SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni ta’ Montego Bay – Artikolu 220(6) – Ġurisdizzjoni ta’ infurzar tal-Istat kostali – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali – Direttiva 2005/35/KE – Tniġġis ikkawżat minn vapuri – Artikolu 7(2) – Konvenzjoni Marpol 73/78 – Tixrid ta’ żejt fiż-żona ekonomika esklużiva minn vapur fi tranżitu – Ċirkustanzi li fihom Stat kostali jista’ jibda proċedimenti kontra bastiment barrani – Libertà ta’ navigazzjoni – Protezzjoni tal-ambjent marittimu – Ħsara maġġuri jew theddid ta’ danni maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati jew għal xi riżorsi fil-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklużiva – Evidenza ċara u oġġettiva”

Fil-Kawża C‑15/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp.

vs

Rajavartiolaitos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp., minn P. Karhu, asianajaja,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm, C. Van Lul u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Karipsiadis, K. Georgiadis u M. Stellakatos kif ukoll minn E. Tsaousi u E. Skalieri, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. S. Schillemans u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae kif ukoll minn A. Bouquet, E. Paasivirta u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1833, 1834 u 1835, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montego Bay”), u tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis (ĠU 2005, L 255, p. 11), kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU 2009, L 280, p. 52) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/35”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp. (iktar ’il quddiem “Bosphorus”), kumpannija proprjetarja tal-vapur ta’ tagħbija xotta Bosphorus Queen irreġistrat fil-Panama, u Rajavartiolaitos (l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Fruntieri, il-Finlandja), dwar multa imposta minn din tal-aħħar fuq din il-kumpannija minħabba t-tixrid ta’ żejt minn dan il-vapur fiż-Żona Ekonomika Esklużiva (ŻEE) Finlandiża.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969

3

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ f’Każi ta’ Aċċidenti ta’ Tniġġis miż-Żejt ġiet konkluża fi Brussell fid‑29 ta’ Novembru 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 970, p. 211, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969”). L-Unjoni kif ukoll diversi mill-Istati Membri tagħha ma humiex parti għal din il-konvenzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Panama huma parti għal din il-konvenzjoni.

4

Konformement mal-Artikolu I(1) tal-imsemmija konvenzjoni, il-partijiet fiha “jistgħu jieħdu miżuri fl-ibħra miftuħa li jistgħu jkunu meħtieġa biex jipprevjenu, inaqqsu jew jeliminaw periklu gravi u imminenti għall-kosta tagħhom jew għal interessi relatati oħra minn tniġġis jew theddid ta’ tniġġis tal-baħar minn żejt, ikkawżat minn diżgrazzja marittima jew atti relatati ma’ tali diżgrazzja, li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jikkawżaw ħsara kbira” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5

L‑Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969 jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

[…]

4.   l-espressjoni ‘interessi relatati’ tirreferi għall-interessi ta’ Stat kostali affettwat direttament jew mhedded minn diżgrazzja marittima, bħal:

(a)

attivitajiet marittimi kostali, tal-port jew tal-estwarji, inklużi attivitajiet tal-attivitajiet tas-sajd, li jikkostitwixxu mezzi essenzjali ta’ għajxien tal-persuni kkonċernati;

(b)

l-attrazzjonijiet turistiċi taż-żona kkonċernata;

(ċ)

is-saħħa tal-popolazzjoni kostali u l-benesseri taż-żona kkonċernata, inkluż il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, tal-fawna u tal-flora” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il-Konvenzjoni Marpol 73/78

6

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, iffirmata f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973 kif issupplimentata mill-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Marpol 73/78”), tistabbilixxi regoli ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra t-tniġġis fl-ambjent tal-baħar.

7

L-Unjoni ma hijiex parti għal din il-konvenzjoni. Min-naħa l-oħra, bħall-Istati Membri l-oħra kollha tal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Finlandja hija parti għaliha.

8

Ir-regoli dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis miż-żejt huma stabbiliti fl-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78.

9

Ir-Regolament 1(11) tal-Anness I ta’ din il-konvenzjoni jiddefinixxi ż-żona speċjali bħala “żona marittima li, għal raġunijiet tekniċi rikonoxxuti dovuti għall-kundizzjonijiet oċeanografiċi u ekoloġiċi tagħha u għan-natura partikolari tat-traffiku tagħha, teħtieġ l-adozzjoni ta’ metodi obbligatorji partikolari għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar minn żejt” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-finijiet ta’ dan l-anness, fost iż-żoni speċjali jinsabu ż-żona tal-Baħar Baltiku, li tinkludi l-Baħar Baltiku fih innifsu kif ukoll il-Golf ta’ Bothnia, il-Golf tal-Finlandja u d-daħla għall-Baħar Baltiku mdawwar bil-parallel tal-iSkaw fl-iSkagerrak (57°44,8’N).

10

Fl-Anness I tal-imsemmija konvenzjoni, ir-Regolament 15 tat-Taqsima Ċ, li jirrigwarda l-“kontroll tat-tixrid ta’ żejt li jirriżulta mill-operat”, jipprevedi:

“1

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regola 4 ta’ dan l-anness u tal-paragrafi 2, 3 u 6 ta’ din ir-regola, kull tixrid fil-baħar ta’ żejt jew ta’ taħlit ta’ żejt minn vapuri huwa pprojbit.

[…]

B.

Tixrid fiż-żoni speċjali

3

Kull tixrid fil-baħar ta’ żejt jew taħlit ta’ żejt minn vapuri ta’ tunnellaġġ gross ta’ 400 tunnellata jew iktar huwa pprojbit, sakemm il-kundizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il quddiem ma jkunux issodisfatti:

1

il-vapur qiegħed jinnaviga;

2

it-taħlit ta’ żejt huwa ffiltrat minn tagħmir li jiffiltra ż-żejt li jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regola 14.7 ta’ dan l-anness;

3

il-kontenut taż-żejt tal-iskart ma jaqbiżx 15-il partijiet għal kull miljun mingħajr ma jkun iddilwit;

4

it-taħlit ta’ żejt ma joriġinax mis-sentini tal-kamra tal-pompi, fuq tankers taż-żejt; u

5

it-taħlit ta’żejt, fil-każ ta’ tankers taż-żejt, ma huwiex imħallat ma’ residwi ta’ tagħbiji ta’ żejt.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay

11

Il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Il-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).

12

Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni:

“(1)   ‘żona’ tfisser il-qiegħ tal-baħar u l-art oċeanika u l-istrata ta’ l-art taħt dik tal-wiċċ, lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali;

[…]

(4)   ‘tniġġiż ta’ l-ambjent marittimu’ tfisser l-introduzzjoni mill-bniedem, direttament jew inderettament, ta’ sustanzi jew enerġija fl-ambjent marittimu, inklużi l-estwarji, li jirriżultaw jew li aktarx li jirriżultaw f’effetti qerrieda bħal dawn hekk li jgħamlu ħsara għar-riżorsi ħajjin u l-ħajja marittima, ta’ periklu għas-saħħa umana, ta’ tfixkil għall-attivitajiet marittimi, inkluż is-sajd u l-użu leġittimu l-ieħor tal-baħar, tħassir tal-kwalità għall-użu ta’ l-ilma tal-baħar u t-tnaqqis ta’ l-amenitajiet;

[…]”

13

L‑Artikolu 56 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Drittijiet, ġurisdizzjoni u d-doveri ta’ Stat kostali fiż-[ŻEE]”, jipprevedi:

“1.   Fiż-[ŻEE], l-Istat kostali għandu:

(a)

id-drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni, tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, seww jekk ħajjin u sew jekk mhuxħajjin, tal-baħar supra-qarib tal-qiegħ tal-baħar jew tal-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt il-wiċċ tal-qiegħ tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet l-oħrajn għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ekonomika taż-żona, bħal ma hija l-produzzjoni ta’ l-enerġija mill-ilma, mill-kurrenti jew mill-irjieħ;

(b)

ġurisdizzjoni kif hemm provvediment dwar dan fid-diposizzjonijiet relevanti ta’ din il-Konvenzjoni f’dak li jirrigwarda:

(i)

l-istabbiliment u l-użu ta’ gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi;

(ii)

ir-riċerka xjentifika marittima;

(iii)

il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu;

(ċ)

id-drittijiet u d-doveri l-oħrajn li hemm provvediment dwarhom f’din il-Konvenzjoni.”

14

L‑Artikolu 58 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, dwar “Id-drittijiet, il-ġurisdizzjoni u d-doveri ta’ l-Istati l-oħrajn fiż-[ŻEE]”, jipprovdi:

“1.   Fiż-[ŻEE], l-Istati kollha, kemm jekk kostali jew li m’għandhom aċċess dirett għall-baħar, igawdu, suġġett għad-disposizzjonijiet relevanti ta’ din il-Konvenzjoni, il-libertajiet msemmija fl-Artikolu 87, tan-navigazzjoni u t-titjiriet u tat-tqegħid ta’ fili u pajpijiet sottomarini, u ta’ l-użu internazzjonali legali l-ieħor tal-baħar relatati ma dawk il-libertajiet, bħal dawk assoċjati ma l-operazzjoni ta’ vapuri, ajruplani u fili u pajpijiet sottomarini, u kompatibbli mad-disposizzjonijiet l-oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni.

