SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-kumpanniji – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Artikolu 6(1) u (3) – Rimbors tal-ispejjeż ta’ rkupru ta’ dejn – Spejjeż li jirriżultaw mit-tfakkir mibgħut minħabba l-ħlas tardiv tad-debitur”

Fil-Kawża C‑287/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresní soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Distrettwali ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Česká pojišťovna a.s.

vs

WCZ spol. s r. o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn Z. Malůšková, M. Patakia u D. Kukovec, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Česká pojišťovna a.s. u WCZ, spol. s r. o. dwar il-kumpens għall-spejjeż li jirriżultaw mit-tfakkir li hija bagħtet lil WCZ minħabba l-ħlas tardiv tal-primjums tal-assigurazzjoni dovuti minn din tal-aħħar qabel ma ppreżentat rikors intiż sabiex tikseb il-ħlas ta’ dawn il-primjums.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 12, 19 u 20 tad-Direttiva 2011/7 jistabbilixxu:

“(12)

Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira tal-Istati Membri minħabba li fuq ħlasijiet tard jintalbu rati baxxi ta’ mgħax jew l-ebda mgħax u/jew li l-proċeduri ta’ rimedju jieħdu wisq żmien. Jeħtieġ tibdil deċiżiv lejn kultura ta’ ħlas fil-ħin, inkluż dik fejn l-esklużjoni tad-dritt li jintalab imgħax għandha dejjem titqies bħala kondizzjoni jew prassi kuntrattwali inġusta għall-aħħar biex titreġġa’ lura din it-tendenza u jiġi skoraġġit il-ħlas tard. Tali tibdil għandu jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-perjodi ta’ ħlas u dwar il-kumpens tal-kredituri għall-ispejjeż imġarrba, u, fost l-oħrajn, li l-esklużjoni tad-dritt għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

[…]

(19)

Jeħtieġ kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard. L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard li għalih din id-Direttiva għandha tiddetermina somma minima stabbilita [somma f’daqqa] li tista’ tingħadd mal-imgħax għall-ħlas tard. Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru. Kumpens biex jiġu rkuprati l-ispejjeż għandu jkun determinat bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom qorti nazzjonali tista’ tagħti kumpens lill-kreditur għal kwalunkwe ħsara addizzjonali rigward ħlas tard tad-debitur.

(20)

Minbarra li jkunu intitolati għal ħlas ta’ somma stabbilita biex ikopru l-ispejjeż interni ta’ rkupru, il-kredituri għandhom ukoll ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż l-oħra ta’ rkupru li jġarrbu minħabba ħlas tard minn debitur. Spejjeż ta’ dan it-tip għandhom jnkludu, b’mod partikolari, dawk l-ispejjeż imġarrba mill-kredituri biex iqabbdu avukat jew inkella aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

4

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita [somma f’daqqa] ta’ [EUR] 40

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

3.   Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.”

Id-dritt Ċek

5

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 369(1) tal-Liġi Nru 513/1991 dwar il-Kodiċi tal-Kummerċ, kif emendata bil-Liġi Nru 179/2013, tipprevedi:

“Minbarra l-interessi moratorji, il-kreditur għandu d-dritt għar-rimbors ta’ ammont minimu tal-ispejjeż ta’ rkupru tad-dejn fejn il-livell u l-kundizzjonijiet huma stabbiliti minn digriet tal-gvern.”

6

L-Artikolu 3 tad-Digriet Governattiv Nru 351/2013 li jistabbilixxi l-ammont tal-interessi moratorji u tal-ispejjeż ta’ rkupru ta’ dejn, li jistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-likwidaturi u tal-membri tal-korp amministrattiv tal-persuna ġuridika maħtura mill-qorti, u li jispeċifika ċerti kwistjonijiet li jirrigwardaw il-Ġurnal Uffiċjali tal-avviżi ċivili u kummerċjali u tar-reġistri pubbliċi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi, tal-fondi fiduċjarji u tal-informazzjoni dwar il-proprjetarji benefiċjarji jipprovdi:

“Fil-każ ta’ obbligu reċiproku tal-imprendituri […], l-ammont minimu tal-ispejjeż marbuta mal-preżentazzjoni ta’ kull dejn jitla’ għal 1200 [koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 46)] […]”

7

L-Artikolu 121(3) tal-Liġi Nru 40/1964 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“L-aċċessorji ta’ dejn huma l-interessi, l-interessi moratorji, il-penalitajiet ta’ dewmien u l-ispejjeż ta’ rkupru.”

8

L-Artikolu 142(1) tal-Liġi Nru 99/1963 li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Il-qorti tirrikonoxxi lill-parti li t-talbiet tagħha tkun laqgħet bis-sħiħ, l-ispejjeż għall-parti li titlef, ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji għall-eżerċizzju jew għad-difiża effettiva ta’ dritt.”

