SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Bejgħ ta’ vacuum cleaners bl-imnut – Tikketta dwar il-klassi tal-enerġija – Direttiva 2010/30/UE – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 665/2013 – Vacuum cleaners – Twaħħil ta’ simboli oħra – Prattiki kummerċjali żleali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 7 – Assenza ta’ preċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-effiċjenza enerġetika hija mkejla – Ommissjoni qarrieqa”
Fil-Kawża C‑632/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267TFUE, imressqa mill-voorzitter van de rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-President tal-Qorti tal-Kummerċ ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura
Dyson Ltd,
Dyson BV
vs
BSH Home Appliances NV
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Dyson BV u Dyson Ltd, minn P. Maeyaert u C. Van Wichelen, advocaten, |
– |
għal BSH Home Appliances NV, minn V. Raus u L. Depypere, advocaten, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm u P. Cottin, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Di Matteo, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cleenewerck de Crayencour, K. Talabér-Ritz u E. Manhaeve, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Frar 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU 2013, L 192, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 59, p. 40), kif ukoll tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Dyson Ltd u Dyson BV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dyson”) u BSH Home Appliances NV (iktar ’il quddiem “BSH”) dwar prattiki kummerċjali inġusti allegatament imputabbli lil BSH talli, minn naħa, naqset milli tipprovdi informazzjoni b’konnessjoni mal-prestazzjonijiet enerġetiċi tal-vacuum cleaners li hija tikkummerċjalizza u, min-naħa l-oħra, żiedet, fuq il-kaxxi tal-ippakkjar ta’ vacuum cleaners li hija tikkummerċjalizza, informazzjoni oħra għajr dik li għandha obbligatorjament tidher fuq it-tikketta dwar il-klassi tal-enerġija tal-vacuum cleaners, li l-mudell tagħha tinsab fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 (iktar ’il quddiem it-“tikketta enerġetika”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2005/29
3 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
4 |
L-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.” |
5 |
L-Artikolu 7 tad-direttiva msemmija, intitolat “L-Ommissjonijiet Qarrieqa”, huwa fformulat b’dan il-mod: “1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqameta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. 2. Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. 3. Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra. 4. F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:
5. Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi [tal-Unjoni] fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.” |
Id-Direttiva 2010/30/EU
6 |
Id-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 1), ġiet aboragata mir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU 2017, L 198, p. 1). Fid-data tal-fatti relatati mat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2010/30 kienet applikabbli. |
7 |
Il-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2010/30 jipprevedu:
[…]
|
8 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva kien jiddisponi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni għall-utent aħħari, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ttikkettar u b’informazzjoni standard dwar il-prodott, dwar il-konsum ta’ enerġija u, fejn rilevanti, dwar riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u b’informazzjoni supplimentari dwar prodotti marbutin mal-enerġija, u b’hekk tippermetti lill-utenti aħħarin jagħżlu prodotti aktar effiċjenti.” |
9 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva kien redatt kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li: […]
[…]” |
10 |
Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
[…]” |
11 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/30 ippreveda: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
[…]” |