2.   L-Artikoli 88 sa 115 u r-regoli pertinenti l-oħrajn tal-liġi internazzjonali japplikaw għaż-[ŻEE] sal-limiti li dawn ma jkunux mhux-kompatibbli ma din il-parti.

3.   Fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom u fit-twettieq tad-doveri tagħhom fiż-[ŻEE] permezz ta’ din il-Konvenzjoni, l-Istati għandhom jagħtu attenzjoni xierqa għad-drittijiet u d-doveri ta’ l-Istat kostali u għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti adottati mill-Istat kostali b’konformità mad-disposizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u mar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali sal-limiti li dawn ma jkunux mhux-kompatibbli ma din il-parti.”

15

L‑Artikolu 61(1) sa (4) ta’ din il-konvenzjoni, dwar “Il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin”, jipprovdi:

“1.   L-Istat kostali għandu jiddetermina l-qabda permissibbli tar-riżorsi ħajjin fiż-[ŻEE].

2.   L-Istat kostali, billi jieħu konjizzjoni ta’ l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli għalih, għandu jassigura permezz tal-konservazzjoni xierqa u l-miżuri ta’ l-amministrazzjoni li l-manteniment tar-riżorsi ħajjin fiż-[ŻEE] ma tkunx ipperikolata b’esplojtazzjoni żejda. Kif xieraq, l-Istat kostali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, seww jekk subreġjonali, reġjunali jew globali, għandhom jikkoperaw għal dan il-għan.

3.   Miżuri bħal dawn għandhom ukoll ikunu ddisinjati għall-manteniment u r-restawrazzjoni tal-popolazzjonijiet ta’ [speċi] maqbuda f’livelli li jistgħu jipproduċu l-akkwist massimu sostenibbli, kif kwalifikat bil-fatturi ambjentali u ekonomiċi relevanti, inklużi l-ħtiġiet ekonomiċi tal-komunitajiet kostali tas-sajjieda u l-ħtiġiet speċjali ta’ l-Istati li għadhom jiżviluppaw, u billi jittieħed akkont ta’ l-għamliet tas-sajd, l-interdipendenza tal-ħażniet u xi normi internazzjonali minimi ġeneralment rikonoxxuti, kemm jekk subreġjonali, reġjonali jew globali.

4.   Fit-teħid ta’ dawn il-miżuri, l-Istat kostali għandu jqis l-effetti fuq l-ispeċje asoċċjati ma jew dipendenti fuq l-ispeċje maqbuda bil-għan taż-żamma jew tar-restawr tal-popolazzjonijiet ta’ dawk l-ispeċje assoċjati jew dipendenti il-fuq mil-livelli li fihom ir-riproduzzjoni tagħhom tista ssir serjament mhedda.”

16

Skont l-Artikolu 194(5) tal-imsemmija konvenzjoni:

“Il-miżuri meħudha b’konformità ma din il-parti għandhom jinkludu dawk meħtieġa għall-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ ekosistemi rari u fraġili kif ukoll ta’ l-abitat ta’ speċje imnaqqsa, mhedda jew ipperikolati minn tipi ta’ ħajja marittima oħra.”

17

L‑Artikolu 211 ta’ din l-istess konvenzjoni, intitolat “Tniġġiż minn vapuri”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 7 tiegħu:

“1.   L-Istati, li jaġixxu permezz ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew ta’ konferenza diplomatika ġenerali, għandhom jistabbilixxu regoli u normi internazzjonali sabiex ma jħallux, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġiż ta’ l-ambjent marittimu minn vapuri u jħeġġu l-adozzjoni, bl-istess mod, kull meta xieraq, ta sistemi ta’ rotot ġodda iddisinjati sabiex jimminimizzaw it-theddida ta’ inċidenti li jistgħu joħolqu tniġġiż ta’ l-ambjent marittimu, inkluża l-kosta, u l-ħsara bit-tniġġiż relatata ma l-interessi ta’ l-Istati kostali. Regoli u normi bħal dawn għandhom, bl-istess mod, ikunu eżaminati mill-ġdid minn żmien għal żmien skond ma jkun meħtieġ.

[…]

7.   Ir-regoli u n-normi internazzjonali msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinkludu, inter alia, dawk li jirrigwardaw in-notifika f’waqta lill-Istati Kostali, li l-linja tal-kosta tagħhom jew l-interessi relatati jistgħu ikunu affettwati b’inċidenti, inklużi mwiet marittimi, li jinvolvu r-rimi jew il-probabbilità ta’ rimi.”

18

L‑Artikolu 220 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, intitolat “Infurzar mill-Istati kostali”, jipprovdi fil-paragrafi 3 sa 6 tiegħu, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li taħthom Stat kostali jista’ jieħu miżuri kontra vapur li jkun wettaq ksur tar-regoli jew tal-istandards internazzjonali dwar it-tniġġis minn vapuri fiż-ŻEE tiegħu. Dawn il-paragrafi huma fformulati kif ġej:

“3.   Meta jkun hemm bażi ċara sabiex jitwemmen li vapur li jkun ibaħħar fiż-[ŻEE] jew tal-baħar territorjali ta’ Stat ikun, fiż-[ŻEE], iwettaq vjolazzjoni tar-regoli u n-normi internazzjonali applikabbli għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġiż minn vapuri jew il-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istat li huma konformi u li jagħtu effett għal dawk ir-regoli u n-normi, dak l-Istat jista jeħtieġ li l-vapur jagħti l-informazzjoni rigward l-identità u l-port tar-reġistrazzjoni tiegħu, l-aħħar port u dak il-port li jmiss u l-informazzjoni relevanti meħtieġa sabiex jistabbilixxi jekk vjolazzjoni tkunx seħħet.

4.   L-Istati għandhom jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti u jieħu l-miżuri l-oħrajn hekk li l-vapuri li jtajjru il-bandiera tagħhom ikunu konformi mal-ħtiġiet għall-informazzjoni permezz tal-paragrafu 3.

5.   Meta jkun hemm bażi ċara sabiex jitwemmen li vapur li jbaħħar f’[ŻEE] jew fil-baħar territorjali ta’ Stat ikun, fiż-[ŻEE], wettaq vjolazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 li tirriżulta f’rilaxx sostanzjali li tikkawża jew thedded tniġġiż sinifikanti ta’ l-ambjent marittimu, dak l-Istat jista jwettaq spezzjoni fiżika tal-vapur dwar il-materji li jirrigwardaw il-vjolazzjoni jekk il-vapur ikun ċaħad li jagħti informazzjoni jew jekk l-informazzjoni fornuta mill-vapur tkun kjarament b’varjanza mas-sitwazzjoni evidentament fattwali u jekk iċ-ċirkostanzi tal-każ jiġġustifikaw spezzjoni bħal dik.

6.   Meta jkun hemm evidenza oġġettiva ċara li vapur ikun ibaħħar fiż-[ŻEE] jew fil-baħar territorjali ta’ Stat ikun, fiż-[ŻEE], jwettaq vjolazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tirriżulta f’rilaxx li jikkawża ħsara maġġuri jew theddid ta’ danni maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati ta’ l-Istat kostali, jew għal xi [kwalunkwe] riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE] tiegħu, dak l-Istat jista, bla ħsara għas-Sezzjoni 7, basta li l-evidenza hekk tkun teħtieġ, jistitwixxi proċedimenti, inkluża d-detenzjoni tal-vapur, b’konformità mal-liġijiet tiegħu.”

19

L‑Artikolu 221 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Miżuri sabiex ikun evitat it-tniġġiż li joriġina minn diżastri marittimi” jipprovdi:

“1.   Xejn f’din il-parti m’għandu jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati, b’segwiment tal-liġi internazzjonali, kemm ta’ użanza u wkoll konvenzjonali, li jieħdu u jinforzaw miżuri, lil hinn mill-baħar territorjali, li huma proporzjonati għad-danni attwali jew mhedda, li jipprotteġu il-kosta jew l-interessi relatati tagħhom, inkluż is-sajd, mit-tniġġis jew minn thedid ta’ tat-tniġġiż bħala riżultat ta’ disastru marittimu jew atti relatati ma disastru bħal dak, li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija bħala riżultat ta’ konsegwenzi ta’ danni maġġuri.

2.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘disastru marittimu’ jfisser ħabta ta’ vapuri, inkaljar jew inċident ieħor tan-navigazzjoni, jew okkorrenza oħra abbord vapur jew fl-estern tiegħu li tirriżulta fi ħsara materjali jew theddida imminenti ta’ ħsara materjali għall-vapur jew għat-tagħbija.”

