SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata minn Franza – Garanzija illimitata tal-Istat mogħtija lill-Institut Français du Pétrole (IFP) permezz tal-għoti tal-istatus ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (SPIK) – Deċiżjoni li tiddikjara li din il-miżura parzjalment ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u li parzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet – Kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” – Preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ – Oneru u livell tal-prova”

Fil-Kawża C‑438/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-4 ta’ Awwissu 2016,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u D. Grespan, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

IFP Énergies nouvelles, stabbilit f’Rueil-Malmaison (Franza), irrappreżentat minn E. Morgan de Rivery u E. Lagathu, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Settembru 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Mejju 2016, Franza u IFP Énergies nouvelles vs Il-Kummissjoni (T‑479/11 u T‑157/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:320), sa fejn, biha, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(3) sa (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 12 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/26/UE tad-29 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 35/08 (eks-NN 11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole” (ĠU 2012, L 14, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-[108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni, kien imfassal b’dan il-mod:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

a)

‘għajnuna’ għandha tfisser kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-Artikolu [107(1) TFUE];

[…]

ċ)

“għajnuna ġdida” għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

d)

“skema ta’ għajnuna” għandha tfisser kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f’manjiera ġenerali u astratta u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit;

e)

“għajnuna individwali” għandha tfisser għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna u għoti ta’ għajnuna notifikati abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

[…]”

3

Il-punt 1.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-garanziji”), intitolat “Tipi ta’ garanzija”, jipprovdi:

“Fil-forma l-aktar komuni tagħhom, il-garanziji huma assoċjati ma’ self jew obbligu finanzjarju ieħor aċċettat minn min jissellef fil-konfront ta’ min jisilfu; dawn jistgħu jingħataw bħala garanziji individwali jew fi ħdan skemi ta’ garanzija.

Madankollu, jista’ jkun hemm diversi forom ta’ garanzija, skond il-bażi legali tagħhom, it-tip ta’ tranżazzjoni koperta, it-tul ta’ żmien, eċċ. Għalkemm din il-lista mhix waħda eżawrjenti, jistgħu jiġu identifikati l-forom ta’ garanzija li ġejjin:

[…]

garanziji mhux limitati għall-kuntrarju ta’ garanziji limitati fl-ammont u/jew fiż-żmien. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll bħala għajnuna fil-forma ta’ garanzija t-termini ta’ finanzjament aktar favorevoli akkwistati minn intrapriżi li l-forma legali tagħhom teskludi proċeduri ta’ falliment jew proċeduri oħra ta’ insolvenza jew tipprovdi b’mod espliċitu garanzija jew kopertura tat-telf mill-Istat. L-istess japplika għall-akkwist minn Stat ta’ holding f’intrapriża jekk ikun hemm aċċettazzjoni ta’ responsabbiltà mhux limitata minflok ir-responsabbiltà limitata normali,

[…]”

4

Il-punt 2.1 tal-avviż dwar il-garanziji, intitolat “Rimarki ġenerali”, jipprovdi:

“L-Artikolu [107(1) TFUE] jistipula li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, safejn tkun tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

Dawn il-kriterji ġenerali japplikaw ugwalment għall-garanziji. Fir-rigward ta’ forom oħra ta’ għajnuna potenzjali, garanziji mogħtija direttament mill-Istat, jiġifieri minn awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali, kif ukoll garanziji mogħtija permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat minn korpi oħra kontrollati mill-Istat bħal impriżi u imputabbli lil awtoritajiet pubbliċi, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, il-kunċett ta’ riżorsi ta’ l-Istat għandu għalhekk jiġi ċċarat fir-rigward tal-garanziji mill-Istat. Il-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat huwa li r-riskju assoċjat mal-garanzija jittieħed mill-Istat. It-teħid ta’ dan ir-riskju mill-Istat għandu normalment jiġi remunerat bi premium xieraq. Fejn l-Istat iċedi l-premium kollu jew parti minnu, ikun hemm kemm benefiċċju għall-impriża kif ukoll tnaqqis tar-riżorsi ta’ l-Istat. Għalhekk, anke jekk jirriżulta li qatt ma jsir pagament mill-Istat taħt garanzija, xorta waħda jista’ jkun hemm għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu [107(1) TFUE]. L-għajnuna tingħata fil-mument li ssir il-garanzija, mhux meta l-garanzija tiġi invokata u lanqas meta l-pagamenti jsiru skond it-termini tal-garanzija. Jekk garanzija tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat, u, jekk iva, x’jista’ jkun l-ammont ta’ dik l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat fil-mument meta tingħata l-garanzija.

[…]”

5

Skont il-punt 2.2 tal-Avviż dwar il-garanziji, intitolat “Għajnuna lil min jissellef”:

“Normalment, l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa min jisselleff. Kif indikat taħt il-punt 2.1, normalment it-teħid ta’ riksju għandu jitħallas permezz ta’ premju xieraq. Meta min jissellef mhuwiex meħtieġ li jħallas il-premju, jew iħallas premju baxx, dan jikseb vantaġġ. F’paragun ma’ sitwazzjoni mingħajr garanzija, il-garanzija mill-Istat tippermetti lil min jissellef biex jikseb termini finanzjarji aħjar għal self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. Tipikament, bil-benefiċċju tal-garanzija mill-Istat, min jissellef jista’ jikseb rati aktar baxxi u/jew joffri inqas sigurtà. F’xi każijiet, min jissellef ma jsibx, mingħajr garanzija mill-Istat, istituzzjoni finanzjarji li tkun lesta ssellef bi kwalunkwe termini. […]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni

6

IFP Énergies nouvelles (iktar’ il quddiem l-“IFPEN”) imsejjaħ qabel it-13 ta’ Lulju 2010 bħala Institut Français du Pétrole, huwa stabbiliment pubbliku Franċiż, inkarigat b’mod partikolari b’missjoni ta’ riċerka u ta’ żvilupp fl-oqsma tal-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass, tat-teknoloġija ta’ raffinar u tal-petrokimiċi, b’missjoni ta’ taħriġ għall-inġiniera u t-tekniċi kif ukoll b’missjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumentazzjoni tas-setturi.

7

Sal-2006, l-IFPEN kien ikkostitwit fil-forma ta’ persuna ġuridika tad-dritt privat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, taħt il-kontroll ekonomiku u finanzjarju tal-Gvern Franċiż.

8

Abbażi tal-loi no 2005-781, du 13 juillet 2005, de programme fixant les orientations de la politique énergétique (il-Liġi Nru 2005-781, tat-13 ta’ Lulju 2005, ta’ programm li jiffissa l-orjentazzjonijiet tal-politika enerġetika) (JORF tal-14 ta’ Lulju 2005, p. 11570), l-IFPEN ġie ttrasformat, b’effett mis-6 ta’ Lulju 2006, fi stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (iktar ’il quddiem “SPIK”).

