SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni (UE) 2017/477 – Pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Kazakistan, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-arranġamenti ta’ ħidma tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, tas-Sottokumitati Speċjalizzati jew ta’ kwalunkwe korp ieħor – Artikolu 218(9) TFUE – Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’istanza stabbilita taħt ftehim internazzjonali – Ftehim li fih ċerti dispożizzjonijiet jistgħu jkunu relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Regola ta’ vot”

Fil-Kawża C‑244/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fl‑10 ta’ Mejju 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn L. Havas, L. Gussetti u P. Aalto, bħala aġenti, sussegwentement minn L. Havas u L. Gussetti, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u P. Mahnič Bruni, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, E. Levits, C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, E. Jarašiūnas (Relatur), S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ April 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑31 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/477, tat‑3 ta’ Marzu 2017, dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-arranġamenti ta’ ħidma tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, tas-sottokumitati speċjalizzati jew ta’ kwalunkwe organu ieħor (ĠU 2017, L 73, p. 15, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-Ftehim ta’ Sħubija u d-deċiżjoni kkontestata

2

Fis‑26 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni (UE) 2016/123, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (ĠU 2016, L 29, p. 1). Din id-deċiżjoni ġiet adottata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 37 u tal-Artikolu 31(1) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 91, tal-Artikolu 100(2) u tal-Artikoli 207 u 209 TFUE, b’rabta mal-Artikolu 218(5) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE. Il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Sħubija”), ġie ffirmat fil‑21 ta’ Diċembru 2015 f’Astana (il-Kazakistan) u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu, prevista fl-Artikolu 281(3) tiegħu, bdiet fl‑1 ta’ Mejju 2016.

3

L-Artikolu 268 tal-Ftehim ta’ Sħubija jistabbilixxi Kunsill ta’ Kooperazzjoni, li huwa assistit fit-twettiq ta’ dmirijietu minn Kumitat ta’ Kooperazzjoni, stabbilit taħt l-Artikolu 269 ta’ dan il-ftehim. Dan l-aħħar artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 6 tiegħu, li l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati jew kwalunkwe korp speċjalizzat ieħor li jistgħu jassistuh fit-twettiq ta’ dmirijietu u għandu jiddetermina l-kompożizzjoni, id-dmirijiet u l-funzjonament tagħhom.

4

Barra minn hekk, l-Artikolu 268 tal-Ftehim ta’ Sħubija jipprovdi, fil-paragrafu 7 tiegħu, li l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jistabbilixxi r-regolament intern tiegħu. F’dan ir-regolament, skont l-Artikolu 269(7) ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jiddetermina d-dmirijiet u l-funzjonament tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni u ta’ kull sottokumitat jew korp li huwa stess ikun stabbilixxa.

5

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Esteri u l-Politika ta’ Sigurtà, adottat, fit‑3 ta’ Frar 2017, Proposta ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim ta’ Sħubija, li għandha bħala bażi legali proċedurali l-Artikolu 218(9) TFUE, b’rabta mal-Artikolu 37 TUE, u bħala bażi legali sostantiva l-Artikoli 207 u 209 TFUE.

6

Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata billi inkluda mal-bażijiet legali proposti l-Artikolu 31(1) TUE kif ukoll l-Artikoli 91 u 100(2) TFUE. L-imsemmija deċiżjoni tipprovdi:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 268(1) tal-Ftehim [ta’ Sħubija], għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni fir-rigward ta’:

l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni u dawk tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, tas-sottokumitati speċjalizzati jew ta’ kwalunkwe korp ieħor;

l-istabbiliment ta’ Sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, Sottokumitat dwar l-Enerġija, it-Trasport, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima u Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali.

2.   Korrezzjonijiet tekniċi żgħar fl-abbozz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Kooperazzjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni għandu jkun ippresedut min-naħa tal-Unjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, skont ir-responsabbiltajiet tiegħu jew tagħha taħt it-Trattati u fil-kapaċità tiegħu jew tagħha bħala President tal-Kunsill Affarijiet Barranin.