20

L‑Artikolu 237 tal-imsemmija konvenzjoni, dwar l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet oħra dwar il-protezzjoni u l-preżervazzjoni tal-ambjent marittimu, jipprovdi:

“1.   Id-disposizzjonijiet ta’ din il-parti huma mingħajr preġudizzju dwar l-obbligi speċifiċi kif merfugħa mill-Istati permezz tal-konvenzjonijiet speċjali u tal-ftehim konklużi preċedentament li jirrigwardaw il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu u għal-ftehim li jista jkun konkluż fit-tkomplija ulterjuri tal-prinċipji ġenerali kif stabbiliti f’din il-Konvenzjoni.

2.   L-obbliġi speċifiċi kif merfigħa mill-Istati permezz ta’ konvenzjonijiet speċjali, fir-rigwrd tal-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu għandhom ikunu mwettqa b’manjiera konsistenti mall-prinċipji ġenerali u l-obbjettivi ta’ din il-konvenzjoni.”

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati

21

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati ġiet konkluża fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”).

22

Skont l-Artikolu 31 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”:

“1.   Trattat għandu jiġi interpretat b’bona fide skont is-sinjifikat ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tas-suġġett tiegħu”.

[…]

3.   Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-kuntest:

[…]

(ċ)

kull regola tad-dritt internazzjonali rilevanti applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23

L‑Artikolu 32 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Mezzi komplementari ta’ interpretazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Jistgħu jintużaw mezzi komplementari ta’ interpretazzjoni u, b’mod partikolari, ix-xogħol preparatorju u ċ-ċirkustanzi li fihom it-trattat ikun ġie konkluż, bl-għan li, jew jiġi kkonfermat is-sens li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 31, jew jiġi ddeterminat is-sens meta l-interpretazzjoni magħmula konformement ma’ l-Artikolu 31:

(a)

tħalli s-sens ambigwu jew mhux ċar; jew

(b)

twassal għal riżultat li huwa manifestament assurd jew irraġonevoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

24

Il-premessi 1 sa 4 u 12 tad-Direttiva 2005/35 huma fformulati kif ġej:

“1)

Il-politika dwar is-sigurtà marittima tal-Komunità timmira lejn livell għoli ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u hija bbażata fuq il-fehma li l-partijiet kollha involuti fit-trasport bil-baħar tal-merkanzija għandhom responsabbiltà li jiżguraw li l-vapuri użati fl-ibħra Komunitarji jikkonformaw mar-regoli u l-istandards applikabbli.

2)

L-istandards materjali fl-Istati Membri kollha għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġżu minn vapuri huma bbażati fuq il-Konvenzjoni Marpol 73/78; madankollu dawn ir-regoli qegħdin jiġu injorati ta’ kuljum min-numru kbir ħafna ta’ vapuri li jbaħħru fl-ibħra Komunitarji, mingħajr ma qiegħda tittieħed azzjoni korrettiva.

3)

L-implimentazzjoni tal-Marpol 73/78 turi diskrepanzi bejn l-Istati Membri, għaldaqstant jeħtieġ li tiġi armonizzata l-implimentazzjoni fuq il-livell Komunitarju; b’mod partikolari hemm differenzi kbar fil-prattiki ta’ l-Istati Membri fl-impożizzjoni ta’ penali għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġżu minn vapuri.

4)

Miżuri ta’ natura dissważiva huma parti integrali tal-politika dwar is-sigurtà marittima tal-Komunità, minħabba li jiżguraw konnessjoni bejn ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed mill-partijiet involuti fit-trasport bil-baħar ta’ merkanziji li jniġġżu u l-espożizzjoni ta’ dawn il-partijiet għal penali; sabiex tintlaħaq protezzjoni effettiva ta’ l-ambjent, hemm għalhekk bżonn ta’ penali effettivi, dissważivi u proporzjonati.

[…]

12)

Fejn hemm evidenza ċara u oġġettiva ta’ rimi li qed jikkawża ħsara kbira jew theddida ta’ ħsara kbira, l-Istati Membri għandhom jissottomettu l-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom bil-għan li jiġu istitwiti proċedimenti skond l-Artikolu 220 tal-[Konvenzjoni ta’ Montego Bay].”

25

L‑Artikolu 1 ta’ din id-diretiva jipprovdi li:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jiġu inkorporati fil-liġi Komunitarja standards internazzjonali għal tniġġis ikkawżat minn vapuri u li jkun żgurat li l-persuni responsabbli għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu jkunu suġġetti għal penali adekwati, inklużi pieni kriminali, sabiex titjieb is-sikurezza tal-baħar u sabiex tiżdied il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar mit-tniġġis ikkawżat minn vapuri.

2.   Din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri iżjed iebsa kontra t-tniġġiż ikkawżat minn vapuri bi qbil mal-liġi internazzjonali.”

26

L‑Artikolu 3(1)(b) u (d) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika, bi qbil mal-liġi internazzjonali, għal rimi ta’ sustanzi li jniġġżu:

[…]

(b)

fil-baħar territorjali ta’ Stat Membru;

[…]

(d)

fiż-[ŻEE] jew żona ekwivalenti ta’ Stat Membru, stabbilita skond il-liġi internazzjonali […]”

27

L‑Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Miżuri ta’ infurzar minn Stati mal-kosta fir-rigward ta’ vapuri fi transitu”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fejn hemm evidenza ċara u oġġettiva li vapur li qed ibaħħar fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (b) jew (d) ikkometta, fiż-żona msemmija fl-Artikolu 3(1) d), ksur li rriżulta f’rimi li kkawża ħsara kbira jew theddida ta’ ħsara kbira lill-kosta jew lil interessi relatati ta’ l-Istat Membru kkonċernat, jew lil kwalunkwe riżorsi taż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (b) jew (d), dak l-Istat għandu, mingħajr ħsara għall-Parti XII, Sezzjoni 7 tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], u bil-kundizzjoni li l-evidenza hekk tiġġustifika, jissottometti l-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu bil-għan li jiġu istitwiti proċedimenti, inkluż id-detenzjoni tal-vapur, skond il-liġi nazzjonali tiegħu.”

Id-dritt Finlandiż

28

Id-Direttiva 2005/35 ġiet trasposta fil-Finlandja b’mod partikolari bil-merenkulun ympäristönsuojelulaki (1672/2009) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent fit-Trasport marittimu (1672/2009)).

29

Il-Kapitolu 3 ta’ din il-liġi intitolat “Multa fil-każ ta’ tixrid ta’ żejt”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu:

“Ksur tal-projbizzjoni dwar it-tixrid ta’ żejt jew taħlita ta’ żejt fil-baħar tal-Finlandja jew fiż-[ŻEE], stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2, għandu jagħti lok għal multa (multa għat-tixrid ta’ żejt), sakemm iż-żejt jew it-taħlita ta’ żejt mxerred ma jkunx jista’ jitqies bħala minuri fid-dawl tal-kwantità jew l-impatt tiegħu. Ksur tal-projbizzjoni ta’ tixrid imwettaq minn vapur barrani fi tranżitu fiż-[ŻEE] tal-Finlandja, għandu, madankollu, ikun suġġett għal multa biss jekk it-tixrid jikkawża ħsara kbira jew theddida ta’ ħsara kbira lill-kosta tal-Finlandja jew l-interessi relatati, jew lil kwalunkwe riżorsi tal-baħar territorjali tal-Finlandja jew taż-[ŻEE] tal-Finlandja.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30

Skont l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Fruntieri, fil-11 ta’ Lulju 2011, il-vapur Bosphorus Queen xerred żejt fil-baħar meta kien fi tranżitu fiż-ŻEE Finlandiża.

31

It-tixrid seħħ fit-tarf ta’ din iż-ŻEE, madwar 25 sa 30 kilometru ’l barra mill-kosta Finlandiża. Iż-żejt infirex fuq medda ta’ madwar 37 km fi strixxa wiesgħa madwar 10 metri. L-erja totali ta’ tixrid kienet stmata li kienet madwar 0.222 km2 u l-volum tagħha kien bejn 0.898 u 9.050 m3.

32

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dak iż-żmien l-awtoritajiet Finlandiżi ma ħadu ebda kontromiżura kontra t-tixrid ta’ dan iż-żejt. Lanqas ma ġie osservat li ż-żejt laħaq il-kosta kif ukoll lanqas ma ntwera li t-tixrid taż-żejt ikkawża ħsara konkreta.

33

Min-naħa l-oħra, meta l-vapur li kien ġej minn Saint Petersburg (ir-Russja) għadda mill-ġdid miż-ŻEE Finlandiża, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Fruntieri, minn naħa ordnat bħala miżura preventiva, permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2011, il-ħlas minn Bosphorus ta’ garanzija ta’ EUR 17112, intiża li tkopri l-ammont ta’ multa fil-każ li tiġi imposta għat-tixrid ta’ żejt minn dan il-vapur u, min-naħa l-oħra d-detenzjoni ta’ dan il-vapur. Wara l-ħlas ta’ din il-garanzija fil‑25 ta’ Lulju 2011, il-vapur seta’ jkompli l-vjaġġ tiegħu.

