KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C‑310/16

Spetsializirana prokuratura

vs

Petar Dzivev,

Galina Angelova,

Georgi Dimov,

Milko Velkov

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Ġlieda kontra l-frodi fit-Taxxa dwar il-Valur Miżjud (VAT) — Reati fiskali — Ġbir effettiv tal-VAT — Portata tal-obbligi tal-Istati Membri — Limiti li joriġinaw minn drittijiet fundamentali, tal-Unjoni Ewropea jew nazzjonali — Provi miksuba bi ksur tad-dritt nazzjonali — Interċettazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet — Nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti li tawtorizza l-interċettazzjonijiet”

I. Introduzzjoni

1.

Petar Dzivev jinsab akkużat li kien imexxi gang kriminali li wettaq frodi fit-Taxxa dwar il-Valur Miżjud (VAT). Biex jinġabru provi dwar l-involviment tiegħu, ġew interċettati telekomunikazzjonijiet (linji telefoniċi kienu ttappjati). Madankollu, xi wħud minn dawk ir-reġistrazzjonijiet kienu ġew ordnati minn qorti li mid-dehra ma kellhiex kompetenza li toħroġ dak l-ordni. Barra minn hekk, xi wħud mill-ordnijiet ma kinux immotivati tajjeb. Skont id-dritt Bulgaru, il-provi hekk miġbura huma illegali u ma jistgħux jintużaw fi proċeduri kriminali kontra P. Dzivev.

2.

Huwa f’dan il-kuntest fattwali u ġuridiku li s-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) tistaqsi jekk, f’każ bħal dan, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li tipprekludi l-użu ta’ provi miksuba permezz ta’ interċettazzjonijiet li kienu ġew ordnati minn qorti li ma kellhiex ġurisdizzjoni u/jew li ma kinux immotivati tajjeb, jekk dawk il-provi setgħu allegatament jistabbilixxu l-involviment ta’ Dzivev f’reat relatat mal-VAT.

3.

Sa fejn jestendi l-obbligu tal-Istati Membri li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-Artikolu 325 TFUE? Regola nazzjonali tista’, jew saħansitra għandha, tiġi injorata jekk tkun tidher li tfixkel il-ġbir korrett u sħiħ tal-VAT, inkluża l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal frodi jew attivitajiet illegali oħra li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea?

4.

Ma jistax jiġi miċħud li l-evoluzzjoni rapida tal-ġurisprudenza reċenti ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni ma kinitx ħielsa minn kontroversja u, mingħajr ebda eżaġerazzjoni, mingħajr dissonanza interna. L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza fil-kawża Taricco ( 2 ). Imbagħad ġew is-sentenzi fil-Kawżi M.A.S. u M.B. ( 3 ) u Scialdone ( 4 ), li dehru li kienu sejrin f’direzzjoni differenti (u, għall-inqas fil-fehma tiegħi, iktar raġonevoli). Iktar reċenti, ngħatat is-sentenza fil-kawża Kolev, li pjuttost tidher li terġa ddawwar il-pożizzjoni lejn dik fil-Kawża Taricco ( 5 ). B’għadd ta’ sentenzi oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja jduru ma’ dik il-linja ta’ ġurisprudenza, tista’ tabilħaqq ma tkunx ħaġa għalkollox faċli li wieħed jagħraf x’inhi l-ġurisprudenza bħalissa. F’dawn il-konklużjonijiet, għalhekk, nipprova nispjega għalfejn nemmen li l-aħjar mod kif inqisu s-sentenza Taricco u s-sentenzi dderivati minnha jkun mil-lenti tal-Kawżi M.A.S. u Scialdone, u mhux tal-Kawża Kolev.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

5.

L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”.

6.

Skont l-Artikolu 48(2), “[g]ħandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat”.

2. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

7.

L-Artikolu 325(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) jipprovdi li “L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.”

3. Il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej

8.

L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni PIF”) ( 6 ) jgħid li:

“Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkonsisti fir:

[…]

(b)

rigward dħul, kwalunkwe att jew omissjoni intenzjonali dwar:

l-użu jew preżentazzjoni ta’ stqarrijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li għandhom bħala effett it-tnaqqis illegali ta’ fondi mill-bilanċ ġenerali tal-Komunitajiet Ewropejjew bilanċi mħaddma minn, jew f’isem, il-Komunitajiet Ewropej,

ma tkunx żvelata informazzjoni bi ksur ta’ obbligu speċifiku, bl-istess effett,

applikazzjoni ħażina ta’ benefiċċju miksub legalment bl-istess effett.”

9.

L-Artikolu 2(1) jipprovdi li “Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-kondotta msemmija fl-Artikolu 1, u parteċipazzjoni f’instigazzjoni jew attentat tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 1(1), huma puniti b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, inklużi, għal inqas f’każi ta’ frodi serja, penalitajiet li jinvolvu depravazzjoni ta’ libertà li tista’ tagħti lok għal estradizzjoni, u jinftiehem li frodi serja titqies frodi li tinvolvi ammont minimu li għandu jkun stabbilit f’kull Stat Membru. Dan l-ammont minimu ma jistax ikun stabbilit għas-somma li taqbeż [EUR 50000]”.

4. Id-Deċiżjoni 2007/436

10.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom: ( 7 )

“Id-dħul minn dan li ġej għandu jkun jikkostitwixxi r-riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea:

[…]

(b)

mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażijiet ta’ valutazzjoni tal-VAT armonizzati ddeterminati skond ir-regoli Komunitarji. Il-bażi ta’ valutazzjoni li għandha titqies għal dan l-għan m’għandhiex taqbeż il-50 % tad-DGN għal kull Stat Membru, kif definit fil-paragrafu 7;

[…]”

5. Id-Direttiva tal-VAT

11.

L-Artikolu 250(1) tad-Direttiva 2006/112/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”) ( 8 ) jipprovdi li “Kull persuna taxxabbli għandha tipprezżenta denunzja tal-VAT li tistipula l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tinħadem it-taxxa li ġiet imposta u t-tnaqqis li jrid isir inkluż, sa fejn hu meħtieġ biex tkun stabbilita l-bażi tal-valutazzjoni, il-valur totali tat-transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-taxxi u tnaqqis u l-valur ta’ kwalunkwe transazzjonijiet eżenti”.

12.

L-Artikolu 273 jaqra kif ġej: “L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri […].”

B.   Id-dritt nazzjonali

13.

L-Artikolu 32(2) tal-Kostituzzjoni Bulgara jipprovdi għall-projbizzjoni ta’ interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet ta’ persuna, ħlief f’każijiet previsti mil-liġi.

14.

L-Artikolu 121(4) tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi l-obbligu li deċiżjonijiet ġudizzjarji jkunu mmotivati.

15.

L-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet hija rregolata mill-Artikoli 1 sa 3, 6 u 12 sa 18 taz-Zakon za spetsialnite razuznavatelni sredstva (il-Liġi dwar metodi speċjali ta’ ġbir ta’ informazzjoni, iktar ’il quddiem iz-“ZSRS”) u mill-Artikoli 172 sa 177 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Kif spjegat mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jsiru interċettazzjonijiet kemm qabel (investigazzjonijiet preliminari) kif ukoll wara li jkunu nbdew il-proċeduri kriminali. Meta jsiru qabel, korp fil-Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Ministeru tal-Intern) japplika biex jinbdew l-interċettazzjonijiet (f’dan il-każ id-Direktor na Glavna direktsia za borba s organiziranata prestapnost (id-Direttur tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata)). Wara li jkunu nbdew il-proċeduri, ikun l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li jagħmel it-talba. Min (jew liema konnessjoni telefonika) għandhom jiġu ttappjati, u r-reat li jkun qed jiġi investigat għandhom ikunu elenkati f’dik it-talba.

16.

L-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet tkun legali biss jekk tkun ġiet awtorizzata minn qabel, mill-President jew mill-Viċi-President ta’ qorti li jkollha kompetenza tiddeċiedi dwar it-talba, permezz ta’ deċiżjoni finali ta’ qorti li ma tkunx suġġetta għal appell.

17.

Fl-1 ta’ Jannar 2012 daħlet fis-seħħ iz-Zakon za izmenenie i dopalnenie na Nakazatelno-protsesualnia kodeks (“Liġi li temenda u testendi l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali” jew “ZIDNPK”) dwar it-twaqqif u l-operazzjoni tas-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata). Dik il-liġi ttrasferixxiet setgħat fuq il-proċeduri kontra organizzazzjonijiet kriminali mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) lis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata). Skont l-Artikolu 5 ta’ ZIDNPK, il-kompetenza biex isiru ordnijiet għall-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet f’ċerti każijiet kienet ukoll ittrasferita lil dik il-qorti.

18.

Bis-saħħa tal-Artikolu 9(2) ta’ ZIDNPK, proċeduri kriminali eżistenti u pendenti baqgħu jiġu ttrattati mill-korpi li sa dak iż-żmien kellhom il-kompetenza rilevanti. Mis-6 ta’ Marzu 2012 id-dispożizzjoni kienet reġgħet ġiet emendata fis-sens li stħarriġ ġudizzjarju ta’ interċettazzjonijiet kien jiġi eżerċitat mill-qorti li kellha kompetenza qabel l-1 ta’ Jannar 2012.

III. Il-fatti, il-proċeduri u d-domandi preliminari

19.

Petar Dzivev, Galina Angelova, Georgi Dimov u Milko Velkov (iktar ’il quddiem l-“akkużati”) huma akkużati li, fil-perjodu bejn l-1 ta’ Ġunju 2011 u l-31 ta’ Marzu 2012, kienu jifformaw parti minn gang ta’ kriminali. Huwa allegat li dawn wettqu reati fiskali għall-benefiċċju tagħhom stess, permezz tal-kumpannija Karoli Kepital EOOD (iktar ’il quddiem “Karoli”). Meta għamlu dan, huma kienu evitaw l-istima jew il-ħlas tat-taxxa li kienet responsabbli għaliha l-kumpannija skont iz-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud”). Dawn l-erba’ persuni jinsabu akkużati wkoll b’reati fiskali speċifiċi mwettqa minn Karoli mill-1 ta’ Ġunju 2011 sal-31 ta’ Jannar 2012. It-taxxa mhux iddikjarata u mhux mħallsa inkwistjoni tammonta għal total ta’ BGN 372 667.99 (iktar minn EUR 190000).

20.

Qabel ma nbdew il-proċeduri kriminali kontra l-akkużati, bejn l-10 ta’ Novembru 2011 u t-2 ta’ Frar 2012, l-awtorità kompetenti, id- Direttur tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata, talab li l-komunikazzjonijiet tal-akkużati jiġu ttappjati. Il-President tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) ħareġ id-digriet li jawtorizza dak l-ittappjar.

21.

Il-prosekutur pubbliku kellu l-kompetenza jitlob l-ittappjar ta’ telefonati b’riżultat tar-riforma tal-1 ta’ Jannar 2012. F’Marzu 2012, dan applika għal u kiseb digriet mill-President tas-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-qorti tar-rinviju). Dak id-digriet awtorizza l-ittappjar ta’ konnessjonijiet telefoniċi speċifiċi fil-konfront tal-erba’ akkużati kollha.

22.

Is-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), tagħmel domandi dwar l-istħarriġ tal-legalità ta’ dawk l-interċettazzjonijiet awtorizzati preċedentement, billi tinnota żewġ kwistjonijiet problematiċi li jqumu fir-rigward ta’ dawk id-digrieti. L-ewwel nett, ma kienx hemm motivazzjoni adattata. Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li d-digrieti ta’ interċettazzjoni inkwistjoni sempliċement jirriproduċu t-test tad-dispożizzjonijiet statutorji, iżda ma kellhom ebda motiv (individwali, speċifiku) biex isostnihom. Skont il-qorti tar-rinviju, dan jammonta għal ġustifikazzjoni inadegwata skont id-dritt Bulgaru. It-tieni nett, xi wħud minn dawk id-digrieti (dawk maħruġa f’Jannar u fi Frar 2012) kienu adottati minn awtorità ġudizzjarja li ma kinitx kompetenti, jiġifieri s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija). Din tal-aħħar kien missha ttrasferixxiet it-talbiet għal interċettazzjonijiet lis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), minħabba li s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) ma kienx għad għandha kompetenza biex tordna tali awtorizzazzjonijiet fiż-żmien rilevanti.

23.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tinnota li hemm żbalji sistemiċi fil-ħruġ ta’ ordnijiet biex jintużaw metodi speċjali ta’ ġbir ta’ informazzjoni, b’mod partikolari l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, li kienu sussegwentement instabu minn uffiċjali fil-livell nazzjonali. Dan eventwalment wassal biex il-liġi applikabbli tiġi emendata.

24.