12 |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva huwa redatt b’dan il-mod: “1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-dettalji dwar it-tikketta u l-iskeda permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 11, 12 u 13, dwar kull tip ta’ prodott skont dan l-Artikolu. […] Dispożizzjonijiet fl-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta u fuq l-iskeda dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra matul l-użu għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin biex jaslu għal deċiżjoni aħjar dwar ix-xiri u għandhom jippermettu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jivverifikaw jekk il-prodotti jikkonformawx mal-informazzjoni pprovduta. […] 4. L-atti delegati għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari: […]
[…]
[…]” |
Ir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013
13 |
Il-premessa 5 tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 tiddikjara li: “Dan ir-Regolament għandu jispeċifika disinn u kontenut uniformi għat-tikketta tal-vacuum cleaners. |
14 |
L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jistipula: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għat-tikkettar u l-għoti ta’ informazzjoni supplimentari dwar il-prodott għal vacuum cleaners li jitqabbdu mal-mejn tal-elettriku, inklużi vacuum cleaners ibridi.” |
15 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jistipula: “Il-fornituri għandhom jiżguraw li mill-1 ta’ Settembru 2014:
[…]” |
16 |
L-Artikolu 4 tal-istess regolament jipprevedi: “In-negozjantigħandhom jiżguraw li mill-1 ta’ Settembru 2014:
[…]” |
17 |
Skont l-Anness I tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, il-klassi tal-effiċjenza enerġetika ta’ vacuum cleaner għandha tkun iddeterminata skont il-konsum annwali tagħha tal-enerġija, il-klassi tal-kapaċità tat-tindif skont it-trab miġbur u klassi tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab skont l-emissjoni mill-ġdid tat-trab tagħha. |
18 |
L-Anness II ta’ dan ir-regolament jidentifika d-disinn tat-tikketta enerġetika u jelenka l-informazzjoni li teħtieġ tkun inkluża, b’mod partikolari l-klassi tal-effiċjenza enerġetika tal-mudell ta’ vacuum cleaner ikkonċernat, il-klassi tagħha tal-prestazzjoni tat-tindif, il-klassi tagħha tal-emissjoni mill-ġdid tat-trab. Hija tippreċiża wkoll li d-disinn tat-tikketta għandu jkun skont il-punti 3.1., 3.2. jew 3.3. ta’ dan l-anness, skont jekk din tkunx vacuum cleaner bi skopijiet ġenerali, jew tat-twapet, tal-art iebsa u li, permezz ta’ deroga, fejn l-Ekotikketta, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, dwar skema ta’ Ekotikketta [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2010, L 27, p. 1) (iktar’ il quddiem l-“Ekotikketta tal-Unjoni”) ġiet allokata għal mudell partikolari, tista’ tiżdied kopja ta’ din it-tikketta. |
Id-dritt Belġjan
19 |
Bis-saħħa tal-Artikolu VI.99(1) tal-code de droit économique (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku) (Moniteur belge tad-29 ta’ Marzu 2013, p. 19975), kif emendat bil-Liġi tal-21 ta’ Diċembru 2013 (Moniteur belge tat-30 ta’ Diċembru 2013, p. 103506), li huwa intiż li jittrasponi fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, prattika kummerċjali għandha titqies bħala ommissjoni qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi kollha tagħha u l-limitazzjonijiet tagħha permezz tal-komunikazzjoni użata, din tħalli barra informazzjoni importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skont il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u għaldaqstant twassal jew tista’ twassal lill-konsumatur medju jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu mod ieħor. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
20 |
Dyson u BSH iqiegħdu, it-tnejn, fis-suq, vacuum cleaners li, konformement mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni Nru 665/2013, għandhom ikollhom tikketta enerġetika meta jinbiegħu. Din it-tikketta tirrifletti r-riżultati ta’ testijiet li huma imwettqa b’borża vojta. B’mod partikolari, Dyson tilmenta li BSH qarrqet lill-konsumatur u li kienet ħatja ta’ prattiki kummerċjali żleali. Huwa f’dan il-kuntest li Dyson ippreżentat azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-voorzitter van de rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-President tal-Qorti tal-Kummerċ ta’ Antwerpen, il-Belġju). |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tiċħad, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni ta’ Dyson li BSH kellha prattika kummerċjali żleali billi ssemmi l-klassi tal-enerġija A fuq it-tikketti tal-enerġija ta’ vacuum cleaners li hija tikkummerċjalizza. Fuq fatt, tali klassifikazzjoni hija dik li għaliha jwasslu t-testijiet imwettqa b’borża vojta, peress li dan it-test jitqies mill-qorti tar-rinviju bħala l-uniku wieħed li jista’ jevalwa l-konsum annwali tal-enerġija tal-vacuum cleaners. |
