SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 8 – Skemi komplementari ta’ previdenza – Protezzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tax-xjuħija – Livell ta’ protezzjoni minima ggarantit”

Fil-Kawża C-17/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Grenville Hampshire

vs

The Board of the Pension Protection Fund

fil-preżenza ta’:

Secretary of State for Work and Pensions

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Hampshire, minn I. Walker, solicitor, J. Bourke, barrister, u G. Facenna, QC,

għal The Board of the Pension Protection Fund, minn A. Banister, solicitor, u J. Hilliard, QC,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon kif ukoll minn R. Fadoju u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn J. Coppel, QC,

għall-Gvern Irlandiż, minn M. Browne, J. Quaney, E. Creedon kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn Ú. Tighe, BL,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Grenville Hampshire u l-Board of the Pension Protection Fund (il-Bord tal-Fond tal-Protezzjoni tal-Pensjoni, iktar ’il quddiem il-“Bord tal-FPP”), dwar il-kalkolu tad-drittijiet tiegħu għal benefiċċji tax-xjuħija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 3 tad-Direttiva 2008/94 hija fformulata kif ġej:

“Jeħtieġ li jsir provvediment għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u biex jiġi żgurat livell minimu ta’ protezzjoni, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ żvilupp, ekonomiku u soċjali, bilanċjat [fl-Unjoni Ewropea]. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din tapplika għall-pretensjonijiet ta’ ħaddiema impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol fis-seħħ kontra persuni li jimpjegaw li jinsabu fi stat ta’ insolvenza fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva.

5

Skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li jkunu diġa’ telqu mill-impriża jew negozju ta’ min iħaddem fid-data tal-bidu tal-insolvenza tiegħu fir-rigward tad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew prospettivament għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, taħt skemi pensjonistiċi supplimentari okkupazzjonali jew inter-okkupazzjonali li ma jkunux parti mill-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.”

6

L-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2008/94 jipprevedi li din id-direttiva ma taffettwax il-possibbiltà tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw abbużi.

Id-dritt tar-Renju Unit

7

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija, id-Direttiva 2008/94 ġiet trasposta fid-dritt tar-Renju Unit essenzjalment mill-Pensions Act 2004 (l-Att dwar il-Pensjonijiet tal-2004, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2004”).

8

Din il-liġi stabbilixxiet fond legali ta’ garanzija tal-pensjonijiet, imsejjaħ Pension Protection Fund (iktar ’il quddiem il-“PPF”) u amministrat mill-Bord tal-FPP. Fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, dan il-fond jassumi responsabbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-pretensjonijiet ta’ ħaddiema impjegati skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali. Għall-finanzjament ta’ dan il-kompitu, il-fond jimponi miżata fuq l-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali kollha awtorizzati.

9

Meta persuna li timpjega li tipparteċipa fi skema eliġibbli ta’ previdenza ta’ benefiċċji ssir insolventi, il-Bord tal-FPP jassumi responsabbiltà għal din l-iskema, skont il-Liġi tal-2004, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet.

10

Fost numru minn dawn il-kundizzjonijiet, hemm dik stabbilita fl-Artikolu 127(2)(a) tal-Liġi tal-2004, li “il-valur tal-attiv tal-iskema fid-data rilevanti jkun inqas mill-ammont ta’ obbligazzjonijiet protetti”.

11

L-obbligazzjonijiet protetti, kif iddefiniti fl-Artikolu 131 tal-Liġi tal-2004, ma jkoprux it-totalità tad-drittijiet tal-pensjoni tal-ħaddiema impjegati kollha tal-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali, iżda biss l-ispejjeż sabiex jiġu ggarantiti l-benefiċċji li jikkorrispondu mal-kumpens li jitħallas konformement mad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens tal-pensjoni jekk il-Bord tal-FPP jassumi responsabbiltà għall-iskema (iktar ’il quddiem il-“kumpens FPP”).

