SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) – Infiq eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq magħmul mir-Repubblika Ċeka – Regolament (KE) Nru 479/2008 – Artikolu 11(3) – Kunċett ta’ ‘ristrutturazzjoni tal-vinji’”

Fil-Kawża C‑4/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2017,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-proċedura:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Ondrůšek u B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Ottubru 2016, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (T‑141/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”EU:T:2016:621), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103 tas-16 ta’ Jannar 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 16, p. 33), inkwantu hija teskludi l-infiq magħmul minnha taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) favur il-miżura ta’ protezzjoni tal-vinji kontra l-ħsarat ikkawżati mill-annimali u mill-għasafar għas-snin 2010 sa 2012 (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża”) għal ammont totali ta’ EUR 2123 199.04 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999

2

Taħt it-Titolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 25), fil-Kapitolu III, intitolat “Ristrutturarizzazzjoni u konverżjoni”, l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“1.   Sistema għar-ristruzzurazzjoni u l-konverżjoni ta’ oqsma tad-dwieli hija b’hekk stabbilita.

2.   L-għan tas-sistema għandu jkun l-addattazzjoni tal-produzzjoni għad-domanda tas-suq.

3.   Is-sistema għandha tkopri waħda jew iżjed minn dawn il-miżuri li ġejjin:

a)

konverżjoni varjetali, inkluż permezz ta’ tilqim fuq ieħor;

b)

ri-allokazzjoni ta’ l-oqsma tad-dwieli;

ċ)

titjib fit-teknika tat-tmexxija ta’ l-oqsma tad-dwieli rrelatati ma’ l-għanijiet tas-sistema.

Is-sistema m’għandhiex tkopri r-rinnovament normali ta’ l-oqsma tad-dwieli li jkunu waslu fit-tmiem tal-ħajja naturali tagħhom.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2008

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 220, p. 35), kien jgħid, fil-premessa 11 tiegħu:

“Miżura fondamentali li hija eliġibbli fir-rigward tal-programmi nazzjonali ta’ appoġġ għandha tkun il-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-inbejjed tal-Komunità f’pajjiżi terzi. Fid-dawl ta’ l-effetti strutturali pożittivi tagħhom fuq is-settur, l-attivitajiet ta’ ristrutturazzjoni u trasformazzjoni għandhom ikomplu jkunu koperti. Għandu jkun disponibbli wkoll appoġġ għal investimenti fis-settur li jkunu mmirati li jtejbu l-prestazzjoni ekonomika ta’ l-intrapriżi. […]”

4

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 479/2008, intitolat “Kompatibbiltà u koerenza”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-programmi ta’ appoġġ għandhom ikunu kompatibbli mal-liġi Komunitarja u konsistenti ma’ l-attivitajiet, il-politika u l-prijoritajiet tal-Komunità.”

5

Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-preżentazzjoni tal-programmi ta’ appoġġ”:

“1.   Kull Stat Membru produttur imsemmi fl-Anness II, għandu, għall-ewwel darba sat-30 ta’ Ġunju 2008, jippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta’ programm ta’ appoġġ għal ħames snin li jkun fih il-miżuri konformement ma’ dan il-Kapitolu.

Il-miżuri ta’ appoġġ fil-programmi ta’ appoġġ għandhom jitfasslu fil-livell ġeografiku li l-Istati Membri jqisu l-aktar xieraq. Qabel ma jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni, il-programm ta’ appoġġ għandu jkun suġġett għal konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet u organizzazzjonijiet kompetenti fil-livell territorjali xieraq.

Kull Stat Membru għandu jippreżenta abbozz ta’ programm uniku li jista’ jakkomoda karatteristiċi partikolari reġjonali.

2.   Il-programmi ta’ appoġġ għandhom jibdew japplikaw tliet xhur wara li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni.

Madankollu, jekk il-programm ta’ appoġġ preżentat ma jkunx konformi mal-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru b’dan. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jippreżenta programm ta’ appoġġ rivedut lill-Kummissjoni. Il-programm rivedut isir applikabbli xahrejn wara n-notifika sakemm ma jkunx għad hemm xi inkompatibbiltà. Jekk iva dan is-subparagrafu għandu japplika.

[…]”

6

Taħt it-Titolu “Ristrutturazzjoni u konverżjoni ta’ vinji”, l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“1.   L-għan tal-miżuri relatati mar-ristrutturazzjoni u t-trasformazzjoni tal-vinji għandu jkun li tiżdied il-kompetittività tal-produtturi ta’ l-inbid.

