SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Artikolu 3(4) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikoli 5, 8 u 9 – Prattiki kummerċjali aggressivi – Punt 29 tal-Anness I – Prattiki kummerċjali aggressivi fiċ-ċirkustanzi kollha – Provvista mhux mitluba – Direttiva 2002/21/KE – Direttiva 2002/22/KE – Servizzi ta’ telekomunikazzjoni – Bejgħ ta’ SIM kards (Subscriber Identity Module, modulu ta’ identifikazzjoni tal-abbonat) li għandhom ċerti servizzi installati u attivati minn qabel – Assenza ta’ informazzjoni minn qabel lill-konsumaturi”
Fil-Kawżi magħquda C‑54/17 u C‑55/17,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-22 ta’ Settembru 2016, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Frar 2017, fil-proċeduri
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato
vs
Wind Tre SpA, preċedentement Wind Telecomunicazioni SpA (C‑54/17),
Vodafone Italia SpA, preċedentement Vodafone Omnitel NV (C‑55/17),
fil-preżenza ta’:
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (C‑54/17),
Altroconsumo,
Vito Rizzo (C‑54/17),
Telecom Italia SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Wind Tre SpA, minn G. Roberti, I. Perego u M. Serpone, avvocati, |
– |
għal Vodafone Italia SpA, minn F. Cintioli u V. Minervini, avvocati, |
– |
għal Telecom Italia SpA, minn M. Siragusa u F. Caronna, avvocati, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli u S. Fiorentino, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cleenewerck de Crayencour, L. Nicolae kif ukoll minn L. Malferrari, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Mejju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4), tal-Artikoli 8 u 9, kif ukoll tal-punt 29 tal-Anness I, tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22), kif korrett permezz tal-Korriġendum għad-Direttiva 2005/29/KE li tħassar u tissostitwixxi t-test ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali 2005, L 149, p. 22 (ĠU L 114, 2006, p. 86), tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 10) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Servizz Universali’”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, fil-Kawża C‑54/17, minn naħa, l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità Garanti tal-Kompetizzjoni u tas-Suq, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AGCM”), u min-naħa l-oħra, Wind Tre SpA, preċedentement Wind Telecomunicazioni SpA, (iktar ’il quddiem “Wind”) u, fil-Kawża C‑55/17, minn naħa, l-AGCM u, min-naħa l-oħra, Vodafone Italia SpA, preċedentement Vodafone Omnitel NV (iktar ’il quddiem “Vodafone”) dwar deċiżjonijiet tal-AGCM li tissanzjona lil dawn il-kumpanniji minħabba l-implimentazzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2005/29
3 |
Il-premessi 10, 17 u 18 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdu:
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/29 huwa fformulat kif ġej: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott. […] 4. Fil-każ ta’ konflitt bejn id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.” […]” |
7 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, jipprovdi: “1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti. 2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
[…] 4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
5. Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.” |
8 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Prattiċi Kummerċjali Aggressivi”, jipprevedi: “Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.” |
9 |
L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Użu ta’ Fastidju, Kostrizzjoni u Influwenza Mhux Xierqa”, fih lista ta’ elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni “[f]id-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew l-influwenza mhux xierqa […]”. |
10 |
L-Anness I tad-Direttiva 2005/29, li jelenka l-prattiki kummerċjali meqjusa li huma żleali fi kwalunkwe ċirkustanza, taħt it-titolu “[p]rattiċi kummerċjali aggressivi”, isemmi, fil-punt 29 tiegħu, il-prattika li ġejja: “Fejn il-kummerċjant jitlob ħlas immedjat jew differit għar-ritorn jew għall-kustodja ta’ prodotti forniti minnu, iżda mhux solleċitati mill-konsumatur ħlief fejn il-prodott huwa sostitut fornit konformement ma’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 97/7/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), kif emendata bid-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14)] (‘bejgħ mhux mitlub’ [‘provvista mhux mitluba’]).” |
Id-Direttiva Qafas
11 |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva Qafas, din tal-aħħar “tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi asssoċjati, u għal ċerti aspetti tat-tagħmir terminali sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-utenti finali b’diżabilità. Tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-[Unjoni].” |