[…]”

It-talbiet tal-partijiet

7

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

8

Il-Kunsill jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tagħha.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

9

Permezz tal-uniku motiv tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Kunsill inkluda, fil-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 31(1) TUE, li jipprovdi b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE li jinkludu d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) għandhom jittieħdu bl-unanimità, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn dan il-kapitolu jipprovdi mod ieħor.

10

Insostenn ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni tesponi li deċiżjoni adottata taħt l-Artikolu 218(9) TFUE għandha tgħaddi b’vot ta’ maġġoranza kkwalifikata, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) u tal-Artikolu 218(9) TFUE, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 66), minkejja li bażi legali sostantiva jew numru ta’ bażijiet legali sostantivi tagħha jkunu jimponu alternattivament l-unanimità għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

11

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 218 TFUE jipprevedi, hekk kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 52), proċedura unifikata u ta’ portata ġenerali li tirrigwarda n-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni tista’ tikkonkludi fl-oqsma tagħha ta’ azzjoni, inkluża l-PESK, liema fatt huwa kkonfermat mis-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 55), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehim li jaqa’ b’mod predominanti taħt il-PESK għandu jiġi konkluż konformement mal-Artikolu 218(6) TFUE. Kemm in-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali kif ukoll l-adozzjoni ta’ pożizzjonijiet li jimplimentaw tali ftehimiet huma rregolati minn din il-proċedura unifikata. Il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, min-naħa tiegħu, ma jkoprix il-proċedura deċiżjonali applikabbli għall-ftehimiet internazzjonali.

12

Ir-regoli ta’ vot għall-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) TFUE huma esklużivament previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, li jikkostitwixxi lex specialis li tipprevedi proċedura ssemplifikata li għandha tiġi segwita mill-Kunsill meta jistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’istanza stabbilita minn ftehim kemm fl-oqsma li jaqgħu taħt il-PESK kif ukoll f’dawk li ma jaqgħux taħt il-PESK. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, ir-regola ta’ vot tal-maġġoranza kkwalifikata kienet applikabbli għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-għan tagħha ma huwiex li tikkompleta jew li tbiddel il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ta’ Sħubija, iżda biss li tiżgura implimentazzjoni effikaċi ta’ dan il-ftehim, b’tali mod li ma tistax tiġi pparagunata mal-konklużjoni jew mal-emenda ta’ ftehim internazzjonali.

13

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-pożizzjoni tal-Kunsill ma hijiex konformi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 TUE inkwantu l-inklużjoni tal-Artikolu 31(1) TUE tkun timponi vot bl-unanimità għall-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tittieħed bis-saħħa tal-Artikolu 218(9) TFUE fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali li l-bażi legali tiegħu tinkludi dispożizzjoni li taqa’ taħt il-PESK, ikun liema jkun is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni. Din il-pożizzjoni tkun twassal għall-applikazzjoni ta’ proċeduri relatati mal-PESK għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni mhux biss fil-qasam tal-PESK, iżda wkoll għall-implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Unjoni.

14

Il-Kunsill josserva li d-Deċiżjoni 2016/123, li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-applikazzjoni provviżorja ta’ ċerti partijiet tiegħu, ġiet adottata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 37 u tal-Artikolu 31(1) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 91, tal-Artikolu 100(2) u tal-Artikoli 207 u 209 TFUE, b’rabta mal-Artikolu 218(5) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Kummissjoni, u li l-miżuri previsti mid-deċiżjoni kkontestata huma intiżi li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-qafas istituzzjonali stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija.

15

Skont il-Kunsill, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kompetenza tal-Unjoni li tidħol f’impenji internazzjonali tinkludi dik li tipprovdi dispożizzjonijiet istituzzjonali f’dawn l-impenji, li huma ta’ natura awżiljarja u li għaldaqstant jaqgħu taħt l-istess kompetenza bħal dik li taħtha jaqgħu id-dispożizzjonijiet sostantivi akkumpanjati minnhom. Sussegwentement, l-Unjoni setgħet tadotta d-deċiżjoni kkontestata biss fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li kienu jagħtuha s-setgħa li tadotta d-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Ftehim ta’ Sħubija.