9

Skont l-Artikolu 142a(1) tal-imsemmi kodiċi:

“Ir-rikorrent li jkun rebaħ il-kawża fi proċedura relatata mal-eżekuzzjoni ta’ obbligu għandu dritt għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ proċedura għall-ispejjeż tal-konvenut biss jekk, f’terminu ta’ mill-inqas [sebat] ijiem qabel id-depożitu tal-att promotur, huwa jkun bagħat intimazzjoni lill-konvenut, fl-indirizz fejn dan tal-aħħar ikun għażel id-domiċilju, jekk ikun il-każ fl-aħħar indirizz magħruf.”

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Fis-7 ta’ Novembru 2012, Česká pojišťovna u WCZ ikkonkludew kuntratt ta’ assigurazzjoni li jieħu effett mill-istess data.

11

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2015, Česká pojišťovna avżat lil WCZ bix-xoljiment tal-imsemmi kuntratt fil-25 ta’ Frar 2015, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-primjums ta’ assigurazzjoni, u talbitha r-rimbors tal-primjums dovuti, għall-perijodu mis-7 ta’ Novembru 2014 sal-25 ta’ Frar 2015, għal somma ta’ CZK 1160 (madwar EUR 44). B’kollox, Česká pojišťovna bagħtet erba’ tfakkiriet lil WCZ qabel ma adixxiet lill-qorti tar-rinviju.

12

Česká pojišťovna titlob lill-imsemmija qorti l-kundanna ta’ WCZ, minn naħa, għall-ħlas tal-imsemmija somma ta’ CZK 1160 (madwar EUR 44), miżjuda bl-interessi moratorji legali, għall-perijodu mill-25 ta’ Frar 2015 sad-data tal-ħlas tal-primjums dovuti, u, min-naħa l-oħra, għar-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-irkupru tad-dejn tagħha, sa massimu ta’ CZK 1200 (madwar EUR 46). Barra minn hekk, Česká pojišťovna titlob lil WCZ ir-rimbors tal-ispejjeż tal-proċedura.

13

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 ġiet trasposta permezz tal-Artikolu 3 tad-Digriet Governattiv Nru 351/2013 u li, skont id-dritt Ċek, l-aċċessorji ta’ dejn huma kkostitwiti mill-interessi, l-interessi moratorji u l-ispejjeż relatati mal-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors.

14

Wara li kkonstatat li d-dritt nazzjonali jobbliga lill-qrati jirrikonoxxu, bħala spejjeż legali, l-ispejjeż relatati ma’ tfakkira waħda mibgħuta lill-konvenuta qabel il-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt dwar jekk għandux jiġi rrikonoxxut, minbarra d-dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-ispejjeż ta’ rkupru li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, id-dritt għal kumpens tal-ispejjeż ta’ tfakkira skont ir-regoli proċedurali nazzjonali. L-imsemmija qorti tirrileva fil-fatt li, skont il-premessa 19 ta’ din id-direttiva, il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 6 tagħha għandu jkopri speċifikament l-ispejjeż ta’ tfakkira imġarrba mill-kreditur. Minn dan isegwi, fil-fehma tagħha, li r-rikonoxximent ta’ dritt għal kumpens b’mod kumulattiv fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 6 u fuq dik tar-regoli proċedurali nazzjonali jippermetti li r-rikorrenti tikseb l-istess kumpens darbtejn.

15

Tali kwistjoni hija fundamentali fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju billi Česká pojišťovna titlob kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa sa massimu ta’ CZK 1200 (madwar EUR 46), skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Governattiv Nru 351/2013 u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, kif ukoll il-kumpens tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza legali, inklużi l-ispejjeż ta’ tfakkira qabel il-preżentata tar-rikors, li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresní soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Distrettwali ta’České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2011/7 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti tagħti, lir-rikorrent li jirbaħ kawża dwar ir-rimbors ta’ dejn li jirriżulta minn tranżazzjoni kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, somma ta’ EUR 40 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali) kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja, inkluż ir-rimbors tal-ispejjeż tat-tfakkira fl-indirizz tal-konvenut qabel il-preżentata tar-rikors, għal ammont stabbilit mid-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Istat Membru?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrikonoxxi lill-kreditur li jitlob il-kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-tfakkir mibgħut lid-debitur minħabba l-ħlas tardiv ta’ dan tal-aħħar id-dritt li jikseb, għal dan il-għan, minbarra s-somma f’daqqa ta’ EUR 40, prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kumpens raġonevoli, fis-sens tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu.