9

Skont id-dritt Franċiż, l-iSPIK igawdu minn personalità ġuridika distinta mill-Istat, minn awtonomija finanzjarja u minn kompetenzi speċjali, li ġeneralment jinkludu l-eżerċizzju ta’ missjoni waħda jew iktar ta’ servizz pubbliku. Bħala persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku, dawn l-istabbilimenti ma jaqgħux taħt id-dritt komuni tal-proċeduri ta’ insolvenza skont il-prinċipju ġenerali li l-assi pubbliċi ma jistgħux ikunu suġġetti għal qbid.

10

Peress li l-ispeċifiċitajiet tal-istatus legali ta’ SPIK ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni, din, fid-Deċiżjoni 2010/605/UE tagħha tas-26 ta’ Jannar 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat C‑56/07 (ex E 15/05) mogħtija minn Franza lil Poste (ĠU 2010, L 274, p. 1, iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni ‘La Poste’”), eżaminat dan l-istatus fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat fl-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, wara li kkonstatat li, minħabba l-istatus tagħhom, l-iSPIK jibbenefikaw minn garanzija impliċita u illimitata tal-Istat, il-Kummissjoni qieset li, f’dan il-każ partikolari, tali garanzija kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li kienet tippermetti lil Poste li tikseb kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dawk li kienet tikseb kieku kellha tkun ikkunsidrata fuq il-merti tagħha biss.

11

Huwa fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni “La Poste” li l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni, matul l-2006, bit-trasformazzjoni tal-IFPEN f’persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat bħala SPIK. Din l-informazzjoni ġiet trażmessa lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa matul l-2005 u li tirrigwarda l-eżami, fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ta’ finanzjament pubbliku mogħti lill-IFPEN mill-awtoritajiet Franċiżi.

12

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tissepara l-eżami tal-kwistjoni jekk it-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK setgħetx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE mill-eżami tal-finanzjament pubbliku tal-IFPEN. B’hekk, minn naħa, fis-16 ta’ Lulju 2008, hija għalqet l-eżami tal-finanzjament pubbliku mogħti lil IFPEN bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2009/157/KE dwar il-miżura ta’ għajnuna implimentata minn Franza favur il-grupp IFP [C 51/05 (ex NN 84/05)] (ĠU 2009, L 53, p. 13). Madankollu, f’dak l-istess jum, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 259, p. 12), din iddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-garanzija illimitata mill-Istat Franċiż favur l-IFPEN u stiednet lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

13

Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

14

F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-ewwel lok, abbażi ta’ raġunament analogu għal dak li kienet adottat fid-deċiżjoni “La Poste”, li t-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK kienet tat lil dan l-istabbiliment, b’effett mis-6 ta’ Lulju 2006, il-benefiċċju ta’ garanzija illimitata u impliċita mill-Istat.

15

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat, essenzjalment, li l-partikolaritajiet marbuta mal-istatus ta’ SPIK kienu jimplikaw li l-Istat għandu r-rwol ta’ garanti finali fuq il-ħlas tad-djun tal-IFPEN. B’dan il-mod, hemm fl-istess waqt vantaġġ għal dan l-istabbiliment u piż fuq ir-riżorsi pubbliċi, għaliex l-Istat jirrinunzja għar-remunerazzjoni li normalment takkumpanja l-garanziji. Barra minn hekk, il-garanzija toħloq riskju ta’ impenn potenzjali u futur fuq ir-riżorsi tal-Istat, fejn dan jista’ jkun obbligat iħallas id-djun tal-IFPEN.

16

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-garanzija illimitata tal-Istat li tirriżulta mill-istatut ta’ SPIK tal-IFPEN setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sa fejn din kienet tkopri attivitajiet ekonomiċi tagħha. Din għalhekk iddeċidiet li tillimita l-portata tal-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat biss għall-attivitajiet ta’ natura ekonomika mwettqa minn IFPEN.

17

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat jekk din il-garanzija impliċita u illimitata tagħtix vantaġġ selettiv lill-IFPEN, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-relazzjonijiet tagħha mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, mal-fornituri kif ukoll mal-klijenti.

18

Qabel kollox, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan l-istabbiliment ma kienx ħa vantaġġ ekonomiku reali mill-garanzija tal-Istat inerenti għall-istatus tiegħu bħala SPIK matul il-perijodu mit-trasformazzjoni tiegħu fi SPIK, f’Lulju 2006, sal-aħħar tal-2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkonċernat”). Madankollu, din l-istituzzjoni enfasizzat li tali konklużjoni kienet tiswa biss għall-passat, peress li din ma setgħetx tippreżumi l-imġiba futura tal-operaturi tas-suq, u lanqas l-evoluzzjoni tal-perċezzjoni tal-impatt tal-garanzija tal-Istat fuq ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-IFPEN.

19

Sussegwentement, fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-fornituri, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-IFPEN kien ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, li jikkonsisti minn tnaqqis tal-prezzijiet applikati mill-fornituri tiegħu. Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet irriżulta minn evalwazzjoni iktar favorevoli minn dawn tal-aħħar tar-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas minn IFPEN, billi dan l-istabbiliment ma setax jitqiegħed f’likwidazzjoni ġudizzjarja minħabba l-istatus tiegħu ta’ SPIK. F’dan ir-rigward, din ikkunsidrat, essenzjalment, li fl-assenza tal-garanzija mill-Istat, fornitur li jkun jixtieq jibbenefika minn garanzija paragunabbli jkollu jirrikorri għas-servizzi ta’ stabbiliment ta’ kreditu jew ta’ assigurazzjoni speċjalizzat. Għalhekk, it-tnaqqis fil-prezzijiet seta’ jiġi stmat f’termini tal-ispiża tal-kopertura tar-riskju ekwivalenti.

20

Finalment, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet mal-klijenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tal-garanzija mogħtija mill-Istat lil IFPEN, il-klijenti tiegħu kienu assigurati li din tal-aħħar ma kienet qatt ser tkun f’sitwazzjoni ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, u għaldaqstant dejjem ser tkun tista’ tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha, jew, fl-ipoteżi li din ma tkunx tista’, li jirċievu kumpens għal dan in-nuqqas. Issa, fl-assenza ta’ din il-garanzija, klijent li jkun jixtieq jibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni jkun imġiegħel jissottoskrivi garanzija ta’ prestazzjoni ma’ intermedjarju finanzjarju. Għalhekk, IFPEN ibbenefika minn vantaġġ ekonomiku reali, konsistenti fl-assenza ta’ ħlas ta’ primjum korrispondenti għal garanzija ta’ prestazzjoni, tal-inqas, ta’ sforz aqwa, vantaġġ li din offriet lill-klijenti tiegħu.

21

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-vantaġġ ekonomiku miksub minn IFPEN minħabba l-garanzija tal-Istat kien selettiv, sa fejn il-kompetituri ta’ IFPEN, suġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza taħt il-liġi komuni, ma jibbenefikawx minn garanzija tal-Istat paragunabbli.

22

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mill-Istat billi ħadet kont tar-regoli esposti fil-qasam komunitarju tal-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni (ĠU 2006, C 323, p. 1). Din ikkonkludiet li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-“grupp IFPEN” kienet kompatibbli mas-suq intern, mingħajr preġudizzju għal xi kundizzjonijiet spjegati fid-deċiżjoni kkontestata.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

23

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fid-9 ta’ Settembru 2011 (Kawża T‑479/11) u fil-5 ta’ April 2012 (Kawża T‑157/12), ir-Repubblika Franċiża u IFPEN ippreżentaw kull wieħed rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.