16

Barra minn hekk isostni li l-Kummissjoni tinterpreta l-ġurisprudenza b’mod żbaljat. Fl-ewwel lok, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025), tidher li tikkonferma effettivament li l-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’istanza stabbilita minn ftehim għandha titqies bħala proċedura unifikata u ta’ portata ġenerali applikabbli għall-oqsma politiċi kollha u għall-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Madankollu, din is-sentenza tistabbilixxi, fil-punt 53 tagħha, prinċipju li skontu din il-proċedura għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi previsti mit-Trattati għal kull qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet. Issa, il-qasam tal-PESK fih elementi speċifiċi ta’ natura proċedurali u sostantiva u għaldaqstant dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-proċedura ġenerali msemmija fl-Artikolu 218(9) TFUE. B’mod partikolari, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu f’dan il-qasam, il-Kunsill huwa awtorizzat jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata biss fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 31(2) u (3) TUE. Ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tista’ tintuża sabiex tipprevedi deroga oħra mingħajr ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40(2) TUE.

17

Fit-tieni lok, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449), ma tistax isservi bħala bażi għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni li deċiżjoni tal-Kunsill bis-saħħa tal-Artikolu 218(9) TFUE għandha tiġi adottata b’maġġoranza kkwalifikata fil-każijiet kollha kkonċernati, ikun liema jkun il-qasam tal-Unjoni li fuqu tkun ibbażata din id-deċiżjoni. Tali pożizzjoni tkun tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita li skontha hija l-bażi legali sostantiva ta’ miżura li tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta’ din il-miżura. Hija tkun tmur ukoll kontra l-interpretazzjoni korretta ta’ din is-sentenza, li għandha tinqara fil-kuntest tagħha, fejn il-kawża li minnha toriġina ma tirrigwardax l-eżerċizzju ta’ kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-regola tal-vot bil-maġġoranza kkwalifikata prevista fl-Artikolu 16(3) TUE, imsemmija fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li għalihom tagħmel riferiment din is-sentenza, ma tapplikax għall-PESK.

18

Għalkemm, skont il-Kunsill, l-Artikolu 218(9) TFUE jipprevedi proċedura speċjali u ssemplifikata għall-adozzjoni tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’istanza stabbilita bi ftehim jew fir-rigward tas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ ftehim, madankollu dan ma jirregolax l-aspetti kollha ta’ din il-proċedura u, b’mod partikolari, ir-regola ta’ vot applikabbli. Fir-rigward ta’ proċedura speċjali, ir-regoli ta’ vot previsti fl-Artikolu 218(8) TFUE li japplikaw tul il-proċedura kollha ta’ konklużjoni ta’ ftehim irregolat mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafi preċedenti ta’ dan l-Artikolu 218, ma jkunux jistgħu japplikaw awtomatikament għal din il-proċedura speċjali. Ir-regola ta’ vot stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE għaldaqstant tapplika għal din il-proċedura speċjali biss sa fejn tirrifletti r-regoli ta’ vot applikabbli fl-oqsma ta’ azzjoni tal-Unjoni għall-adozzjoni ta’ atti interni. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 218(9) TFUE jipprevedi proċedura ssemplifikata, fir-rigward tal-proċedura iktar elaborata prevista għall-konklużjoni ta’ ftehim, din is-semplifikazzjoni tkun tirrigwarda esklużivament il-parteċipazzjoni limitata tal-Parlament Ewropew.

19

Fl-aħħar lok, il-Kunsill jikkontesta l-allegazzjonijiet li skonthom huwa kiser l-Artikolu 40 TUE, billi jsostni, b’mod partikolari, li l-inklużjoni tal-Artikolu 31(1) TUE fil-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata kienet neċessarja sabiex jiġu osservati l-proċeduri previsti mit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK, li ma twettaq ebda ksur tal-kompetenzi attribwiti lill-istituzzjonijiet u li, fi kwalunkwe każ, kien neċessarju li l-Kunsill jiddeċiedi bl-unanimità, konformement mal-Artikolu 293(1) TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20

Sabiex tiġi ddeterminata r-regola ta’ vot li għandha tiġi applikata meta l-Kunsill adotta, konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’istanza stabbilita permezz ta’ ftehim, meta din l-istanza tintalab tadotta atti li għandhom effetti legali, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata mhux biss billi jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tagħha, iżda wkoll l-għanijiet u l-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 51).