12

Il-Liġi tal-2004, b’mod partikolari l-Artikolu 162 tagħha, ma tipprevedix tnaqqis tad-drittijiet għal ħaddiema impjegati li, fil-mument tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom, diġà kienu laħqu l-età normali tal-irtirar stabbilita fl-iskema ta’ previdenza tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema impjegati li fil-mument tal-insolvenza jkunu għadhom ma laħqux l-età normali tal-irtirar għandhom biss dritt għal 90 % tal-valur tad-drittijiet miksuba tagħhom. Barra minn hekk, id-dritt tagħhom huwa suġġett għal limitu massimu, konformement mal-punt 26 tal-Appendiċi 7 tal-Liġi tal-2004.

13

Il-livell tal-limitu massimu tal-kumpens, applikabbli għal ħaddiema ta’ ċerta kategorija ta’ età, huwa stabbilit mill-FPP. Il-Bord tal-FPP jippubblika fatturi attwarji li jnaqqsu l-limitu massimu għall-membri li jirċievu l-kumpens tagħhom f’età inqas minn 65 sena. Skont il-punt 26(7) tal-Appendiċi 7 tal-Liġi tal-2004, il-livell massimu għall-kumpens ma huwiex il-limitu massimu fih innifsu, iżda jikkorrispondi għal 90 % tal-ammont tal-limitu massimu.

14

Il-punt 28 tal-Appendiċi 7 tal-Liġi tal-2004 jipprovdi, barra minn hekk, li l-livelli massimi għandhom jiġu aġġustati skont l-inflazzjoni, fil-limitu ta’ 2.5 % fis-sena. Madankollu, aġġustament tal-livell massimu skont din id-dispożizzjoni ma huwiex previst għall-kumpens li huwa attribwibbli għal impjieg li jippreċedi s-6 ta’ April 1997.

15

F’każ ta’ insolvenza taħt il-Liġi tal-2004, jibda perijodu ta’ evalwazzjoni skont l-Artikolu 132 ta’ din tal-aħħar, li matul tiegħu l-livell ta’ finanzjament tal-iskema għandu jiġi eżaminat sabiex jiġi ddeterminat jekk FPP għandux jieħu f’idejh, jew le, l-iskema kkonċernata, konformement mal-Artikolu 127(2) (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ evalwazzjoni”). Matul dan il-perijodu ta’ evalwazzjoni, l-Artikolu 138 tal-Liġi tal-2004 jeżiġi li l-benefiċċji pagabbli lill-membri għandhom jitnaqqsu għal-livell tal-kumpens li jitħallas li kieku l-FPP kien assuma responsabbiltà għall-iskema.

16

Skont l-Artikoli 143 u 144 tal-Liġi tal-2004, il-valutazzjoni tal-obbligazzjonijiet protetti u tal-attiv tal-iskema, imwettqa matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni, issir vinkolanti jekk tiġi approvata mill-Bord tal-FPP, u din il-valutazzjoni hija konklużiva sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 127(2) (a) tal-imsemmija liġi għall-finijiet tat-trasferiment tal-kompetenza lil FPP hijiex issodisfatta.

17

Skont l-Artikolu 154 tal-Liġi tal-2004, jekk l-attiv tal-iskema jitqies li huwa suffiċjenti sabiex jitħallsu l-ispejjeż tal-obbligazzjonijiet protetti, fid-data tal-insolvenza, l-iskema tibqa’ barra mill-PPF u hija llikwidata mill-amministraturi tagħha. F’dan il-każ, l-iskema komplementari ta’ previdenza kkonċernata għandha tħallas lill-ħaddiema benefiċċji tax-xjuħija ta’ valur ekwivalenti għall-kumpens FPP mill-kumplament tal-fondi. Skont l-Artikolu 154(7) tal-Liġi tal-2004, l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali hija suġġetta, f’dan il-kuntest, għall-istruzzjonijiet tal-FPP.

18

F’każ li l-attiv tal-iskema jitqies li huwa insuffiċjenti sabiex jitħallsu l-obbligazzjonijiet protetti, il-Bord tal-FPP isir responsabbli għall-iskema. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 161(2) tal-Liġi tal-2004 jipprovdi:

“Il-konsegwenza tal-inkarigar bir-responsabbiltà ta’ skema mill-Bord [tal-FPP] hija li

(a)

il-proprjetà, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-iskema jiġu ttrasferiti lill-Bord [tal-FPP], mingħajr garanzija oħra, b’effett mill-mument fejn l-amministraturi jew il-ġestjonarji jirċievu n-notifika tat-trasferiment,

(b)

l-amministraturi jew ġestjonarji tal-iskema jinħelsu mill-obbligi tagħhom relatati mal-pensjoni b’effett minn dan il-mument,

(c)

b’effett minn dan il-mument, il-Bord [tal-FPP] huwa inkarigat li jiggarantixxi li l-kumpens ikun (u li kien) imħallas konformement mad-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens tal-pensjoni u, konsegwentement, l-iskema għandha titqies li ġiet illikwidata immedjatament wara dan il-mument.”