12 |
L-Artikolu 2(g) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità nazzjonali regolatorja” (iktar ’il quddiem l-“ANR”) bħala “korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi”. Skont dan l-Artikolu 2(l), id-Direttiva “Servizz Universali” hija waħda mid-direttivi speċifiċi. |
13 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva Qafas jirregola l-allokazzjoni tal-kompiti lill-ANR u l-kundizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dawn il-kompiti. |
14 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, jipprevedi fil-paragrafu 4(b) tiegħu: “L-[ANR] għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea billi fost ħwejjeġ oħra: […]
|
Id-Direttiva “Servizz Universali”
15 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva “Servizz Universali” “1. Fl-ambitu tal-qafas tad-[Direttiva Qafas], din id-Direttiva tikkonċerna l-fornimet ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lil utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-[Unjoni] kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ kwalità tajba permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta ċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jkunux sodisfatti b’mod sodisfaċjenti mis-suq. […] 2. Din id-Direttiva tistabbilixxi d-drittijiet tal-utenti finali u l-obbligi korrispondenti li jaqgħu fuq l-impriżi li jipprovdu n-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli. […] […] 4. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-utenti finali għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli [tal-Unjoni] dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, […], u r-regoli nazzjonali f’konformità mal-liġi [tal-Unjoni].” |
16 |
L-Artikolu 20 tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jabbonaw għal servizzi li jipprovdu konnessjoni lil network ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi tal-komunikazzjoni elettronika pubblikament disponibbli, konsumaturi, u utenti oħra aħħarin li hekk jitolbu, għandhom dritt għal kuntratt ma’ impriża jew impriżi li jipprovdu tali konnessjoni u/jew servizzi.” Din id-dispożizzjoni tinkludi, barra minn hekk, lista ta’ elementi li dan il-kuntratt għandu jispeċifika, bħalma huma s-servizzi pprovduti u d-dettalji tal-prezzijiet u t-tariffi applikati. |
17 |
L-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trasparenza u pubblikazzjoni tal-informazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-[ANR] jkunu jistgħu jobbligaw lill-impriżi li jipprovdu networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika u/jew servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku biex jippubblikaw informazzjoni trasparenti, komparabbli, adegwata u aġġornata dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli, kwalunkwe ħlasijiet minħabba t-terminazzjoni ta’ kuntratt u informazzjoni dwar termini u kondizzjonijiet standard fir-rigward tal-aċċess u l-użu tas-servizzi tagħhom pprovduti minnhom lill-utenti finali u lill-konsumaturi skont l-Anness II. Din l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata f’forma ċara, komprensiva u li tkun faċilment aċċessibbli. […]” |
Id-dritt Taljan
18 |
Id-decreto legislativo no 206 – Codice del consumo, a norma dell’articolo 7 della legge 29 luglio 2003, no 229 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 dwar il-Kodiċi tal-Konsumatur skont l-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 229, tad-29 ta’ Lulju 2003), tas-6 ta’ Settembru 2005 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 235, tat-8 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Konsumatur”), jinkludi Artikolu 19, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, li jipprevedi: “1. Dan it-titolu għandu japplika għall-prattiki kummerċjali żleali bejn il-professjonisti u l-konsumaturi implimentati qabel, matul u wara tranżazzjoni kummerċjali li tirrigwarda prodott, […] […] 3. F’każ ta’ kontradizzjoni, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttivi jew f’dispożizzjonijiet oħra [tal-Unjoni] u fid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.” |
19 |
L-Artikolu 20 ta’ dan il-kodiċi jipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali f’termini li huma essenzjalment identiċi għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29. |
20 |
L-Artikoli 24 u 25 kif ukoll l-Artikolu 26(1)(f) tal-imsemmi kodiċi jirrigwardaw il-prattiki kummerċjali aggressivi u jirriproduċu, essenzjalment, il-formulazzjonijiet rispettivi tal-Artikoli 8 u 9 kif ukoll tal-punt 29 tal-Anness I ta’ din id-Direttiva. |
21 |