24

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u IFPEN ikkritikaw lill-Kummissjoni talli kisret l-obbligi tal-prova dwar l-għajnuna mill-Istat u interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “vantaġġ selettiv”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

25

Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Diċembru 2013, il-Qorti Ġenerali ssospendiet il-proċedura fil-Kawżi T‑479/11 u T‑157/12 sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑559/12 P, dwar il-legalità tad-deċiżjoni “La Poste”.

26

Fit-3 ta’ April 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217).

27

B’deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2015, il-Qorti Ġenerali għaqdet il-Kawżi T-479/11 u T‑157/12 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

28

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikorsi ppreżentati mir-Repubblika Franċiża u minn IFPEN f’dawn il-kawżi u annullat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din kienet ikklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-garanzija li tirriżulta mill-istatus tal-IFPEN bħala SPIK u sa fejn hija kienet iddeterminat il-konsegwenzi ta’ din il-kwalifika. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

29

L-aggravji tas-sentenza appellata, rilevanti għal dan l-appell, huma essenzjalment dawn li ġejjin.

30

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali spjegat, fil-punti 78 sa 89 tas-sentenza appellata, li l-metodu magħżul mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE – li jikkonsisti fl-eżami tal-benefiċċju li IFPEN ħa mill-istatus tiegħu bħala SPIK fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, kif ukoll mal-fornituri u l-klijenti – ma kienx żbaljat.

31

Madankollu, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-mod li bih il-Kummissjoni kienet applikat dan il-metodu għall-każ partikolari kien jippreżenta nuqqasijiet kbar, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-allegat vantaġġ li minnu kien ibbenefika IFPEN minħabba l-garanzija illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus tiegħu ta’ SPIK, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u l-klijenti. B’mod partikolari, fil-punt 94 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li din il-garanzija kienet ħolqot għall-benefiċċju ta’ IFPEN “vantaġġ ekonomiku reali”, kienet ibbażata fuq raġunament purament ipotetiku.

32

B’hekk, minn naħa, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn IFPEN u l-fornituri tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 95 tal-istess sentenza, li, skont il-Kummissjoni, il-vantaġġ li dan l-istabbiliment seta’ ġibed mill-garanzija illimitata mill-Istat kien jikkonsisti fi tnaqqis fil-prezzijiet li l-fornituri tiegħu kienu tawh minħabba n-nuqqas ta’ riskju ta’ inadempjenza.

33

Madankollu, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-ebda element ma jipprova l-eżistenza, fuq is-suq ikkonċernat jew fil-ħajja kummerċjali b’mod ġenerali, ta’ fenomenu ta’ tnaqqis tal-prezzijiet konċess, mill-fornituri, lill-istabbilimenti li jgawdu minn garanzija tal-Istat kontra r-riskju ta’ insolvenza.

34

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet identifikat il-vantaġġ li dan l-istabbiliment seta’ jieħu mill-garanzija mill-Istat inerenti għall-istatus tiegħu bħala l-assenza ta’ ħlas ta’ primjum korrispondenti għal garanzija ta’ prestazzjoni jew ta’ sforz aqwa, vantaġġ li dan l-istabbiliment seta’ joffri lill-klijenti tiegħu.

35

Madankollu, fil-punt 114 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li tali raġunament kien jippreżupponi li, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-klijenti tal-istituti ta’ riċerka, bħall-IFPEN, jirrikorru għal dan it-tip ta’ garanziji sabiex jipproteġu ruħhom kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-kontroparti kontraenti tagħhom u li, fil-preżenza ta’ garanzija bħal dik li minnha jibbenefika l-IFPEN, il-klijenti tiegħu ma kellhomx bżonn li huma stess jakkwistaw garanzija ekwivalenti.

36

Issa, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element ta’ prova li jista’ juri n-natura fondata jew reali ta’ din l-ipoteżi.

37

Sussegwentement, fil-punti 133 sa 181 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni dwar il-portata u l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217).

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li l-possibbiltà li tintuża preżunzjoni bħala mezz ta’ prova tiddependi mill-plawżibbiltà tal-ipoteżijiet li din hija bbażata fuqhom u fakkret, fil-punti 139 u 140 ta’ din is-sentenza, li l-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), kienet ibbażata fuq premessa doppja, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset bħala plawżibbli, jiġifieri l-eżistenza ta’ influwenza favorevoli tal-garanzija fuq l-evalwazzjoni mill-kredituri tar-riskju ta’ inadempjenza tal-benefiċjarju u tnaqqis fl-ispiża tal-kreditu. Issa, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda element, fid-deċiżjoni kkontestata, li jista’ juri l-plawżibbiltà ta’ dawn l-ipoteżijiet, b’mod partikolari l-fatt li l-istatus ta’ SPIK ta’ IFPEN kien tali li jinċita lill-fornituri biex jaċċettaw tnaqqis fil-prezzijiet.

39

B’hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 142 tas-sentenza tagħha, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-preżunzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ fir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu. Fil-fatt, din il-preżunzjoni tippermetti biss li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ li jieħu s-sura ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli u għalhekk tapplika biss għar-relazzjonijiet bejn SPIK u l-istituzzjonijiet finanzjarji u bankarji.

40

Fil-punti 162 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll fuq l-argument imressaq mill-Kummissjoni, ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Unjoni fil-qasam, li jgħid li meta tevalwa skema ta’ għajnuna, din l-istituzzjoni tista’ tillimita ruħha sabiex tistudja l-karatteristiċi ġenerali tas-sistema inkwistjoni sabiex tivverifika jekk din tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat.

41

F’dan ir-rigward, mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-IFPEN u mir-Repubblika Franċiża kontra dan l-argument, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkwalifika l-garanzija inkwistjoni bħala “skema ta’ għajnuna”, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument imsemmi bħala infondat.

42

Fil-fatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, qieset li l-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK b’mod ġenerali taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, min-naħa l-oħra din iddeċidiet, fil-punti 169 sa 172 ta’ din is-sentenza, li t-trasformazzjoni ta’ IFPEN fi SPIK, sa fejn setgħet tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, tikkostitwixxi għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna li għandha tiġi nnotifikata, jiġifieri għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) ta’ dan ir-regolament.

43

Finalment, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, fil-punt 187 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni setgħet, fil-prinċipju, tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217). Madankollu, fil-punti 188 u 189 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din il-preżunzjoni kienet ġiet ikkonfutata mill-Kummissjoni stess, peress li din kienet ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li IFPEN ma kien ħa l-ebda vantaġġ ekonomiku reali fil-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli li ngħataw lilu mill-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji minħabba l-istatus tiegħu ta’ SPIK. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan, fil-punt 190 ta’ din is-sentenza, li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni kien wera li l-IFPEN ma kien kiseb l-ebda benefiċċju mit-trasformazzjoni tiegħu fi SPIK fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji matul il-perijodu kkonċernat.