19

Konformement mal-Pension Protection Fund (Pension Compensation Cap) Order 2006 (id-Digriet tal-2006 tal-Fondi tal-Protezzjoni tal-Pensjonijiet (Limitu Massimu tal-Kumpens tal-Pensjoni)), b’effett mil-1 ta’ April 2006, il-limitu massimu, għall-età ta’ 65 sena, kien ta’ 28 944.45 lira sterlina (GBP).

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

G. Hampshire ġie impjegat minn Turner & Newall plc (iktar ’il quddiem “T&N”) bejn is-snin 1971 u 1998. Matul dan il-perijodu kollu, huwa kien affiljat mal-iskema ta’ benefiċċji tal-irtirar ta’ T&N (iktar ’il quddiem l-“iskema T&N”).

21

Wara li tkeċċa matul is-sena 1998 b’segwitu għall-akkwist ta’ T&N minn Federal-Mogul Corporation of America, G. Hampshire rtira kmieni fl-età ta’ 51 sena, filwaqt li l-età tal-irtirar għall-ħaddiema impjegati affiljati mal-iskema T&N kienet ta’ 62 sena L-amministraturi tal-iskema T&N informawh li l-pensjoni tiegħu kienet tammonta għal GBP 48 781.80 fis-sena, qabel it-tnaqqis tat-taxxi, b’żieda annwali ta’ mill-inqas 3 %.

22

Peress li Federal-Mogul Corporation of America talbet protezzjoni kontra l-insolvenza matul is-sena 2001 mill-Istati Uniti, fl-10 ta’ Lulju 2006, il-FPP beda, fir-Renju Unit, proċedura ta’ evalwazzjoni tal-obbligazzjonijiet protetti u tal-attiv tal-iskema T&N. Dak iż-żmien, G. Hampshire kellu 58 sena.

23

Fi tmiem din l-evalwazzjoni, il-Bord tal-FPP approva, fid-19 ta’ Settembru 2011, l-evalwazzjoni li tgħid li, fid-data tal-10 ta’ Lulju 2006, l-attiv tal-iskema T&N kien jeċċedi l-obbligazzjonijiet protetti, b’mod li kien hemm biżżejjed fondi sabiex jitħallsu l-benefiċċji tax-xjuħija ta’ valur ekwivalenti għall-kumpens FPP (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2011”). Għalhekk, il-Bord tal-FPP ma inkarigax ruħu bir-responsabbiltà għal din l-iskema.

24

L-ammont gross tal-pensjoni ta’ G. Hampshire, wara aġġustament għal kapital ta’ GBP 89965 miksub wara l-irtirar tiegħu matul is-sena 1998, ġie stabbilit għas-somma ta’ GBP 19819per annum, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-fatt li, fid-data tal-10 ta’ Lulju 2006, huwa kien għadu ma laħaqx l-età normali tal-irtirar tal-iskema T&N u li, konsegwentement, ir-regola tal-limitu massimu previst fil-punt 26 tal-Appendiċi 7 tal-Liġi tal-2004 kienet applikabbli fil-konfront tiegħu.

25

Konsegwentement, il-pensjoni ta’ G. Hampshire naqset b’madwar 67 % meta mqabbla mad-drittijiet ta’ GBP 60240per annum li kien jikseb li kieku l-persuna li timpjegah ma kinitx saret insolventi.

26

Barra minn hekk, peress li l-perijodu ta’ impjieg ta’ G. Hampshire żvolġa essenzjalment qabel is-6 ta’ April 1997, huwa ġie wkoll imċaħħad mill-parti l-kbira tad-drittijiet tiegħu għal żieda annwali tal-pensjoni tiegħu. Għaldaqstant, skont il-kalkolu tiegħu stess, huwa jirċievi madwar 25 % tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu li jirriżultaw mill-impjieg tiegħu ma’ T&N.