L-Artikolu 27(1a) tal-Kodiċi tal-Konsumatur, kif inkluż permezz tal-Artikolu 1(6)(a) tad-decreto legislativo no 21 – Attuazione della direttiva 2011/83/UE sui diritti dei consumatori, recante modifica delle direttive 93/13/CEE e 1999/44/CE e che abroga le direttive 85/577/CEE e 97/7/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 21 li jimplimenta d-Direttiva 2011/83/UE dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE), tal-21 ta’ Frar 2014 (GURU Nru 58, tal-11 ta’ Marzu 2014, p. 1) huwa fformulat kif ġej: “Anki fis-setturi rregolati, skont l-Artikolu 19(3), is-setgħa sabiex taġixxi kontra l-imġiba tal-professjonisti li hija kkostitwita minn prattika kummerċjali irregolari, mingħajr preġudizzju għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, hija, esklużivament, tal-[AGCM], li għandha teżerċita din is-setgħa abbażi tal-kompetenzi previsti f’dan l-artikolu, wara li tikseb l-opinjoni tal-awtorità regolatorja kompetenti. Din ir-regola hija bla ħsara għas-setgħa tal-awtoritajiet regolatorji biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom fil-każijiet ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni li ma jkunx jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali. L-awtoritajiet jistgħu jirregolaw permezz ta’ ftehimiet ta’ qbil l-aspetti ta’ applikazzjoni u ta’ proċedura tal-kollaborazzjoni tagħhom fl-kuntest tas-setgħat rispettivi tagħhom.” |
22 |
Id-decreto legislativo no 259 – Codice delle comunicazioni elettroniche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 259 li jistabbilixxi l-Kodiċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi), tal-1 ta’ Awwissu 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 214, tal-15 ta’ Settembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”), jinkludi sensiela ta’ dispożizzjonijiet intiżi għall-protezzjoni tal-konsumaturi fis-settur speċifiku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, peress li s-setgħat regolatorji u ta’ sanzjoni korrispondenti huma fdati lill-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità għall-garanziji fil-komunikazzjonijiet, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AGCom”), awtorità settorjali. B’mod partikolari, dan il-kodiċi, fl-Artikolu 70 tiegħu, jittrasponi l-Artikolu 20 tad-Direttiva “Servizz Universali” u, fl-Artikolu 71 tiegħu, jittrasponi l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-kodiċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jagħti lill-AGCom kompiti speċifiċi ta’ regolamentazzjoni ex ante u ta’ kontroll ex post għall-protezzjoni tal-konsumaturi tas-settur, peress li b’mod partikolari l-Artikolu 98 tal-imsemmi kodiċi jattribwixxilu prerogattivi fil-qasam ta’ sanzjoni. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
23 |
Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tas-6 ta’ Marzu 2012, l-AGCM issanzjonat lil Wind u lil Vodafone għal prattiki simili, li jikkonsistu fil-kummerċjalizzazzjoni, minn dawn il-kumpanniji, ta’ SIM kards (Subscriber Identity Module, modulu ta’ identifikazzjoni tal-abbonat), li fuqhom kienu installati u attivati minn qabel ċerti funzjonijiet, bħal servizzi ta’ navigazzjoni fuq l-internet u ta’ messaġġi vokali, li l-ispejjeż tal-użu tagħhom kienu ffatturati lill-utent jekk dawn is-servizzi ma jkunux ġew diżattivati fuq it-talba espressa tiegħu, u dan mingħajr ma dan l-utent ma jkun ġie informat minn qabel dwar l-eżistenza tal-imsemmija servizzi jew dwar in-natura oneruża tagħhom. |
24 |
L-AGCM qieset li tali prattiki, li permezz tagħhom dawn il-kumpanniji kienu awtomatikament attivaw is-servizzi inkwistjoni fuq dawn is-SIM kards, mingħajr ma kisbu minn qabel il-kunsens tal-konsumatur, għaldaqstant bl-espożizzjoni tiegħu għal possibbiltà ta’ djun li huwa ma kienx jaf bihom, kienu jaqgħu fil-kategorija tal-prattiki kummerċjali aggressivi, fis-sens tal-Artikoli 24 u 25 kif ukoll tal-Artikolu 26(1)(f) tal-Kodiċi tal-Konsumatur. Għaldaqstant, hija imponiet multa ta’ EUR 200000 fuq Wind u multa ta’ EUR 250000 fuq Vodafone. |
25 |
Dawn il-kumpanniji ppreżentaw rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja). |
26 |
Permezz ta’ sentenzi tat-18 ta’ Frar 2013, din il-qorti laqgħet dawn ir-rikorsi u annullat id-deċiżjonijiet ikkontestati, minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-AGCM. L-imsemmija qorti qieset li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ speċjalità previst fl-Artikolu 19(3) tal-Kodiċi tal-Konsumatur u stabbilit fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, u billi l-prattiki inkwistjoni kienu jaqgħu taħt leġiżlazzjoni speċjali li tattribwixxi esklużivament lil AGCom is-setgħat ta’ spezzjoni, ta’ projbizzjoni u ta’ sanzjoni fil-qasam ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni ġenerali dwar prattiki kummerċjali illegali, f’dan il-każ l-Artikoli 24 u 25 kif ukoll l-Artikolu 26(1)(f) tal-Kodiċi tal-Konsumatur, kienet eskluża u li, konsegwentement, l-AGCM ma kinitx kompetenti sabiex tissanzjona l-prattiki inkwistjoni. |