44

Skont ir-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 197 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx, fid-deċiżjoni kkontestata, ipprovat l-eżistenza ta’ vantaġġ li IFPEN seta’ kiseb mill-garanzija tal-Istat marbuta mal-istatus ta’ SPIK tiegħu, kemm fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji kif ukoll f’dawk mal-fornituri u mal-klijenti.

45

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(3) sa (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li bihom il-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-garanzija li tirriżulta mill-istatus ta’ SPIK ta’ IFPEN bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u ddeterminat il-konsegwenzi ta’ dik il-klassifikazzjoni.

It-talbiet tal-partijiet

46

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami ġdid;

tirriżerva l-ispejjeż tal-istanza.

47

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48

L-IFPEN jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-appell

49

Il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Fuq l-ewwel aggravju

50

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, maqsum fi tliet partijiet, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta pprekludietha milli tillimita l-eżami tagħha għall-karatteristiċi ġenerali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u li kkonkludiet b’mod żbaljat li l-garanzija li jibbenefika minnha IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, billi bbażat ruħha fuq l-assenza ta’ vantaġġ reali għal dan l-istabbiliment fil-passat (l-ewwel u t-tieni partijiet). Il-Kummissjoni tilmenta wkoll li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha billi laqgħet ilment li ma ġiex imqajjem minn IFPEN u li ma kienx suffiċjentement iddettaljata mir-Repubblika Franċiża (it-tielet parti).

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

51

Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, indirizzat kontra l-punti 162 u 164, kif ukoll kontra l-punti 168 sa 173 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-garanzija li jibbenefika minnha IFPEN ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” msemmija fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999 u li, konsegwentement, hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-karatteristiċi ġenerali ta’ din il-garanzija biex turi li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

52

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li dan il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” jkopri miżuri li huma kkaratterizzati bil-fatt li ċerti elementi ma humiex iddefiniti u jibqgħu indeterminati fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, u f’ċerti każijiet, saħansitra waqt l-applikazzjoni tagħhom. B’hekk, meta l-Kummissjoni tistudja l-portata ta’ tali miżuri sabiex tiddetermina jekk dawn jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija tista’ tillimita ruħha sabiex teżamina l-karatteristiċi ġenerali tagħhom.

53

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li l-garanzija tal-Istat li minnha jgawdi IFPEN, li ma hijiex marbuta ma’ proġett speċifiku u li ngħatat lilha għal perijodu u f’ammont indeterminati, għandha tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ għajnuna”. Skont il-Kummissjoni, dan huwa każ, b’mod partikolari, ta’ “skema ta’ skemi ta’ għajnuna”, għaliex l-għoti tal-garanzija lill-IFPEN minnha nnifisha tappartjeni lil skema ta’ għajnuna iktar vasta, jiġifieri l-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat marbuta bil-liġi mal-istatus ta’ SPIK.

54

Il-Kummissjoni tikkontesta, għalhekk, l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 168 sa 170 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK għandha tiġi kklassifikata bħala “skema ta’ għajnuna”, peress li r-rikonoxximent tal-istatus ta’ SPIK, bl-għoti tal-garanzija li tirriżulta minnu, tikkostitwixxi għajnuna individwali li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

55

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li, kuntrarjament għall-konstatazzjoni li tidher fil-punt 171 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżit ta’ notifika tal-għajnuna xejn ma jipprova li l-garanzija li jgawdi minnha l-IFPEN ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna. Fil-fatt, kemm l-iskemi ta’ għajnuna kif ukoll l-għajnuna individwali għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

56

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha l-effett li ċċaħħadha mill-possibbiltà li tadotta miżuri effettivi sabiex titlob lill-awtoritajiet Franċiżi li jtemmu l-garanzija għal SPIK determinat. Fil-fatt, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri utli biss għall-iskemi ta’ għajnuna, u mhux għajnuna individwali.

57

L-IFPEN isostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija manifestament inammissibbli minn żewġ naħat.

58

F’dan ir-rigward, l-IFPEN jinnota, l-ewwel nett, li r-raġunament espost mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq interpretazzjoni innovattiva tal-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna”, li tgħid li l-garanzija li minnha jgawdi l-IFPEN hija “skema ta’ skemi ta’ għajnuna”. B’hekk, l-ewwel parti hija bbażata fuq argument ġdid li ma jistax jiġi ammess fl-istadju tal-appell, fid-dawl tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

59

It-tieni nett, l-IFPEN jirrileva li, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 164 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kkontestata ma kkwalifikatx bħala “skema ta’ skemi ta’ għajnuna” l-għoti tal-garanzija favur l-IFPEN. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tar-regoli tal-liġi sostantiva u proċedurali tal-Unjoni li jeskludu li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li l-miżura eżaminata tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna.

60

Fuq il-mertu, l-IFPEN kif ukoll il-Gvern Franċiż jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Minn naħa, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, “skema tal-għajnuna” tfisser kwalunkwe att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa iżjed miżuri ta’ implimentazzjoni, l-għotjiet tal-għajnuna individwali jistgħu jsiru lill-impriżi ddefiniti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kwalunwke att li abbażi tiegħu l-għajnuna mhux marbuta ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lill-impriża waħda jew diversi għal perijodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit.

62

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(e) ta’ dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “għajnuna individwali” bħala kull għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna, jew li tingħata abbażi ta’ skema ta’ għajnuna li għandha tkun innotifikata.

63

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tista’, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, tillimita ruħha biex teżamina l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari sabiex tivverifika jekk din l-iskema tinkludix elementi ta’ għajnuna (sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 130, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 122).

64

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 169 sa 172 tas-sentenza appellata, li l-garanzija li jibbenefika minnha l-IFPEN ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna u li l-Kummissjoni ma setgħetx, għaldaqstant, tibbaża ruħha fuq il-karatteristiċi ġenerali ta’ din il-miżura sabiex turi li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li l-miżura eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx, b’mod ġenerali, il-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK, iżda, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 21 sa 24 ta’ din id-deċiżjoni, miżura speċifika, jiġifieri t-trasformazzjoni ta’ IFPEN fi SPIK.

66

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ma tinkludi ebda dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha tista’ tingħata għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, din il-miżura tillimita ruħha biex tippermetti lil persuna ġuridika partikolari, f’dan il-każ lill-IFPEN, il-benefiċċju ta’ garanzija illimitata u impliċita tal-Istat marbut mal-istatus ta’ SPIK, li jinvolvi l-għoti lil dan l-operatur ta’ tali garanzija.

67

Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-miżura msemmija ma taqax taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” msemmija fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999.

68

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, skont l-IFPEN, li, peress li l-Kummissjoni għamlet l-għażla li tanalizza l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna individwali ad hoc, huwa fid-dawl ta’ din il-klassifikazzjoni waħedha li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

69

B’mod partikolari, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 171 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 256 sa 259 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika, u li, billi t-tibdil tal-istatus tal-IFPEN ma kienx ġie formalment innotifikat lilha, iżda biss indikat b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ proċedura oħra, dan l-obbligu ma kienx ġie osservat mill-awtoritajiet Franċiżi, b’mod li t-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK kienet tikkostitwixxi għajnuna illegali.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 172 tas-sentenza appellata, li, sa fejn it-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK setgħet tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, hija tikkostitwixxi għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna li kellha tiġi nnotifikata, jiġifieri għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament Nru 659/1999.

