SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
11 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Produzzjoni tal-aluminju – Tariffa preferenzjali għall-provvista tal-elettriku mogħtija b’kuntratt – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Xoljiment tal-kuntratt – Sospensjoni permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, fi proċeduri għal miżuri provviżorji, tal-effetti tax-xoljiment – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna illegali”
Fil-Kawża C‑332/18 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑21 ta’ Mejju 2018,
Mytilinaios Anonymos Etairia – Omilos Epicheiriseon, stabbilita f’Maroussi (il-Greċja), li kienet Alouminion tis Ellados VEAE, irrappreżentata minn N. Korogiannakis, N. Keramidas, E. Chrysafis, D. Diakopoulos u A. Komninos, dikigoroi, kif ukoll minn K. Struckmann, Rechtsanwalt,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u E. Gippini Fournier, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn E. Bourtzalas u D. Waelbroeck, avukati, kif ukoll minn C. Synodinos, H. Tagaras u E. Salaka, dikigoroi,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2019,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, Mytilinaios Anonymos Etairia – Omilos Epicheiriseon titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Marzu 2018, Alouminion vs Il‑Kummissjoni (T‑542/11 RENV, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:132), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/339/UE tat‑13 ta’ Lulju 2011 dwar l-għajnuna mill-istat Nru SA.26117 – C 2/10 (ex NN 62/09) mogħtija mill-Greċja lil Aluminium of Greece SA (ĠU 2012, L 166, p. 83, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Alouminion tis Ellados AE, li Alouminion AE, Alouminion tis Ellados VEAE u Mytilinaios Anonymos Etairia – Omilos Epicheiriseon issuċċedew għaliha suċċessivament (iktar ’il quddiem, indistintament, “l-appellanti” jew, fil-każ tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, “ir-rikorrenti f’dik il-kawża”), tipproduċi l-aluminju fil-Greċja. |
|
3 |
Matul is-sena 1960, l-appellanti kkonkludiet kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal‑1960”) mal-kumpannija pubblika tal-elettriku Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE, skont liema ngħatatilha tariffa preferenzjali għall-provvista tal-elettriku (iktar ’il quddiem it-“tariffa preferenzjali”). |
|
4 |
L-Artikolu 2(3) tal-kuntratt tal‑1960 kien jipprevedi t-tiġdid taċitu tiegħu għal perijodi suċċessivi ta’ ħames snin, sakemm ma jkunx xolt minn waħda mill-partijiet, bi preavviż ta’ sentejn, innotifikat b’ittra rreġistrata bil-konferma li jkun ġie rċevut. |
|
5 |
Skont ftehim bejn l-appellanti u l-Istat Grieg u fformalizzat b’Digriet Leġiżlattiv tal‑1969 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv tal‑1969”), il-kuntratt tal‑1960 kellu jiskadi fil‑31 ta’ Marzu 2006, ħlief fil-każ li jiġi estiż konformement mad-dispożizzjonijiet tiegħu. |
|
6 |
Permezz tad-Deċiżjoni SG (92) D/867 tat‑23 ta’ Jannar 1992, Għajnuna kontenzjuża favur l-impriża Alouminion tis Ellados AE, Għajnuna NN 83/91 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑1992”), il-Kummissjoni Ewropea qieset li t-tariffa preferenzjali mogħtija lil din l-impriża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. |
|
7 |
Permezz tad-Deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2002, intitolata “Awtorizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat fil-qafas tad-Dispożizzjonijiet tal-Artikoli [107 u 108 TFUE] – Fir-rigward ta’ dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2003, C 9, p. 6), il-Kummissjoni approvat sussidju mogħti mir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-elettriku (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑2002”). |
|
8 |
Fix-xahar ta’ Frar 2004, DEI informat lill-appellanti bl-intenzjoni tagħha li xxolji l-kuntratt tal-1960 u, konformement mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali, waqfet milli tapplika fil-konfront tagħha t-tariffa preferenzjali mill-1 ta’ April 2006. |
|
9 |
L-appellanti kkontestat dan ix-xoljiment quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. |
|
10 |
Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Jannar 2007 (iktar ’il quddiem l-“ewwel digriet għal miżuri provviżorji”), il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza bi Mħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja), li kienet qiegħda tiddeċiedi bħala qorti għal miżuri provviżorji, issospendiet b’mod provviżorju u ex nunc l-effetti ta’ dan ix-xoljiment. Din il-qorti qieset li l-imsemmi xoljiment ma kienx validu, abbażi tat-termini tal-kuntratt tal‑1960 u tal-qafas legali nazzjonali applikabbli. |
|
11 |
DEI kkontestat l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji quddiem il-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja), li, filwaqt li hija wkoll kienet qiegħda tiddeċiedi bħala qorti għal miżuri provviżorji, laqgħet, ex nunc, it-talba tagħha għax-xoljiment tal-kuntratt tal-1960 u għall-waqfien tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali, permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Marzu 2008. |
|
12 |
Għalhekk, matul il-perijodu bejn il-5 ta’ Jannar 2007 u s-6 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”), l-appellanti kompliet tibbenefika mit-tariffa preferenzjali. |
|
13 |
Fix-xahar ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ġiet adita b’diversi ilmenti, dwar, b’mod partikolari, it-tariffa preferenzjali. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2010, hija informat lir-Repubblika Ellenika bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahar mid-data ta’ pubblikazzjoni tagħha. |
|
14 |
L-imsemmija deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ April 2010 (ĠU 2010, C 96, p. 7). |
|
15 |
F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk it-tariffa preferenzjali applikata minn DEI lill-appellanti matul il-perijodu inkwistjoni kinitx fl-istess livell bħat-tariffa applikata lill-konsumaturi industrijali l-kbar l-oħra tal-elettriku b’vultaġġ għoli stabbiliti fil-Greċja, peress li l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali, li kellha tispiċċa fil-31 ta’ Marzu 2006, kienet ġiet estiża permezz tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji. |
|
16 |
Ir-Repubblika Ellenika, l-appellanti u DEI bagħtu l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom lill-Kummissjoni. |
|
17 |
Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Ellenika kienet tat illegalment lill-appellanti għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 17.4 miljun, permezz tal-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali matul il-perijodu inkwistjoni. Peress li din l-għajnuna kienet ingħatat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u, għaldaqstant, kienet inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Ellenika sabiex tirkupraha mingħand l-appellanti. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Alouminion vs Il‑Kummissjoni (T‑542/11, EU:T:2014:859)
|
18 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ottubru 2011, l-appellanti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Ir-rikorrenti f’dik il-kawża invokat għaxar motivi insostenn tar-rikors tagħha. |
|
19 |
Permezz tas-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Alouminion vs Il‑Kummissjoni (T‑542/11, EU:T:2014:859), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv ta’ dan ir-rikors u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma tat deċiżjoni fuq il-motivi invokati l-oħrajn. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u s-sentenza appellata
|
20 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Diċembru 2014, DEI appellat mill-imsemmija sentenza. |
|
21 |
Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il‑Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Alouminion vs Il‑Kummissjoni (T‑542/11, EU:T:2014:859), bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż. |
|
22 |
Wara din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni sal-għaxar motiv imqajma mir-rikorrenti f’dik il-kawża fir-rikors tagħha, li dwarhom hija ma kinitx tat deċiżjoni fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Alouminion vs Il‑Kummissjoni (T‑542/11, EU:T:2014:859). |
|
23 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ħames u tas-seba’ motiv, dawn jistgħu jiġu mqassra kif ġej. |
|
24 |
Permezz tal-ħames motiv tagħha, li kien jinkludi tliet partijiet, ir-rikorrenti f’dik il-kawża kkritikat lill-Kummissjoni li kisret l-Artikolu 107(1) TFUE. |
|
25 |
Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti f’dik il-kawża argumentat li t-tariffa preferenzjali ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti f’dik il-kawża kkontestat, essenzjalment, in-natura selettiva ta’ din it-tariffa. Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti f’dik il-kawża kkritikat lill-Kummissjoni li evalwat b’mod żbaljat l-effetti tat-tariffa preferenzjali, peress li din tal-aħħar, skont hi, ma affettwatx il-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas ma ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
