KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PRIIT PIKAMÄE
ippreżentati fis‑26 ta’ Novembru 2019 ( 1 )
Kawża C‑610/18
AFMB Ltd et
vs
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l‑Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 14(2)(a) – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 13(1)(b) – Xufiera internazzjonali ta’ trakkijiet– Ħolqien ta’ kumpannija fi Stat Membru ieħor – Kunċett ta’ persuna li timpjega – Kunċett ta’ abbuż ta’ dritt”
1. |
F’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas‑Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi) tagħmel tliet domandi lill-Qorti tal‑Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(2)(a) tar‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad‑29 ta’ Ġunju 1998 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), u tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar‑Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 3 ), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”). |
2. |
Dan ir-rinviju għal domanda preliminari joriġina minn kawża bejn AFMB Ltd (iktar ’il quddiem “AFMB”), kumpannija stabbilita f’Ċipru, u diversi xufiera internazzjonali ta’ trakkijiet kontra r-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Fond tas-Sigurtà Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi; iktar ’il quddiem ir-“RSVB”), dwar id‑deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ma hijiex il-leġiżlazzjoni Ċiprijotta li hija applikabbli għall‑imsemmija xufiera iżda l-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Din id-deċiżjoni amministrattiva hija kkontestata minn AFMB, li tuża, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni Ċiprijotta, kuntratti ta’ xogħol konklużi mal-imsemmija xufiera li fihom AFMB hija espressament imsemmija bħala l-“persuna li timpjega”, u dan minkejja l-fatt li dawn ix-xufiera huma normalment għad-dispożizzjoni ta’ impriżi ta’ trasport Olandiżi li magħhom AFMB ikkonkludiet ftehim ta’ amministrazzjoni tal-flotta. |
3. |
Il-kjarifika tal-kwistjoni kkontestata jiġifieri min għandu jiġi kkunsidrat bħala “persuna li timpjega” fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 fil-kawża prinċipali – AFMB jew l-impriżi Olandiżi – għandha importanza mhux żgħira, inkwantu tippermetti li tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, sabiex jiġi żgurat d-dritt għax-xufiera internazzjonali tat-trakkijiet li jkollhom aċċess għas-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali indipendentement mill-fatt li jkunu ġew irreklutati fi Stati Membri oħra li ma humiex l-Istat ta’ oriġini tagħhom. F’dan il-kuntest, madankollu ma għandux jintesa l-effett fuq is-suq uniku tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fuq il‑prinċipji ta’ moviment liberu u ta’ kompetizzjoni ħielsa, li jista’ jkollha l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li jipprevedi kontribuzzjonijiet soċjali potenzjalment iżgħar minn dawk tal-Istat Membru li fih il-ħaddiem jirrisjedi jew jaħdem b’mod ġenerali. Peress li d-dritt tal-Unjoni, fl-istadju attwali tal-iżvilupp tiegħu, sempliċement jikkoordina s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u mhux jarmonizzahom ( 5 ), id-differenzi bejn dawn is-sistemi jistgħu jkunu kunsiderevoli. Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż, f’ċerti każijiet, li dak li huwa kkunsidrat minn Stat Membru bħala vantaġġ kompetittiv leġittimu marbut mas-sede tal-impriża jiġi kkunsidrat minn Stat Membru ieħor bħala prattika abbużiva tal-libertajiet fundamentali msemmija fit‑trattati. Dawn il-każijiet huma biss xi eżempji tal-aspetti partikolarment sensittivi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal‑analiżi tal-kwistjonijiet legali li fuqhom huma bbażati. |
I. Il-kuntest legali
A. Ir-Regolament Nru 1408/71
4. |
Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie adottat fl‑14 ta’ Ġunju 1971 u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 1972. Minn dakinhar, dan ir-regolament ġie emendat diversi drabi. Huwa applikabbli wkoll għall‑Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (“EFTA”) bis-saħha tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“Ftehim ŻEE”) ( 6 ) u ta’ ftehimiet bilaterali konklużi mal‑Konfederazzjoni Svizzera ( 7 ) rispettivament ( 8 ). |
5. |
It-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, fih l-Artikoli 13 sa 17. |
6. |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 intitolat “Regoli ġenerali”, jipprevedi: “Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.” |
7. |
L-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[…]” |
8. |
L-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas” jistabbilixxi: “[Ir-regola stabbilita f]l-Artikolu 13(2)(a) japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ‑ċirkustanzi li ġejjin:
[…]” |
9. |
L-Artikolu 14(2) tal-imsemmi regolament jiddisponi: “Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:
[…]” |
B. Ir-Regolament Nru 883/2004
10. |
Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar bir-Regolament Nru 883/2004, li ġie adottat fid‑29 ta’ April 2004 u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2010. Huwa applikabbli għall-Istati tal-EFTA bis-saħħa tal-Ftehim ŻEE ( 9 ) u l-ftehimiet bilaterali konklużi mal-Konfederazzjoni Svizzera ( 10 ) rispettivament. |
11. |
It-Titolu II, tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”, jinkludi l-Artikoli 11 sa 16. |
12. |
L-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament intitolat “Regoli ġenerali”, jistabbilixxi: “Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il‑leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.” |
13. |
L-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament intitolat “Regoli speċjali”, jipprevedi: “Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem min iħaddem, li normalment twettaq l-attivitajiet tagħha hemmhekk, u li tintbagħat minn dak li jħaddem fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem minn iħaddem, għandha tibqa’ soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, sakemm ix-xogħol mhux maħsub li jdum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna stazzjonata oħra.” |
14. |
L-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament jiddisponi: “Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun soġġetta:
|
15. |
L-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Revoka”, jistabbilixxi: “Ir-Regolament […] Nru 1408/71 għandu jkun revokat mill-jum ta’ l‑applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madanakollu, ir-Regolament […] Nru 1408/71 għandu jibqa’ jgħodd u għandu jibqa’ jkollu effett legali għall-għanijiet: […]
|
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16. |
Kif diġà ssemma, it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn AFMB, u diversi xufiera ta’ trakkijiet involuti fit‑trasport internazzjonali li għandhom ir-residenza tagħhom fil-Pajjiżi l‑Baxxi, kontra ir-RSVB, dwar l-għoti taċ-“ċertifikati A1” ( 11 ) bejn it‑2 ta’ Ottubru 2013 u d‑9 ta’ Lulju 2014, li fihom ir-RSVB iddikjara li l‑ħaddiema inkwistjoni kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni Olandiża fil‑qasam tas-sigurtà soċjali. Il-perijodi msemmija f’dawn iċ‑ċertifikati jvarjaw minn każ għal ieħor iżda l-ebda wieħed minnhom ma huwa qabel l‑1 ta’ Ottubru 2011 u lanqas wara s‑26 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem il-“perijodi kkontestati”). |
17. |
Ir-RSVB ikkunsidra li peress li l-impriżi ta’ trasport Olandiżi rreklutaw lix-xufiera mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom għal perijodu indeterminat, li huma jeżerċitaw l-awtorità effettiva fuq ix-xufiera u fuqhom effettivament jaqgħu l-ispejjeż tas-salarji, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala “persuni li jimpjegaw” għall-finijiet tal‑applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. |
18. |
AFMB tikkontesta din l-evalwazzjoni, billi essenzjalment issostni li hija għandha tiġi kkunsidrata bħala l-“persuna li timpjega” minħabba kuntratti ta’ xogħol konklużi max-xufiera, li fihom ġiet espressament miftiehma l-applikazzjoni tad-dritt Ċiprijott, u li, għal din ir-raġuni, il‑leġiżlazzjoni Ċiprijotta fil-qasam tas-sigurtà soċjali għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija applikabbli. |
19. |
Skont diversi deċiżjonijiet mogħtija f’Lulju 2014, ir-RSVB ikkunsidra bħala infondati l-ilmenti maħruġa f’isem AFMB kontra d‑deċiżjonijiet ta’ Ottubru 2013. |
20. |
Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2016, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħdet bħala infondati r-rikorsi ppreżentati għan‑nom ta’ AFMB kontra d-deċiżjonijiet imsemmija qabel ta’ Lulju 2014. |
21. |
Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha l-proċedura ġudizzjarja hija attwalment pendenti, hija tal-opinjoni li d-deċiżjoni tal-kawża prinċipali tiddependi, fost l-oħrajn, mill-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Hija tixtieq tikseb kjarifiki dwar min hi l-“persuna li timpjega” lix-xufiera matul il-perijodi kkontestati – l-impriżi ta’ trasport stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi jew AFMB – u hekk, tistabbilixxi l-Istat Membru li tiegħu l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali għandha tiġi applikata. |
22. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
23. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju datata 20 ta’ Settembru 2018 waslet fir‑Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Settembru 2018. |
24. |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Olandiż, Ċek, Franċiż, Ċiprijott, Ungeriż, Awstrijak u dak tar-Renju Unit, kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu previst konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
25. |
Waqt is-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2019, il-mandatarji ad litem tal-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Olandiż, Franċiż, Ċiprijott u dak Awstrijak, kif ukoll il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet. |
IV. Analiżi legali
A. Rimarki preliminari
1. L-għanijiet u l-funzjonament tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal‑koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali
26. |
Sabiex id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ukoll l-isfidi li hija għandha fil-kawża prinċipali jinftehmu aħjar, għandhom jitfakkru, preliminarjament, l-għanijiet u l-funzjonament tar‑regoli tal‑Unjoni fil-qasam ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. |
27. |
Kif jirriżulta mill-premessi 1 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 – li kien fis-seħħ qabel l-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tar-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li żamm l-għan ta’ dan tal‑aħħar, – huwa intiż sabiex jiżgura koordinazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l‑eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni u, għaldaqstant, li jikkontribwixxi għat‑titjib tal-livell ta’ għajxien u tal-kondizzjonijiet tal‑impjieg tal‑persuni li jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni ( 12 ). |
28. |
Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II (“Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”) ta’ dawn ir-regolamenti, li minnhom jifformaw parti dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta f’din il-kawża, jikkostitwixxu sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet intiżi sabiex jissuġġettaw il-ħaddiema li jiċċaqilqu fi ħdan l‑Unjoni għas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, sabiex jiġi evitat il-kumulu ta’ liġijiet nazzjonali applikabbli u l‑kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn hekk, iżda wkoll sabiex jipprekludu li l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir‑regolamenti ma jiġux imċaħħda minn protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, jekk l-ebda leġiżlazzjoni ma tkun applikabbli għalihom ( 13 ). |
29. |
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tipprevedi għalhekk kriterji oġġettivi li jippermettu li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali applikabbli għal ħaddiem f’sitwazzjoni transkonfinali. L-Artikolu 11(3)(a) tar‑Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ “lex loci laboris”, li l-ħaddiem huwa suġġett għal leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih huwa jeżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata. Dan il‑prinċipju ġenerali jipprevedi li l-ħaddiema kollha li jeżerċitaw fl-istess pajjiż jaqgħu taħt l-istess leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali u huma suġġetti għall-istess benefiċċji soċjali ( 14 ). Huwa hekk biss li jitwarrbu forom mhux mixtieqa ta’ kompetizzjoni bl-ispejjeż tas-salarji u, konsegwentement, pressjoni fuq is-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. |
30. |
Madankollu, diversi eċċezzjonijiet ta’ dan il-prinċipju japplikaw f’każijiet speċifiċi previsti fid-dispożizzjonijiet segwenti u b’mod partikolari, fl-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, li minnu jirriżulta li l-persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, jekk hija teżerċita parti sostanzjali tal‑attività tagħha f’dan l-Istat Membru. Għall-kuntrarju, fil-każ fejn din il-persuna ma teżerċitax parti sostanzjali tal-attivitajiet tagħha fl-Istat Membru ta’ residenza, l-Artikolu 13(1)(b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih l‑impriża jew il-persuna li timpjega għandha l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tagħha, jekk din il-persuna hija impjegata ta’ impriża jew ta’ persuna li timpjega. |
31. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju ( 15 ) jirriżulta li l-qorti nazzjonali tqis li l‑Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 japplika għall-kawża prinċipali, minħabba l-fatt li x-xufiera normalment jeżerċitaw l‑attivitajiet tagħhom f’żewġ Stati Membri jew iktar tal-Unjoni jew tal‑EFTA. Kif tindika l-qorti tar-rinviju, ix-xufiera jaħdmu parzjalment iżda mhux prinċiparjament fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, jiġifieri l‑Pajjiżi l-Baxxi, u ma jwettqux fih parti sostanzjali mill-attivitajiet tagħhom li għandhom jiġu kkunsidrati. Minn dan hija tiddeduċi li l‑leġiżlazzjoni Olandiża ma tistax tiġi ddikjarata applikabbli abbażi tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom kif previst fl-Artikolu 13(1)(a) ta’ dan ir‑regolament, iżda sempliċement abbażi tal-post tan-negozju tal-persuna li timpjega previst fl-Artikolu 13(1)(b) tal-imsemmi regolament. Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-kwalità ta’ “persuna li timpjega” għandha importanza deċiżiva sabiex tiddeċiedi fil-kawża prinċipali inkwantu AFMB għandha l‑uffiċċju reġistrat tagħha f’Ċipru. Fl‑opinjoni tiegħi, din l-evalwazzjoni ma għandhiex tiġi kkontestata, peress li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti tal-kawża prinċipali u tapplika għaliha d‑dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni. |
32. |
Peress li l-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 13(1)(b) tar‑Regolament Nru 883/2004 hija l-qofol tal-kawża prinċipali, din id‑dispożizzjoni għandha tiġi eżaminata iktar fid-dettall. Skont din id‑dispożizzjoni, ir-rabta sabiex tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija l-post tan-negozju tal-persuna li timpjega. F’dan il‑kuntest, nikkonstata li l-leġiżlatur ma rrepetiex il-kliem ta’ dak li kien Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li kien fih dispożizzjoni speċifika applikabbli għall-persunal sewwieq ta’ impriża, li jwettaq għan-nom ta’ oħrajn, trasport internazzjonali ta’ passiġġieri jew merkanzija bit-toroq, u li kienet tirrakkomanda wkoll l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-persuna li timpjega kellha n-negozju tagħha. Ninnota li, minkejja din id-differenza fit-termini, iż-żewġ dispożizzjonijiet jirrigwardaw eżattament l-istess ħaġa ( 16 ). Fil-fatt, jidher li l-leġiżlatur sempliċement neħħa t-termini iktar iddettaljati tad‑dispożizzjoni li kienet fis-seħħ preċedentament u li kienet tkopri l-każ speċifiku tat-trasport internazzjonali bit-triq favur dispożizzjoni fformulata b’termini iktar ġenerali. Id-dispożizzjoni l-ġdida issa hija fformulata b’mod suffiċjentement wiesa’ biex tinkludi mhux biss it‑trasport internazzjonali bit-triq iżda wkoll attivitajiet oħra mwettqa minn persuna impjegata eżerċitati f’żewġ Stati Membri jew iktar. Il-qorti tar‑rinviju jidher li kienet taf dwar dan, u għalhekk ifformulat l-ewwel domanda preliminari tagħha billi għamlet riferiment għaż-żewġ dispożizzjonijiet. Minn dan isegwi li l-fatti tal-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Konsegwentement, jidhirli, bħala regola, li tista’ tingħata interpretazzjoni komuni lill-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u lill‑Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004. |