27 |
L-AGCM appellat minn dawn is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, billi b’mod partikolari sostniet li l-prinċipju ta’ speċjalità għandu jinftiehem fis-sens li l-leġiżlazzjoni speċjali tista’ tapplika biss f’każ ta’ diverġenza mil-leġiżlazzjoni ġenerali u bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni speċjali tkun tkopri aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali, bir-regolazzjoni tal-fatti analogi għal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ġenerali, iżda li huma differenti minnhom minħabba element li jagħmilhom speċjali. |
28 |
Is-Sitt Awla tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċidiet li tagħmel domandi preliminari fis-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) dwar, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1)(a) tal-Kodiċi tal-Konsumatur. Hija riedet tkun taf, b’mod partikolari, jekk din id-dispożizzjoni kellhiex titqies li hija regola li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-AGCM fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali, minkejja li kien inkwistjoni aġir li jaqa’ taħt regoli settorjali speċifiċi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. |
29 |
Permezz ta’ sentenzi mogħtija fid-9 ta’ Frar 2016, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), f’seduta plenarja, iddikjara, essenzjalment, li skont il-kriterju ta’ speċjalità previst fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, hija l-AGCM li għandha kompetenza sabiex tissanzjona “prattika kummerċjali aggressiva fiċ-ċirkustanzi kollha”, u dan anki fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. F’dan ir-rigward, ġie rrilevat li, għalkemm il-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni jista’ jaqa’ taħt il-kompetenza tal-AGCom, f’dan il-każ dan il-ksur jimplika t-twettiq ta’ prattika kummerċjali aggressiva peress li hija għandha l-effett li tbiddel, jew saħansitra teskludi, il-libertà tal-għażla tal-utenti dwar l-użu u l-ħlas tas-servizzi installati minn qabel, li jista’ jwassal sabiex jitqies li din il-prattika tikkonsisti f’li jintalab il-ħlas immedjat jew iddifferit għal prodotti li l-konsumatur ma talabx għalihom. |
30 |
Din il-qorti bbażat ukoll il-pożizzjoni tagħha fuq il-proċedura ta’ ksur li kienet inbdiet mill-Kummissjoni Ewropea fil-konfront tar-Repubblika Taljana. F’din il-proċedura, dan l-Istat Membru ġie kkritikat li ma applikax b’mod korrett fil-liġi nazzjonali tiegħu l-prinċipju tar-regola speċjali li jinsab fid-Direttiva 2005/29, li jirregola l-koordinazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni ġenerali u l-leġiżlazzjonijiet settorjali speċifiċi u, b’mod partikolari, li naqas milli jittrasponi din id-Direttiva fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. |
31 |
Is-Sitt Awla tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tistaqsi madankollu dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 27(1a) tal-Kodiċi tal-Konsumatur, kif interpretat mis-seduta plenarja tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat). |
32 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-awtorità kompetenti sabiex timponi sanzjoni tiddependi fuq il-fatt dwar jekk l-aġir inkwistjoni jistax jiġi kklassifikat bħala “prattiki kummerċjali aggressivi” jew bħala “prattiki kummerċjali aggressivi fiċ-ċirkustanzi kollha”. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-fatt materjali kkritikat lill-kumpanniji inkwistjoni jikkonsisti fl-ommissjoni li l-konsumaturi jiġu informati b’mod korrett. Għall-kuntrarju, il-konstatazzjoni ta’ “prattika kummerċjali aggressiva” jew ta’ “prattika kummerċjali aggressiva fiċ-ċirkustanzi kollha”, fis-sens tal-Artikoli 24 u 25 kif ukoll tal-Artikolu 26(1)(f) tal-Kodiċi tal-Konsumatur, hija bbażata fuq id-deduzzjoni loġika li tgħid li din l-ommissjoni ta’ informazzjoni dwar l-installazzjoni minn qabel ta’ servizzi fuq is-SIM kards tista’ tbiddel b’mod sinjifikattiv il-libertà tal-għażla konxja jew l-aġir tal-konsumatur medju fir-rigward tas-servizzi assoċjati mas-SIM kards u fuq il-fatt li l-imsemmija ommissjoni ma kinitx konformi mal-livell ta’ diliġenza professjonali li jista’ jkun meħtieġ minn operaturi tat-telefonija, fid-dawl tal-asimmetrija li tikkaratterizza r-relazzjoni bejn il-professjonisti u l-konsumaturi. |
33 |