18

Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 huwa intiż li jiżgura kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba mill-kreditur meta interessi moratorji jkunu dovuti skont din id-direttiva. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 ġie traspost fid-dritt Ċek permezz tal-Artikolu 3 tad-Digriet Governattiv Nru 351/2013 li jistabbilixxi għal 1200 CZK (madwar EUR 46) is-somma fil-forma ta’ somma f’daqqa prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

19

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 ma jirriżultax li l-ispejjeż ta’ tfakkir imġarrba mill-kreditur sabiex jikseb il-ħlas tal-kreditu tiegħu ma jistgħux jiġu kkumpensati lil hinn mis-somma f’daqqa ta’ EUR 40 prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 6.

20

Fil-fatt, l-imsemmi paragrafu 1 jirreferi biss għad-dritt tal-kreditur li jikseb, bħala minimu, il-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 40. Barra minn hekk, il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 6 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw, minn naħa, li din is-somma f’daqqa tkun dovuta awtomatikament, anki fl-assenza ta’ tfakkira lid-debitur u, min-naħa l-oħra, li din tkun intiża tikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru li jkun ġarrab. F’dan ir-rigward, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxu l-ebda distinzjoni bejn dawn l-ispejjeż.

21

Fir-rigward tal-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 6, huwa jipprevedi li l-kreditur għandu d-dritt li jitlob lid-debitur, minbarra s-somma f’daqqa imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kumpens raġonevoli għall-ispejjeż kollha l-oħra ta’ rkupru li jeċċedu l-imsemmija somma.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, bl-użu, fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7, tal-espressjoni “li jaqbżu dik is-somma”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jenfasizza li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens raġonevoli l-ispejjeż ta’ rkupru, ikunu xi jkunu, li jeċċedu s-somma ta’ EUR 40.

23

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 issemmi spejjeż “oħra [autres]” ta’ rkupru, peress li tali preċiżazzjoni tista’ tagħti x’tifhem li dawn huma spejjeż ta’ rkupru ta’ natura differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi madankollu rrilevat li, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Griega, Ingliża, Taljana u Olandiża ta’ din id-dispożizzjoni ma jikkorroborawx din l-interpretazzjoni peress li dawn jużaw rispettivament il-kliem “opoiadipote schetika ypoloipomena”, “any”, “ogni” u “alle”, minflok il-kelma “autres”.

24

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2018, Tarragó da Silveira, C‑250/17, EU:C:2018:398, punt 20).

25

Għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-għan tad-Direttiva 2011/7, li din tal-aħħar hija intiża li tiġġieled kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, peress li dan id-dewmien jikkostitwixxi, skont il-premessa 12 ta’ din id-direttiva, ksur tal-kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri, b’mod partikolari minħabba r-rata baxxa jew l-assenza ta’ interessi moratorji ffatturati (sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC, C‑555/14, EU:C:2017:121, punt 24).

26

Minn dan isegwi li l-għan tal-imsemmija direttiva huwa l-protezzjoni effettiva tal-kreditur kontra l-ħlas tardiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, Nemec, C‑256/15, EU:C:2016:954, punt 50). Tali protezzjoni timplika li toffri lill-imsemmi kreditur kumpens sħiħ kemm jista’ jkun għall-ispejjeż ta’ rkupru li huwa ġarrab b’tali mod li tiskoraġġixxi tali ħlasijiet tardivi.

27

Huwa, għaldaqstant, kuntrarju għal tali għan li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 jiġi interpretat bħala li jipprekludi li spejjeż li jirriżultaw mit-tfakkir mibgħut lid-debitur minħabba l-ħlas tardiv ta’ dan tal-aħħar jistgħu jagħtu lok għal kumpens ogħla minn EUR 40, anki meta l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż jeċċedi tali somma f’daqqa.

28

Għandu jitfakkar ukoll li d-Direttiva 2011/7 tissostitwixxi d-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226), li l-Artikolu 3(1)(e) tagħha, kien jipprevedi li l-kreditur kellu dritt għal kumpens raġonevoli għall-ispejjeż ta’ rkupru kollha mġarrba bħala konsegwenza ta’ ħlas tardiv tad-debitur.

29

Sa fejn xejn ma jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2011/7, inaqqas il-protezzjoni mogħtija lill-kreditur permezz tad-Direttiva 2000/35, huwa jkun inkoerenti li jikkunsidra li, taħt id-Direttiva 2011/7, il-kreditur ikun jista’ jikseb biss kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-tfakkir mibgħut lid-debitur minħabba l-ħlas tardiv ta’ dan tal-aħħar sal-limitu ta’ EUR 40, anki meta dawn l-ispejjeż huma ogħla, filwaqt li huwa seta’ jikseb kumpens raġonevoli u, jekk ikun il-każ, ogħla minn dan l-ammont, taħt id-Direttiva 2000/35.

30

Għandu jiġi madankollu speċifikat li, peress li l-kumpens previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2011/7 għandu jkun raġonevoli, dan il-kumpens ma jista’ jkopri la l-parti tal-imsemmija spejjeż li diġà hija koperta mis-somma f’daqqa ta’ EUR 40 prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, u lanqas spejjeż li jidhru eċċessivi fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

31

Għaldaqstant, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 kif ukoll mill-għan ta’ din id-direttiva jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lil kreditur jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ tfakkir mibgħut lid-debitur minħabba l-ħlas tardiv ta’ dan tal-aħħar, li jikseb, minbarra s-somma f’daqqa ta’ EUR 40, kumpens raġonevoli għal dik il-parti ta’ dawn l-ispejjeż li l-ammont tagħhom jeċċedi din is-somma f’daqqa.

32

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-premessi 19 u 20 tad-Direttiva 2011/7.

33

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-preambolu ta’ att tad-dritt tal-Unjoni ma għandux valur ġuridiku vinkolanti u ma jistax jiġi invokat la biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 31).

34

Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, la mill-premessa 19 u lanqas mill-premessa 20 tad-Direttiva 2011/7 ma jirriżulta li s-somma f’daqqa msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva għandha tiġi kkunsidrata bħala l-ammont massimu li jista’ jiġi allokat lill-kreditur sabiex jiġi kkumpensat għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-tfakkir mibgħut lid-debitur minħabba l-ħlas tardiv ta’ dan tal-aħħar jew, b’mod ġenerali, għall-ispejjeż ta’ rkupru interni jew amministrattivi.

35

Għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u Franċiża tal-premessa 20 tad-Direttiva 2011/7 jidhru li jirriżervaw id-dritt għal rimbors b’rata fissa għall-ispejjeż interni ta’ rkupru biss (fixed sum to cover internal recovery costs) kuntrarjament għar-rimbors tal-ispejjeż l-“oħra” ta’ rkupru (other recovery costs they incur), tali distinzjoni formali bejn l-ispejjeż interni u l-ispejjeż l-“oħra” ta’ rkupru ma kinitx tidher fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-istess premessa, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Taljana (diritto al pagamento di un importo forfettario per coprire i costi intern […] esigere anche il risarcimento delle restanti spese di recupero sostenute) jew Olandiża (het recht op betaling van een vast bedrag ter dekking van interne invorderingskosten […] recht hebben op terugbetaling van de overige invorderingskosten die ontstaan).

36

Barra minn hekk, il-fatt li l-premessa 19 tad-Direttiva 2011/7 tipprovdi li din id-direttiva għandha tistabbilixxi somma f’daqqa minima għall-irkupru tal-ispejjeż amministrattivi u għall-kumpens tal-ispejjeż interni mġarrba minħabba ħlasijiet tardivi ma jeskludix li kumpens raġonevoli għal dawn l-ispejjeż jista’ jingħata lill-kreditur sa fejn din is-somma f’daqqa minima hija insuffiċjenti.

37

Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmija premessa tispeċifika li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru, din l-affermazzjoni għandha madankollu tinqara fid-dawl tal-istess premessa fl-intier tagħha. Minn dan isegwi li, permezz ta’ din il-preċiżazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kompla jenfasizza biss li n-natura awtomatika tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 40 tikkostitwixxi inċentiva għall-kreditur sabiex jillimita l-ispejjeż ta’ rkupru tiegħu għal dan l-ammont, mingħajr ma jiġi eskluż li dan il-kreditur ikun jista’ jikseb, jekk ikun il-każ, kumpens raġonevoli ogħla, iżda mhux b’mod awtomatiku.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikonoxxi lill-kreditur li jitlob il-kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-tfakkir mibgħut lid-debitur minħabba l-ħlas tardiv ta’ dan tal-aħħar id-dritt li jikseb, għal dan il-għan, minbarra s-somma f’daqqa ta’ EUR 40 prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kumpens raġonevoli, fis-sens tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, għall-parti ta’ dawn l-ispejjeż li teċċedi din is-somma f’daqqa.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikonoxxi lill-kreditur li jitlob il-kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mit-tfakkir mibgħut lid-debitur minħabba l-ħlas tardiv ta’ dan tal-aħħar id-dritt li jikseb, għal dan il-għan, minbarra s-somma f’daqqa ta’ EUR 40 prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kumpens raġonevoli, fis-sens tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, għall-parti ta’ dawn l-ispejjeż li teċċedi din is-somma f’daqqa.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.