SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skemi ta’ garanzija għal depożiti – Direttiva 94/19/KE – Artikolu 1(3)(i) – Artikolu 10(1) – Kunċett ta’ “depożitu mhux disponibbli” – Responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati liċ-ċittadini minn ksur tad-dritt tal-Unjoni – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑571/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

Nikolay Kantarev

vs

Balgarska Narodna Banka,

fil-preżenza ta’:

Okrazhna prokuratura – Varna,

IL-QORTI (il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal N Kantarev, minn K. Boncheva u M. Ekimdzhiev, advokati,

għal Balgarska Narodna Banka, minn A. Kalaydzhiev, R. Georgiev u M. Kalaydzhieva, advokati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Mihaylova u A. Steiblytė kif ukoll minn H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(i) u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 (ĠU 2009, L 68, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 94/19”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nikolay Kantarev u l-Balgarska Narodna Banka (il-Bank Nazzjonali Bulgaru, iktar ’il quddiem il-“BNB”) dwar id-dannu li N. Kantarev sostna minħabba l-allegat ħlas tardiv tal-garanzija ta’ depożiti, fir-rigward ta’ fondi f’kont kurrenti miftuħ mal-Korporativna Targovska Banka (iktar ’il quddiem il-“Bank KTB”) u li saru indisponibbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 94/19

3

L-ewwel, it-tieni, ir-raba’, it-tmien, id-disa’, il-ħdax, il-wieħed u għoxrin kif ukoll l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 94/19 jistabbilixxu:

“Billi, bi qbil ma’ l-għanijiet tat-Trattat, żvilupp armonizzat ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Kommunità kollha għandu jkun imħeġġeġ permezz ta’ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kollha tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jkunu ipprovduti servizzi, waqt li tiżdied l-istabbilità tas-sistema bankarja u tal-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu;

Billi, meta r-restrizzjonijiet dwar l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu eliminati, konsiderazzjoni għandha tingħata lis-sitwazzjoni li tista’ tinqala jekk depożiti f’istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha friegħi fi Stati Membri oħra ma jkunux aktar disponibbli; billi huwa indispensabbli li jkun assigurat livell minimu ta’ armoniżazzjoni tal-protezzjoni ta’ depożiti kull meta depożiti jkunu lokalizzati fil-Komunità minħabba li protezzjoni bħal din għal depożiti hija essenzjali bħala regola prudenti għat-twettieq tas-suq singolu bankarju,

[…]

Billi l-kost għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jipparteċipaw fi skema ta’ garanzija m’għandu l-ebda relazzjoni ma’ l-ispiża li tirriżulta minn ġbir massiv ta’ depożiti fil-bank mhux biss mill-istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultajiet imma wkoll mill-instituzzjonijiet b’saħħithom, wara li jkun hemm telf ta’ fiduċja tad-depożitaturi fis-sodizza tas-sistema bankarja;

[…]

Billi armoniżazzjoni għandha tkun illimitata għall-elementi ewlenija ta’ skemi ta’ garanzija ta’ depożiti u, fi żmien qasir, għandha tassigura pagamenti permezz ta’ garanzija ikkalkolati fuq il-bażi ta’ livell minimu armonizzat;

Billi skemi ta’ garanzija għal depożiti għandhom jintervjenu malli d-depożiti ma jkunux disponibbli;

[…]

Billi l-armonizzazzjoni ta’ skemi ta’ garanziji ta’ depożitu fil-Komunità m’għandhiex minnha nnisifha toħloq dubji dwar l-eżistenza ta’ sistemi operattivi iddisinjati biex jipproteġu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, partikolarment billi jassiguraw il-likwidità tagħhom, hekk li d-depożiti ma’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, inklużi l-friegħi tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra, ma ssirx mhux disponibbli; billi sistemi alternattivi bħal dawn li jservu skop protettiv differenti jistgħu, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, ikunu meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti li jissodisfaw l-għanijiet ta’ din id-Direttiva; billi għandu jkun għal dawk l-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw il-konformità ma dawk il-kundizzjonijiet;

[…]

Billi informazzjoni hija element essenzjali fil-protezzjoni ta’ depożitaturi u għandhom għalhekk ukoll ikunu suġġetti għal numru minimu ta’ dispożizzjonijiet li jorbtu: […]

[…]

Billi din id-Direttiva ma tistax tirriżulta li l-Istat Membru jew l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu responsabbli fir-rigward ta’ depożitaturi jekk huma jkunu assiguraw li skema waħda jew aktar li tiggarantixxi depożiti jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nnifishom u tassigura kumpens jew protezzjoni tad-depożitaturi skond il-kundizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva kienu ġew introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti”.

4

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jipprovdu:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.

‘depożitu’ għandha tfisser xi bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas skond il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli, u xi dejn b’xhieda ta’ ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni ta’ kreditu.

[…]

3.

‘depożiti mhux disponibbli’ għandu jfisser depożitu li huwa dovut u pagabbli imma li ma kienx ġie mħallas mill-istituzzjoni ta’ kreditu permezz tal-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli dwarhom, li kienu jew:

(i)

l-awtoritajiet kompetenti relevanti jkunu ddeterminaw li fl-aspett tagħhom l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tkun tidher li ma tkunx tista’ għal issa, għal raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħha, li jitħallas lura d-depożitu u li ma jkollha l-ebda prospett attwali li jkun jista jsir dan.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara li l-ewwel ikunu sodisfatti li istituzzjoni ta’ kreditu tkun naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli; jew

(ii)

awtorità ġudizzjarja li tkun tat digriet għar-raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-effett li tissospendi l-abbiltà ta’ depożitantituri li jagħmlu pretensjonijiet kontra tagħha, għandha sseħħ qabel ma’ d-determinazzjoni msemmija hawn fuq tkun saret”.

5

L-Artikolu 7(1) u (1a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun ta’ mill-anqas EUR 50000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

1a.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun iffissata għal EUR 100000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva:

“1. L-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti għandhom ikunu f’qagħda li jħallsu t-talbiet debitament ivverifikati magħmulin minn depożitanti fir-rigward ta’ depożiti li ma jkunux disponibbli fi żmien għoxrin jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jagħmlu d-determinazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1(3)(i) jew li fih awtorità ġudizzjarja tagħti s-sentenza kif imsemmija fl-Artikolu 1(3)(ii). Dak il-limitu ta’ żmien jinkludi l-ġbir u t-trażmissjoni ta’ data preċiża dwar id-depożitanti u d-depożiti, li huma meħtieġa għall-verifika tat-talbiet.

F’ċirkostanzi kompletament eċċezzjonali, skema ta’ garanzija għad-depożiti tista’ tagħmel applikazjoni lill-awtoritajiet kompetenti għal estenzjoni tal-limitu taż-żmien. Din l-estensjoni m’għandhiex teċċedi għaxart ijiem ta’ xogħol.

[…]”

Id-Direttiva 2009/14

7

Il-premessi 11 u 12 tad-Direttiva 2009/14 jipprovdu:

“(11)

Barra dan, fil-każijiet fejn ir-rimbors [tad-depożiti] [j]seħħ skont determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, il-perijodu ta’ deċiżjoni ta’ 21 jum previst attwalment għandu jitnaqqas għal ħamest ijiem ta’ xogħol sabiex ma jkunx imfixkel ir-rimbors rapidu. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-ewwel ikunu sodisfatti li istituzzjoni ta’ kreditu naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli. Dik l-evalwazzjoni għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istati Membri.

(12)

Id-depożiti jistgħu jitqiesu mhux disponibbli ladarba l-miżuri ta’ intervent bikri jew ta’ riorganizzazzjoni ma jkollhomx suċċess. Dan m’għandux iżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jagħmlu aktar sforzi ta’ ristrutturar matul il-perijodu ta’ rimbors.”

Id-dritt Bulgaru

8

Iż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Komuni għad-Danni Kkawżati) (DV Nru 60, tal-5 ta’ Awwissu 1988, iktar ’il quddiem il- “Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat”), tipprovdi, fl-Artikolu 1(1) u (2) tagħha:

“1.   L-Istat u l-muniċipalitajiet huma responsabbli għad-danni sostnuti minn ċittadini u minn persuni ġuridiċi bħala riżultat ta’ atti, azzjonijiet jew nuqqas ta’ azzjonijiet illegali tal-korpi u l-impjegati tagħhom fl-eżerċizzju tal-attività amministrattiva jew matulha.

2.   L-azzjonijiet imressqa taħt il-paragrafu 1 għandhom jiġu eżaminati skont il-proċedura prevista fl-Administrativnoprotsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) […]”

9

L-Artikolu 8(1) u (3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   Il-kumpens għal danni kkawżati taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(1), fl-Artikolu 2(1) u (2), fl-Artikolu 2a u fl-Artikolu 2b(1) jista’ jintalab skont il-proċedura prevista minn din il-liġi u mhux skont il-proċedura tad-dritt komuni.

[…]

3.   Meta liġi jew digriet stabbilixxiet metodu speċifiku ta’ kumpens, din il-liġi ma għandhiex tapplika.”

10

L-Artikolu 45 taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) (DV Nru 275, tal-22 ta’ Novembru 1950) jipprovdi:

“Kull min jikkawża dannu lil ħaddieħor minħabba nuqqas li jkun wettaq għandu jagħmel tajjeb għal dan id-dannu. F’kull każ ta’ danni li jirriżultaw minn att illegali, hija preżunta l-ħtija sakemm ma tinġiebx prova kuntrarja.”