34

Fis-26 ta’ Lulju 2011 ingħatat opinjoni dwar ir-riskji maħluqa mit-tixrid taż-żejt inkwistjoni, mis-Suomen ympäristökeskus (l-Aġenzija Finlandiża tal-Ambjent) lill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Fruntieri. L-impatt ambjentali ta’ dan it-tixrid taż-żejt ġie evalwat fuq il-bażi ta’ stima ta’ kwantità minima ta’ żejt mxerred. Minn din l-opinjoni jirriżulta li:

Iż-żejt seta’ tal-inqas parzjalment jilħaq iż-żoni kostali tal-Finlandja. Jekk dan iż-żejt jilħaq iż-żona kostali, huwa affettwa l-użu tagħha għal finijiet rikreazzjonali.

Parti miż-żejt kompla jaffettwa wkoll l-ibħra miftuħa qrib is-sit fejn seħħ it-tixrid.

It-tixrid taż-żejt ippreġudika l-iżvilupp favorevoli tal-istat ambjentali fil-Baħar Baltiku.

It-tixrid taż-żejt qiegħed f’perikolu lill-għasafar li jieklu u jistrieħu fl-ibħra miftuħa.

Iż-żejt għamel ħsara lill-fitoplankton u liż-żooplankton. Il-komponenti taż-żejt kienu qed jiġu mgħoddija ’l isfel fil-katina alimentari.

Probabbilment, l-ispirelli li jgħixu fil-wiċċ tal-ibħra miftuħa kienu milquta direttament mit-tixrid taż-żejt, b’riżultat li mhux eskluż li jkun hemm effett negattiv qawwi fuq l-istokk tal-ħut.

Il-livell ta’ sedimentazzjoni fiż-żona kien għoli, u x’aktarx li perċentwal tal-komponenti taż-żejt jinżel f’qiegħ il-baħar u jagħmel ħsara lill-bijoċenosi li jgħixu hemm.

Ħafna ħabitats naturali ta’ valur li jagħmlu parti min-netwerk tan-Natura 2000 jinsabu fil-viċinanza tas-sit fejn ixxerred iż-żejt.

Iż-żmien meta seħħ it-tixrid taż-żejt kien ta’ żvantaġġ partikolari għall-popolazzjonijiet ta’ għasafar tal-baħar, peress li dawn kellhom għadd kbir ta’ frieħ li ma kinux kapaċi jtiru fl-ibħra li jestendu minn barra is-sikek ta’ Hanko Peninsula (il-Finlandja) sal-Arċipielgu Finlaniż u l-frieħ tal-papri edredun taru f’distanza kunsiderevoli ’l barra mill-kosta.

Fiż-żmien meta seħħ it-tixrid taż-żejt kien hemm għexieren ta’ eluf ta’ papri edredun barra il-Hanko Peninsula. It-tixrid ħoloq theddida kbira għall-popolazzjoni tal-għasafar tal-baħar fil-kosta Finlandiża.

35

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2011, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Fruntieri imponiet multa fl-ammont ta’ EUR 17112 fuq Bosphorus għat-tixrid ta’ żejt, minħabba li dan it-tixrid kien ikkawża jew kien qiegħed jhedded li jikkawża ħsara maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati tar-Repubblika tal-Finlandja jew lil kwalunkwe riżorsi fil-baħar territorjali jew iż-ŻEE Finlandiża.

36

Bosphorus kif ukoll sid il-vapur sussegwentement ippreżentaw rikors quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), li sservi bħala qorti marittima, sabiex jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Settembru 2011 li jistabbilixxu garanzija u multa għat-tixrid ta’ dan iż-żejt, rispettivament. Huma sostnew b’mod partikolari li dan it-tixrid ma kienx ikkawża ħsara maġġuri lill-ambjent u li l-qrati tal-Istat tal-bandiera tal-vapur biss, jiġifieri l-Panama, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din il-kawża.

37

Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ Jannar 2012, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) qieset li kien ġie stabbilit li l-vapur inkwistjoni kien xerred kwantità minima ta’ madwar 900 litru żejt fil-baħar. Matul il-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ din is-sentenza, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) semgħet bħala xhud lil speċjalista tal-Aġenzija Finlandiża tal-Ambjent. Fid-dawl tal-informazzjoni li kellha quddiemha hija qieset li t-tixrid ta’ żejt kien qiegħed jirriskja li jikkawża ħsara maġġuri, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 3 tal-Liġi (1672/2009). Għal dawn ir-raġunijiet, il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) ċaħdet ir-rikors.

38

Wara l-appell imressaq minn Bosphorus quddiem il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), din il-qorti ħelset lil din il-kumpannija mill-obbligu tagħha li tħallas il-multa għat-tixrid ta’ żejt, minħabba li dan l-obbligu kien tas-sid li l-identità tiegħu kienet magħrufa.

39

L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Fruntieri għaldaqstant ressqet appell quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), li annullat din is-sentenza u rrinvijat il-kawża quddiem il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki) sabiex tevalwa jekk kienx hemm raġuni, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 3 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, li tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ multa għat-tixrid ta’ żejt.

40

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2014, din il-qorti tal-appell ikkonstatat li mill-provi prodotti quddiema kien jirriżulta li kien jeżisti riskju li t-tixrid taż-żejt ikkonċernat jikkawża ħsara maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati tar-Repubblika tal-Finlandja jew għal kwalunkwe riżorsi fil-baħar territorjali jew iż-ŻEE Finlandiża. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki).

41

Imbagħad Bosphorus ressqet appell quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki), tad-deċiżjoni tal-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ħelsinki), kif ukoll tad-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Settembru 2011 u għall-kanċellament tal-multa għat-tixrid ta’ żejt.

42

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-termini ‘kosta jew lil interessi relatati’ li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay] u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandhom jiġu interpretati skont id-definizzjoni tat-termini ‘interessi konnessi’ [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jinsabu fl-Artikolu II(4) tal-[Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal-1969]?

2)

Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu II(4)(c) tal-Konvenzjoni [dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ] tal-1969, imsemmija fl-ewwel domanda preliminari, it-termini ‘interessi konnessi’ jirreferu b’mod partikolari għall-benesseri tar-reġjun ikkunsidrat, inkluż il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini, tal-fawna u tal-flora. Id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tirreferi wkoll għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi, tal-fawna u tal-flora taż-[ŻEE] jew tikkonċerna biss il-konservazzjoni tal-interessi tar-reġjun kostali?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, x’għandu jinftiehem bit-termini ‘kosta jew lil interessi relatati’ li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay] u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35?

4)

Xi jfissru t-termini ‘riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE] tiegħu’ li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], kif ukoll it-termini ‘riżorsi [fil-baħar territorjali jew żona ekonomika esklużiva ta’] dak l-Istat’ li jinsabu fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35? Il-kunċett ta’ riżorsi bijoloġiċi jirreferi unikament għall-ispeċi maqbuda jew jirreferi wkoll għall-ispeċi assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom, imsemmija fl-Artikolu 61(4) tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], bħal pereżempju l-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora li l-ispeċi maqbuda jieklu minnhom?

5)

Kif għandu jiġi interpretat it-terminu ‘theddid’ li jinsab fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay] u fid-Direttiva 2005/35? In-natura ta’ dan ir-riskju tista’ tiġi stabbilita permezz tal-kunċett ta’ riskju astratt jew tal-kunċett ta’ riskju konkret jew anki permezz ta’ metodu ieħor?

6)

Waqt l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetenza tal-Istat kostali, li tinsab fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay] u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandu jiġi kkunsidrat li ħsara kbira li kienet jew hemm ir-riskju li tinħoloq tikkostitwixxi konsegwenzi iktar gravi minn tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent marittimu, li kien jew hemm ir-riskju li jinħoloq, fis-sens tal-Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay]? Kif għandu jiġi ddefinit it-tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent marittimu u kif għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-ħsara kbira li kienet jew hemm ir-riskju li tinħoloq?

7)

Liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-importanza tal-ħsara li nħolqot jew li hemm ir-riskju li tinħoloq? Matul din l-evalwazzjoni, għandha tingħata importanza, pereżempju għat-tul u għall-portata ġeografika tal-effetti dannużi li jimmanifestaw ruħhom bħala forma ta’ ħsara? Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, kif għandhom jiġu evalwati t-tul u l-portata tal-ħsarat?

8)

Id-Direttiva 2005/35 tistabbilixxi regoli minimi u ma tipprekludix l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri iktar stretti, konformi mad-dritt internazzjonali, kontra t-tniġġiż ikkawżat mill-vapuri [Artikolu 1(2)]. Il-possibbiltà li jiġu applikati dispożizzjonijiet iktar stretti tapplika wkoll għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, li jirregola l-kompetenza tal-Istat kostali sabiex jintervjeni kontra vapur fi tranżitu?