Il-qorti tar-rinviju ssemmi li r-regola transizzjonali stabbilita fl-Artikolu 9 taz-ZIDNPK ma kinitx ċara dwar jekk kinitx tkopri investigazzjonijiet preliminari pendenti. Jidher li dik id-dispożizzjoni tat lok għal ġurisprudenza estensiva u kontradittorja. Madankollu, fid-Deċiżjoni ta’ Interpretazzjoni ( 9 ) Nru 5/14 tas-16 ta’ Jannar 2014, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) ikkonfermat il-prinċipju ta’ kompetenza esklużiva tal-korp fdat bl-inkarigu li jinforza l-ġustizzja kriminali. Ma hemmx eċċezzjonijiet għal dak il-prinċipju. Skont il-qorti tar-rinviju, dan il-prinċipju għandu tifsira partikolari skont il-liġi nazzjonali. Dan huwa minnu speċjalment għal dawk il-każijiet li fihom jiġu applikati metodi speċjali ta’ ġbir ta’ informazzjoni, inkluża l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet. Għalhekk, f’dawk il-każijiet, id-digriet ikun jista’ jinħareġ biss mill-President (jew mill-Viċi-President awtorizzat) tal-qorti li jkollha l-kompetenza rilevanti. Jekk kien sar minn imħallef differenti ta’ dik il-qorti jew mill-President jew Viċi-President ta’ qorti differenti, ikun isegwi b’mod ċar li dan id-digriet ma huwiex legali u li ebda waħda mill-provi miġjuba ma tkun tista’ tintuża. L-evalwazzjoni hija bbażata fuq kriterju purament formali, b’mod speċifiku, jekk id-digriet kienx sar mill-korp li kien kompetenti.

25.

Kif spjegat ulterjorment mill-qorti tar-rinviju, il-provi li nkisbu permezz tal-interċettazzjonijiet li kienu awtorizzati mill-qorti li ma kellhiex kompetenza, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), huma ta’ importanza kruċjali għal din il-kawża. Dawn jiddokumentaw b’mod ċar u mingħajr dubju ħafna telefonati li kien hemm bejn P. Dzivev u l-akkużati l-oħra, u r-rwol ewlieni tiegħu. Madankollu, skont id-dritt nazzjonali, dawn il-provi ma jistgħux jintużaw fi proċeduri kriminali minħabba li nkisbu b’mod illegali, għaliex kienu awtorizzati minn qorti li ma kellhiex iktar kompetenza, u li milli jidher ma kinitx immotivat id-digrieti tagħha biżżejjed. Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li P. Dzivev jista’ effettivament jinstab ħati biss jekk dawk il-konversazzjonijiet telefoniċi ikunu jistgħu jintużaw bħala prova. Inkella, P. Dzivev ikollu jinħeles.

26.

Huwa f’dan il-kuntest fattwali u legali li s-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Id-dispożizzjonijiet segwenti:

l-Artikolu 325(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri intiżi li joffru protezzjoni effettiva kontra l-frodi u kontra kull attività illegali li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

l-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (‘il-Konvenzjoni PIF’) u mal-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE [tas-7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej], [Euratom] li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri intiżi li jissanzjonaw b’mod effettiv il-frodi fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud;

l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], li jiggarantixxu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti stabbilita minn qabel permezz tal-liġi,

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-provi miġbura permezz ta’ ‘tekniki investigattivi speċjali’, jiġifieri permezz tas-smigħ ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi ta’ persuni sussegwentement akkużati b’reat fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu esklużi bħala provi minħabba l-fatt li dan is-smigħ kien ġie awtorizzat minn awtorità ġudizzjarja li ma kellhiex kompetenza, fid-dawl tal-elementi segwenti:

preċedentement (bejn xahar u tliet xhur qabel) kienet tressqet talba sabiex ikunu suġġetti għal smigħ uħud minn dawn it-telefowns u din kienet ġiet awtorizzata minn din l-istess awtorità ġudizzjarja li, dak iż-żmien, kienet għadha kompetenti;

talba għal tali awtorizzazzjoni għas-smigħ telefoniku inkwistjoni (intiża għall-estensjoni tas-smigħ preċedenti u għas-smigħ ta’ telefowns ġodda) tressqet quddiem din l-istess awtorità ġudizzjarja, meta din l-awtorità ma kinitx għadha kompetenti minħabba li, immedjatament qabel dan, il-kompetenza tagħha kienet ġiet ittrasferita lil awtorità ġudizzjarja ġdida; minkejja li ma kellhiex kompetenza, l-awtorità ġudizzjarja li preċedentement kellha kompetenza eżaminat it-talba fil-mertu u tat din l-awtorizzazzjoni;

sussegwentement (madwar xahar wara), tressqet talba ġdida għal smigħ telefoniku tal-istess telefowns u din ġiet awtorizzata mill-awtorità l-ġdida li kellha kompetenza f’dan ir-rigward;

fil-prattika, l-awtorizzazzjonijiet kollha mogħtija ma humiex motivati;

id-dispożizzjoni leġiżlattiva li tittrasferixxi l-kompetenza ma kinitx ċara u wasslet għal diversi atti ġudizzjarja kontradittorji, li wassal lill-Varhoven sad [Qorti Suprema] sabiex tagħti deċiżjoni interpretattiva vinkolanti madwar sentejn wara t-trasferiment legali tal-kompetenza u wara s-smigħ telefoniku inkwistjoni;

il-qorti li qiegħda teżamina din il-kawża fir-rigward tal-mertu ma għandhiex il-kompetenza li tiddeċiedi dwar it-talbiet intiżi għall-użu ta’ tekniki investigattivi speċjali (smigħ telefoniku); madankollu, l-imsemmija qorti għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ smigħ telefoniku mwettaq, b’mod partikolari sabiex tqis li awtorizzazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti legali u sabiex tirrifjuta, għalhekk, li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi miġbura b’riżultat ta’ din l-awtorizzazzjoni; din il-kompetenza madankollu teżisti fil-każ ta’ awtorizzazzjoni ta’ smigħ mogħtija b’mod validu;

l-użu ta’ dawn il-provi (konverżazzjonijiet telefoniċi tal-intimati awtorizzati minn awtorità ġudizzjarja li ma għadhiex kompetenti) huwa essenzjali sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tar-responsabbiltà [tal-akkużat] bħala l-mexxej ta’ organizzazzjoni kriminali li l-għan tagħha kien li twettaq reati fiskali koperti miż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud), u bħala l-persuna li instigat ir-reati fiskali kkonċernati, f’sitwazzjoni fejn din il-persuna ma tistax tinstab ħatja u ma tistax tiġi kkundannata ħlief jekk dawn il-konverżazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala prova u fejn, jekk dan ma jsirx, din il-persuna tinħeles mill-akkużi mressqa kontriha.

2.

Id-deċiżjoni preliminari Ognyanov (C‑614/14) tapplika għall-kawża ineżami?”

27.

Fil-25 ta’ Lulju 2016, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑614/14 ( 10 ), il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tirtira t-tieni domanda. Hija qieset li din tal-aħħar kienet saret irrilevanti minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà tatha risposta utli.

28.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda l-proċedura quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, sakemm tkun ittieħdet id-deċiżjoni fil-Kawża M.A.S. u M.B. ( 11 ) Il-proċedura tkompliet fit-12 ta’ Diċembru 2017 wara li ngħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża.

29.

Sottomissjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

30.

Dawn il-konklużjonijiet huwa strutturati kif ġej. L-ewwel nett, ser neżamina liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea japplikaw għal dan il-każ u, fid-dawl ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, nirriformula d-domanda preliminari (A). It-tieni nett, ser insemmi fil-qosor il-ġurisprudenza rilevanti dwar l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (B). It-tielet nett, abbażi ta’ dik il-ġurisprudenza, ser nissuġġerixxi limiti (raġonevoli) għall-obbligu (li xort’oħra huwa pjuttost radikali) ta’ protezzjoni (effettiva) tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (C). Finalment, ngħaddi għad-domanda speċifika magħmula mill-qorti tar-rinviju (D).

A.   Il-liġi applikabbli u riformulazzjoni tad-domanda preliminari

1. Liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea japplikaw għal dan il-każ?

31.

Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikoli 2(1) u l-Artikolu 1(1)(b) tal-Konvenzjoni PIF, l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2007/436 u l-Artikoli 47(1) u (2) tal-Karta.

32.

L-ewwel nett, l-Artikolu 325(1) TFUE jistabbilixxi d-dmirijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jiġġieldu l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ miżuri li kemm iservu ta’ deterrent kif ukoll ikunu effettivi. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ “interessi finanzjarji tal-Unjoni” jinkludi dħul u nfiq koperti mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u ta’ korpi, uffiċċji u aġenziji oħra stabbiliti bit-Trattati. Dħul mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażijiet armonizzati ta’ stima tal-VAT huwa inkluż fir-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea.

33.

Abbażi ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li hemm rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea applikabbli u d-disponibbiltà ta’ riżorsi mill-VAT għall-baġit tal-Unjoni Ewropea: “li kull lakuna fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel potenzjalment tikkawża tnaqqis fit-tieni” ( 12 ). Għalhekk, il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni titlob ġbir sħiħ u sewwa tal-VAT. Peress li jingħad li r-reati allegati f’din il-kawża dgħajfu l-irkupru tal-VAT, isegwi li japplika l-Artikolu 325(1) TFUE.

34.

It-tieni nett, fl-Artikolu 1(1)(b), il-Konvenzjoni PIF tistabbilixxi portata wiesa’ tal-kunċett ta’ “dħul”, billi tagħmel riferiment għal “fondi mill-bilanċ ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew bilanċi mħaddma minn, jew f’isem, il-Kumunitajiet Ewropej”. Fil-kawża Taricco, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li dan “jinkludi, konsegwentement, id-dħul provenjenti mill-applikazzjoni ta’ taxxa uniformi fuq bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni.” ( 13 ) Fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk, fuq il-fatti ta’ dan il-każ, ir-reati fiskali fil-kawża prinċipali jaqgħux tabilħaqq taħt il-kunċett ta’ frodi kif iddefinit fl-Artikolu 1(1)(b) ta’ dik il-Konvenzjoni. Madankollu, abbażi tal-fatti kif ippreżentati mill-qorti nazzjonali, huwa possibbli li wieħed jassumi li dak ikun tabilħaqq il-każ, minħabba l-portata wiesa’ tal-frodi tal-VAT, kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(b) tal-Konvenzjoni PIF.

35.

It-tielet nett, minbarra l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Konvenzjoni PIF, il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll id-Deċiżjoni 2007/436. Mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2007/436 isegwi li r-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea jinkludu dħul mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażijiet armonizzati ta’ stima tal-VAT iddeterminata skont regoli tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, dik id-deċiżjoni ma tikkonċernax in-natura u l-ambitu tad-dmirijiet tal-Istati Membri li jipproteġu dawk l-interessi. Għalhekk, dik id-deċiżjoni tidher li hija rilevanti biss għad-determinazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għal dan il-każ.

36.

Ir-raba’ nett, għalkemm ma ssemmietx espressament mill-qorti tar-rinviju, id-Direttiva tal-VAT hija wkoll rilevanti fil-kuntest ta’ każijiet bħal dak preżenti ( 14 ). L-Artikolu 206 tad-Direttiva tal-VAT jistabbilixxi l-obbligu li persuni taxxabbli jħallsu l-VAT meta jippreżentaw id-denunzja tat-taxxa prevista fl-Artikolu 250(1) ta’ dik id-direttiva. L-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT iħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jadottaw miżuri biex jiżguraw il-ħlas. Dawn jistgħu jimponu obbligi oħra li jkunu jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex jipprevjenu l-evażjoni. L-għażla ta’ sanzjonijiet, jekk ikun hemm, tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri sakemm il-penalitajiet imposti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi ( 15 ). Dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li huma rilevanti hawnhekk minħabba li dawn jobbligaw ukoll lill-Istati Membri jadottaw miżuri xierqa biex jiżguraw il-ġbir sewwa tal-VAT u, b’hekk, biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

37.

Fil-fehma tiegħi, minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF u l-Artikolu 206, l-Artikolu 250(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT huma d-dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-każ. Għal finijiet prattiċi, għalkemm hemm xi differenzi ( 16 ), id-dmirijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet huma tassew simili u, għalhekk, jistgħu jiġu eżaminati flimkien.

38.

Għandha ssir osservazzjoni finali dwar l-applikabbiltà tal-Karta. Il-Kummissjoni targumenta li ma jistgħux jintlaqtu drittijiet fundamentali jekk id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun, għalhekk, ipotetika fir-rigward ta’ ksur possibbli tal-Karta.

39.

Nifhem il-loġika ta’ dan l-argument: jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, kif il-Kummissjoni tabilħaqq tipproponi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li d-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix ir-regoli nazzjonali inkwistjoni, ma jkunx meħtieġ li jiġi eżaminat ulterjorment jekk it-twarrib ta’ dawk ir-regoli jkunx konformi ma’ drittijiet fundamentali.

40.