2. Applikazzjoni ratione loci u ratione temporis tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 għall-każ inkwistjoni
33. |
Minkejja l-għan leġiżlattiv identiku tagħhom, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ regolamenti ratione loci u ratione temporis, peress li ċerti Stati Membri li ppreżentaw sottomissjonijiet esprimew dubji dwar l-ammissibbiltà tal-punt A tal-ewwel domanda preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tar‑Regolament Nru 1408/71. |
34. |
Kif indikat meta tfakkru l-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, AFMB ġiet ikkostitwita fl‑10 ta’ Mejju 2011 u li, it-tieni nett, il-perijodi kkontestati li jkopru l‑attività professjonali tax-xufiera kienu bejn l‑1 ta’ Ottubru 2011 u s‑26 ta’ Mejju 2015. Fi kliem ieħor, dawn l-avvenimenti kollha seħħew wara l‑1 ta’ Mejju 2010, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004 fl-Unjoni. Għalhekk, mal-ewwel daqqa ta’ għajn jidher li għandu jkun hemm applikazzjoni esklużiva ta’ dan ir-regolament għall-kawża prinċipali. |
35. |
Madankollu, inqis li l-interpretazzjoni li għandha tingħata tar‑Regolament Nru 883/2004 tista’ tkun utli wkoll sabiex tiżgura qari aħjar tar-Regolament Nru 1408/71, u dan iktar u iktar għaliex dan baqa’ fis-seħħ għal ċertu perijodu fl-Istati EFTA ( 17 ), fejn ix-xufiera suppost ħadmu wkoll matul il-perijodi kkontestati. L-interpretazzjoni komuni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ regolamenti tista’ tagħti direzzjonijiet utli f’kawżi oħra simili li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, li jippermetti għalhekk li tiġi żgurata l-applikazzjoni omoġenja tagħhom fit-territorju tal-Unjoni u tal-Istati EFTA ( 18 ). Huwa f’dan l-isfond li l-punt A tal-ewwel domanda preliminari, li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi wkoll dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, għandha tiġi kkunsidrata ammissibbli. |
36. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-analiżi tiegħi ser tirrigwarda b’mod iktar partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2044, filwaqt li ser nirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 1408/71, meta dan jidhirli li jkun meħtieġ. L-osservazzjonijiet magħmula minn issa ’l quddiem huma rilevanti għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ dawn iż-żewġ regolamenti ( 19 ). |
B. Fuq l-ewwel domanda preliminari
1. Ħtieġa li jiġu żviluppati kriterji sabiex tiġi stabbilita l‑leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli
37. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha – li għaliha għandha tingħata risposta konġunta fuq l-aspetti relatati maż-żewġ regolamenti li hija ssemmi, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq –, il‑qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment min, għall-finijiet tal‑Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 20 ) għandu l-kwalità ta’ “persuna li timpjega” ta’ xufier ta’ trakkijiet impjegat fit-trasport internazzjonali bit-triq meta dan tal-aħħar huwa għad-dispożizzjoni sħiħa ta’ impriża ta’ trasport li fuqha effettivament jaqgħu l-ispejjeż tas-salarji u li teżerċita l-awtorità effettiva fuq il-persuna kkonċernata, iżda x-xufier ikkonkluda l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ma’ impriża oħra li tħallas is‑salarju skont ftehim konkluż mal-impriża ta’ trasport. |
38. |
Il-kunċett ta’ “persuna li timpjega” ma huwiex iddefinit bid-dritt tal-Unjoni. Ir-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali lanqas ma fihom riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti tal‑applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza f’tali sitwazzjoni jirriżulta li l-kunċett inkwistjoni għandu jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 21 ) li għandha titfittex filwaqt li jiġi kkunsidrat il-kuntest tad‑dispożizzjoni li fih dan il-kunċett huwa użat u l-għan li għandu jintlaħaq mir-regolamenti ta’ koordinazzjoni ( 22 ). |
39. |
Interpretazzjoni awtonoma jidhirli li hija iktar essenzjali peress li l‑kunċett ta’ “persuna li timpjega” jikkostitwixxi r-rabta għall‑applikazzjoni tar-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet li hija intiża sabiex tintgħażel bħala d-dritt applikabbli l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed. Dan l-għan evidentement ma jistax jintlaħaq jekk differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri jwasslu għal sistemi legali differenti. |
40. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tibbaża ruħha fuq il‑kuntratt ta’ xogħol, fuq diversi kriterji oġġettivi, jew inkella jekk għandhiex tgħaqqad iż-żewġ possibilitajiet sabiex tistabbilixxi min għandu l-kwalità ta’ “persuna li timpjega” f’ċirkustanzi bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fl-opinjoni tiegħi, jekk tibbaża ruħha biss fuq l-eżistanza ta’ relazzjoni kuntrattwali tfisser li tkun qiegħda tiddefendi pożizzjoni formali wisq. Hemm raġunijiet leġittimi li għalihom dan l-approċċ jista’ jiġi miċħud, b’mod partikolari r-riskju ta’ abbuż tal-protezzjoni offruta mir-regolamenti ta’ koordinazzjoni permezz ta’ argumenti legali artifiċjali. Jidhirli għalhekk iktar ġust jekk jintuża approċċ li jikkunsidra kif suppost ir-realtà tal-ħaddiema fis-suq uniku kif ukoll il-kumplessità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol illum. Fil-fatt, id‑diversità ta’ relazzjonijiet legali ta’ dritt privat li jista’ jkun hemm bejn min jitlob servizz u min iforni servizz, li min-naħa tiegħu jista’ jipprovdi s-servizz hu stess, juża subappaltatur jew impjegat ikkollokat jew mezzi oħra sabiex iwettaq l-obbligi kuntrattwali tiegħu, jirrikjedu approċċ iktar flessibbli fl-analiżi. Minkejja dan, l-identifikazzjoni tal-“persuna li timpjega” abbażi ta’ eżami każ b’każ taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u flimkien mal-użu ta’ kriterji oġġettivi jidhirli li huwa l-iktar approċċ adattat. Hija għandha tevita li l-libertajiet fundamentali tas-suq uniku ma jiġux użati jew jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ abbuż. |
2. Analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
41. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-sigurtà soċjali, relazzjonijiet ta’ xogħol u dritt internazzjonali privat jidhirli li toffri diversi punti ta’ riferiment insostenn ta’ approċċ differenzjat. Fl‑argumenti li ġejjin, ser nipprova nidentifika xi kriterji utli sabiex isir l-imsemmi eżami każ b’każ. |
a) Elementi li jikkaratterizzaw relazzjoni ta’ xogħol
42. |
Nenfasizza li l-ġurisprudenza jidher li tat iktar attenzjoni lir-rwol ta’ “ħaddiem” minn dak tal-“persuna li timpjega”. Fil-fatt, hemm relattivament ftit elementi li jippermettu li jiġi dedott dak li jikkaratterizza r-rwol ta’ din tal-aħħar. Ovvjament, huwa ċar li huwa impossibbli tanalizza d-drittijiet u l-obbligi ta’ persuna impjegata, filwaqt li jiġu injorati dawk tal-persuna li timpjega, peress li t-tnejn huma finalment marbuta b’relazzjoni ta’ xogħol. |
43. |
Konsegwentement, sabiex jiġi kkjarifikat ir-rwol tal-“persuna li timpjega”, hemm lok li qabelxejn isir riferiment għad-definizzjoni ġenerali tar-relazzjoni ta’ xogħol fil-ġurisprudenza. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-karatteristika essenzjali ta’ relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna twettaq, matul perijodu ta’ żmien, favur persuna oħra u taħt id‑direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv tagħhom hija tirċievi remunerazzjoni ( 23 ). Minkejja dan, għandhom jiġu identifikati l-kriterji li l‑Qorti tal-Ġustizzja żviluppat sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjega, li tikkaratterizza relazzjoni ta’ xogħol fit-tliet oqsma hawn fuq imsemmija tad-dritt tal-Unjoni. |
b) Kriterji misluta mill-ġurisprudenza fil-qasam tas-sigurtà soċjali
44. |
Mill-ġurisprudenza fil-qasam tas-sigurtà soċjali jirriżulta li mhux biss ir-relazzjonijiet kuntrattwali iżda wkoll is‑sitwazzjoni ta’ xogħol reali tal-ħaddiem huma determinanti. Iċ-ċirkustanzi rilevanti oġġettivi tal‑kawża huma kkunsidrati kollha sabiex tiġi stabbilita r-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li tikkaratterizza relazzjoni ta’ xogħol. |
45. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ kunflitt ta’ liġijiet tar-regolamenti ta’ koordinazzjoni tiddependi esklużivament mis-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jinsab il-ħaddiem, kif tirriżulta mill-elementi kollha rilevanti tal-proċess ( 24 ). B’mod iktar speċifiku, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Format ( 25 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat kif għandha tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali fil-każ fejn l-impjegat ikun ħadem f’żewġ Stati Membri jew iktar. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk ikun il-każ, “minbarra l-kliem tad-dokumenti kuntrattwali”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll “fatturi [oħra] bħall-mod li bih il‑kuntratti tax-xogħol bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem ikkonċernat kienu ġew implementati fil-prattika preċedentement, jew, b’mod iktar ġenerali, il-karatteristiċi u l-modalitajiet tal-attivitajiet imwettqa mill-impriża kkonċernata, sa fejn dawn il-fatturi jistgħu jilluminaw in-natura attwali tax-xogħol inkwistjoni”. Il-Qorti tal‑Ġustizzja żiedet li, “minkejja l-kliem tad-dokumenti kuntrattwali, [l‑awtorità nazzjonjali mitluba twettaq l-imsemmija eżami hija obbligata] tibbaża il-konstatazzjonijiet tagħha dwar is-sitwazzjoni attwali tal‑ħaddiem impjegat” ( 26 ). |
46. |
Il-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Manpower ( 27 ), dwar il‑kollokament ta’ ħaddiema minn aġenzija ta’ xogħol interimarja, jidhirli li għandha rilevanza partikolari f’dan il-kuntest, inkwantu l-Qorti tal‑Ġustizzja fiha stabbilixxiet kriterji utli. Minn din is-sentenza jista’ jiġi dedott li tista’ tiġi kkunsidrata bħala “persuna li timpjega”, fis-sens tar-regolamenti ta’ koordinazzjoni, il-parti li għandha r-responsabbiltà li tirrekluta l-ħaddiem, li tħallaslu s-salarju, kif ukoll li tissanzjonah u tkeċċih ( 28 ). Dan juri li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra s-sitwazzjoni ta’ xogħol reali u ma tibbażax ruħha biss fuq il-kuntratt ta’ xogħol. |
c) Kriterji misluta mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol
47. |
Analiżi tal-ġurisprudenza fil-qasam ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol tippermetti wkoll li jiġi konkluż li l-persuna li timpjega għandha tiġi stabbilita bl-għajnuna taċ-ċirkustanzi rilevanti oġġettivi kollha tal-kawża. Minn din il-perspettiva, il-parti li magħha l-ħaddiem ikun formalment ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol ma hijiex b’mod mandatarju l-“persuna li timpjega”. |
48. |
Fis-sentenza tagħha Danosa ( 29 ), li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 92/85/KEE ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett fakkret il‑karatteristika essenzjali tar-relazzjoni tax-xogħol, diġà msemmija iktar ’il fuq ( 31 ), u li tikkonsisti fir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li fil-kuntest tagħha l-ħaddiem huwa suġġett għal kontroll ( 32 ), sabiex tispeċifika mbagħad li “l-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali u l-forma ta’ din ir-relazzjoni, kif ukoll in-natura tar-rabta legali li torbot dawn iż-żewġ persuni, ma humiex, f’dan ir-rigward, determinanti” ( 33 ). |
49. |
Tiġi ċċitata wkoll is-sentenza Albron Catering ( 34 ), dwar l‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23/KE ( 35 ), u li fiha l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-persuna li timpjega tista’ tkun ukoll l-impriża fejn il-ħaddiema huma effettivament assenjati “minkejja n-nuqqas ta’ relazzjonijiet kuntrattwali mal-imsemmija ħaddiema” ( 36 ). |
50. |
Finalment, fir-rigward tar-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li tikkaratterizza kull relazzjoni ta’ xogħol, għandha tiġi ċċitata s-sentenza Haralambidis ( 37 ) li kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-President ta’ awtorità portwali kellux il-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tal‑Artikolu 45(1) TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fl-affermattiv, billi kkunsidrat li l-Ministru Taljan għall-Infrastrutta u għat-Trasport kellu setgħat ta’ direzzjoni u ta’ kontroll, kif ukoll, jekk ikun il-każ, ta’ sanzjoni fil-konfront tal-imsemmi president ( 38 ). Dwar in-natura ġuridika tar‑relazzjoni bejn dawn iż-żewġ persuni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li “n-natura ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat tar-rabta ġuridika tar-relazzjoni ta’ impjieg ma hijiex determinanti” ( 39 ). |
d) Kriterji misluta mill-ġurisprudenza fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat
51. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja uriet li hija taqbel ukoll ma’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ każ fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet fil-qasam ta’ dritt privat. Skont din il‑ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit il-post fejn l-impjegat iwettaq l‑obbligu tiegħu fil‑konfront tal-persuna li timpjegah, hija l-qorti nazzjonali li għandha tirreferi għal numru ta’ indizji. |
52. |
Fis-sentenza tagħha Voogsgeerd ( 40 ), li kienet tirrigwarda l‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma” ( 41 ), il‑Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevalwa jekk impriża għandhiex effettivament il-kwalità ta’ “persuna li timpjega”, tieħu inkunsiderazzjoni “l-elementi oġġettivi kollha li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali li hija differenti minn dik li tirriżulta mit-termini tal-kuntratt” ( 42 ). |
53. |
Fis-sentenza tagħha Koelzsch ( 43 ), dwar l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni u li kienet tirrigwarda, bħal din il-kawża, ix-xogħol fis-settur tat-trasport, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l‑elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività ta’ ħaddiem, u b’mod partikolari “f’liema Stat jinsab il-post minn fejn il-ħaddiem iwettaq it‑trasport, jirċievi struzzjonijiet dwar il-missjoni tiegħu u jorganizza xogħlu, kif ukoll il-post fejn jinsabu l-għodda tax-xogħol” ( 44 ). Il-qorti nazzjonali “għandha wkoll tivverifika liema huma l-postijiet fejn it‑trasport isir prinċipalment, il-postijiet tal-ħatt tal-merkanzija kif ukoll il-post fejn il-ħaddiem jirritorna insegwitu għall-missjonijiet tiegħu” ( 45 ). |
54. |
Hija wkoll rilevanti sabiex jiġi stabbilit il-post fejn l-impjegat iwettaq l-obbligu tiegħu fil-konfront tal-persuna li timpjegah is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et ( 46 ), li kienet intiża sabiex tinterpreta r-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 47 ) fis-settur tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri. F’din is‑sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet il-validità tal-indizji msemmija hawn fuq u li japplikaw għar-relazzjonijiet ta’ xogħol fis‑settur tat-trasport u li għandhom jiġu kkunsidrati mill-qrati nazzjonali ( 48 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-metodu ċirkustanzjali “jippermetti riflessjoni fuq ir-realtà tar-relazzjoniet legali, li fiha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw l-attività tal-ħaddiem” ( 49 ). F’dan il-kuntest huwa importanti li tiġi enfasizzata l-attenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja kontra r-riskju li l-punt ta’ rabta għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni “jiġi strumentalizzat jew li jikkontribwixxi għall-implementazzjoni ta’ strateġiji ta’ evażjoni” ( 50 ). |
55. |
Iktar reċenti, fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ April 2019, Bosworth u Hurley ( 51 ), il-Qorti tal‑Ġustizzja wasslet sabiex tinterpreta l-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 52 ) u b’mod partikolari il-kunċett ta’ “ħaddiem”. Wara li fakkret ir-relazzjoni ta’ subordinazzjoni li hija l-bażi ta’ kull relazzjoni ta’ xogħol, kif ukoll il‑ħtieġa li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali relazzjoni f’kull każ partikolari, skont l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir‑relazzjonijiet bejn il-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l‑assenza ta’ kuntratt formali ma tipprekludix l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol” fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija konvenzjoni ( 53 ). |
3. Applikazzjoni tal-kriterji msemmija hawn fuq għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali
56. |
Wara li ġew identifikati numru ta’ kriterji utli li jippermettu li tiġi stabbilita l-kwalità tal-persuna li timpjega f’relazzjoni ta’ xogħol, fit-tieni lok, jeħtieġ li dawn jiġu applikati għaċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali. Minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi bil‑verifiki fattwali neċessarji u tapplika, jekk ikun il-każ, l‑Artikolu 13(1)(b) tar‑Regolament Nru 883/2004 ( 54 ), għall-kawża li minnha hija adita, xorta jibqa’ l-fatt li huwa l-obbligu tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif ġiet deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-elementi utli għas‑soluzzjoni tal-kawża li hemm quddiemha ( 55 ). |
57. |
Nirrileva qabelxejn li r-relazzjoni kuntrattwali, li tikkonstata li AFMB hija formalment il-persuna li timpjega lix-xufiera, għandha biss valur indikattiv. Għalhekk, jidher leġittimu li tiġi kkontestata l-kwalità ta’ “persuna li timpjega” li għandha AFMB – tal-inqas f’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ koordinazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali – fil-każ fejn hija ma tirriflettix ir-realtà tar-relazzjoni tax-xogħol, li jeħtieġ li tiġi vverifikata iktar ’il quddiem abbażi tal-fatti tal-proċess. |
58. |
Kif indikat il-qorti tar-rinviju ( 56 ), il-persuni kkonċernati kienu jaħdmu kemm qabel kif ukoll matul il-perijodi kontenzjużi bħala xufiera impjegati fis-settur tat-trasport internazzjonali bit-triq u jsuqu esklużivament trakkijiet amministrati għan-nom u taħt ir-responsabbiltà ta’ impriżi ta’ trasport stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Matul il-perijodi kontenzjużi, dawn ix-xufiera fil-fatt kienu impjegati għal perijodu indeterminat għad-dispożizzjoni sħiħa ta’ dawn l-impriżi ta’ trasport li magħhom kienu, fil-maġġoranza tagħhom, impjegati qabel il-perijodi kontenzjużi. |
59. |
Kif tirrimarka l-qorti tar-rinviju ( 57 ), ftit jew xejn ma kien inbidel fir-relazzjoni bejn il-ħaddiema u l-persuni li kienu jimpjegawhom oriġinarjament stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi f’dak li jirrigwarda x-xogħol ta’ kuljum, wara l-intervent formali ta’ AFMB f’Ottubru 2011. Fil-fatt, dawn il-persuni li jimpjegaw komplew jiddeċiedu fil-kwistjonijiet ta’ reklutaġġ, ta’ kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol, ta’ attivitajiet u ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema. Jidher li AFMB ma rreklutatx lix-xufiera hi stess, iżda minflok l-impriżi ta’ trasport stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi poġġew lill-ħaddiema tagħhom taħt l-awspiċi ta’ AFMB. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi ( 58 ), bħala eżempju dwar is-setgħa ta’ kontroll li kellhom l-impriżi ta’ trasport stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-kundizzjonijiet essenzjali ta’ xogħol, il-prattika ta’ AFMB li tkeċċi immedjatament ix-xufiera li l‑impriżi ma kienx jibqgħalhom bżonnhom. |
60. |
Fir-rigward tas-salarji, għandu jiġi kkonstatat li anki jekk AFMB kienet tħallas direttament salarju lix-xufiera, dan apparentement kien iffinanzjat mill-impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li, skont l‑informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju ( 59 ), kienu jitħallsu f’ċerti ammonti lil AFMB bis-saħħa ta’ ftehim li kienu kkonkludew ma’ AFMB. Minkejja dan, anki jekk AFMB ma għandhiex tkun ikkunsidrata biss bħala purament u sempliċement “kaxxa tal-ittri”, hija xorta tista’ tiġi kkunsidrata bħala tip ta’ ġestjonarju tas-salarji, iżda mhux bħala persuna li timpjega reali. Fid-deskrizzjoni fattwali tagħha ( 60 ), il-qorti tar-rinviju saħansitra tikkunsidra li AFMB ma kinitx il-persuna li timpjega ħlief “sempliċement fuq il-karta”. Din l-informazzjoni, kif ukoll il-kliem tal‑ewwel domanda preliminari, jagħtu x’tifhem li s-setgħa ta’ direzzjoni u ta’ kontroll fir-rigward tax-xufiera kienet għand l-impriżi stabbiliti fil‑Pajjiżi l-Baxxi. |
61. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni fattwali li għandha ssir mill-qorti tar‑rinviju, inqis li huma biss l-impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-“persuni li jimpjegaw” tax-xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar‑Regolament Nru 883/2004. |
62. |
Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik tal-Istat tal-impriża ta’ trasport li rreklutat lill-persuna kkkonċernata, li l-persuna kkonċernata tkun għad-dispożizzjoni kompleta tal-persuna li timpjega għal perijodu indeterminat, li teżerċita awtorità effettiva fuq il-persuna kkonċernata u li fuqha effettivament jaqgħu l-ispejjeż tas-salarji, jiġifieri f’dan il-każ il‑Pajjiżi l-Baxxi. |
4. Risposta għall-ewwel domanda preliminari
63. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, il-persuna li timpjega xufiera ta’ trakkijiet impjegati fit-trasport internazzjonali bit-triq hija kkunsidrata li hija l-impriża ta’ trasport li rreklutat lill‑persuna kkonċernata, li din tal-aħħar tkun għad-dispożizzjoni kompleta tagħha għal perijodu indeterminat, li teżerċita awtorità effettiva fuq il-persuna kkonċernata u li fuqha effettivament jaqgħu l-ispejjeż tas‑salarji, bla ħsara għal verifiki fattwali li għandhom isiru mill-qorti tar‑rinviju. |
C. Fuq it-tieni domanda preliminari
64. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, imressqa b’mod sussidjarju, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li AFMB għandha tiġi kkunsidrata bħala l-“persuna li timpjega”, il‑kundizzjonijiet speċifiċi f’każ ta’ kollokament ta’ ħaddiema, għall‑finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004, japplikawx, b’analoġija, kollha kemm huma jew parzjalment, fil-kawżi prinċipali. Ir-riferiment għal analoġija possibbli hija spjegabbli minħabba l-fatt li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet fil-kawża prinċpali li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx fil-kawżi prinċipali. |
65. |
Peress li huwa propost li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis‑sens li huma l-impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi biss li għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-“persuna li timpjega”, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni differenti, inqis li għandha tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda għar-raġunijiet li ser nispjega hawn taħt. |
66. |
Kif għamilt fil-kuntest tal-analiżi tiegħi dwar l-ewwel domanda, ser nikkonċentra dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004, għaliex fih, essenzjalment, l-istess dispożizzjoni bħall‑Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, minkejja d‑differenzi minimi tal-kliem tagħhom ( 61 ). |
67. |
Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004 ma jistax jiġi applikat minħabba li, fil-kawżi prinċipali, ma hijiex kwistjoni ta’ “kollokament” fil-veru sens tal-kelma, iżda iktar “tqegħid għad‑dispożizzjoni” għal perijodu indeterminat ta’ ħaddiema mill-AFMB lill-impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
68. |
Il-ħtieġa li ssir din id-distinzjoni netta ssir evidenti fid-dawl tal‑interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kollokament” mill-ġurisprudenza. Fis-sentenza tagħha FTS ( 62 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-Istat ta’ impjieg, previsti mid‑dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, ma jistgħux jiġu applikati f’każ ta’ intervent ta’ impriża ta’ xogħol temporanju ħlief jekk żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti: skont l-ewwel kundizzjoni, li tirrigwarda r-relazzjoni meħtieġa bejn l-impriża li tikkolloka lill-ħaddiem fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih hija stabbilita u l-ħaddiem hekk ikkollokat, li għandha tinżamm rabta organika bejn din l-impriża u dan il-ħaddiem matul il-perijodu tal-kollokament ta’ dan tal-aħħar. It-tieni kundizzjoni, li tirrigwarda r-relazzjoni eżistenti bejn l-imsemmija impriża u l-Istat Membru li fih hija stabbilita, tirrikjedi li din tal-aħħar normalment teżerċita attivitajiet sinjifikattivi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ( 63 ). |
69. |
Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta organika, huwa essenzjali, skont il-ġurisprudenza ( 64 ), li miċ-ċirkustanzi kollha jiġi dedott li l-ħaddiem huwa taħt l-awtorità tal-impriża ta’ xogħol temporanju. Din il‑kundizzjoni neċessarjament timplika li din l-impriża għandu jkollha setgħat ta’ direzzjoni u ta’ kontroll, kif ukoll, jekk ikun il‑każ, ta’ sanzjoni fir-rigward tal-ħaddiem. Fi kliem ieħor, l-impriża ta’ xogħol temporanju għandha teżerċita l-prerogattivi tipikament irriżervati għall-“persuna li timpjega”. Issa, diġà ġie stabbilit fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda li, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, dan ir‑rwol kien jaqa’ fuq l-impriżi ta’ trasport stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi ( 65 ). Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-rabta bejn ix-xufiera u l-AFMB kienet essenzjalment limitata għall-ħlas tas-salarju u għall-ħlas tal‑kontribuzzjonijiet soċjali lill-awtorità Ċiprijotta. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din l-informazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill‑AFMB fl-osservazzjonijiet tagħha. Konsegwentement, jidhirli li l‑ewwel kundizzjoni, f’dan il-każ, ma hijiex issodisfatta. |
70. |
F’dak li jirrigwarda din it-tieni kundizzjoni, qabelxejn għandu jiġi kkonstatat – kif għamlu diversi parteċipanti fil-proċedura – li din ma hijiex prevista fl-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 66 ). Ir-rabta prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet hija sempliċement il-post fejn hija stabbilita l-persuna li timpjega. Minkejja dan, jien inqis li tkun problema jekk tiġi introdotta, permezz ta’ interpretazzjoni, kundizzjoni addizzjonali li tirrikjedi “attivitajiet sinjifikattivi fit-territorju ta’ dan l‑Istat Membru fejn [l-impriża] hija stabbilita”, minkejja l-kliem univoku tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Għandu jitfakkar li l‑kundizzjoni inkwistjoni ġiet stabbilita oriġinarjament ġurisprudenzjalment fir‑rigward ta’ dispożizzjoni differenti, jiġifieri l‑Artikolu 14(1)(a) tar‑Regolament Nru 1408/71 ( 67 ), li jikkorrispondi għall-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 883/2004 preżentament fis‑seħħ. Li tiġi applikata għal dispożizzjoni oħra mingħajr kunsiderazzjoni tal-partikolarità tagħha tfisser li jiġu interpretati b’mod żblajat il-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dispożizzjoni prevista fl‑Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004. Ma’ dan jiżdied il-fatt li proposta ta’ emenda leġiżlattiva f’dan is-sens ġiet reċentement miċħuda mill-Kunsill, kif irrilevat il‑Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ( 68 ). Irrispettivament mid-dubji li tqajjem l-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ fil-prattika, ninnota li l‑qorti tar-rinviju stess għandha diffikultà tapplika l-kundizzjoni ta’ “attività sostanzjali” proposta, fid-dawl tan-nuqqas ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hija ma tasalx sabiex tiddeduċi mid-dokumenti tal-proċess jekk AFMB tissodisfax jew le din il-kundizzjoni ( 69 ). Konsegwentement, ma narax kif dan l-approċċ jista’ jkun rilevanti għas-soluzzjoni ta’ dawn il-kawżi prinċipali. |
71. |
Għar-raġunijiet esposti hawn fuq, nipproponi li r-risposta għat‑tieni domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv. |
D. Fuq it-tielet domanda preliminari
1. Il-kunċett ta’ “abbuż ta’ dritt” skont il-ġurisprudenza
72. |
Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, magħmula b’mod iktar sussidjarja, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali – fil-każ fejn AFMB ikollha tiġi kkunsidrata bħala l-“persuna li timpjega” u jekk il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kollokament ta’ ħaddiema ma japplikawx – jikkostitwixxux sitwazzjoni li taqa’ taħt abbuż ta’ dritt tal-Unjoni ( 70 ). |
73. |
Fid-dawl tar-risposti proposti għall-ewwel u għat-tieni domanda, ser nikkunsidra din it-tielet domanda sempliċement sabiex inkun eżawrjenti, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal risposti oħra għall‑ewwel żewġ domandi. |
74. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-individwi ma jistgħux jinvokaw id-dritt tal-Unjoni għal finijiet frawdolenti jew abbużivi ( 71 ). L-istess japplika għar-regola ta’ atti legali tal-Unjoni li ġew inkorporati fil-Ftehim ŻEE ( 72 ) u fil-ftehimiet bilaterali mal-Konfederazzjoni Svizzera. Il‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva tirrikjedi li jkun hemm element oġġettiv u element suġġettiv ( 73 ). Minn naħa, fir‑rigward tal-element oġġettiv, din il-konstatazzjoni tirrikjedi li minn numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi għandu jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx ( 74 ). Min-naħa l-oħra, tali konstatazzjoni tirrikjedi element suġġettiv, fis-sens li minn numru ta’ elementi oġġettivi għandu jirriżulta li l-għan essenzjali tal-operazzjonijiet inkwistjoni huwa l-ksib ta’ vantaġġ indebitu ( 75 ). Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi ma hijiex rilevanti meta l-operazzjonijiet inkwistjoni jista’ jkollhom ġustifikazzjoni oħra apparti s-sempliċi ksib ta’ vantaġġ. |
2. Applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza fil-każ ineżami
75. |
Il-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju ( 76 ) jimplika li tikkritika l-arranġament legali stabbilit minn AFMB u l-imsieħba kuntrattwali tagħha, l-impriżi ta’ trasport bit-triq stabbiliti barra minn Ċipru. B’mod iktar konkret, il‑qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal‑Unjoni tal-arranġament legali li jippermetti lil kumpannija tagħżel sede uffiċjali partikolari bil-għan, essenzjalment, li l-persunal tagħha jkun suġġett għal leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew tal-EFTA li fih il-ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet soċjali huma relattivament żgħar. |
76. |
Qabel ma tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi hi stess jekk aġir għandux jiġi kkunsidrat bħala abbużiv. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, skont ir-regoli ta’ provi tad-dritt nazzjonali, jekk l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali ( 77 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tagħmel preċiżjonijiet bil-għan li tiggwida lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha ( 78 ). |
a) Verifika tal-element oġġettiv
77. |
Wara l-eżami ddettaljat tal-kuntest fattwali, u li jirrigwarda l‑element oġġettiv, jidhirli li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, il-kundizzjonijiet marbuta mal-kwalità ta’ “persuna li timpjega” ta’ AFMB ma humiex issodisfatti fil-kawżi prinċipali ħlief fuq livell formali. Kif indikat iktar ’il fuq ( 79 ), AFMB ingħatat din il-kwalità sempliċement permezz ta’ arranġament legali sofistikat taħt id-dritt privat, minkejja li l-imsieħba kuntrattwali tagħha kienu jeżerċitaw il-kontroll effettiv fuq l-impjegati, li normalment jaqa’ fil-prerogattiva tal-persuna li timpjega fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ( 80 ). Ma’ dan jiżdied li AFMB setgħet tuża libertajiet fundamentali tas-suq intern sabiex tistabbilixxi ruħha f’Ċipru u, minn hemm, toffri servizzi – dwar il-ġestjoni tas-salarji u ta’ kontribuzzjonijiet soċjali – lil impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Kien bis-saħħa ta’ dawn il-fatturi kollha li AFMB irnexxielha tippreżenta ruħha b’mod uffiċjali bħala l-“persuna li timpjega” quddiem l-awtoritajiet kompetenti fil‑qasam tas-sigurtà soċjali u, apparentement, tikseb rikonoxximent bħala tali f’ċerti Stati Membri ( 81 ). |
78. |
Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt, għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jirrikonoxxu, jekk ikun il-każ, lil AFMB bħala “persuna li timpjega”, u li konsegwentement jagħtuha ċ-ċertifikat A1 abbażi ta’ informazzjoni li tinsab fil-proċessi tal-kawżi prinċipali, jikkostitwixxi applikazzjoni skorretta tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, inkwantu jwassal għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ċiprijotta fil‑qasam soċjali u mhux tal-leġiżlazzjoni Olandiża fil-konfront tax‑xufiera – minkejja l-fatt li l-persuni li jimpjegaw reali huma stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi ( 82 ). Tali riżultat ikun kuntrarju għall-għan leġiżlattiv li fuqu huma bbażati r-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet u li jippermettu lill‑awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu faċilment, jiġifieri abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ċari u predeterminati, il-persuna li timpjega reali tal‑ħaddiem, il-post tal-uffiċċju rreġistrat tiegħu jew il-post tan-negozju u, b’dan il-mod, jistabbilixxu finalment is-sistema ta’ sigurtà soċjali applikabbli fil-każ partikolari. Barra minn hekk ninnota li, minkejja s‑sempliċità tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet, id-differenza bejn l‑apparenzi u s-sitwazzjoni reali f’din il-kawża tista’ twassal għal konfużjoni f’għajnejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, minħabba f’hekk, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala li jista’ jikkawża preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali stabbilit mil-leġiżlatur tal‑Unjoni. |
b) Verifika tal-element suġġettiv
79. |
Fir-rigward tal-element suġġettiv, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dan it-tieni element, li jirrigwarda l-intenzjoni tal-operaturi, li tista’ tiġi kkunsidrata b’mod partikolari n-natura purament artifiċjali tal-operazzjonijiet ikkonċernati ( 83 ). L-element suġġettiv jidhirli li, f’dan il-każ, joħroġ mill‑intenzjoni ċara ta’ AFMB u tal-imsieħba kuntrattwali tagħha li jevitaw il‑leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali sabiex itejbu l‑attivitajiet ekonomiċi tagħhom ( 84 ). Kif issemma iktar ’il fuq ( 85 ), il‑maġġoranza tax-xufiera inkwistjoni kienu impjegati stabbiliti fil‑Pajjiżi l-Baxxi qabel ma ġew impjegati minn AFMB. Ir-reklutaġġ formali minn AFMB jidher li kellu l-għan biex ma jibqgħux taħt il‑leġiżlazzjoni Olandiża, li kienet tkun normalment applikabbli, abbażi tal-Artikolu 13(1)(b)(i) tar‑Regolament Nru 883/2004. |
80. |
Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-ġurisprudenza tagħha ( 86 ), ir-regoli ta’ kunflitt previsti fir-regolamenti ta’ koordinazzjoni huma imposti b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri u ma jistax jiġi aċċettat li l-persuni koperti bis-sigurtà soċjali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jistgħu jopponu l-effetti tagħhom billi jkollhom l-għażla li ma jaqgħux taħthom. In-natura imperattiva tal‑imsemmija regoli tippermetti li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal‑mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni stabbilit. Minkejja dan, jidhirli li huwa indispensabbli li atturi oħra, inkluż il-persuni li jimpjegaw, li normalment huma obbligati jikkontribwixxu għall-kontribuzzjonijiet soċjali, josservaw ukoll l-applikazzjoni tagħhom. |
81. |
Mingħajr ħsara għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar‑rinviju, l-implimentazzjoni ta’ dan l-arranġament legali jidher li kellu, bħala konsegwenza, deterjorazzjoni tal-protezzjoni soċjali tax-xufiera filwaqt li jidher li l-persuni li jimpjegaw preċedenti kienu approfittaw ruħhom f’termini ta’ spejjeż ta’ salarji. Hekk jidher li kien preċiżament l‑għan ta’ AFMB, jekk jiġu kkunsidrati d-diversi dikjarazzjonijiet tad‑diretturi tagħha, iċċitati mill-qorti tar-rinviju ( 87 ), li ġew ippubblikati fuq is-sit internet ta’ AFMB, u li fihom dawn ftaħru dwar l-imsemmija vantaġġi, jiġifieri li ffrankaw il‑flus mill-ispejjeż tas-salarji filwaqt li żammew kontroll effettiv fuq ix‑xufiera. |
82. |
Konsegwentement, jiena inklinat nikkonkludi li jeżisti abbuż ta’ dritt abbażi tal-informazzjoni disponibbli. |
83. |
Jekk il-qorti tar-rinviju tistabbilixxi li ż-żewġ elementi li jikkaratterizzaw abbuż ta’ dritt huma ssodisfatti, hija obbligata li tislet il‑konklużjonijiet minnha, billi tirrifjuta li tapplika l-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 ( 88 ) għall-kawżi prinċipali. AFMB hekk ma tkunx tista’ tuża l-allegat status ta’ persuna li timpjega sabiex titlob lir-RSVB jiddikjara l-leġiżlazzjoni Ċiprijotta applikabbli għax‑xufiera inkwistjoni ( 89 ). |
3. Risposta għat-tielet domanda preliminari
84. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-fatti u ċ-ċirkustanzi deskritti fid‑deċiżjoni tar-rinviju jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li fiha hemm abbuż ta’ dritt. Konsegwentement, AFMB ma tistax tuża l‑Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 sabiex tistabbilixxi rabta mad-dritt Ċiprijott tas-sigurtà soċjali. |
V. Konklużjoni
85. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej id-domandi preliminari magħmula mis‑Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l‑Baxxi):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.
( 4 ) ĠU 2012, L 149, p. 4.
( 5 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et (C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 84).
( 6 ) Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewroepa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3). Ir-Regolament Nru 1408/71 kien jagħmel parti minn dan il-ftehim meta ġie ffirmat u daħal fis-seħħ miegħu fl-1 ta’ Jannar 1994.
( 7 ) Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l‑konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (ĠU 2009, L 353, p. 71).
( 8 ) Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, it-terminu “Stat Membru” kif użat f’dawn il‑konklużjonijiet għandu jinftiehem bħala li jiġbor fih, minbarra l-Istati Membri tal‑Unjoni, l-Istati taż-ŻEE, u tal-Konfederazzjoni Svizzera.
( 9 ) Ir-Regolament Nru 883/2004 ġie inkorporat fil-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 76/2011 tal‑1 ta’ Lulju 2011 li temenda l-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l‑Protokoll 37 għall-Ftehim taż-ŻEE (ĠU 2011, L 262, p. 33). Huwa applikabbli għall-Islanda, għal-Liechtenstein u għan-Norveġja mill‑1 ta’ Ġunju 2012.
( 10 ) Ir-Regolament Nru 883/2004 ġie inkorporat fil-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l‑oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal‑31 ta’ Marzu 2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il‑Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l‑Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, li tissostitwixxi l-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali (ĠU 2012, L 103, p. 51). Huwa applikabbli għall‑Konfederazzjoni Svizzera mill‑1 ta’ April 2012.
( 11 ) Iċ-“ċertifikat A1” huwa dokument maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, skont ir-Regolament Nru 883/2004 (li taħt ir-Regolament Nru 1408/71 qabel kien imsejjaħ “ċertifikat E101”), li jiddikjara l-affiljazzjoni ta’ ħaddiem li jiċċaqlaq fl-Unjoni mas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru. Huwa utli sabiex jiġi pprovat il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet soċjali fi Stat Membru ieħor tal‑Unjoni, pereżempju għal ħaddiema kkollokati jew il-persuni li jaħdmu f’diversi Stati Membri fl-istess ħin.
( 12 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Szoja (C‑89/16, EU:C:2017:538, punt 34).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (C‑493/04, EU:C:2006:167, punt 21).
( 14 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et (C‑527/16, EU:C:2018:669, punti 97 u 98).
( 15 ) Ara l-punt 7.1.3 tad-digriet tar-rinviju.
( 16 ) Kif indika l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Chain (C‑189/14, EU:C:2015:345, punt 25), il-kliem tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 ma kellux xi bidliet fundamentali.
( 17 ) Sal‑31 ta’ Mejju 2012 fl-Islanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja, u sal‑31 ta’ Marzu 2012 fl-Isvizzera.
( 18 ) Dwar l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil‑ġurisprudenza tagħha, il-kompetenza tagħha sabiex tinterpreta l-Ftehim ŻEE bis‑saħħa tal-Artikolu 267 TFUE tapplika biss f’dak li jirrigwarda l-Unjoni, filwaqt li l-Qorti EFTA hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Ftehim ŻEE bis-saħħa tal-Artikoli 108(2) tiegħu u l-Artikolu 34 tal-Ftehim EFTA ta’ sorveljanza (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson, C‑321/97, EU:C:1999:307, punti 28 u 29). Minkejja dan it-tqassim tal-kompetenza ġudizzjarja, li jirrifletti l-istruttura istituzzjonali ta’ “żewġ pilastri” taż‑ŻEE – li huma l-Unjoni u l-EFTA – ġie stabbilit djalogu ġudizzjarju, li jikkontribwixxi għall-omoġenjità fl‑interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ atti legali komuni (ara l-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:414, nota ta’ qiegħ il-paġna 25). Fir-rigward tal-Isvizzera, jeżisti wkoll paralleliżmu istituzzjonali, fis-sens li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta ftehimiet bilaterali skont l-Artikolu 267 TFUE hija valida biss għall-Unjoni, filwaqt li l-qrati tal-Konfederazzjoni Svizzera u, fl‑aħħar istanza l-qorti federali, jibqgħu kompetenti għaliha (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel, C‑506/10, EU:C:2011:643). Madankollu, il-qorti federali tikkunsidra, b’mod partikolari fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, il-ġurisprudenza rilevanti tal‑Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, ma għandux jiġi eskluż li l-Qorti EFTA u l-qrati Svizzeri fil-futur jintalbu sabiex jikkunsidraw l‑applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta minn din il‑kawża għar-regolamenti ta’ koordinazzjoni fil-qasam soċjali li huma inklużi fil‑Ftehim ŻEE u fil-ftehim bilaterali dwar il-moviment liberu tal-persuni.
( 19 ) Ara, dwar il-prattika tal-Qorti tal-Ġustizzja li terġa’ tifformula d-domandi preliminari skont l-applikabbiltà ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes (C‑503/16, EU:C:2017:681, punti 31 u 32), kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva (C‑413/17, EU:C:2018:865, punti 17 sa 20).
( 20 ) Dispożizzjoni ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, għall-finijiet tal-analiżi legali.
( 21 ) Ara, fost ħafna eżempji, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis (C‑135/15, EU:C:2016:774, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Alpenrind et (C‑527/16, EU:C:2018:669, punti 88 sa 98).
( 23 ) Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media (C‑413/13, EU:C:2014:2411, punt 34).
( 24 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et (C‑345/09, EU:C:2010:2010, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑16 ta’ Mejju 2013, Wencel (C‑589/10, EU:C:2013:303, punt 52).
( 25 ) C‑115/11, EU:C:2012:606.
( 26 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe (C‑115/11, EU:C:2012:606, punti 45 u 46).
( 27 ) 35/70, EU:C:1970:120.
( 28 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Manpower (35/70, EU:C:1970:120, punti 17 u 18).
( 29 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Danosa (C-232/09, EU:C:2010:674).
( 30 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall‑ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qiegħed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5. Vol. 3, p. 110).
( 31 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punti 46 u 47).
( 33 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punti 39 u 40).
( 34 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Albron Catering (C‑242/09, EU:C:2010:625).
( 35 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).
( 36 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Albron Catering (C‑242/09, EU:C:2010:625, punti 21 u 31).
( 37 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Haralambidis (C‑270/13, EU:C:2014:2185).
( 38 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Haralambidis (C‑270/13, EU:C:2014:2185, punt 30).
( 39 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Haralambidis (C‑270/13, EU:C:2014:2185, punt 40).
( 40 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842).
( 41 ) ĠU 2005, C 169, p. 10).
( 42 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 62).
( 43 ) Sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151).
( 44 ) Sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 49).
( 45 ) Sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 49).
( 46 ) C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688.
( 47 ) ĠU 2001, L 12, p. 1.
( 48 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punti 59 u 60).
( 49 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 62).
( 50 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 62).
( 51 ) C‑603/17, EU:C:2019:310.
( 52 ) Konvenzjoni ffirmata f’Lugano fit‑30 ta’ Ottubru 2007 li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata għan-nom tal-Komunità bid-deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1).
( 53 ) Sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Bosworth u Hurley (C‑603/17, EU:C:2019:310, punt 27).
( 54 ) Jew inkella, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, skont l-applikazzjoni ratione loci u ratione temporis tar-regoli ta’ koordinazzjoni fil-qasam soċjali.
( 55 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2006, Chateignier (C‑346/05, EU:C:2006:711, punt 22).
( 56 ) Ara l-punt 5.2.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 57 ) Ara l-punt 5.2.6 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 58 ) Ara l-punt 5.2.6 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 59 ) Ara l-punt 5.2.3 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 60 ) Ara l-punt 7.1.5 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 61 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 62 ) Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75).
( 63 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punti 21 sa 24), kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 34).
( 64 ) Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 24).
( 65 ) Ara l-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 66 ) Lanqas fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, dispożizzjoni ekwivalenti.
( 67 ) Sentenza tal‑10 ta’ Frar 2000, FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75, punt 40).
( 68 ) Fl‑2016, il-Kummissjoni ssuġġerixxiet, fil-proposta tagħha ta’ regolament li jemenda r‑Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall‑implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 [dokument COM (2016)815], li jissostitwixxi l-paragrafu 5a tal-Artikolu 14 eżistenti tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 bil-paragrafu li ġej: “5a Għall-fini tal-applikazzjoni tat-Titolu II tar‑Regolament bażiku ‘uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju’ għandha tirreferi għall-uffiċċju reġistrat jew l-post tan-negozju fejn id-deċiżjonijiet essenzjali tal‑impriża jiġu adottati u fejn il-funzjonijiet tal-amministrazzjoni ċentrali tagħha jitwettqu, sakemm l-impriża twettaq attività sostanzjali f’dan l-Istat Membru”. Enfasi miżjuda minni. Madankollu, il-Kunsill tal-Ministri ċaħad l-introduzzjoni tal-kriterju ta’ “attività sostanzjali”.
( 69 ) Ara l-punt 7.2.5 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 70 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi d-“dritt tal-EFTA” fid-domanda tagħha. Madankollu, probabbilment il-qorti tar-rinviju fir-realtà tirreferri għad-dritt taż-ŻEE u għall‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Konfederazzjoni Svizzera. Konsegwentement, din id-domanda għandha tiġi rriformulata.
( 71 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 68), u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 37).
( 72 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti EFTA tat‑13 ta’ Settembru 2017, Yara International ASA (E‑15/16, EFTA Court Report 2017, 434, punt 49), li minnha jirriżulta li l-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt tikkostitwixxi “karatteristika essenzjali tad-dritt taż-ŻEE” u tat‑3 ta’ Ottubru 2012, Arcade Drilling (E‑15/11, EFTA Court Report 2012, 676, punti 88 u 89), li fiha l-Qorti EFTA bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 73 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 38).
( 74 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 75 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 76 ) Ara l-punt 7.3 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 77 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 78 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 34), u tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 59).
( 79 ) Ara l-punti 57 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 80 ) Ara, f’dan il-kuntest, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 50), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-prattiki abbużivi, filwaqt li ċċitat bħala eżempju l-konklużjoni ta’ kuntratti li jikkostitwixxu muntatura purament artifiċjali intiża sabiex taħbi l-identità tal-prestatarju ta’ servizz.
( 81 ) Skont l-informazzjoni mogħtija mill-AFMB, Stati Membri bħall-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, il-Polonja u r-Rumanija kkunsidraw lil AFMB bħala persuna li timpjega u kkunsidraw, abbażi tal-uffiċċju rreġistrat tagħha, il-leġiżlazzjoni Ċiprijotta fil-qasam tas-sigurtà soċjali applikabbli għar-residenti rispettivi tagħhom.
( 82 ) Kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fis-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 51), l-element oġġettiv jikkonsisti fil-fatt li l-kundizzjonijiet rikjesti għall-finijiet tal-kisba u l-invokazzjoni ta’ ċertifikat E101 ma humiex issodisfatti.
( 83 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punti 41 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 84 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 52), li minnha jirriżulta li l-element suġġettiv normalment jintlaħaq meta l-persuna kkonċernata għandha l-intenzjoni li tevita jew tevadi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ċertifikat E101, fid-dawl tal-kisba tal-vantaġġ marbut miegħu.
( 85 ) Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 86 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et (C‑345/09, EU:C:2010:610) u tat‑13 ta’ Lulju 2017, Szoja (C-89/16, EU:C:2017:538, punt 42).
( 87 ) Ara l-punt 5.2.9 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 88 ) L-istess japplika għall-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, skont l-applikazzjoni ratione loci u ratione temporis tar-regoli ta’ koordinazzjoni fil-qasam soċjali.
( 89 ) Din il-konsegwenza tirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, mir-raġunament espost mill-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Halifax et (C‑255/02, EU:C:2005:200, punti 68, 71 u 97), li jipprevedi li ma tistax tinvoka dispożizzjoni legali li tagħti dritt sabiex tikseb vantaġġi illegali u manifestament mhux konnessi mal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-prattika, dan ifisser li d-dispożizzjoni legali inkwistjoni għandha tkun interpretata, kuntrarjament għas-sens litterali tagħha, bħala li fir-realtà ma tagħtix id-dritt.