2.   Ir-ristrutturazzjoni u t-trasformazzjoni tal-vinji għandhom ikunu appoġġjati taħt dan l-Artikolu biss jekk l-Istati Membri jippreżentaw inventarju tal-potenzjal produttiv tagħhom skond l-Artikolu 109.

3.   L-appoġġ għar-ristrutturazzjoni u t-trasformazzjoni tal-vinji jista’ jkopri biss waħda jew aktar minn dawn l-attivitajiet li ġejjin:

a)

konverżjoni varjetali, inkluż permezz ta’ tilqim fuq ieħor;

b)

ri-allokazzjoni ta’ l-oqsma tad-dwieli;

c)

titjib fit-teknika ta’ ġestjoni ta’ vinji.

L-iskema m’għandhiex tkopri t-tiġdid normali ta’ vinji li jkunu waslu fi tmiem il-ħajja naturali tagħhom.

4.   L-appoġġ għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-vinji jista’ jieħu l-forom li ġejjin biss:

a)

kumpens lill-produtturi għat-telf fid-dħul minħabba l-implimentazzjoni tal-miżura;

b)

kontribuzzjoni lejn l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

7

Il-fatti rilevanti li wasslu għat-tilwima ġew esposti fil-punti 1 sa 17 tas-sentenza appellata kif ġej:

“1

Fid-9 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat lill-Kummissjoni abbozz ta’ programm ta’ appoġġ għas-snin finanzjarji 2009 sa 2014, b’mod konformi mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 479/2008.

2

Fost il-miżuri tal-abbozz tal-programm kien hemm [il-miżura kontenzjuża], li kellha tiġi implimentata b’mezzi mekkaniċi, jiġifieri bi ċnut madwar il-perimetru tal-vinji jew b’diversi sistemi ta’ tnaffir, jew, b’mod alternattiv, b’mezzi attivi fejn persuni jemettu ħsejjes.

3

B’ittra tat-8 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat oġġezzjonijiet kontra l-abbozz imsemmi hawn fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008. Madankollu, l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux jirrigwardaw il-miżura ta’ protezzjoni [kontenzjuża].

4

Abbażi tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka rrevediet l-abbozz u fit-12 ta’ Frar 2009 għaddiet abbozz ġdid lill-Kummissjoni. It-tieni abbozz kien jinkludi mill-ġdid, mingħajr ebda tibdil, il-miżura ta’ protezzjoni [kontenzjuża]. Il-Kummissjoni ma reġgħetx qajmet oġġezzjonijiet kontra t-tieni abbozz.

5

Fl-20 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni lir-Repubblika Ċeka skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008, L 322M, p. 162) b’rabta ma’ investigazzjoni bir-referenza VT/VI/2009/101/CZ sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tal-miżuri tar-Repubblika Ċeka għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni ta’ vinji mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna f’dan il-qasam għal sena finanzjarja preċedenti, jiġifieri l-2007/2008. Din il-komunikazzjoni inter alia taqra kif ġej:

‘Madankollu, dan ir-riżultat juri biċ-ċar li x-xogħlijiet ta’ ristrutturazzjoni essenzjalment kienu limitati għall-protezzjoni tal-vinja eżistenti kontra l-annimali mingħajr interventi addizzjonali. Dan l-approċċ jippreżenta problema fir-rigward tal-konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, li jipprovdi li l-għan tal-leġiżlazzjoni huwa li l-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq. Jekk ir-ristrutturazzjoni fir-Repubblika Ċeka kienet limitata biss għall-protezzjoni tal-vinja eżistenti kontra l-annimali, prima facie l-infiq ma huwiex eliġibbli peress li dan ma għandu l-ebda relazzjoni mar-rekwiżiti previsti fir-regolament’. Fl-istess ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll li l-awtoritajiet Ċeki ‘għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu rrimedjati l-irregolaritajiet u n-nuqqas ta’ konformità’.

6

B’ittra tat-22 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni kkomunikat l-intenzjoni tagħha li twettaq investigazzjoni oħra bin-numru tar-referenza VT/VI/2009/004/CZ. L-investigazzjoni kienet ser tirrigwarda r-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-vinji fir-Repubblika Ċeka fis-sena finanzjarja 2008/2009.

7

Mis-26 sad-29 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni wettqet din l-investigazzjoni msemmija l-aħħar fir-Repubblika Ċeka.