22 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fit-tieni lok, li Dyson għandha raġun tiddikjara li t-testijiet imwettqa permezz ta’ borża vojta ma jikkorrispondux għal użu normali tal-vacuum cleaner u li dawn it-testijiet ma jippermettux li jsir paragun bejn apparat ma’ apparat ieħor meta dawn joperaw skont prinċipji differenti, jiġifieri, minn naħa, vacuum cleaners li, bħal dawk ikkummerċjalizzati minn BSH, huma mgħammra b’borża tat-trab b’pori li jisfaw miżdudin bl-użu u biż-żmien, li dan jobbliga lill-magna tiżviluppa qawwa ogħla u, min-naħa l-oħra, vacuum cleaners tat-trade mark Dyson, li ma humiex mgħammra b’tali borża u li l-użu tagħha ma jkollha l-ebda effett fuq il-qawwa li l-magna għandha tiżviluppa. Hija tqis, għaldaqstant, li tqum il-kwistjoni dwar jekk, billi naqset milli tispeċifika l-metodu ta’ ttestjar użat, BSH qarrqitx lill-konsumatur. |
23 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li BSH sempliċiment tosserva r-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013. Dan ir-regolament jirregola b’mod preċiż l-aspett tat-tikketta enerġetika u l-indikazzjonijiet li għandhom jinsabu fiha b’mod li BSH hija suġġetta għar-restrizzjonijiet ta’ dan il-mezz ta’ komunikazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-informazzjoni li hija pprovdiet lill-konsumaturi. Fid-dawl tal-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2005/29, din il-qorti tqis li għandu jiġi eżaminat jekk BSH kellhiex ċerta libertà dwar l-informazzjoni li hija tiddeċiedi li għandha tidher fuq l-apparat li hija tikkummerċjalizza fir-rigward tal-konsum tagħhom tal-enerġija. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, minbarra t-tikketta enerġetika, impost bir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, BSH iżżid fuq il-vacuum cleaners tagħha simboli oħra, b’mod partikolari tikketta ħadra li ssemmi “Energy A”, li tindika li l-vacuum cleaner ikun ġeneralment laħaq il-klassi A fl-effiċjenza enerġetika, tikketta oranġjo li ssemmi “AAAA Best rated: A in all classes”, li tindika li l-vacuum cleaner laħaq il-klassi A fil-prestazzjoni tat-tindif, kemm fuq twapet kif ukoll fuq art iebsa, fl-effiċjenza enerġitika u fl-emissjoni tat-trab, kif ukoll tikketta sewda li tirrappreżenta tapit u li ssemmi “class A Performance”, li tindika li l-vacuum cleaner laħaq il-klassi A rigward ir-rata tat-trab miġbur minn fuq tapit. |
25 |
Din il-qorti tirrileva li BSH tipprovdi b’hekk informazzjoni diġà kkomunikata kollha permezz tat-tikketta enerġetika u tistaqsi jekk ir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 jawtorizzax tali prattika. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-voorzitter van de rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-President tal-Qorti tal-Kummerċ ta’ Antwerpen) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “ommissjoni qarrieqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li lill-konsumatur ma tingħatax informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ittestjar li wassal għall-klassifikazzjoni tal-enerġija mogħtija fuq it-tikketta enerġetika. |
28 |
Għandu jitfakkar, qabel kollox, li d-Direttiva 2005/29 hija intiża li tistabbilixxi regoli uniformi dwar il-prattiki kummerċjali żleali min-naħa tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi, sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Canal Digital Danmark, C‑611/14, EU:C:2016:800, punt 25). |
29 |
F’dan il-kuntest, il-fatt li fuq it-tikketta enerġetika tissemma biss l-informazzjoni rikjesta mir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, mingħajr ma jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaner ġiet imkejla, jikkostitwixxi “prattika kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. |
30 |
Fil-fatt, anki jekk il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” huma ddefinit permezz ta’ deskrizzjoni partikolarment wiesgħa, il-prattiki hekk kif previsti għandhom ikunu, minn naħa, ta’ natura kummerċjali, jiġifieri ġejjin minn kummerċjanti u, min-naħa l-oħra, ikunu f’rabta diretta mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista tal-prodotti tagħhom għall-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, RLvS, C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 37). |
