SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġu tterminati kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat meta l-motiv ta’ reklutaġġ ma jkunx għadu jissussisti – Għalliema impjegati għas-sena skolastika – Xoljiment tar-relazzjoni ta’ xogħol fid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE”

Fil-Kawża C‑245/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla-La Mancha, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Pedro Viejobueno Ibáñez,

Emilia de la Vara González

vs

Consejería de Educación de Castilla-La Mancha,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), E. Regan u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal P. Viejobueno Ibáñez u E. de la Vara González, minn J. J. Donate Valera, abogado,

għall-Consejería de Educación de Castilla-La Mancha, minn C. Aguado Martín u M. Barahona Migueláñez, letrados,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u S. Jiménez García, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑31 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn Pedro Viejobueno Ibáñez u Emilia de la Vara González (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuni kkonċernati”) u l-Consejería de Educación de Castilla-La Mancha (il-Ministeru reġjonali għall-Edukazzjoni ta’ Castilla-La Mancha, Spanja) (iktar ’il quddiem il-Ministeru reġjonali”) dwar ix-xoljiment tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jorbtu lill-partijiet ikkonċernati mal-Ministeru reġjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 jirriżulta li “[l]-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi”.

4

Konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa “li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas […] konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”.

5

It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas huwa fformulat kif ġej:

“Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’mpjieg bejn min jimpjiega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema.”

6

It-tielet paragrafu ta’ dan il-preambolu jippreċiża li “[l]-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fissi, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġonali. Juri d-disposizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġguhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċetabbli għal min jimpjiega u l-ħaddiema”.

7

Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

8

Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tiddisponi:

“1.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet […]”

9

Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha li:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

10

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), huwa fformulat kif ġej:

“Leave annwali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistgħax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

Id-dritt Spanjol

11

L-Artikolu 1(1) tal-Ley 7/2007, del Estatuto Básico del Empleado Público (il-Liġi 7/2007, dwar ir-regolament bażiku relatat mal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku), jipprevedi:

“Dan ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi l-bażi għas-sistema statutorja tal-uffiċjali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.”

12

Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, dwar ir-regolament bażiku relatat mal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku għandu japplika b’mod partikolari għall-uffiċjali u għall-ħaddiema tal-amministrazzjoniiet tal-Komunitajiet Awtonomi.

13

L-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Membri tal-persunal temporanju huma persuni li, għal raġunijiet ta’ neċessità u urġenza ġġustifikati espressament, jinħatru f’din il-kwalità sabiex jeżerċitaw funzjonijiet li suppost iwettquhom l-uffiċjali permanenti, f’każ li jseħħu s-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

l-eżistenza ta’ pożizzjonijiet vakanti li ma jistgħux jiġu okkupati minn uffiċjali permanenti.

b)

is-sostituzzjoni temporanja tal-uffiċjali permanenti.

c)

it-twettiq ta’ programmi ta’ natura temporanja.

d)

l-eċċess jew il-kumulu ta’ xogħol, matul perijodu massimu ta’ sitt xhur, fuq perijodu ta’ tnax-il xahar.”

14

Skont l-Artikolu 10(3) ta’ din l-istess liġi, it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-persunal mhux permanenti, minbarra għal raġunijiet ta’ telf ta’ kwalità ta’ uffiċjal, isseħħ meta il-motiv li kien iġġustifika r-reklutaġġ ta’ dawn il-membri tal-persunal ma jkunx għadu jissussisti.

15

L-Artikolu 10(5) tal-Liġi 7/2007 jipprevedi li s-sistema ġenerali tal-uffiċjali għandha tapplika għall-membri tal-persunal mhux permanenti sa fejn huwa adegwat għan-natura tal-istatus ta’ dawn l-uffiċjali.