8

B’riferiment għal VT/VI/2009/004/CZ, f’komunikazzjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 magħmula skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006 […], il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, dan li ġej fil-kuntest tal-investigazzjoni:

‘Waqt il-kontroll fuq is-sit, it-tim tal-verifika kellu dubji dwar kemm il-protezzjoni attiva u passiva kontra għasafar u annimali li huma kkaċċjati [kienet] eliġibbli fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni.’

9

Barra minn hekk, il-Kummissjoni fl-istess dokument għarrfet lir-Repubblika Ċeka li ‘il-protezzjoni attiva u passiva kontra l-għasafar u annimali li huma kkaċċjati ma tistax titqies bħala miżura ġdida li permezz tagħha l-immaniġġjar tal-vinji jittejjeb b’tali mod li l-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq’. Finalment, fil-komunikazzjoni jitfakkar ‘li fir-Regolament Nru 1493/1999 huwa stabbilit b’mod ċar li l-għan [tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni] għandu jkun li l-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq’.

10

Fil-31 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ċeka l-minuti ta’ laqgħa bilaterali li kienet inżammet fit-13 ta’ Diċembru 2010 dwar iż-żewġ investigazzjonijiet imsemmija bejn rappreżentanti tar-Repubblika Ċeka u d-dipartimenti tagħha stess skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006. Mill-31 ta’ Jannar 2011 beda jsir riferiment għaż-żewġ investigazzjonijiet imsemmijin preċedentement fil-bidu tal-korrispondenza kollha tal-Kummissjoni f’dan il-każ.

11

Fil-minuti l-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li l-infiq li kienet għamlet ir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-miżura ta’ protezzjoni [kontenzjuża] ma kienx jikkostitwixxi nfiq eliġibbli u talbet lir-Repubblika Ċeka għall-ħlas lura tal-ammont eżatt ta’ nfiq li kien ġie ddikjarat għas-snin finanzjarji 2008 sa 2010.

12

Fit-3 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni lir-Repubblika Ċeka skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 885/2006. F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni reġgħet enfasizzat u ppreċiżat il-fehma tagħha li l-forom tal-protezzjoni attiva u passiva ta’ vinji previsti mir-Repubblika Ċeka ma kinux koperti mill-kunċett ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1493/1999 u fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproponiet korrezzjoni finanzjarja li tammonta għal 52347 157.43 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 2040737) u EUR 11984 289.94 għas-snin finanzjarji 2007 sa 2010, filwaqt li s-snin finanzjarji 2007 u 2008 ġew suġġetti għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1493/1999 u s-snin finanzjarji l-oħra ġew suġġetti għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 479/2008.

13

Fuq talba tas-17 ta’ Jannar 2013 ippreżentata mir-Repubblika Ċeka, il-korp ta’ konċiljazzjoni organizza laqgħa fid-19 ta’ Ġunju 2013 u fit-2 ta’ Lulju 2013 ippubblika rapport finali dwar il-proċedura ta’ konċiljazzjoni taħt ir-referenza 13/CZ/552. F’dan ir-rapport, il-korp ta’ konċiljazzjoni stieden lill-Kummissjoni biex ma tipproponix korrezzjonijiet finanzjarji għall-infiq effettwat fir-rigward tal-programm sħiħ ta’ għajnuna għall-perijodu 2009 sa 2014 u sabiex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li timponi l-korrezzjoni finanzjarja proposta ta’ CZK 52347 157.43 (madwar EUR 2040737) u ta’ EUR 11984 289.94.

14

B’ittra tat-22 ta’ April 2014, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-Repubblika Ċeka opinjoni finali wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni. Fl-imsemmija opinjoni, il-Kummissjoni rrepetiet li, fil-fehma tagħha, il-miżura ta’ protezzjoni [kontenzjuża] ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli fil-kuntest tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni tal-vinji.

15

Fir-rigward tas-snin finanzjarji 2007 sa 2009, il-Kummissjoni rrilevat li minħabba l-assenza ta’ oġġezzjonijiet min-naħa tagħha kontra l-abbozz tal-programm ta’ għajnuna għall-miżura ta’ protezzjoni [kontenzjuża] r-Repubblika Ċeka bir-raġun setgħet tassumi li kienet miżura eliġibbli. Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka madankollu ma setax ikollha aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward wara r-riċeviment tal-ittra tagħha tat-22 ta’ Marzu 2010. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li korrezzjoni finanzjarja hija ġġustifikata għall-infiq kollu li sar wara t-22 ta’ Marzu 2010. Sussegwentement, din ipproponiet korrezzjoni finanzjarja għas-snin finanzjarji 2010 sa 2012 b’ammont totali ta’ EUR 2123 199.04.