31 |
Issa, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-effiċjenza enerġetika ta’ prodott espost għall-bejgħ bl-imnut jew l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni, meta jkun ġej minn kummerċjant, tikkostitwixxi prattika kummerċjali b’relazzjoni diretta mal-bejgħ tal-imsemmi prodott lill-konsumaturi. F’dan ir-rigward, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa irrilevanti jekk l-informazzjoni inkwistjoni tkunx sfavorevoli għall-interessi tal-kummerċjant jew jekk dan tal-aħħar ikunx ikkomunika din l-informazzjoni sabiex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013. |
32 |
F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-assenza, fuq it-tikketta enerġetika, ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ittestjar, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi li, fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali, dawn ir-regoli l-oħra jipprevalu u japplikaw għal dawn l-aspetti speċifiċi. |
33 |
F’dan il-każ, id-Direttiva 2010/30 u r-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 jikkostitwixxu regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29. Fil-fatt, anki jekk, b’mod partikolari, mill-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2010/30 jirriżulta li l-għan primarju tagħhom huwa l-protezzjoni tal-ambjent, jibqa’ l-fatt li l-għan li tingħata informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum tal-enerġija speċifiku ta’ prodotti relatati mal-enerġija permezz ta’ tikketta enerġetika uniformi li għandha titwaħħal minn kummerċjant fuq prodott espost għall-bejgħ bl-imnut, huwa miżura ta’ protezzjoni tal-konsumatur. |
34 |
Għaldaqstant, fejn jeżisti kunflitt bejn l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, minn naħa, u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/30 kif ukoll tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, min-naħa l-oħra, huma dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar li għandhom jiġu applikati, konformement mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29. |
35 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2010/30 u r-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ebda informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet li taħthom l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners tkejlet ma jista’ jiżdied fuq it-tikketta enerġetika. |
36 |
Fil-fatt, huwa speċifikat, fil-premessa 8 tad-Direttiva 2010/30, li jeħtieġ li tiġi introdotta tikketta uniformi għall-prodotti kollha tal-istess tip. Dan l-għan ta’ uniformità huwa implimentat mill-Artikolu 1(1), l-Artikolu 4 u l-Artikolu 10(4)(d) u (g) tal-imsemmija direttiva, li skonthom din tal-aħħar tistabbilixxi qafas għall-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar, b’mod partikolari, l-informazzjoni lill-utenti finali dwar il-konsum tal-enerġija permezz ta’ ttikkettar u ta’ informazzjoni uniformi u tobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija elettrika matul l-użu tal-apparat, permezz ta’ tikketta li d-disinn u l-kontenut speċifiku tagħha għandhom jiġu stabbiliti minn att ta’ delega, jiġifieri, fir-rigward tal-vacuum cleaners, ir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013. |
37 |
Kif jirriżulta mill-premessa 8 u mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30, l-uniformità tad-disinn u tal-indikazzjonijiet li jinsabu fuq it-tikketta enerġetika, bħal dik tan-natura sempliċi u konċiż tagħha, għandhom l-għan li jippermettu li l-informazzjoni li tinsab fihom tkun iktar leġibbli u komparabbli għall-benefiċċju tal-utent finali. |
38 |
Barra minn hekk, mill-premessa 5 tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 jirriżulta li dan ir-regolament għandu jispeċifika disinn u kontenut uniformi għat-tikketta li għadha tiwaħħal fuq il-vacuum cleaners. |
39 |
Id-disinn u l-kontenut ta’ din it-tikketta huma ddefiniti b’mod preċiż fl-Anness II tal-imsemmi regolament. L-imsemmi anness jipprevedi, barra minn hekk, li, b’deroga għad-disinn tat-tikketta enerġitika li huwa ddefinit b’mod preċiż, hija biss riproduzzjoni tal-Ekotikketta tal-Unjoni li tista’ tiżdied mal-imsemmija tikketta, meta l-mudell tal-vacuum cleaner ikkonċernat kiseb tali tikketta. |
40 |
Minn dan isegwi li r-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, moqri fid-dawl tad-Direttiva 2010/30, jipprekludi li indikazzjonijiet oħra minbarra, jekk ikun il-każ, ir-riproduzzjoni tal-Ekotikketta tal-Unjoni jiżdiedu fuq it-tikketta enerġetika. |
