SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina jew ikkunsinjati mill-Malasja – Ksur tal-ftehim antidumping konkluż fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) – It-tħassir tad-dazji antidumping definittivi li diġà nġabru – Effett mhux retroattiv – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Persuna kkonċernata individwalment – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni”

Fil-Kawża C‑145/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-21 ta’ Marzu 2017,

Internacional de Productos Metálicos, SA, stabbilita f’Vitoria-Gasteiz (Spanja) (rappreżentanti: C. Cañizares Pacheco, E. Tejedor de la Fuente u A. Monreal Lasheras, abogados)

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, M. França u G. Luengo, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President, li qed taġixxi bħala president tal-Ewwel Awla, J. -C. Bonichot, E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin (Relatur) Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Internacional de Productos Metálicos SA titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Jannar 2017, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni (T‑217/16, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2017:37), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/278 tas-26 ta’ Frar 2016 li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 52, p. 24, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, li fosthom hemm il-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 u l-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping tad-WTO”).

3

Fis-26 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1).

4

Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tad-WTO (iktar ’il quddiem il-“KFT”) adotta rapport tal-Korp tal-Appell u rapport tal-grupp speċjali kif immodifikati permezz tar-rapport tal-Korp tal-Appell fuq il-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina” (WT/DS 397). F’dawn ir-rapporti, kien ikkonstatat, b’mod partikolari, li l-Unjoni Ewropea aġixxiet b’mod inkonsistenti ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Antidumping tad-WTO.

5

Wara din id-deċiżjoni tal-KFT, il-Kunsill adotta, fl-4 ta’ Ottubru 2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 924/2012, li jemenda r-Regolament Nru 91/2009 (ĠU 2012, L 275, p. 1), billi jwettaq, b’mod partikolari, tnaqqis tad-dazju antidumping li kien previst f’dan ir-regolament tal-aħħar.

6

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2011, L 194, p. 6), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 693/2012, tal-25 ta’ Lulju 2012 (ĠU 2012, L 203, p. 23), il-miżuri tal-antidumping ġew estiżi għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le.

7

Wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51), il-Kummissjoni Ewropea, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/519 tas-26 ta’ Marzu 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 82, p. 78), jinżamm għal perijodu addizzjonali ta’ ħames snin, id-dazju antidumping kif stabbilit u emendat, rispettivament, bir-Regolament Nru 91/2009 u bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 924/2012.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2016, il-KFT adotta r-rapporti ġodda li kkonkludew in-nuqqas ta’ konformità tal-miżuri meħuda mill-Unjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim Antidumping tad-WTO.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament ikkontestat

9

Internacional de Productos Metálicos hija kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol li l-attività prinċipali tagħha hija li timporta u tipprovdi qfieli tal-ħadid jew tal-azzar fit-territorju nazzjonali.

10

Skont ir-Regolament Nru 91/2009 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012, l-amministrazzjoni fiskali Spanjola imponiet fuq ir-rikorrenti l-ħlas ta’ dazji doganali, dazji antidumping u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien mal-interessi moratorji, għal ammont ta’ EUR 672 934.20.

11

Dawn l-imposti kienu ġew parzjalment ikkontestati mir-rikorrenti quddiem il-qrati Spanjoli.

12

Fis-26 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni adottat, abbażi tar-Regolament (UE) 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU 2015, L 83, p. 6), ir-Regolament ikkontestat.

13

Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, id-dazji antidumping imposti permezz tar-Regolament Nru 91/2009, emendati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 u miżmuma bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/519, huma mħassra.

14

Skont l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, it-tħassir tad-dazji antidumping imsemmija fl-Artikolu 1 tiegħu jieħu effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-regolament, previst fl-Artikolu 3 tiegħu, u ma għandux iservi bħala bażi għall-ħlas lura ta’ dazji miġbura qabel dik id-data.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

15

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra r-regolament ikkontestat, fejn hija kkonkludiet, fl-ewwel lok, l-annullament tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament u, it-tieni nett, ir-rikonoxximent espliċitu tal-applikazzjoni retroattiva tal-effetti tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament.