Madankollu, ma naħsibx li f’każ bħal dak preżenti, il-Karta topera biss bħala, b’mod metaforiku “diga sekondarja” għall-każ li fih tkun diġà nstabet ċerta, forsi tabilħaqq pjuttost diskutibbli, interpretazzjoni tar-regoli sostantivi tal-Unjoni Ewropea dwar materja partikolari. Il-Karta u d-dispożizzjonijiet tagħha huma mifruxa fl-ordinament ġuridiku kollu tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-Karta hija diġà applikabbli u rilevanti għall-“interpretazzjoni primarja” tar-regoli sostantivi inkwistjoni: f’din il-kawża, tal-Artikolu 325(1) TFUE, tal-Konvenzjoni PIF u tad-Direttiva tal-VAT, li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Karta. B’dan il-mod, l-osservanza tal-Karta diġà tillimita l-firxa konċepibbli ta’ għażliet interpretattivi għal dawk id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-argument pjuttost bla limiti tal-effettività.

41.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-kwistjoni mqajma dwar drittijiet fundamentali ma hijiex ipotetika. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 7 (ir-rispett għall-ħajja privata) u l-Artikolu 48(2) (ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża), huma applikabbli għal dan il-każ.

2. Formulazzjoni mill-ġdid tad-domanda tal-qorti nazzjonali

42.

Id-domanda tal-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja hija pjuttost iddettaljata. Moqrija fil-kuntest tad-digriet tar-rinviju, jidhirli li hemm tħassib partikolari dwar żewġ aspetti ta’ kif kienu ġew awtorizzati l-interċettazzjonijiet inkwistjoni. L-ewwel nett, xi digrieti ta’ interċettazzjoni kienu nħarġu minn qorti li mid-dehra ma kinitx iktar kompetenti: il-kontenut eżatt u l-portata tal-kompetenza ma kinux ċari wara li kienet għaddiet emenda leġiżlattiva. It-tieni nett, id-digrieti ma kinux immotivati sewwa, bil-mod mitlub mid-dritt nazzjonali.

43.

Minn dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet ta’ fatt, li huwa esklużivament għall-qorti nazzjonali li taċċerta, il-qorti tar-rinviju siltet il-konklużjoni li ġejja skont id-dritt nazzjonali: il-provi kienu nkisbu illegalment u ma jistgħux jintużaw fi proċeduri kriminali. Għal darb’oħra, l-inklużjoni ta’ fatti skont dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali tinsab fil-kompetenza u r-responsabbiltà esklużiva tal-qorti nazzjonali.

44.

Għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, dawn iż-żewġ elementi huma stabbiliti. Nixtieq nisħaq pjuttost b’mod ċar dwar dan il-punt minħabba diverġenzi interpretattivi li jidhru evidenti fost il-qrati fil-Bulgarija dwar il-qorti li jkollha kompetenza tordna interċettazzjonijiet ta’ telekomunikazzjoni wara li kienet għaddiet l-emenda leġiżlattiva. Mingħajr dubju, ma huwiex għal din il-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dritt nazzjonali, u lanqas biex tagħmilha ta’ arbitru dwar l-interpretazzjoni tajba tiegħu fost qrati nazzjonali.

45.

Għalhekk, mingħajr bl-ebda mod ma nagħmel tiegħi jew napprova ebda waħda mill-fehmiet dwar liema qorti nazzjonali kellha kompetenza tawtorizza l-interċettazzjonijiet inkwistjoni, jew niddiskuti l-istandards li skonthom digrieti ta’ interċettazzjoni għandhom ikunu mmotivati, ser nipproċedi mill-punt tat-tluq li l-provi kienu nkisbu illegalment skont id-dritt nazzjonali permezz tad-digrieti ta’ interċettazzjoni, u li, b’riżultat ta’ dan, l-applikazzjoni tal-verżjoni nazzjonali ta’ “ir-regola ta’ esklużjoni”, li tali provi ma jistgħux jintużaw fi proċeduri kriminali, kienet inbdiet b’mod validu.

46.

Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki, id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti risposta għaliha tista’ tiġi fformulata mill-ġdid kif ġej: l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikoli 1(1) u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF u l-Artikoli 206, 250 u 273 tad-Direttiva tal-VAT, interpretati fid-dawl tal-Karta, jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi, li skontha provi miksuba illegalment ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali?

B.   Il-ġurisprudenza rilevanti

47.

Il-ġbir effettiv tal-VAT ġie indirizzat f’għadd ta’ sentenzi ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ). Madankollu, iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tat attenzjoni speċjali lil sitwazzjonijiet li fihom kienu nbdew proċeduri kriminali kontra persuni akkużati b’reati relatati jew mal-VAT jew ma’ dazji doganali, u lill-kwistjoni tal-(in)effettività ta’ regoli jew prattiki nazzjonali applikati f’dawk il-proċeduri. Din it-taqsima tiddeskrivi fil-qosor dikjarazzjonijiet ewlenin magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi relatati ma’ din l-aħħar linja ta’ kawżi.

48.

L-ewwel nett, fis-sentenza fil-Kawża Åkerberg Fransson ( 18 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 325 TFUE, u l-Artikolu 2, l-Artikolu 250(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, u l-Artikolu 4(3) TUE, kull Stat Membru għandu dmir jieħu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha xierqa biex jiżgura l-ġbir tal-VAT dovuta fit-territorju tiegħu, u biex jipprevjeni l-evażjoni u jiġġieled attivitajiet illegali li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea ( 19 ).

49.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha wkoll ċara li, fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-dmirijiet, l-Istati Membri kienu suġġetti għad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 20 ). F’sitwazzjoni fejn azzjonijiet tal-Istati Membri ma jkunux iddeterminati kompletament mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, awtoritajiet u qrati nazzjonali wkoll jibqgħu ħielsa li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali, bil-kundizzjoni li b’hekk, ma jkunux kompromessi l-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 21 ).

50.

Wara, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet mistoqsija, fil-Kawżi Taricco ( 22 ) u M.A.S. u M.B. (“M.A.S.”) ( 23 ) jekk il-prinċipju ta’ legalità setax jillimita l-ġbir effettiv tal-VAT.

51.

Fil-Kawża Taricco, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel tenniet id-dmirijiet tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-Artikolu 325 TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF ( 24 ). Din ikkonkludiet li dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-interruzzjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni, bir-riżultat li ma jkunx hemm pieni kriminali għal frodi gravi f’għadd kunsiderevoli ta’ każijiet, huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea minħabba li ma jkunux effettivi u dissważivi ( 25 ).

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad għaddiet biex titkellem dwar il-konsegwenzi tal-inkompatibbiltà ta’ dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u dwar il-funzjoni tal-qorti nazzjonali. Hija ddeċidiet li s-subparagrafi (1) u (2) tal-Artikolu 325 TFUE kienu direttament effettivi. B’riżultat ta’ dan, kull dispożizzjoni f’kunflitt mad-dritt nazzjonali ma kellhiex tkun applikata ( 26 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, meta ddeċidiet li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, il-qorti nazzjonali għandha wkoll tiżgura li jkunu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-persuni konċernati ( 27 ). F’kull każ, tali nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ma jiksirx id-drittijiet tal-akkużati, kif iggarantiti mill-Artikolu 49 tal-Karta. Dan għaliex bl-ebda mod ma jwassal biex l-akkużati jinstabu ħatja għal att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skont id-dritt nazzjonali fiż-żmien meta kienu twettqu, u lanqas għall-applikazzjoni ta’ piena li, f’dak iż-żmien, ma kinitx stabbilita mid-dritt nazzjonali ( 28 ).

53.

Madwar sena wara, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna teżamina mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha fil-Kawża M.A.S. Il-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) kienet esprimiet dubji dwar jekk il-pożizzjoni fil-Kawża Taricco kinitx kompatibbli mal-prinċipji supremi tal-ordinament kostituzzjonali Taljan, b’mod partikolari mal-prinċipju (nazzjonali) ta’ legalità (tal-pieni). Hija argumentat li s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex testendi tant li tolqot l-identità nazzjonali inerenti fl-istruttura fundamentali tal-Istat Membru, protetta bl-Artikolu 4(2) TUE.

54.

Fir-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet id-dmirijiet tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE li huwa direttament effettiv, u d-dmir tal-qrati nazzjonali li ma japplikawx dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji dwar limitazzjoni ( 29 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll żewġ kwalifiki importanti fil-Kawża Taricco. L-ewwel nett, hija saħqet dwar ir-responsabbiltà primarja tal-leġiżlatur nazzjonali li jistabbilixxi regoli ta’ limitazzjoni li jippermettu konformità mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 325 TFUE ( 30 ). It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, fiż-żmien rilevanti, ir-regoli ta’ limitazzjoni applikabbli għal proċeduri kriminali relatati mal-VAT ma kinux ġew armonizzati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ( 31 ). F’dan il-kuntest, awtoritajiet u qrati nazzjonali setgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kawża Åkerberg Fransson ( 32 ).

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li r-rekwiżiti dwar il-prevedibbiltà, il-preċiżjoni u n-nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, inerenti għall-prinċipju ta’ legalità ( 33 ), kienu japplikaw ukoll fis-sistema legali Taljana għal regoli ta’ limitazzjoni. Bħala riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk qrati nazzjonali jqisu li l-obbligu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jkun f’kunflitt mal-prinċipju ta’ legalità, dawn ma kinux obbligati li jikkonformaw ma’ dak l-obbligu, anki jekk il-konformità mal-obbligu kienet tippermetti rimedju għal sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 34 ).

56.

Mill-Kawża M.A.S. lil hawn, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja tat tliet sentenzi oħra dwar id-dmirijiet tal-Istati Membri li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali u mal-ġbir tal-VAT b’mod partikolari.

57.

L-ewwel nett, fil-Kawża Scialdone, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-penalitajiet fil-qasam tal-VAT, huma l-Istati Membri, skont l-awtonomija proċedurali u istituzzjonali, li jiddeċiedu dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tar-regoli tal-VAT, mingħajr preġudizzju għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza ( 35 ). It-tieni nett, fil-Kawża Menci, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu penalitajiet għall-ksur tal-VAT sakemm dawn jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, speċjalment il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta. Hija kkonkludiet li d-duplikazzjoni ta’ proċeduri u pieni amministrattivi u kriminali kienet kompatibbli mal-Artikolu 50 taħt ċerti kundizzjonijiet ( 36 ).

58.

It-tielet nett, l-iktar sentenza reċenti fil-Kawża Kolev ( 37 ) hija wkoll ta’ rilevanza partikolari għal din il-kawża. F’dik il-kawża, it-talba għal deċiżjoni preliminari kienet ukoll ippreżentata mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) fil-Bulgarija. Madankollu, din kienet tirrigwarda regola nazzjonali li kienet tipprovdi għat-terminazzjoni tal-proċeduri kriminali fuq talba tal-persuna akkużata meta jkun għadda perjodu ta’ iktar minn sentejn minn meta jkunu nbdew l-investigazzjonijiet ta’ qabel il-kawża, u meta l-prosekutur ma jkunx lesta l-investigazzjoni ta’ qabel il-kawża.

59.

Wara li reġgħet qalet li l-Artikolu 325(1) TFUE jeħtieġ li l-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li regoli proċedurali kriminali jkunu jippermettu investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi ta’ dawn ir-reati ( 38 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li huwa primarjament għall-leġiżlatur nazzjonali li jiżgura li s-sistema proċedurali applikabbli għall-prosekuzzjoni ta’ reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea ma tippreżentax, għal raġunijiet intrinsiċi għaliha, riskju sistemiku ta’ impunità għal kondotta li tikkostitwixxi reati bħal dawn, u li jipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-persuni akkużati. Min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha wkoll immedjatament tagħti effett lill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u, fl-istess waqt, tħares id-drittijiet fundamentali ( 39 ). F’kull każ, il-qorti nazzjonali ma tistax tordna t-terminazzjoni ta’ proċeduri kriminali għar-raġuni biss li dan ikun iktar favorevoli għall-akkużati ( 40 ).

60.

Finalment, hemm ukoll is-sentenza kkwotata espressament mill-qorti tar-rinviju: WebMindLicences ( 41 ). Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-artikolazzjoni tar-relazzjoni bejn proċedura amministrattiva u proċedura kriminali, u d-drittijiet tal-persuni taxxabbli f’dik il-kawża. Kienet ukoll saret espressament domanda dwar l-użu ta’ provi miksuba permezz ta’ interċettazzjonijiet biex tkun stabbilita l-eżistenza ta’ prattika abbużiva dwar il-VAT. Il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħux jużaw provi miksuba fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, inklużi provi miksuba permezz ta’ interċettazzjonijiet, bħala l-bażi għad-deċiżjoni tagħhom.

61.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(3) TUE, u l-Artikolu 325 TFUE u l-Artikolu 2, l-Artikolu 250(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT ma jipprekludux lill-awtoritajiet tat-taxxa milli jkunu jistgħu, biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ prattika abbużiva dwar il-VAT, jużaw provi miksuba mingħajr l-għarfien tal-persuna taxxabbli fil-kuntest ta’ proċedura kriminali parallela li ma tkunx għadha ġiet konkluża. Dan kien bil-kundizzjoni li jkunu osservati drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, speċjalment dawk imsemmija fil-Karta ( 42 ).

62.

Kollox ma’ kollox, jidher li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 325(1) TFUE, bħala dispożizzjoni waħedha, jew flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, jew mal-Artikolu 2, l-Artikolu 250 u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, teħtieġ li l-Istati Membri jadottaw kull miżura neċessarja biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, inklużi pieni amministrattivi jew kriminali effettivi u dissważivi.

