ma hijiex għalhekk neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni tirrileva li l-imposta speċjali tikkonċerna lill-entitajiet irregolati mhux biss fis-settur tal-enerġija, iżda wkoll f’setturi oħra. Għaldaqstant, dan it-tnaqqis ma japplikax għall-provvista tal-elettriku bħala tali, iżda huwa impost fuq il-qligħ globali tal-entità kkonċernata. Barra minn hekk, l-imsemmi tnaqqis ma jikkostitwixxix miżura li għandha bħala għan li tirregola l-attivitajiet tal-fornituri tal-elettriku, iżda għandha n-natura ta’ miżura fiskali ġenerali li tikkontribwixxi għall-baġit tal-Istat.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompitu li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jew inkella meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha kif ukoll sabiex tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-qorti nazzjonali tqis li għandha bżonn risposti għal dawn id-domandi sabiex taqta’ t-tilwima pendenti quddiemha (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, Pohotovosť, C‑331/18, EU:C:2019:665, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju sservi ta’ bażi għall-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din id-deċiżjoni, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-rabta li din tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha. Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi dwar il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punti 7273 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, relatat mal-indikazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tas-suġġett tat-tilwima u tal-fatti rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tippreċiża li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-legalità tal-avviż ta’ taxxa li Slovenské elektrárne kienet is-suġġett tiegħu għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha ġie adottat dan l-avviż ma hijiex konformi mad-Direttiva 2009/72. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tipprovdi l-preċiżazzjonijiet neċessarji f’dak li jirrigwarda l-fatti rilevanti għal din il-kawża.

27

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, b’konformità mar-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 94(b) tar-Regoli tal-Proċedura, l-imsemmija talba tirreferi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-kawża prinċipali, jiġifieri dawk previsti mil-Liġi Nru 235/2012.

28

Fit-tielet lok, fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li jirrigwarda, minn naħa, ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/72 u, min-naħa l-oħra, ir-rabta li din tistabbilixxi bejn din tal-aħħar u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tirreferi għall-evalwazzjonijiet tagħha stess dwar il-mistoqsijiet li hija għandha f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(1) sa (3) u (10) tagħha, kif ukoll fir-rigward tar-rabta li din tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kwistjoni jekk il-Liġi Nru 235/2012, li timponi l-imposta speċjali, tosservax l-obbligi u l-prinċipji previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

29

Finalment, f’dak li jikkonċerna l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, biżżejjed jitfakkar li, peress li, meta ma jkunx evidenti li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex relatata mal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein, C‑393/17, EU:C:2019:563, punt 28).

30

B’hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

31

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2009/72 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) sa (3) u (10) tagħha, kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tnaqqis speċjali fuq id-dħul, fir-rigward ta’ attivitajiet eżerċitati kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll f’pajjiżi barranin, ta’ impriżi li joperaw, abbażi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità pubblika, f’diversi setturi ta’ attività rregolata, inklużi impriżi li għandhom awtorizzazzjoni ta’ provvista ta’ elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 3 sa 5 u 7 tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża, essenzjalment, sabiex tistabbilixxi suq intern tal-elettriku miftuħ u kompetittiv, li jippermetti lill-konsumaturi li jagħżlu liberament lill-fornituri tagħhom u lil dawn tal-aħħar li jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, sabiex joħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi f’dan is-suq, sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u sabiex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima.

33

B’hekk, konformement mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, kif ukoll dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati swieq kompetittivi tal-enerġija fl-Unjoni. Id-direttiva msemmija tiddefinixxi r-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli fir-rigward ta’ sejħiet għal offerti u l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet kif ukoll it-tħaddim ta’ netwerks. Din tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku, u tiċċara l-obbligi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

34

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont dovut għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-elettriku, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jitħaddmu konformement mal-prinċipji ta’ din id-direttiva bil-ħsieb li jintlaħaq suq kompetittiv, sigur u ambjentalment sostenibbli fil-qasam tal-elettriku, u dawn ma għandhomx jiddiskriminaw bejn dawk l-impriżi fir-rigward tad-drittijiet jew tal-obbligi ta’ dawn l-impriżi.

35

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2), (3) u (10) tad-Direttiva 2009/72 huwa intiż, essenzjalment, li jirregola, rispettivament, l-obbligi ta’ servizz pubbliku, ta’ servizz universali kif ukoll il-miżuri fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u tal-protezzjoni tal-ambjent, li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi tas-settur tal-elettriku.

36

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jagħmel parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-prinċipju għandu jiġi osservat minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew timplimenta dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑80/18 sa C‑83/18, EU:C:2019:934, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari u fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, u kif jindika l-Gvern Slovakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Liġi Nru 235/2012, li tistabbilixxi l-imposta speċjali, la għandha l-għan li tillimita l-provvista tal-elettriku, la li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament tas-suq tal-elettriku, la li tiddefinixxi d-drittijiet tal-konsumaturi f’dan il-qasam, u lanqas li tikkjarifika l-obbligi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

38

Min-naħa l-oħra, mill-elementi li jinsabu kemm fid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imposta speċjali stabbilita minn din il-liġi għandha n-natura ta’ miżura fiskali ġenerali u, b’mod iktar partikolari, ta’ taxxa diretta fuq id-dħul globali tal-impriżi li joperaw fis-setturi ekonomiċi previsti minnha. Fil-fatt, skont dawn l-elementi, din l-imposta, l-ewwel nett, issegwi, skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi Nru 235/2012, għan baġitarju, bil-għan li jitnaqqas it-tkabbir tad-defiċit pubbliku u li tiġi miġġielda l-kriżi ekonomika; it-tieni nett, tapplika għall-impriżi li joperaw fis-setturi ta’ attività rregolata, jiġifieri mhux biss fis-settur tal-enerġija, iżda wkoll f’diversi setturi oħra tal-ekonomija; u, it-tielet nett, ma tapplikax għall-provvista tal-elettriku bħala tali, iżda hija piż fuq il-qligħ globali tal-entità rregolata kkonċernata.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li l-għan tad-Direttiva 2009/72 jikkonsisti f’li jinħoloq suq intern tal-elettriku, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikorra għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kif kien previst fl-Artikolu 95(1) KE għall-adozzjoni ta’ miżuri relatati mal-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fl-istabbiliment u fil-funzjonament tas-suq intern (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑80/18 sa C‑83/18, EU:C:2019:934, punt 49).

40

Issa, skont il-kliem stess tal-Artikolu 95(2) KE, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma japplikax għad-dispożizzjonijiet fiskali (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑80/18 sa C‑83/18, EU:C:2019:934, punt 50).

41

Minn dan isegwi li, sa fejn id-Direttiva 2009/72 ma tikkostitwixxix miżura dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet tagħha u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) sa (3) u (10) tagħha, ma japplikawx għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi imposta speċjali fuq id-dħul tal-impriżi koperti minn din il-leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑80/18 sa C‑83/18, EU:C:2019:934, punt 51).

42

Sa fejn id-Direttiva 2009/72 hija l-uniku att tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju u sa fejn mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni hija applikabbli għall-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina l-imposta speċjali fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

43

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2009/72 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) sa (3) u (10) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tnaqqis speċjali fuq id-dħul, fir-rigward ta’ attivitajiet eżerċitati kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll f’pajjiżi barranin, ta’ impriżi li joperaw, abbażi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità pubblika, f’diversi setturi ta’ attività rregolata, inklużi impriżi li għandhom awtorizzazzjoni ta’ provvista ta’ elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) sa (3) u (10) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tnaqqis speċjali fuq id-dħul, fir-rigward ta’ attivitajiet eżerċitati kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll f’pajjiżi barranin, ta’ impriżi li joperaw, abbażi ta’ awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità pubblika, f’diversi setturi ta’ attività rregolata, inklużi impriżi li għandhom awtorizzazzjoni ta’ provvista ta’ elettriku maħruġa mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.