71

Barra minn hekk, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” ma tistax tinvalida din il-konklużjoni, peress li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali kunċett huwa assenti mir-Regolament Nru 659/1999. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar, li jelenka l-kategoriji differenti ta’ għajnuna, jillimita ruħu biex jiddefinixxi l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali, mingħajr ma jipprevedi l-possibbiltà li miżura li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” msemmija fl-Artikolu 1(d) tal-imsemmi regolament, tista’ tkun tappartjeni, fiha nnifisha, għal skema ta’ għajnuna iktar wiesgħa.

72

L-istess japplika għall-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-klassifikazzjoni tat-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK bħala “għajnuna individwali”, stabbilita mill-Qorti Ġenerali, għandha bħala effett li ċċaħħadha mill-possibbiltà li tadotta miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 108(1) TFUE, sabiex titlob lill-awtoritajiet Franċiżi li jwaqqfu l-garanzija għal SPIK partikolari.

73

F’dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi osservat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura ta’ għajnuna individwali tal-miżura eżaminata, li jinsabu fil-punti 169 sa 172 tas-sentenza appellata, huma bbażati fuq iċ-ċirkustanzi speċifiċi relatati mat-trasformazzjoni tal-IFPEN fi SPIK, u ma humiex, fil-prinċipju, trasponibbli għall-istabbilimenti kollha ta’ dan it-tip.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, din il-parti għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

75

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK ma tagħtix vantaġġ lill-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, billi bbażat ruħha biss fuq l-assenza ta’ vantaġġ reali għal dan l-istabbiliment f’dawn ir-relazzjonijiet matul il-perijodu kkonċernat.

76

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva, qabel kollox, li peress li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk din il-garanzija kinitx, fid-dawl tan-natura ġenerali tagħha, tista’ tagħti vantaġġ lill-IFPEN fil-futur, u dan indipendentement min-nuqqas ta’ benefiċċju reali f’termini ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu matul il-perijodu kkonċernat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li hija eżaminat l-effetti reali tal-garanzija fuq dak il-perijodu bl-uniku skop li tivverifika jekk vantaġġ konkret kienx immaterjalizza ruħu fuq dak il-perijodu u mhux biex tfittex jekk il-garanzija kinitx tikkostitwixxi jew le għajnuna mill-Istat, kwistjoni li kienet tiddependi esklużivament fuq l-evalwazzjoni tal-impatti potenzjali ta’ dik il-miżura.

77

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali iwassal sabiex jingħata trattament iktar favorevoli lill-Istati Membri li ma jinnotifikawx l-għoti ta’ garanziji illimitati meta mqabbla ma’ dawk li jagħmlu dan skont l-Artikolu 108 TFUE, filwaqt li, skont prinċipju stabbilit fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri tal-ewwel ma jistgħux jiġu ppreferuti meta mqabbla ma’ dawk tal-aħħar.

78

Fil-fatt, meta Stat Membru jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħti garanzija ta’ dan it-tip, billi hija ma tistax tkun taf l-effetti reali tal-miżura, il-Kummissjoni teżamina biss l-effetti potenzjali tagħha. Jekk, bil-kontra, Stat Membru jagħti tali garanzija mingħajr ma jinnotifikaha minn qabel, dan jista’ mbagħad juri li din il-miżura ma pproduċietx effett konkret u, għaldaqstant, jeskludi l-klassifika tagħha bħala “għajnuna mill-Istat”. Minħabba f’hekk, l-Istati Membri jiġu inkoraġġiti sabiex ma jinnotifikawx l-għoti ta’ garanziji illimitati.

79

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jitqies li l-garanzija li jibbenefika minnha l-IFPEN ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna, iżda għajnuna individwali, il-Qorti Ġenerali kellha tibbaża l-analiżi tagħha fuq l-effetti potenzjali tal-garanzija, jiġifieri fuq l-effetti li din il-miżura kienet tista’ tipproduċi.

80

L-IFPEN u l-Gvern Franċiż jikkontestaw dan l-argument.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, hekk kif ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999.

82

Għaldaqstant, kien ġustament li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li l-ġurisprudenza dwar l-obbligi probatorji imposti fuq il-Kummissjoni fil-qasam ta’ skemi ta’ għajnuna ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

84

Fir-rigward tal-argument invokat sussidjarjament mill-Kummissjoni, għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif issostni din tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita l-eżami tagħha għall-impatt potenzjali li l-miżura inkwistjoni kienet kapaċi toħloq u li din kellha wkoll teżamina l-effetti reali li kienet tipproduċi l-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK.

85

Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata.

86

Fil-fatt, fil-punti 79 u 182 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet aċċettat li, matul il-perijodu kkonċernat, l-IFPEN ma kienx ħa vantaġġ ekonomiku reali mill-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu ta’ SPIK fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, fil-premessa 199 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet osservat li l-vantaġġ potenzjali li l-IFPEN seta’ ħa mill-garanzija illimitata fil-forma ta’ rata tas-suq iktar favorevoli ma kienx seħħ matul il-perijodu rilevanti.

87

Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni sempliċi fis-sens tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), li tgħid li l-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti għall-istatus ta’ SPIK twassal għal titjib fil-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja kkonċernata, kienet ġiet ikkonfutata f’dan il-każ.

88

B’hekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma indikat li hija kellha tivverifika l-impatt reali tal-miżura inkwistjoni fuq il-perijodu kkunsidrat sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tirrileva li, peress li l-Kummissjoni stess kienet ikkonstatat in-nuqqas ta’ effetti reali fuq dan il-perijodu, il-preżunzjoni sempliċi stabbilita permezz tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), kienet ikkonfutata.

89

Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

90

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet lil hinn mill-motivi mressqa mill-partijiet f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

91

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-analiżi tagħha dwar l-eżistenza ta’ tali vantaġġ ma kienet is-suġġett ta’ ebda kritika min-naħa tal-IFPEN fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Min-naħa tar-Repubblika Franċiża, din illimitat ruħha sabiex tikkontesta l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ għall-motiv biss li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat dan, mingħajr ma ressqet l-ebda argument insostenn ta’ din il-pretensjoni.

92

Konsegwentement, billi laqgħet ilment li ma kienx tqajjem minn waħda mill-partijiet rikorrenti fl-ewwel istanza u li kien tqajjem biss b’mod insuffiċjentement iddettaljat mill-parti rikorrenti l-oħra, il-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-kompetenza ġudizzjarja tagħha.

93

L-IFPEN u l-Gvern Franċiż jikkontestaw dan l-argument.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94

Għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li mill-punti 58 u 185 tas-sentenza appellata, jirriżulta li r-Repubblika Franċiża effettivament ikkontestat, fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

95

Bl-istess mod, hekk kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-IFPEN ikkontesta diversi drabi, fir-rikors u fir-replika tiegħu ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ tali vantaġġ.

96

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

97

Peress li ma ntlaqgħat ebda parti mill-ewwel aggravju, dan għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

98

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, essenzjalment, kontra l-punti 134 sa 137 u 188 sa 193 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, wettqet żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-portata tal-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), u, min-naħa l-oħra, talli b’mod żbaljat ikkunsidrat li din il-preżunzjoni kienet, f’dan il-każ, ġiet ikkonfutata fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

99

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni tfakkar, qabel kollox, li, skont din is-sentenza, hija ma hijiex marbuta li turi l-effetti reali ta’ garanzija biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ fi ħdan l-entità li tibbenefika mill-istatus ta’ SPIK. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, hija tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni sempliċi, li tirriżulta mill-garanzija nnifisha.

100

Sussegwentement, il-Kummissjoni tirrileva li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, fil-punti 188 sa 192 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni ta’ vantaġġ kienet ġiet ikkonfutata minħabba n-nuqqas ta’ effett reali fuq ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji matul il-perijodu kkonċernat, peress li din l-aħħar ċirkustanza ma kinitx biżżejjed sabiex tikkonfuta lil din il-preżunzjoni. Sabiex jiġi stabbilit li l-preżunzjoni msemmija ġiet ikkonfutata, kien jeħtieġ li jintwera li l-garanzija inkwistjoni ma setgħetx, minħabba l-karatteristiċi tal-IFPEN, fil-futur iġġib vantaġġ lil dan l-istabbiliment fir-relazzjonijiet tiegħu mal-operaturi msemmija.

101

Finalment, il-Kummissjoni tikkonkludi li, billi b’hekk naqqset il-portata tal-preżunzjoni ta’ vantaġġ, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, kif ukoll ir-regoli dwar il-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

102

L-IFPEN u r-Repubblika Franċiża jikkontestaw dan l-argument.

103

L-IFPEN josserva li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-preżunzjoni li tirriżulta mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217).

104

L-IFPEN jenfasizza li din il-preżunzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li jgħid li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li miżura tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Tali preżunzjoni għandha għalhekk tiġi interpretata ristrettivament u, sussegwentement, għandha tiġi applikata biss meta l-eżistenza ta’ vantaġġ reali tkun plawżibbli.

105

L-IFPEN iżid li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx ir-raġunijiet għalfejn huwa plawżibbli li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-IFPEN. Minħabba f’hekk, id-deċiżjoni msemmija ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 296 TFUE.

106

Fir-rigward tal-inverżjoni tal-preżunzjoni, l-IFPEN josserva li l-Qorti Ġenerali rrilevat ġustament, fil-punti 189 sa 192 tas-sentenza appellata, li matul il-perijodu kkonċernat, dak l-istabbiliment ma kien ħa ebda benefiċċju mill-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu ta’ SPIK fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda element li jista’ jistabbilixxi l-possibbiltà ta’ tibdil fis-sitwazzjoni wara l-2010, li wassal lill-IFPEN sabiex jissellef somom b’kundizzjonijiet differenti minn dawk tas-suq.

107

Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Franċiża tqis li t-tieni aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat. F’dan ir-rigward, dan il-gvern jirreferi, essenzjalment, għall-argumenti żviluppati fil-kuntest tar-risposta tiegħu għat-tieni parti tal-ewwel aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punt 13).

109

Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tielet minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tista’ tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

Għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 71 tas-sentenza appellata, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill-Istat jirriżulta li l-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkriminanti b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63).

111

Madankollu, mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punti 9899) jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tinvoka preżunzjoni sempliċi li tipprovdi li l-għoti ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur impriża li ma hijiex suġġetta għall-proċeduri normali ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ iwassal għal titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma imposti fuq il-baġit tagħha. B’hekk, fil-kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna eżistenti, sabiex jiġi pprovat il-vantaġġ mogħti permezz ta’ tali garanzija lill-impriża benefiċjarja, huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza stess ta’ din il-garanzija, mingħajr ma jkollha bżonn turi l-effetti reali prodotti minnha mill-mument tal-għoti tagħha.

112

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji ta’ liġi meta ddefinixxiet il-portata tal-preżunzjoni sempliċi tal-eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), u, konsegwentement, li din kienet ġiet ikkonfutata f’dan il-każ.

113

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, enfasizzat li l-possibbiltà li tintuża preżunzjoni bħala mezz ta’ prova tiddependi mill-plawżibbiltà tal-ipoteżijiet li din hija bbażata fuqhom. B’mod partikolari, il-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) hija bbażata fuq il-premessa doppja, li l-plawżibbiltà tagħha hija aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li, minn naħa, l-eżistenza ta’ garanzija tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru għandha influwenza favorevoli fuq l-evalwazzjoni mill-kredituri tar-riskju ta’ inadempjenza tal-benefiċjarju ta’ din il-garanzija u, min-naħa l-oħra, din l-influwenza favorevoli tfisser tnaqqis tal-prezz tal-kreditu.

114

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 188 sa 190 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet, f’dan il-każ, ġiet ikkonfutata, peress li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni kien wera li, matul il-perijodu kkonċernat, l-IFPEN ma kienx kiseb vantaġġ ekonomiku reali mill-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK tiegħu.

115

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 134 sa 137 u 188 sa 190 tas-sentenza tagħha huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi.

116

Fil-fatt, hekk kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 123 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li l-IFPEN igawdi minn garanzija tal-Istat kien ta’ natura li jippermetti lill-Kummissjoni li tinvoka l-preżunzjoni ta’ vantaġġ, kif stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), peress li din il-preżunzjoni hija bbażata fuq l-idea li, permezz tal-garanzija marbuta mal-istatus, SPIK jibbenefika jew jista’ jibbenefika minn kondizzjonijiet finanzjarji iktar vantaġġużi minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. B’hekk, biex tinvoka din il-preżunzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi l-effetti reali prodotti mill-garanzija inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 99).

117

B’hekk, għalkemm huwa minnu li tali preżunzjoni hija biss preżunzjoni sempliċi, u għaldaqstant konfutabbli, madankollu tista’ tiġi kkonfutata biss billi jintwera li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih tinsab il-garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK ikkonċernat, dan tal-aħħar ma ngħatax fil-passat u, skont kull plawżibbiltà, fil-futur mhux ser jikseb xi vantaġġ ekonomiku reali minn din il-garanzija.

118

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 134 sa 137 u 188 sa 190 tas-sentenza appellata, l-unika ċirkustanza li l-benefiċjarju ta’ tali garanzija fil-passat ma ħa l-ebda vantaġġ ekonomiku reali mill-istatus tiegħu ta’ SPIK ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

119

Konsegwentement, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata, li l-possibbiltà li tiġi invokata l-preżunzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ effetti reali fil-konfront tal-benefiċjarju tal-garanzija, u, sussegwentement, fil-punti 188 sa 190 ta’ din is-sentenza, li, fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, l-imsemmija preżunzjoni kienet ikkonfutata.