63.

Il-portata tal-obbligi tal-Istati Membri f’dan ir-rigward hija wiesa’. Din tinkludi, lil hinn minn sanzjonijiet partikolari, is-sett kollu ta’ regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali, inklużi regoli ta’ proċedura kriminali ( 43 ). Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu l-għan li jiżgura li, irrispettivament min-natura proċedurali jew sostantiva tagħhom, kemm jekk ikunu skont id-dritt nazzjonali jew skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni ma jkollhomx l-effett li jfixklu l-impożizzjoni ta’ sanzjoni effettiva u dissważiva.

64.

Madankollu, il-każistika hija ugwalment ċara dwar il-fatt li, bħala prinċipju, l-obbligi tal-Istati Membri li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jsibu l-limiti tagħhom fid-drittijiet fundamentali ( 44 ). Irrispettivament minn jekk kienx hemm armonizzazzjoni ta’ regoli direttament jew indirettament relatati ma’ sanzjonijiet tal-VAT jew ta’ materji doganali, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huma marbuta bi drittijiet fundamentali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta.

C.   Ġbir effettiv tal-VAT u l-limiti tiegħu

65.

Fl-iktar termini rudimentari, il-kwistjoni miftuħa (mill-ġdid) minn din il-kawża hija essenzjalment: tista’ qorti nazzjonali, f’isem “ġbir effettiv” tal-VAT (jew ta’ riżorsi proprji oħra tal-Unjoni Ewropea), twarrab b’mod selettiv dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk dwar perijodi ta’ preskrizzjoni u ta’ limitazzjoni (Taricco, M.A.S.); limiti monetarji għal kriminalizzazzjoni (Scialdone); limiti ta’ żmien applikabbli għall-għeluq tal-istadju ta’ qabel is-smigħ fi proċeduri kriminali (Kolev); jew, bħal f’din il-kawża, regoli nazzjonali dwar l-ammissibbiltà ta’ provi fi proċeduri kriminali miksuba illegalment, jekk l-osservanza ta’ dawk ir-regoli tkun tfisser impunità għall-akkużat?

66.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda speċifika, għal darba oħra b’ċertu livell ta’ simplifikazzjoni, bħal pendlu tmur minn “iva, jekk ikun hemm numru kunsiderevoli ta’ każijiet” (Taricco), għal “le, huwa għal-leġiżlatur nazzjonali li jirrimedja nuqqasijiet sistemiċi bħal dawn” (M.A.S. u Scialdone) għal “primarjament le, iżda attwalment iva, jekk dan iseħħ b’mod sistematiku, bil-kundizzjoni li jkunu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-akkużat” (Kolev).

67.

Insibha diffiċli nifhem kif l-iktar approċċ reċenti, fis-sentenza Kolev, jista’ fil-prattika jitwettaq minn qrati nazzjonali. Qorti nazzjonali hija mistennija twarrab regoli nazzjonali applikabbli fi proċeduri kriminali, li din tqis li jkunu inkompatibbli mal-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 325(1) TFUE, iżda għandha biss twarrabhom jekk dak ma jkunx iwassal għal riżultat li jikser id-drittijiet fundamentali tal-akkużat. Iżda kif għandhom jiġu identifikati? Mhux id-drittijiet kollha tal-akkużat jistħoqqilhom osservanza metikoluża inerenti għad-dritt għal proċess (kriminali) ġust u/jew għad-drittijiet tad-difiża? Jew hemm drittijiet ta’ inqas importanza (“drittijiet tat-tieni klassi”), li għandhom jiġu identifikati individwalment minn kull qorti nazzjonali, u sussegwentement jitwarrbu selettivament, jekk jinzertaw li jkunu ta’ xkiel għal kundanna?

68.

Għalhekk jidher li dan l-aspett speċifiku tal-ġurisprudenza għadu “xogħol pendenti”. F’din it-taqsima, ser nagħmel diversi suġġerimenti dwar kif dik il-ġurisprudenza tista’ tissawwar f’kunċetti u tinġieb ’il quddiem. Meta nagħmel hekk, ċertament neħodha bħala ħaġa ċerta li l-Istati Membri għandhom iħarsu d-dmirijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) TFUE u mid-dispożizzjonijiet l-oħra kollha rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea diskussi iktar ’il fuq ( 45 ). Huwa wkoll rikonoxxut sewwa li dawk id-dmirijiet jistgħu jestendu għal kull element, ikun liema jkun, tad-dritt nazzjonali li jimplimenta b’mod effettiv dawk id-dmirijiet ( 46 ). Barra minn hekk, dawn għandhom ikunu implimentati b’mod effettiv. F’din it-taqsima ser jiġu diskussi pjuttost l-oriġini u l-portata tal-limiti għal tali obbligi radikali (Taqsimiet 1, 2 u 3); jekk dawk il-limiti humiex differenti skont it-tip tar-regola nazzjonali inkwistjoni (Taqsima 4); u finalment, u x’aktarx l-iktar importanti, il-kwistjoni ta’ rimedji: sakemm tkun identifikata kull tali inkompatibbiltà, u x’konsegwenzi jkollha fil-kawżi individwali pendenti (u potenzjalment oħrajn li jkunu għadhom għaddejja) (Taqsima 5)?

69.

Huwa ġust li jiġi rrikonoxxut mill-bidu nett li l-approċċ issuġġerit hawnhekk huwa bbażat fuq konvinzjoni soda li l-approċċ korrett għan-nuqqasijiet (sistemiċi) potenzjali tal-Istati Membri fil-ġbir effettiv tal-VAT (jew il-protezzjoni ta’ interessi finanzjarji oħra tal-Unjoni Ewropea) huwa l-approċċ adottat fil-Kawżi M.A.S. u Scialdone, u mhux dak ta’ Taricco u Kolev.

1. Miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea

70.

L-istħarriġ dwar x’tip ta’ regola, valuri jew interessi jistgħu jintużaw biex jibbilanċjaw jew jillimitaw ir-rekwiżit ta’ protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, u b’liema mod, neċessarjament tibda bl-analiżi tan-natura tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli f’din il-kawża.

71.

Fis-sentenza fil-Kawża M.A.S., il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li, fiż-żmien rilevanti għall-kawża prinċipali, ir-regoli ta’ limitazzjoni applikabbli fi proċeduri kriminali relatati mal-VAT kienu għadhom ma ġewx armonizzati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, u li minn dak iż-żmien ’il quddiem l-armonizzazzjoni kienet biss parzjali ( 47 ).

72.

Eżattament xi tfisser “armonizzazzjoni” f’dan il-kuntest, u x’timplika l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea?

73.

L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li d-deskrizzjoni tad-dibattitu f’termini ta’ “armonizzazzjoni” tista’ tkun kemmxejn qarrieqa. Il-problema hija li l-kunċett ta’ “armonizzazzjoni” jimplika xi tip ta’ analiżi settorjali, billi jitqies il-qasam kollu tad-dritt jew strument leġiżlattiv speċifiku. Barra minn hekk, “armonizzazzjoni parzjali” jew “armonizzazzjoni minima” f’dak il-kamp ta’ applikazzjoni partikolari, tkun xi tkun, ikollha l-istess effetti bħal “armonizzazzjoni sħiħa”?

74.

Għalhekk, it-test attwali jidher li huwa pjuttost dwar il-fatt jekk hemmx regola jew sett ta’ regoli ċari tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-għan li jirregolaw aspett speċifiku wieħed ta’ qasam partikolari b’mod eżawrjenti, u b’hekk effettivament iċaħħad lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jadottaw regoli awtonomi. Tali test iktar għandu l-għan li ssir mikroanaliżi, billi tiġi eżaminata regola speċifika jew, l-iktar, aspett speċifiku u definit sewwa tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

75.

Is-sentenza f’Melloni ( 48 ), u r-regoli dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’każ ta’ kundanna mogħtija in absentia skont l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI ( 49 ), jistgħu jkunu ta’ eżempju f’dan ir-rigward. Ir-regoli li hemm f’din id-dispożizzjoni tabilħaqq ikopru b’mod eżawrjenti aspett tal-proċedura ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, biex b’hekk jiġu preklużi regoli nazzjonali dwar l-istess suġġett. It-test tal-eżistenza ta’ “miżura ta’ armonizzazzjoni” tal-Unjoni Ewropea fis-sens deskritt fil-qosor iktar ’il fuq kien sar fil-livell tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u tas-sitwazzjonijiet koperti minnu. Iżda naturalment ma kien hemm ebda pretensjoni li d-Deċiżjoni Kwadru kellha tkopri s-suġġett kollu (kienet x’kienet id-definizzjoni tiegħu, u jekk kinitx tinkludi l-proċedura sħiħa ta’ ċediment tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew proċedura kriminali bħala tali).

76.

Ċertament, tali effett ta’ prevenzjoni mhux dejjem jeħtieġ “qbil testwali” sħiħ bejn ir-regol(a/i) tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u dawk nazzjonali. Tali “armonizzazzjoni” u l-prevenzjoni li tirriżulta jistgħu wkoll ikunu ta’ natura iktar funzjonali. Filwaqt li ma tistabbilixxix regola espliċita, l-eżistenza ta’ regoli ċari oħra, sa fejn jirrigwarda kwistjonijiet relatati, tista’ tipprevjeni jew tirrestrinġi ċerti regoli tal-Istati Membri sal-punt li s-suġġett fattwali tal-każ ikun jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ( 50 ).

77.

It-tieni nett, l-eżistenza ta’ regoli ċari li jirregolaw b’mod eżawrjenti ċertu aspett ta’ qasam iktar estiż għandha konsegwenza naturali: teskludi azzjoni awtonoma min-naħa tal-Istati Membri. Ladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jkun adotta miżuri li jirregolaw b’mod sħiħ kwistjoni partikolari, ma jkunx hemm iktar spazju regolatorju għall-Istati Membri biex jadottaw ir-regoli tagħhom stess, sakemm dawn il-miżuri ma jkollhomx biss l-għan li jimplimentaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u waqt li jagħmlu dan ma jmorrux lil hinn minn dak li jippermettu dawn tal-aħħar.

78.

It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li dak li għandu jiġi stabbilit f’kull każ partikolari huwa kemm is-sitwazzjoni fattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija qrib il-miżura ta’ armonizzazzjoni inkwistjoni. Tkun kemm tkun ċara, preċiża u kompleta r-regola tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jekk is-sensiela ta’ fatti fil-kawża prinċipali tinzerta li tkun biss relatata mill-bogħod ma’ dik ir-regola, l-Istati Membri jżommu diskrezzjoni li jadottaw ir-regoli awtonomi tagħhom stess, għalkemm it-tilwima xorta tkun formalment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

79.

Għalhekk, huwa ċar li hemm skala. Minn naħa, ikun hemm każijiet fejn ir-regola nazzjonali tkun taqa’ taħt standard tal-Unjoni Ewropea “armonizzat”, b’mod dirett fuq il-bażi tat-test tagħha jew minħabba li tkun tant qrib li tkun funzjonalment marbuta magħha (bħal fil-Kawża Melloni). Fuq in-naħa tal-iskala li tkun lil hinn minn regola ċara tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ikun hemm każijiet li fihom ir-regola fuq il-livell nazzjonali jkun għad għandha xi konnessjoni ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, iżda dik il-konnessjoni tiddgħajjef. Eżempji f’din il-kategorija jinkludu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar sanzjonijiet fil-qasam tal-VAT, bħall-Kawżi Åkerberg Fransson jew Scialdone. Il-kelma “sanzjonijiet” bl-aġġettivi adatti, tabilħaqq tissemma fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, iżda dawn ċertament ma humiex iddettaljati biżżejjed biex jipprovdu xi regoli ċari tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar l-elementi speċifiċi ta’ sanzjoni għal reati relatati mal-VAT imqajma f’dawk il-kawżi. Finalment, fit-tarf l-ieħor tal-ispektrum ikun hemm każijiet li, filwaqt li xorta jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ikunu jikkonċernaw regoli nazzjonali li jkunu ferm ’il bogħod minn kull regola ċara tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni. B’hekk, pereżempju, kwistjonijiet imqajma fil-kawża Ispas (aċċess għall-proċess fi proċedura tal-VAT); fil-kawża Kolev (limiti ta’ żmien applikabbli għall-għeluq tal-istadju ta’ qabel il-kawża fi proċeduri kriminali) jew, jekk niġu f’dan, f’din il-kawża, kwistjonijiet li xorta waħda b’xi mod huma relatati mal-ġbir tal-VAT. Iżda jkun meħtieġ tiġbid tal-immaġinazzjoni biex il-kelma “ġbir” u dawk is-sitwazzjonijiet fattwali jingħaqdu.

80.