9)

Matul l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetenza tal-Istat kostali, iddefiniti fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay] u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandha tingħata importanza għall-kundizzjonijiet ġeografiċi u ekoloġiċi u għall-vulnerabbiltà taż-żona tal-baħar Baltiku?

10)

It-termini ‘evidenza oġġettiva ċara’ li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni [ta’ Montego Bay], kif ukoll it-termini ‘evidenza ċara u oġġettiva’ li jinsabu fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 jirreferu mhux biss għall-prova dwar it-twettiq, mill-vapur, tal-ksur imsemmi fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, iżda wkoll għall-prova taċ-ċirkustanzi tar-rimi? Liema tip ta’ prova għandha tkun meħtieġa sabiex tintwera l-eżistenza tar-riskju li ħsara kbira tiġi kkawżata lill-kosta jew lil interessi relatati jew kull riżors tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE], jiġifieri pereżempju lill-għasafar, lill-ħut u lill-ambjent marittimu taż-żona? Ir-rekwiżit ta’ evidenza oġġettiva ċara/evidenza ċara u oġġettiva jfisser li, pereżempju, l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi dannużi tar-rimi ta’ żejt għandha dejjem tkun ibbażata fuq studji u fuq riċerki konkreti li jirrigwardaw il-konsegwenzi tar-rimi ta’ żejt li seħħ?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

43

Sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, il-Konvenzjoni Marpol 73/78 u l-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969. Għaldaqstant, għandu jitfakkar l-istatus ta’ dawn il-konvenzjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

44

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, peress li din ġiet iffirmata u approvata mill-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tagħha jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u għaldaqstant huma vinkolanti. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, din il-konvenzjoni tipprevali fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 4253), li għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, f’konformità ma’ dawn il-ftehimiet.

45

Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-Konvenzjoni Marpol 73/78, li għaliha l-Unjoni ma aderixxietx iżda li hija vinkolanti għall-Istati Membri kollha tagħha, din il-konvenzjoni jista’ jkollha konsegwenzi għall-interpretazzjoni kemm tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni Marpol 73/78, bħal dawk tad-Direttiva 2005/35. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipju konswetudinarju ta’ bona fide, li jagħmel parti mid-dritt internazzjonali ġenerali, u tal-Artikolu 4(3) TUE, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni Marpol 73/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 4752).

46

Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Unjoni ma aderixxietx għaliha u, min-naħa l-oħra, li l-Unjoni ma tistax titqies li hija ssostitwixxiet ruħha mal-Istati Membri tagħha, speċjalment peress li dawn tal-aħħar ma humiex kollha parti f’din il-konvenzjoni. Minn dan isegwi li l-imsemmija konvenzjoni ma hijiex vinkolanti għall-Unjoni u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza sabiex tinterpretaha, fiha nnifisha, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 85).

47

Madankollu, fil-kawża preżenti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969, peress li din il-konvenzjoni tal-aħħar tagħmel parti mir-regoli rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

48

Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 237 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, li jirregola r-relazzjonijiet bejn din il-konvenzjoni u konvenzjonijiet speċifiċi li għandhom l-għan tal-protezzjoni u l-preżervazzjoni tal-ambjent tal-baħar, li fosthom tinsab il-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969, li l-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ma taffettwax l-obbligi partikolari li għandhom l-Istati taħt dawn il-konvenzjonijiet speċifiċi.

49

Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-konstatazzjoni mwettqa fil-punt 44 tas-sentenza preżenti, l‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, li jinkorpora fid-dritt tal-Unjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u li l-kliem tiegħu huwa essenzjalment identiku għal tiegħu, għandu jiġi interpretat konformement għal dan tal-aħħar. Konsegwentement, l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 220(6) għandha, fil-prinċipju, titqies li hija trasponibbli għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35.

Fuq l-ewwel parti tal-għaxar domanda

50

Permezz tal-ewwel sentenza tal-għaxar domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u l‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kelmiet “evidenza ċara u oġġettiva” skont din id-dispożizzjoni, ma jirreferux biss għat-twettiq ta’ ksur, iżda wkoll għall-prova tal-konsegwenza ta’ dan il-ksur.

51

L‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jipprevedi li, meta tkun teżisti evidenza ċara u oġġettiva li vapur li jkun qiegħed ibaħħar fiż-ŻEE jew fil-baħar territorjali ta’ Stat ikun wettaq ksur, fiż-ŻEE, imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 220, li jirriżulta f’tixrid li jikkawża ħsara maġġuri jew jirriskja li jikkawża danni maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati tal-Istat kostali, jew għal kwalunkwe riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-ŻEE ta’ dan l-Istat, dak l-Istat jista’, bla ħsara għas-Sezzjoni 7 ta’ din il-Konvenzjoni, sakemm il-provi jkunu jiġġustifikaw dan, jistitwixxi proċedimenti, fosthom jordna d-detenzjoni tal-vapur, b’konformità mad-dritt intern tal-imsemmi Stat.

52

Għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-eżistenza ta’ “evidenza ċara u oġġettiva” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhiex tkun relatata mal-ksur imwettaq biss jew ukoll mal-konsegwenzi tiegħu.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li jiġi eżaminat il-kuntest li minnu jagħmlu parti l-kelmiet “evidenza ċara u oġġettiva” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għall-objettivi mfittxija mill-Artikolu 220 tal-Montego Bay.

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-paragrafi 3, 5 u 6 tal-Artikolu 220 tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jikkostitwixxu sett ta’ miżuri gradwati li l-Istat kostali jista’ jieħu kontra vapur li jkun issusspettat u li fil-konfront tiegħu jirriżulta li wettaq ksur fiż-ŻEE ta’ dan l-Istat.

55

Qabel kollox, l-Artikolu 220(3) ta’ din il-konvenzjoni jirriferi għal ksur tar-regoli u tal-istandards internazzjonali applikabbli li huma intiżi jipprevjenu, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġis minn vapuri jew għal-liġijiet u għar-regolamenti li l-Istat ikkonċernat adotta konformement ma’ dawn ir-regoli u dawn l-istandards internazzjonali u li jagħtuhom effett, fil-dawl tal-fatt li hija b’mod partikolari l-Konvenzjoni Marpol 73/78 li tiddefinixxi tali ksur.

56

Għaldaqstant din id-dispożizzjoni tipprevedi li, jekk ikun hemm bażi ċara sabiex jitwemmen li tali ksur twettaq, l-Istat kostali jista’ jitlob lill-vapur inkwistjoni jipprovdi ċerta informazzjoni dwar l-identità tiegħu u l-port tar-reġistrazzjoni tiegħu, l-aħħar port u dak il-port li jmiss u informazzjoni oħra rilevanti meħtieġa sabiex jistabbilixxi jekk ikunx seħħ ksur.

57

Sussegwentement, l‑Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jawtorizza lill-Istat kostali jwettaq spezzjoni fiżika tal-vapur. Għal dan l-għan, din id-dispożizzjoni teżiġi mhux biss li jkun hemm bażi ċara sabiex jitwemmen li vapur wettaq ksur, kif iddefinit fl-Artikolu 220(3) ta’ din il-konvenzjoni iżda wkoll li dan il-ksur ikollu konsegwenzi speċifikament serji (iktar ’il quddiem il-“ksur b’konsegwenzi serji”). Fil-fatt, l-imsemmi ksur għandu jirriżulta f’tixrid sinjifikattiv fl-ambjent marittimu li jkun ikkawża jew li jirriskja li jikkawża tniġġis kunsiderevoli.

58

Jidher, għaldaqstant, li huwa abbażi tal-eżistenza ta’ ksur b’konsegwenzi serji, imsemmi fl‑Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay li l-awturi ta’ din il-konvenzjoni awtorizzaw lill-Istat kostali jadotta miżuri iktar intrużivi minn dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 220(3).

59

Fl-aħħar nett, l‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay huwa pargunabbli mal‑Artikolu 220(5) ta’ din il-konvenzjoni, sa fejn jirreferi għal ksur b’konsegwenzi serji. Fil-fatt, il-ksur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jkun irriżulta f’tixrid li jkun ikkawża jew jirriskja li jikkawża ħsara maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati tal-Istat kostali jew għal kwalunkwe riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-ŻEE ta’ dan l-Istat (iktar ’il quddiem il-“beni u l-interessi relatati tal-Istat kostali”).

60

Madankollu, hemm distinzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, sa fejn l-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jissuġġetta s-setgħa ta’ intervent tal-Istat kostali għall-eżistenza ta’ “evidenza ċara u oġġettiva” li ksur b’konsegwenzi serji jkun effettivament twettaq u mhux sempliċement għall-eżistenza ta’ bażi ċara sabiex jitwemmen li tali ksur twettaq. Barra minn hekk, meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 220(6) ikunu ssodisfatti, l-Istat kostali jista’ jibda proċedimenti partikolarment severi, peress li jista’ jordna d-detenzjoni tal-vapur inkwistjoni f’konformità mad-dritt intern ta’ dan l-Istat.