21

Sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti ta’ kjarezza, ta’ koerenza u ta’ raġonevolezza, l-Artikolu 218 TFUE jipprevedi proċedura unifikata u ta’ portata ġenerali li tirrigwarda, b’mod partikolari, in-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni hija kompetenti tikkonkludi fl-oqsma ta’ azzjoni tagħha, inkluża l-PESK, sakemm it-Trattati ma jipprevedux proċeduri speċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 52).

22

Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li din il-proċedura, preċiżament minħabba n-natura ġenerali tagħha, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi previsti mit-Trattati għal kull qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompetenzi attribwiti lill-istituzzjonijiet, u li hija intiża li tirrifletti, mill-perspettiva esterna, it-tqassim tas-setgħat bejn istituzzjonijiet applikabbli mill-perspettiva interna, b’mod partikolari billi tistabbilixxi simmetrija bejn il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni mill-perspettiva interna u l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali għall-finijiet tal-garanzija li, b’rabta ma’ qasam speċifiku, il‑Parlament u l‑Kunsill ikollhom l-istess setgħat, fl-osservanza tal-ekwilibriju istituzzjonali previst mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 53, 5556).

23

Din il-proċedura tinkludi b’mod partikolari diversi regoli speċifikament relatati mal-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-PESK.

24

Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218 TFUE nfushom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi ta’ kull qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk previsti għall-PESK, u f’dan ir-rigward jirriflettu l-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit għal kull wieħed minn dawn l-oqsma mit-Trattati.

25

Fir-rigward tal-Artikolu 218(9) TFUE, dan jipprevedi proċedura ssemplifikata għall-finijiet, b’mod partikolari, tad-definizzjoni tal-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni għall-parteċipazzjoni tagħha fl-adozzjoni, fi ħdan l-istanza deċiżjonali stabbilita bil-ftehim internazzjonali kkonċernat, ta’ atti li jirriżultaw mill-applikazzjoni jew mill-implimentazzjoni ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑73/14, EU:C:2015:663, punt 65).

26

Kif jirriżulta minn interpretazzjoni konġunta tal-paragrafi 6, 9 u 10 tal‑Artikolu 218 TFUE, din is-semplifikazzjoni, li tapplika biss fir-rigward ta’ atti li ma jikkompletawx jew li ma jbiddlux il-qafas istituzzjonali tal-ftehim, tikkonsisti esklużivament f’limitazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Parlament.

27

Peress li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 218(9) TFUE ma jipprevedi ebda regola ta’ vot bil-għan tal-adozzjoni mill-Kunsill tal-kategoriji ta’ deċiżjonijiet li huwa jsemmi, huwa b’riferiment għall-Artikolu 218(8) TFUE li r-regola ta’ vot applikabbli għandha, f’kull każ inkwistjoni, tiġi ddeterminata. B’hekk, fir-rigward ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’istanza stabbilita permezz ta’ ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li, fl-ipoteżi fejn tali deċiżjoni ma tissodisfa ebda mill-każijiet speċifiċi fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE jirrikjedi vot bl-unanimità, huwa, bħala prinċipju, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 218(8) u tal-Artikolu 218(9) TFUE, billi jiddeċiedi permezz tal-maġġoranza kkwalifikata, li l-Kunsill għandu jadotta l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (CMR‑15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 51).

28

Fuq dan il-punt jeħtieġ li jiġi osservat li d-determinazzjoni tar-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni b’riferiment għaż-żewġ subparagrafi tal-Artikolu 218(8) TFUE tikkontribwixxi, bħal ma ġie espost fil-punt 24 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-proċedura ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ ftehim, sabiex jiġi żgurat li l-proċedura unifikata msemmija fl-Artikolu 218(9) TFUE tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi ta’ kull qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni.

29

B’mod partikolari, l-ewwel każ speċifiku fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE jirrikjedi li l-Kunsill jiddeċiedi bl-unanimità jirrigwarda l-ipoteżi li fih il-ftehim jittratta qasam li għalih hija meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, fejn dan il-każ speċifiku jistabbilixxi għalhekk rabta bejn il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni adottata taħt dan l-artikolu u r-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni tagħha. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-PESK fejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE jipprevedi b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE għandhom jittieħdu bl-unanimità, b’eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-imsemmi kapitolu jipprovdi mod ieħor.

30

Ir-rabta li għalhekk hija żgurata bejn il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(9) TFUE u r-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tikkontribwixxi, barra minn hekk, sabiex tiġi ppreżervata s-simmetrija bejn il-proċeduri relatati mal-azzjoni interna tal-Unjoni u l-proċeduri relatati mal-azzjoni esterna tagħha, fir-rispett tal-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mill-awturi tat-Trattati.

31

Kuntrarjament għal dak li ssostni essenzjalment il-Kummissjoni, mill-punt 66 tas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449), ma jirriżultax li kull deċiżjoni li permezz tagħha tiġi stabbilita pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’istanza stabbilita permezz ta’ ftehim, konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, għandha tiġi adottata bil-maġġoranza kkwalifikata, sa fejn l-att li għandu jiġi adottat mill-imsemmija istanza la jikkompleta u lanqas ibiddel il-qafas istituzzjonali ta’ dan il-ftehim.

32

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’din is-sentenza li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tirriżulta mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 48 TFUE u adottata fil-kuntest ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni li ma tkunx intiża li tikkompleta jew tbiddel il-qafas istituzzjonali ta’ dan il-ftehim, iżda biss li tiżgura l-implimentazzjoni tiegħu, kien, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) u tal-Artikolu 218(9), billi jiddeċiedi bil-maġġoranza kkwalifikata u mingħajr approvazzjoni tal-Parlament li l-Kunsill kellu jadotta din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx f’dan il-kuntest għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, minkejja ċ-ċirkustanza li t-tieni każ speċifiku li fih din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi bl-unanimità tirrigwarda preċiżament il-“ftehimiet ta’ assoċjazzjoni” li l-Unjoni hija kompetenti li tikkonkludi bis-saħħa tal-Artikolu 217 TFUE.

33

Madankollu, dan il-każ speċifiku għandu l-partikolarità li jittratta din il-kategorija speċifika ta’ ftehim internazzjonali. Issa, deċiżjoni intiża għall-implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni ma tistax, b’mod ġenerali, titqies li hija simili għal tali ftehim u li taqa’, minħabba f’hekk, taħt l-imsemmija kategorija. Fil-fatt, huwa biss jekk deċiżjoni intiża għall-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni jkollha l-għan li tikkompleta jew li tbiddel il-qafas istituzzjonali tiegħu li l-imsemmija deċiżjoni jkollha portata tali li jkollha titqies li tixbah deċiżjoni li tikkonkludi ftehim li jemenda l-ftehim ta’ assoċjazzjoni. Dan jiġġustifika l-fatt li tali deċiżjoni tkun suġġetta, b’applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 218(9) in fine TFUE, għall-istess proċedura bħal dik prevista għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni, fejn għalhekk il-Kunsill jiddeċiedi bl-unanimità u l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew tkun meħtieġa, konformement mat-tieni subparagrafu (a)(i) tal-Artikolu 218(6) TFUE.

34

L-ewwel każ speċifiku li fih l-unanimità hija rikjesta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE huwa ta’ natura għalkollox differenti, inkwantu jikkonċerna l-qasam li taħtu jaqa’ l-att adottat u, għalhekk, il-kontenut tiegħu. F’dan il-każ, iċ-ċirkustanza li deċiżjoni intiża għall-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali tal-Unjoni, permezz ta’ azzjoni li għandha tittieħed minn istanza deċiżjonali stabbilita permezz ta’ dan il-ftehim, ma tkunx koperta bl-eċċezzjoni prevista bl-Artikolu 218(9) in fine TFUE, ma tippermetti li tinsilet ebda konklużjoni fir-rigward tal-punt dwar jekk tali deċiżjoni tittrattax jew le qasam li għalih l-unanimità hija meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni u għandha, għalhekk, fir-rigward tal-ewwel każ speċifiku msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, tiġi adottata bl-unanimità.

35

F’dan il-kuntest, sabiex jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni adottata fil-kuntest iddefinit fl-Artikolu 218(9) TFUE effettivament tittrattax tali qasam, hemm lok li jsir riferiment għall-bażi legali sostantiva tagħha.

36

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 11; tal‑11 ta’ Ġunju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C-300/89, EU:C:1991:244, punt 10; Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà), tas‑6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 22, u s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 43).

37

Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan l-att ifittex li jilħaq żewġ għanijiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jista’ jiġi identifikat bħala l-għan jew il-komponent prinċipali filwaqt li l-ieħor huwa biss għan jew komponent anċillari, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti. Eċċezzjonalment, jekk, min-naħa l-oħra, jiġi stabbilit li l-att għandu simultanjament diversi għanijiet jew diversi komponenti li huma marbuta inseparabbilment, mingħajr ma wieħed ikun anċillari għall-ieħor b’mod li jkunu applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat, tali miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2006:4, punti 4243; tal‑11 ta’ Ġunju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 34, u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 44).

38

Mill-punti preċedenti jirriżulta li, bħal fir-rigward tad-deċiżjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali mill-Unjoni, deċiżjoni li permezz tagħha l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’istanza stabbilita permezz ta’ ftehim, bis-saħħa tal-Artikolu 218(9) TFUE, u li tirrigwarda esklużivament il-PESK bħala prinċipju għandha tiġi adottata bl-unanimità, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE. Min-naħa l-oħra, jekk tali deċiżjoni tinkludi numru ta’ komponenti jew jekk tkun trid tilħaq numru ta’ għanijiet, li wħud minnhom ikunu jaqgħu taħt il-PESK, ir-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni tagħha għandha tiġi ddeterminata fir-rigward tal-għan jew tal-komponenti prinċipali jew predominanti tagħha. B’hekk, jekk l-għan jew il-komponenti prinċipali jew predominanti tad-deċiżjoni jaqa’ taħt qasam li fir-rigward tiegħu l-unanimità ma hijiex meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, l-imsemmija deċiżjoni għandha, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE, tiġi adottata bil-maġġoranza kkwalifikata.

39

F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija, minn naħa, fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-imsemmi kunsill dwar l-adozzjoni tar-regolament intern tiegħu kif ukoll ta’ dawk tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, tas-Sottokumitati jew ta’ kull korp ieħor speċjalizzat u, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ dan l-istess kunsill li tistabbilixxi tliet sottokumitati speċjalizzati.

40

Hekk kif tosserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, l-atti li għalhekk kienu mistennija li jiġu adottati jirrigwardaw, b’mod ġenerali, il-funzjonament tal-istanzi internazzjonali stabbiliti fuq il-bażi tal-Ftehim ta’ Sħubija. Għalhekk il-qasam li taħtu taqa’ d-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim ta’ Lisbona rivedut), C‑389/15, EU:C:2017:798, punt 64 u, b’analoġija, l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor), tas‑16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punt 276 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Il‑Kunsill isostni, fuq dan il-punt, li r-rabtiet li jippreżenta l-Ftehim ta’ Sħubija mal-PESK huma suffiċjentement importanti sabiex jiġi ġġustifikat li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi, bħal dik relatata mal-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u mal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija nnifsu, l-Artikolu 37 TUE, li skontu l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet ma’ Stat jew numru ta’ Stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma li jaqgħu taħt il-PESK.

42

F’dan ir-rigward, jeħtieġ ċertament li jiġi osservat li l-Ftehim ta’ Sħubija għandu, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 64 sa 68 tal-konklużjonijiet tagħha, ċerti rabtiet mal-PESK. B’hekk, l-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim, li jinsab taħt it-Titolu II ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Djalogu Politiku; Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà”, huwa speċifikament iddedikat għal din il-politika, fejn l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-partijiet għandhom jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-politika estera u tas-sigurtà, u għandhom jindirizzaw, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet ta’ prevenzjoni tal-kunflitti u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, ta’ stabbiltà reġjonali, ta’ nonproliferazzjoni, ta’ diżarm u tal-kontroll tal-armi, ta’ sigurtà nukleari u ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u ta’ prodotti b’użu doppju. Barra minn hekk, l-Artikoli 9 sa 12 tal-Ftehim ta’ Sħubija, li jiddefinixxu l-qafas tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, ta’ stabbiltà reġjonali, tal-ġlieda kontra proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u tal-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir, jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-PESK.

43

Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, kif osservat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn ir-rabtiet bejn il-Ftehim ta’ Sħubija u l-PESK ma humiex suffiċjenti sabiex jitqies li l-bażi legali tad-deċiżjoni relatata mal-iffirmar tiegħu, f’isem l-Unjoni Ewropea, u mal-applikazzjoni provviżorja tiegħu, kellha tinkludi l-Artikolu 37 TUE.

44

Fil-fatt, minn naħa, il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, li jinkludi 287 artikolu, taqa’ kemm taħt il-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni, kif ukoll taħt il-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ din tal-aħħar.

45

Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija li għandhom rabta mal-PESK u li huma ċċitati fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, minbarra li ma humiex numerużi meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-ftehim, huma limitati għal dikjarazzjonijiet tal-partijiet kontraenti fir-rigward tal-għanijiet li għandha tilħaq il-kooperazzjoni tagħhom u fir-rigward tas-suġġetti li għandha tittratta din il-kooperazzjoni, mingħajr ma jiddeterminaw il-modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 56).

46

L-imsemmija dispożizzjonijiet, li jidħlu bis-sħiħ fl-iskop tal-Ftehim ta’ Sħubija, iddikjarat fl-Artikolu 2(2) ta’ dan tal-aħħar, ta’ kontribut għall-paċi u għall-istabbiltà fuq il-livelli internazzjonali u reġjonali kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku, għalhekk ma humiex ta’ portata tali li jista’ jitqies li dawn jikkostitwixxu komponent distint ta’ dan il-ftehim, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet huma, għall-kuntrarju, ta’ natura anċillari meta mqabbla maż-żewġ komponenti tal-imsemmi ftehim li huma l-politika kummerċjali komuni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

47

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Kunsill żbalja billi inkluda l-Artikolu 31(1) TUE fil-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, u billi din id-deċiżjoni ġiet adottata bir-regola tal-vot bl-unanimità.

48

Għaldaqstant, jeħtieġ li l-motiv uniku tal-Kummissjoni jintlaqa’ u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

Fuq iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

49

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi fejn din ikollha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, iżżomm fis-seħħ l-effetti tagħha. Huwa jesponi, insostenn ta’ din it-talba, li l-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita f’din id-deċiżjoni diġà ġiet espressa konformement magħha u tat lok għal effetti, fejn ir-regolamenti interni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni u tas-Sottokumitati jew ta’ kull korp speċjalizzat ieħor, kif ukoll id-deċiżjoni dwar it-twaqqif ta’ tliet sottokumitati speċjalizzati, ġew adottati u daħlu fis-seħħ fit‑28 ta’ Marzu 2017. Fil-fehma tiegħu, ikun sproporzjonat li wieħed jeżiġi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, li l-kontenut tagħha jkollu jibqa’ l-istess, ġaladarba s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun tippermetti li l-istess għan jintlaħaq.

50

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

51

F’dan il-każ, mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-pożizzjoni tal-Unjoni ddefinita bid-deċiżjoni kkontestata ġiet espressa fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fix-xahar ta’ Marzu 2017 u li l-imsemmi kunsill adotta l-atti koperti minn din id-deċiżjoni matul l-istess xahar. Għalhekk, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jinżammu fis-seħħ l-effetti tagħha jkun jista’ jfixkel il-funzjonament tal-istanzi stabbiliti mill-Ftehim ta’ Sħubija, joħloq inċertezza dwar l-impenn tal-Unjoni fir-rigward tal-atti legali adottati mill-istanzi tagħha u jostakola, b’dan il-mod, l-applikazzjoni korretta ta’ dan il-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 65).

52

Konsegwentement, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, hemm lok li jinżammu fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, li l-annullament tagħha ġie deċiż permezz ta’ din is-sentenza.

Fuq l-ispejjeż

53

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/477, tat‑3 ta’ Marzu 2017, dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit taħt il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-arranġamenti ta’ ħidma tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni, tas-sottokumitati speċjalizzati jew ta’ kwalunkwe organu ieħor, hija annullata.

 

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2017/477 għandhom jinżammu fis-seħħ.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.