Iktar ma sitwazzjoni tkun qrib rekwiżit iddefinit b’mod ċar mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, inqas ikun hemm diskrezzjoni min-naħa tal-Istat Membru u iktar ikun hemm konformità. Għall-kuntrarju, iktar ma każ jitbiegħed minn regola ċara u speċifika tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jibqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ikbar tkun id-diskrezzjoni min-naħa tal-Istati Membri, u b’hekk jingħata lok għal iktar diversità. Immur lura għal metafora diġà użata f’kuntest ftit differenti ( 51 ), iżda li tirrifletti l-istess ħsieb: iktar ma wieħed ikun qrib fanal ta’ port, iktar ikun qawwi d-dawl minn dik l-għajn, li jdallam l-għejun l-oħra kollha. Iktar ma wieħed jitbiegħed mill-fanal tal-port, inqas ikun hemm dawl, li gradwalment jibda jitħallat u jsir ħaġa waħda ma’ dawl minn għejun oħra.

2. L-oriġini Komunitarja jew nazzjonali tal-limiti għal ġbir effettiv tal-VAT

81.

Fil-Kawża M.A.S. il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li fiż-żmien rilevanti fil-kawża prinċipali, ir-regoli ta’ limitazzjoni applikabbli fi proċeduri kriminali relatati mal-VAT ma kinux ġew armonizzati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea. Immedjatament wara dik l-osservazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Taljana kienet, għalhekk, dak iż-żmien, ħielsa li tistabbilixxi li fis-sistema legali tagħha, dawk ir-regoli, bħar-regoli dwar id-definizzjoni tar-reati u dwar id-determinazzjoni ta’ pieni, jifformaw parti mid-dritt kriminali sostantiv u b’hekk huma suġġetti għall-prinċipju li reati u pieni għandhom ikunu ddefiniti mil-liġi ( 52 ).

82.

Permezz ta’ dik id-dikjarazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, f’qasam li għadu ma ġiex armonizzat, l-applikazzjoni ta’ interpretazzjoni speċifika nazzjonali ta’ dritt fundamentali (il-prinċipju ta’ legalità), li huwa protett kemm mid-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mid-dritt nazzjonali.

83.

Dan ifisser li l-ġbir effettiv tal-VAT huwa dejjem limitat kemm minħabba d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk nazzjonali dwar drittijiet fundamentali? Ir-risposta tiddependi mill-kontenut tar-regola nazzjonali inkwistjoni u, kif indikat fit-taqsima preċedenti, minn jekk tali regola u regola “armonizzata” jidħlux f’xulxin jew ikunux qrib xulxin.

84.

Fi ftit kliem, jista’ jkun hemm żewġ sitwazzjonijiet: l-ewwel waħda li r-regola nazzjonali applikabbli inkwistjoni jew tkun preċiżament skont ir-regoli armonizzati fil-livell tal-Unjoni Ewropea abbażi tat-test tagħha jew li funzjonalment tant tkun qrib dawk ir-regoli li b’mod effettiv tkun tista’ tiġi antiċipata bl-applikazzjoni tagħhom. F’dak il-każ, ir-riżervi, il-limitazzjonijiet, u l-bilanċ ma’ dawk ir-regoli jkunu ta’ natura “orizzontali”, jiġifieri, b’relazzjoni ma’ interessi, valuri u standards ta’ drittijiet fundamentali li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea ( 53 ). It-tieni sitwazzjoni hija li r-regola nazzjonali inkwistjoni ma tiġix antiċipata testwalment jew funzjonalment (b’mod raġonevolment dejjaq), iżda xorta tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. F’dak il-każ, tali limiti, inklużi limiti dwar drittijiet fundamentali, joriġinaw miż-żewġ sistemi: standards legali (minimi) tal-Unjoni Ewropea, peress li l-Istat Membru jkun qed jaġixxi fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u ma jistax ikun hemm azzjoni awtorizzata mid-dritt tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun japplika l-Artikolu 51(1) tal-Karta, iżda wkoll limiti tad-dritt nazzjonali, li jistgħu, addizzjonalment, jipprovdu għal livell ogħla ta’ protezzjoni f’dawk il-każijiet.

85.

Din id-distinzjoni tispjega għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża Melloni, eskludiet l-applikazzjoni ta’ standard ta’ protezzjoni nazzjonali, filwaqt li ppermettietha espliċitament fil-Kawża M.A.S.

86.

Fil-Kawża Melloni, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali kienet iddeterminata b’sensiela ċara ta’ regoli li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ( 54 ). Għalhekk, ma kienx possibbli, abbażi ta’ xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali flimkien mal-Artikolu 53 tal-Karta, li tiżdied raġuni ġdida biex ma ssirx eżekuzzjoni ma’ dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, anki jekk dik ir-raġuni kien ikollha l-oriġini tagħha fil-kostituzzjoni tal-Istat Membru. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan kien, billi jitfa’ dubju fuq l-uniformità tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif iddefinit f’dik id-deċiżjoni kwadru, idgħajjef il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent li dik id-deċiżjoni għandha l-għan li ssostni u, għalhekk, kien jikkomprometti l-effettività ta’ dik id-deċiżjoni kwadru ( 55 ).

87.

Fi kliem ieħor, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna ( 56 ), huwa biss l-istandard tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet fundamentali li għandu japplika f’sitwazzjoni ta’ uniformità leġiżlattiva fil-livell tal-Unjoni Ewropea fejn miżura tal-Unjoni Ewropea tkun stabbilixxiet rekwiżiti ċari u eżawrjenti dwar kwistjoni speċifika. F’tali każ, wieħed jassumi li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jkun diġà laħaq bilanċ bejn, minn naħa, il-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali u, min-naħa l-oħra, l-effettività ġenerali tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tal-għanijiet tagħha. Jekk ikun meħtieġ, dan il-bilanċ ikun jista’ jiġi kkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-istandard tal-Unjoni Ewropea ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali bħala kriterju ta’ stħarriġ tal-miżura ta’ armonizzazzjoni inkwistjoni tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, fl-aħħar mill-aħħar, id-drittijiet fundamentali jkunu protetti mill-Qorti tal-Ġustizzja meta wieħed jiftakar li, bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istandard ta’ protezzjoni tal-Unjoni Ewropea ma jistax ikun inqas mill-istandard stabbilit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).

88.

Għall-kuntrarju, fis-sentenza fil-Kawża M.A.S., kif ukoll fil-Kawża Scialdone (jew fil-Kawża Åkerberg Fransson), ma kienx hemm tali “armonizzazzjoni”, fis-sens ta’ regoli nazzjonali inkwistjoni f’dawk il-kawżi li jew kienu jaqgħu direttament taħt dispożizzjoni ċara tad-dritt tal-Unjoni Ewropea f’dak is-sens jew li kienu funzjonalment esklużi minnu. Għaldaqstant, kienu japplikaw żewġ tipi ta’ limiti għall-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni. Minn naħa, l-Istati Membri jibqgħu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tal-Unjoni Ewropea ( 57 ) u għall-istandard minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta ( 58 ). Min-naħa l-oħra, minħabba li jkunu qegħdin jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom stess, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll, meta jeżaminaw mill-ġdid ir-regoli adottati fl-eżerċizzju ta’ tali diskrezzjoni, il-kunċett tagħhom stess ta’ dritt fundamentali, sakemm ma jagħtux inqas protezzjoni minn dik stabbilita fil-Karta, skont l-Artikolu 53 ta’ din tal-aħħar.

89.

Osservazzjoni finali tkun f’lokha dwar il-livell meħtieġ ta’ “unità” jew “uniformità” fir-rigward ta’ dawn l-aħħar sitwazzjonijiet. Dikjarazzjoni li ssir ta’ spiss minn din il-Qorti tal-Ġustizzja hija li l-awtoritajiet nazzjonali u l-qrati jibqgħu ħielsa li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali bil-kundizzjoni li l-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-Karta, skont kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ma jiġux kompromessi minħabba f’hekk ( 59 ).

90.

Nammetti li nsibha pjuttost diffiċli nikkonċepixxi l-operazzjoni prattika ta’ dawk il-kundizzjonijiet, b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ “unità” li jinsabu fit-tieni kundizzjoni. Limiti ta’ żmien biex issir dikjarazzjoni tal-VAT jistgħu jkunu ta’ eżempju f’dan ir-rigward. Filwaqt li l-fatt li għandu jkun hemm denunzji u dikjarazzjonijiet regolari tal-VAT huwa previst fl-Artikolu 250(1) tad-Direttiva tal-VAT, il-portata eżatta ta’ kif għandhom isiru dawk id-dikjarazzjonijiet (bħall-frekwenza, f’liema format, jew skont liema limiti ta’ żmien) ma huwiex. Dawn l-aħħar affarijiet, għalhekk, ma humiex “armonizzati” fis-sens deskritt fit-taqsima preċedenti, u, għalhekk, jaqgħu fil-qasam fejn l-Istati Membri jżommu d-diskrezzjoni tagħhom. Mid-definizzjoni tagħhom, tali regoli nazzjonali jkunu differenti u diverġenti, iżda, sakemm ma jkunux ta’ theddida għas-supremazija, għall-effettività ġenerali, u għall-istandards minimi ta’ protezzjoni previsti mill-Karta, tali differenzjar nazzjonali jkun naturalment possibbli.

91.

Għalhekk, filwaqt li naturalment huma rilevanti għall-applikazzjoni nazzjonali ta’ regoli armonizzati tal-Unjoni Ewropea, ir-rekwiżiti ta’ supremazija, ta’ unità u ta’ effettività, u b’mod partikolari dak ta’ “unità”, forsi ma għandhomx jitqiesu litteralment f’oqsma fejn l-Istati Membri jżommu d-diskrezzjoni.

3. Ir-rwol tal-Karta

92.

Skont jekk din is-sitwazzjoni tkunx iddeterminata kompletament mid-dritt tal-Unjoni Ewropea bil-mod kif imsemmi fit-taqsimiet preċedenti, il-Karta taqdi rwol doppju interessanti bħala limitu għal ġbir effettiv tal-VAT. F’każijiet li jaqgħu eżattament taħt regola jew sensiela ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Karta tistabbilixxi l-istandard massimu komuni. F’każijiet mhux ikkonċernati minn tali armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Karta tipprovdi għal limitu minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

93.

L-ewwel nett, fil-każ ta’ armonizzazzjoni, il-Karta taġixxi bħala limitu massimu. Minħabba li l-applikazzjoni, permezz tal-Artikolu 53, ta’ standards nazzjonali ta’ protezzjoni hija eskluża, il-Karta hija l-uniku kriterju tad-drittijiet fundamentali li abbażi tiegħu jiġu evalwati miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea — jew miżuri nazzjonali li jimplimentawhom b’mod strett. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 52(1) jimponi l-istandard ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-Karta bħala mill-inqas għoli daqs l-istandard tal-QEDB, filwaqt li l-Artikolu 52(3) jiżgura li restrizzjonijiet għad-drittijiet fundamentali jkunu limitati b’mod ċar u li ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex tkun żgurata, pereżempju, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Dawn id-dispożizzjonijiet jiggarantixxu li l-Karta għandha hija stess tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali billi tistabbilixxi limiti effettivi għall-ġbir tal-VAT. Billi hija parti integrali tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea, il-Karta tibbenefika wkoll mir-rekwiżiti ta’ supremazija, unità u effettività. Għandha wkoll pożizzjoni ugwali ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea, bħall-Artikolu 325 TFUE, u hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura bilanċ korrett bejn drittijiet fundamentali u valuri jew interessi rivali.

94.

It-tieni nett, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, inkluż fejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea jippermetti ftit spazju lill-Istati Membri biex jadottaw ir-regoli leġiżlattivi jew ta’ implimentazzjoni tagħhom stess ( 60 ), il-Karta tistabbilixxi limitu minimu. Huwa ċar mill-Artikolu 53 li l-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri — iżda wkoll id-dritt internazzjonali — jistgħu jipprovdu għal standards ta’ protezzjoni ogħla minn dawk stabbiliti mill-Karta.

95.

Għal darb’oħra, f’sitwazzjoni bħal din, jiġu affettwati “is-supremazija, l-unità u l-effettività” tad-dritt tal-Unjoni Ewropea”? Inqas ma jkun hemm armonizzazzjoni, inqas ikun probabbli li mid-definizzjoni tagħhom ikunu mhedda s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Ċertament, l-applikazzjoni ta’ standard nazzjonali ta’ protezzjoni tfisser diversità, kuntrarjament għal uniformità. Madankollu, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni japplika biss — ftit jew wisq — għall-marġni ta’ diskrezzjoni li jibqalhom l-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni Ewropea nnifsu. Hija, għalhekk, azzjoni nazzjonali, kuntrarjament għal azzjoni tal-Unjoni Ewropea, li titkejjel skont il-kriterju iktar strett tal-kostituzzjoni nazzjonali. Fi kliem ieħor, iktar ma jkun wiesa’ l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, inqas ikun ir-riskju għas-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

4. In-natura sostantiva jew proċedurali ta’ regoli nazzjonali tal-liġi kriminali

96.