41 |
Minn din il-projbizzjoni jirriżulta li, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva ma tistax tapplika għall-assenza, fuq it-tikketta enerġetika, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ ttestjar tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners. |
42 |
F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-assenza, minbarra fuq it-tikketta enerġetika, ta’ informazzjoni dwar ta’ il-kundizzjonijiet ta’ ttestjar, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi kollha tagħha kif ukoll tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, tħalli barra informazzjoni importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skont il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali informata u, konsegwentement, twassal jew tista’ twassal lill-konsumatur medju jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. Mill-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu jirriżulta wkoll li l-informazzjoni li hija prevista mid-dritt tal-Unjoni u li hija relatata mal-komunikazzjonijiet kummerċjali, inkluż ir-reklamar u l-marketing, għandu jitqies bħala sostanzjali. |
43 |
F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li fihom l-effiċjenza enerġetika tal-mudell ta’ vacuum cleaner ikkonċernat kienet imkejla ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu informazzjoni sostanzjali għall-konsumatur medju. |
44 |
Fil-fatt, id-Direttiva 2010/30 imponiet l-użu ta’ tikketta enerġetika uniformi sabiex tinforma lill-utenti aħħarin dwar il-konsum tal-enerġija ta’ ċerti prodotti waqt l-użu tagħhom u r-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 stabbilixxa lista eżawrjenti ta’ informazzjoni, dwar il-konsum tal-enerġija tal-vacuum cleaners matul l-użu tagħhom, li għandu jinġieb għall-attenzjoni tal-konsumatur permezz tal-imsemmija tikketta enerġetika, mingħajr ma timponi li jiġu indikati l-kundizzjonijiet li taħthom l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaner ġiet imkejla. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li minn qari flimkien tad-Direttiva 2010/30 u tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 għandu jitqies li tali informazzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sostanzjali għall-konsumatur medju. |
45 |
Minn dan isegwi li l-assenza ta’ riferiment għall-kundizzjonijiet ta’ ttestjar tal-effiċjenza enerġetika ta’ vacuum cleaner ma tistax tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29. |
46 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix “ommissjonijiet qarrieqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li ma jingħatax lill-konsumatur informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ittestjar li wasslet għall-klassifikazzjoni tal-enerġija mogħtija fuq it-tikketta enerġetika. |
Fuq it-tieni domanda
47 |
Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha u li, minn din il-perspettiva, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domanda li ġiet issottomessa lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Ucar u Kilic, C‑508/15 u C‑509/15, EU:C:2016:986, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, li jimponi li tikketta enerġitika għandha titwaħħal fuq kull vacuum cleaner imqiegħed fis-suq bl-imnut, għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/30 li tikkostitwixxi l-bażi legali tiegħu. Għalhekk, għandha tiġi fformulata mill-ġdid it-tieni domanda, li tirrigwarda r-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, b’mod li tinkludi wkoll id-Direttiva 2010/30. |
49 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, f’dan il-każ, BSH waħħlet fuq il-kaxxi tal-ippakkjar ta’ vacuum cleaners li hija tikkummerċjalizza, maġenb it-tikketta enerġetika, diversi tikketti jew simboli li ma humiex previsti mir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, jiġifieri, b’mod partikolari, tikketta ħadra msejħa “Energy A”, tikketta oranġjo msejħa “AAAA Best rated: A in all classes” u tikketta sewda li tirrappreżenta tapit bl-indikazzjoni “Class A Performance”. |
50 |
B’hekk, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, moqri fid-dawl tad-Direttiva 2010/30, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jiġu mwaħħla, barra milli fuq it-tikketta enerġetika, tikketti jew simboli oħrajn li jfakkru l-informazzjoni msemmija fuq l-imsemmija tikketta enerġetika. |
51 |