16

Finalment, abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 6), il-Kummissjoni adottat id-[deċiżjoni kontenzjuża].

17

Fid-[deċiżjoni kontenzjuża], il-Kummissjoni eskludiet l-infiq magħmul mir-Repubblika Ċeka mill-FAEG għall-miżura ta’ protezzjoni [kontenzjuża] fil-qafas tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni tal-vinji għall-2010 sa 2012, b’ammont totali ta’ EUR 2123 199.04.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

8

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ċeka talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

9

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ċeka qajmet żewġ motivi bbażati, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 479/2008 kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikoli 11 u 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2006 u l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1).

10

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

It-talbiet tal-partijiet

11

Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

13

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka tinvoka tliet aggravji bbażati rispettivament:

ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008;

ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008 kif ukoll tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, u

ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 jew mal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll mal-Artikoli 11 u 16 tar-Regolament Nru 885/2006.

Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008

L-argumenti tal-partijiet

14

Bl-ewwel aggravju tagħha, dirett kontra l-punti 83 sa 90 tas-sentenza appellata, ir-Repubblika Ċeka tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008.

15

Il-Kummissjoni tqis, prinċipalment, li l-ewwel aggravju huwa kemm inammissibbli kif ukoll ineffettiv.

16

Minn naħa, hija tqis li dan huwa aggravju insostenn tat-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ma ġiex invokat b’mod awtonomu quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant huwa ġdid u, għalhekk, inammissibbli.

17

Min-naħa l-oħra, dan l-aggravju huwa, minbarra dan, ineffettiv sa fejn huwa jirrigwarda biss element parzjali tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali ddedikata għall-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement minn jekk huwiex fondat jew le, dan l-aggravju ma jistax iqiegħed f’dubju l-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali waslet għaliha rigward l-assenza ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju.

18

Ir-Repubblika Ċeka tirrispondi li, minkejja li l-ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008 ma ġiex ippreżentat inkwantu motiv quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ewwel aggravju tal-appell huwa ammissibbli għaliex, fl-ewwel istanza, l-argument tagħha kien ibbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni kienet ammettiet, waqt l-evalwazzjoni minn qabel tal-programm ta’ għajnuna, li l-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża kienet kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

19

Barra minn hekk, l-imsemmi aggravju ma jistax ikun ineffettiv għaliex il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża ma kinitx tosserva l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, huwa determinanti li jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20

B’mod preliminari, minkejja li r-Repubblika Ċeka rreferiet quddiem il-Qorti Ġenerali għall-konformità tal-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008, dan l-Istat Membru ma qajjimx, fir-rikors tiegħu għal annullament, il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Jirriżulta, fil-fatt, mill-punt 10 tar-replika ppreżentata minn dan l-Istat Membru quddiem il-Qorti Ġenerali li, “[p]eress li l-konformità tal-programm ta’ għajnuna kontenzjuż mad-dritt tal-Unjoni fl-intier tiegħu tirriżulta mill-preżunzjoni legali inkonfutabbli skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008, għal liema l-Kummissjoni nnifisha tat lok bl-imġiba tagħha, ma hemmx lok li jiġi ttrattat l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008”.

21

L-imsemmi rikors kien għaldaqstant ibbażat fuq il-premessa li l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008 kienet ġiet ammessa mill-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar ma kinitx esprimiet kritika kontra t-tieni verżjoni tal-abbozz ta’ programm ta’ għajnuna għas-snin 2009 sa 2014 li r-Repubblika Ċeka kienet bagħtitilha fit-12 ta’ Frar 2009.

22

Issa, fil-punti 83 sa 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ir-raġunijiet li għalihom miżura bħall-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża, li minnha ma kienx jirriżulta biċ-ċar li hija kienet tikkontribwixxi sabiex iżżid il-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb ma kinitx taqa’, manifestament, fil-fehma tagħha, taħt l-azzjonijiet elenkati fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 479/2008.