Fis-sentenza fil-Kawża M.A.S. qamet il-kwistjoni dwar jekk ir-regola ta’ limitazzjoni inkwistjoni kinitx ta’ natura sostantiva jew proċedurali u, għalhekk, jekk il-prinċipju ta’ legalità kienx jinkludi wkoll dik ir-regola. Minħabba li s-sistema legali Taljana tirrikonoxxi li tali regoli huma ta’ natura sostantiva, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ dawk ir-regoli, il-ħsieb kien li japplika l-prinċipju ta’ legalità skont id-dritt Taljan. Fil-Kawża M.A.S., kif ukoll qabel fil-Kawża Taricco, dik il-kwistjoni qamet fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 49 tal-Karta, u qamet il-kwistjoni dwar jekk il-garanziji ta’ dak l-Artikolu kinux jirrigwardaw regoli kriminali “sostantivi biss” jew ukoll “proċedurali”.

97.

Madankollu, u wkoll fid-dawl ta’ din il-kawża, qed issir id-domanda usa’, li tmur lil hinn mill-kuntest speċifiku tal-garanziji tal-Artikolu 49 tal-Karta. Ir-raġunament deskritt iktar ’il fuq, b’rabta mat-tip ta’ limiti għal “ġbir effettiv tal-VAT”, ikun (jew għandu jkun) differenti jekk ir-regola nazzjonali inkwistjoni tkun ta’ natura “sostantiva” minflok sempliċiment ta’ natura “proċedurali” biss? Barra minn hekk, b’rabta mal-kwistjoni suċċessiva dwar kif għandhom jiġu rrimedjati nuqqasijiet potenzjali bħal dawn fil-livell nazzjonali, għandhom il-konsegwenzi f’dan ir-rigward imbagħad ikunu wkoll differenti, għal darb’oħra skont jekk dak li potenzjalment ikun qed jitwarrab fil-każ individwali jkunx regola proċedurali jew sostantiva (tal-liġi kriminali)?

98.

Ir-risposta tiegħi għal dawk id-domandi hija b’mod ċar “le”, għal mill-inqas tliet raġunijiet.

99.

L-ewwel nett, tali klassifikazzjoni hija problematika u diffiċli ħafna li titwettaq. Dan diġà jidher ċar mill-kuntest speċifiku tal-Artikolu 49 tal-Karta ( 61 ), iżda jsir saħansitra iktar kumpless lil hinn minn dik id-dispożizzjoni, b’rabta ma’ drittijiet oħra tal-Karta. Barra minn hekk, tali klassifikazzjoni tkun suġġetta għal tassonomiji nazzjonali, jew għal waħda għall-Unjoni Ewropea kollha? Din tal-aħħar imbagħad tkun teħtieġ li jiġi ddefinit “kunċett awtonomu tal-Unjoni Ewropea” ta’ kull regola legali?

100.

It-tieni nett, jiena pjuttost sorpriż bil-mod impliċitament faċli li bih regoli ta’ “sempliċi proċedura” jistgħu jitwarrbu. Jistgħu regoli li jeħtieġu li prosekutur pubbliku għandu, f’perijodu ta’ żmien partikolari, jew jibda proċeduri ġudizzjarji jew itemm il-prosekuzzjoni, biex persuna ma tkunx tista’ tibqa’ fl-istadju preliminari ta’ investigazzjoni kriminali għal dejjem, ikunu sempliċi “element ta’ proċedura” anċillari? Jew, pereżempju, ir-rekwiżit li jkun hemm qorti li jkollha kompetenza f’kawża kriminali huwa sempliċi “ornament proċedurali”? Fil-fatt, sikwit, regoli proċedurali x’aktarx ikunu jipproteġu drittijiet fundamentali daqs jew anki iktar milli jagħmlu r-regoli sostantivi. Kif darba osserva Rudolf von Jhering: “il-forma hija l-għadu aħrax tal-arbitrarjetà, l-oħt tewmija tal-libertà” ( 62 ). Għalhekk, huwa tassew diffiċli li wieħed jifhem kif qrati nazzjonali jistgħu jinvokaw validament id-dritt tal-Unjoni Ewropea jew il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex jirrestrinġu drittijiet fundamentali billi jwarrbu tali regoli “proċedurali” tal-liġi kriminali ( 63 ).

101.

It-tielet nett, u fuq kollox, għar-raġunijiet li diġà ssuġġerejt xi mkien ieħor ( 64 ), l-istudju tal-ispeċjalitajiet ta’ tassonomiji legali, kemm jekk nazzjonali sew jekk Ewropej, b’mod inerenti ma huwiex adatt għat-tip ta’ diskussjoni li għandha ssir meta jiġu diskussi limitazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali. Dik id-diskussjoni għandha tkun diretta lejn l-impatti. Dan huwa kif għandha tkun protezzjoni effettiva: l-individwu u l-impatt li regola jkollha fuq il-pożizzjoni tiegħu, mhux it-tikketti tassonomiċi mwaħħla ma’ dik ir-regola.

5. Rimedji

102.

Is-sentenzi fil-Kawżi M.A.S. u Kolev għamluha ċara li, f’każ ta’ inkompatibbiltà ta’ regoli nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ikun primarjament għal-leġiżlatur nazzjonali li jittratta dik l-inkompatibbiltà ( 65 ), b’mod li jiġi evitat riskju sistemiku ta’ impunità ( 66 ). Madankollu, dawn iddikjaraw ukoll, b’referenza għall-Kawża Taricco, li, bħala prinċipju, l-effett dirett tal-Artikolu 325(1) TFUE, flimkien mal-prinċipju ta’ supremazija, jagħti s-setgħa lil qrati nazzjonali li ma japplikawx regoli inkompatibbli ( 67 ). Mill-Kawża Kolev jidher li dak il-mandat jimplika mhux biss li jitwarrbu dawk ir-regoli, iżda milli jidher anki xi passi pożittivi oħra li jkollhom jittieħdu mill-qorti nazzjonali li ma għandhom ebda bażi testwali fid-dritt nazzjonali, bħall-proroga tal-perijodi li fihom ikollu jaġixxi l-prosekutur, jew it-tiswija tal-irregolaritajiet inkwistjoni nfushom ( 68 ).

103.

Għal għadd ta’ raġunijiet, jiena tal-fehma li l-funzjoni tal-qrati nazzjonali fir-rigward ta’ regoli nazzjonali li potenzjalment ifixklu l-ġbir sewwa tal-VAT, ċertament f’kawżi (kriminali) li jkunu pendenti, għandha tinftiehem b’mod differenti. Fi ftit kliem, kull sejbata; inkompatibbiltà għandha tkun limitata biss għal stqarrija dikjaratorja f’dak is-sens, ipprojbita minħabba ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-akkużat milli tiġi applikata għal kawżi li jkunu pendenti. Għandha tkun effettiva biss b’mod prospettiv, fuq il-livell strutturali u proċedurali, possibbilment flimkien ma’ proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE.

104.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li b’mod ġenerali, il-bilanċ bejn il-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u tad-drittijiet fundamentali, min-naħa l-oħra, huwa att ta’ bbilanċjar bejn għanijiet u valuri (ċertament għall-inqas) ta’ importanza ugwali. Anki jekk l-interpretazzjoni ta’ dawk id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun żgurata fil-qafas tal-istruttura u tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea ( 69 ), restrizzjonijiet għal drittijiet fundamentali huma minnhom infushom limitati mill-Karta, irrispettivament mill-eżistenza ta’ armonizzazzjoni. L-Artikolu 52(1) jipprojbixxi kull interferenza rigward il-qofol tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti hemmhekk. L-Artikolu 52(3) jeħtieġ limitu minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li jkun jaqbel mal-istandards tal-KEDB.

105.

It-tieni nett, kif kien innotat fil-Kawża M.A.S., qorti ma tistax, matul proċeduri kriminali, taggrava r-regoli dwar ir-responsabbiltà kriminali kontra persuni suġġetti għal proċeduri kriminali ( 70 ). F’dan il-kuntest, ma narax kif in-nuqqas ta’ applikazzjoni b’mod selettiv ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tal-liġi jew tal-proċedura kriminali biex tkun tista’ tkompli għaddejja, pereżempju, prosekuzzjoni preskritta jew illegali, ma jikkontradixxix dawk id-dikjarazzjonijiet.

106.

It-tielet nett, tali riżultati fi proċeduri kriminali pendenti huma inkompatibbli ma’ kull rekwiżit maħsub b’mod raġonevoli ta’ prevedibbiltà tal-liġi u taċ-ċertezza legali, ma’ dawk il-prinċipji li għandhom b’mod ċar piż speċjali fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea hija waħda diffuża. Kull qorti fl-Istati Membri taġixxi bħala qorti li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. F’dak il-mandat ġudizzjarju, kull qorti nazzjonali tista’ u għandha tislet konsegwenzi proċedurali xierqa minn konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà, li hija intitolata tagħmel għaliha nnifisha, mingħajr referenza għal din il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta l-ġustizzja kriminali tiġi estiża biex jitwarrbu regoli nazzjonali ta’ proċedura kriminali minn qrati individwali fl-Istati Membri abbażi tal-evalwazzjoni tagħhom, din tkun tidher li qiegħda tirriskja li ssir lotterija (sponsorjata mill-Unjoni Ewropea).

107.

Dan il-perikolu jkompli jsir iktar gravi minħabba l-fatt li anki wara l-Kawża Kolev, il-punt katalizzatur stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja għal tali tip ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni selettiva ta’ regoli nazzjonali li jwettqu ksur jibqa’ mhux ċar. Fil-Kawża Taricco, fejn il-qorti tar-rinviju qalet li l-proċeduri kriminali fl-Italja tant idumu li f’tali tip ta’ kawżi “l-impunità ta’ fatt [de facto] tikkostitwixxi fl-Italja mhux każ eċċezzjonali, iżda n-norma”, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet dak il-punt katalizzatur fil-mument meta l-qorti nazzjonali kkonkludiet li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jkollhom tali effett “f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet” ( 71 ). Fil-Kawża Kolev, dak li jagħti bidu għal dan jidher li jissejjaħ “ksur sistematiku u kontinwu tar-regoli doganali” li jidher li jwassal għal “riskju sistemiku” li atti ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jibqgħu mingħajr kastig ( 72 ).

108.

Madankollu, fil-Kawża Kolev, l-uniku “ksur sistematiku u kontinwu” fil-każ fil-kawża prinċipali deher li kien li prosekutur pubbliku speċifiku ma setax jinnotifika dokumenti rilevanti lill-akkużati fi proċedura kriminali speċifika waħda. F’dan is-sens il-prosekutur tabilħaqq ma setax sistemikament u kontinwament jagħmel hekk. Madankollu, għall-bqija, il-problema “sistemika” kollha tidher li hija bbażata fuq affermazzjoni waħda tal-qorti tar-rinviju, Huwa pjuttost ċar liema tip ta’ problemi (din id-darba ġenwinament sistemiċi) jinħolqu b’riżultat ta’ tali “liċenzja biex ma jitqisux” mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-liġi kriminali ( 73 ).

109.

Ir-raba’ nett, ir-risposta (kostituzzjonalment ippruvata u ttestjata) għal din il-problema u għall-kwistjonijiet relatati magħha hija l-osservanza tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri. Huwa ċar li huwa l-leġiżlatur nazzjonali, fil-każ ta’ inkompatibbiltà ta’ regoli kriminali nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li għandu jindaħal u jadotta regoli ta’ applikazzjoni ġenerali għall-ġejjieni, skont il-prinċipju ta’ legalità. Bħala espressjoni tas-separazzjoni tal-poteri fil-qasam sensittiv tal-liġi kriminali, il-prinċipju ta’ legalità jitlob li jiġu adottati kemm regoli proċedurali kif ukoll sostantivi mill-parlament. Minbarra l-valur kostituzzjonali inerenti ta’ dan l-argument, dan l-approċċ għandu vantaġġ prammatiku wieħed: ikun hemm, skont id-definizzjoni, sensiela waħda biss ta’ regoli applikabbli.

110.

Il-ħames nett, hemm dak li jista’ jissejjaħ il-paradoss ġenerali ta’ “fejn jistgħu jwasslu nuqqasijiet sistemiċi fl-Istati Membri”. F’kawżi bħal N.S. ( 74 ) jew Aranyosi u Căldăraru ( 75 ), l-eżistenza ta’ ċerti nuqqasijiet sistemiċi fis-sistema ġudizzjarja, amministrattiva jew penitenzjarja ta’ Stat Membru wasslet, f’isem il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali, għall-possibbiltà ta’ sospensjoni temporanja ta’ xi wħud mill-iktar prinċipji fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, bħar-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka. Madankollu, nuqqasijiet sistemiċi (apparenti) fi kwistjonijiet dwar il-ġbir tal-VAT u ta’ dazji doganali, relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, huma ta’ tali valur superjuri li jwasslu, din id-darba, għas-sospensjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali, flimkien mal-legalità u mal-istat tad-dritt. Ma nafx x’timplika tassew tali stratifikazzjoni ta’ valuri f’termini ta’ ġerarkija bejn l-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 325 TFUE.