61

Għaldaqstant jidher li l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay riedu jagħtu lill-Istat kostali d-dritt li jieħu tali miżura partikolarment severa għaliex, minn naħa, l-ksur imwettaq minn vapur ikkawża jew jirriskja li jikkawża ħsara maġġuri għal dan l-Istat u, min-naħa l-oħra, jirriżulta li dan il-vapur inkwistjoni huwa l-awtur ta’ tali ksur.

62

Peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma tal-istess importanza, huma kumulattivi, hemm lok għaldaqstant, li l-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jiġi interpretat bħala li jipprevedi li s-setgħa ta’ intervent tal-Istat kostali hija suġġetta għall-eżistenza ta’ evidenza ċara u oġġettiva li tirrigwarda kemm it-twettiq, minn dan il-vapur, ta’ ksur fis-sens tal‑Artikolu 220(3) ta’ din il-konvenzjoni, kif ukoll il-ħsara jew riskju ta’ ħsara maġġuri, għall-Istat kostali inkwistjoni, ikkawżata minnu.

63

Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija kkorraborata mill-objettiv tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, li huwa li tistabbilixxi bilanċ ġust, għall-ambjent marittimu kollu, bejn l-interessi tal-Istati fil-kwalità tagħhom ta’ Stati kostali u l-interessi tal-Istati fil-kwalità tagħhom ta’ Stati tal-bandiera, li jistgħu jkunu kunfliġġenti (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 58).

64

Fil-fatt, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ intervent tal-Istat kostali fiż-ŻEE tiegħu, b’mod partikolari s-setgħa li jordna d-detenzjoni ta’ vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat ieħor, u b’hekk jipprojbixxi temoranjament lil dan il-vapur milli jeżerċita l-libertà ta’ navigazzjoni tiegħu, li madankollu hija ggarantita mid-dritt internazzjonali tal-baħar ta’ din iż-żona, jippreżumi, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi ta’ dan l-Istat kostali u l-Istat tal-bandiera, li l-imsemmi Stat kostali jkollu prova suffiċjenti u mhux susspett serju dwar it-twettiq minn dan il-vapur ta’ ksur li rriżulta jew jirriskja li jirriżulta fi ħsara maġġuri.

65

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel sentenza tal-għaxar domanda għandha tkun li l‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u l‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kelmiet “evidenza ċara u oġġettiva”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma jirreferux biss għat-twettiq ta’ ksur iżda wkoll għall-prova tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur.

Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

66

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kelmiet “kosta jew […] interessi relatati”, li jinsabu fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969.

67

Sabiex tingħata interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, għandu jsir riferiment għar-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju riflessi mill-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li huma vinkolanti għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata), u li minnhom jirriżulta li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sinjifikat ordinarju li għandu jingħata lit-termini tat-trattat fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u tas-suġġett tiegħu.

68

Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-kelmiet “kosta u l-interessi relatati tal-Istat kostali”, imsemmija fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, ma humiex iddefiniti minn din il-konvenzjoni.

69

Għal dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969, din tuża l-kelmiet “kosta jew l-interessi relatati ta’ Stat kostali” u tippreċiża s-sens li għandu jingħata lill-kunċett ta’ “interessi relatati”.

70

B’mod iktar partikolari, skont l‑Artikolu I(1) ta’ din il-konvenzjoni, il-partijiet kontarenti “jistgħu jieħdu miżuri fl-ibħra miftuħa li jistgħu jkunu meħtieġa biex jipprevjenu, inaqqsu jew jeliminaw periklu gravi u imminenti għall-kosta tagħhom jew għal interessi relatati oħra minn tniġġis jew theddid ta’ tniġġis tal-baħar minn żejt, ikkawżat minn diżgrazzja marittima jew atti relatati ma’ tali diżgrazzja, li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jikkawżaw ħsara kbira” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

71

Barra minn hekk, l‑Artikolu II(4) tal-imsemmija konvenzjoni jiddefinixxi l-“interessi relatati” bħala l-“interessi ta’ stat kostali affettwat direttament jew mhedded minn diżgrazzja marittima, bħal[, l-ewwel nett,] attivitajiet marittimi kostali, tal-port jew tal-estwarji, inklużi tal-attivitajiet tas-sajd, li jikkostitwixxu mezzi essenzjali ta’ għajxien tal-persuni kkonċernati [, it-tieni nett,] l-attrazzjonijiet turistiċi taż-żona kkonċernata[u, it-tielet nett,] is-saħħa tal-popolazzjoni kostali u l-benesseri taż-żona kkonċernata, inkluż il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, tal-fawna u tal-flora” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

72

Għandu jiġi rrilevat li l-kelmiet “kosta jew l-interessi relatati ta’ Stat kostali”, fis-sens tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969, huma l-istess bħall-kelmiet “kosta jew l-interessi relatati ta’ l-Istat kostali” użati fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

73

Huwa minnu li l-verżjoni Franċiża tal‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay tirreferi għall-kelma “littoral” filwaqt li tal‑Artikolu I(1) tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969 tuża l-kelma “côtes”. Madankollu, dawn iż-żewġ termini jirreferu, skont is-sens ordinarju fil-lingwa ta’ kuljum, għaż-żona fejn il-baħar imiss mal-art. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma fformlati bl-istess mod fil-verżjoni Ingliża tagħhom, peress li l-istess kelma, jiġifieri “coastline” hija użata sabiex tirreferi għal din iż-żona.

74

Il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 220(6) tirreferi għall-kelmiet “État côtier”, filwaqt li tal‑Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969 tuża l-kelmiet “État riverain”. Madankollu, dawn iż-żewġ termini jirreferu, skont is-sens ordinarju fil-lingwa ta’ kuljum, għall-Istat li t-territorju tal-art tiegħu jinsab maġenb żona tal-baħar.

75

Barra minn hekk, hekk kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jirriżulta ċarament li l-partijiet kontraenti ta’ din tal-aħħar ħadu ispirazzjoni mill-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969 meta ddeċidew li l-Istat kostali għandhom ikollhom ġurisdizzjoni wkoll sabiex jadottaw miżuri kontra l-vapuri barranin li jkunu wettqu ksur fiż-ŻEE li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni ta’ tali Stat. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li s-sens li għandu jingħata lill-kelmiet “kosta jew […] interessi relatati”, li jinsabu fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, għandu, fil-prinċipju, ikun l-istess bħal dak li jirriżulta mill‑Artikolu I(1) u mill‑Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969.

76

Fid-dawl ta’ dan, għandu wkoll jitfakkar li, fid-data tal-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969, is-sistema taż-ŻEE ma kinitx għadha tagħmel parti mid-dritt internazzjonali.

77

Madankollu, il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay irrikonoxxiet iż-ŻEE u issa tirregola s-sistema legali tagħha. F’dan il-kuntest, mill-kliem stess tal‑Artikolu 220(6) ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta ċarament li dan jestendi wkoll għax “xi [kwalunkwe] riżorsi fiż-ŻEE”, ħajjin jew mhux ħajjin, suġġetti, hekk kif jirriżulta mill‑Artikolu 56(1)(a) u (b) tal-imsemmija konvenzjoni, għall-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali.

78

Barra minn hekk, hemm lok li l-kelmiet “xi [kwalunkwe] riżorsi” tal-baħar territorjali tal-Istat kostali, imsemmija fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, għandhom jinftiehmu fis-sens li jinkludu r-riżorsi mhux ħajjin tal-baħar territorjali.

79

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-kelmiet “kosta jew […] interessi relatati”, li jinsabu fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u fl‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-prinċipju, għandhom l-istess tifsira bħall-kelmiet “kosta jew […] interessi relatati”, imsemmija fl‑Artikolu I(1) u fl‑Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969, filwaqt li jinftiehem li dan l-Artikolu 220(6) japplika wkoll għar-riżorsi mhux ħajjin tal-baħar territorjali tal-Istat kostali u għar-riżorsi kollha taż-ŻEE tiegħu.

Fuq ir-raba’ domanda

80

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-punt jekk l‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u l‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-ŻEE ta’ Stat kostali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jirreferu biss għall-ispeċi maqbuda jew jinkludu wkoll l-ispeċi ħajjin assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom, bħall-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti li l-ispeċi maqbuda jieklu minnhom.

81

Għandu jiġi rrilevat li l‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay isemmi l-ħsara kkawżata jew li tirriskja li tiġi kkawżata għal “xi [kwalunkwe]” riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-ŻEE ta’ Stat kostali. Din id-dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata b’mod wiesa’ f’dan ir-rigward, li jirriżulta mill-kliem tagħha stess, u ma għandhiex tinftiehem bħala li teskludi ċerti riżorsi mill-portata tal-imsemmija dispożizzjoni.

82

Għaldaqstant, ir-riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-ŻEE ta’ Stat kostali, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 220(6), għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-ispeċi maqbuda iżda wkoll għall-ispeċi ħajjin assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom.