Hija tosserva wkoll li l-leġiżlazzjoni settorjali stabbilita mill-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi tistabbilixxi sensiela ta’ dispożizzjonijiet intiżi għall-protezzjoni tal-konsumaturi fis-settur speċifiku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, bl-attribuzzjoni tas-setgħat regolatorji u ta’ infurzar korrispondenti lill-AGCom, u bil-previżjoni b’mod partikolari tas-sanzjoni għall-ksur mill-operaturi ta’ ċerti obbligi ta’ informazzjoni lill-utenti dwar il-forniment tas-servizzi. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda, fil-Kawżi C‑54/17 u C‑55/17, li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel, f’termini identiċi, lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
35 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ Frar 2017, il-Kawżi C‑54/17 u C‑55/17 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
36 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-aġir tal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni tas-SIM kards li fuqhom kienu installati u attivati minn qabel servizzi ta’ navigazzjoni fuq l-internet u ta’ messaġġi vokali, li l-ispejjeż għalihom kienu ffatturati lill-utent jekk ma jkunux ġew diżattivati fuq it-talba espressa ta’ dan tal-aħħar, mingħajr ma informaw minn qabel b’mod xieraq lill-konsumatur dwar il-fatt li dawn is-servizzi kienu installati u attivati minn qabel u lanqas dwar l-ispejjeż tagħhom. |
37 |
Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li s-servizz ta’ navigazzjoni fuq l-internet seta’ jwassal ukoll, sa mill-ewwel tqegħid ta’ dawn is-SIM kards f’mowbajl, jew fi kwalunkwe apparat ieħor, li jippermetti n-navigazzjoni fuq l-internet, għal konnessjonijiet imwettqa mingħajr l-għarfien tal-utent, b’mod partikolari permezz ta’ applikazzjonijiet imsejħa “always on” (dejjem attivati). Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet tal-AGCM li taw lok għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali jirriżulta li huwa speċifikament bħala konsegwenza ta’ lmenti tal-konsumaturi li ġew iffatturati għal spejjeż li jirrigwardaw konnessjonijiet imwettqa mingħajr l-għarfien tagħhom u għal servizzi mhux mitluba minnhom li l-AGCM bdiet il-proċedura li wasslet għas-sanzjonijiet ikkontestati f’dawn il-kawżi. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali aggressivi”, li jirriżulta mill-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29, jew il-kunċett ta’ “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri aġir, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti, għal operatur tat-telekomunikazzjonijiet li jikkummerċjalizza SIM kards li fuqhom huma installati u attivati minn qabel ċerti servizzi, bħan-navigazzjoni fuq l-internet u l-messaġġ vokali, mingħajr ma jkun informa minn qabel lill-konsumatur b’mod xieraq la dwar din l-installazzjoni u attivazzjoni minn qabel u lanqas dwar l-ispejjeż għal dawn is-servizzi. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li ma huwiex ikkontestat li t-tilwimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernaw prattiki kummerċjali ta’ impriżi fir-rigward ta’ konsumaturi, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29, u lanqas li s-servizzi inkwistjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prodott” kif iddefinit f’dan l-Artikolu 2(ċ). Sabiex tingħata risposta għal dawn l-ewwel u t-tieni domanda, jeħtieġ, għaldaqstant, li jiġi ddeterminat jekk aġir bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt il-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali żleali”, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29. |
40 |
Dan l-Artikolu 5 jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kriterji għad-determinazzjoni ta’ jekk prattika kummerċjali hijiex ta’ natura żleali u jispeċifika, fil-paragrafu 4 tiegħu, li huma żleali, b’mod partikolari, il-prattiki kummerċjali li huma “qarrieqa”, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva u dawk li huma “aggressivi”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmija direttiva. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jipprevedi, barra minn hekk, li l-Anness I tal-istess direttiva jinkludi l-lista tal-prattiki kummerċjali meqjusa żleali fi kwalunkwe ċirkustanza. F’dan ir-rigward, il-premessa 17 tad-Direttiva 2005/29 tispeċifika espliċitament li l-prattiki elenkati f’dan l-anness huma meqjusa żleali mingħajr ma għandhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart, C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk aġir, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-prattiki elenkati fl-imsemmi Anness I, u b’mod partikolari fil-punt 29 tiegħu. |
42 |
Il-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi b’mod partikolari li jaqa’ fil-kategorija ta’ prattiki kummerċjali aggressivi, meqjusa bħala żleali fi kwalunkwe ċirkustanza, il-fatt li “[j]itlob ħlas immedjat jew differit għar-ritorn jew għall-kustodja ta’ prodotti forniti minnu, iżda mhux solleċitati mill-konsumatur […] (‘bejgħ mhux mitlub’) [provvista mhux mitluba].” |