Għandu jiġi rrilevat li, l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2010/30, jipprevedi li t-twaħħil, b’mod partikolari, ta’ tikketti jew ta’ simboli minbarra fuq it-tikketta enerġetika huwa pprojbit jekk, fl-ewwel lok, dawn it-tikketti jew simboli ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva jew l-atti ta’ delega tiegħu, jiġifieri, f’dan il-każ, tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, u jekk, fit-tieni lok, dan it-twaħħil jista’ jqarraq l-utent finali jew iħawdu fir-rigward tal-konsum tal-enerġija jew, jekk il-każ, ta’ riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu tal-apparat tal-elettriku. B’hekk, dan l-artikolu jissuġġetta tali projbizzjoni għall-verifika ta’ din il-kundizzjoni doppja. |
52 |
Issa, f’din il-kawża, peress li t-tikketti jew is-simboli mwaħħlin minn BSH fuq il-kaxxi tal-ippakkjar ta’ vacuum cleaners li hija tikkummerċjalizza ma humiex previsti mir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, dawn għandhom jitqiesu bħala li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi regolament. Minn dan isegwi li t-twaħħil tagħhom huwa pprojbit fil-każ li jista’ jqarraq jew joħloq konfużjoni lill-konsumatur finali rigward il-konsum tal-enerġija tal-vacuum cleaner matul l-użu tiegħu. |
53 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jekk it-twaħħil tat-tikketti jew tas-simboli użati minn BSH jimplikax tali riskju. |
54 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, għalkemm hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja, li tintalab tagħti risposti utli lill-qorti nazzjonali, hija madankollu kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet abbażi b’mod partikolari tal-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-osservazzjonijiet li jkunu sarulha, li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, I, C‑255/13, EU:C:2014:1291, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2010/30 jirriżulta li l-imsemmija qorti għandha tapplika strettament il-kriterju msemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, sabiex il-konsumatur finali jiġi protett kontra kull riskju ta’ żball jew ta’ konfużjoni dwar il-konsum ta’ enerġija waqt l-użu tal-apparat elettroniku inkwistjoni. L-applikazzjoni stretta tal-imsemmi kriterju hija kkonfermata mill-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent li għandha l-imsemmija direttiva, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza. |
56 |
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tad-Direttiva 2005/29, il-kriterju ta’ evalwazzjoni rilevanti li għandu jintuża għal prattika kummerċjali qarrieqa huwa dak tal-konsumatur medju, li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige, C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 22, u tat-26 ta’ Ottubru 2016, Canal Digital Danmark, C‑611/14, EU:C:2016:800, punt 39). Il-konnessjoni ta’ kwistjonijiet tiġġustifika li dan l-istess kriterju ta’ evalwazzjoni jintuża fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ żball jew ta’ konfużjoni msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2010/30. |
57 |
F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li t-tikketti jew is-simboli mwaħħlin minn BSH jirreferu għal informazzjoni diġà preżenti fuq it-tikketta enerġetika ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-eżistenza ta’ tali riskju. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li s-simboli użati minn BSH ma humiex grafikament identiċi għal dawk użati fuq it-tikketta enerġetika u, min-naħa l-oħra, li ċerti tikketti jew simboli użati minn BSH jirrepetu l-istess informazzjoni filwaqt li jużaw, disinn grafiku distint għal kull tikketta, li jista’ jagħti l-impressjoni li din hija, kull darba, informazzjoni differenti. |
58 |
Għalhekk, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li r-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2010/30, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li jitwaħħlu, minbarra fuq it-tikketta enerġetika, tikketti jew simboli li jfakkru l-informazzjoni msemmija fuq l-imsemmija tikketta enerġetika, jekk dan it-twaħħil jista’ jitqarraq lill-utent finali jew iħawdu rigward il-konsum tal-enerġija tal-vacuum cleaner ikkummerċjalizzat fis-suq bl-imnut inkwistjoni matul l-użu tiegħu, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha u fid-dawl tal-perċezzjoni tal-utent aħħari medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż