SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għal provvisti – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(2)(a) – Għoti mingħajr osservanza ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku – Kunċett ta’ ‘kuntratti bi ħlas’ – Kunċett ta’ ‘entità pubblika’”

Fil-Kawża C‑606/17

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

IBA Molecular Italy Srl

vs

Azienda ULSS no 3,

Regione Veneto,

Ministero della Salute

Ospedale dell’Angelo di Mestre,

fil-preżenza ta’:

Istituto Sacro Cuore ‐ Don Calabria di Negrar,

Azienda ULSS no 22,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, J. Malenovský u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Regione Veneto, minn C. Zampieri, E. Zanon, A. Manzi, C. Drago u B. Barel, avvocati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 56, 105 TFUE et seq. kif ukoll tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn IBA Molecular Italy Srl (iktar ’il quddiem “IBA”) ma’ Azienda ULSS no 3 (l-unità sanitarja lokali Nru 3, l-Italja), ir-Regione Veneto (ir-reġjun ta’ Veneto, l-Italja), il-Ministero della Salute (il-Ministeru għas-Saħħa, l-Italja) kif ukoll l-Ospedale dell’Angelo di Mestre (l-Isptar tal-Angelo ta’ Mestre, l-Italja) dwar l-għoti dirett, mill-unità sanitarja lokali Nru 3 u mill-Isptar tal-Angelo ta’ Mestre, tal-provvista għal tliet snin ta’ prodott mediċinali radjufarmaċewtiku bil-bażi 18 F‑Fluoro‑désoxy‑glucose, imsejjaħ “fluorodésoxyglucose (18F) IBA” (iktar ’il quddiem il-“prodott mediċinali 18‑FDG”), lill-Istituto Sacro Cuore ‐ Don Calabria di Negrar Sacro Cuore (iktar ’il quddiem is-“Sacro Cuore”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 1(2)(a) u (9) tad-Direttiva 2004/18 jiddisponi:

(a)

‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

[…]

9   Awtoritajiet ‘kuntrattwali’ tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika.

‘Korpi rregolati bil-liġi pubblika’ tfisser kull korp:

(a)

stabbilit għall-għan speċifiku li jilħaq il-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

(b)

li għandhom personalità legali; u

(c)

ffinanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, reġjonali jew awtoritajiet lokali, jew korpi oħra rregolati mill-liġi pubblika; jew suġġetti għas-supervizzjoni manigerjali minn dawk il-korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tagħhom huma appuntati mill-autoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati bil-liġi pubblika.

[…]”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”, jipprevedi:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

Id-dritt Taljan

5

Mill-Artikolu 1 tal-legge n. 132, recante norme sugli enti ospedalieri e sull’assistenza ospedaliera (il-Liġi Nru 132, li tistabbilixxi r-regoli dwar l-organi tal-isptarijiet u l-assistenza fl-isptarijiet), tat‑12 ta’ Frar 1968 (GURI Nru 68, tat‑12 ta’ Marzu 1968, iktar ’il quddiem il-“Liġi 132”), jirriżulta li l-isptarijiet “kklassifikati” huma “istituzzjonijiet u entitajiet ekkleżjastiċi rrikonoxxuti mill-Istat li jipprovdu l-kura tas-saħħa fl-isptarijiet”. Il-ħames paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprevdi b’mod partikolari:

“Minbarra s-sorveljanza teknika u tas-saħħa li jappartjenu lill-Ministeru għas-Saħħa, ma sar ebda tibdil fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dak li għandu x’jaqsam is-sistema legali u amministrattiva tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet ekkleżjastiċi rrikonoxxuti mill-Istat li jiżguraw kura fl-isptar.”

6

Skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 41 tal-legge no 833 ‐ Istituzione del servizio sanitario nazionale (il-Liġi Nru 833 li tistabbilixxi s-servizz tas-saħħa nazzjonali), tat‑23 ta’ Diċembru 1978 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 360, tat‑28 ta’ Diċembru 1978, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 833”), minn naħa, li “r-rapporti ta’ unitajiet ta’ ġestjoni tas-saħħa lokali kompetenti territorjalment mal-istituzzjonijiet, l-organi u l-isptarijiet msemmija fl-ewwel paragrafu, li kisbu l-klassifikazzjoni tagħhom konformement mal-Liġi Nru 132, tat‑12 ta’ Frar 1968, kif ukoll l-isptar Galliera ta’ Genova u mal-Ordni Militari Sovran ta’ Malta huma rregolati minn ftehimiet ad hoc” u, min-naħa l-oħra, li “l-istituzzjonijiet tas-saħħa rrikonoxxuti li jipprovdu kura pubblika għandhom iżommu l-pożizzjoni tagħhom bħala operaturi attivi fil-kuntest tas-sistema pubblika tal-kura”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

IBA hija impriża li tispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali radjufarmaċewtiċi. Hija konċessjonarja esklużiva fl-Italja tal-prodott mediċinali 18‑FDG li huwa traċċatur isotopiku użat f’ċerti eżamijiet radjugrafiċi.

8

Permezz ta’ rikors tad‑29 ta’ April 2015, hija kkontestat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) il-miżuri u l-ftehimiet li permezz tagħhom l-unità sanitarja lokali Nru 3 u l-Isptar tal-Angelo ta’ Mestre taw direttament u mingħajr proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku minn qabel, il-kuntratt ta’ provvista tal-prodott mediċinali 18‑FDG lis-Sacro Cuore għal tliet snin.

9

Minkejja li hija struttura reliġjuża rregolata mid-dritt privat, din tal-aħħar tipparteċipa fis-sistema pubblika ta’ programmazzjoni tas-saħħa tar-reġjun ta’ Veneto fuq il-bażi ta’ ftehim ad hoc, fil-kwalità tagħha ta’ sptar “ikklassifikat”, li bħala tali titqies bħala struttura pubblika.

10

Il-kuntratt konkluż fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt għall-provvista jipprevedi li s-Sacro Cuore għandha tipprovdi l-prodott mediċinali 18‑FDG mingħajr ħlas lid-disa’ sptarijiet pubbliċi reġjonali, permezz tal-ġbir tal-ispejjeż ta’ kunsinna li huma ffissati b’rata fissa għal EUR 180 għal kull kunsinna.

11

Insostenn tat-talba tagħha intiża sabiex jiġi annullat l-għoti dirett lis-Sacro Cuore tal-kuntratt ta’ provvista tal-prodott mediċinali 18‑FDG u sabiex sussegwentement tiġi organizzata proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ dan il-prodott mediċinali, IBA kkontestat l-atti li ġejjin:

l-għoti ta’ sussidju ta’ EUR 700000 mħallsa mir-reġjun ta’ Veneto lis-Sacro Cuore u allokat għall-kopertura tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-provvista mingħajr ħlas tal-prodott mediċinali 18‑FDG lill-organi kollha tas-saħħa kkonċernati ta’ dan ir-reġjun;

il-ftehim mudell dwar l-istabbiliment tar-rapport ta’ provvista bejn kull struttura tas-saħħa pubblika reġjonali u s-Sacro Cuore, imħejji mir-reġjun ta’ Veneto, u

l-atti reġjonali u statali differenti dwar l-għoti kontenzjuż u l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ dak il-prodott mediċinali.

12

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ April 2016, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) ċaħdet ir-rikors ta’ IBA, prinċipalment, għal żewġ raġunijiet.

13

L-ewwel nett, il-provvista inkwistjoni tal-prodott mediċinali 18‑FDG kienet essenzjalment mingħajr ħlas sa fejn la s-sussidju reġjonali ta’ EUR 700000 allokat lis-Sacro Cuore u lanqas it-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż tat-trasport tal-prodott mediċinali ma għandhom in-natura ta’ korrispettiv dirett.

14

It-tieni nett, anki jekk jiġi preżunt li l-kuntratt għall-provvista ta’ dan il-prodott mediċinali huwa ta’ natura oneruża, l-għoti kontenzjuż jikkostitwixxi ftehim bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi li fir-rigward tiegħu d-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi ma japplikax.

15

IBA, konsegwentement, ippreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). Essenzjalment, dan tal-aħħar iqis li l-evalwazzjoni mill-qorti tal-ewwel istanza fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kuntratt bi ħlas hija żbaljata. Min-naħa l-oħra, huwa jaqbel mal-evalwazzjoni tagħha li tgħid li l-kuntratt ta’ provvista kontenzjuż jistabbilixxi kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi li huwa eskluż mill-portata tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi.

16

Fl-ewwel lok, huwa prinċipalment jikkunsidra li s-Sacro Cuore ma tirċievi b’mod formali, ħlief ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-prodott mediċinali 18‑FDG, l-ebda remunerazzjoni bħala korrispettiv għall-provvista ta’ dan lill-istrutturi tas-saħħa pubbliċi destinatarji.

17

Madankollu, interpretazzjoni skont il-finijiet tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, twassal sabiex in-natura oneruża ta’ kuntratt ikun stabbilit meta l-operatur li jiżgura l-provvista tal-oġġett inkwistjoni jirċievi vantaġġ ekonomiku sinjifikattiv ta’ amministrazzjoni pubblika differenti mill-awtorità kontraenti u li huwa raġonevoli li wieħed jistenna li dan il-finanzjament huwa allokat preċiżament għall-provvista ta’ dan l-oġġett. Issa, dan huwa, f’dan il-każ, l-għan tal-għotja ta’ EUR 700000 mir-Reġjun ta’ Veneto lis-Sacro Cuore.

18

Fit-tieni lok, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iqis li l-kodiċi Taljan dwar il-kuntratti pubbliċi u d-dritt tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi japplikaw għal proċedura bħal dik imsemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza.

19

Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kuntratti bi ħlas konklużi bejn żewġ amministrazzjonijiet pubbliċi huma kuntratti pubbliċi, inkluż meta l-amministrazzjoni li topera bħala operatur privat ma jkollhiex prinċipalment għan ta’ qligħ. Kuntratt ma jistax jevita li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kuntratt pubbliku minħabba l-fatt biss li r-remunerazzjoni tiegħu tibqa’ limitata għal rimbors tal-ispejjeż li seħħew għall-provvista tas-servizz miftiehem.

20

Barra minn hekk, l-ebda waħda miż-żewġ ipoteżi li jippermettu deroga mill-applikazzjoni tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi ma hija ssodisfatta fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma tqisx ruħha fil-preżenza la ta’ kuntratt konkluż mill-amministrazzjoni ma’ entità oħra pubblika ġuridikament distinta li fuqha din l-amministrazzzjoni teżerċita “kontroll simili” għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, fis-sens tas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562), u lanqas ta’ kuntratt li jistabbilixxi kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi u li għandu l-għan li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku komuni għalihom, b’mod partikolari fis-sens tas-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385).

21

Madankollu, skont il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), is-Sacro Cuore, bħala sptar ikklassifikat, għandha, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tiġi kompletament assimilata ma’ awtorità kontraenti, anki jekk ma tikkostitwixxix organu tad-dritt pubbliku.

22

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar sitwazzjoni partikolari ta’ organi, bħall-isptarijiet “ikklassifikati” li huma integrati funzjonalment fis-sistema tas-saħħa reġjonali, minkejja li l-ġestjoni tagħhom tibqa’ privata fir-rigward tal-finanzjament, tal-ħatra tal-amministraturi u tar-regoli interni.

23

Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti u, iktar speċifikatament, tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva [2004/18], jinkludi wkoll l-operazzjonijiet kumplessi li permezz tagħhom awtorità pubblika kontraenti għandha l-intenzjoni li tagħti, direttament, lil operatur ekonomiku partikolari finanzjament speċifiku, li l-uniku skop tiegħu huwa l-manifattura ta’ prodotti intiżi li jiġu pprovduti bla ħlas, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti ulterjuri, lil diversi amministrazzjonijiet li huma eżentati mill-ħlas ta’ xi korrispettiv lill-imsemmi fornitur; konsegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni Ewropea tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti dirett ta’ finanzjament speċifiku li l-iskop tiegħu huwa l-manifattura ta’ prodotti intiżi li jiġu pprovduti, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti ulterjuri, lil diversi amministrazzjonijiet li huma eżentati mill-ħlas ta’ xi korrispettiv lill-imsemmi fornitur?

2)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal servizzi u għal provvisti u, iktar speċifikatament, l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva [2004/18] u l-Artikoli 49, 56, [105 TUE et seq.], tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, billi tassimila l-isptarijiet privati ‘klassifikati’ għal dawk pubbliċi, permezz tad-dħul tagħhom fis-sistema ta’ programmazzjoni pubblika tas-saħħa nazzjonali, irregolata minn ftehimiet ad hoc, differenti mir-relazzjonijiet normali ta’ akkreditazzjoni mas-suġġetti privati l-oħra li jipparteċipaw fis-sistema ta’ provvista ta’ servizzi tas-saħħa, meta dawn l-isptarijiet ikklassifikati la jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex jiġu rikonoxxuti bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku u lanqas ir-rekwiżiti għall-għoti dirett skont il-mudell tal-in house providing, teħlishom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u minn dik tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi, anki fil-każ fejn tali suġġetti jkunu inkarigati mill-manifattura u mill-provvista bla ħlas, lill-istrutturi tas-saħħa pubbliċi, ta’ prodotti neċessarji għall-iżvolġiment tas-servizz tas-saħħa, filwaqt li fl-istess ħin jirċievu finanzjament pubbliku ddedikat għall-manifattura ta’ dawn il-provvisti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kuntratti bi ħlas” jinkludix id-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità kontraenti tagħti direttament lil operatur ekonomiku partikolari, u għalhekk mingħajr ma torganizza proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, finanzjament speċifiku li l-uniku skop tiegħu huwa l-manifattura ta’ prodotti intiżi li jiġu pprovduti bla ħlas minn dan lil amministrazzjonijiet differenti li huma eżentati mill-ħlas ta’ kwalunkwe korrispettiv lill-fornitur, minbarra l-ħlas ta’ spejjeż ta’ kunsinna, iffissati b’rata fissa għal EUR 180 għal kull kunsinna.

25

Preliminarjament, jidher li, fil-kawża prinċipali, ir-reġjun ta’ Veneto u s-Sacro Cuore kkonkludew kuntratt li permezz tiegħu din tal-aħħar tintrabat li tipproduċi u tqassam mingħajr ħlas il-prodott mediċinali 18‑FDG lill-isptarijiet pubbliċi reġjonali, madankollu bil-ħlas mingħand ta’ dawn tal-aħħar tal-ispejjeż ta’ kunsinna li huma ffissati b’rata fissa għal EUR 180 għal kull kunsinna. Għal dan il-għan, dan ir-reġjun iħallas lis-Sacro Cuore sussidju ta’ EUR 700000 allokati kompletament għall-produzzjoni ta’ dan il-prodott mediċinali.

26

Ma hemmx dubju dwar in-natura oneruża ta’ tali kuntratt.

27

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ kuntratti pubbiċi, kuntratt bejn operatur ekonomiku wieħed jew iktar u awtorità kontraenti waħda jew iktar, għandu jkun ġie konkluż “bi ħlas”.

28

Issa, jirriżulta mis-sens ġuridiku abitwali tal-kliem “bi ħlas” li dan ifisser kuntratt li permezz tiegħu kull waħda mill-partijiet tintrabat li tiżgura prestazzjoni bħala korrispettiv.

29

Għalhekk, kuntratt li jipprevedi skambju ta’ servizzi jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kuntratt pubbliku anki jekk ir-remunerazzjoni prevista tkun limitata għar-rimbors parzjali tal-ispejjeż inkorsi sabiex jiġi pprovdut is-servizz miftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 29, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385, punt 31).

30

Fil-kawża prinċipali, l-evalwazzjoni tan-natura oneruża tal-kuntratt għall-produzzjoni u għall-provvista ta’ prodott mediċinali għandu għalhekk jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ kwalunkwe korrispettiv imħallas lill-fornitur ta’ dan il-prodott mediċinali permezz ta’ sussidju mir-reġjun ta’ Veneto ta’ ammont ta’ EUR 700000.

31

Minn dan isegwi li kuntratt, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu operatur ekonomiku jintrabat li jipproduċi u li jipprovdi prodott lil amministrazzjonijiet inkambju għal finanzjament b’mod sħiħ allokat għat-twettiq ta’ dan l-għan, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kuntratt “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, anki meta l-ispejjeż stess ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni ta’ dan il-prodott ma jkunux kompletament ikkumpensati minn dan l-istess sussidju jew permezz tal-ispejjeż ta’ kunsinna li jistgħu jiġu ffatturati lil dawn l-amministrazzjonijiet.

32

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kuntratti bi ħlas” jinkludi d-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità kontraenti tagħti direttament lil operatur ekonomiku partikolari, u għalhekk mingħajr ma torganizza proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, finanzjament speċifiku li l-uniku skop tiegħu huwa l-manifattura ta’ prodotti intiżi li jiġu pprovduti bla ħlas minn dan lil amministrazzjonijiet differenti li huma eżentati mill-ħlas ta’ kwalunkwe korrispettiv lill-fornitur, minbarra l-ħlas ta’ spejjeż ta’ kunsinna, iffissati b’rata fissa għal EUR 180 għal kull kunsinna.

Fuq it-tieni domanda

33

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(a) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, billi tassimila l-isptarijiet privati “kklassifikati” mal-isptarijiet pubbliċi minħabba l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ programmazzjoni pubblika tas-saħħa nazzjonali rregolat bi ftehim ad hoc, bħala differenti mir-relazzjonijiet normali ta’ akkreditazzjoni mal-operaturi privati l-oħra li jipparteċipaw fis-sistema ta’ provvista ta’ servizzi tas-saħħa, teħlishom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u minn dik tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi, anki fil-każ fejn ikunu inkarigati mill-manifattura u mill-provvista bla ħlas, lill-istrutturi tas-saħħa pubbliċi, ta’ prodotti speċifiċi neċessarji għall-iżvolġiment tas-servizz tas-saħħa bħala korrispettiv għal finanzjament pubbliku allokat għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, sabiex jikkostitwixxi kuntratt pubbliku u, għalhekk, japplikaw ir-regoli tal-Unjoni dwar il-qasam, il-kuntratt konkluż bi ħlas inkwistjoni għandu jkun ġie konkluż bejn operatur ekonomiku wieħed jew iktar u awtorità kontraenti waħda jew iktar.

35

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, żewġ tipi ta’ kuntratti konklużi minn entitajiet pubbliċi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 31).

36

Dawn huma, fl-ewwel lok, kuntratti konklużi bejn entità pubblika li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18 sabiex tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala “awtorità kontraenti” fis-sens ta’ din tal-aħħar u persuna ġuridikament distinta minnha meta, fl-istess ħin, din l-entità teżerċita fuq din il-persuna kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u meta l-imsemmija persuna twettaq il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha mal-entità jew l-entitajiet li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C-107/98, EU:C:1999:562, punt 50, kif ukoll tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punt 49).