83

L-interdipendenza bejn id-diversi speċi hija, barra minn hekk, meħuda inkunsiderazzjoni b’mod espliċitu mill-Konvenzjoni ta’ Montego Bay. Fil-fatt, fuq il-bażi tal-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin prevista fl‑Artikolu 61 ta’ din il-konvenzjoni, l-Istat kostali, fil-kuntest tal-miżuri li jieħu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, intiżi għaż-żamma jew għall-istabbiliment mill-ġdid l-istokk tal-ispeċi maqbuda, għandu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni b’mod espliċitu, skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, l-effetti tagħhom fuq l-ispeċi assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom.

84

Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u l‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-ŻEE ta’ Stat kostali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jirreferu għall-ispeċi maqbuda iżda wkoll għall-ispeċi ħajjin assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom, bħall-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti li l-ispeċi maqbuda jieklu minnhom.

Fuq is-sitt domanda

85

Permezz tas-sitt domanda, li għandha tiġi eżaminata fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk, u fejn ikun il-każ, kif għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “tniġġiż sinifikanti”, imsemmi fl‑Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 220(6) ta’ din il-konvenzjoni u tal‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, u, b’mod partikolari, waqt l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefinit f’dawn id-dispożizzjonijiet.

86

F’dan ir-rigward, minkejja li l‑Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “tniġġis”, mill‑Artikolu 1(4) ta’ din il-konvenzjoni jirriżulta li “tniġġiż ta’ l-ambjent marittimu” tfisser “l-introduzzjoni mill-bniedem, direttament jew indirettament, ta’ sustanzi jew enerġija fl-ambjent marittimu, inklużi l-estwarji, li jirriżultaw jew li aktarx li jirriżultaw f’effetti qerrieda bħal dawn hekk li jagħmlu ħsara għar-riżorsi ħajjin u l-ħajja marittima, ta’ periklu għas-saħħa umana, ta’ tfixkil għall-attivitajiet marittimi, inkluż is-sajd u l-użu leġittimu l-ieħor tal-baħar, tħassir tal-kwalità għall-użu ta’ l-ilma tal-baħar u t-tnaqqis ta’ l-amenitajiet”.

87

Min-naħa tiegħu, l‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jirreferi b’mod partikolari għall-kunċett ta’ “interessi relatati” tal-Istat kostali li, hekk kif jirriżulta mill-punt 75 tas-sentenza preżenti, għandu, fil-prinċipju, ikollu l-istess sens bħal dak li huwa ppreċiżat fl‑Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969.

88

Issa, jekk il-protezzjoni tal-“interessi relatati” tal-Istat kostali tikseb rilevanza f’sitwazzjoni ta’ tniġġis, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal‑1969 ikopri, madankollu, b’mod speċifiku l-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, soċjali u dawk li jirrigwardaw is-saħħa ta’ tali tniġġis fuq l-Istat kostali, jiġifieri, b’mod iktar partikolari, il-fatt li ħsara maġġuri hija kkawżata jew tirriskja li tiġi kkawżata, l-ewwel nett, lid-diversi attivitajiet professjonali, marbuta mal-użu tal-baħar, eżerċitati mill-popolazzjoni tiegħu li tgħix mal-kosta, li jikkostitwixxu mezz ta’ eżistenza essenzjali għal din il-popolazzjoni, sussegwentement, lill-attivitajiet turistiċi fir-reġjuni kostali tiegħu u, fl-aħħar nett, lis-saħħa u l-benesseri tal-imsemmija popolazzjoni.

89

Minn dan il-paragun jirriżulta li jeżistu differenzi essenzjali bejn l‑Artikolu 220(5) u l‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

90

Fil-fatt, minn naħa, dan l-Artikolu 220(5), moqri fid-dawl tal‑Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, ma huwiex intiż jipproteġi b’mod speċifiku l-beni u l-interessi relatati tal-Istat kostali, u, min-naħa l-oħra, dan l-Istat ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ “ħsara maġġuri” għal dawn l-interessi.

91

Għaldaqstant, peress li s-suġġett ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma differenti, ma hemmx lok, fil-prinċipju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “tniġġiż sinifikanti” imsemmi fl‑Artikolu 220(5) ta’ din il-konvenzjoni.

92

Għaldaqstant, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li, ma huwiex neċessarju, fil-prinċipju, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “tniġġiż sinifikanti” imsemmi fl‑Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, waqt l-applikazzjoni tal‑Artikolu 220(6) ta’ din il-konvenzjoni u tal‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, u, b’mod partikolari, matul l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefiniti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq il-ħames, is-seba’ u l-aħħar żewġ sentenzi tal-għaxar domanda

93

Permezz tal-ħames, is-seba’ u l-aħħar żewġ sentenzi tal-għaxar domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar kif għandhom jiġu evalwati l-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefiniti fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u fl‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35.

94

Hekk kif jirriżulta mill-punt 65 tas-sentenza preżenti, l‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirreferix sempliċement għall-evidenza ċara u oġġettiva tat-twettiq ta’ ksur, iżda wkoll għal dik tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur.

95

Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li, għall-finijet tal-applikazzjoni tagħha, il-ksur imwettaq minn vapur irid ikun irriżulta f’tixrid li jkun ikkawża jew jirriskja li jikkawża, kif ġie espost fil-punt 59 tas-sentenza preżenti, ħsara maġġuri li ċerti beni u interessi relatati tal-Istat kostali.

96

Dan jinvolvi, f’sitwazzjoni partikolari, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indizji kollha li jippermettu li jiġi stabbilit li ġiet ikkawżata ħsara jew li hemm riskju li tiġi kkawżata lil dawn il-beni u dawn l-interessi, kif ukoll li tiġi evalwata kemm hi kbira l-ħsara kkawżata jew li hemm riskju li tiġi kkawżata lill-imsemmija beni u lill-imsemmija interessi, mingħajr ma jingħata privileġġ, a priori, lil ċerti tipi ta’ provi.

97

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-beni u l-interessi relatati tal-Istat kostali protetti mill‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, jinkludu varjetà wiesgħa ta’ elementi.

98

Minn dan isegwi li hemm lok li jiġu identifikati l-beni u l-interessi affettwati u li tiġi evalwata l-gravità tal-ħsara kkawżata lil wieħed jew lill-ieħor minn dawn l-elementi, jew lilhom kollha.

99

Għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-beni jew tal-interess relatat ikkonċernat mill-ħsara. Fil-fatt, il-vulnerabbiltà tal-Istat kostali fil-konfront tal-azzjoni dannuża tat-tixrid tvarja skont in-natura tal-beni jew tal-interessi relatati inkwistjoni. Għaldaqstant, b’mod partikolari, ħsara għas-saħħa tal-popolazzjoni li tgħix mal-kosta taffettwa, fil-prinċipju, b’mod ikbar lill Stat kostali minn dannu purament ekonomiku.

100

Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti l-konsegwenzi tat-tixrid inkwistjoni fuq il-beni u l-interessi relatati tal-Istat kostali.

101

F’dan ir-rigward, peress li, minn naħa, l-urġenza li biha tista’ tiġi adottata miżura protettriċi u, min-naħa l-oħra, ir-rilevanza, kif jirriżulta mill-kliem tal‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, ta’ sempliċi riskju ta’ ħsara, huwa biżżejjed, sabiex l-Istat kostali jiġi awtorizzat jieħu tali miżura, li tiġi stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika disponibbli, in-natura u l-kobor tal-ħsara li tista’ tiġi kkawżata mill-imsemmi tixrid fuq id-diversi beni u interessi relatati tal-Istat kostali. Għal dan il-għan, għandha tittieħed b’mod partikolari inkunsiderazzjoni, sa fejn huwa possibbli, in-natura tas-sustanza jew tas-sustanzi dannużi fit-tixrid inkwistjoni kif ukoll l-ammont, id-direzzjoni, il-veloċità u l-perijodu ta’ żmien li matulu l-imsemmi tixrid ikompli jinfirex.

102

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ħames, is-seba’ u l-aħħar żewġ sentenzi tal-għaxar domanda għandha tkun li, sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefiniti fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u fl‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indizji kollha li jippermettu li jiġi stabbilit li ġiet ikkawżata ħsara jew li hemm riskju li tiġi kkawżata ħsara lill-beni u lill-interessi relatati tal-Istat kostali, kif ukoll jiġi evalwat kemm hija kbira l-ħsara kkawżata jew li hemm riskju li tiġi kkawżata lil dawn il-beni jew lil dawn l-interessi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:

in-natura kumulattiva tal-ħsara lil diversi jew saħansitra lil dawn il-beni u lil dawn l-interessi relatati kollha kif ukoll differenzi fil-vulnerabbiltà tal-Istat kostali għal dak li jirrigwarda l-ħsara lid-diversi beni u interessi relatati;

konsegwenzi negattivi prevedibbli tat-tixrid fuq l-imsemmija beni u interessi relatati, abbażi mhux biss tad-data xjentifika disponibbli, iżda wkoll tan-natura tas-sustanza jew tas-sustanzi dannużi fit-tixrid inkwistjoni kif ukoll l-ammont, id-direzzjoni, il-veloċità u l-perijodu ta’ żmien li matulu l-imsemmi tixrid ikompli jinfirex.

