SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

24 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 23 – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab f’kuntratt ta’ distribuzzjoni – Kawża għad-danni tad-distributur ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE mill-fornitur”

Fil-Kawża C‑595/17

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

Apple Sales International,

Apple Inc.,

Apple retail France EURL

vs

MJA, fil-kwalità tagħha ta’ stralċjarja ta’ eBizcuss.com,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Apple Sales International, Apple Inc. u Apple retail Franza EURL, minn F. Molinié, J.‑C. Jaïs u C. Cavicchioli, avocats,

għal MJA, fil-kwalità tagħha ta’ stralċjarja ta’ eBizcuss.com, minn J.‑M. Thouvenin u L. Vidal, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn E. Armoët, E. de Moustier u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, G. Meeßen u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Apple Sales International, Apple Inc. u Apple retail France EURL, ma’ MJA, fil-kwalità tagħha ta’ stralċjarja tal-kumpannija eBizcuss.com (iktar ’il quddiem “eBizcuss”), fir-rigward ta’ kawża għad-danni miftuħa minn din l-aħħar kumpannija dwar ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 11 u 14 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxu:

“(2)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[…]

(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

[…]

(14)

L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn assigurazzjoni, konsumatur jew kuntratt ta’ impjieg, fejn tiġi permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata skond il-bażi esklussivi ta’ ġurisdizzjoni mitluba f’dan ir-Regolament.”

4

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

(a)

bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba, jew

(b)

f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

(ċ)

f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.”

Id-dritt Franċiż

5

Fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 1382 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili, Franza) kien jiddisponi:

“Kull azzjoni tal-bniedem, li tikkawża ħsara lil ħaddieħor, tobbliga lil dak li jkun wettaq il-ħsara li jipprovdi kumpens.”

6

L-Artikolu L. 420‑1 tal-code de commerce (il-Kodiċi tal-Kummerċ, Franza) jipprevedi:

“L-azzjonijiet miftiehma, il-ftehimiet, l-akkordji espressi jew taċiti jew il-koalizzjonijiet għandhom ikunu pprojbiti anki jekk jitwettqu direttament jew indirettament minn kumpannija tal-grupp stabbilita barra minn Franza, meta jkollhom bħala għan jew jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’suq, b’mod partikolari meta jkunu intiżi li:

jillimitaw l-aċċess għas-suq jew l-eżerċizzju liberu tal-kompetizzjoni minn impriżi oħra;

jostakolaw l-iffissar tal-prezzijiet fuq il-bażi tal-funzjonament ħieles tas-suq billi jiffavorixxu b’mod artifiċjali ż-żieda jew it-tnaqqis tagħhom;

jillimitaw jew jikkontrollaw il-produzzjoni, l-opportunitajiet, l-investimenti jew il-progress tekniku;

jaqsam is-swieq jew is-sorsi ta’ forniment.”

7

L-Artikolu L. 420‑2 tal-code de commerce (il-Kodiċi tal-Kummerċ) huwa fformulat kif ġej:

“L-operat abbużiv minn impriża jew grupp ta’ impriżi ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew ta’ parti sostanzjali ta’ dan tal-aħħar huwa pprojbit, fil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu L. 420‑1. Dawn l-abbużi jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu f’rifjut ta’ bejgħ, bejgħ bl-irbit jew kundizzjonijiet ta’ bejgħ diskriminatorji, kif ukoll fil-ksur tar-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, minħabba l-unika raġuni li s-sieħeb jirrifjuta jissottometti ruħu għal kundizzjonijiet kummerċjali mhux iġġustifikati.

L-operat abbużiv minn impriża jew grupp ta’ impriżi tal-istat ta’ dipendenza ekonomika li fih tkun tinsab impriża klijent jew fornitur fir-rigward tagħha huwa pprojbit ukoll, meta jista’ jaffettwa l-funzjonament jew l-istruttura tal-kompetizzjoni. Dawn l-abbużi jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu f’rifjut ta’ bejgħ, bejgħ bl-irbit, jew prattiċi diskriminatorji msemmija taħt il-paragrafu I tal-Artikolu L 442‑6 jew fil-ftehimiet ta’ ditti kbar.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fl‑10 ta’ Ottubru 2002, Apple Sales International, kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż, ikkonkludiet kuntratt ma’ eBizcuss li jirrikonoxxi lil din tal-aħħar il-kwalità ta’ rivenditur awtorizzat tal-prodotti tad-ditta Apple. Dan il-kuntratt, li permezz tiegħu eBizcuss impenjat ruħha li tiddistribwixxi b’mod kważi esklużiv il-prodotti tal-parti kokontraenti tagħha, kien jinkludi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur il-qrati Irlandiżi.

9

Din il-klawżola, miktuba bil-lingwa Ingliża, kienet, fl-aħħar verżjoni tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni bid-data tal‑20 ta’ Diċembru 2005, ifformulata hekk:

“This Agreement and the corresponding relationship between the parties shall be governed by and construed in accordance with the laws of the Republic of Ireland and the parties shall submit to the jurisdiction of the courts of the Republic of Ireland. Apple [Sales International] reserves the right to institute proceedings against Reseller in the courts having jurisdiction in the place where Reseller has its seat or in any jurisdiction where a harm to Apple [Sales International] is occurring.”

10

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar it-traduzzjoni eżatta bil-Franċiż tat-termini “and the corresponding relationship”, u jittraduċuh sew bħala “et la relation correspondante” (u r-relazzjoni korrispondenti) (traduzzjoni ta’ eBizcuss), sew bħala “et les relations en découlant” (u r-relazzjonijiet li jirriżultaw minnu) (traduzzjoni ta’ Apple Sales International).

11

Minkejja din id-differenza, il-klawżola tista’ tiġi tradotta kif ġej:

“Le présent contrat et la relation correspondante (traduction d’eBizcuss)/et les relations en découlant (traduction d’Apple Sales International) entre les parties seront régis par et interprétés conformément au droit de l’Irlande et les parties se soumettent à la compétence des tribunaux de l’Irlande. Apple [Sales International] se réserve le droit d’engager des poursuites à l’encontre du revendeur devant les tribunaux dans le ressort duquel est situé le siège du revendeur ou dans tout pays dans lequel Apple [Sales International] subit un préjudice” (Il-kuntratt preżenti u r-relazzjoni korrispondenti (traduzzjoni ta’ eBizcuss)/u r-relazzjonijiet li jirriżultaw minnu (traduzzjoni ta’ Apple Sales International) bejn il-partijiet għandhom ikunu rregolati u interpretati b’konformità mad-dritt Irlandiż u l-partijiet jissottomettu ruħhom għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Irlanda. Apple [Sales International] tirriżerva d-dritt li tiftaħ proċeduri kontra r-rivenditur quddiem qrati fil-post fejn tkun tinsab is-sede tar-rivenditur jew f’kwalunkwe pajjiż li fih Apple [Sales International] ssostni dannu).

12

Matul ix-xahar ta’ April 2012, eBizcuss ħarrket lil Apple Sales International, Apple Inc., kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan, u Apple Retail France, kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, quddiem it-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti Kummerċjali ta’ Pariġi, Franza), taħt azzjoni għad-danni minħabba atti ta’ kompetizzjoni żleali u abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, fuq il-bażi tal-Artikolu 1382 tal-code civil (il-Kodiċi Ċivili), tal-Artikolu L. 420‑2 tal-code de commerce (il-Kodiċi tal-Kummerċ) u tal-Artikolu 102 TFUE.

13

B’sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, din il-qorti laqgħet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mressqa minn Apple Sales International minħabba r-raġuni li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni favur il-qrati Irlandiżi kienet inkluża fil-kuntratt li jorbot lil din il-kumpannija ma’ eBizcuss.

14

B’sentenza tat‑8 ta’ April 2014, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), ċaħdet l-appell imressaq minn eBizcuss kontra din is-sentenza.

15

B’sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) annulat din is-sentenza minħabba li l-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) kienet kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide (C‑352/13, EU:C:2015:335), peress li kienet qed tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil-kuntratt li jorbot lil eBizcuss ma’ Apple Sales International, meta din il-klawżola ma kinitx tirreferi għal tilwim marbut mar-responsabbiltà sostnuta b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

16

B’sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2016, ippronunzjata wara r-rinviju mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), il-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza), laqgħet l-appell imressaq minn eBizcuss u bagħtet lura l-kawża quddiem it-tribunal de commerce de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi).

17

Apple Sales International, Apple Inc. u Apple retail France ressqu appell kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li sostnew, essenzjalment, li peress li azzjoni awtonoma, skont id-dritt tal-kompetizzjoni, toriġina mir-relazzjoni kuntrattwali, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-klawżola tal-għażla tal-qorti, anki jekk din il-klawżola ma tirrigwardax espressament tali azzjoni u li l-ebda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma ġie kkonstatat minn qabel minn awtorità nazzjonali jew Ewropea.

18

Il-qorti tar-rinviju esponiet, sadanittant, li ġiet mgħarrfa b’sentenza tas-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall) tas‑16 ta’ Frar 2016, Interlog u Taboada vs Apple. Din tikkonċerna wkoll lil Apple Sales International u klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni simili, miktuba b’termini ġenerali. Is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li din il-klawżola kienet tapplika għall-partijiet f’tilwima relattiva għall-istess allegazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u kkonkludiet li l-qrati Portugiżi kellhom nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

19

F’dan il-kuntest, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi li taqta’ l-kawża u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni ppreżentata minn distributur fil-konfront tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tapplika klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni stabbilita fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet?

2)

F’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni ppreżentata minn distributur fil-konfront tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tapplika klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet, anki fil-każ li l-imsemmija klawżola ma tkunx tagħmel riferiment espliċitu għad-diżgwid marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?

3)

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni ppreżentata minn distributur fil-konfront tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li ma tapplikax klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni stabbilita fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet fil-każ li l-ebda awtorità nazzjonali jew Ewropea ma tkun ikkonstatat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

20

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn distributur kontra l-fornitur tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE, ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet, li ma tirreferix espressament għal tilwim marbut mar-responsabbiltà sostnuta b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija eskluża.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, sabiex jiġi ddeterminat it-tilwim li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha ssir mill-qorti nazzjonali li quddiemha din tiġi invokata (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Madankollu, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tista’ biss tikkonċerna tilwim maħluq jew li se jinħoloq fil-każ ta’ relazzjoni ġuridika partikolari, li tillimita l-portata ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni biss għat-tilwim li joriġinaw mir-relazzjoni ġuridika li fir-rigward tagħha ġiet miftiehma din il-klawżola. Dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jevita li parti ma tiġix sorpriża bl-attribuzzjoni lil qorti partikolari tat-tilwim kollu li nħoloq fir-relazzjonijiet li hija jkollha mal-kokontraent tagħha u li joriġinaw minn relazzjonijiet li ma humiex dik li fir-rigward tagħha ġiet miftiehma l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li klawżola li tirreferi b’mod astratt għat-tilwim li jirriżulta fir-relazzjonijiet kuntrattwali ma tkunx tkopri tilwima relatata mar-responsabbiltà delittwali li kokontraent ikun allegatament sostna minħabba l-aġir tiegħu b’mod konformi ma’ akkordju illeċitu (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 69).

24

Peress li tali tilwima ma hijiex raġonevolment prevedibbli għall-impriża vittma fil-mument li hija tkun tat il-kunsens tagħha għall-imsemmija klawżola, minħabba li l-akkordju illeċitu li jinvolvi lill-kokontraent tagħha ma kienx magħruf f’dik id-data, ma tistax titqies bħala li toriġina mir-relazzjonijiet kuntrattwali (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 70).