23

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet sabiex tiċħad, fis-sentenza appellata, l-ewwel motiv tar-rikors għal annullament.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikorrent jitħalla jippreżenta appell billi jsostni aggravji li jinħolqu mis-sentenza appellata nnifisha u li huma intiżi biex jikkritikaw, fil-liġi, il-fondatezza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 17, u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 55).

25

Min-naħa l-oħra, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li argument li ma jkunx tqajjem fl-ewwel istanza ma jikkostitwixxix motiv ġdid li huwa inammissibbli fl-istadju tal-appell jekk huwa jikkostitwixxi biss estensjoni ta’ argument diġà żviluppat fil-kuntest ta’ motiv ippreżentat fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 287 kif ukoll tal-10 ta’ April 2014, Areva et vs Il-Kummissjoni, C‑247/11 P u C‑253/11 P, EU:C:2014:257, punt 114).

26

Issa, għandu jiġi osservat li, fir-rikors tagħha għal annullament, ir-Repubblika Ċeka kienet qajmet, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ibbażat b’mod partikolari fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, argument li jgħid li l-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża kienet konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008.

27

Għaldaqstant, sa fejn it-teżi sostnuta mir-Repubblika Ċeka fl-ewwel istanza kienet tippreżupponi neċessarjament il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008 u sa fejn din il-kompatibbiltà ġiet ikkontestata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, l-aggravju bbażat fuq ksur ta’ dan l-artikolu għandu jitqies bħala l-estensjoni tal-ewwel motiv imsemmi fir-rikors promotur, ibbażat b’mod partikolari fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. L-imsemmi aggravju għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

28

Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta s-sentenza appellata sa fejn, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li, manifestament, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 479/2008 ma kienx ikopri l-miżuri nazzjonali li, bħall-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża, kienu intiżi għall-protezzjoni tal-vinji kontra ħsarat ikkawżati mill-annimali u mill-għasafar u, min-naħa l-oħra, li ma kienx jidher b’mod ċar li l-imsemmija miżura tikkontribwixxi sabiex iżżid il-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb, li, skont il-kliem tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, huwa l-għan tal-miżuri fil-qasam ta-ristrutturazzjoni u tal-konverżjoni tal-vinji.

29

Madankollu, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-vinji kontra ħsarat ikkawżat mill-annimali u mill-għasafar jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008 u, għaldaqstant, huma eliġibbli għal għajnuna fis-sens ta’ dan l-artikolu.

30

Fl-ewwel lok, dawn il-miżuri jikkostitwixxu titjib tat-tekniki tal-immaniġġjar tal-vinji, fis-sens tal-Artikolu 11(3)(ċ) tar-Regolament Nru 479/2008, sa fejn huma jikkontribwixxu għal rendiment aħjar tal-uċuħ tar-raba’ billi jipproteġu l-vinji u l-materjal ta’ tnissil tal-għeneb kontra l-infestazzjonijiet minn organiżmi ta’ ħsara. F’dan ir-rigward, l-appellanti tindika li, kull sena fir-Repubblika Ċeka, l-annimali u l-għasafar jikkawżaw ħsara fuq skala kbira fil-vinji. Fil-fatt, l-annimali jgerrmu z-zkuk tad-dwieli li, iddeterjorati b’dan il-mod, jipproduċu inqas jew ma jipproduċu xejn. Fir-rigward tal-għasafar, b’mod partikolari l-isturnell, huwa joqgħod fuq l-għeneb matul il-perijodu ta’ maturazzjoni, u b’dan il-mod joħloq problema speċifika lill-vinji tal-Ewropa Ċentrali fejn jinsab dan l-għasfur matul dan il-perijodu. Tali ċirkustanza tista’ twassal għall-qerda totali tal-uċuħ tar-raba’ jew għad-deterjorament komplet tal-għeneb li jisfa inutilizzabbli sabiex jiġi prodott inbid ta’ kwalità. Barra minn hekk, l-għeneb ikun iktar vulnerabbli għall-mard, li jista’ mbagħad jinfirex.

31

Din hija r-raġuni għalfejn ġew stabbiliti matul il-perijodu kkonċernat protezzjoni kollettiva, permezz tal-installazzjoni ta’ ċnut madwar il-vinji, u protezzjoni individwali, permezz ta’ arbli sabiex jiġi evitat li d-diversi zkuk tad-dwieli jiġu mgerrma. Il-maġġoranza l-kbira tal-fondi kkonċernati mill-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża ġiet allokata għall-protezzjoni kontra l-annimali, għaliex biss madwar CZK 4 miljun (madwar EUR 155938) ġew assenjati għall-protezzjoni kontra l-għasafar, fil-forma ta’ protezzjoni attiva, permezz tal-preżenza fiżika ta’ persuni fil-vinji, ta’ rondi u ta’ tnaffir tal-għasafar, u passiva, permezz ta’ dispożittivi ta’ dissważjoni li tiffunzjona fuq prinċipju mekkaniku, ottiku jew akustiku.