Fuq id-disa’ domanda

103

Permezz tad-disa’ domanda, li għandha tiġi eżaminata fis-sitt lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, u fejn ikun il-każ, kif il-karatteristiċi ġeografiċi u ekoloġiċi partikolari u l-vulnerabbiltà taż-żona tal-Baħar Baltiku għandhom impatt fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u tal‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35.

104

F’dan ir-rigward, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Baħar Baltiku huwa rrikonoxxut internazzjonalment bħala li huwa żona speċjali kkaratterizzata minn partikolaritajiet ġeografiċi u minn ekosistema f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni partikolari.

105

Issa, tali partikolaritajiet għandhom impatt dirett fuq id-definizzjoni u l-klassifikazzjoni tal-ksur, fis-sens tal‑Artikolu 220(3) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u, konsegwentement, fuq l-applikazzjoni tal‑Artikolu 220(6) ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, ir-Regolament 15 (B) tat-Taqsima Ċ tal-Kapitolu 3 tal-Anness I tal-Konvenzjoni Marpol 73/78 jiddetermina l-ksur imwettaq f’żona speċjali b’mod iktar strett milli fil-każ ta’ tixrid barra minn żona speċjali.

106

Fid-dawl ta’ dan, għandu jitfakkar li l-objettiv speċifiku tal‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ma huwiex li tiġi żgurata protezzjoni partikolari lil żona speċjali, iżda li jiġu protetti ċerti beni u interessi tal-Istat kostali indipendentement mill-fatt jekk il-baħar biswit dan l-Istat jikkostitwixxix żona speċjali jew le.

107

Għaldaqstant, anki jekk il-partikolaritajiet tal-Baħar Baltiku jistgħu eventwalment jittieħdu inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni ta’ kemm hija kbira l-ħsara kkawżata lill-Istat kostali, dawn il-partikolarijiet ma jistax ikollhom impatt, b’mod awtomatiku, fuq din l-evalwazzjoni.

108

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-risposta għad-disa’ domanda għandha tkun li l-karatteristiċi ġeografiċi u ekoloġiċi partikolari u l-vulnerabbiltà taż-żona tal-Baħar Baltiku għandhom impatt fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay u tal‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u l-klassifikazzjoni tal-ksur kif ukoll, b’mod madankollu mhux awtomatiku, fuq l-evalwazzjoni ta’ kemm hija kbira l-ħsara li dan il-ksur ikkawża lill-beni u lill-interessi relatati tal-Istat kostali.

Fuq it-tmien domanda

109

Permezz tat-tmien domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri, jimponu miżuri iktar stretti, konformi mad-dritt internazzjonali, minn dawk imsemmija fl‑Artikolu 7(2), meta din id-direttiva tkun applikabbli.

110

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35, din tal-aħħar ma tipprekludix l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri iktar stretti, konformi mad-dritt internazzjonali, kontra t-tniġġis ikkawżat minn vapuri.

111

Għandu wkoll jiġi rrilevat li minn ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma jirriżulta li l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri minn dan l-Artikolu 1(2), għandha tkun limitata għal ċerti dispożizzjonijiet tagħha.

112

Konsegwentement, tali possibbiltà għandha tapplika, fil-prinċipju, ukoll għall‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, li jirregola l-kompetenza tal-Istat kostali li jibda proċedimenti kontra vapur fi tranżitu.

113

Madankollu, l‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35 jippreċiża li dawn l-eventwali miżuri iktar stretti għandhom ikunu konformi mad-dritt internazzjonali.

114

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 49 tas-sentenza preżenti, li l‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 għandu jiġi interpretat konformement mal‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

115

Issa, skont il-punt 63 tas-sentenza preżenti, dan l-Artikolu 220(6) jirrifletti r-rieda tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay li tistabbilixxi, għaż-żoni marittimi kollha, bilanċ ġust bejn l-interessi tal-Istati fil-kwalità tagħhom ta’ Stati kostali u l-interessi tal-Istati fil-kwalità tagħhom ta’ Stati tal-bandiera.

116

Għaldaqstant, l‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 ma jistax jitqies li qiegħed jawtorizza lill-Istat kostali jieħu miżuri iktar stretti minn dawn previsti minn dan l-artikolu, b’riskju li jinkiser il-bilanċ ġust bejn l-interessi tal-Istat kostali u dawk tal-Istat tal-bandiera, imfittex mill‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay.

117

Fid-dawl ta’ dan, tali interpretazzjoni ma tistax tipprekludi lill-Istat kostali milli jieħu miżuri ta’ prortata ekwivalenti għal dawk previsti f’dan l-Artikolu 220(6), peress li l-imsemmi artikolu ma jipprevedix lista eżawrjenti ta’ miżuri awtorizzati, hekk kif jirriżulta mill-użu tal-kelmiet “b’mod partikolari”.

118

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata lit-tmien domanda għandha tkun li l‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li l-Istati Membri jimponu miżuri iktar stretti, konformi mad-dritt internazzjonali, minn dawk imsemmija fl‑Artikolu 7(2), meta din id-direttiva tkun applikabbli, filwaqt li l-Istati kostali huma awtorizzati jieħdu miżuri oħra ta’ portata ekwivalenti għal dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 220(6).

Fuq l-ispejjeż

119

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, u l‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis, kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kelmiet “evidenza ċara u oġġettiva”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma jirreferux biss għat-twettiq ta’ ksur iżda wkoll għall-prova tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur.

 

2)

Il-kelmiet “kosta jew […] interessi relatati”, li jinsabu fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u fl‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-prinċipju, għandhom l-istess tifsira bħall-kelmiet “kosta jew […] interessi relatati”, imsemmija fl‑Artikolu I(1) u fl‑Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ f’Każi ta’ Aċċidenti ta’ Tniġġis miż-Żejt, konkluża fi Brussell fid‑29 ta’ Novembru 1969, filwaqt li jinftiehem li dan l-Artikolu 220(6) japplika wkoll għar-riżorsi mhux ħajjin tal-baħar territorjali tal-Istat kostali u għar-riżorsi kollha taż-żona ekonomika esklużiva tiegħu.

 

3)

L‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklużiva ta’ Stat kostali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jirreferu għall-ispeċi maqbuda iżda wkoll għall-ispeċi ħajjin assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom, bħall-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti li l-ispeċi maqbuda jieklu minnhom.

 

4)

Ma huwiex neċessarju, fil-prinċipju, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “tniġġiż sinifikanti” imsemmi fl‑Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, waqt l-applikazzjoni tal‑Artikolu 220(6) ta’ din il-konvenzjoni u tal‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123 u, b’mod partikolari, matul l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefiniti f’dawn id-dispożizzjonijiet.

 

5)

Sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefiniti fl‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u fl‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indizji kollha li jippermettu li jiġi stabbilit li ġiet ikkawżata ħsara jew li hemm riskju li tiġi kkawżata ħsara lill-beni u lill-interessi relatati tal-Istat kostali, kif ukoll jiġi evalwat kemm hija kbira l-ħsara kkawżata jew li hemm riskju li tiġi kkawżata lil dawn il-beni jew lil dawn l-interessi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:

in-natura kumulattiva tal-ħsara lil diversi jew saħansitra lil dawn il-beni u lil dawn l-interessi relatati kollha kif ukoll differenzi fil-vulnerabbiltà tal-Istat kostali għal dak li jirrigwarda l-ħsara lid-diversi beni u interessi relatati;

konsegwenzi negattivi prevedibbli tat-tixrid fuq l-imsemmija beni u interessi relatati, abbażi mhux biss tad-data xjentifika disponibbli, iżda wkoll tan-natura tas-sustanza jew tas-sustanzi dannużi fit-tixrid inkwistjoni kif ukoll l-ammont, id-direzzjoni, il-veloċità u l-perijodu ta’ żmien li matulu l-imsemmi tixrid ikompli jinfirex.

 

6)

Il-karatteristiċi ġeografiċi u ekoloġiċi partikolari u l-vulnerabbiltà taż-żona tal-Baħar Baltiku għandhom impatt fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal‑Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u tal‑Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u l-klassifikazzjoni tal-ksur kif ukoll, b’mod madankollu mhux awtomatiku, fuq l-evalwazzjoni ta’ kemm hija kbira l-ħsara li dan il-ksur ikkawża lill-beni u lill-interessi relatati tal-Istat kostali.

 

7)

L‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li l-Istati Membri jimponu miżuri iktar stretti, konformi mad-dritt internazzjonali, minn dawk imsemmija fl‑Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, meta din id-direttiva tkun applikabbli, filwaqt li l-Istati kostali huma awtorizzati jieħdu miżuri oħra ta’ portata ekwivalenti għal dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 220(6).

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.