27

G. Hampshire, flimkien ma’ ħmistax-il ħaddiem preċedenti ieħor ta’ T&N li huma kkonċernati minn tnaqqis simili, ressaq kawża quddiem il-Pension Protection Fund Ombudsman (il-Medjatur tal-Fondi tal-Protezzjoni tal-Pensjonijiet, ir-Renju Unit) sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-iskema T&N kif approvata mill-Bord tal-FPP fid-deċiżjoni tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2011.

28

Wara li t-talba tiegħu ġiet miċħuda fid-19 ta’ Frar 2014, G. Hampshire ppreżenta rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità, ir-Renju Unit).

29

Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2014, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ G. Hampshire. Dan tal-aħħar appella quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit).

30

G. Hampshire essenzjalment sostna li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-2004 li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2011 ma kinux konformi mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom bħala konsegwenza li ċerti ħaddiema impjegati jirċievu inqas minn 50 % tal-valur tad-drittijiet kweżiti tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija.

31

Min-naħa tiegħu, il-FPP sostna li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva kien jeżiġi biss li s-sistemi ta’ protezzjoni kollha jiggarantixxu lill-ħaddiema impjegati kollha, membri ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali, kumpens ta’ ammont ugwali għal minn tal-inqas 50 % tal-valur tad-drittijiet kweżiti tagħhom. Min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li kull ħaddiem impjegat individwali jirċievi kumpens ugwali għal tal-inqas 50 % tal-valur tad-drittijiet kweżiti tagħhom stess.

32

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987/KEE [tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 23)] (issa ssostitwit bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li kull ħaddiem impjegat individwali jirċievi mill-inqas 50 % tal-valur tad-drittijiet miksuba tiegħu għall-benefiċċji tax-xjuħija fil-każ li l-persuna li timpjegah issir insolventi (bl-unika eċċezzjoni tal-każijiet ta’ abbuż, li għalihom japplika l-Artikolu 10(a) ta’ din id-direttiva)?

2)

Sussidjarjament, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-qrati nazzjonali, huwa suffiċjenti, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987/KEE għal Stat Membru li jkollu sistema ta’ protezzjoni li fiha l-ħaddiema impjegati ġeneralment jirċievu iktar minn 50 % tal-valur tad-drittijiet miksuba tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija iżda xi ħaddiema impjegati individwali jirċievu inqas minn 50 % [minnha] skont:

a)

limitu finanzjarju massimu fuq l-ammont ta’ kumpens imħallas lill-ħaddiema impjegati (b’mod partikolari ħaddiema impjegati li ma jkunux laħqu l-età normali ta’ irtirar tal-iskema tagħhom ta’ previdenza fil-mument tal-insolvenza tal-persuna li timpjegahom); u/jew

b)

regoli li jillimitaw iż-żidiet annwali fil-kumpens imħallas lill-impjegati jew l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ kull sena tad-drittijiet tagħhom qabel l-età ta’ irtirar?

3)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987/KEE għandu effett dirett fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

33

Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba n-natura ipotetika tad-domandi magħmula. Fil-fatt, minkejja li l-attiv tal-iskema T&N kien evalwat mingħajr kunsiderazzjoni għal-limitu massimu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-attiv ta’ dik l-iskema jeċċedi l-obbligazzjonijiet protetti u, għaldaqstant, il-FPP ma jinkarigax ruħu mir-responsabbiltà għall-imsemmija skema u jibqa’ ġestit mill-amministraturi tiegħu. Għalhekk, fl-assenza ta’ applikabbiltà diretta orizzontali tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, G. Hampshire jista’ biss jinvoka d-drittijiet tiegħu billi jitlob kumpens mill-Istat, li ma huwiex is-suġġett tar-rikors fil-kawża prinċipali.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu esklużiv tal-qorti nazzjonali, li tkun ħadet konjizzjoni tal-kawża u li jkollha tinkariga ruħha bir-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, F.Hoffmann-La Roche et, C-179/16, EU:C:2018:25, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C-179/16, EU:C:2018:25, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fil-każ preżenti, ma huwiex manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, dawn id-domandi, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, iqumu fil-kuntest ta’ tilwima li tikkonċerna l-konformità tar-regoli tal-Liġi tal-2004 dwar il-kalkolu tal-obbligazzjonijiet protetti mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni. Peress li l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha bħala konsegwenza evalwazzjoni ġdida tal-obbligazzjonijiet protetti mill-FPP u, konsegwentement, drittijiet għall-pensjoni ta’ G. Hampshire, hemm rabta suffiċjenti bejn l-għan tal-kawża prinċipali u l-imsemmija domandi preliminari.