43 |
Għalhekk jikkostitwixxi “provvista mhux mitluba”, fis-sens ta’ dan il-punt 29, b’mod partikolari aġir li jikkonsisti, għall-professjonist, f’li jitlob mingħand il-konsumatur il-ħlas għal prodott jew għal servizz li ġie pprovdut lil dan il-konsumatur mingħajr ma dan ikun intalab minn dan tal-aħħar. |
44 |
F’dan il-każ, peress li la l-provvista tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas il-fatturazzjoni tagħhom, u għalhekk talba għal ħlas min-naħa tal-professjonist ma huma kkontestati, huwa biżżejjed, sabiex tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, li jiġi ddeterminat jekk il-provvista tas-servizzi inkwistjoni tistax titqies bħala li ma ġietx mitluba mill-konsumatur. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prattika kummerċjali aggressiva” b’mod partikolari mill-fatt li hija tbiddel jew tista’ tbiddel b’mod sinjifikattiv il-libertà tal-għażla jew ta’ imġiba tal-konsumatur medju fir-rigward ta’ prodott. Minn dan isegwi li t-talba għal servizz għandha tikkonsisti f’għażla libera min-naħa tal-konsumatur. Dan jippreżupponi, b’mod partikolari, li l-informazzjoni kkomunikata mill-professjonist lill-konsumatur tkun ċara u adegwata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Purely Creative et, C‑428/11, EU:C:2012:651, punt 53). |
46 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-informazzjoni pprovduta qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għall-konsumatur, ta’ importanza fundamentali (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart, C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Barra minn hekk, peress li l-prezz jikkostitwixxi, bħala prinċipju, element determinanti f’moħħ il-konsumatur meta dan ikollu jieħu deċiżjoni kummerċjali, il-prezz għandu jitqies li huwa informazzjoni neċessarja sabiex jippermetti lill-konsumatur jieħu tali deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Canal Digital Danmark, C‑611/14, EU:C:2016:800, punt 55). |
48 |
F’dan il-każ, jidher li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma installati u attivati minn qabel fuq is-SIM kards mingħajr ma l-konsumatur ikun ġie informat minn qabel u b’mod xieraq, u li lanqas ma kien infurmat dwar l-ispiża marbuta mal-użu ta’ dawn is-servizzi, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Issa, meta l-konsumatur ma jkun ġie informat la dwar l-ispiża tas-servizzi inkwistjoni u lanqas dwar l-installazzjoni u l-attivazzjoni tagħhom minn qabel fuq is-SIM kard li jkun xtara, huwa ma jistax jitqies li liberament għażel il-provvista ta’ tali servizzi. |
49 |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-użu tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’, f’ċerti każijiet, jeħtieġ azzjoni konxja min-naħa tal-konsumatur. Fil-fatt, fl-assenza ta’ informazzjoni xierqa dwar l-ispejjeż tan-navigazzjoni fuq l-internet u ta’ messaġġi vokali, tali azzjoni ma tistax titqies bħala li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għażla libera fil-provvista ta’ dawn is-servizzi. Barra minn hekk, is-servizz ta’ navigazzjoni fuq l-internet seta’ jagħti lok għal konnessjonijiet tal-internet imwettqa mingħajr l-għarfien tal-konsumatur, li jiġġeneraw spejjeż mingħajr ma dan tal-aħħar ikun konxju tagħhom. |
50 |
Bl-istess mod, huwa irrilevanti li l-konsumatur kellu l-possibbiltà li jagħżel, mal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet ikkonċernati, id-diżattivazzjoni tas-servizzi inkwistjoni fuq is-SIM kard jew li kellu l-possibbiltà, permezz tal-aġġustament (setting) tal-apparat tiegħu, li jiddiżattiva dawn is-servizzi. Fil-fatt, minn naħa, fl-assenza ta’ informazzjoni ċara u adegwata kkomunikata minn dawn l-operaturi lill-konsumatur, qabel ix-xiri tas-SIM kard inkwistjoni, dwar l-eżistenza ta’ dawn is-servizzi installati u attivati minn qabel kif ukoll dwar l-ispejjeż tagħhom, huwa improbabbli li l-konsumatur ikun realment tpoġġa f’pożizzjoni li jeżerċita tali għażla, tal-inqas qabel ma jkun ġie ffatturat għal dawn l-istess servizzi, fatt li għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
51 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, il-kunċett ta’ konsumatur għandu importanza fundamentali u li, skont il-premessa 18 tagħha, din id-direttiva tadotta bħala kriterju ta’ evalwazzjoni lill-konsumatur medju li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 22). |
52 |
Issa, ma jidhirx b’mod evidenti li xerrej medju ta’ SIM kard jista’ jkun konxju mill-fatt li, meta huwa jixtri tali kard, din ikun fiha awtomatikament servizzi ta’ messaġġi vokali u ta’ navigazzjoni fuq l-internet installati u attivati minn qabel li jistgħu jiġġeneraw spejjeż addizzjonali, jew mill-fatt li, meta huwa jdaħħalha fil-mowbajl tiegħu, jew fi kwalunkwe apparat ieħor, li jippermettu n-navigazzjoni fuq l-internet, applikazzjonijiet jew l-apparat innifsu jistgħu jikkonnettjaw mal-internet mingħajr ma jkun jaf u lanqas li huwa jkollu kompetenza teknika suffiċjenti sabiex iwettaq waħdu l-aġġustamenti meħtieġa għad-diżattivazzjoni ta’ dawn is-servizzi jew dawn il-konnessjonijiet awtomatiċi fuq l-apparat tiegħu. Skont din il-premessa 18, hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina r-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
53 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri aġir bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
54 |
L-interpretazzjoni mogħtija fil-punt preċedenti hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-għan imfittex mid-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, hija għandha b’mod partikolari bħala għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Dan l-għan, li jikkonsisti fil-protezzjoni sħiħa tal-konsumaturi kontra l-prattiki kummerċjali żleali, huwa bbażat fuq il-fatt li, fil-konfront ta’ professjonist, il-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, UPC Magyarország, C‑388/13, EU:C:2015:225, punt 53). Issa, f’qasam daqshekk tekniku bħal dak tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tat-telefonija mobbli, ma jistax jiġi miċħud li teżisti asimmetrija sinjifikattiva tal-informazzjoni u tal-kompetenzi tekniċi bejn dawn il-partijiet. |
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-prattika f’dak li jirrigwarda l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2005/29. |
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, huwa jkopri aġir, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti, għal operatur tat-telekomunikazzjonijiet, fil-kummerċjalizzazzjoni tas-SIM kards li fuqhom huma installati u attivati minn qabel ċerti servizzi, bħan-navigazzjoni fuq l-internet u l-messaġġi vokali, mingħajr ma jkun informa minn qabel lill-konsumatur b’mod xieraq la dwar din l-installazzjoni u attivazzjoni minn qabel u lanqas dwar l-ispejjeż għal dawn is-servizzi. |
Fuq it-tielet sas-sitt domanda
57 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tielet sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li aġir li jikkostitwixxi provvista mhux mitluba, skont il-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, bil-konsegwenza li, skont din il-leġiżlazzjoni, l-ANR, fis-sens tad-Direttiva Qafas, ma għandhiex is-setgħa sabiex tissanzjona tali aġir. |
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi li, fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u regoli oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali, dawn ir-regoli l-oħra għandhom jipprevalu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi. L-imsemmija direttiva tapplika biss, bħala konsegwenza, kif ikkonfermat mill-premessa 10 tagħha, meta ma jkunux jeżistu dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi li jirregolaw aspetti partikolari tal-prattiki kummerċjali żleali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur, C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punt 79). |
59 |
Din id-dispożizzjoni ssemmi espressament kunflitti bejn ir-regoli tal-Unjoni u mhux bejn regoli nazzjonali. |
60 |
F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “kunflitt”, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 124 u 126 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan jindika relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ikkonċernati li tmur lil hinn minn sempliċi disparità jew sempliċi differenza, li juru li diverġenza impossibbli li tingħeleb permezz ta’ formula inklużiva li tippermetti l-koeżistenza taż-żewġ sitwazzjonijiet, mingħajr il-bżonn li jiġu żnaturati. |
61 |
Għaldaqstant, kunflitt bħal dak imsemmi fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jeżisti biss meta dispożizzjonijiet barranin għal din tal-aħħar li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali jimponu fuq il-professjonisti, mingħajr ebda marġni għal manuvra, obbligi inkompatibbli ma’ dawk stabbiliti mid-Direttiva 2005/29. |
62 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u b’mod partikolari d-Direttiva “Servizz Universali” u d-Direttiva Qafas li dwarhom il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirregolax aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali bħall-provvista mhux mitluba, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. |