11

Skont l-Artikolu 49 tal-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti:

“Kull minn jinkariga persuna oħra b’kompitu, ikun responsabbli għad-danni kkawżati minn din il-persuna fl-ambitu jew waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kompitu.”

12

Iż-Zakona za garantirane na vlogovete v bankite (il-Liġi dwar il-Garanzija tad-Depożiti Bankarji) (DV Nru 49 tad-29 ta’ April 1998) tirregola l-ħolqien, il-funzjonijiet u l-attività tal-fond ta’ garanzija tad-depożiti bankarji (iktar ’il quddiem il-“Fond”). Konformement mal-Artikolu 1a tad-dispożizzjonijiet kumplimentari tal-2009 (DV Nru 44 tat-12 ta’ Ġunju 2009), din il-liġi tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 94/19 u 2009/14.

13

L-Artikolu 23(1), (2), (5) u (6) ta’ din il-liġi huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-Fond għandu jirrimborsa d-djun tal-bank ikkonċernat lid-depożitanti tiegħu sal-livelli ggarantiti meta l-[BNB] ikun irrevoka l-liċenzja bankarja tal-bank kummerċjali.

2.   Il-Fond għandu jirrimborsa l-ammonti ggarantiti tad-depożiti permezz ta’ bank kummerċjali jew ta’ banek kummerċjali, maħtura mill-Bord tad-Diretturi.

[…]

5.   Ir-rimbors ta’ ammonti mill-Fond għandu jibda mhux iktar tard minn 20 jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-[BNB] ikun ħa d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

6.   F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Fond jista’ jestendi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 b’massimu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol.”

14

L-Artikolu 24(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.   Mid-data li fiha l-[BNB] jkun ħa d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 23(1), il-Fond huwa ssurrogat għad-drittijiet tad-depożitanti fil-konfront tal-bank sal-livell iggarantit irrispettivament mill-ammont u mid-data li fiha l-Fond ikun għamel pagamenti fuq il-bażi tal-garanzija lil kull depożitant.”

15

Iż-Zakona za Bulgarskata narodna banka (il-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru) (DV Nru 46, tal-10 ta’ Ġunju 1997) jirregola l-istatus, l-għanijiet u l-kompetenzi tal-BNB.

16

L-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.   Il-[BNB] huwa l-Bank Ċentrali tar-Repubblika tal-Bulgarija. Dan huwa persuna ġuridika.”

17

L-Artikolu 2(6) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Il-[BNB] huwa kompetenti għar-regolamentazzjoni u l-implimentazzjoni tas-sorveljanza tal-attività eżerċitata mill-banek l-oħra stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż sabiex tinżamm l-istabbiltà tas-sistema bankarja u jkunu protetti l-interessi tad-depożitanti.”

18

Skont l-Artikolu 16 ta’ din l-istess liġi, il-Bord tad-Diretturi tal-BNB, b’mod partikolari, “għandu joħroġ il-liċenzji, jirrifjuta l-għoti ta’ liċenzji u jirrevoka l-liċenzji ta’ banek, operaturi ta’ sistemi ta’ pagament, istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet ta’ flus elettroniku taħt il-kundizzjonijiet u skont il-proċeduri stabbiliti bil-liġi; […] huwa għandu jqiegħed banek taħt superviżjoni speċjali taħt il-kundizzjonijiet u skont il-proċeduri previsti mil-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu”.

19

Iż-Zakona za kreditnite institutsii (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) (DV Nru 59, tal-21 ta’ Lulju 2006) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ approvazzjoni, l-eżerċizzju tal-attività, l-istħarriġ tal-osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali u l-waqfien tal-attività ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu bl-għan li tiġi żgurata sistema bankarja stabbli, affidabbli u sikura u l-protezzjoni tal-interessi tad-depożitanti kif ukoll l-obbligi ta’ informazzjoni mill-BNB fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tas-sorveljanza prudenzjali tal-banek.

20

Skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, il-BNB huwa “l-awtorità kompetenti fir-Repubblika tal-Bulgarija sabiex tissorvelja lill-banek fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1)”.

21

L-Artikolu 36(2) u (3) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“2.   Il-[BNB] għandu jirrevoka l-liċenzja maħruġa lil bank minħabba l-insolvenza tiegħu meta:

1)

dan ma jeżegwixxix, għal iktar minn sebat ijiem ta’ xogħol, l-impenn finanzjarju tiegħu li jkun sar dovut, meta dan ikun direttament marbut mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan il-bank u l-[BNB] iqis li jkun improbabbli li dan ikun ser iwettaq l-impenji finanzjarji li saru dovuti fi żmien aċċettabbli, jew

2)

il-fondi tiegħu jkunu jikkorrispondu għal ammont negattiv.

3.   Il-[BNB] għandu jieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol b’effett mill-konstatazzjoni tal-istat ta’ insolvenza.”

22

L-Artikolu 79(8) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Il-[BNB], il-korpi tiegħu u l-persuni inkarigati minnu ma humiex responsabbli għal danni kkawżati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ta’ sorveljanza, sakemm ma jkunux aġixxew b’mod intenzjonat.”

23

L-Artikolu 115 tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni ta’ bank f’riskju ta’ insolvenza, il-[BNB] jista’ jqiegħed lil dan il-bank taħt sorveljanza speċjali.

2.   Bank huwa espost għal riskju ta’ insolvenza:

1)

meta l-proporzjon tal-fondi tiegħu totali tal-bank ikun inqas mil-livell minimu stabbilit, jew

2)

meta l-[BNB] iqis li l-assi likwidi tal-bank ma jkunux biżżejjed sabiex jippermettu lill-bank jeżegwixxi l-impenji tiegħu fil-jum meta dawn ikunu dovuti, jew

3)

meta l-bank ma jkunx eżegwixxa fit-terminu meħtieġ wieħed jew iktar mill-impenji li saru dovuti fil-konfront tal-kredituri tiegħu.

[…]”

24

Skont l-Artikolu 116 ta’ din il-liġi:

“1.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 115(1), il-[BNB] jqiegħed lill-bank ikkonċernat taħt sorveljanza speċjali u:

1)

jaħtar kuraturi fil-każ li ma jkunux inħatru kuraturi qabel u jiddetermina l-kompetenzi tagħhom;

2)

jiddetermina t-tul u l-modalitajiet tas-sorveljanza speċjali.

2.   Fil-każi msemmija fil-paragrafu 1, il-[BNB] jista’:

1)

inaqqas l-interessi fuq l-impenji tal-bank għall-valur medju tagħhom fis-suq;

2)

jinterrompi totalment jew parzjalment, għal perijodu ddeterminat, l-implimentazzjoni tal-impenji kollha jew ta’ ċerti impenji ta’ dan il-bank;

3)

jillimita totalment jew parzjalment l-attività tiegħu;

[…]”

25

L-Artikolu 119(5) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“5.   Fil-każijiet imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 116(2), il-bank ma huwiex finanzjarjament responsabbli għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-impenji li l-eżekuzzjoni tagħhom kienet ġiet interrotta wara s-sorveljanza speċjali. Matul it-tqegħid taħt sorveljanza speċjali la hemm interessi moratorji lanqas interessi minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-impenji finanzjarji tal-bank li l-eżekuzzjoni tagħhom kienet ġiet interrotta, filwaqt li huma dovuti l-interessi konvenzjonali fuq dawn l-impenji, l-interessi li madankollu huma mħallsa wara t-tħassir tat-tqegħid taħt sorveljanza speċjali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26

Fl-4 ta’ Marzu 2014, N. Kantarev kkonkluda mal-Bank KTB kuntratt qafas dwar servizzi ta’ pagament kif ukoll ftehim supplimentari għall-imsemmi kuntratt dwar il-ftuħ ta’ kont kurrenti. Dan il-ftehim supplimentari kien jindika, b’mod partikolari, li l-ammonti ddepożitati fil-kont inkwistjoni kienu koperti mill-Fond. Barra minn hekk, l-ammonti ddepożitati f’dan il-kont kellhom jipproduċu interessi b’rata fissa, li kellhom jiġu mħallsa f’dan il-kont darba fis-sena jew fid-data tal-għeluq ta’ dan l-istess kont, u kienu wkoll koperti mill-Fond.

27

Peress li l-Bank KTB kien affaċċja kriżi ta’ likwidità wara l-irtirar massiv ta’ depożiti li huwa kellu, ir-rappreżentanti tiegħu talbu, fl-20 ta’ Ġunju 2014, lill-BNB iqiegħed taħt sorveljanza speċjali lil din l-istituzzjoni ta’ kreditu. Huma għarrfu wkoll lil dan tal-aħħar bis-sospensjoni tal-pagamenti u bl-operazzjonijiet bankarji kollha tal-imsemmija istituzzjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, il-Bord tad-Diretturi tal-BNB qiegħed lill-bank KTB taħt sorveljanza speċjali għal perijodu ta’ tliet xhur. L-eżekuzzjoni tal-impenji ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu ġiet sospiża u l-attività tagħha ġiet ristretta. Inħatru kuraturi li ġew inkarigati mill-BNB sabiex jagħmlu permezz ta’ awditur estern evalwazzjoni tal-assi u tad-djun tal-imsemmija istituzzjoni.