16

L-Artikolu 7 tal-Ley 4/2011, del Empleo Público de Castilla La Mancha (il-Liġi 4/2011, dwar is-servizz pubbliku ta’ Castilla La Mancha), tal‑10 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi 4/2011”), jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, huma uffiċjali mhux permanenti, il-persuni li għal raġunijiet ta’ neċessità u ta’ urġenza ġġustifikati espressament, huma hekk impjegati sabiex jeżerċitaw temporanjament funzjonijiet proprji għal uffiċjali f’waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 8.”

17

L-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Ir-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal mhux permanenti jista’ jsir biss f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

L-eżistenza ta’ pożizzjonijit vakanti li għalihom l-approprjazzjonijiet ġew allokati għall-inqas grad u li għalihom ir-reklutaġġ tieħu l-forma ta’ kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki, meta ma jkunx possibbli li jimtlew minn uffiċjali.

[…]”

18

L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Ir-relazzjoni tax-xogħol ta’ membri tal-persunal temporanju tintemm minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

[…]

b)

ma jibqgħux jissussistu r-raġunijiet tal-ħtieġa u tal-urġenza li fuqhom kienet tibbaża l-ħatra.”

19

Skont il-ftehim tal‑10 ta’ Marzu 1994, konkluż bejn il-Ministerio de Educación y Ciencia (il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xjenza, Spanja) u s-sindakat ANPE, ippubblikat permezz tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 1994 tad-Dirección General de Personal y Servicios (id-Direttorat Ġenerali tal-Persunal u tad-Dipartimenti) ta’ dan il-ministeru, dwar il-proċedura għall-għażla ta’ għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑10 ta’ Marzu 1994”), l-uffiċjali mhux permanenti li ħadmu għallinqas ħames xhur u nofs sat‑30 ta’ Ġunju ta’ sena skolastika ser iwettqu l-kompiti relatati ma’ din il-pożizzjoni minn din id-data sal-bidu tas-sena skolastika segwenti.

20

Id-dispożizzjoni addizzjonali 13 tal-Ley 5/2012, de Presupuestos Generales de la Junta de Comunidades de Castilla-La Mancha para 2012 (il-Liġi 5/2012, dwar il-finanzi ġenerali tal-Gvern tal-Komunità ta’ Castilla-La Mancha għas-sena 2012), tat‑12 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja għas-sena 2012”), tipprevedi:

“1.

Konformement mal-Artikolu 38(10) tal-[Liġi 7/2007] u l-Artikolu 153(6) tal-[Liġi 4/2011], l-applikazzjoni tal-ftehimiet li ġejjin għandha tiġi sospiża bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

i)

[il-Ftehim tal‑10 ta’ Marzu 1994], fir-rigward tal-[kumpens finanzjarju] ta’ leave ta’ Lulju u ta’ Awwissu għas-sostituzzjonijiet ta’ iktar minn ħames xhur u nofs kif ukoll għall-kopertura tal-pożizzjonijiet vakanti. F’dan ir-rigward, l-għalliema mhux universitarji impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti jirċievu kumpens finanzjarju ekwivalenti għal 22 jum ta’ xogħol jekk ikunu ġew irreklutati għal sena skolastika sħiħa jew in-numru ta’ ġranet li jikkorrispondi għall-ħin maħdum jekk dak huwa inqas minn sena skolastika.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

P. Viejobueno Ibáñez ġie rreklutat mid-Dirección General de Recursos Humanos y Programación Educativa (id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u l-Programmi Edukattivi) tal-Ministeru reġjonali bħala membru tal-persunal mhux permanenti (funcionario interino) fil-pożizzjoni ta’ għalliem tas-sekondarja fil-kulleġġ Alonso Quijano, f’Esquivias (fil-provinċja ta’ Toledo, Spanja) għas-sena skolastika 2011/2012. E. de la Vara González ġiet irreklutata minn dan id-Direttorat bħala membru tal-persunal mhux permanenti fil-pożizzjoni ta’ għalliema vokazzjonali fiċ-ċentru ta’ edukazzjoni għall-adulti Campos del Záncara, f’San Clemente (fil-provinċja ta’ Cuenca, Spanja) għall-istess sena skolastika.