37

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jipproduċix effett dirett f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali hija wkoll rilevanti peress li, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha, il-qorti tar-rinviju tista’ tiddeċiedi jekk G. Hampshire jistax jinvoka l-imsemmi Artikolu 8 fil-konfront tal-Bord tal-FPP.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

39

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li kull ħaddiem impjegat individwali għandux jibbenefika minn kumpens li jikkorrispondi minn tal-inqas għal 50 % tal-valur tad-drittijiet kweżiti tiegħu skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah, jew jekk huwiex suffiċjenti li dan il-kumpens ikun iggarantit għall-parti l-kbira tal-ħaddiema impjegati, iżda, skont ċerti limiti previsti mid-dritt nazzjonali, uħud minn dawn il-ħaddiema impjegati jirċievu madankollu kumpens ta’ inqas minn 50 % tal-valur tad-drittijiet kweżiti tagħhom.

40

Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema impjegati u tal-persuni li jkunu diġà telqu mill-impriża jew mill-istabbiliment tal-persuna li timpjegahom fl-okkorrenza tal-insolvenza tagħhom, fir-rigward tad-drittijiet kweżiti tagħhom, jew tad-drittijiet fi proċess li jiġu kweżiti, għal benefiċċji tax-xjuħija skont skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali li jkun hemm barra mill-iskemi legali nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

41

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni kbira sabiex jiddeterminaw kemm il-mekkaniżmu kif ukoll il-livell ta’ din il-protezzjoni, u dan jeskludi obbligu ta’ garanzija integrali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et, C-278/05, EU:C:2007:56, punti 36 u 42 sa 45; tal-25 ta’ April 2013, Hogan et, C-398/11, EU:C:2013:272, punt 42, u tal-24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann, C-454/15, EU:C:2016:891, punt 34).

42

Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 ma jipprekludix li l-Istati Membri, meta jfittxu objettivi ekonomiċi u soċjali leġittimi, u b’mod partikolari, b’kunsiderazzjoni għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, inaqqsu d-drittijiet kweżiti tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom.

43

Madankollu, fir-rigward tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987, li sar l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jistgħu, f’ċerti każijiet, iwasslu għal garanzija tal-benefiċċji limitati minn tal-inqas għal nofs id-drittijiet kweżiti ma jistgħux jitqiesu bħala li jaqgħu taħt id-definizzjoni tat-terminu “protezzjoni” użat f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et, C-278/05, EU:C:2007:56, punt 57).

44

Għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kien hemm inkwistjoni b’mod partikolari d-drittijiet għal benefiċċji ta’ żewġ ex impjegati li kienu rċevew biss 20 % u 49 % rispettivament tal-benefiċċji tax-xjuħija li huma setgħu jinvokaw (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et, C-278/05, EU:C:2007:56, punt 54).

45

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-interpretazzjoni fis-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Hogan et (C-398/11, EU:C:2013:272), mogħtija f’kawża fejn kien hemm inkwistjoni drittijiet għall-benefiċċji tax-xjuħija akkumulati individwalmenti minn għaxar ex ħaddiem impjegat, li l-ismijiet tagħhom issemmew fis-sentenza, li kull wieħed minnhom kien affiljat ma’ waħda mill-iskemi komplementari ta’ previdenza għal benefiċċji ddefiniti li ġew stabbiliti mill-persuna li timpjegahom. Wara li għamlet riferiment għall-punt 57 tas-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C-278/05, EU:C:2007:56), hija qieset li t-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 kienet teħtieġ li ħaddiem jirċievi, fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah, minn tal-inqas nofs il-benefiċċji tax-xjuħija li jirriżultaw mid-drittijiet għal pensjoni akkumulati li fir-rigward tagħhom huwa jkun ħallas kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Hogan et, C-398/11, EU:C:2013:272, punti 43 u 51).

46

Minn din il-ġurisprudenza, ikkonfermata fl-aħħar lok mis-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann (C-454/15, EU:C:2016:891, punt 35), jirriżulta li l-livell ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jikkostitwixxi garanzija minima individwali għal kull ħaddiem impjegat partikolari.

47

Fil-fatt, l-għan ta’ din id-direttiva, li tfittex li tiżgura lil kull ħaddiem impjegat livell minimu ta’ protezzjoni Komunitarja fil-każ ta’ insolvenza ta’ min jimpjegahom, jiddgħajjef serjament jekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe abbuż ta’ dritt min-naħa tal-ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 12 tad-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva mingħajr ma jagħtu lil kull ħaddiem partikolari l-imsemmija protezzjoni minima.

48

Isegwi li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern tar-Renju Unit fil-proċedura preżenti, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-livell u tan-natura ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 u fir-rigward tal-benefiċjarji individwali ta’ din il-protezzjoni, ma hijiex limitata għall-każijiet partikolari li taw lok għas-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C-278/05, EU:C:2007:56); tal-25 ta’ April 2013, Hogan et (C-398/11, EU:C:2013:272), u tal-24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann (C-454/15, EU:C:2016:891), iżda hija ta’ applikazzjoni ġenerali.

49

Għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut li l-portata ta’ din l-interpretazzjoni hija limitata għal ċerti persuni li jimpjegaw li huma insolventi f’setturi speċifiċi jew għal ċerti ħaddiema impjegati li jidħlu f’kuntest ekonomiku u soċjali partikolari.

50

Konsegwentement, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jeżiġi lill-Istati Membri jiggarantixxu, mingħajr eċċezzjoni, lil kull ħaddiem impjegat partikolari kumpens li jikkorrispondi għal minn tal-inqas 50 % tal-valur tad-drittijiet tiegħu miksuba skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah, mingħajr madankollu ma jeskludu li, f’ċirkustanzi oħra, it-telf imġarrab jista’ wkoll, anki jekk il-perċentwali tiegħu huwa baxx, jitqies bħala manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-obbligu ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ ħaddiema impjegati, li hemm riferiment għalihom fl-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann, C-454/15, EU:C:2016:891, punt 35).

51

Barra minn hekk, kif enfasizzat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 53 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex tiġi ggarantita l-effiċjenza sħiħa tal-protezzjoni minima ta’ ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom, stabbilita bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, li teżiġi li din il-protezzjoni tiġi estiża għat-tul kollu tal-irtirar, il-kumpens korrispondenti għal minn tal-inqas 50 % tal-valur tad-drittijiet kweżiti tagħhom għandu jiġi kkalkolat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni prevista tal-benefiċċji tal-irtirar fuq it-tul kollu ta’ din tal-aħħar sabiex jiġi evitat li, minħabba l-mogħdija taż-żmien, l-ammont iggarantit ma jkunx inqas minn 50 % tal-valur inizjali miksub għal sena ta’ pensjoni.

52

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li kull ħaddiem impjegat partikolari għandu jibbenefika minn benefiċċji tax-xjuħija li jikkorrispondu minn tal-inqas għal 50 % tal-valur tad-drittijiet kweżiti tiegħu skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah.

Fuq it-tielet domanda

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandux effett dirett.

54

Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-individwi kontra Stat Membru u l-korpi amministrattivi kollha tiegħu kif ukoll kontra l-organi u l-entitajiet li huma suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat u li għandhom poteri eżorbitanti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw minn regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C-413/15, EU:C:2017:745, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

L-organi jew korpi li, skont awtorità pubblika, għandhom iwettqu kompiti fl-interess pubbliku u għal dan il-għan ikunu ngħataw poteri speċjali jistgħu wkoll jiġu assimilati mal-Istat (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C-413/15, EU:C:2017:745, punt 34).

56

Fil-każ inkwistjoni, hemm għaldaqstant lok li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 huwiex inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż. Dan l-eżami għandu jirrigwarda tliet aspetti, jiġifieri d-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, il-kontenut ta’ din il-protezzjoni u, fl-aħħar nett, l-identità tad-debitur tal-imsemmija protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, EU:C:1991:428, punt 12).

57

Fir-rigward tal-benefiċjarji tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, mill-kliem stess ta’ dan l-artikolu jirriżulta li din id-direttiva hija intiża li tipproteġi l-ħaddiema impjegati li huma affettwati mill-insolvenza tal-persuna li timpjegahom. Għaldaqstant, l-imsemmi artikolu għandu, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-garanzija, l-eżiġenzi ta’ inkundizzjonalità u ta’ preċiżjoni meħtieġa għall-applikabbiltà diretta ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva.

58

Fir-rigward tal-kontenut tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C-278/05, EU:C:2007:56), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 8 jeżiġi li, fil-każ ta’ insolvenza ta’ persuna li timpjega, ħaddiem jirċievi minn tal-inqas nofs il-benefiċċji tax-xjuħija li jirriżultaw mid-drittijiet ta’ pensjoni akkumulati li fir-rigward tagħhom huwa jkun ħallas kontribuzzjonijiet fil-kuntest ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali (sentenza tal-25 ta’ April 2013, Hogan et, C-398/11, EU:C:2013:272, punt 51).

59

Din l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tiċċara u tippreċiża s-sinjifikat u l-portata tagħha, kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2016, DI, C-441/14, EU:C:2016:278, punt 40 u tat-22 ta’ Novembru 2017, Cussens et, C-251/16, EU:C:2017:881, punt 41).

60

Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jinkludi obbligu ċar u preċiż fir-rigward tal-Istati Membri, li għandu bħala għan li jingħataw drittijiet lill-individwi. Għandu jingħad ukoll li dan l-obbligu ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni partikolari.

61

Fir-rigward tal-identità tad-debitur tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni kbira fir-rigward tal-mezz li għandu jiġi adottat, b’mod li jistgħu jipprevedu, b’mod partikolari, finanzjament mill-poteri pubbliċi, obbligu ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-impjegati jew l-implimentazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ garanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Robins et, C‑278/05, EU:C:2007:56, punti 36 u 37).

62

Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tagħha, ġaladarba din il-marġni ta’ diskrezzjonali tintuża integralment, din ma tistax tipprekludi li individwu jinvoka l-protezzjoni minima li jibbenefika minnha skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94.

63

F’dan ir-rigward, mid-dokumenti għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur nazzjonali ddeċieda, bl-adozzjoni tal-Liġi tal-2004, li, meta persuna li timpjega taħt skema eliġibbli ta’ previdenza ta’ benefiċċji ddefiniti ssir insolventi, hemm lok li jiġi evalwat il-livell ta’ finanzjament tal-iskema inkwistjoni, b’mod partikolari li jiġu evalwati l-obbligazzjonijiet protetti u l-attiv ta’ din l-iskema. Skont l-imsemmija liġi, jekk din l-evalwazzjoni, wara l-approvazzjoni mill-Bord tal-FPP, turi li l-attiv tal-iskema huwa biżżejjed sabiex jitħallsu l-ispejjeż tal-obbligazzjonijiet protetti, din l-iskema, minkejja li suġġetta għall-istruzzjonijiet tal-Bord tal-FPP, tibqa’ mmexxija mill-amministraturi tagħha. Min-naħa l-oħra, meta l-attiv tal-iskema ma jkunux biżżejjed, il-Liġi tal-2004 tipprevedi li l-Bord tal-FPP għandu jħallas din l-iskema, li jimplika li l-amministraturi tal-iskema għandhom jinħelsu mill-obbligi fil-qasam tal-pensjoni u li l-Bord tal-FPP huwa obbligat jiggarantixxi l-ħlas ta’ kumpens.

64

Il-Liġi tal-2004 għalhekk tiddetermina b’mod ċar l-entità kompetenti għall-evalwazzjoni tal-obbligazzjonijiet protetti u tal-attiv tal-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali kif ukoll il-piż tar-responsabilità ta’ protezzjoni minima prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94.

65

Għaldaqstant, huwa l-FPP li għandu jimplimenta, fir-Renju Unit, l-obbligu li għandhom l-Istati Membri sabiex jipproteġu l-interessi tal-ħaddiema impjegati fir-rigward tad-drittijiet kweżiti tagħhom għal benefiċċji tax-xjuħija skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali.

66

Fir-rigward tal-punt dwar jekk il-FPP jikkostitwixxix entità li tappartjeni lill-Istat jew li tista’ tiġi assimilata miegħu, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 u 55 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi rrilevat li l-FPP huwa inkarigat b’kompitu ta’ interess pubbliku u għandu poteri eżorbitanti sabiex iwettaq dan il-kompitu, peress li jirċievi kontribuzzjonijiet mingħand skemi komplementari ta’ previdenza professjonali eliġibbli u huwa awtorizzat jagħti lil dawn l-iskemi l-istruzzjonijiet neċessarji fil-kuntest tal-likwidazzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, billi japprova l-evalwazzjoni ta’ obbligazzjonijiet protetti ta’ skema komplementari ta’ previdenza professjonali, il-Bord tal-FPP jistabbilixxi l-livell ta’ protezzjoni ta’ kull ħaddiem impjegat fir-rigward tad-drittijiet kweżiti tiegħu għal benefiċċji tax-xjuħija, kemm fil-każ ta’ teħid tar-responsabbiltà tal-iskema mill-FPP kif ukoll fil-każ ta’ possibbiltà ta’ likwidazzjoni barra mill-FPP.

67

Għalhekk, il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti sabiex ħaddiem impjegat, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ G. Hampshire, ikun jista’ jinvoka l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 kontra l-Bord tal-FPP.

68

Fir-rigward tal-argument tal-Gvern tar-Renju Unit, li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 ma jistax jiġi invokat kontra l-amministraturi tal-iskema T&N, minħabba l-fatt li dawn tal-aħħar huma persuni privati, filwaqt li l-attiv ta’ din l-iskema jkopri obbligazzjonijiet protetti tal-iskema u li għalhekk hija l-imsemmija skema li ser tħallas lil G. Hampshire l-benefiċċju tax-xjuħija tiegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-partijiet fil-kawża prinċipali huma G. Hampshire kif ukoll il-Bord tal-FPP u s-Secretary of State for Work and Pensions (il-Ministru tax-Xogħol u tal-Pensjonijiet, ir-Renju Unit). La l-iskema T&N u lanqas l-amministraturi ta’ din tal-aħħar ma huma partijiet fil-kawża prinċipali.

69

Min-naħa l-oħra, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk G. Hampshire jistax jitlob direttament mill-iskema T&N jew mingħand l-amministraturi tagħha l-ħlas ta’ kumpens ta’ ammont li jikkorrispondi għal minn tal-inqas għal 50 % tad-drittijiet kweżiti tiegħu għall-pensjoni f’din l-iskema, iżda l-kwistjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Bord tal-FPP approva l-obbligazzjonijiet protetti tal-imsemmija skema. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 89, 91 u 92 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-kawża hija intiża li tiddetermina jekk huwiex possibbli li l-Bord tal-FPP jintalab iwettaq evalwazzjoni mill-ġdid tal-obbligazzjonijiet protetti, billi jiġi invokat l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94. F’dan il-kuntest, l-impatt li jista’ jkollu dan il-kalkolu l-ġdid tal-kumpens FPP fuq l-iskema T&N ikun sempliċi riperkussjoni negattiva fuq id-drittijiet ta’ terzi u ma jiġġustifikax ir-rifjut li jiġi rrikonoxxut l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni kontra entità li għandha tiġi kklassifikata bħala emanazzjoni tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, T-Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic, C-508/14, EU:C:2015:657, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, għandu effett dirett, b’mod li jista’ jiġi invokat quddiem qorti nazzjonali minn ħaddiem impjegat individwali sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ korp, bħall-Bord tal-FPP.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li kull ħaddiem impjegat partikolari għandu jibbenefika minn benefiċċji tax-xjuħija li jikkorrispondu minn tal-inqas għal 50 % tal-valur tad-drittijiet kweżiti tiegħu skont skema komplementari ta’ previdenza professjonali fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegah.

 

2)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, għandu effett dirett, b’mod li jista’ jiġi invokat quddiem qorti nazzjonali minn ħaddiem impjegat individwali sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ korp, bħall-Bord tal-FPP.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.