111.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, fil-fehma tiegħi, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-konsegwenzi ta’ inkompatibbiltà potenzjali ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali relatata mal-ġbir effettiv tal-VAT jew riżorsi proprji oħra tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dwar proċeduri kriminali relatati ma’ dawk il-kwistjonijiet, għandu jkun strutturat b’mod kemmxejn differenti. Anki jekk regola nazzjonali applikabbli fi proċeduri bħal dawn kellha tiġi ddikjarata inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, dik id-dikjarazzjoni għandha tipproduċi biss effetti prospettivi. Permezz tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, legalità, u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (kif rilevanti fil-każ speċifiku), dik il-konstatazzjoni ma tkunx tista’ tiġi applikata f’kawżi li jkunu għadhom għaddejja, kieku kellha tkun ta’ ħsara għall-persuna akkużata. Għalhekk, l-Istat Membri huma marbuta li jieħdu passi minnufih biex jemendaw il-liġi nazzjonali biex jiżguraw il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk ma jsirx hekk, ir-rimedju (strutturali) adatt ikun proċedura ta’ ksur potenzjalment aċċelerata, skont l-Artikolu 258 TFUE.

112.

Finalment, il-fatt jekk in-nuqqasijiet potenzjali jkunux sistemiċi jew individwali biss ma għandux ikollha rilevanza. Sakemm kull nuqqas bħal dan ikun tabilħaqq strutturali fis-sens li jseħħ fuq skala kbira u ripetutament, dan ikun, fil-fatt, argument ieħor għalfejn għandu jkun hemm ukoll risposta “strutturata” fl-għamla ta’ proċedura skont l-Artikolu 258 TFUE, fejn l-Istat Membru inkwistjoni jkun jista’ jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu b’mod xieraq.

D.   Id-domanda tal-qorti tar-rinviju

113.

Jekk dawn is-suġġerimenti ġenerali jiġu applikati għal din il-kawża, ir-risposta għad-domanda speċifika tal-qorti tar-rinviju dwar jekk il-protezzjoni effettiva tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea tawtorizzax jew le li jitwarrbu regoli nazzjonali li jeskludu l-użu ta’ provi miksuba illegalment tidher pjuttost ċara għalija: le, din ċertament ma tagħmilx hekk.

114.

L-ewwel nett, fiż-żmien rilevanti, jidher li ma kienx hemm armonizzazzjoni mill-Unjoni Ewropea ( 76 ) tar-regoli dwar provi, jew dwar interċettazzjonijiet għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-VAT jew b’mod ġenerali. Għalhekk, l-Istati Membri żammew id-diskrezzjoni tagħhom fit-tfassil tar-regoli tagħhom f’dan ir-rigward.

115.

It-tieni nett, anki fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett, jiġifieri li din is-sitwazzjoni ma hijiex iddeterminata mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, hija xorta waħda taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri tabilħaqq huma suġġetti għall-obbligi ġenerali li jidderivaw mill-Artikolu 325(1) TFUE, mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF u mill-Artikolu 206, mill-Artikolu 250(1) u mill-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, dwar ir-regoli kollha tal-liġi kriminali dwar sanzjonijiet fil-qasam tal-VAT.

116.

Meta mqabbel mar-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-Kawża M.A.S. jew fil-Kawża Kolev, il-livell ta’ prossimità tar-regoli nazzjonali inkwistjoni mar-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea huwa forsi xi ftit jew wisq remot, iżda ċertament ma huwiex nieqes ( 77 ). Tabilħaqq, regoli dwar provi b’rabta mal-kompetenza ta’ qrati, u l-kundizzjonijiet li taħthom interċettazzjonijiet ikunu awtorizzati għandhom impatt ċar fuq sanzjonijiet, billi jagħmlu lil dawn tal-aħħar ftit jew wisq probabbli jew effettivi bħala riżultat tal-applikazzjoni tagħhom. Dan jidher ċar meta l-applikazzjoni ta’ regoli dwar provi fil-Bulgarija ma tippermettix l-użu ta’ provi li jistabbilixxu l-ħtija ta’ P. Dzivev fil-kawża prinċipali.

117.

It-tielet nett, isegwi li meta jfasslu u japplikaw tali tipi ta’ regoli, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom f’żewġ settijiet ta’ limiti, inklużi limiti dwar drittijiet fundamentali: dawk li joriġinaw mid-dritt nazzjonali u dawk li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

118.

Minn naħa, dawn għandhom josservaw il-liġi nazzjonali tagħhom stess, inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kostituzzjonijiet tagħhom dwar il-liġi kriminali b’mod ġenerali, u b’mod partikolari dwar provi u interċettazzjonijiet. Isegwi, abbażi tal-Kawża M.A.S., li l-awtoritajiet Bulgari jistgħu jeżaminaw ir-regoli nazzjonali inkwistjoni fid-dawl ta’ interpretazzjonijiet speċifiċi tad-drittijiet fundamentali (pereżempju l-prinċipju ta’ legalità tal-pieni), anki jekk dawn tal-aħħar ikunu ggarantiti wkoll mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjoni li l-kostituzzjoni nazzjonali tkun tipprovdi għal standard ogħla ta’ protezzjoni għall-persuni akkużati. F’dan ir-rigward, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jkunux konformi ma’ liġi nazzjonali ogħla.

119.

Min-naħa l-oħra, minħabba li din is-sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-awtonomija istituzzjonali u proċedurali li jgawdu minnha l-Istati Membri fit-tfassil tar-regoli tagħhom dwar provi hija limitata mhux biss mir-rekwiżit doppju ta’ ekwivalenza u effettività tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll mill-Karta ( 78 ).

120.

Ir-rekwiżit ta’ ekwivalenza jillimita l-libertà tal-għażla tal-Istati Membri billi jobbligahom jiżguraw li tali pieni jissodisfaw kundizzjonijiet li huma analogi għal dawk applikabbli għal ksur tad-dritt nazzjonali ta’ natura u importanza simili ( 79 ). F’dan il-każ, madankollu, ma jidhirx li tqajmu kwistjonijiet dwar ekwivalenza.

121.

Ir-rekwiżit ta’ effettività jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw ġbir effettiv tal-VAT, b’mod partikolari billi jimponu pieni effettivi u dissważivi f’każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni tal-VAT ( 80 ).

122.

L-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea huwa argument dubjuż, minħabba li fih innifsu, ma għandux limiti interni. Jekk dak l-argument jittieħed sal-iktar li jista’ jwassal, allura kull riżultat ikkontemplat jista’ b’hekk ikun iġġustifikat. Ċertament, jekk “l-effettività tal-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea” kellha titqabbel ma’ “tqegħid ta’ persuni fil-ħabs għax ikunu wettqu frodi u ma ħallsux il-VAT” ( 81 ), allura kull regola nazzjonali li tostakola kundanna għandha titwarrab. Iżda mbagħad, ma jkunx ukoll iktar effettiv li wara kollox ma jkunx hemm ħtieġa tintalab awtorizzazzjoni ġudizzjarja għal ittappjar telefoniku? Bl-istess mod, forsi l-ġbir effettiv ta’ ħlasijiet tal-VAT jiżdied ukoll jekk il-qorti nazzjonali jkollha l-kompetenza li tordna swat bil-frosta fil-pubbliku għal frodi tal-VAT?

123.

Tali eżempji manifestament assurdi juru b’mod ċar għalfejn l-argument potenzjalment mingħajr limiti ta’ “effettività” għandu jiġi limitat minnufih u bbilanċjat ma’ argumenti u valuri identifikati skont il-kuntest preċedenti: valuri, interessi u objettivi oħra joriġinaw minn limiti nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-ibbilanċjar potenzjali ma’ limiti u regoli proċedurali ta’ oriġini nazzjonali huwa kompetenza tal-qorti nazzjonali.

124.

Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u r-rekwiżiti minimi li joriġinaw minnu, jista’ jerġa’ jingħad li d-dritt tal-Unjoni Ewropea mhux biss jawtorizza sanzjonijiet effettivi u ta’ deterrent. Dan jeżiġi wkoll ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-proċess ta’ impożizzjoni ta’ dawk is-sanzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet tal-Karta u l-Artikolu 325(1) TFUE għandhom l-istess importanza bħala dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, bħala dmir doppju li jitnissel mid-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, l-Istati Membri għandhom jibbilanċjaw l-effettività mad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, huwa tal-ikbar importanza, fl-evalwazzjoni tal-effettività, li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ( 82 ).

125.

Fiċ-ċirkustanza speċifika ta’ dan il-każ, huwa pjuttost ċar li interċettazzjonijiet ta’ komunikazzjonijiet ta’ kull tip, inkluż ittappjar telefoniku, jirrappreżentaw interferenza sinjifikattiva għar-rispett għad-dritt għall-ħajja privata (Artikolu 7 tal-Karta) ( 83 ) u, jekk jintużaw b’mod illegali fil-kuntest ta’ kawża kriminali, anki għad-drittijiet tad-difiża (Artikolu 48(2) tal-Karta).

126.

Għalhekk, regola nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ provi miksuba permezz ta’ digriet ta’ interċettazzjoni awtorizzat b’mod ħażin tagħti kreditu kif imiss liż-żewġ naħat tal-munita: mhux biss lill-għan ta’ effettività għall-ġbir tal-VAT (billi wara kollox tippermetti li jintużaw tali interferenzi għad-dritt għall-ħajja privata), iżda wkoll lir-rispett għad-drittijiet fundamentali involuti (billi tillimita l-użu ta’ tali provi għal għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li jkunu nkisbu legalment abbażi ta’ digriet ġudizzjarju).

127.

Naħseb li, f’dan il-każ, l-analiżi tista’ tintemm hawn. Ma naħsibx li f’każ bħal dan, il-kwistjoni jekk regoli nazzjonali inkwistjoni jkunux proċedurali jew le u kemm jinħolqu problemi simili fil-livell nazzjonali għandu jkollhom rilevanza għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, biex nassisti b’mod sħiħ lill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-risposta qasira għaż-żewġ punti li fadal, billi napplika l-analiżi ġenerali magħmula iktar ’il fuq ( 84 ) għal dan il-każ, tkun kif ġej iktar ’il quddiem.

128.

Ir-raba’ nett, għalkemm regola nazzjonali li tipprovdi li l-qorti li tkun kompetenti tawtorizza l-ittappjar telefoniku f’każ individwali tista’ tinftiehem li tkun ta’ natura “proċedurali”, ir-regola li tgħid li ordni li tawtorizza l-ittappjar għandha tkun immotivata hija kemmxejn iktar kumplessa. Jekk ma jkunux ngħataw raġunijiet (definiti, speċifiċi għal każ) għall-ittappjar, tali rekwiżit ikun “biss” regola proċedurali? Id-diffikultà f’dan il-każ u f’każijiet oħra ( 85 ) biex jiġu kklassifikati tali regoli ambigwi tindika biss, għal darb’oħra, għalfejn dik id-distinzjoni ma hijiex tassew utli fil-kuntest ta’ każijiet bħal dan.

129.

Il-ħames nett, ma naħsibx li għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ regoli, stħarriġ dwar f’kemm każijiet regola topera b’ċertu mod għandu jkun b’xi mod rilevanti. Anki kieku kellu jkun, ir-risposta strutturali għal kull tali nuqqas potenzjali għandha tkun diretta biss għall-futur u prospettiva, mhux applikabbli għal każijiet li jkunu għadhom pendenti bi ħsara għal dawk li jkunu diġà ġew ikkundannati kriminalment. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja xorta tiddeċiedi li nuqqasijiet sistemiċi huma rilevanti f’dan it-tip ta’ każ, fis-sens ikkontemplat fil-Kawżi Taricco u Kolev, ninnota s-segwenti.

130.

Kif issuġġerit mill-Kummissjoni, mill-fatti ta’ dan il-każ, kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, ma jirriżultax li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali inkwistjoni tista’ toħloq riskju sistemiku ta’ impunità skont it-tifsira tal-Kawża Kolev jew tfixkel il-ġbir korrett tal-VAT f’għadd kunsiderevoli ta’ każijiet, fis-sens tal-Kawża Taricco.

131.

Kull fejn jista’ jkun hemm dak il-kriterju, ikun ġust li wieħed jassumi li “sistemiku” u “kunsiderevoli” għandhom ifissru iktar minn (każ) wieħed. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, iżda b’mod kompletament konformi ma’ każijiet oħra li fihom kienu diskussi nuqqasijiet sistemiċi, bħal fil-Kawżi N.S. jew Aranyosi u Căldăraru, kull proposta radikali bħal din għandha tkun sostnuta minn provi ( 86 ) li jmorru lil hinn minn dak li jidher li tkun interpretazzjoni individwali ta’ regoli u prassi nazzjonali minn qorti waħda ( 87 ).

132.

F’dan il-każ, hemm erba’ persuni akkużati. Kif innotat il-qorti tar-rinviju, wieħed jista’ jistrieħ fuq il-provi miksuba biex tiġi stabbilita l-ħtija tal-akkużati kollha fil-kawża prinċipali, minbarra għal P. Dzivev. Għalhekk jidher li fi tlieta minn erba’ każijiet, “minkejja” r-regoli nazzjonali inkwistjoni, il-prosekuzzjoni setgħet legalment tiġbor il-provi skont il-liġi nazzjonali kontra t-tliet akkużati l-oħra. Għalhekk ma huwiex ċar, abbażi tal-fatti ta’ din il-kawża, kif il-mod li bih jitħaddmu dawk ir-regoli jista’ jfixkel serjament li jkun hemm sanzjonar effettiv fuq skala kbira. Barra minn hekk, il-problema li tinħoloq mill-inċertezza dwar il-qorti kompetenti biex tawtorizza interċettazzjonijiet ukoll tidher li hija ta’ natura temporanja.