28

Minn din l-evalwazzjoni ħareġ li r-riżultat finanzjarju tal-Bank KTB kien negattiv u li dan ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ fondi proprji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Konsegwentement, il-BNB, b’deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2014, l-ewwel nett, irrevoka l-liċenzja bankarja tal-Bank KTB, it-tieni nett, qabel li kellhom jittieħdu miżuri sabiex tinfetaħ proċedura ta’ falliment kontra tiegħu u, it-tielet nett, iddeċieda li kien hemm lok li l-Fond jiġi informat b’dan.

29

Il-kont tal-attur fil-kawża prinċipali ġie magħluq ex officio f’dik id-data, u dan wassal, skont id-dritt Bulgaru, għar-rimbors tad-depożitu ta’ N. Kantarev fuq il-bażi tal-garanzija tad-depożiti.

30

Fl-4 ta’ Diċembru 2014, istituzzjoni ta’ kreditu Bulgara, inkarigata mill-Fond sabiex tirrimborsa d-depożiti miżmuma mill-Bank KTB, ħallset lil N. Kantarev ammont ta’ BGN 86 973.81 leva Bulgari (madwar EUR 44465), bl-inklużjoni f’dan l-ammont tal-interessi akkumulati sas-6 ta’ Novembru 2014, id-data tar-revoka tal-liċenzja tal-Bank KTB, jiġifieri BGN 2 673.81. F’dan ir-rigward, sal-1 ta’ Lulju 2014, ir-rata tal-interessi applikata għad-depożitu tal-attur fil-kawża prinċipali kienet konformi mal-kundizzjonijiet kuntrattwali filwaqt li, b’effett minn din id-data u sas-6 ta’ Novembru 2014, ir-rata tal-interessi applikata kienet dik stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BNB, tat-30 ta’ Ġunju 2014, li naqqset ir-rati tal-interessi applikati għad-depożiti tal-Bank KTB.

31

Sussegwentement, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ sentenza tal-22 ta’ April 2015, iddikjarat li l-istat ta’ insolvenza tal-Bank KTB beda fis-6 ta’ Novembru 2014. Il-BNB kkontesta din il-parti tas-sentenza fl-appell quddiem is-Sofiyski apelativen sad (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija) li annullat is-sentenza tal-ewwel istanza billi kkunsidrat li d-data li kellha titqies kienet dik tal-20 ta’ Ġunju 2014, data li fiha l-fondi proprji tal-Bank KTB saru negattivi.

32

Fil-bidu tas-sena 2016, N. Kantarev ippreżenta azzjoni quddiem l-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) TUE, kontra l-BNB, bl-argument li, minkejja l-Liġi dwar il-Garanzija tad-Depożiti Bankarji, din l-istituzzjoni kellha tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti skont l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, jiġifieri fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt sorveljanza speċjali tal-Bank KTB. Konsegwentement, il-BNB wettaq ksur tad-dritt tal-Unjoni li jagħtih dritt għal kumpens. F’dan ir-rigward, N. Kantarev isostni li r-rimbors tardiv tad-depożitu tiegħu kkawżalu dannu li jikkorrispondi għall-interessi moratorji.

33

Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Marzu 2016, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċedura fil-kawża prinċipali għar-raġuni li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat ma kinux issodisfatti. Madankollu, dan id-digriet ġie annullat mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ sentenza tal-18 ta’ Lulju 2016. F’din is-sentenza, l-imsemmija qorti tat indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju dwar diversi elementi li għandhom jiġu evalwati sabiex il-kawża tiġi deċiża.

34

Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-eżitu tal-azzjoni ppreżentata minn N. Kantarev jiddependi, l-ewwel nett, fuq jekk ir-responsabbiltà tal-BNB għandhiex tirriżulta skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat jew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti. Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-ġurisprudenza tal-qrati Bulgari hija kontradittorja fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qrati — ċivili jew amministrattivi — għall-eżami tal-azzjonijiet għal kumpens għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni. Hija żżid li l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) adottat ġurisprudenza kontradittorja sa fejn iddeċidiet, f’xi każijiet, li, billi l-BNB la huwa korp tas-setgħa eżekuttiva u lanqas korp iffinanzjat mill-baġit tal-Istat, il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat ma kinitx tapplika għal din tal-aħħar u, f’każijiet oħra, li huwa kellu jiġi kkunsidrat li huwa organiżmu bi prerogattivi ta’ awtorità pubblika, billi din il-liġi tqieset applikabbli.

35

Il-Qorti tar-rinviju tindika wkoll li hemm differenzi sostanzjali bejn il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-responsabbiltà previsti mil-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u mil-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti. B’hekk, il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat, li tapplika biss meta d-dannu jirriżulta minn att illegali annullat jew minn azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni illegali tal-amministrazzjoni, stabbilixxiet sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva. Skont din il-liġi, l-attur għandu jħallas taxxa sempliċi fid-data tal-preżentata tal-azzjoni u jista’ jadixxi l-qrati tad-domiċilju tiegħu. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ azzjoni bbażata fuq il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, l-attur għandu jħallas lill-Istat taxxa li tikkorrispondi għal ċertu perċentwali tal-valur tal-kawża u għandu jadixxi lill-qrati tar-residenza tal-konvenut jew tal-post fejn ikun seħħ il-fatt dannuż. Huwa meħtieġ ukoll, bħala kundizzjoni sostantiva ta’ azzjoni legali bħal dik tal-kawża prinċipali, li l-attur jipprova l-eżistenza ta’ żball tal-BNB jew l-eżistenza ta’ aġir intenzjonat ta’ din l-istituzzjoni.

36

It-tieni nett, fuq il-mertu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-BNB kienx obbligat jieħu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 b’tali mod li jkun neċessarju, għad-deċiżjoni tal-kawża, li jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni ġietx trasposta b’mod korrett fil-leġiżlazzjoni Bulgara. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva sabiex tiġi ddikjarata l-indisponibbiltà tad-depożiti, sabiex jiġi eżaminat f’liema data dawn kienu ssodisfatti. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minn naħa, sabiex jibda l-implimentazzjoni tal-Garanzija tad-Depożiti, il-BNB seta’ biss jirrevoka l-liċenzja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u, min-naħa l-oħra, il-BNB ddeċieda, qabel ir-revoka tal-liċenzja tal-Bank KTB, li jqiegħed lil dan tal-aħħar taħt sorveljanza speċjali sabiex jipproteġih mill-insolvenza. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rimbors fuq il-bażi tal-garanzija tad-depożiti mill-Fond ma jipprekludix it-tqegħid taħt sorveljanza speċjali.

37

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 1(3)(i) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 jagħtux lid-depożitanti d-dritt li jitlob kumpens mingħand l-Istat Membru għall-ksur, mill-awtorità kompetenti, tat-terminu sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

38

F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza nazzjonali hija mill-ġdid kontradittorja. Azzjonijiet ta’ depożitanti kontra l-BNB ġew milqugħa għar-raġuni li dan kiser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett u azzjonijiet oħra ġew miċħuda għar-raġuni li d-dewmien tar-rimbors kien imputabbli lill-Fond u mhux lill-BNB, li r-rimbors kien impossibbli sa fejn il-liċenzja bankarja tal-istituzzjoni kkonċernata ma kinitx ġiet irrevokata, jew li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/19 ma kellhomx effett dirett u li, jekk jiġi kkonstatat nuqqas fit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, dan ikun jinvolvi r-responsabbiltà mhux tal-BNB, iżda tal-Istat innifsu.

39

Il-Qorti tar-rinviju tqis li l-BNB wettaq ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda tistaqsi dwar jekk dan il-ksur huwiex “ksur suffiċjentement serju”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Hija tikkonstata, f’dan ir-rigward, li l-miżura ta’ riorganizzazzjoni inkwistjoni ġiet deċiża mill-BNB fl-interess ġenerali b’mod li b’hekk ingħatat protezzjoni lid-depożitanti ekwivalenti għal dik prevista mid-Direttiva 94/19 u li ġew applikati interessi għad-depożiti matul dan il-perijodu.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l’Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(3) TUE u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali, jippermettu d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni u tal-proċedura applikabbli għar-rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni skont l-awtorità pubblika li tkun wettqet il-ksur u skont in-natura tal-azzjoni/nuqqas ta’ azzjoni li jikkostitwixxu l-ksur, f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji twassal sabiex ir-rikorsi jiġu eżaminati minn qrati differenti, jiġifieri minn qrati ordinarji u minn qrati amministrattivi, skont proċedura differenti, jiġifieri l-proċedura prevista fil-[Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili] u dik prevista [fil-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva], li jeħtieġu l-ħlas ta’ taxxi tal-Istat differenti, jiġifieri taxxa proporzjonali u taxxa sempliċi, u l-prova ta’ kundizzjonijiet differenti, inkluża l-eżistenza ta’ nuqqas?

2)

L-Artikolu 4(3) TUE u r-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, EU:C:1991:428), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li r-rikorsi għad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġu eżaminati skont proċedura bħal dik ibbażata fuq l-Artikolu 45 u fuq l-Artikolu 49 [tal-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti], li teħtieġ il-ħlas ta’ taxxa tal-Istat proporzjonali u l-prova ta’ nuqqas, jew skont proċedura bħal dik ibbażata fuq l-Artikolu 1 [tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat], li, minkejja li tipprevedi responsabbiltà oġġettiva u minkejja li tinkludi regoli speċifiċi li jiffaċilitaw l-aċċess għal qorti, tapplika biss għad-danni li jirriżultaw minn atti illegali annullati u minn azzjonijiet/nuqqas ta’ azzjonijiet fattwali illegali tal-amministrazzjoni u ma tkoprix il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn awtoritajiet pubbliċi oħra u li jikkonsisti f’azzjonijiet/nuqqas ta’ azzjonijiet legali li ma jkunux ġew annullati skont il-proċedura prevista għal dan il-għan?

3)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw approċċ leġiżlattiv bħal dak adottat permezz tal-Artikolu 36(3) [tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) u permezz tal-Artikolu 23(5) [tal-Liġi dwar il-Garanzija tad-Depożiti Bankarji (imħassra)], approċċ li jfisser li r-rekwiżit li ‘l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tkun tidher li ma tkunx tista’ għal issa, għal raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħha, li [tħallas] lura d-depożitu u li ma jkollha l-ebda prospett attwali li [tkun tista’ tagħmel] dan’, huwa ekwivalenti għall-konstatazzjoni ta’ insolvabbiltà tal-istabbiliment u għar-revoka tal-awtorizzazzjoni tiegħu, u li jfisser ukoll li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti bankarji għandha tiġi skattata hekk kif tiġi rrevokata l-awtorizzazzjoni tal-bank?

4)

Il-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex depożitu jiġi kklassifikat bħala ‘mhux disponibbli’, huwa meħtieġ li jiġi kkonstatat li hemm tali depożitu minħabba att espliċitu meħud mill-‘awtoritajiet kompetenti’ wara l-evalwazzjoni prevista fil-punt 3(i) tal-istess dispożizzjoni jew għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, minħabba lakuna legali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-evalwazzjoni u r-rieda tal-‘awtorità kompetenti’ jiġu dedotti, permezz ta’ interpretazzjoni, minn atti oħra meħuda minn din l-awtorità, pereżempju, f’dan il-każ, mid-Deċiżjoni Nru 73 tal-20 ta’ Ġunju 2014 tal-Bord tad-Diretturi tal-[BNB], li permezz tagħha l-[Bank KTB] tqiegħed taħt sorveljanza speċjali, jew li jiġu preżunti fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali?

5)

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali – fejn, permezz tad-Deċiżjoni Nru 73 tal-20 ta’ Ġunju 2014 tal-Bord tad-Diretturi tal-[BNB], il-pagamenti u t-tranżazzjonijiet kollha ġew sospiżi, b’tali mod li b’hekk id-depożitanti ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jagħmlu talbiet għall-irtirar tad-depożiti tagħhom u milli jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom matul il-perijodu bejn l-20 ta’ Ġunju 2014 u s-6 ta’ Novembru 2014 –, għandu jitqies li d-depożiti kurrenti ggarantiti kollha (li ma jeħtieġux preavviż sabiex ikunu jistgħu jiġu rtirati u li jingħataw lura immedjatament fuq talba) saru mhux disponibbli fis-sens tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 jew għandu jitqies li l-kundizzjoni li ‘depożitu li huwa dovut u pagabbli imma li ma kienx ġie mħallas mill-istituzzjoni ta’ kreditu’ teħtieġ li d-depożitanti kienu neċessarjament ressqu quddiem l-istabbiliment ta’ kreditu talba (ordni, stedina) għall-irtirar tad-depożitu li ma kinitx onorata?

6)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19, kif ukoll il-premessa 8 tad-Direttiva 2009/14 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-‘awtoritajiet kompetenti’ fil-kuntest tal-evalwazzjoni prevista fil-punt 3(i) tal-Artikolu 1 hija, fil-każijiet kollha, limitata mit-terminu previst fit-tieni sentenza tal-[punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19] jew fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li, għall-finijiet tas-sorveljanza speċjali prevista fl-Artikolu 115 [tal-Liġi l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu], id-depożiti jibqgħu mhux disponibbli għal perijodu itwal minn dak indikat fid-Direttiva 94/19?

7)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 għandhom effett dirett u jikkonferixxu lid-depożitanti tal-bank li jagħmel parti mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, minbarra d-dritt li jiġu kkumpensati minn din l-iskema sal-livell previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19, id-dritt li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni billi jippreżentaw, kontra l-awtorità responsabbli sabiex tikkonstata li d-depożiti ma kinux disponibbli, rikors għad-danni kkawżati mill-ħlas tardiv tal-ammont iggarantit tad-depożiti, f’sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni prevista fil-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva kienet ittieħdet wara t-terminu ta’ ħamest ijiem stabbilit mid-Direttiva [94/19] u fejn id-dewmien huwa dovut għall-effett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni li kienet intiża li tipproteġi lill-bank mill-insolvabbiltà u li kienet imposta minn din l-istess awtorità, jew, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw regola nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 79(8) [tal-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu], li tipprovdi li l-[BNB], il-korpi tiegħu u l-persuni mqabbda minnu għandhom iwieġbu għad-danni kkawżati b’konsegwenza tal-eżerċizzju tal-missjonijiet ta’ sorveljanza tiegħu fil-każ biss li dawn id-danni jkunu ġew ikkawżati b’mod intenzjonat?

8)

Huwa l-każ li, u f’liema ċirkustanzi, il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-fatt li l-‘awtorità kompetenti’ ma ħaditx deċiżjoni konformement mal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19, huwa ksur ‘suffiċjentement serju’, li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru għad-danni permezz ta’ rikors ippreżentat kontra l-awtorità ta’ sorveljanza u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa rilevanti (a) li l-[Fond] ma kellux biżżejjed fondi sabiex ikopri d-depożiti ggarantiti kollha?; (b) li, matul il-perijodu li matulu l-pagamenti kienu sospiżi, l-istabbiliment ta’ kreditu tqiegħed taħt sorveljanza speċjali sabiex jiġi protett mill-insolvabbiltà?; (c) li d-depożitu tar-rikorrent ġie rrimborsat wara l-konstatazzjoni, mill-[BNB], li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni ma kinux irnexxew? u (d) li d-depożitu tar-rikorrent ġie rrimborsat, flimkien mal-interessi applikati, inkluż għall-perijodu bejn l-20 ta’ Ġunju 2014 u s-6 ta’ Novembru 2014?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

41

Sabiex jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minn naħa, il-BNB isostni li d-domandi magħmula huma irrilevanti u ma jippreżentaw ebda rabta mal-fatti tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk N. Kantarev effettivament sostniex dannu u, fil-każ li jiġi kkonstatat ksur tad-Direttiva 94/19, il-leġiżlatur Bulgaru, unikament kompetenti sabiex jittrasponu din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, ikun unikament responsabbli. Min-naħa l-oħra, il-BNB isostni li mis-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C-222/02, EU:C:2004:606), jirriżulta li individwu ma jistax jitlob kumpens għad-dannu kkawżat minn sorveljanza difettuża min-naħa tal-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu billi r-rimbors tad-depożitanti previst mid-Direttiva 94/19 huwa ggarantit.

42

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Minn dan jirriżulta li huma biss il-qrati nazzjonali, li huma aditi bit-tilwima u li għandhom jassumu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Pérez Retamero, C-97/16, EU:C:2017:158, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Pérez Retamero, C-97/16, EU:C:2017:158, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Madankollu, ir-rifjut li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Pérez Retamero, C-97/16, EU:C:2017:158, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Madankollu, l-ebda waħda minn dawn l-ipoteżijiet ma tirriżulta f’dan il-każ. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju indikat li, insostenn tal-azzjoni tiegħu għad-danni, l-attur fil-kawża prinċipali jsostni li kien hemm applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva 94/19 u r-raġunijiet li għalihom ir-risposti għad-domandi preliminari magħmula kienu jidhru li huma meħtieġa sabiex tiġi riżolta t-tilwima fil-kawża prinċipali.

46

Fit-tieni lok, dwar l-argument ibbażat fuq is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C-222/02, EU:C:2004:606), l-Artikolu 267 TFUE jippermetti dejjem lil qorti nazzjonali, jekk jidhrilha li jkun xieraq, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi ta’ interpretazzjoni (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C-165/09 sa C-167/09, EU:C:2011:348, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, ir-rilevanza u l-portata ta’ din is-sentenza għandhom jiġu eżaminati matul l-analiżi tal-mertu tad-domandi magħmula.

47

Konsegwentement, hemm lok li t-talba għal deċiżjoni preliminari titqies li hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq it-tielet u s-sitt domanda

48

Permezz tat-tielet u s-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu, minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti tiddependi mill-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu u mir-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ din l-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, li ssir deroga mit-termini previsti, minn dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà tad-depożiti u sabiex dawn id-depożiti jiġu rrimborsati, għar-raġuni li huwa neċessarju li l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun suġġetta għal sorveljanza speċjali.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta b’mod espliċitu mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, li l-kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà ta’ depożitu li huwa dovut u pagabbli hija li, skont il-fehma tal-awtorità kompetenti, għal mument u għal raġunijiet marbuta direttament mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx tidher li tinsab f’pożizzjoni li tista’ tħallas lura d-depożiti u ma jkun hemm ebda prospett attwali li hija ser tkun tista’ tagħmel dan.

50

Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 jispeċifika li din il-konstatazzjoni għandha ssir, mill-imsemmija awtoritajiet kompetenti, “malajr kemm jista’ jkun” u “mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara li l-ewwel ikunu sodisfatti [li l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata] tkun naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli”.

51

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ma tistax tiddependi fuq l-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata jew ir-revoka tal-liċenzja bankarja tagħha.

52

Fil-fatt, minn naħa, l-indisponibbiltà tad-depożiti għandha tiġi kkonstatata fi żmien qasir ħafna, mingħajr ma wieħed jistenna li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza jew tal-irtirar tal-liċenzja bankarja jkunu ssodisfatti.

53

Min-naħa l-oħra, l-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu u r-revoka tal-liċenzja bankarja huma differenti miċ-ċirkustanzi li jidhru fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19. B’hekk, ir-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tista’, b’mod partikolari, tkun il-konsegwenza għan-nuqqas ta’ adeżjoni għal fond ta’ garanzija tad-depożiti mingħajr madankollu ma d-depożiti ta’ dan l-istabbiliment ikunu indisponibbli.

54

Barra minn hekk, l-insolvenza ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u r-revoka tal-liċenzja bankarja huma ta’ natura li jindikaw li l-istituzzjoni ta’ kreditu tinsab f’diffikultajiet fit-tul. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 jissuġġetta l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti għall-fatt li l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tidhirx li hija “għal issa” kapaċi li tħallas lura d-depożiti u ma hemm l-ebda prospett “attwali” li hija ser tkun tista’ tagħmel dan, din l-indisponibbiltà tista’ tkun temporanja.

55

Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti għandha ssir anki f’każ ta’ diffikultajiet temporanji, sakemm l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata ma tkunx tista’ tħallas lura depożiti dovuti u pagabbli u ma jkun hemm l-ebda prospett attwali li hija ser tkun tista’ tagħmel dan.

56

Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-għan doppju segwit mid-Direttiva 94/19. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-direttiva hija intiża, kif jindikaw l-ewwel u r-raba’ premessa tagħha, kemm sabiex tipproteġi lid-depożitanti kif ukoll sabiex tiżgura l-istabbiltà tas-sistema bankarja, billi tevita l-fenomeni ta’ rtirar massiv ta’ depożiti mhux biss minn istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà, iżda wkoll minn istituzzjonijiet b’saħħithom bħala riżultat ta’ telf tal-fiduċja tal-pubblika fis-saħħa ta’ din is-sistema (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Anisimovienė et, C-688/15 u C-109/16, EU:C:2018:209, punt 83).

57

Fid-dawl ta’ dan l-għan doppju, huwa imperattiv li l-garanzija tad-depożiti ssir, kif indikat fit-tmien u fid-disa’ premessa ta’ din id-direttiva, “fi żmien qasir” mill-indisponibbiltà tad-depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

58

Fil-fatt, minn naħa, il-protezzjoni tad-depożitanti teżiġi li d-depożiti tagħhom jiġu rrimborsati malajr kemm jista’ jkun b’effett mill-indisponibbiltà tagħhom sabiex dawn id-depożitanti ma jiġux imċaħħda mill-ekonomiji tagħhom u jsibux ruħhom, minħabba f’hekk, f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li jipprovdu, b’mod partikolari, għall-ispejjeż ta’ kuljum tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-istabbiltà tas-sistema bankarja titlob ukoll rimbors rapidu lid-depożitanti sabiex jiġi evitat li d-diffikultajiet finanzjarji li istituzzjoni ta’ kreditu tkun qiegħda taffaċċja, anki temporanji, joħolqu fenomenu ta’ irtirar massiv ta’ depożiti u li dawn id-diffikultajiet ma jinxterdux b’hekk mal-kumplament tas-sistema bankarja.

59

Ċertament, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 u b’mod partikolari tal-fatt li din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-awtorità kompetenti għandha tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti meta “[fil-fehma tagħha]”, il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan ikunu ssodisfatti, din l-awtorità għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni. Madankollu, tali marġni ta’ diskrezzjoni jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u mhux dawn il-kundizzjonijiet bħala tali u lanqas il-mument li fih għandha ssir tali konstatazzjoni.

60

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ deroga mit-terminu għall-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti sabiex l-istituzzjoni ta’ kreditu titqiegħed taħt sorveljanza speċjali, għandu jiġi rrilevat li t-terminu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 huwa, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, terminu perentorju mingħajr ma hija prevista deroga minn dan it-terminu f’xi dospożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.

61

Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jidderogaw mit-terminu stabbilit mid-Direttiva 94/19 sabiex jikkonstataw l-indisponibbiltà tad-depożiti sabiex l-istituzzjoni ta’ kreditu titqiegħed taħt sorveljanza speċjali tmur kontra r-rekwiżit ta’ ħeffa li jirriżulta minn din id-direttiva. Fil-fatt, kemm mill-għan doppju tal-imsemmija direttiva, kif imfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mit-tnaqqis ta’ dan it-terminu, minn wieħed u għoxrin jum għal ħamest ijiem, introdott permezz tad-Direttiva 2009/14, jirriżulta li tali konstatazzjoni għandha ssir fi żmien qasir ħafna.

62

Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti tal-4 ta’ Ġunju 1992 [COM (92) 188 finali, ĠU C 163, p. 6], li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 94/19, tindika, preċiżament, li l-ħlas tal-garanzija tad-depożiti għandu jkun ibbażat fuq il-konstatazzjoni oġġettiva li depożitant ikun ġie mċaħħad minn fondi li l-istituzzjoni ta’ kreditu kellha tagħtih lura sabiex “jitħaffef il-ħlas tal-ammont iggarantit” u “dan il-ħlas ma jintrabatx mal-inċertezzi tal-proċeduri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ tal-istituzzjoni kkonċernata”.

63

Ċertament, il-premessa 12 tad-Direttiva 2009/14 tistabbilixxi li “d-depożiti jistgħu jitqiesu mhux disponibbli ladarba l-miżuri ta’ intervent bikri jew ta’ riorganizzazzjoni [tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata] ma jkollhomx suċċess”.

64

Madankollu, minn naħa, din il-premessa 12 tirreferi biss għall-possibbiltà li d-depożiti jkunu kkunsidrati li huma indisponibbli fil-każ li jkunu fallew il-miżuri ta’ intervent bikri jew ta’ riorganizzazzjoni mingħajr ma tissuġġetta l-konstatazzjoni ta’ indisponibbiltà għall-fatt li tali miżuri preventivi jkunu fallew.

65

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li t-tieni sentenza tal-imsemmija premessa tippreċiża li din il-possibbiltà “m’għand[hiex] [iżżomm] lill-awtoritajiet kompetenti milli jagħmlu aktar sforzi ta’ ristrutturar matul il-perijodu ta’ rimbors” u timplika, konsegwentement, li miżuri ta’ dan it-tip ma jaffettwawx il-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti u lanqas ir-rimbors tagħhom.

66

Dwar it-terminu għar-rimbors tad-depożiti previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19, jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni li tali estensjoni ta’ dan it-terminu hija possibbli biss fil-preżenza ta’ “ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali” u li din l-estensjoni “ma għandhiex teċċedi għaxart ijiem ta’ xogħol”.

67

Issa, fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li qed tfalli, it-tqegħid tagħha taħt sorveljanza speċjali, sabiex jiġi evitat li ssir insolventi, ma jikkostitwixxix ċirkustanza kompletament eċċezzjonali, iżda, għall-kuntrarju, ċirkustanza inerenti għas-sitwazzjoni ta’ tali istituzzjoni u għall-miżuri li jistgħu jiġu adottati sabiex jinstab rimedju għal din is-sitwazzjoni.

68

Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-estensjoni tat-terminu għar-rimbors tad-depożiti għandha tkun limitata għal għaxart ijiem ta’ xogħol juri li din l-estensjoni ma għandhiex tkopri l-miżuri li jistgħu jiġu adottati sabiex tiġi evitata l-insolvenza ta’ din l-istituzzjoni, peress li tali miżuri jeħtieġu iktar minn għaxart ijiem sabiex l-effetti kollha tagħhom jiġu fis-seħħ.

69

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għat-tielet u għas-sitt domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu, minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti tiddependi mill-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu u mir-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ din l-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, li ssir deroga mit-termini previsti, minn dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà tad-depożiti u sabiex dawn id-depożiti jiġu rrimborsati, għar-raġuni li huwa neċessarju li l-istituzzjoni ta’ kreditu titqiegħed taħt sorveljanza speċjali.

Fuq ir-raba’ domanda

70

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-indisponibbiltà ta’ depożiti miżmuma minn istituzzjoni ta’ kreditu għandha tiġi kkonstatata minn att espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti jew jekk din tistax tiġi dedotta minn atti oħra meħuda minn dawn l-awtoritajiet, bħad-deċiżjoni tal-BNB li l-Bank KTB jitqiegħed taħt sorveljanza speċjali, jew ukoll jekk din tistax tkun preżunta minn ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

71

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 sempliċement jistipula ċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproċedu bil-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, mingħajr ma jindikaw l-forma li tali konstatazzjoni għandu jkollha.

72

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, minn naħa, fis-sistema tad-Direttiva 94/19, il-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tiddetermina r-rimbors ta’ dawn id-depożiti mill-iskemi ta’ garanzija u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, din il-konstatazzjoni hija l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu li fih għandu jsir dan ir-rimbors.

73

B’hekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-indisponibbiltà tad-depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, għandha neċessarjament tiġi kkonstatata b’deċiżjoni espliċita tal-awtoritajiet kompetenti intiża sabiex tiddikjara din l-indisponibbiltà, peress li kull interpretazzjoni oħra toħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza li din id-direttiva għandha preċiżament l-għan li tirrimedja.

74

Fil-fatt, mill-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 94/19 jirriżulta li l-informazzjoni tad-depożitanti hija element essenzjali għall-protezzjoni tagħhom. Barra minn hekk, kif imfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva hija intiża sabiex tilħaq żewġ għanijiet li huma marbutin mill-qrib, jiġifieri l-istabbiltà tas-sistema bankarja u l-protezzjoni tad-depożitanti. Madankollu, dawn l-għanijiet jippresupponu li d-depożitanti jkunu jistgħu jiddeterminaw b’ċertezza li d-depożiti tagħhom huma indisponibbli u minn meta dawn ser ikunu suġġetti għal proċedura ta’ rimbors sabiex jiġi evitat kull paniku li jista’ jipperikola l-istabbiltà tas-sistema bankarja.

75

Barra minn hekk, peress li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tiddetermina r-rimbors tad-depożiti kif ukoll il-bidu ta’ dekorrenza tat-terminu li fih għandu jsir dan il-ħlas, id-depożitanti u l-fondi ta’ garanzija tad-depożiti għandu jkollhom deċiżjoni espliċita, ċara u preċiża, li tippermettilhom ikunu jafu malajr u b’ċertezza li, wara l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, id-depożiti ġew iddikjarati indisponibbli. Tali deċiżjoni tiżgura, minn naħa, li l-fond ta’ garanzija tad-depożiti jkun f’pożizzjoni li jibda proċedura ta’ rimbors u li t-terminu previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 ikun beda jiddekorri u, min-naħa l-oħra, li d-depożitanti jkunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom skont din id-direttiva.

76

Minn dan isegwi li deċiżjoni espliċita għandha tiġi adottata sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà tad-depożiti u li din għandha, ladarba tiġi adottata, tinġieb għall-attenzjoni tal-fond ta’ garanzija tad-depożiti.

77

Barra minn hekk, l-indisponibbiltà tad-depożiti ma tistax tiġi dedotta minn atti oħra meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti bħat-tqegħid taħt sorveljanza speċjali ta’ bank jew preżunta fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, li ma jsegwux evalwazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti bħal dik stipulata fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19.

78

Għaldaqstant, għar-raba’ domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indisponibbiltà ta’ depożiti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi kkonstatata permezz ta’ att espliċitu tal-awtorità nazzjonali kompetenti u ma tistax tiġi dedotta minn atti oħra tal-awtoritajiet nazzjonali, bħad-deċiżjoni tal-BNB li l-Bank KTB jitqiegħed taħt sorveljanza speċjali, u lanqas ma tista’ tiġi preżunta minn ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali.

Fuq il-ħames domanda

79

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 94/19 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà ta’ depożitu bankarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-proprjetarju ta’ dan id-depożitu jkun l-ewwel ressaq, quddiem l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, talba għall-irtirar tal-fondi, li tkun baqgħet mingħajr suċċess.

80

F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 jirriżulta li, anki jekk id-depożiti għandhom jiġu mħallsa lura skont il-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli għalihom, l-evalwazzjoni tal-indisponibbiltà tagħhom hija, min-naħa l-oħra, esklużivament iddeterminata mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(3)(1) ta’ din id-direttiva.

81

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti għandha tkun suġġetta għal talba minn qabel sabiex jiġu rtirati l-fondi li tkun baqgħet mingħajr suċċess.

82

Fil-fatt, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni Ewropea, din il-konstatazzjoni hija marbuta mas-sitwazzjoni finanzjarja oġġettiva tal-istituzzjoni ta’ kreditu u tirrigwarda b’mod ġenerali l-integralità tad-depożiti miżmumin minn dik l-istituzzjoni u mhux kull wieħed mid-depożiti li hija żżomm. B’hekk, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali istituzzjoni ta’ kreditu ma ħallsetx lura ċerti depożiti u li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 huma ssodisfatti sabiex tiġi ddikjarata l-indisponibbiltà tad-depożiti kollha miżmuma minn din l-istituzzjoni.

83

Barra minn hekk, l-għan doppju mfittex mid-Direttiva 94/19, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, ma jistax jintlaħaq jekk ikun meħtieġ li l-proprjetajru ta’ depożitu jkun ressaq, quddiem l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, talba għall-irtirar tal-fondi, li tkun baqgħet mingħajr suċċess, sabiex dan id-depożitu jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala “indisponibbli”.

84

Fil-fatt, minn naħa, tali rekwiżit ikun ta’ natura li jimmina l-fiduċja tad-depożitanti fl-iskema tal-garanzija tad-depożiti u jwassal għal fenomeni ta’ talbiet massivi ta’ rtirar ta’ depożiti.

85

Min-naħa l-oħra, tali rekwiżit ikollu l-konsegwenza li jikkomplika l-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti u li jikkomprometti l-għan ta’ ħeffa tad-Direttiva 94/19.

86

Barra minn hekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn l-operazzjonijiet u l-pagamenti kollha tal-istituzzjoni ta’ kreditu jkunu ġew sospiżi, din il-kundizzjoni hija inqas u inqas iġġustifikata inkwantu ma hijiex neċessarja u hija, fil-prattika, diffiċli ħafna jekk mhux impossibbli li tiġi ssodisfatta, billi l-proprjetajru ma jkunx neċessarjament jista’ jġib il-prova li huwa preċedentement għamel talba għal ħlas lura u li din baqgħet mingħajr suċċess.

87

Għaldaqstant, għall-ħames domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà ta’ depożitu bankarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-proprjetarju ta’ dan id-depożitu jkun l-ewwel għamel, lill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, talba għall-irtirar tal-fondi, li tkun baqgħet mingħajr suċċess.

Fuq is-seba’ u t-tmien domanda

88

Permezz tas-seba’ u t-tmien domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3)(i) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn għandhom effett dirett u jagħtu lid-depożitanti d-dritt li jressqu, fuq il-bażi tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, kontra l-awtorità pubblika obbligata tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, bħalma huwa l-BNB, azzjoni għall-kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mir-rimbors tardiv tad-depożiti. F’każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju titlob gwida addizzjonali dwar il-kunċett ta’ ksur “suffiċjentement serju”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u tistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ ċerti ċirkustanzi fattwali f’din il-kawża għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

89

B’mod preliminari, għandu jiġi speċifikat li, b’mod kuntrarju għal dak li l-BNB isostni u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 sa 82 tal-konklużjonijiet tagħha, iċ-ċirkustanzi li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C-222/02, EU:C:2004:606) b’mod li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jsibux risposta f’dik is-sentenza.

90

Mis-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Paul et (C-222/02, EU:C:2004:606), jirriżulta li, meta d-dritt nazzjonali jkun stabbilixxa skema ta’ garanzija tad-depożiti, id-Direttiva 94/19 ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li teskludi li l-individwi jistgħu jitolbu kumpens għad-danni kkawżati minn sorveljanza insuffiċjenti jew difettuża min-naħa tal-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew għar-responsabbiltà tal-Istat fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni għar-raġuni li dawn il-missjonijiet ta’ sorveljanza huma mwettqa fl-interess ġenerali.

91

Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru tistax tiġi invokata minħabba traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva 94/19 u implimentazzjoni żbaljata tal-mekkaniżmu ta’ garanzija tad-depożiti previst minn din id-direttiva.

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu huwa inerenti għas-sistema ta’ trattati li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C-118/08, EU:C:2010:39, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

B’hekk, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżgura li l-individwi jiksbu kumpens għad-dannu li n-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni jikkawżalhom, tkun xi tkun l-awtorità pubblika awtriċi ta’ dan in-nuqqas u tkun xi tkun dik li għandha, bħala prinċipju, skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, l-obbligu li tipprovdi dan il-kumpens (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens ladarba jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, li huma li r-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola jkun suffiċjentement serju u li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-danni mġarrba minn dawn l-individwi (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C-168/15, EU:C:2016:602, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istati Membri għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali, skont il-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq tali implimentazzjoni (sentenzi tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, EU:C:2010:717, punt 48, u tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C-501/12 sa C-506/12, C-540/12 u C-541/12, EU:C:2014:2005, punt 100).

96

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 1(3)(i) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 għandhomx effett dirett u jagħtux d-dritt għal azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn rimbors tardiv tad-depożiti, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li, peress li l-attur jinvoka, quddiem il-qorti tar-rinviju, dannu kkawżat mill-ksur tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 mill-BNB, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha fuq l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva.

97

Fir-rigward tal-effett dirett tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, minkejja li tali kundizzjoni ma hijiex rikjesta mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilità r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C 48/93, EU:C:1996:79, punti 2122), il-qorti tar-rinviju madankollu tispeċifika li, fil-każ li l-imsemmija dispożizzjoni għandha effett dirett, il-BNB ikun kiser id-dritt tal-Unjoni meta naqas milli japplikaha minflok id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 94/19.

98

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru, meta dan ikun naqas li jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, Indėlių ir investicijų draudimas u Nemaniūnas, C-671/13, EU:C:2015:418, punt 57).

99

Ċertament, l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 iħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jinnominaw l-awtorità kompetenti sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà ta’ depożiti kif ukoll marġni ta’ diskrezzjoni lilha fir-rigward tal-eżami tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata.

100

Madankollu, billi tindika li l-awtorità kompetenti għandha tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara li l-ewwel tkun stabbilixxiet li istituzzjoni ta’ kreditu tkun naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli, din id-dispożizzjoni tistipula obbligu inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż li l-BNB kellu, awtorità maħtura sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti, sabiex jiżgura l-osservanza tiegħu fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu.

101

Din l-interpretazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-awtorità pubblika awtriċi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi ddeterminata mill-qrati nazzjonali skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat.

102

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 jikkostitwixxix regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi, hemm lok li jiġi rrilevat li d-Direttiva 94/19 għandha l-għan b’mod partikolari li tipproteġi lid-depożitanti.

103

Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti għandha impatt dirett fuq is-sitwazzjoni legali ta’ depożitant peress li din il-konstatazzjoni tiskatta l-mekkaniżmu ta’ garanzija tad-depożiti u, konsegwentement, ir-rimbors lid-depożitanti.

104

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa manifest li l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 jikkostitwixxi regola tad-dritt tal-Unjoni intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet lill-individwi.

105

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali ksur jimplika ksur manifest u serju mill-Istat Membru tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu. F’dan ir-rigward, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma, b’mod partikolari, il-grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura, l-estent tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali, in-natura skużabbli jew mhux skużabbli ta’ eventwali żball ta’ liġi, in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq jew tad-dannu kkawżat, jew ukoll il-fatt li l-attitudnijiet ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea setgħu jikkontribwixxu għall-ommissjoni, għall-adozzjoni jew għaż-żamma ta’ miżuri jew prattiċi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 56).

106

F’dan il-każ, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, jekk il-BNB għandu, skont l-Artikoli 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà ta’ depożiti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa madankollu limitat.

107

Fil-fatt, l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 jispeċifika b’mod ċar il-kundizzjonijiet li għalihom il-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti hija suġġetta kif ukoll it-terminu li fih tali konstatazzjoni għandha ssir.

108

Konsegwentement, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti fit-terminu perentorju ta’ ħamest ijiem.

109

Issa, mill-analiżi taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jirriżulta li, bħala riżultat tal-informazzjoni pprovduta mill-Bank KTB rigward id-diffikultajiet finanzjarji u l-problemi ta’ likwidità li huwa sab, il-BNB qiegħed lil dan tal-aħħar taħt sorveljanza speċjali minħabba riskju ta’ insolvenza u ddeċieda li jissospendi l-pagamenti u l-operazzjonijiet kollha tal-Bank KTB. B’hekk, il-miżuri ta’ sorveljanza ta’ dan tal-aħħar juru dubji li l-BNB kellu, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Bank KTB, dwar il-kapaċità tiegħu li jħallas lura d-depożiti fi żmien qasir. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ sospensjoni tal-pagamenti u tal-operazzjonijiet tal-Bank KTB deċiżi mill-BNB ipprekludew lill-Bank KTB milli jħallas lura d-depożiti.

110

Minbarra dawn l-elementi, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tevalwa l-illegalità tal-aġir tal-BNB, in-natura intenzjonali jew involontarja tad-dannu kkawżat.

111

Finalment, iċ-ċirkustanzi l-oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju ma humiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, billi ma kkonstatax l-indisponibbiltà tad-depożiti fit-terminu ta’ ħamest ijiem previst fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, il-BNB wettaqx ksur suffiċjentement serju, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

112

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li l-Fond ma kellux biżżejjed fondi sabiex ikopru d-depożiti kollha ggarantiti ma huwiex rilevanti peress li tali fatt ma huwiex fost dawk li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà tad-depożiti.

113

It-tieni nett, il-fatt li, matul il-perijodu li matulu l-pagamenti kienu sospiżi, l-istituzzjoni ta’ kreditu tqiegħdet taħt superviżjoni speċjali sabiex din tkun protetta mill-insolvenza u l-fatt li l-attur fil-kawża prinċipali ġie rimborsat wara l-konstatazzjoni, mill-BNB, tal-falliment tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni lanqas ma huma rilevanti. Minn naħa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fir-risposta għat-tielet domanda preliminari, id-Direttiva 94/19 ma tissuġġettax il-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti għall-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 94/19 tfittex li tipproteġi lid-depożitanti billi teżiġi li d-depożiti tagħhom ikunu ggarantiti u rrimborsati fi żmien qasir ħafna.

114

It-tielet nett, il-fatt li d-depożitu tal-attur fil-kawża prinċipali ġie rrimborsat, flimkien mal-interessi applikati, inkluż għall-perijodu mill-20 ta’ Ġunju 2014 sas-6 ta’ Novembru 2014, huwa relatat mad-dannu invokat minn N. Kantarev u mhux mal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19.

115

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, in-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti fit-terminu ta’ ħamest ijiem previst fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod ċar f’din id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti, jista’ jikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ksur suffiċjentement serju, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-fatti l-oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju ma humiex rilevanti f’dan ir-rigward.

116

F’dak li jikkonċerna t-tielet kundizzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, kif jidher li jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, hemmx rabta kawżali diretta bejn il-ksur tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 u d-dannu sostnut minn N. Kantarev.

117

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li għas-seba’ u t-tmien domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 għandu effett dirett u jikkostitwixxi regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi li jippermettu lid-depożitanti jressqu azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat mir-rimbors tardiv tad-depożiti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, jekk in-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti fit-terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol previst f’din id-dispożizzjoni, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet stipulati b’mod ċar f’din id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti, jikkostitwixxix, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ksur suffiċjentement serju, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, jekk hemmx rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit minn depożitant, bħal N. Kantarev.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

118

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ proċedura speċifika fil-Bulgarija sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tad-danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni minn awtorità nazzjonali, dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, tipprevedi żewġ rimedji differenti li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ qrati differenti u suġġetti għal kundizzjonijiet differenti, u, min-naħa l-oħra, tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għan-natura intenzjonali tad-dannu kkawżat mill-awtorità nazzjonali inkwistjoni, għall-obbligu għall-individwu li jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ ħtija, għall-ħlas ta’ taxxi sempliċi jew proporzjonali għall-valur tal-kawża jew għall-annullament minn qabel tal-att amministrattiv li wassal għad-dannu.

119

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li hemm diverġenza fil-ġurisprudenza fir-rigward tar-regoli legali applikabbli għall-azzjonijiet imressqa kontra l-BNB ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, billi ċerti qrati kkunsidraw li azzjonijiet bħal dawn jaqgħu taħt il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat filwaqt li qrati oħra qiesu li dawn jaqgħu taħt ir-regoli ta’ responsabbiltà skont id-dritt komuni, stabbiliti mil-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti. Barra minn hekk, il-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru tillimita r-responsabbiltà tiegħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza tiegħu biss għad-danni kkawżati minn atti intenzjonati.

120

Għandu qabelxejn jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 94 ta’ din is-sentenza huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit dritt għal kumpens favur individwi (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, EU:C:2010:717, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121

Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jeskludix li r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur ta’ dan id-dritt tista’ tiġi stabbilita taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, dan jipprekludi, min-naħa l-oħra, li l-Istat jimponi kundizzjonijiet supplimentari f’dan ir-rigward (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, EU:C:2010:717, il-punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

Għandu jitfakkar ukoll li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet legali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tipreċiża wkoll li, mingħajr preġudizzju għad-dritt għal kumpens li huwa bbażat direttament fuq id-dritt tal-Unjoni sakemm il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan huma ssodisfatti, huwa fl-ambitu tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat għandu jikkumpensa l-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm dawn ma jkunux ġestiti b’mod li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C-118/08, EU:C:2010:39, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għall-azzjonijiet ikunu japplikaw mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, li huma bbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C-3/16, EU:C:2017:209, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Skont il-prinċipju ta’ effettività, ir-regoli proċedurali nazzjonali ma għandhomx ikunu ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C-3/16, EU:C:2017:209, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

F’dan il-każ, fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi li azzjoni legali bħal dik tal-attur fil-kawża prinċipali għandha ssegwi, il-Liġi Dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru, sa fejn tissuġġetta d-dritt għal kumpens għall-eżistenza tan-natura intenzjonali tad-dannu kkawżat minnha, tissuġġetta dan id-dritt għal kundizzjoni li tmur lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.

127

Fir-rigward tal-kundizzjoni li toħroġ mil-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti li timponi fuq l-attur fil-kawża prinċipali li jġib il-prova tal-eżistenza ta’ ħtija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm ċerti elementi oġġettivi u suġġettivi li, fil-kuntest ta’ sistema legali nazzjonali, jista’ jkollhom konnessjoni mal-kunċett ta’ “ħtija” jistgħu jkunu rilevanti, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi evalwat jekk ksur tad-dritt tal-Unjoni huwiex suffiċjentement serju jew le, l-obbligu li jingħata kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi ma jistax ikun suġġett għal kundizzjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ ħtija li jmur lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, EU:C:2010:717, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128

Għaldaqstant, minn naħa, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li, fil-kuntest ta’ azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-dritt għal kumpens ikun suġġett għan-natura intenzjonali tad-dannu kkawżat mill-awtorità nazzjonali inkwistjoni. Ir-responsabbiltà tal-BNB f’tilwima bħal dik tal-kawża prinċipali ma tistax għalhekk tiġi evalwata taħt il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-Liġi dwar il-Bank Nazzjonali Bulgaru. Min-naħa l-oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kunċett ta’ “ħtija”, fis-sens tal-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti jmurx lil hinn mill-ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.

129

Fir-rigward tar-regoli proċedurali nazzjonali, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali u l-proċedura sabiex tiġi deċiża t-tilwima għandhomx jiddependu min-natura tal-awtorità pubblika li lilha l-ksur huwa imputabbli kif ukoll mill-karatteristiċi tal-allegata azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 47).