16

Wara li, l-ewwel nett, ċaħdet, fil-punt 21 tad-digriet appellat, dan it-tieni kap ta’ talbiet bħala manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali, it-tieni nett, tat deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq l-inammissibbiltà tar-rikors, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà li jirriżultaw mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

17

Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punti 26 sa 33 tad-digriet appellat, eżaminat jekk ir-rikorrenti kinitx individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

18

Billi, b’mod partikolari, dan ir-regolament jaffettwa lir-rikorrenti biss fil-kwalità oġġettiva tagħha ta’ importatur ta’ prodotti li kienu s-suġġett tal-miżuri antidumping ikkonċernati, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx individwalment ikkonċernata mill-imsemmi regolament.

19

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 34 sa 37 tad-digriet appellat, eżaminat l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni tar-regolament ikkontestat.

20

Minħabba, b’mod partikolari, li s-sistema doganali imposta mid-dritt tal-Unjoni kienet tipprovdi li l-ġbir tad-dazji antidumping isir abbażi tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali u li r-rimedju possibbli kontra dawn il-miżuri kien jeżerċita, bħal f’dan il-każ, fil-livell nazzjonali, il-Qorti Ġenerali qieset li r-regolament ikkontestat kien jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

21

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala manifestament inammissibbli.

It-talbiet tal-partijiet

22

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-limitazzjoni ratione temporis stabbilit fl-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx individwalment ikkonċernata bir-regolament ikkontestat

L-argumenti tal-partijiet

24

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li ma kinitx ikkonċernata individwalment bir-regolament ikkontestat skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

25

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta regolament jaffettwa grupp determinat ta’ persuni, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan ir-regolament minħabba ċirkustanzi ta’ fatt imwettqa qabel l-adozzjoni tiegħu.

26

Skont l-appellanti, minkejja li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 30 tad-digriet appellat, li r-regolament ikkontestat kien jikkonċernaha fil-kwalità oġġettiva tagħha ta’ importatur ta’ prodotti li kienu s-suġġett tal-miżuri antidumping ikkonċernati, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha, il-fatt li wieħed ikun hekk ikkonċernat jinkludi neċessarjament, b’mod impliċitu, il-fatt li wieħed ikun ikkonċernat individwalment.

27

F’dan il-każ, il-kundizzjoni fid-dawl tal-fatt li wieħed ikun ikkonċernat individwalment tkun sodisfatta sa fejn id-dazji antidumping inkwistjoni jaffettwaw mhux l-importaturi kollha, iżda biss dawk li jimportaw l-elementi identifikati speċifikament fir-Regolament Nru 91/2009 u għal oriġini speċifika, jiġifieri ċ-Ċina u l-Malasja.

28

Konsegwentement, jekk ir-rikorrenti kienet oġġettivament affettwata mit-tneħħija tad-dazju antidumping inkwistjoni, dan ma huwiex inqas ċert li hi wkoll b’mod individwali, minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għaliha bħala importatur ta’ ċerti prodotti li joriġinaw miċ-Ċina jew mill-Malasja.

29

Ir-rikorrenti tikkontesta, barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 31 tad-digriet appellat, li jgħid li d-dispożizzjoni kkontestata tar-regolament ikkontestat ma kellhiex bħala effett, fiha nnifisha, li tibdel xi dritt miksub minnha qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

30

Il-ġurisprudenza li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha f’dan ir-rigward ma hijiex applikabbli għall-każ ta’ tħassir tal-obbligi. Fil-fatt, tista’ tkun kwistjoni ta’ persuna individwalment ikkonċernata meta d-dispożizzjoni jew l-att ikkontestat għandu l-effett li jbiddel dritt jew obbligu tar-rikorrenti miksuba qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

31

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ appell ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali appell jista’ jitressaq sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta appell kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni jekk dan ikun jikkonċernaha direttament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 5991, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 39).

33

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-analiżi li għamlet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 26 sa 33 tad-digriet appellat, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel każ, fid-dawl tal-kundizzjoni li persuna tkun individwalment ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li persuni li ma jkunux dawk li lilhom deċiżjoni hija indirizzata jistgħu jippretendu li huma kkonċernati individwalment biss jekk l-att li qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jaffettwahom minħabba ċerti karatteristiċi li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddifferenzjahom minn kwalunkwe persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju (sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 72, kif ukoll tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 63).

35

Hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 28 tad-digriet appellat jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura sa fejn din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑KummissjoniC‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 47, u tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 88).

36

Jekk huwa minnu, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 29 tad-digriet appellat, li, meta att jaffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu mill-inqas ikunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att sa fejn ikunu jifformaw parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi u li dan jista’ jsir b’mod partikolari meta d-deċiżjoni tbiddel id-drittijiet miksuba mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punti 7172, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59), dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

37

Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-miżuri antidumping jiġu rrevokati mir-regolament ikkontestat jaffettwaw biss lill-importaturi tal-prodotti speċifiċi suġġetti għal dawn il-miżuri, din tikkonferma l-konstatazzjoni, li tidher fil-punt 30 tad-digriet appellat, li tgħid li dan ir-regolament jaffettwa biss fil-kwalità oġġettiva tagħha ta’ importatur ta’ prodotti li kienu s-suġġett tal-miżuri antidumping ikkonċernati, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha.

38

B’mod partikolari, ma tistax, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita dwar il-kundizzjoni li wieħed ikun ikkonċernat individwalment, kif imfakkra fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza, tkun manifestament sostnuta li din il-kundizzjoni hija sodisfatta fil-każ ta’ preġudizzju għal sitwazzjoni oġġettiva.

39

Sa fejn l-appellanti tikkontesta, fit-tieni lok, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 31 tad-digriet appellat, li tgħid li d-dispożizzjoni kkontestata tar-regolament ikkontestat ma kellhiex bħala effett, fiha nnifisha, li tibdel xi dritt miksub mill-appellanti qabel l-adozzjoni tagħha, għandu jiġi rrilevat li dan ma jressaq ebda argument li jista’ jikkontesta din il-konstatazzjoni.

40

Fil-fatt, il-fatt li jkunu suġġetti għal miżuri antidumping, bħal dawk li ġew revokati mir-regolament ikkontestat, ma jistax validament jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi “dritt miksub”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

41

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punt 33 tad-digriet appellat, li r-rikorrenti ma kinitx individwalment ikkonċernata bir-regolament ikkontestat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

42

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

43

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta qieset, b’mod partikolari fil-punti 36 u 37 tad-digriet appellat, li r-regolament ikkontestat jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

44

F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, qieset li l-likwidazzjonijiet li ntbagħtu lilha jassumu miżura ta’ implimentazzjoni tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, dawn il-likwidazzjonijiet kienu ġew imwettqa mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola skont ir-Regolament Nru 91/2009 u mhux abbażi tar-regolament ikkontestat li permezz tiegħu dazji antidumping stabbiliti minn dan l-ewwel regolament ġew revokati.

45

Skont l-appellanti, għandha ssir distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ regolamenti. Fir-rigward tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi regola awtonoma li ma teħtieġ ebda att ta’ implimentazzjoni sabiex tipproduċi effetti legali mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, sa fejn din id-dispożizzjoni sempliċement tħassar id-dazji antidumping inkwistjoni. B’hekk, ir-regolament ikkontestat jillimita ruħu li jimponi fuq l-amministrazzjoni fiskali Spanjola li ma tittieħed l-ebda miżura li hija intiża għal-likwidazzjoni ta’ dawn id-dazji antidumping.

46

Minn dan isegwi li l-introduzzjoni ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kien l-uniku mod biex jiġi kkontestat l-Artikolu 2 tar-regolament kontenzjuż.

47

L-appellanti tikkonkludi li, peress li hija, barra minn hekk, direttament milquta minn limitazzjoni ratione temporis mill-effetti ta’ din id-dispożizzjoni u li ma teħtieġ ebda miżura ta’ implimentazzjoni għall-implimentazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi r-rikors tagħha bħala ammissibbli.

48

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti u titlob li t-tieni aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49

Sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni, kif issostni l-appellanti permezz tat-tieni aggravju tagħha, jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 34 sa 38 tad-digriet appellat, li r-regolament ikkontestat jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar, kif il-Qorti Ġenerali korrettament enfasizzat fil-punt 34 ta’ dan id-digriet, li għandha tiġi interpretata l-espressjoni “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett li jikser il-liġi sabiex ikollu aċċess għall-qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, din tal-aħħar tirriskja li tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma kellhiex rimedju ġudizzjarju quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontriha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 29 kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 42).

50

Min-naħa l-oħra, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għal ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni, huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni li dan l-att jinvolvi (sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 30 kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 43).

51

Meta l-implimentazzjoni ta’ tali att tkun ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implimentazzjoni taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jinvokaw insostenn ta’ dan ir-rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku inkwistjoni. Meta l-implimentazzjoni tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att bażiku inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jwasslu lil dawn tal-aħħar sabiex jinterrogaw, fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 31 kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 44).

52

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat il-punt jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, għandu jsir riferiment għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ partijiet oħra f’kawża (sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 32 kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 45).

53

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, jeħtieġ li wieħed jirreferi esklużivament għas-suġġett tar-rikors u, fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ implimentazzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinkludi li għandhom, skont il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑553/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:805, punt 45 kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 46).

54

Barra minn hekk, huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, jekk dawn il-miżuri għandhomx jew le natura awtomatika (sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 4142, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑553/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:805, punt 46).

55

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikors kien intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, peress li din id-dispożizzjoni tippreċiża li t-tħassir tad-dazji antidumping imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dawk stabbiliti bir-Regolament Nru 91/2009, kif emendati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012 u miżmuma bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/519, għandhom jidħlu fis-seħħ biss mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat u li dan it-tħassir ma jservix bħala bażi għall-ħlas lura tad-dazji miġbura qabel dik id-data.

56

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li din id-dispożizzjoni ma teħtieġ l-ebda att ta’ implimentazzjoni sabiex hija tipproduċi effetti legali, peress li din tillimita ruħha biss li tħassar id-dazji antidumping inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li att regolatorju tal-Unjoni jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’tali mod li ċerti effetti legali ta’ dan l-att jimmaterjalizzaw biss permezz ta’ dawn il-miżuri, ma jeskludix li sakemm dan l-att jipproduċi, fis-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, effetti legali oħrajn, li ma jiddependux fuq l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 45).

57

Għalhekk, f’dan il-każ, għalkemm huwa veru, kif issostni l-appellanti, li t-tneħħija tad-dazji antidumping li r-regolament ikkontestat jagħmel ma tiddependix, bħala tali, fuq l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex l-iskadenza ta’ dawn id-drittijiet titwettaq, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari sa fejn jipprevedi l-iskadenza ta’ dawk id-dazji mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u jeskludi kull effett retroattiv, jista’ jimmaterjalizza, fir-rigward tal-appellanti, biss minn intermedjarji ta’ atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali bil-għan tal-ġbir tad-dazji antidumping inkwistjoni qabel dik id-data.

58

Fil-fatt, huwa biss bis-saħħa tal-fatt li d-dazji anti-dumping ġew imposti fuqha mill-awtoritajiet nazzjonali skont ir-regolamenti li jistabbilixxuhom, b’mod partikolari r-Regolament Nru 91/2009, li l-appellanti tista’ titqies bħala li hija affettwata fis-sitwazzjoni legali tagħha mill-effetti tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat dwar id-data tat-tħassir ta’ dawn id-dazji u, b’mod partikolari, l-assenza, allegatament illegali, ta’ effett retroattiv ta’ dan it-tħassir.

59

Sa fejn l-appellanti ssostni, f’dan il-kuntest, li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali bil-għan tal-ġbir tad-dazji antidumping inkwistjoni, bħal, f’dan il-każ, il-likwidazzjonijiet indirizzati lilha mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola, ġew adottati skont ir-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping u mhux skont ir-regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li l-formulazzjoni tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma teżiġix li, sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ implimentazzjoni ta’ att regolatorju, li dan l-att jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ din il-miżura. L-istess miżura tista’ tkun miżura ta’ implimentazzjoni kemm tal-att li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu l-bażi legali tagħha kif ukoll ta’ att separat, bħal f’dan il-każ ir-regolament ikkontestat, meta l-effetti legali kollha, jew parti minnhom, ta’ dan l-att tal-aħħar ser jimmaterjalizzaw, fil-konfront tal-appellanti, biss permezz ta’ din il-miżura (tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 72).

60

Minn dan isegwi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali setgħet, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni tar-regolament ikkontestat, ġustament tiddikjara, fil-punt 35 tad-digriet appellat, il-miżuri li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jadottaw, skont is-sistema doganali tal-Unjoni, fid-dawl tal-ġbir ta’ dazji antidumping u li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali, b’mod partikolari billi talbet il-ħlas lura tad-dazji antidumping riċevuti indebitament.

61

B’hekk, jekk importatur iqis li, f’dan il-kuntest, saritlu ħsara minħabba regolament li jikkunsidra bħala illegali, bħal, f’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat, li, skont l-argument tal-appellanti, iservi bħala bażi għall-ħlas lura tad-dazji antidumping ikkonċernati miġbura qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, jista’ jeċċepixxi quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti din l-illegalità. Għalhekk dik il-qorti tista’, tabilħaqq għandha, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE, tirreferi l-kwistjoni dwar il-validità tar-regolament inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD, C‑533/10, EU:C:2012:347, punt 33).

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqietx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 36 tad-digriet appellat, li r-regolament ikkontestat jinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

63

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ċaħdet it-tieni kap ta’ talbiet tar-rikors bħala inammissibbli

L-argumenti tal-partijiet

64

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punti 20 u 21 tad-digriet appellat, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikors, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi espressament l-applikazzjoni retroattiva tal-effetti tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, bħala manifestament inammissibbli.

65

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li din ir-retroattività hija l-konsegwenza meħtieġa tal-annullament mitlub mill-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat, peress li dan l-artikolu jistabbilixxi limitazzjoni temporali li l-fondatezza tagħha hija ġustament ikkontestata. Fi kliem ieħor, dan l-annullament jimplika l-fondatezza ta’ din ir-retroattività, minkejja li l-Qorti Ġenerali hija effettivament kompetenti sabiex tiddeċiedi b’mod espliċitu dwar dan.

66

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti u tqis li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67

Għandu jiġi rrilevat, kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punt 20 tad-digriet appellat, li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, jekk ikun xieraq, tannulla l-att ikkontestat. B’hekk ma jaqax taħt il-kompetenza tagħha, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ ta’ legalità, li tagħmel dikjarazzjonijiet ta’ dritt jew konstatazzjonijiet bħal dik dwar ir-rikonoxximent tal-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, imsemmija mit-tieni kap ta’ talbiet tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-25 ta’ Novembru 2008, TEA vs Il‑Kummissjoni, C‑500/07 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:651, punt 33).

68

Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 21 tad-digriet ikkontestat, li dan il-kap ta’ talbiet kien manifestament inammissibbli.

69

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

70

Ġaladarba ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ġie milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

71

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

72

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet l-aggravji tagħha u l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Internacional de Productos Metálicos, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.