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, din, fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, tikkonċerna l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-utenti finali. Hija intiża sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà, fl-Unjoni kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ kompetizzjoni u għażla effettiva u sabiex tittratta l-każijiet fejn il-bżonnijiet tal-utenti finali ma jkunux issodisfatti b’mod sodisfaċenti mis-suq. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprevedi li din għandha tistabbilixxi d-drittijiet tal-utenti finali u l-obbligi korrispondenti tal-impriżi li jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku. |
64 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li għalkemm, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, l-ANR huma, skont l-Artikolu 8(4)(b) tad-Direttiva Qafas, obbligati li jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni billi jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, id-Direttiva Qafas u d-Direttiva “Servizz Universali” ma jipprevedux armonizzazzjoni sħiħa tal-aspetti relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tal-14 ta’ April 2016, Polkomtel, C‑397/14, EU:C:2016:256, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
F’dak li jirrigwarda din il-protezzjoni, id-Direttiva “Servizz Universali” tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 20(1) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, waqt l-abbonament għal servizzi li jipprovdu konnessjoni ma’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi u/jew servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, il-konsumaturi, kif ukoll l-utenti oħra finali l-oħra li jitolbu dan, ikollhom dritt għal kuntratt konkluż ma’ impriża jew diversi impriżi li jipprovdu tali konnessjoni u/jew tali servizzi. Din id-dispożizzjoni telenka l-elementi li l-kuntratt għandu mill-inqas jispeċifika f’forma ċara, iddettaljata u faċilment aċċessibbli. |
66 |
Madankollu, minkejja li dan l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” jimponi, fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li l-fornitur tas-servizzi jipprovdi ċerta informazzjoni fil-kuntratt, la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma tinkludi regoli li jirregolaw aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali, bħall-provvista mhux mitlub, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. |
67 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar id-drittijiet tal-utenti finali għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, u għal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Issa, mill-espressjoni “mingħajr preġudizzju għar-regoli [tal-Unjoni] dwar il-protezzjoni tal-konsumatur” jirriżulta li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/29 ma hijiex affettwata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali”. |
68 |
Minn dan isegwi li ma hemm ebda kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 u r-regoli stabbiliti mid-Direttiva “Servizz Universali” f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tal-utenti finali. |
69 |
Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, ir-regoli rilevanti tad-Direttiva 2005/29 huma applikabbli. |
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet sas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li aġir li jikkostitwixxi provvista mhux mitluba, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, bil-konsegwenza li, skont din il-leġiżlazzjoni, l-ANR, fis-sens tad-Direttiva Qafas, ma għandhiex is-setgħa sabiex tissanzjona tali aġir. |
Fuq is-seba’ domanda
71 |
Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, l-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva “Servizz Universali” u l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta teżisti, f’qasam irregolat, skema settorjali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u li, f’dan is-settur, jitwettaq aġir li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali aggressiva” jew ta’ “prattika kummerċjali aggressiva fiċ-ċirkustanzi kollha”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, din l-aħħar direttiva għandha dejjem tiġi applikata, u dan anki jekk din il-leġiżlazzjoni settorjali tirregola b’mod eżawrjenti din il-prattika kummerċjali. |
72 |
Għandu jiġi kkonstatat li din is-seba’ domanda hija bbażata fuq il-premessa li d-Direttiva “Servizz Universali” u d-Direttiva Qafas jirregolaw, b’mod eżawrjenti, il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jkopru, b’mod partikolari, aġir li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali aggressiva” jew taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali aggressiva fiċ-ċirkustanzi kollha”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29. |
73 |
Issa, kif jirriżulta mill-analiżi tat-tielet sas-sitt domandi, imwettqa fil-punti 57 sa 70 ta’ din is-sentenza, din il-premessa hija żbaljata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-seba’ domanda. |
Fuq l-ispejjeż
74 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.