130

B’hekk, hekk kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tagħha, meta diversi proċeduri jidħlu inkunsiderazzjoni, id-dritt tal-Unjoni ma għandux jagħżel dik li għandha tapplika. Madankollu, l-għażla tal-proċedura adatta u, għaldaqstant, tar-regoli ta’ responsabbiltà, għandha tissodisfa kemm il-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

131

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda element li jippermettilha li tiddubita l-konformità ma’ dan il-prinċipju tar-regoli stabbiliti mil-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat jew mil-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti.

132

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, dwar il-konformità ma’ dan il-prinċipju tat-taxxa li għandha titħallas fuq il-bażi tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u l-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti.

133

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment u d-dettalji tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 36).

134

Għal dan il-għan, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġettax l-eżerċizzju ta’ azzjoni għad-danni għall-ħlas tat-taxxa u jekk hemmx possibbiltajiet ta’ eżenzjoni.

135

Hemm lok, ukoll, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kobor tat-taxxa u n-natura insuperabbli jew le tal-ostakolu li din possibbilment tikkostitwixxi għall-aċċess għall-ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, EU:C:2010:811, punt 61).

136

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, persuna bħal N. Kantarev għandu, għal azzjoni bbażata fuq il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat, iħallas taxxa fissa f’ammont ta’ BGN 10 (madwar EUR 5) u, għal azzjoni bbażata fuq il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, taxxa proporzjonali, stabbilita fil-livell ta’ 4 % tal-valur tat-tilwima.

137

Fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, taxxa fissa f’ammont ta’ BGN 10 (madwar EUR 5) ma tidhirx li tikkostitwixxi ostakolu insuperabbli għall-aċċess għall-ġustizzja, punt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

138

Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li taxxa proporzjonali, stabbilita fil-livell ta’ 4 % tal-valur tat-tilwima, tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għall-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens b’mod partikolari fl-assenza ta’ possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-ħlas ta’ din it-taxxa, punt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

139

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat tillimita d-dritt għal kumpens biss għal dawk il-każijiet fejn id-dannu jirriżulta minn att illegali annullat jew azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni fattwali illegali tal-amministrazzjoni huwiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività.

140

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għal dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tar-rimedji legali disponibbli sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-qorti nazzjonali tista’ tivverifika jekk il-persuna leża kinitx raġonevolment diliġenti sabiex tevita d-dannu jew tillimita l-portata tiegħu u jekk, b’mod partikolari, hija rrikorrietx fil-ħin għar-rimedji legali kollha li kienu disponibbli għaliha (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, EU:C:2010:717, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141

Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, il-persuna leża, sabiex ma tbatix hi stess id-dannu, għandha ġġib il-prova li eżerċitat diliġenza raġonevoli sabiex tillimita l-portata tad-dannu (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, EU:C:2010:717, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun kontra l-prinċipju ta’ effettività li jiġi impost fuq il-persuni leżi li dawn ikunu sistematikament irrikorrew għar-rimedji legali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom anki meta dan iġib miegħu diffikultajiet eċċessivi jew ma jkunx jista’ raġonevolment ikun rikjest minnhom (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143

B’hekk, l-obbligu li l-ewwel jiġi kkonstatat l-annullament tal-att amministrattiv li wassal għad-dannu ma huwiex, fih innifsu, kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività. Madankollu, tali obbligu jista’ jrendi eċċessivament diffiċli l-kisba tal-kumpens għad-danni kkawżati mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni jekk, fil-prattika, dan l-annullament huwa eskluż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C-160/14, EU:C:2015:565, punt 51) jew limitat ħafna.

144

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit tal-illegalità tal-att tal-awtorità amministrattiva jew tal-illegalità tal-azzjoni jew tan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha ma jikkostitwixxix rekwiżit proċedurali, iżda kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat li tixbah il-kunċett ta’ ksur suffiċjentement serju, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

145

Min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali, il-fatt li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat u, għaldaqstant, id-dritt għal kumpens ikunu suġġetti għall-annullament minn qabel, u skont il-proċedura prevista għal dan il-għan, tal-att amministrattiv li wassal għad-dannu.

146

Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan ir-rekwiżit imurx, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kontra l-prinċipju ta’ effettività, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, tal-leġiżlazzjoni Bulgara u, b’mod partikolari, tal-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet għal annullament tal-atti amministrattivi kif ukoll tal-kundizzjonijiet li għalihom tali annullament huwa suġġett, jekk l-annullament tal-att amministrattiv li wassal għad-dannu inkwistjoni huwiex, fil-prattika, eskluż jew limitat ħafna.

147

L-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ proċedura speċifika fil-Bulgarija sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward ta’ danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni minn awtorità nazzjonali:

dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żewġ rimedji differenti li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ qrati differenti u huma suġġetti għal kundizzjonijiet differenti, sakemm il-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ir-responsabbiltà ta’ awtorità nazzjonali bħall-BNB għandhiex tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat jew tal-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti u sakemm kull wieħed miż-żewġ rimedji jkun konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività;

dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-kundizzjoni supplimentari bbażata fuq in-natura intenzjonali tad-dannu kkawżat mill-awtorità nazzjonali inkwistjoni;

dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-obbligu li l-individwu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ ħtija sa fejn, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “ħtija” ma jmurx lil hinn mill-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju”;

dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas ta’ taxxi sempliċi jew proporzjonali għall-valur tal-kawża sa fejn, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-ħlas ta’ taxxa sempliċi jew ta’ taxxa proporzjonali għall-valur tal-kawża ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività, fid-dawl tal-ammont u l-kobor tat-taxxa, tan-natura insuperabbli jew le tal-ostakolu li hija possibbilment tikkostitwixxi għall-aċċess għall-ġustizzja, tan-natura obbligatorja tagħha kif ukoll tal-possibbiltajiet ta’ eżenzjoni, u

dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-annullament minn qabel tal-att amministrattiv li wassal għad-dannu, sakemm, punt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, dan ir-rekwiżit jista’ raġonevolment ikun rikjest mill-persuna leża.

Fuq l-ispejjeż

148

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu, minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti tiddependi mill-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu u mir-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ din l-istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, li ssir deroga mit-termini previsti, minn dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà tad-depożiti u sabiex dawn id-depożiti jiġu rrimborsati, għar-raġuni li huwa neċessarju li l-istituzzjoni ta’ kreditu titqiegħed taħt sorveljanza speċjali.

 

2)

L-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indisponibbiltà ta’ depożiti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi kkonstatata permezz ta’ att espliċitu tal-awtorità nazzjonali kompetenti u ma tistax tiġi dedotta minn atti oħra, bħad-deċiżjoni tal-Balgarska Narodna Banka (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) li l-Korporativna Targovska Banka jitqiegħed taħt sorveljanza speċjali, u lanqas ma tista’ tiġi preżunta minn ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali.

 

3)

L-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 1994/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà ta’ depożitu bankarju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-proprjetarju ta’ dan id-depożitu jkun l-ewwel għamel, lill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, talba għall-irtirar tal-fondi, li tkun baqgħet mingħajr suċċess.

 

4)

L-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 2009/14, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, għandu effett dirett u jikkostitwixxi regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi li jippermettu lid-depożitanti jressqu azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat mir-rimbors tardiv tad-depożiti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, minn naħa, jekk in-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti fi żmien it-terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol previst f’din id-dispożizzjoni, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet stipulati b’mod ċar f’din id-dispożizzjoni kienu ssodisfatti, jikkostitwixxix, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ksur suffiċjentement serju, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, jekk hemmx rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit minn depożitant, bħal N. Kantarev.

 

5)

L-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ proċedura speċifika fil-Bulgarija sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward ta’ danni li jirriżultaw minn ksur tad-dritt tal-Unjoni minn awtorità nazzjonali:

dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi żewġ rimedji differenti li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ qrati differenti u huma suġġetti għal kundizzjonijiet differenti, sakemm il-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ir-responsabbiltà ta’ awtorità nazzjonali bħall-Bank Nazzjonali Bulgaru għandhiex tiġi stabbilita fuq il-bażi taż-Zakon za otgovornostta na darzhavata i obshtinite za vredi (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà tal-Istat u tal-Komuni għad-Danni Kkawżati) jew taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) u sakemm kull wieħed miż-żewġ rimedji jkun konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività;

dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-kundizzjoni supplimentari bbażata fuq in-natura intenzjonali tad-dannu kkawżat mill-awtorità nazzjonali inkwistjoni;

dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-obbligu li l-individwu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ ħtija sa fejn, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “ħtija” ma jmurx lil hinn mill-kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju”;

dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas ta’ taxxi sempliċi jew proporzjonali għall-valur tal-kawża sa fejn, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-ħlas ta’ taxxa sempliċi jew ta’ taxxa proporzjonali għall-valur tal-kawża ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività, fid-dawl tal-ammont u l-kobor tat-taxxa, tan-natura insuperabbli jew le tal-ostakolu li hija possibbilment tikkostitwixxi għall-aċċess għall-ġustizzja, tan-natura obbligatorja tagħha kif ukoll tal-possibbiltajiet ta’ eżenzjoni, u

dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għall-annullament minn qabel tal-att amministrattiv li wassal għad-dannu, sakemm, punt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, dan ir-rekwiżit jista’ raġonevolment ikun rikjest mill-persuna leża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.