V. Konklużjoni

133.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) kif ġej:

L-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikoli 1(1) u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 206, l-Artikolu 250(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, interpretati fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-użu ta’ provi miksuba bi ksur tad-dritt nazzjonali, bħal dawk miksuba permezz ta’ interċettazzjonijiet ta’ telekomunikazzjonijiet awtorizzati minn qorti li ma kellhiex kompetenza tagħmel hekk.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555).

( 3 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936).

( 4 ) Sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295).

( 5 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev u Kostadinov (C‑612/15, EU:C:2018:392).

( 6 ) Konvenzjoni magħmula abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU 1995 C 316, p. 49).

( 7 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007 L 163, p. 17).

( 8 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1).

( 9 ) Id-deċiżjoni ta’ interpretazzjoni hija att legali tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) li tagħti indikazzjonijiet vinkolanti tat-tifsira attwali ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva.

( 10 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514).

( 11 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, fil-Kawża M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936).

( 12 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑539/09, EU:C:2011:733, punt 72); tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26); tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 38); tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti (C‑546/14, EU:C:2016:206, punt 22) u tas-16 ta’ Marzu 2017, Identi (C‑493/15, EU:C:2017:219, punt 19).

( 13 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 41), u kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja bis-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 36).

( 14 ) Ara, għal każijiet oħra relatati ma’ proċeduri kriminali kontra min ikun allegatament wettaq reat kontra l-VAT fejn id-Direttiva tal-VAT kienet ukoll tqieset rilevanti, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105); tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197) u tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295).

( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (68/88, EU:C:1989:339, punt 24) u tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) B’mod partikolari, il-Konvenzjoni PIF, li b’mod ċar teħtieġ il-kriminalizzazzjoni ta’ ċerta mġiba li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ’l fuq minn ċertu limitu, filwaqt li kemm l-Artikolu 325(1) TFUE kif ukoll id-Direttiva tal-VAT iħallu iktar diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dan ir-rigward — sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295, punti 34 sa 36).

( 17 ) Għal eżempji reċenti dwar ġbir effettiv tal-VAT, iżda mhux fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, ara pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti (C‑546/14, EU:C:2016:206) u tas-16 ta’ Marzu 2017, Identi (C‑493/15, EU:C:2017:219).

( 18 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013 (C‑617/10, EU:C:2013:105).

( 19 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 25 sa 26). Ara wkoll, dwar dan, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑132/06, EU:C:2008:412, punti 3746) u tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et (C‑367/09, EU:C:2010:648, punti 40 sa 42).

( 20 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 27).

( 21 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29). Ara wkoll, fil-kuntest tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60).

( 22 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555).

( 23 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936).

( 24 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 36 sa 37).

( 25 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 47).

( 26 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 51 sa 52).

( 27 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 53).

( 28 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 55 sa 57).

( 29 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 30 sa 3638 sa 39).

( 30 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 41).

( 31 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 44).

( 32 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 46 sa 47).

( 33 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 51 sa 52).

( 34 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 58 sa 61).

( 35 ) Sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295, punti 25 u 29).

( 36 ) Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 40 sa 62).

( 37 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392).

( 38 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 5355).

( 39 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev u Kostadinov (C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 66).

( 40 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev u Kostadinov (C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 75)

( 41 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832).

( 42 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 68).

( 43 ) Dwar dan, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 55).

( 44 ) Ara wkoll, b’rabta mal-prinċipju ta’ ne bis in idem, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 21).

( 45 ) Iktar ’il fuq, il-punti 31 sa 37.

( 46 ) B’hekk jaġixxu fil-portata tad-dritt tal-Unjoni — għal diskussjoni dettaljata fil-kuntest speċifiku tal-ġbir tal-VAT, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:650, punti 26 sa 65).

( 47 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 44). Ara wkoll, sussegwentement, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295, punti 2533).

( 48 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013 (C‑399/11, EU:C:2013:107).

( 49 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri — Dikjarazzjonijiet magħmula minn ċerti Stati Membri dwar l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kwadru (ĠU 2002, L 190, p. 1)

( 50 ) Ara, pereżempju, ukoll fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, F (C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punti 37 sa 3856).

( 51 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:650, punti 61 sa 65).

( 52 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 44 sa 45).

( 53 ) Inklużi wkoll sitwazzjonijiet iddeterminati kompletament mid-dritt tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni li fihom, madankollu, Stat Membru jistrieħ fuq l-Artikolu 4(2) TUE biex iħares regoli jew prinċipji kruċjali li jinsabu fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru, bħal valur nazzjonali jew dritt fundamentali, inkluża interpretazzjoni speċifika ta’ dritt protett mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, permezz ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju, id-dritt tal-Unjoni Ewropea nnifsu jitlob l-osservanza ta’ tali regoli u prinċipji.

( 54 ) Iktar ’il fuq, punt 75.

( 55 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 63).

( 56 ) Iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 53.

( 57 ) Dwar dan, ara s-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 29).

( 58 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 47).

( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29); tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60); tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 47) u tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 75).

( 60 ) Għalhekk, fuq l-iskala deskritta iktar ’il fuq fil-punti 79 u 80, dan ikun ikopri kemm it-triq tan-nofs (bħal Åkerberg Fransson jew Scialdone) kif ukoll naturalment il-punti esterni tal-ispectrum (bħal Ispas u Kolev).

( 61 ) Ngħid iktar dwar dan fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553, punti 146 sa 163).

( 62 ) “Die Form ist die geschworene Feindin der Willkür, die Zwillingsschwester der Freiheit”, u jżid li “Denn die Form hält dem Versucher, der die Freiheit zur Zügellosigkeit zu verleiten sucht, das Gegengewicht, sie lenkt die Freiheitssubstanz in feste Bahnen […] und kräftigt sie dadurch nach innen und schützt sie nach außen.” - Rudolf von Jhering, Geist des römischen Rechts auf den verschiedenen Stufen seiner Entwicklung. Teil 2, Bd. 2. Leipzig, Breitkopf und Härtel, 1858, f’paġna 497.

( 63 ) Anki minħabba li skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull restrizzjoni għad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi. Skont l-istqarrija reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja stess, “hija biss dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ previdibbiltà, ta’ aċċessibbiltà u, b’mod partikolari, ta’ protezzjoni kontra l-arbitrarjetà” (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 43)). Ma nafx kif l-interpretazzjoni purament ġudizzjarja u pjuttost “dinamika” ta’ rekwiżiti skont l-Artikolu 325(1) TFUE tista’ tissodisfa dawk ir-rekwiżiti.

( 64 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553, punti 151 sa 152).

( 65 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 41).

( 66 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 65).

( 67 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 4958), u tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 38 sa 39).

( 68 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 68 sa 69).

( 69 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, EU:C:1970:114, punt 4); tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 281 sa 285) u l-konklużjonijiet 2/13 (L-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 170).

( 70 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 57). Ara wkoll, fir-rigward tal-applikabbiltà tad-direttivi, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, EU:C:1987:431, punt 13) u tat-22 ta’ Novembru 2005, Grøngaard u Bang (C‑384/02, EU:C:2005:708, punt 30).

( 71 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 2447).

( 72 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 5765).

( 73 ) Huwa ċertament korrett li għall-kuntrarju wieħed jissuġġerixxi li tali konsegwenzi dejjem kienu inerenti fl-operazzjoni tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea. Kull dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà magħmula minn qorti nazzjonali tista’ tiġi kkontestata minn partijiet oħra f’dak l-Istat Membru, u dan jagħmel il-liġi (ċertament għal xi żmien) inqas prevedibbli, bil-konsegwenza li persuna waħda tista’, f’dak il-perjodu ta’ transizzjoni, pereżempju tikseb ċertu benefiċċju, filwaqt li oħrajn ma jiksbuhx. Nibża’ li tali osservazzjoni (ġeneralment valida) tiltaqa’ ma’ limiti ċari fil-kuntest speċifiku li b’mod effettiv (i) tiġi imposta responsabbiltà kriminali (ii) abbażi tal-Artikolu 325(1) TFUE li huwa “fformulat b’mod ekonomiku” ħafna. Id-differenza ewlenija hija għal darb’oħra l-prevedibbiltà u ċ-ċarezza raġonevoli tar-regoli applikabbli. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553, punti 165 sa 166173 sa 178.

( 74 ) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 86).

( 75 ) Sentenza tal-5 ta’ April 2016 (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 82 sa 88).

( 76 ) Fis-sens ta’ regola jew sett ta’ regoli tal-Unjoni Ewropea li għandhom ikopru dik il-kwistjoni speċifika, diskussa iktar ’il fuq fil-punti 70 sa 80.

( 77 ) Għalhekk, fuq l-iskala deskritta u diskussa iktar ’il fuq fil-punt 79, u b’hekk jinstab eqreb il-kuntest tal-kawża Ispas jew tal-Kawża Kolev.

( 78 ) Ara pereżempju, dwar l-osservanza tal-Karta fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 27) u tal-5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti (C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 16).

( 79 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 53).

( 80 ) Sentenza tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 33).

( 81 ) Għalkemm, b’mod ċiniku ħafna, wieħed jista’ jkollu dubju dwar kemm dik id-dikjarazzjoni hija fattwalment minnha, li persuni jintbagħtu l-ħabs għax ma jħallsux taxxa, tista’ taqdi l-għan (iktar remot) ta’ deterrent, iżda ftit li xejn l-għan (forsi iktar immedjat) li ġġegħilhom iħarsu l-obbligi tagħhom lejn il-kreditu pubbliku. Din ukoll hija r-raġuni għalfejn il-ħabs tad-debituri, għalkemm x’aktarx ukoll ġustifikabbli bħala deterrent, seta’ fl-imgħoddi rnexxa parzjalment biex iġiegħel lin-nies iħallsu — ara, flimkien ma’ referenzi letterarji rilevanti, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:619, punti 63 sa 65).

( 82 ) Ara, f’dan is-sens, anki s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punti 65 sa 66). Il-Qorti saħqet b’mod partikolari li l-interċettazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, li permezz tagħha nġabru l-provi inkwistjoni, għandha tkun prevista mil-liġi u tkun meħtieġa f’kuntest kemm kriminali kif ukoll f’dak amministrattiv. Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk, skont il-prinċipju ġenerali ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża, il-persuna taxxabbli kellhiex l-opportunità, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li jkollha aċċess għal dawk il-provi u li tinstema’ dwarhom.

( 83 ) Fir-rigward tad-drittijiet għall-ħajja privata, fil-kuntest ta’ interċettazzjonijiet, ara, pereżempju, is-sentenzi tal-QEDB tal-24 ta’ April 1990, Kruslin vs Franza (CE:ECHR:1990:0424JUD001180185); tat-18 ta’ Mejju 2010, Kennedy vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2010:0518JUD002683905) u tal-4 ta’ Diċembru 2015, Roman Zakharov vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2015:1204JUD004714306). F’din l-aħħar kawża l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet nuqqasijiet fil-liġi Russa li tirregola interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet fil-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ interċettazzjonijiet. Ara wkoll, b’mod usa’ dwar il-bilanċ xieraq bejn il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970).

( 84 ) Iktar ’il fuq, punti 96 sa 101 u 102 sa 112.

( 85 ) Pereżempju, ir-regola li tgħid li fi proċeduri ta’ stħarriġ ambjentali, l-ispejjeż ma għandhomx ikunu għolja b’mod projbittiv, hija regola proċedurali jew sostantiva? Għal iktar dwar dan il-punt, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:387, punti 82 sa 91).

( 86 ) Fiż-żewġ sentenzi, dawk il-provi ma kinux biss diskussi wara s-sottomissjonijiet ta’ għadd ta’ partijiet u Stati Membri intervenjenti, iżda kienu wkoll sostnuti minn dikjarazzjonijiet awtoritattivi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kwistjoni (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 88 sa 90) u tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 4360). Ċertament m’iniex qed nissuġġerixxi li l-allegazzjonijiet dwar nuqqasijiet sistemiċi dejjem ikun jeħtiġilhom tali tip jew ammont ta’ provi f’kull każ. Il-paragun magħmul huwa pjuttost biex juri l-livell kunċettwalment differenti ħafna tal-provi ppreżentati.

( 87 ) Kif diġà msemmi fil-qosor iktar ’il fuq fil-punti 24 u 44, jidher li hemm nuqqas ta’ qbil fost il-qrati nazzjonali dwar l-interpretazzjoni korretta tal-liġi l-ġdida. Wieħed jista’ jżid, b’mod diplomatiku, li l-livell ta’ nuqqas ta’ qbil rifless fid-digriet tar-rinviju, bejn, minn naħa, il-qorti tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) u, s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), jidher li jmur anki iktar fil-fond.