32

Fit-tieni lok, l-ebda waħda mill-miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-vinji kontra l-ħsarat ikkawżati mill-annimali u mill-għasafar ma tista’ tiġi assimilata għal miżura ta’ tiġdid normali ta’ vinja li tkun waslet fi tmiem il-ħajja naturali tagħha, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 479/2008.

33

Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 479/2008, il-vinji intiżi għall-protezzjoni tal-vinji kontra l-ħsarat ikkawżati mill-annimali u mill-għasafar ikabbru l-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb. Huma jippermettu, fil-fatt, li tiġi ssodisfatta domanda għolja għal inbejjed ta’ kwalità mmaturati fit-tul billi jiġi limitat l-iżvantaġġ kompetittiv ikkawżat mill-isturnell. Il-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża fil-fatt saħħet il-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb Ċeki fis-suq tat-tkabbir tal-għeneb tal-Unjoni billi ppermettiet li tiġi ttriplikata l-produzzjoni Ċeka ta’ inbejjed ta’ kwalità mmaturati fit-tul, peress li din għaddiet minn 51000 ettolitru għas-sena 2005 għal 121000 ettolitru mis-sena 2008, sabiex jintlaħaq 161000 ettolitru għas-sena 2012, l-aħħar sena ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura.

34

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża ma kinitx eliġibbli għal finanzjament, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 479/2008.

35

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat, għaliex l-għan ta’ protezzjoni kontenzjuża huwa unikament sabiex jiġi ppreżervat il-volum ta’ produzzjoni u mhux li tiġi adattata l-produzzjoni għad-domanda tas-suq jew li tiżdied il-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb.

36

Barra minn hekk, l-imsemmija miżura ma jistax ikollha bħala skop li tikkumpensa l-iżvantaġġ kompetittiv sostnut mill-persuni li jkabbru l-għeneb tal-Ewropa Ċentrali minħabba l-preżenza tal-isturnell fil-mument tal-ġbir. Fil-fatt, l-għan tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tal-vinji ma huwiex, bħal fil-każ tal-Fond ta’ Koeżjoni, li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeografika u mill-kundizzjonijiet naturali u lanqas li jiġu mnaqqsa d-disparitajiet reġjonali, iżda, pjuttost bil-kontra, li tiġi sostnuta u mkabbra l-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb tal-Unjoni kollha, indipendentement mir-reġjun li fih huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom.

37

Minbarra dan, il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ konverżjoni tal-vinji għandhom jikkontribwixxu għall-konverżjoni varjetali u għat-titjib tat-tekniki tal-immaniġġjar tal-vinji. Issa, anki jekk jingħad li l-protezzjoni tal-produzzjoni kontra organiżmi ta’ ħsara tippermetti li jiġi prodott inbid fi kwantità ikbar u ta’ kwalità superjuri, din il-protezzjoni tillimita ruħha, minkejja kollox, li żżomm il-volum tal-produzzjoni eżistenti. Għaldaqstant, it-tekniki ta’ tnaffir tal-għasafar, li ilhom jintużaw is-sekli, jew ta’ protezzjoni kontra l-annimali ma jikkostitwixxu bl-ebda mod evoluzzjoni kwalitattiva tal-immaniġġjar tal-vinji.

38

Fl-aħħar nett, sabiex tiġi protetta l-produzzjoni kontra l-annimali, ir-Regolament Nru 479/2008 jipprevedi parteċipazzjoni finanzjarja għall-ispiża tal-primjums ta’ assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi, fil-limitu ta’ 50 % ta’ din l-ispiża, b’mod konformi mal-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament juri l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jsostni finanzjarjament it-tkabbir tal-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb, u dan imur lil hinn minn żieda jew żamma tal-volumi ta’ produzzjoni tagħhom. Ir-regoli msemmija fl-Artikolu 14 tal-istess regolament juru li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma njorax il-miżuri li sempliċement jipproteġu l-produzzjoni kontra l-organiżmi ta’ ħsara.