25

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti, fil-każ fejn id-danni jintalbu legalment minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 146), li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni li jinsabu f’kuntratti ta’ kunsinna bil-kundizzjoni li dawn il-klawżoli jirreferu għat-tilwim dwar ir-responsabbiltà b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 72).

26

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi eżaminat jekk din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 u l-motivi insostenn tagħha jgħoddux ukoll fir-rigward ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni invokata f’każ ta’ tilwima relatata mar-responsabbiltà delittwali li kokontraenti jkun allegatament sostna minħabba ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

27

Dan huwa l-każ meta l-aġir antikompetittiv allegat jippreżenta ruħu bħala barrani għar-relazzjoni kuntrattwali li fil-kuntest tagħha l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni ġiet konkluża.

28

Issa, peress li l-aġir antikompetittiv fl-Artikolu 101 TFUE, jiġifieri akkordju illeċitu, bħala prinċipju ma huwiex direttament marbut mar-relazzjoni kuntrattwali bejn membru ta’ dan l-akkordju u terz, li fuqu għandu effett l-akkordju, l-aġir antikompetittiv fl-Artikolu 102 TFUE, jiġifieri l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, jista’ jimmaterjalizza f’relazzjonijiet kuntrattwali li impriża f’pożizzjoni dominanti toħloq u permezz ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali.

29

Għaldaqstant hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ azzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tirreferi għal kuntratt u għar-relazzjoni korrispondenti jew għar-relazzjonijiet li jirriżultaw bejn il-partijiet ma tistax titqies bħala li tissorprendi waħda mill-partijiet fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

30

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn distributur kontra l-fornitur tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE, ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet ma hijiex eskluża għas-sempliċi raġuni li din il-klawżola ma tirreferix espressament għal tilwim marbut mar-responsabbiltà sostnuta b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

Fuq it-tielet domanda

31

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn distributur kontra l-fornitur tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE tiddependi fuq il-konstatazzjoni minn qabel ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni minn awtorità nazzjonali jew Ewropea.

32

Din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

33

Fil-fatt, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza jew le ta’ konstatazzjoni minn qabel minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni hija kunsiderazzjoni barranija għal dawk li għandhom jipprevalu sabiex tiġi konkluża l-applikazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lil azzjoni intiża għall-kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

34

Fil-kuntest tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, distinzjoni skont l-eżistenza jew le ta’ konstatazzjoni minn qabel minn awtorità tal-kompetizzjoni dwar il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tmur ukoll kontra l-għan ta’ prevedibbiltà li fuqha hija bbażata din id-dispożizzjoni.

35

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u kif isemmu wkoll il-premessi 3, 12 u 13 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), l-Artikoli 101 u 102 TFUE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu, għall-individwi kkonċernati, drittijiet u obbligi li l-qrati nazzjonali jridu josservaw. Minn dan isegwi li d-dritt ta’ kull persuna li tħossha leża minn ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni li jitolbu kumpens għad-dannu subit huwa indipendenti mill-konstatazzjoni minn qabel ta’ tali ksur mill-awtorità tal-kompetizzjoni.

36

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn distributur kontra l-fornitur tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE ma tiddependix fuq il-konstatazzjoni minn qabel ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni minn awtorità nazzjonali jew Ewropea.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, l-applikazzjoni, fir-rigward ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn distributur kontra l-fornitur tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE, ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tkun tinsab fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet ma hijiex eskluża għas-sempliċi raġuni li din il-klawżola ma tirreferix espressament għal tilwim marbut mar-responsabbiltà sostnuta b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ azzjoni għad-danni mressqa minn distributur kontra l-fornitur tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 102 TFUE ma tiddependix fuq il-konstatazzjoni minn qabel ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni minn awtorità nazzjonali jew Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.