120

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tieni aggravju jintlaqa’.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

121

Permezz tat-tielet aggravju tagħha dirett kontra l-punti 134 sa 161 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li hija ma setgħetx tinvoka preżunzjoni sempliċi tal-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-IFPEN fil-kuntest tar-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu.

122

Skont il-Kummissjoni, tali konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija bbażata, essenzjalment, minn naħa, fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), u tal-Avviż dwar il-Garanziji, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq l-allegat nuqqas ta’ influwenza plawżibbli tal-garanzija fuq ir-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri u l-klijenti tiegħu.

123

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), il-Kummissjoni ssostni li minn din is-sentenza bl-ebda mod ma jirriżulta li l-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ma tistax tapplika għar-relazzjonijiet ta’ SPIK mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu. F’dan ir-rigward, din tenfasizza li l-vantaġġ identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza msemmija hija bbażata fuq żewġ elementi, jiġifieri t-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ kreditu u n-nuqqas ta’ ħlas mill-iSPIK tal-primjum xieraq li jikkorrispondi għat-teħid ta’ riskju sostnut mill-Istat. Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet bejn SPIK, bħall-IFPEN, u l-kredituri kummerċjali tiegħu.

124

Barra minn hekk, il-fatt li s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), u l-Avviż dwar il-garanziji jirreferu, fil-kuntest tal-eżami tal-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ, biss għal self mogħti minn stabbilimenti bankarji jew finanzjarji ma jeskludix li l-imsemmija preżunzjoni tista’ tiġi applikata wkoll fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ SPIK mal-kredituri kummerċjali tiegħu, sa fejn huwa biss bħala eżempju li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, wettqet tali referenza.

125

Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-allegata assenza ta’ influwenza plawżibbli tal-garanzija fuq ir-relazzjonijiet ta’ SPIK bħall-IFPEN mal-fornituri u l-klijenti tiegħu, il-Kummissjoni tinnota, qabel kollox, li ma jistax jiġi raġonevolment sostnut li l-kredituri kummerċjali huma b’mod ġenerali indifferenti għar-rimbors tal-krediti tagħhom. B’mod kuntrarju, f’kull operazzjoni ta’ kreditu, kemm jekk ikun kreditu finanzjarju jew kreditu kummerċjali, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ rimbors huwa element li għandu piż fuq ir-relazzjoni bejn il-kontropartiijiet kontraenti. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-assigurazzjoni għal kreditur kummerċjali tal-IFPEN li sejjer jiġi rimborsat il-kreditu tiegħu mill-Istat f’każ ta’ nuqqas min-naħa tal-IFPEN għandu, fil-prinċipju, importanza mhux żgħira għal dan il-kreditur.

126

Sussegwentement, il-Kummissjoni tosserva li, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-plawżibbiltà tal-ipoteżi ta’ influwenza favorevoli mill-eżistenza ta’ garanzija Statali fuq ir-relazzjonijiet tal-IFPEN mal-fornituri tiegħu, li kienet twassal għal prezzijiet iktar baxxi min-naħa ta’ dawn tal-aħħar, ma kinitx evidenti fiha nnifisha. Issa, skont il-Kummissjoni, għalkemm tnaqqis fil-prezz jista’ tirriżulta minn numru ta’ fatturi u mhux biss mill-eżistenza ta’ garanzija marbuta mal-istatus ta’ SPIK, madankollu ma għandhiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) dwar ir-relazzjoni ta’ SPIK mal-fornituri tiegħu.

127

L-IFPEN isostni li, permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni trid fir-realtà tikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ prova mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 90 sa 131 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

128

Fuq il-mertu, l-IFPEN kif ukoll ir-Repubblika Franċiża jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni.

129

L-IFPEN josserva li, sa fejn l-għoti tal-garanzija inerenti fl-istatus ta’ SPIK jikkostitwixxi għajnuna individwali u li l-preżunzjoni stabbilita bis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet korrettament, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha teżamina l-effetti reali tal-garanzija, sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-IFPEN.

130

Barra minn hekk, l-IFPEN isostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fl-appell tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, din ma identifikatx vantaġġ fil-konfront tal-kredituri tiegħu, b’mod partikolari l-fornituri u l-klijenti tiegħu.

131

F’dan ir-rigward, dan jenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-appell tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, minn naħa, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-fornituri tiegħu, li dawn tal-aħħar huma eżentati milli jħallsu kummissjoni fuq il-fattorat biex jittrasferixxu krediti tagħhom lejn l-IFPEN, peress li huma jibbenefikaw mill-garanzija impliċita tal-Istat, u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, li, permezz tal-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu ta’ SPIK, l-IFPEN seta’ joffri lill-klijenti tiegħu garanzija ta’ eżekuzzjoni tajba jew tal-aħjar sforzi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat korrettament, fil-punti 99 sa 108 u fil-punti 111 sa 120 tas-sentenza appellata, li l-ipoteżi invokata mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-allegat vantaġġ għall-IFPEN fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti u l-fornituri tiegħu, kienet teoretika u mhux plawżibbli.

132

Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat. Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, il-Qorti Ġenerali kellha raġun li ma testendix din il-garanzija għar-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-fornituri u l-klijenti tiegħu.

133

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tfakkar li l-preżunzjoni stabbilita mis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) ma hijiex ibbażata fuq ipoteżi dwar ir-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-fornituri jew mal-klijenti tiegħu, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tinvokaha f’tali ċirkustanzi.

134

F’kull każ, kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 136 tas-sentenza appellata, il-possibbiltà ta’ rikors għal tali preżunzjoni bħala metodu ta’ prova tiddependi fuq il-plawżibbiltà tal-ipoteżijiet li din hija bbażata fuqhom.

135

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, minn naħa, fuq l-ipoteżi li tgħid li l-iSPIK li jibbenefika minn garanzija tal-Istat jgawdi minn tnaqqis fil-prezzijiet mogħtija mill-fornituri tiegħu. Issa, il-Qorti Ġenerali nnotat korrettament li tnaqqis fil-prezzijiet fir-relazzjonijiet bejn fornitur u l-iSPIK ikkonċernat huwa bbażat fuq pluralità ta’ fatturi, b’mod partikolari l-volum tal-ordnijiet magħmula, it-termini ta’ ħlas konċessi mill-fornitur, jew it-tul tar-relazzjonijiet kuntrattwali. Għalhekk, tnaqqis fil-prezzijiet ma jirriżultax mill-eżistenza ta’ garanzija tal-awtoritajiet pubbliċi favur l-iSPIK.

136

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-IFPEN u l-klijenti tiegħu, l-Istat Membru msemmi jsostni li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ddefinietx il-vantaġġ li jirriżulta għall-IFPEN mill-eżistenza tal-garanzija tal-Istat u li, għaldaqstant, il-preżunzjoni li hija xtaqet tinvoka kienet, f’dan ir-rigward, nieqsa mis-suġġett. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni ma wrietx kif il-garanzija impliċita u illimitata tal-Istat inerenti fl-istatus ta’ SPIK għandha bħala konsegwenza titjib fil-pożizzjoni tiegħu fir-relazzjonijiet tiegħu mal-klijenti tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

137

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-IFPEN, il-Kummissjoni ma tipprovax, permezz tat-tielet aggravju tagħha, tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-fatti u tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

138

Fil-fatt, permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 134 sa 160 tas-sentenza appellata, li hija ma setgħetx tinvoka l-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), sabiex turi l-eżistenza, għall-benefiċċju tal-IFPEN, fir-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu, ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija tal-Istat.