39

Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tirrispondi li l-argument tal-Kummissjoni jammonta għal żieda mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008 ta’ kundizzjonijiet li ma jirriżultawx mill-kliem ta’ dan l-artikolu. B’mod partikolari, dan l-artikolu bl-ebda mod ma jissuġġetta l-eliġibbiltà għal għajnuna għall-kundizzjoni tal-użu ta’ teknika ġdida ta’ mmaniġġjar tal-vinji. Huwa biss rilevanti l-fatt li t-teknika użata, kemm jekk hija reċenti jew antika, tippermetti li jitjieb l-immaniġġjar tal-vinja inkwistjoni. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ miżura oħra ta’ protezzjoni tal-produzzjoni kontra l-annimali, bħal dik prevista fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, ma tistax tinfluwenza l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna koperta mill-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament.

40

Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ma tafferma li hija qatt ma allegat li biss invenzjoni tista’ titqies bħala “titjib tat-tekniki tal-immaniġġjar tal-vinji”. B’dan il-mod, tekniki eżistenti jew saħansitra antiki jistgħu, flimkien ma’ teknoloġiji u ideat ġodda, iwasslu għal kompetittività ikbar. Madankollu, il-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża, b’mod partikolari t-tnaffir tal-għasafar preżenti fil-vinji permezz tal-emissjoni ta’ ħsejjes jew permezz tal-installazzjoni ta’ naffara, sempliċement tirriproduċi metodi li ilhom magħrufa is-sekli u ma tbiddel xejn fil-varjetà tax-xtieli tad-dwieli u lanqas fit-tekniki ta’ mmaniġġjar tal-vinji.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Ċeka tikkritika l-punti 83 sa 90 tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, f’dawn il-punti, li l-kliem tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 479/2008 ma jkoprix, manifestament, il-miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-vinji kontra l-ħsara kkawżata mill-annimali u mill-għasafar, bħall-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża, u li ma jidhirx b’mod ċar kif dawn il-miżuri jistgħu jservu sabiex jassiguraw tkabbir fil-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb.

42

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża ma tistax tiġi kklassifikata bħala miżura intiża għall-“konverżjoni tal-vinji” fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008. Għaldaqstant l-eżami tal-fondatezza tal-ewwel aggravju jimplika biss li jiġi evalwat jekk din il-miżura tistax tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ “ristrutturazzjoni tal-vinji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

43

F’dan ir-rigward, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jinkludi l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti s-sens u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tinstab billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan segwit permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tat-18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding, C‑617/15, EU:C:2017:390, punt 22).

44

L-interpretazzjoni letterali tat-terminu “ristrutturazzjoni” juri l-ambigwità ta’ dan it-terminu. Fil-fatt, fil-lingwaġġ kurrenti, ristrutturazzjoni tindika l-azzjoni ta’ organizzazzjoni mill-ġdid skont prinċipji ġodda jew bi strutturi ġodda, ta’ sistema li ma titqiesx li hija ta’ prestazzjoni suffiċjenti. Ristrutturazzjoni ta’ vinja tista’ għalhekk tirriżulta minn modifiki li jaffettwaw kemm il-prinċipji ta’ mmaniġġjar ta’ din kif ukoll l-artijiet li fuqhom hija eżerċitata l-attività ta’ tkabbir ta’ għeneb.

45

Meta, bħal f’dan il-każ, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun ambigwa u, għaldaqstant, tkun tista’ tingħata diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata prijorità lil dik li hija tali li tissalvagwardja l-effettività tagħha billi tiġi interpretata, għal dan il-għan, fid-dawl tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1980, Roudolff, 803/79, EU:C:1980:166, punt 7, u tal-24 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 21).

46

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 479/2008 jirriżulta li l-għan tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni tal-vinji huwa li titkabbar il-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb.

47

Fir-rigward ta’ dan l-għan, miżura relattivament modesta, li tillimita ruħha li timmaniġġja aħjar il-vinja billi tipproteġi x-xtieli tad-dwieli b’diversi mezzi, li twassal għal żieda ta’ kompetittività sinjifikattiva favur l-agrikolturi tista’ tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ ristrutturazzjoni. B’mod partikolari, u bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, mill-kliem tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 479/2008 bl-ebda mod ma jirriżulta li miżuri li jużaw tekniki eżistenti jew saħansitra antiki ma jistgħux ikunu eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-vinji ħlief bil-kundizzjoni li jkunu kkombinati b’teknoloġiji u ideat ġodda.