|
26 |
Is-seba’ motiv invokat kien ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. |
|
27 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mqajma mir-rikorrenti f’dik il-kawża insostenn tar-rikors tagħha u, għalhekk, ċaħdet dan tal-aħħar fit-totalità tiegħu. |
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
28 |
Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, li tiddeċiedi fuq it-tilwima, li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
|
29 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-appell bħala infondat u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. |
|
30 |
DEI titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-imsemmi appell fl-intier tiegħu u li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. |
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
|
31 |
Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Settembru 2019, l-appellanti talbet għar-regolarizzazzjoni tal-preżentata ta’ dokument li hija kienet diġà pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali jew, fin-nuqqas, għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-preżentata, sabiex jiġi rregolarizzat, l-imsemmi dokument. |
|
32 |
Insostenn tat-talba tagħha, l-appellanti targumenta li, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni rrilevat li t-tabella li tindika, f’dak li jirrigwarda l-perijodu inkwistjoni, l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali u tat-tariffa applikata għall-konsumaturi industrijali l-kbar l-oħra tal-elettriku b’vultaġġ għoli, rispettivament, li hija kienet ipproduċiet fl-Anness 12 tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ma kinitx tinqara. |
|
33 |
L-appellanti rrikonoxxiet li l-qari ta’ dan id-dokument seta’ sar diffiċli minħabba l-kuluri użati u l-għexieren ta’ fotokopji u skans suċċessivi li dan kien suġġett għalihom u hija talbet, konsegwentement, l-awtorizzazzjoni li tipproduċi dan id-dokument mill-ġdid, f’verżjoni li fiha d-dellijiet li kienu jeżistu tneħħew sabiex ikun jista’ jinqara aħjar u jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
34 |
Għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn it-talba għar-regolarizzazzjoni tal-preżentata tad-dokument inkwistjoni ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala tardiva, l-ittra tal-appellanti għandha titqies bħala talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
F’dan il-każ, l-appellanti titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali biss sabiex tiġi awtorizzata tippreżenta, b’mod regolari, id-dokument inkwistjoni, f’verżjoni li, skont hi, tista’ tinqara, sabiex jiġi żgurat it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
37 |
Issa, għandu jiġi rrilevat li t-tabella li tinsab f’dan id-dokument, f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima li l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita biha, setgħet tinqara b’mod suffiċjenti fil-verżjoni tagħha li tinsab fl-Anness 12 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, l-imsemmi dokument seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
38 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha informazzjoni biżżejjed u għandha l-elementi neċessarji kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq l-appell odjern. |
|
39 |
Għaldaqstant, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l-appell
|
40 |
L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha, li permezz tagħhom hija tikkritika, essenzjalment, ir-raġunament li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ħames u s-seba’ motiv li hija kienet qajmet quddiemha. |
|
41 |
L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa maqsum fi tliet partijiet li jirrigwardaw l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ vantaġġ, tas-selettività tal-vantaġġ invokat, kif ukoll tal-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni, rispettivament. |
|
42 |
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuqha. |
|
43 |
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn din warrbet is-seba’ motiv imqajjem quddiemha, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. |
|
44 |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-analiżi tal-fondatezza tal-appell odjern, għandu jiġi eżaminat, qabelxejn, it-tielet aggravju; sussegwentement, it-tieni parti u t-tielet parti tal-ewwel aggravju; u, fl-aħħar nett, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju tal-appell flimkien. |
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
45 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punti 179 sa 200 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħha bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. |
|
46 |
L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, b’mod partikolari, qieset, minn naħa, li d-drittijiet tad-difiża li l-benefiċjarju ta’ għajnuna jista’ jgawdi minnhom huma limitati għad-dritt li jipparteċipa fil-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, li hija ma invokatx elementi li jipprovaw li, fl-assenza tal-irregolarità allegata, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. |
|
47 |
Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li, b’mod ġenerali, l-assenza ta’ garanziji proċedurali favur il-benefiċjarju, fil-proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat, hija kkumpensata mill-fatt li l-Istati Membri għandhom interessi li jikkoinċidu ma’ dawk tal-benefiċjarju tal-għajnuna, b’tali mod li huma jippreparaw id-dossiers flimkien, jipprovdu dokumenti u, jekk meħtieġ, jippreżentaw difiża komuni kontra l-eventwali ilmenti tal-Kummissjoni. |
|
48 |
Issa, l-appellanti diġà enfasizzat, quddiem il-Qorti Ġenerali, li dan ma kienx il-każ fil-kawża inkwistjoni. Fil-fatt, l-interessi tagħha, bħala benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni, ma tikkoinċidix ma’ dawk tal-Istat Grieg u huwa għal din ir-raġuni li, kuntrarjament għal DEI, hija la kienet ipparteċipat fil-proċedimenti segwiti quddiem il-Kummissjoni, la ġiet mitluba tipprovdi informazzjoni, u lanqas inżammet informata bl-investigazzjoni mwettqa. B’dan il-mod, hija kellha għarfien tal-eżistenza ta’ din l-investigazzjoni biss meta ġiet ippubblikata l-komunikazzjoni dwar l-investigazzjoni fil-fond. |
|
49 |
L-appellanti żżid li, peress li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet riferiment, f’din il-komunikazzjoni, għad-Deċiżjoni tal‑2002, li tikkostitwixxi l-pilastru ewlieni tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija kienet f’pożizzjoni li tippreżenta l-argumenti tagħha f’dan ir-rigward biss fil-kuntest tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 197 tas-sentenza appellata, peress li din ċaħdet l-argumenti tagħha għar-raġuni li dawn kienu ġew invokati wara l-iskadenza tat-terminu, l-appellanti ma ġietx mismugħa u, għaldaqstant, id-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura. |
|
50 |
Barra minn hekk, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta qieset li hija ma kinitx qajmet argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li r-riżultat kien ikun differenti li kieku hija kellha l-possibbiltà li tippreżenta l-argumenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal‑2002. Fil-fatt, hija argumentat, quddiem il-Qorti Ġenerali, li, li kieku d-drittijiet tad-difiża kienu ġew irrispettati, din id-deċiżjoni ma kinitx tkun tista’ tagħmel parti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, għaliex din ma kinitx issemmi, skont hi, li t-tariffa preferenzjali kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fi kwalunkwe każ, id-Deċiżjoni tal‑2002 ma hijiex infurzabbli kontriha. |
|
51 |
Il-Kummissjoni u DEI jqisu li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
52 |
Għandu jitfakkar, qabelxejn, li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li barra minn hekk hija ċċitata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 194 tas-sentenza appellata, jirriżulta li, fil-proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jeżerċitax rwol partikolari fost il-persuni interessati u ma jistax igawdi mid-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 83). |
|
53 |
Madankollu, bħala benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni, l-appellanti setgħet, bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 196 tas-sentenza appellata, tibgħat osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, liema dritt huwa stabbilit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 108(2) TFUE. |
|
54 |
Issa, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja u bħalma ġie kkonfermat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-appellanti kienet f’pożizzjoni li tissottometti osservazzjonijiet. |
|
55 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 197 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti f’dik il-kawża ma kinitx fondata tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-imsemmija proċedura. |
|
56 |
Fir-rigward tad-Deċiżjoni tal‑2002, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 187 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tippreżenta, fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, analiżi kompluta f’dak li jirrigwarda l-għajnuna inkwistjoni. |
|
57 |
Fi kwalunkwe każ, peress li d-Deċiżjoni tal‑2002 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u li, konsegwentement, l-appellanti seta’ jkollha aċċess għaliha hemmhekk, din tal-aħħar ma tistax validament targumenta li l-assenza ta’ riferiment għal din id-deċiżjoni fl-imsemmija komunikazzjoni pprekludietha milli jkollha għarfien tal-eżistenza tal-imsemmija deċiżjoni, u lanqas li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx infurzabbli kontriha. |
|
58 |
Fir-rigward tal-kritika bbażata fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li r-rikorrenti f’dik il-kawża ma kinitx argumentat, quddiemha, li r-riżultat kien ikun differenti li kieku hija kellha l-possibbiltà li tippreżenta l-argumenti tagħha fil-konfront tad-Deċiżjoni tal‑2002, din il-kritika hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
|
59 |
Fil-fatt, fil-punt 199 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma rrilevatx li r-rikorrenti f’dik il-kawża ma kinitx invokat elementi f’dan is-sens, iżda li hija ma kienet ressqet l-ebda prova li, fl-assenza tal-irregolarità allegata, il-proċedura setgħet wasslet għal riżultat differenti. |
|
60 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
61 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 146 sa 148 tas-sentenza appellata, wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni li hija għamlet tas-selettività tal-vantaġġ inkwistjoni. |
|
62 |
Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ffukat, b’mod żbaljat, fuq il-fatt li, matul il-perijodu inkwistjoni, hija kienet l-unika impriża li bbenefikat mit-tariffa preferenzjali u hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura legali u r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni. |
|
63 |
L-appellanti tfakkar li, fis-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-selettività ta’ miżura speċifika għandha tiġi evalwata fil-kuntest li jidħol fih il-qafas proċedurali li din il-miżura ttieħdet fih. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ selettività jvarja skont jekk il-miżura inkwistjoni hijiex prevista bħala skema ta’ għajnuna jew bħala għajnuna individwali. F’dan il-każ tal-aħħar, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku tippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tagħha tiġi preżunta. Min-naħa l-oħra, fl-eżami ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna, huwa neċessarju li jiġi identifikat jekk il-miżura inkwistjoni, minkejja l-fatt li din tagħti vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħmilx dan għall-benefiċċju ta’ ċerti impriżi biss jew ta’ ċerti setturi ta’ attivitajiet. |
|
64 |
L-appellanti tiddeduċi minn dan li l-Qorti Ġenerali kienet obbligata teżamina l-kwistjoni dwar jekk, meta l-Qorti Ġenerali tat l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, hija stabbilixxietx differenzi bejn l-impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni paragunabbli u, għaldaqstant, jekk ingħatatx, b’mod selettiv, vantaġġ li jista’ jiffavorixxiha meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. |
|
65 |
Issa, sa fejn il-qorti nazzjonali, li tiddeċiedi fuq miżuri provviżorji u li toħroġ miżuri interim ta’ protezzjoni, tkun sempliċement applikat id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt Grieg li jipproteġu kull parti li tinvoka li ġiet imċaħħda mid-drittijiet kuntrattwali tagħha, xejn ma jindika li, f’sitwazzjoni paragunabbli, miżuri analogi għal dawk mogħtija lill-appellanti permezz tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji ma kinux jingħataw lil kull impriża oħra, b’mod partikolari lil Larko, li hija t-tieni l-ikbar konsumatur tal-elettriku b’vultaġġ għoli stabbilit fil-Greċja u li, bħall-appellanti, gawdiet minn tariffa preferenzjali, minbarra matul il-perijodu inkwistjoni. Konsegwentement, l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni ma għandha ebda element ta’ selettività. |
|
66 |
Il-Kummissjoni u DEI jqisu li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
67 |
Għandu jitfakkar li mis-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs MOL (C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60), jirriżulta li r-rekwiżit ta’ selettività jvarja skont jekk il-miżura inkwistjoni hijiex prevista bħala skema ġenerali ta’ għajnuna jew bħala għajnuna individwali. F’dan il-każ tal-aħħar, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku tippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tagħha tiġi preżunta. |
|
68 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li targumenta l-appellanti, il-miżura inkwistjoni, jiġifieri dik li tirriżulta mill-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, ma tikkostitwixxix skema ġenerali ta’ għajnuna, iżda għajnuna individwali. |
|
69 |
Bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 147 tas-sentenza appellata, l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji pproduċa l-effetti tiegħu ex nunc b’tali mod li dawn kienu limitati għall-partijiet fil-kawża inkwistjoni biss, jiġifieri l-appellanti u DEI. L-imsemmija miżura għaldaqstant ma tistax titqies li tikkostitwixxi skema ġenerali ta’ għajnuna. |
|
70 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-appellanti skont liema Larko, li hija konsumatur industrijali kbir ieħor, klijent ta’ DEI u li bbenefikat minn tariffa preferenzjali, setgħet tikseb, mill-qorti nazzjonali għal miżuri provviżorji, miżuri analogi għal dawk mogħtija lill-appellanti permezz tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji. |
|
71 |
Fil-fatt, il-qorti għal miżuri provviżorji għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tagħti jew le miżuri intiżi li jipproteġu l-interessi tal-partijiet fil-kawża li huma suġġetti għaliha, li jvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw din it-tilwima. F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi preżunt li impriża differenti mill-appellanti setgħet, li kieku hija kienet għamlet it-talba, tikseb miżuri analogi għal dawk mogħtija lil din tal-aħħar permezz tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji. |
|
72 |
Peress li l-argumenti invokati mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell huma bbażati fuq il-premessa żbaljata, li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi skema ġenerali ta’ għajnuna, din għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
|
73 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali għal diversi żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-provi fl-evalwazzjoni li hija għamlet tal-effetti tal-miżura inkwistjoni fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni. |
|
74 |
L-appellanti ssostni li invokat, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il‑Kummissjoni (730/79, EU:C:1980:209, punt 11), skont liema l-Kummissjoni għandha l-obbligu tipprova li l-miżura inkwistjoni rrinforzat jew setgħet tirrinforza l-pożizzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dik ta’ industriji oħrajn tas-settur tal-aluminju fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
75 |
L-appellanti targumenta li l-miżura inkwistjoni ma setax ikollha dan l-effett, peress li l-aluminju ttrattat huwa prodott uniformi, li l-prezz tiegħu huwa ddeterminat, essenzjalment, mis-swieq internazzjonali, b’tali mod li kull tnaqqis tal-ispejjeż li jirriżulta mit-tariffa preferenzjali li ġiet applikata għalih ma setax ikun mgħoddi fuq il-prezz tal-bejgħ tal-prodotti tagħha. Barra minn hekk, b’mod partikolari mid-Deċiżjoni tal‑1992, jirriżulta li, matul il-perijodu inkwistjoni, it-tariffa preferenzjali kienet sinjifikattivament ogħla mill-prezz tal-elettriku mħallas mill-kompetituri internazzjonali tagħha. |
|
76 |
L-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta, fil-punti 159 sa 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni setgħetx tirrinforza l-pożizzjoni ekonomika tagħha minħabba l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kien imissha eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-vantaġġ li hija bbenefikat minnu setax ikollu effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, fil-konfront tal-produtturi tal-aluminju l-oħrajn li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-swieq Ewropej u dinjin. |
|
77 |
Issa, il-Qorti Ġenerali sempliċement qieset li l-għajnuna inkwistjoni ma setgħetx taffettwa l-kompetizzjoni bl-effetti ta’ prezz tal-bejgħ inferjuri għal dak tal-kompetituri tal-appellanti, peress li dawn il-prezzijiet ġew stabbiliti mis-suq, indipendentement mir-rieda tal-appellanti. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni, ikkonstatat li kien hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq l-iskambji, billi bbażat ruħha unikament fuq il-fatt li t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ produzzjoni kien imissu wassal lill-appellanti li tagħmel jew profitt ikbar jew inqas telf matul il-perijodu inkwistjoni, mingħajr madankollu ma vverifikat jekk din kinitx f’pożizzjoni li tuża l-vantaġġ ekonomiku magħmul sabiex ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq tal-aluminju. |
|
78 |
L-appellanti żżid li, fil-punti 165 u 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni, l-argumenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal‑1992 u d-data ekonomika l-oħra prodotta quddiemha, u li, għal din ir-raġuni, hija wettqet żball ta’ liġi. |
|
79 |
Skont l-appellanti, id-Deċiżjoni tal‑1992 hija rilevanti, peress li din tirrikonoxxi indirettament li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq setgħet tiġi affettwata biss jekk DEI kienet f’pożizzjoni li tipprovdilha l-elettriku għal prezz inqas minn dak imħallas mill-kompetituri prinċipali tagħha. Id-data ekonomika miċħuda mill-Qorti Ġenerali, għar-raġuni li din kienet tirrigwarda perijodi differenti mill-perijodu inkwistjoni, hija wkoll rilevanti, peress li din tikkonċerna settur li l-investiment fih u l-kuntratti huma konklużi għal diversi deċennji. |
|
80 |
L-appellanti żżid li l-Qorti Ġenerali injorat, b’mod żbaljat, li hija kienet ipprovdiet, quddiemha, provi dwar il-perijodu inkwistjoni, b’mod partikolari rapport dwar il-prezzijiet imħallsa mill-kompetituri prinċipali tagħha għall-konsum tal-elettriku u l-prezzijiet ipprattikati fil-livell dinji matul is-sena 2006. Issa, hija d-data ekonomika kkonstatata fid-data tal-adozzjoni tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, jiġifieri dik dwar is-sena 2006, li hija rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-effetti potenzjali tal-miżura inkwistjoni fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni. |
|
81 |
Il-Kummissjoni u DEI jqisu li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
82 |
Għandu jitfakkar, bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għaliha fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, mhux li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, imma unikament li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 44, u tal‑15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 111). |
|
83 |
Issa, meta għajnuna ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża fil-konfront ta’ dik ta’ impriżi kompetituri oħrajn fil-kummerċ intern tal-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala influwenzati b’din l-għajnuna (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il‑Kummissjoni, 730/79, EU:C:1980:209, punt 11, u tal‑20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C‑126/01, EU:C:2003:622, punt 41). |
|
84 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, wara li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 159 u 160 tas-sentenza appellata, li mid-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li r-rikorrenti f’dik il-kawża kienet preżenti f’settur fejn il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ kummerċ qawwi bejn l-Istati Membri, peress li l-aluminju huwa prodott f’disa’ Stati Membri oħrajn minbarra r-Repubblika Ellenika, u li l-miżura inkwistjoni kienet issaħħaħ il-pożizzjoni tar-rikorrenti f’dik il-kawża meta mqabbla mal-impriżi kompetituri l-oħrajn fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija vvalidat il-konstatatazzjoni tal-Kummissjoni, skont liema l-imsemmija impriżi kienu leżi bil-miżura inkwistjoni u li, għaldaqstant, il-kriterju dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kien issodisfatt. |
|
85 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali warrbet l-argumenti mqajma mir-rikorrenti f’dik il-kawża meta qieset, fil-punti 161 sa 164 tas-sentenza appellata, minn naħa, li ma jistax jiġi kkontestat serjament li t-tariffa preferenzjali kienet naqqset l-ispejjeż ta’ produzzjoni tar-rikorrenti f’dik il-kawża, indipendentement mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-impriżi kompetituri stabbiliti fi Stati Membri differenti mir-Repubblika Ellenika u, min-naħa l-oħra, li anki jekk il-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni kienu ffissati mill-Borża, fuq il-livell internazzjonali, li ma jippermettux, b’dan il-mod, lir-rikorrenti f’dik il-kawża tgħaddi, fuq il-prezz tal-bejgħ tal-imsemmija prodotti, l-ammont iffrankat fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha, hija madankollu kienet f’pożizzjoni li tagħmel profitt minħabba t-tariffa preferenzjali mogħtija minn DEI, b’differenza għall-impriżi kompetituri stabbiliti f’dawn l-Istati Membri l-oħrajn. |
|
86 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali, sa fejn dan kien intiż li jipprova li l-miżura inkwistjoni setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 82 u 83 tas-sentenza odjerna. |
|
87 |
L-argumenti tal-appellanti, ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali kien imissha vverifikat jekk din tal-aħħar kinitx effettivament f’pożizzjoni li tuża l-vantaġġ ekonomiku miksub bl-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali sabiex tiġi mtejba l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq tal-aluminju, ma jistgħux, għaldaqstant, ikunu aċċettati. |
|
88 |
Fir-rigward tal-argumenti dwar id-Deċiżjoni tal‑1992 u tad-data ekonomika pprovduta mill-appellanti, b’mod partikolari r-rapport li jinkludi statistika dwar is-sena 2006, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din tirrigwarda perijodi differenti mill-perijodu inkwistjoni, li jinkludi mill‑5 ta’ Jannar 2007 sas‑6 ta’ Marzu 2008, u li, għaldaqstant, ma għandhiex rilevanza. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdithom fil-punt 165 tas-sentenza appellata. |
|
89 |
Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-effetti tal-miżura inkwistjoni fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni la hija vvizzjata bi żnaturament tal-provi u lanqas bi żbalji ta’ liġi. |
|
90 |
Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju
|
91 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha u tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 117 sa 138 tas-sentenza appellata, minn naħa, hija wettqet diversi żbalji ta’ liġi u wettqet żnaturament tal-fatti fl-evalwazzjoni li hija għamlet fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ u, min-naħa l-oħra, li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuqha. |
|
92 |
Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-argumenti bbażati fuq żbalji ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali u, fit-tieni lok, dawk ibbażati fuq żnaturament tal-fatti kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. |
Fuq l-allegati żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali
– L-argumenti tal-partijiet
|
93 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 115 sa 138 tas-sentenza appellata, hija eżaminat b’mod separat u suċċessivament il-kwistjoni dwar jekk hija kinitx ibbenefikat minn spejjeż ta’ produzzjoni rħas, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali, il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tal-vantaġġ ipprovdut għal raġunijiet ekonomiċi u dik tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk it-tariffa preferenzjali setgħetx titqies bħala kompatibbli mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. |
|
94 |
Dan l-approċċ huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice (C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 21, 23 u 66), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn l-elementi għandhom jiġu eżaminati b’mod simultanju u flimkien, sabiex jiġi stabbilit li impriża bbenefikat minn vantaġġ. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, minn naħa, li l-kundizzjonijiet li miżura għandha tissodisfa sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, ma humiex issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq u, min-naħa l-oħra, li l-eżami tal-kriterju tal-investitur privat ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss meta jkun ivverifikat li teżisti għajnuna, iżda jinsab fost l-elementi li l-Kumissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna. |
|
95 |
Fit-tieni lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li rrifjutat li teżamina l-ġustifikazzjoni ekonomika tal-vantaġġ inkwistjoni u li applikat b’mod żbaljat ir-regoli dwar l-oneru tal-prova ta’ tali ġustifikazzjoni. |
|
96 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta, fil-punti 125 sa 127 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet, minn naħa, li, peress li l-eżistenza ta’ vantaġġ ġiet ikkonstatata, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tivverifika ex officio l-preżenza ta’ ġustifikazzjonijiet ekonomiċi, peress li l-oneru tal-prova tal-imsemmija ġustifikazzjonijiet hija imposta fuq l-Istat Membru inkwistjoni, jekk ikun biħsiebu jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha, f’dan il-kuntest, għall-elementi ppreżentati mill-Istat Membru matul il-proċedura amministrattiva u li, peress li r-Repubblika Ellenika ma invokatx argumenti f’dan is-sens, id-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tiġi kkritikata fuq dan il-punt. |
|
97 |
Skont l-appellanti, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi sa fejn dan jaqleb l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna u jillimita, b’mod żbaljat, l-obbligu tal-Kummissjoni għas-sempliċi evalwazzjoni tal-argumenti mqajma mill-Istat Membru kkonċernat matul il-proċedura amministrattiva. |
|
98 |
Dan ir-raġunament huwa kuntrarju għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice (C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 23 sa 26), u għall-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali, bħalma jirriżulta mill-punt 90 tas-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, EU:C:2010:480). Fil-fatt, jekk jitqies li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tivverifika ex officio l-preżenza ta’ ġustifikazzjonijiet ekonomiċi, hija jkollha teżamina l-argumenti li l-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni invoka quddiemha matul il-fażi prekontenzjuża. |
|
99 |
L-appellanti żżid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta argumentat, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, li DEI, bħala fornitur tal-elettriku tal-appellanti, kienet argumentat mingħajr ebda ambigwità li t-tariffa preferenzjali kienet, matul il-perijodu inkwistjoni, inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha u ma kinitx ikkumpensata mod ieħor. Din l-affermazzjoni tikkostitwixxi sostituzzjoni ta’ motivazzjoni mhux valida, peress li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-kwistjoni dwar jekk, matul il-perijodu inkwistjoni, it-tariffa preferenzjali kinitx effettivament inqas mill-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ DEI. |
|
100 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali la vverifikat ir-realtà ta’ dawn l-elementi sostantivi, u lanqas ħadet inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mill-appellanti f’dan ir-rigward. Issa, dawn juru li t-tariffa preferenzjali kienet tkopri l-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ DEI u kienet tiżguralha benefiċċju raġonevoli, b’mod partikolari billi din tal-aħħar tgawdi mill-benefiċċji tal-appellanti. |
|
101 |
Fit-tielet lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni li hija għamlet tal-kriterju tal-investitur privat. |
|
102 |
L-appellanti, li tagħmel riferiment għas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice (C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 43 u 48), targumenta li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni dan il-kriterju u li huwa b’mod żbaljat li hija qajmet dubji dwar l-applikabbiltà tiegħu u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-importanza ta’ dan il-kriterju sabiex tevalwa jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tirrifletti l-kundizzjonijiet normali tas-suq. |
|
103 |
Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod iddettaljat iċ-ċirkustanzi partikolari ħafna tal-każ, li hija kienet invokat quddiemha, b’mod partikolari l-fatt li, bħalma rrikonoxxew l-awtoritajiet Griegi u tal-Unjoni kompetenti fil-qasam ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni, DEI hija impriża dominanti, li ilha tabbuża b’mod sistematiku mill-pożizzjoni tagħha fis-suq għal diversi deċennji permezz tal-politika tariffarja tagħha. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-appellanti ma għandhiex sors alternattiv ta’ provvista tal-elettriku, b’tali mod li hija jkollha twaqqaf l-attivitajiet tagħha jekk ma tibqax tiġi pprovduta minn DEI. |
|
104 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq il-premessa skont liema l-appellanti taqa’ b’mod obbligatorju taħt l-applikazzjoni tat-tariffa rregolata A‑150, irriżervata, fil-Greċja, għall-konsumaturi industrijali kbar, mingħajr ma teżisti possibbiltà legali li ssir deroga minn dan l-obbligu. Issa, peress li tali premessa ma tirriżultax mid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali wettqet sostituzzjoni ta’ motivazzjoni mhux valida. |
|
105 |
Fi kwalunkwe każ, it-tariffa rregolata A‑150 ma tikkostitwixxix il-qafas ta’ referenza adegwat sabiex tiġi evalwata, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ vantaġġ. Għaldaqstant, skont l-appellanti, li tagħmel riferiment għad-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2016, Alcoa Trasformazioni vs Il‑Kummissjoni (C‑604/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:54, punti 38 u 39), kif ukoll għas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice (C‑300/16 P, EU:C:2017:706), il-Kummissjoni kienet obbligata, f’dan ir-rigward, li twettaq analiżi abbażi tal-prezz ipotetiku tas-suq. |
|
106 |
L-appellanti żżid, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78), li r-riżultat tal-proċedura intiża li tevalwa jekk miżura tagħtix vantaġġ jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk dan il-vantaġġ jistax jeżisti f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża odjerna. |
|
107 |
F’dak li jirrigwarda l-punti 132 u 133 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali, minn naħa, eskludiet li investitur privat kien ikun irid juża tariffa bħat-tariffa preferenzjali, iktar milli jissuġġetta ruħu għat-tariffa normali, ta’ ammont ogħla, ħlief jekk ikun hemm xi kumpens, u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li l-appellanti bl-ebda mod ma kienet semmiet tali kumpens, din tal-aħħar targumenta li, meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti. |
|
108 |
Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali injorat li r-rikorrenti f’dik il-kawża ppreżentat b’mod iddettaljat argumenti f’dan ir-rigward, u, b’mod partikolari, uriet li l-metodu ta’ tariffikazzjoni previst mill-kuntratt tal‑1960 kien jippermetti lil DEI tgawdi indirettament mill-benefiċċji tal-appellanti, mill-bejgħ tal-aluminju, billi titlob prezzijiet ogħla għall-provvista tal-elettriku, meta l-prezzijiet, fis-suq tal-metalli, kienu ogħla. |
|
109 |
Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-fatt li, għal ħames xhur matul il-perijodu inkwistjoni, inkluż matul l-adozzjoni tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, it-tariffa preferenzjali kienet ogħla mit-tariffa normali A‑150, b’tali mod li l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali bl-ebda mod ma kienet ta’ benefiċċju għall-appellanti. |
|
110 |
F’dak li jirrigwarda l-perijodu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni mhux il-perijodu, ta’ erbatax‑il xahar, li matulu l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji pproduċa l-effetti tiegħu, iżda kull perijodu li matulu l-imsemmi digriet seta’ jipproduċi l-effetti tiegħu, u dan il-perijodu jestendi sa meta eventwalment tingħata sentenza dwar il-validità tax-xoljiment tal-kuntratt tal‑1960, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja ordinarja. |
|
111 |
Barra minn hekk, skont is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 71), u tal‑21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke (C‑129/12, EU:C:2013:200, punt 40), il-mument determinanti sabiex jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat kienx adotta jew le l-aġir ta’ investitur prudenti li jopera f’ekonomija tas-suq u, għaldaqstant, jekk l-applikazzjoni tal-metodu ta’ tariffikazzjoni previst mill-kuntratt tal‑1960 kinitx tikkostitwixxi vantaġġ li ma kienx jeżisti fil-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jikkorrispondix max-xahar ta’ Frar 2004, li matulu ġie nnotifikat ix-xoljiment ta’ dan il-kuntratt minn DEI, iżda max-xahar ta’ Jannar 2007, li matulu ngħata l-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, għaliex, konformement ma’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-mument determinanti huwa dak meta d-dritt li tiġi rċevuta l-għajnuna ngħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. |
|
112 |
Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali skont liema x-xoljiment tal-kuntratt tal‑1960 minn DEI juri li, fix-xahar ta’ Jannar 2007, korp privat ma kienx jaċċetta l-applikazzjoni tal-metodu ta’ tariffikazzjoni previst mill-kuntratt tal‑1960, li jorbtu mal-prezz tal-aluminju fis-suq, l-appellanti targumenta li din hija żbaljata. |
|
113 |
Fil-fatt, fix-xahar ta’ Jannar 2007, l-applikazzjoni tal-imsemmi metodu kienet twassal għal prezz tal-elettriku ogħla minn dak li jirriżulta mit-tariffa rregolata A‑150. Barra minn hekk, qabel u wara l-perijodu inkwistjoni, DEI applikat lill-appellanti tariffa li wkoll torbot il-prezz tal-provvista tal-elettriku ma’ dak tal-aluminju fis-suq internazzjonali u li tagħti lok għal prezz sinjifikattivament irħas minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali. Din it-tariffa tal-aħħar għalhekk ġiet meqjusa mill-Kummissjoni bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
|
114 |
L-appellanti żżid li DEI ma talbitx immedjatament l-irtirar tal-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, li juri li, matul is-sena 2007, it-tariffa preferenzjali kienet attraenti minn perspettiva kummerċjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-Deċiżjoni tal‑1992 tagħha, li DEI kienet għamlet profitti kbar għal perijodi sinjifikattivi u, konsegwentement, setgħet tipprovdi l-elettriku bi prezz ridott għal ċerti konsumaturi kbar, bħall-appellanti. |
|
115 |
Skont din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll meta ddeċidiet, fil-punt 134 tas-sentenza appellata, li l-invokazzjoni tad-dritt idderivat fil-qasam tal-elettriku, tad-deċiżjonijiet tar-Rythmistiki Archi Energeias (l-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija, il-Greċja) u tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE ma tistax taffettwa l-evalwazzjoni li investitur privat ma jkunx jixtieq japplika tariffa bħat-tariffa preferenzjali. |
|
116 |
Fir-replika tagħha, l-appellanti żżid, billi tagħmel riferiment għas-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 99), kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318), li, jekk jitqies li l-miżura inkwistjoni ma hijiex ikkostitwita mit-tariffa preferenzjali iżda mill-ewwel digriet għal miżuri provviżorji, il-fatt li qorti ma tibbażax ruħha fuq il-parametri kummerċjali ma huwiex ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, għaliex l-Artikolu 107 TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom. |
|
117 |
Il-Kummissjoni u DEI jqisu li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
118 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaminat, b’mod separat u suċċessivament, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti f’dik il-kawża kinitx ibbenefikat minn spejjeż ta’ produzzjoni iktar baxxi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali, il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tal-vantaġġ b’raġunijiet ekonomiċi u dik tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice (C‑300/16 P, EU:C:2017:706). |
|
119 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li targumenta l-appellanti, mill-imsemmija sentenza ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina dawn il-punti b’mod konġunt. |
|
120 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi f’dan ir-rigward. |
|
121 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li teżamina l-ġustifikazzjoni ekonomika tal-vantaġġ inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, għaliex mill-punti 124 sa 130 ta’ din tal-aħħar jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, it-tariffa preferenzjali setgħetx tiġi ġġustifikata b’raġunijiet ekonomiċi. |
|
122 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-argument ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-oneru tal-prova tal-ġustifikazzjoni ekonomika tal-imsemmi vantaġġ, b’mod iktar partikolari, tal-argument skont liema l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-argumenti dwar il-ġustifikazzjoni ekonomika mqajma mill-Istat Membru kkonċernat, għandu jitfakkar li, ċertament, bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza appellata, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tivverifika ex officio jekk hemmx ġustifikazzjonijiet ekonomiċi. |
|
123 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, li twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-informazzjoni l-iktar kompluta u affidabbli possibbli (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’dan il-mod, mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta li l-Kummissjoni, bħala prinċipju, hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi mqajma, jekk ikun il-każ, mill-benefiċjarju tal-għajnuna matul il-proċedura ta’ eżami. |
|
124 |
Minn dan isegwi li huwa b’mod żbaljat li, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha għall-punti ppreżentati mill-Istat Membru matul il-proċedura amministrattiva. |
|
125 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-iżball ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. |
|
126 |
Fil-fatt, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kkonfermat li, bħalma hija kienet għamlet quddiem il-Qorti Ġenerali, l-argumenti invokati mill-appellanti, dwar il-ġustifikazzjoni ekonomika tal-vantaġġ inkwistjoni, ġew ippreżentati b’mod tardiv u, għaldaqstant, kienu inammissibbli. |
|
127 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, f’dan il-każ, li tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti dwar il-ġustifikazzjoni ekonomika tal-imsemmi vantaġġ, imqajma mill-appellanti matul il-proċedura amministrattiva. |
|
128 |
Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq sostituzzjoni ta’ motivazzjoni mhux valida, magħmula mill-Qorti Ġenerali, wara li din tal-aħħar affermat, fil-punt 128 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kienet obbligata tivverifika jekk kienx hemm ġustifikazzjonijiet, DEI, bħala fornitur tal-elettriku tal-appellanti, argumentat, mingħajr l-ebda ambigwità, li t-tariffa preferenzjali kienet, matul il-perijodu inkwistjoni, iktar baxxa mill-ispejjeż ta’ produzzjoni korrispondenti tagħha u ma kinitx ikkumpensata mod ieħor, għandu jiġi enfasizzat li, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 129 tas-sentenza appellata, skont liema l-Kummissjoni setgħet issostni li mix-xoljiment tal-kuntratt tal‑1960 minn DEI kien jirriżulta li t-tariffa preferenzjali ma setgħetx tiġi ġġustifikata b’raġunijiet ekonomiċi li jikkonċernawha, jirriżulta li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 128 tal-imsemmija sentenza kienet intiża, fir-realtà, li tikkonferma l-fondatezza tal-konklużjoni li kienet waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ekonomika tal-vantaġġ mogħti mill-miżura inkwistjoni. |
|
129 |
Fil-fatt, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li t-tariffa preferenzjali kienet ippermettiet lill-appellanti tnaqqas l-ispejjeż kurrenti tagħha u li l-aġir ta’ DEI, b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li din tal-aħħar kienet iddeċidiet li xxolji l-kuntratt tal‑1960 minn meta dan kien possibbli, kien juri b’mod ċar li t-tariffa preferenzjali ma kinitx tikkorrispondi mal-prezz tas-suq u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet Griegi ma kienu pprovdew l-ebda prova li l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali kienet iġġustifikata. |
|
130 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet riferiment għad-Deċiżjoni tal‑2002, li minnha jirriżulta, skont hi, li DEI kellha tagħti tariffa preferenzjali lill-appellanti, minkejja li din ma kienx ikollha tagħmel dan f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-Kummissjoni fakkret, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija deċiżjoni hija dwar sussidju li r-Repubblika Ellenika kellha tagħti lil DEI u li kellha bħala għan li tippermetti lil din tal-aħħar tiġi kkumpensata għall-ispejjeż mhux rekuperabbli li hija kienet sostniet minħabba l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali lill-appellanti, u li hija kienet approvat dan is-sussidju, peress li din kienet tikkostitwixxi kumpens għall-iżvantaġġ sostnut minn DEI. |
|
131 |
Fil-punti 128 u 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-konklużjoni li kienet waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, skont liema mix-xoljiment, minn DEI, tal-kuntratt tal‑1960, kien jirriżulta li t-tariffa preferenzjali ma setgħetx tiġi ġġustifikata b’raġunijiet ekonomiċi, kienet ikkorroborata mill-argumenti mqajma quddiemha minn DEI. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li, meta għamlet dan, wettqet sostituzzjoni ta’ motivi mhux valida. |
|
132 |
Fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti, ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx ir-realtà tal-elementi sostantivi mqajma minn DEI, u lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-provi kuntrarji li l-appellanti kienet invokat quddiemha, huwa biżżejjed li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, peress li hija l-Qorti Ġenerali biss li tista’ tevalwa l-provi prodotti quddiemha, din ma tistax tkun obbligata timmotiva b’mod espliċitu l-evalwazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-valur ta’ kull prova ppreżentata quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑237/98 P, EU:C:2000:321, punti 50 u 51, kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni, C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punt 110). Dawn l-argumenti għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala ineffettivi. |
|
133 |
Fir-raba’ lok, f’dak li jirrigwarda l-argumenti tal-appellanti dwar l-applikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-kriterju tal-investitur privat, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju tiddependi mill-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża li tappartjeni lilu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika. Għaldaqstant, biex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi kriterju huwiex applikabbli, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe prova li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità ta’ azzjonist jew minn dik ta’ awtorità pubblika tal-Istat Membru kkonċernat. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti n-natura u l-għan ta’ din il-miżura, il-kuntest li din tiġi adottata fih kif, ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 79 sa 81 u 86). |
|
134 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni, jiġifieri digriet mogħti minn qorti nazzjonali għal miżuri provviżorji, li jagħti lill-appellanti miżuri provviżorji intiżi li jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt tal‑1960, għandha, fid-dawl tan-natura tagħha, tal-kuntest li hija adottata fih, tal-għan tagħha kif ukoll tar-regoli li għalihom hija suġġetta, il-karatteristiċi ta’ att ġudizzjarju li jaqa’ taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tal-Istat Membru kkonċernat. Konsegwentement, il-kriterju tal-investitur privat ma jistax jiġi applikat għalih. |
|
135 |
Minn dan isegwi li, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet b’mod impliċitu li l-kriterju tal-investitur privat ma kienx applikabbli għal dak il-każ. |
|
136 |
Għaldaqstant, l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
|
137 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, mill-parti tas-sentenza “anki jekk jitqies il-kriterju tal-investitur privat applikabbli fiċ-ċirkustanzi partikolari ħafna tal-każ”, li tinsab fil-punt 132 tas-sentenza appellata, jirriżulta li huwa biss b’mod sussidjarju li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 132 sa 136 tal-imsemmija sentenza, applikat dan il-kriterju. Għaldaqstant, l-argumenti mqajma mill-appellanti ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata u għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala ineffettivi (sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
Fuq l-allegati żnaturament u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali
– L-argumenti tal-partijiet
|
138 |
L-appellanti targumenta li, fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet żnaturament meta kklassifikat diversi punti ta’ fatt bħala “stabbiliti”, fis-sens li “ma humiex ikkontestati” mir-rikorrenti f’dik il-kawża, ibbażati fuq l-allegazzjoni li, l-ewwel nett, it-tariffa preferenzjali applikata lill-appellanti minn DEI skont digriet leġiżlattiv kienet tidderoga mil-leġiżlazzjoni tariffarja ta’ dritt komuni li tipprevedi tariffa normali obbligatorja; it-tieni nett, ir-rikorrenti f’dik il-kawża kienet taqa’ taħt il-kategorija ta’ konsumaturi industrijali kbar tal-elettriku, klijenti ta’ DEI; u, it-tielet nett, għall-inqas matul il-perijodu kkonċernat, it-tariffa preferenzjali kienet inqas mit-tariffa normali applikata lil dawn il-konsumaturi industrijali kbar, minkejja li l-imsemmija tariffa normali, irregolata fuq il-livell nazzjonali, kienet imposta fuq DEI u fuq l-imsemmija konsumaturi industrijali kbar. |
|
139 |
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuqha, sa fejn hija ma wettqitx analiżi fil-fond f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali la ssemmi l-pożizzjonijiet kuntrarji tal-partijiet, b’mod partikolari l-argumenti li r-rikorrenti f’dik il-kawża kienet invokat sabiex tikkontesta dawn il-punti ta’ fatt quddiemha, u lanqas il-provi li wassluha biex tikklassifika dawn il-punti ta’ fatt bħala “ma humiex ikkontestati”. |
|
140 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 117 tas-sentenza appellata, skont liema huwa stabbilit li, qabel is-sena 2006, it-tariffa preferenzjali applikata skont digriet leġiżlattiv kienet tidderoga mil-leġiżlazzjoni tariffarja ta’ dritt komuni li tipprevedi tariffa normali obbligatorja, l-appellanti tgħid li invokat b’mod irrepetut, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali bħala rikorrenti f’dik il-kawża, il-fatt li l-kuntratt tal‑1960, konkluż bejnha nnifisha u DEI, ma kienx daħħal deroga mit-tariffa normali obbligatorja, jiġifieri t-tariffa rregolata A‑150. |
|
141 |
Fil-fatt, l-imsemmija tariffa, li tapplika għall-konsumaturi industrijali l-oħrajn, ġiet imfassla u implimentata mill-Kunsill Nazzjonali għall-Enerġija (il-Greċja) matul is-sena 1977, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-profil ta’ konsum tal-appellanti jew ta’ dak ta’ Larko, liema żewġ impriżi kienu diġà kkonkludew kuntratti ma’ DEI, li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ tariffa preferenzjali. Għaldaqstant, it-tariffa rregolata A‑150 ġiet imfassla għal konsumaturi li għandhom profil ta’ konsum differenti minn dawk tal-appellanti u ta’ Larko. |
|
142 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 119 tas-sentenza appellata, skont liema huwa stabbilit li, għall-inqas matul il-perijodu kkonċernat, l-appellanti kienet taqa’ taħt il-kategorija tal-konsumaturi industrijali kbar, hija targumenta li hija kienet invokat, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-fatt li hija kienet distinta mill-konsumaturi industrijali l-oħrajn kollha minħabba l-profil ta’ konsum uniku tagħha. |
|
143 |
L-appellanti għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għal diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jirrikonoxxu li l-industriji tal-aluminju ma jistgħu jiġu pparagunati mal-ebda konsumatur tal-enerġija elettrika, għal deċiżjonijiet tal-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija kif ukoll għal deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni (il-Greċja) skont liema l-fatt li klijent jiġi konness direttament man-netwerk b’vultaġġ għoli ma jfissirx awtomatikament li huwa jikkonsma ammont kbir ta’ enerġija, ekwivalenti għal dawk ikkunsmati minnu jew minn Larko, peress li impriżi li jikkunsmaw ammont ħafna inqas ta’ enerġija huma wkoll konnessi ma’ dan in-netwerk. |
|
144 |
L-appellanti argumentat ukoll, quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-leġiżlazzjoni Griega applikabbli għall-perijodu inkwistjoni kienet tipprevedi li DEI setgħet tipproponi termini individwalizzati għall-parti kummerċjali tat-tariffi għall-provvista tal-elettriku għall-klijenti tan-netwerk b’vultaġġ għoli, sa fejn id-differenzi fil-karatteristiċi tal-kurva tal-vultaġġ jew termini oħrajn tal-kuntratt kienu jiġġustifikaw tali differenza, fatt li l-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija, barra minn hekk, irrikonoxxiet matul is-sena 2010. |
|
145 |
Barra minn hekk, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta naqset milli tanalizza l-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur industrijali kbir” li tinsab fid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, l-appellanti kinitx effettivament taqa’ taħt dan il-kunċett. |
|
146 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 118 tas-sentenza appellata, skont liema huwa stabbilit li l-appellanti bbenefikat minn vantaġġ fil-forma ta’ tariffa ta’ provvista tal-elettriku irħas mit-tariffa normali applikata għall-konsumaturi industrijali kbar, klijenti ta’ DEI, peress li, matul il-perijodu inkwistjoni, it-tariffa preferenzjali kienet irħas minn din it-tariffa normali li kienet irregolata fuq il-livell nazzjonali, l-appellanti targumenta li kkontestat bil-qawwi dawn il-punti quddiem il-Qorti Ġenerali. Din tal-aħħar targumenta li pproduċiet, f’dan ir-rigward, dokumenti u provi li juru li l-metodu ta’ tariffikazzjoni previst mill-kuntratt tal‑1960 wassal, fir-realtà, għal tariffa ogħla mit-tariffa rregolata A‑150 għal mill-inqas ħamsa mill-erbatax‑il xahar li kienu jammontaw għall-perijodu inkwistjoni. |
|
147 |
L-appellanti targumenta li l-varjazzjoni sinjifikattiva tat-tariffa preferenzjali matul l-imsemmi perijodu tista’ tiġi spjegata mill-fatt li l-metodu ta’ tariffikazzjoni kien marbut mill-qrib mal-prezz internazzjonali tal-aluminju fil-London Metal Exchange (ir-Renju Unit), li min-naħa tiegħu kien ivarja u naqas b’ammont sostanzjali matul dan il-perijodu, fatt li, barra minn hekk, il-Kummissjoni semmiet fid-Deċiżjoni tal‑2002. |
|
148 |
Il-Kummissjoni u DEI jqisu li l-argumenti mqajma mill-appellanti għandhom jiġu miċħuda. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
149 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżerċita, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali tagħhom u l-konsegwenzi legali li ġew misluta minnhom. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
150 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
151 |
F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali qisitx b’mod żbaljat, fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza appellata, li diversi punti ta’ fatt dwar it-tariffa preferenzjali ma kinux ikkontestati mill-appellanti, mill-argumenti invokati minn din tal-aħħar fl-appell tagħha, kif imqassra fil-punti 140 sa 147 tas-sentenza odjerna, jirriżulta li l-appellanti tfittex, fir-realtà, li tikseb evalwazzjoni ġdida ta’ dawn il-punti ta’ fatt, li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
152 |
Konsegwentement, l-argumenti bbażati fuq żnaturament tal-fatti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
|
153 |
Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza appellata, sa fejn din la semmiet l-argumenti li l-appellanti kienet invokat quddiemha sabiex tikkontesta l-punti ta’ fatt dwar it-tariffa preferenzjali, u lanqas il-provi li wassluha tikklassifika dawn il-punti ta’ fatt bħala “stabbiliti”, fis-sens li “ma humiex ikkontestati”, għandu jiġi kkonstatat li, mill-punti 120, 121 u 123 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari mill-użu tal-partijiet tas-sentenza “l-appellanti tammetti hija stess” jew “[l-]argumenti tal-appellanti ma jistgħux jikkontestaw din l-evalwazzjoni”, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-argumenti mqajma mill-appellanti f’dan ir-rigward u, konsegwentement, ħadithom inkunsiderazzjoni. |
|
154 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha kompetenza tevalwa l-provi prodotti quddiemha. Bla ħsara għall-obbligu li tosserva l-prinċipji ġenerali u r-regoli tal-proċedura fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova u li ma tiżnaturax il-provi, hija ma tistax tiġi obbligata li timmotiva b’mod espress l-evalwazzjonijiet tagħha f’dak li jirrigwarda l-valur ta’ kull prova li tkun ġiet sottomessa lilha, b’mod partikolari meta hija tqis li dawn huma mingħajr interess jew huma nieqsa minn rilevanza għas-soluzzjoni tat-tilwima (sentenza tas‑26 ta’ April 2018, Cellnex Telecom u Telecom Castilla-La Mancha vs Il‑Kummissjoni, C‑91/17 P u C‑92/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:284, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
155 |
Konsegwentement, l-argumenti mqajma mill-appellanti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
|
156 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, bħalma targumenta l-appellanti, il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali u li tinsab fil-punti 117 sa 120 tas-sentenza appellata kellha titqies bħala insuffiċjenti, din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. |
|
157 |
Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 119 tas-sentenza appellata, skont liema, matul il-perijodu inkwistjoni, l-appellanti kienet taqa’ taħt il-kategorija tal-konsumaturi industrijali kbar, għandu jiġi enfasizzat li hija targumenta li hija nnifisha u Larko għandhom karatteristiċi li jiddistingwuhom mill-konsumaturi industrijali l-oħrajn, minħabba l-profil ta’ konsum uniku tagħhom. |
|
158 |
Issa, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni u DEI kkonfermaw li, matul il-perijodu inkwistjoni, Larko ġiet applikata t-tariffa A‑150, li tikkostitwixxi t-tariffa normali obbligatorja, prevista mil-leġiżlazzjoni tariffarja ta’ dritt komuni applikabbli għall-konsumaturi industrijali kbar, fatt li l-appellanti, barra minn hekk, ma kkontestatx. |
|
159 |
Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, Larko għandha titqies li tagħmel parti mill-kategorija tal-konsumaturi industrijali kbar. |
|
160 |
Peress li l-appellanti rrikonoxxiet, kemm fir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija għandha karatteristiċi analogi għal dawk ta’ Larko, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, matul il-perijodu inkwistjoni, l-appellanti kienet taqa’ taħt il-kategorija ta’ konsumaturi industrijali kbar, klijenti ta’ DEI. |
|
161 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 117 tas-sentenza appellata, skont liema, qabel l-imsemmi perijodu, it-tariffa preferenzjali applikata skont digriet leġiżlattiv kienet tidderoga mil-leġiżlazzjoni tariffarja ta’ dritt komuni li tipprevedi tariffa normali obbligatorja, liema tariffa normali ġiet imfassla għal konsumaturi li għandhom profili ta’ konsum differenti minn dawk tal-appellanti u ta’ Larko, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-kuntratt tal‑1960 kien jagħti lill-appellanti tariffa preferenzjali għall-provvista tal-elettriku, li, konformement mad-Digriet Leġiżlattiv tal‑1969, kellu jiskadi fil‑31 ta’ Marzu 2006, l-imsemmi kuntratt implimenta, favur l-appellanti, sistema tariffarja distinta minn dik applikabbli għall-konsumaturi industrijali kbar, klijenti ta’ DEI. Għaldaqstant, meta l-leġiżlazzjoni tariffarja komuni li tipprevedi tariffa normali obbligatorja ġiet implimentata, matul is-sena 1977, l-appellanti ma ġietx applikata din it-tariffa, peress li hija kienet tibbenefika mit-tariffa preferenzjali, konformement mal-kuntratt tal‑1960 u mad-Digriet Leġiżlattiv tal‑1969. |
|
162 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li, qabel il-perijodu inkwistjoni, il-kuntratt tal‑1960 u d-Digriet Leġiżlattiv tal‑1969 kienu stabbilixxew sistema tariffarja favur l-appellanti, li tidderoga mil-leġiżlazzjoni tariffarja ta’ dritt komuni li tipprevedi tariffa normali obbligatorja. |
|
163 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-appellanti skont liema t-tariffa normali obbligatorja prevista mil-leġiżlazzjoni tariffarja ta’ dritt komuni ġiet imfassla għal konsumaturi li għandhom profili ta’ konsum differenti minn tagħha u minn dak ta’ Larko. |
|
164 |
Fil-fatt, bħalma ġie kkonstatat fil-punti 159 u 160 tas-sentenza odjerna, l-appellanti u Larko għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija tal-konsumaturi industrijali kbar, klijenti ta’ DEI u, konsegwentement, taħt il-leġiżlazzjoni tariffarja ta’ dritt komuni li tipprevedi tariffa normali obbligatorja, a fortiori peress li ġie kkonfermat, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li Larko ġiet applikata din it-tariffa normali matul il-perijodu inkwistjoni. |
|
165 |
Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 118 tas-sentenza appellata, skont liema, matul il-perijodu inkwistjoni, it-tariffa preferenzjali kienet inqas mit-tariffa normali applikata għall-konsumaturi industrijali kbar, klijenti ta’ DEI, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti tammetti li, għal disa’ mill-erbatax‑il xahar li jikkostitwixxu l-perijodu inkwistjoni, it-tariffa preferenzjali kienet inferjuri għat-tariffa normali obbligatorja. |
|
166 |
Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni argumentat li, matul dawn id-disa’ xhur, id-differenza bejn it-tariffa preferenzjali u t-tariffa normali obbligatorja kienet partikolarment għolja, li tikkorrispondi ma’ diversi miljuni ta’ euro, filwaqt li, meta t-tariffa preferenzjali kienet ogħla mit-tariffa normali obbligatorja, id-differenza bejn dawn iż-żewġ tariffi kienet iktar baxxa, li tikkorrispondi ma’ ftit mijiet ta’ euro biss. Issa, l-appellanti ma kkontestatx din l-informazzjoni matul din is-seduta. |
|
167 |
Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija informazzjoni ma hijiex kontradetta bit-tabella li tinsab fl-Anness 12 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li tindika l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali u tat-tariffa normali obbligatorja matul il-perijodu inkwistjoni, rispettivament. Fil-fatt, jekk minn din it-tabella jirriżulta li, meta t-tariffa preferenzjali kienet ogħla mit-tariffa normali obbligatorja, id-differenza bejn dawn iż-żewġ tariffi ma kinitx tikkorrispondi għal diversi mijiet ta’ euro, iżda għal diversi eluf ta’ euro, xorta jibqa’ l-fatt li, matul id-disa’ xhur tal-perijodu inkwistjoni li matulu t-tariffa preferenzjali kienet inqas mit-tariffa normali obbligatorja, id-differenza bejn dawn iż-żewġ tariffi kienet partikolarment għolja u kienet tikkorrispondi, għal xahrejn, għal diversi għexieren ta’ euro, għal xahrejn oħra, għal diversi mijiet ta’ eluf ta’ euro u, għal ħames xhur, għal diversi miljuni ta’ euro. |
|
168 |
Għandu jiġi miżjud li l-appellanti ma kkontestatx, la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont ta’ EUR 17.4 miljun, li, skont il-Kummissjoni, jikkorrispondi għall-ammont totali tad-differenza bejn it-tariffa preferenzjali u t-tariffa normali obbligatorja matul il-perijodu inkwistjoni, u li jikkostitwixxi l-vantaġġ ekonomiku mogħti lill-appellanti matul dan il-perijodu minħabba l-applikazzjoni, minn DEI, tat-tariffa preferenzjali favuriha. |
|
169 |
Fid-dawl ta’ dawn il-punti, għandu jiġi kkonstatat li, matul parti sostanzjali mill-perijodu inkwistjoni, l-appellanti gawdiet minn tariffa sostanzjalment inqas mit-tariffa normali, li ppermettitilha ttaffi l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha b’mod kunsiderevoli. |
|
170 |
Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanza li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li, matul il-perijodu inkwistjoni, it-tariffa preferenzjali kienet inqas mit-tariffa normali, minkejja li dan kien effettivament u unikament il-każ għal parti sostanzjali minnu, ma jistax ipoġġi f’dubju l-konstatazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 122 tas-sentenza appellata, skont liema, matul l-imsemmi perijodu, l-appellanti kellha l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha mtaffija minħabba l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali. |
|
171 |
Minn dawn il-punti jirriżulta li l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuqha, għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda bħala ineffettivi. |
|
172 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati jew, fi kwalunkwe każ, bħala ineffettivi. |
|
173 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
174 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184 tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni u DEI talbu għall-kundanna tal-appellanti u din tal-aħħar tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.