22

Fid‑29 ta’ Ġunju 2012, id-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim, il-koordinaturi provinċjali fil-qasam tal-edukazzjoni ta’ Toledo u ta’ Cuenca addottaw, kull wieħed minnhom, deċiżjoni ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minn dik id-data fir-rigward ta’ P. Viejobueno Ibáñez u E. De la Vara González, minħabba l-motivi bbażati, rispettivament, fuq it-“tmiem liberu tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ membru tal-persunal mhux permanenti” u t-“tmiem definittiv tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba bdil fis-sitwazzjoni amministrattiva”.

23

Il-partijiet ikkonċernati kkontestaw mas-superjuri diretti tagħhom id-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. Peress li t-talbiet tagħhom ġew impliċitament miċħuda, fit‑12 ta’ April 2013, huma ppreżentaw rikors quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 2 (Toledo) (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 2 (Toledo), Spanja), rikors intiż, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda u tad-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom u r-rikonoxximent tad-dritt tagħhom li jibqgħu fil-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom sal‑14 ta’ Settembru 2012. Insostenn tar-rikors tagħhom, il-persuni kkonċernati sostnew, b’mod partikolari, li d-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn dawn kienu jwasslu għal diskriminazzjoni fit-trattament bejn l-għalliema skont jekk huma membri tal-persunal mhux permanenti jew uffiċjali, b’dawn tal-aħħar iżommu l-pożizzjoni tagħhom wara t-tmiem tal-perijodu li fihom ipprovdew il-korsijiet.

24

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2015, din il-qorti ċaħdet ir-rikors, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-atti ta’ reklutaġġ tal-persuni kkonċernati ma kinux jinkludu data ta’ tmiem tar-reklutaġġ, li, ir-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal mhux permanenti għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet ta’ neċessità u ta’ urġenza ġġustifikati, bil-fatt li dawn il-motivi ma kinux għadhom jissussistu kien jikkostitwixxi raġuni legali għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ dawn il-membri tal-persunal, anki meta d-data ta’ tmiem tar-reklutaġġ tidher fuq il-karti tas-salarju, u li tmiem il-perijodu tal-korsijiet seta’ jimplika t-tneħħija tan-neċessità jew tal-urġenza li kienet immotivat ir-reklutaġġ tal-imsemmija membri tal-persunal. Barra minn hekk, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 2 (Toledo) (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 2 (Toledo)) ikkunsidrat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma kienx inkiser, peress li s-sitwazzjoni li fiha kienu jinsabu l-membri tal-persunal mhux permanenti, li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-amministrazzjoni hija prinċipalment temporanja, ma kinitx komparabbli ma’ dik tal-uffiċjali, li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-amministrazzjoni hija permanenti.

25

Il-partijiet ikkonċernati appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri t-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla-La Mancha, Spanja), billi sostnew, b’mod partikolari, li l-fatt li t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom seħħet fid‑29 ta’ Ġunju 2012 jikkostitwixxi ksur tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, huma sostnew li, minħabba l-kwalità tagħhom ta’ membri tal-persunal mhux permanenti, huma ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-għalliema li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament tal-persunal, peress li dawn iżommu l-pożizzjoni tagħhom matul il-perijodu normalment iddedikat għal-leave annwali tas-sajf. Huma jsostnu, barra minn hekk, li, peress li huma kienu rreklutati għas-sena skolastika 2011/2012 u li jwettqu l-istess funzjonijiet bħal għalliem li għandu l-kwalità ta’ uffiċjal, ma hemmx raġuni li għaliha ma jkunux jistgħu jwettqu l-kompiti li jikkorrispondu għall-funzjoni tagħhom wara t-tmiem tal-perijodu li fihom ipprovdew il-korsijiet. Barra minn hekk, il-persuni kkonċernati jsostnu li d-deċiżjonijiet ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol li jikkonċernawhom jiksru l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, minħabba li kienu temmew ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom qabel ma kienu setgħu jieħdu l-ġranet ta’ leave annwali tagħhom u li huma rċevew kumpens finanzjarju f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati jargumentaw li t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tikser il-Ftehim tal‑10 ta’ Marzu 1994.

26

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-relazzjonijiet ta’ xogħol bħal dawk tal-persuni kkonċernati huma konklużi, konformement mal-Artikolu 7 tal-Liġi 4/2011, għal raġunijiet ta’ neċessità u ta’ urġenza. Skont din il-qorti, jirriżulta mill-ġurisprudenza Spanjola li l-assenza ta’ neċessità tax-xogħol tal-għalliema wara t-tmiem tal-perijodu li fihom ipprovdew il-korsijiet tikkostitwixxi, fir-rigward ta’ dawk li ġew irreklutati bħala membri tal-persunal mhux permanenti, raġuni legali ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol fid-data ta’ tmiem dak il-perijodu, skont l-Artikolu 9(1)(b) ta’ din il-liġi u l-Artikolu 10(3) tal-Liġi 7/2007, peress li r-raġuni tar-reklutaġġ tagħhom ma kienx għadu jissussisti.

27

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li l-għalliema rreklutati bħala membri tal-persunal mhux permanenti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-Ftehim qafas, sa fejn huma rreklutati sabiex jokkupaw pożizzjonijiet ta’ għalliema li kienu vakanti. L-għalliema suġġetti għar-Regolament tal-persunal jistgħu, min-naħa tagħhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat komparabbli”, fis-sens tal-klawżola 4 ta’ dan il-ftehim. Għaldaqstant hemm lok ta’ paragun, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-klawżola, tas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal mhux permanenti għal dik tal-uffiċjali li x-xogħol tagħhom fl-istess stabbilimenti ta’ edukazzjoni jew fi stabbilimenti oħrajn fl-istess komunità awtonoma huwa simili.

28

Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk it-tmiem tal-perijodu li fihom ipprovdew il-korsijiet effettivament jikkostitwixxix raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament differenti bejn l-għalliema li huma membri tal-persunal mhux permanenti jew uffiċjali.

29

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prattika li tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ għalliema rreklutati bħala membri tal-persunal mhux permanenti fi tmiem dan il-perijodu huwiex kompatibbli mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, peress li l-Ministeru reġjonali għandu, f’din is-sitwazzjoni, jikkumpensa l-ġranet ta’ leave annwali li dawn l-għalliema ma setgħux jibbenefikaw minnhom.

30

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-amministrazzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha rrispettat il-Ftehim tal‑10 ta’ Marzu 1994 sas-sena skolastika 2011/2012 u li l-imsemmija prattika bdiet bl-adozzjoni tal-Liġi Finanzjarja għas-sena 2012. Peress li din il-prattika hija awtorizzata minn din il-liġi, li tintroduċi miżuri ta’ awsterità u ta’ kontroll tad-defiċit pubbliku, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija liġi hijiex kuntrarja jew le għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif stabbilit mill-Ftehim qafas, u, jekk iva, jekk il-qorti nazzjonali tistax tevita din l-istess liġi minħabba li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla-La Mancha) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fid-dawl tal-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenzi preċedenti tal-qorti tar-rinviju […] kif ukoll l-allegazzjonijiet ifformulati fil-kawża prinċipali, li jikkonċernaw il-legalità tad-deċiżjoni li tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti […] fi tmiem is-sena skolastika, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli stabbilit fil-klawżola 4 tal-[Ftehim qafas], u peress li s-sistema legali nazzjonali applikabbli għas-servizz pubbliku f’Castilla-La Mancha tipprevedi li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti tintemm fil-każ li ‘ma jibqgħux jissussistu r-raġunijiet tal-ħtieġa u tal-urġenza li fuqhom kienet tibbaża l-ħatra’ […]:

1)

It-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim tas-sena skolastika jista’ jitqies bħala raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament differenti tal-għalliema impjegati bħala aġenti temporanji msemmija iktar ’il fuq meta mqabbla ma’ għalliema uffiċjali?

2)

Il-fatt li l-għalliema impjegati bħala aġenti temporanji li l-impjieg tagħhom jiġi tterminat fi tmiem is-sena skolastika ma jistgħux jibbenefikaw mill-jiem ta’ leave tagħhom fil-forma ta’ jiem effettivi ta’ mistrieħ, iżda jiġu biss ikkumpensati finanzjarjament għal dawn tal-aħħar, huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-għalliema impjegati bħala aġenti temporanji?

3)

Regola astratta bħad-dispożizzjoni addizzjonali tlettax tal-[Liġi Finanzjarja għas-sena 2012], li, fost affarijiet oħra, għal raġunijiet ta’ ekonomija baġitarja u ta’ osservanza tal-objettivi tad-defiċit, tissospendi l-applikazzjoni tal-[ftehim tal‑10 ta’ Marzu 1994], fir-rigward tal-[kumpens finanzjarju] għal-leave ta’ Lulju u ta’ Awwissu għas-sostituzzjonijiet ta’ iktar minn ħames xhur u nofs kif ukoll għall-kopertura tal-postijiet vakanti, u timponi kumpens favur l-għalliema mhux universitrarji impjegati bħala aġenti temporanji ekwivalenti għal 22 jum ta’ xogħol jekk dawn ikun ġew impjegati għal sena skolastika sħiħa jew għal numru ta’ jiem korrispondenti għall-perijodu li dawn ikunu ħadmu jekk dan tal-aħħar ikun inqas minn sena skolastika sħiħa, hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ta’ dawn l-aġenti, li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ħaddiema għal żmien determinat?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil persuna li timpjega li ttemm, fid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ għalliema rreklutati għal sena skolastika bħala membri tal-persunal mhux permanenti, minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ neċessità u ta’ urġenza li kien suġġett għalihom ir-reklutaġġ tagħhom ma kinux għadhom jissussistu f’dik id-data, filwaqt li r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat ta’ għalliema li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjali tkompliet.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti “jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’mpjieg bejn min jimpjiega u l-ħaddiema [u li] l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema”.

34

Skont it-termini tal-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-Ftehim qafas jippreċiża li dan “[j]uri d-disposizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġguhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika għal dan il-għan li l-għan tal-Ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, it-titjib tal-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jkunu ta’ natura li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Il-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li jimplimenta l-għan li japplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż l-użu ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ din in-natura minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Min-naħa l-oħra, il-Ftehim qafas ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, u lanqas dawk li fihom jistgħu jintużaw kuntratti għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 63, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana Lopez, C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 39).

37

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif implimentat u kkonkretizzat mill-punt 1 tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas, inkisirx għar-raġuni li, bid-differenza tas-sitwazzjoni tal-għalliema, bħal P. Viejobueno Ibáñez u E. de la Vara González, li ġew irreklutati bħala membri tal-persunal mhux permanenti fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, ma intemmitx ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tal-għalliema li għandhom l-istatus ta’ uffiċjali fi tmiem il-perijodu li fihom ipprovdew il-korsijiet, sabiex dawn żammew il-pożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari, matul il-perijodu tal-leave annwali tas-sajf.

38

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Dan premess, jirriżulta mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li P. Viejobueno Ibañez u E. de la Vara González, meta huma kienu rreklutati mid-Dirección General de Recursos Humanos y Programación Educativa (id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u l-Programmi Edukattivi) bħala membri tal-persunal mhux permanenti, huma kienu jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-għalliema li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjal.

40

Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal mhux permanenti bħal P. Viejobueno Ibañez u E. de la Vara González setgħat, bħala prinċipju, titqies li hija paragunabbli ma’ dik ta’ għalliem kopert mir-Regolament tal-persunal.

41

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, għall-kuntrarju tal-kawża li tat lok għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, fil-kawża prinċipali, id-differenza fit-trattament invokat jirriżulta biss mill-fatt li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-partijiet ikkonċernati intemmet f’data speċifika filwaqt li dik tal-għalliema li jaqgħu taħt l-istatus ta’ uffiċjal inżammet wara dik id-data.

42

Issa, tali ċirkustanza tikkostitwixxi l-karatteristika essenzjali li tiddistingwi relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat minn relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

43

Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li, fid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim, ma ntemmitx ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-għalliema li jaqgħu taħt ir-Regolament tal-persunal, jew li din ir-relazzjoni ma tiġix sospiż, huwa inerenti għan-natura stess tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema. Fil-fatt, dawn huma intiżi sabiex jokkupaw impjieg permanenti preċiżament għaliex huma impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

44

Dwar ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, bħal dik tal-persuni kkonċernati, huma, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, ikkaratterizzati mill-fatt li l-persuna li timpjega u l-ħaddiem huma, sa mill-mument li fih jiġu konklużi tali relazzjonijiet, qablu li dawn għandhom jintemmu meta, b’mod oġġettiv, iseħħu kundizzjonijiet stabbiliti, bħat-tlestija ta’ kompitu speċifiku, l-okkorrenza ta’ avveniment speċifiku jew ta’ data speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 57, u Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 60).

45

Issa, f’dan il-każ, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-persuna li timpjega temmet r-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni kkonċernati qabel l-okkorrenza tal-kundizzjoni stabbilita b’mod oġġettiv mill-partijiet fit-tilwima quddiemha. Jekk dan ikun il-każ, dan il-fatt ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-Ftehim qafas, iżda ksur mill-persuna li timpjega mit-termini kuntrattwali li jirregolaw l-imsemmija relazzjonijiet ta’ xogħol, li tista’, skont il-każ, tiġi ssanzjonata konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn, hekk kif dan tfakkar, essenzjalment, fil-punti 33 u 36 ta’ din is-sentenza, il-Ftehim qafas jirrikonoxxi, bħala prinċipju, il-leġittimità tar-rikors għal relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat kif ukoll l-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat u ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jintużaw dawn ir-relazzjonijiet, differenza fit-trattament, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti biss fil-fatt li relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, f’data speċifika, waslet fi tmiemha, filwaqt li relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma tkunx intemmet f’dik id-data, abbażi ta’ dan il-ftehim ma tistax tiġi ssanzjonata.

47

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni Ewropea li jgħid li s-sempliċi natura temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol ma jistax jikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” li tista’ tiġġustifika trattament differenti fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas.

48

Fil-fatt, id-differenza msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza hija inerenti għall-koeżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat u għal żmien determinat u ma tistax, taħt piena li teskludi kull differenza bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din il-klawżola.

49

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li P. Viejobueno Ibáñez u E. de la Vara González isostnu, essenzjalment, li r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat kellhom jintemmu mhux fid‑29 ta’ Ġunju 2012, mument tat-tmiem tal-perijodu li fihom ipprovdew il-korsijiet, iżda fl‑14 ta’ Settembru 2012, jiġifieri madwar xahrejn u nofs iktar tard, kif kien previst fil-Ftehim tal‑10 ta’ Marzu 1994.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-partijiet ikkonċernati ma jitolbux li jiġu effettivament ittrattati, għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, bl-istess mod bħall-kollegi tagħhom li għandhom l-istatus ta’ uffiċjali, peress li dawn jibqgħu jokkupaw il-pożizzjonijiet tagħhom wara l‑14 ta’ Settembru 2012. It-talbiet tagħhom huma intiżi, fir-realtà, sabiex jitolbu l-istess trattament bħal dak mogħti lill-għalliema li ġew impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti, matul is-snin skolastiċi preċedenti, sal‑14 ta’ Settembru.

51

Issa, peress li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li ġie implimentat u kkonkretizzat permezz tal-Ftehim qafas kien jirrigwarda biss id-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C-677/16, EU:C:2018:393, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-eventwali differenzi fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit minn dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenza fit-trattament allegata mill-persuni kkonċernati ma tistax, fi kwalunkwe każ, taqa’ taħt il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas.

53

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-persuni kkonċernati kienu mċaħħda mill-opportunità li jeżerċitaw b’mod effettiv il-leave annwali tagħhom, li ma jkunux irċevew ir-remunerazzjoni matul ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru tas-sena 2012 u li huma ma jkunux kisbu l-perijodu ta’ anzjanità għal dawn ix-xhur għall-finijiet tal-avvanz fil-karriera, għandu jiġi osservat li din iċ-ċirkustanza hija biss il-konsegwenza diretta tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, li ma tikkostitwixxix differenza ta’ trattament ipprojbit mill-Ftehim qafas.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil persuna li timpjega li ttemm, fid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ għalliema rreklutati għal sena skolastika bħala membri tal-persunal mhux permanenti, minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ neċessità u ta’ urġenza li kien suġġett għalihom ir-reklutaġġ tagħhom ma kinux għadhom jissussistu f’dik id-data, filwaqt li r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat ta’ għalliema li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjali tkompliet.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

55

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li ttemm, fid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tal-għalliema rreklutati għal sena skolastika bħala membri tal-persunal mhux permanenti, peress li dan iċaħħad lil dawn l-għalliema minn jiem ta’ leave annwali bil-ħlas matul is-sajf relatati ma’ dik is-sena skolastika, anki jekk dawn l-għalliema jirċievu kumpens finanzjarju f’dan ir-rigward.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ħaddiema għandhom normalment jibbenefikaw minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effettiva tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom. Huwa, għalhekk, li fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tkun ġiet itterminata li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jippermetti li d-dritt tal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud jiġi ssostitwit minn kumpens finanzjarju (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 23, kif ukoll id-digriet tal‑21 ta’ Frar 2013, Maestre García, C‑194/12, EU:C:2013:102, punt 28).

57

Issa, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li r-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni kkonċernati ntemmu. Konsegwentement, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-leġiżlatur Spanjol seta’ jipprevedi li dawn tal-aħħar kienu ser jirċievu kumpens finanzjarju fir-rigward tal-perijodu ta’ leave annwali bil-ħlas li huma ma setgħux jibbenefikaw minnu.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata hija li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li ttemm, fid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tal-għalliema rreklutati għal sena skolastika bħala membri tal-persunal mhux permanenti, anki meta dan iċaħħad lil dawn l-għalliema minn jiem ta’ leave annwali bil-ħlas matul is-sajf relatati ma’ dik is-sena skolastika, sakemm dawn l-għalliema jirċievu kumpens finanzjarju f’dan ir-rigward.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil persuna li timpjega li ttemm, fid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ għalliema rreklutati għal sena skolastika bħala membri tal-persunal mhux permanenti, minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ neċessità u ta’ urġenza li kien suġġett għalihom ir-reklutaġġ tagħhom ma kinux għadhom jissussistu f’dik id-data, filwaqt li r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat ta’ għalliema li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjali tkompliet.

2)

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li ttemm, fid-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tagħlim, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tal-għalliema rreklutati għal sena skolastika bħala membri tal-persunal mhux permanenti, anki meta dan iċaħħad lil dawn l-għalliema minn jiem ta’ leave annwali bil-ħlas matul is-sajf relatati ma’ dik is-sena skolastika, sakemm dawn l-għalliema jirċievu kumpens finanzjarju f’dan ir-rigward.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.