48

Għandu, bil-kontra, jiġi evalwat konkretament it-titjib tat-tekniki ta’ mmaniġġjar tal-vinja, u dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ mmaniġġjar ta’ vinja li jipprevalu fil-mument li fih tintalab l-għajnuna.

49

Huwa minnu li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas-27 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid fir-rigward ta’ programmi ta’ appoġġ, kummerċ ma’ pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur ta’ l-inbid (ĠU 2008, L 170, p. 1), fir-redazzjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 202/2013 tat-8 ta’ Marzu 2013 (ĠU 2013, L 67, p. 10), jeskludi mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-vinji miżura intiża sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-vinji kontra l-ħsarat ikkawżati mill-annimali li huma kkaċċjati, għasafar jew silġ. Madankollu huwa ma jikkonstatax li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 202/2013, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Marzu 2013, huwa inapplikabbli ratione temporis għall-fatti li taw lok għat-tilwima. Għaldaqstant huwa ma jista’ jipprovdi l-ebda indikazzjoni sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 479/2008.

50

F’dan il-każ, kif ġie sostnut mir-Repubblika Ċeka fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża ppermettiet li tiġi ttriplikata l-produzzjoni Ċeka ta’ inbejjed ta kwalità mmaturati fit-tul, peress li din għaddiet minn 51000 ettolitru għas-sena 2005 għal 161000 ettolitru għas-sena 2012, l-aħħar sena ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura.

51

Peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx dawn l-affermazzjonijiet u lanqas ma pprovat l-assenza ta’ domanda għal tali inbejjed min-naħa tal-konsumaturi, għandu jitqies li l-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża kkontribwixxiet sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-persuni li jkabbru l-għeneb Ċeki, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 76, 77 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu.

52

B’dan il-mod, fis-silenzju tar-Regolament Nru 479/2008 rigward in-natura eliġibbli għal għajnuna ta’ miżuri li jipproteġu l-vinji b’mod partikolari kontra l-ħsarat ikkawżati minn annimali li huma kkaċċjati jew mill-għasafar, jidher li ma kienx hemm bażi legali sabiex jiġi rrifjutat lir-Repubblika Ċeka li tiġi inkluża l-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża fost il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ konverżjoni tal-vinji.

53

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-kliem tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 479/2008 ma kienx ikopri l-miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-vinji kontra l-ħsarat ikkawżati mill-annimali u mill-għasafar, bħall-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża.

54

Għaldaqstant l-ewwel aggravju għandu jiġi ddikjarat bħala fondat.

55

Peress li dan l-aggravju ġie ddikjarat bħala fondat, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravju.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

56

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ għalhekk tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

57

F’dan il-każ, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi definittivament il-kawża, li hija fi stat li tiġi deċiża.

58

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 65 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ riskju ta’ konsegwenzi finanzjarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tagħżel, fil-mument tal-clearance tal-kontijiet tal-FEAGA, interpretazzjoni li, peress li titbiegħed mis-sens komuni tal-kliem użat, ma hijiex xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1998, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑238/96, EU:C:1998:451, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 42 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ titbiegħed mis-sens komuni tal-kliem tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 479/2008, għaliex din l-istituzzjoni kkunsidrat li l-miżura ta’ protezzjoni kontenzjuża ma kinitx eliġibbli fil-kuntest tal-programm b’mod partikolari ta’ ristrutturazzjoni tal-vinji.

59

Għaldaqstant, l-ewwel motiv invokat mir-Repubblika Ċeka fl-ewwel istanza, ibbażat b’mod partikolari fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jintlaqa’, u d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

60

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ definittivament il-kawża, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

61

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ċeka rebħet fil-kuntest tal-appell u peress li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ntlaqa’, hemm lok, b’mod konformi mat-talbiet tar-Repubblika Ċeka, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika Ċeka, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Ottubru 2016, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (T‑141/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:621), hija annullata.

 

2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103 tas-16 ta’ Jannar 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), inkwantu hija teskludi l-infiq magħmul mir-Repubblika Ċeka taħt il-FAEG favur il-miżura ta’ protezzjoni tal-vinji kontra l-ħsarat ikkawżati mill-annimali u mill-għasafar għas-snin 2010 sa 2012 għal ammont totali ta’ EUR 2123 199.04, hija annullata.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tar-Repubblika Ċeka sostnuti kemm fil-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll f’dik ta’ dan l-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.