139

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament l-eżistenza ta’ preżunzjoni sempliċi ta’ vantaġġ marbut mal-garanzija relatata mal-istatus ta’ SPIK f’dak li jikkonċerna biss ir-relazzjonijiet li dan ikollu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji. Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 168 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din is-sentenza ma jirriżultax li tali preżunzjoni ma tistax, bħala prinċipju, tapplika għal relazzjonijiet oħra tal-iSPIK, b’mod partikolari għal dawk eżistenti mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu.

140

Qabel kollox, kuntrarjament għal dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 147 tas-sentenza appellata, ma tista’ tinsilet ebda kunsiderazzjoni utli mill-fatt li, fid-deċiżjoni “La Poste”, li kienet ikkontestata fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), il-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ favur l-iSPIK kienet saret mill-Kummissjoni billi eżaminat biss ir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, mingħajr ma wettqet l-eżami tar-relazzjonijiet tiegħu mal-fornituri u l-klijenti. Fil-fatt, tali ċirkustanza bl-ebda mod ma ġiet identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 94 sa 99 ta’ din l-aħħar sentenza, fejn il-preżunzjoni sempliċi ta’ vantaġġ marbut mal-garanzija relatata mal-istatus ta’ SPIK ġiet stabbilita.

141

It-tieni nett, fir-rigward tal-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali ġibdet, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, mir-riferenza għas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 96 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), għandu jiġi enfasizzat li, fl-ewwel minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-qrati nazzjonali kienu kompetenti sabiex jannullaw, abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE, garanzija tal-Istat, f’sitwazzjoni li fiha għajnuna illegali kienet ġiet eżegwita permezz ta’ din il-garanzija, li kienet ingħatat minn awtorità pubblika sabiex tkopri self mogħti minn kumpannija finanzjarja għall-benefiċċju ta’ impriża li ma kinitx tista’ tikseb tali finanzjament taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

142

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814), il-kwalifika tal-garanzija pprovduta mill-awtorità pubblika bħala “għajnuna mill-Istat” favur min jissellef ma ġietx diskussa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li kien stabbilit li, fil-mument tal-kostituzzjoni tal-garanzija msemmija, min jissellef kien diġà jinsab f’diffikultà, b’mod li, fin-nuqqas ta’ tali garanzija, ma kienx ikun kapaċi jikseb finanzjament fis-suq tal-kapitali.

143

B’hekk, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 152 tas-sentenza appellata, ir-referenza għal din is-sentenza ma tagħti l-ebda indikazzjoni utli dwar il-portata tal-preżunzjoni sempliċi ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217).

144

Bl-istess mod, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma setgħet tasal għal ebda konklużjoni fuq il-portata tal-imsemmija preżunzjoni mir-referenza magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 97 tas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), fil-punti 1.2, 2.1 u 2.2 tal-Avviż dwar il-garanziji.

145

Ċertament, huwa minnu li dawn il-punti tal-Avviż dwar il-garanziji jirreferu biss għall-vantaġġ li l-benefiċjarju ta’ garanzija tal-Istat jista’ jieħu fil-forma ta’ kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli, bħal rata ta’ self iktar baxxa jew ta’ rekwiżiti inqas stretti f’termini ta’ kollateral. Madankollu, ir-referenza magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-imsemmija punti tal-Avviż dwar il-garanziji kienet iġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), li fiha kien biss inkwistjoni l-vantaġġ li l-iSPIK inkwistjoni seta’ jikseb mill-garanzija li tirriżulta mill-istatus tiegħu fir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

146

Finalment, għandu jiġi rrilevat li l-argument li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tagħmel, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, mill-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), b’mod partikolari fil-punt 104 tagħha, huwa, minn tal-inqas, nieqes miċ-ċarezza. Fil-fatt, ma jistax jinftiehem kif dawn l-osservazzjonijiet jikkonfermaw, hekk kif il-Qorti Ġenerali madankollu stabbilixxiet, li l-modalità ta’ prova ssimplifikata aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi jekk garanzija impliċita u illimitata tal-Istat, inerenti għall-istatus ta’ SPIK, tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku hija applikabbli biss fil-każ ta’ persuna li tissellef li, permezz tal-imsemmija garanzija, tibbenefika minn rata ta’ interessi iktar baxxa jew tista’ tipprovdi inqas sigurtà.

147

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ vantaġġ stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), hija kkonfinata għar-relazzjonijiet li jinvolvu tranżazzjoni ta’ finanzjament, self jew, b’mod iktar wiesa’, kreditu min-naħa tal-kreditur ta’ SPIK, b’mod partikolari għar-relazzjonijiet bejn dan l-iSPIK u l-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

148

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi milqugħ.

149

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li din is-sentenza lanqas ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-preżunzjoni msemmija tista’ tiġi estiża, b’mod awtomatiku, għar-relazzjonijiet ta’ SPIK mal-fornituri u mal-klijenti tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat, minn qabel, jekk, fid-dawl tal-imġiba tal-imsemmija parteċipanti, il-vantaġġ li l-istabbiliment jista’ jikseb minnu huwiex simili għal dak li huwa jikseb mir-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

150

Fil-fatt, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, il-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217), hija bbażata fuq l-ipoteżi li tgħid li, permezz tal-garanzija marbuta mal-istatus tiegħu, SPIK ikkonċernat jibbenefika jew jista’ jibbenefika minn kondizzjonijiet finanzjarji iktar vantaġġużi minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. B’hekk, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni msemmija għar-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-fornituri u mal-klijenti tkun iġġustifikata biss sa fejn tali kundizzjonijiet iktar vantaġġużi jkunu jinsabu wkoll fir-relazzjonijiet ma’ dawn tal-aħħar fis-swieq ikkonċernati.

151

Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tipprova tapplika l-preżunzjoni imsemmija, hija għandha teżamina l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jinsab is-suq affettwat mir-relazzjonijiet inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni hija marbuta li tivverifika jekk l-aġir tal-atturi fis-suq ikkonċernat jiġġustifikax ipoteżi ta’ vantaġġ analogu għal dak li jinsab fir-relazzjonijiet tal-iSPIK mal-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji.

152

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata peress li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(3) sa (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

153

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni.

154

Peress li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża dwar l-argumenti li fuqhom huma bbażati t-tieni u t-tielet aggravji, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex dawn jiġu diskussi.

Fuq l-ispejjeż

155

Peress li l-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Mejju 2016, Franza u IFP Énergies nouvelles vs Il-Kummissjoni (T‑479/11 u T‑157/12, EU:T:2016:320), hija annullata sa fejn, biha, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1(3) sa (5), kif ukoll l-Artikoli 2 sa 12 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/26/UE tad-29 ta’ Ġunju 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 35/08 (eks-NN 11/08) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku “Institut Français du Pétrole”.

 

2)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.