37

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju li la r-Reġjun ta’ Veneto u lanqas l-awtoritajiet kontraenti msemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza ma jeżerċitaw kontroll simili fuq is-Sacro Cuore għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

38

Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tneħħi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi il-kuntratti konklużi bejn istituzzjoni bħal Sacro Cuore u entità pubblika billi tibbaża ruħha fuq l-eċċezzjoni mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

39

Fit-tieni lok, lanqas ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-kuntratti pubbliċi konklużi bi ħlas li jistabbilixxu kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi li għandhom l-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku komuni għal dawn, sakemm tali kuntratti jkunu konklużi esklużivament minn entitajiet pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ parti privata li ebda fornitur privat ma jitpoġġa f’sitwazzjoni privileġġata fir-rigward tal-kompetituri tiegħu u li l-kooperazzjoni li huma jistabbilixxu tkun biss irregolata minn kunsiderazzjonijiet u minn ħtiġijiet proprji għat-tħaddin ta’ għanijiet ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑480/06, EU:C:2009:357, punti 4447, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385, punti 3637).

40

Il-kriterji kollha msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma kumulattivi, kuntratt bejn entitajiet pubbliċi ma jistax joħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi abbażi ta’ din l-eċċezzjoni ħlief jekk il-ftehim li jistabbilixxi dan il-kuntratt jissodisfa dawn il-kriterji kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385, punt 38).

41

L-ewwel fost dawn il-kriterji huwa preċiżament intiż sabiex titwettaq din il-forma ta’ kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi.

42

Għandu jiġi kkonstatat li dan il-kriterju huwa manifestament nieqes f’dan il-każ. Fil-fatt, l-isptarijiet “ikklassifikati”, bħal Sacro Cuore, jikkostitwixxu persuni ġuridiċi, li l-amministrazzjoni tagħhom kemm fuq il-livell ta’ finanzjament, ta’ ħatra tal-amministraturi u ta’ regoli interni tibqa’ kompletament privata, hekk kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza.

43

Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 1(2)(a) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, billi tassimila l-isptarijiet privati “kklassifikati” mal-isptarijiet pubbliċi minħabba l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ programmazzjoni pubblika tas-saħħa nazzjonali rregolat bi ftehim ad hoc, bħala differenti mir-relazzjonijiet normali ta’ akkreditazzjoni mal-operaturi privati l-oħra li jipparteċipaw fis-sistema ta’ provvista ta’ servizzi tas-saħħa, teħlishom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u minn dik tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi, anki fil-każ fejn ikunu inkarigati mill-manifattura u mill-provvista bla ħlas, lill-istrutturi tas-saħħa pubbliċi, ta’ prodotti speċifiċi neċessarji għall-iżvolġiment tas-servizz tas-saħħa bħala korrispettiv għal finanzjament pubbliku allokat għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kuntratti bi ħlas” jinkludi d-deċiżjoni li permezz tagħha awtorità kontraenti tagħti direttament lil operatur ekonomiku partikolari, u għalhekk mingħajr ma torganizza proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, finanzjament speċifiku li l-uniku skop tiegħu huwa l-manifattura ta’ prodotti intiżi li jiġu pprovduti bla ħlas minn dan lil amministrazzjonijiet differenti li huma eżentati mill-ħlas ta’ kwalunkwe korrispettiv lill-fornitur, minbarra l-ħlas ta’ spejjeż ta’ kunsinna, iffissati b’rata fissa għal EUR 180 għal kull kunsinna.

2)

L-Artikolu 1(2)(a) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, billi tassimila l-isptarijiet privati “kklassifikati” mal-isptarijiet pubbliċi minħabba l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ programmazzjoni pubblika tas-saħħa nazzjonali rregolat bi ftehim ad hoc, bħala differenti mir-relazzjonijiet normali ta’ akkreditazzjoni mal-operaturi privati l-oħra li jipparteċipaw fis-sistema ta’ provvista ta’ servizzi tas-saħħa, teħlishom mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u minn dik tal-Unjoni dwar kuntratti pubbliċi, anki fil-każ fejn ikunu inkarigati mill-manifattura u mill-provvista bla ħlas, lill-istrutturi tas-saħħa pubbliċi, ta’ prodotti speċifiċi neċessarji għall-iżvolġiment tas-servizz tas-saħħa bħala korrispettiv għal finanzjament pubbliku allokat għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.