SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Lulju 2018 ( *1 )
“Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Persunal tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea – Ġurisdizzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni fuq it-tilwimiet dwar il-kuntratti ta’ xogħol – Kuntratti ta’ reklutaġġ għal żmien determinat suċċessivi – Klawżoli ta’ arbitraġġ li jinnominaw, fl-aħħar kuntratt, il-qrati tal-Unjoni u, fil-kuntratti preċedenti, il-qrati ta’ Brussell (il-Belġju) – Deċiżjoni li ma jiġġeddidx l-aħħar kuntratt – Talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjonijiet kuntrattwali kollha f’‘kuntratt għal żmien indeterminat’ – Talbiet għal kumpens għal tkeċċija abbużiva – Teħid inkunsiderazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali li jippreċedu dan l-aħħar kuntratt – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑43/17 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑25 ta’ Jannar 2017,
Liam Jenkinson, residenti f’Killarney (l-Irlanda), irrappreżentat minn N. de Montigny u J.‑N. Louis, avocats,
appellant,
il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u M. Bishop, bħala aġenti,
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn G. Gattinara, L. Radu Bouyon u S. Bartelt, bħala aġenti, sussegwentement minn G. Gattinara, A. Aresu u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt, R. Spac u E. Orgován, bħala aġenti,
Eulex Kosovo, stabbilita fi Pristina (Kosovo), irrappreżentata minn M. Vicente Hernandez, avocate, sussegwentement minn E. Raoult, avocate,
konvenuti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2018,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ April 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, Liam Jenkinson jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Novembru 2016, Jenkinson vs Il‑Kunsill et (T‑602/15, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2016:660), li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu li kellu bħala suġġett, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE intiża, minn naħa, sabiex ir-relazzjoni kuntrattwali ta’ L. Jenkinson tiġi kklassifikata mill-ġdid f’“kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat” u sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li allegatament ġarrab minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat u tkeċċija abbużiva u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddikjarat li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ittrattaw lill-appellant b’mod diskriminatorju u sabiex konsegwentement jiġu kkundannati għall-kumpens u, sussidjarjament, talba bbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet Ewropej. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma miġbura fil-qosor kif ġej fil-punti 1 sa 6 tad-digriet appellat:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
3 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Ottubru 2015, l-appellant ippreżenta rikors kontra l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE kif ukoll kontra l-Missjoni Eulex Kosovo, fejn talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
4 |
Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li hija manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq iż-żewġ kapijiet tat-talbiet imqajma prinċipalment u ċaħdet il-kap tat-talbiet imqajjem sussidjarjament bħala manifestament inammissibbli. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu u kkundannat lil L. Jenkinson għall-ispejjeż. |
It-talbiet tal-partijiet
5 |
L. Jenkinson jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
6 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu ċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna ta’ L. Jenkinson għall-ispejjeż. |
7 |
Is-SEAE u l-Missjoni Eulex Kosovo jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
8 |
Barra minn hekk, il-Kunsill u s-SEAE jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha, fil-każ li jiġi deċiż li l-appell huwa fondat, tiċħad l-appell u r-rikors bħala inammissibbli sa fejn jikkonċernawhom. |
Fuq l-appell
9 |
Permezz tal-appell tiegħu, L. Jenkinson jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-ewwel kap tat-talbiet tiegħu, tannulla d-digriet appellat u, taħt it-tieni kap tat-talbiet tiegħu, tilqa’ r-rikors. |
10 |
Is-SEAE u l-Missjoni Eulex Kosovo jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina l-appell. Barra minn hekk, il-Missjoni Eulex Kosovo tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell kollu kemm hu, filwaqt li l-Kummissjoni tikkontesta biss l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tal-appell. |
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
11 |
Is-SEAE u l-Missjoni Eulex Kosovo jallegaw, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina dan l-appell, peress li L. Jenkinson ibbaża l-argumenti tiegħu fuq il-kuntratti ta’ impjieg preċedenti għall-aħħar kuntratt KŻD u peress li, bis-saħħa tal-klawżoli ta’ arbitraġġ li jinsabu f’dawn il-kuntratti, huma biss il-qrati ta’ Brussell li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu tilwima bħal din. Barra minn hekk, fil-frattemp, L. Jenkinson introduċa rikors, essenzjalment identiku, quddiem it-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju). |
12 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-appelli ppreżentati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE. Issa, huwa paċifiku li d-digriet appellat jaqa’ taħt id-deċiżjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar. |
13 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-fondatezza tat-talbiet magħmula minn L. Jenkinson fl-ewwel istanza tifforma parti, fid-dawl tal-kontenut tad-digriet appellat u tat-talbiet imressqa minn L. Jenkinson quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kwistjonijiet ta’ mertu mqajma f’dan l-appell. |
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan l-appell. |
Fuq l-ewwel kap tat-talbiet tal-appell
15 |
Insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet, intiż għall-annullament tad-digriet appellat, L. Jenkinson jinvoka, essenzjalment, erba’ aggravji, fejn l-ewwel wieħed minnhom jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-parti kuntrattwali tat-tilwima. Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, huwa jinvoka r-rabtiet kuntrattwali bejn, minn naħa, L. Jenkinson u, min-naħa l-oħra, il-Kunsill, il-Kummissjoni kif ukoll is-SEAE. It-tielet u r-raba’ aggravji huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet matul l-evalwazzjoni tat-talbiet relatati, rispettivament, mar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet u mat-tqassim tal-ispejjeż. |
16 |
Il-Kunsill, is-SEAE u l-Missjoni Eulex Kosovo jikkontestaw, inter alia, l-ammissibbiltà tal-argumenti mressqa insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet. |
Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel kap ta’ talbiet
17 |
Il-Kunsill u s-SEAE jqisu li l-appell huwa inammissibbli f’dak li jikkonċernahom. Minn naħa, huma ma humiex partijiet fl-aħħar KŻD, u ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “persuni li impjegaw” lil L. Jenkinson, bħalma l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 40 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan kien ikkontestat matul il-proċedura tal-appell. Min-naħa l-oħra, l-ebda att li seta’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom ma ġie ppreċiżat minn L. Jenkinson. |
18 |
Barra minn hekk, il-Missjoni Eulex Kosovo ssostni li l-appell ma huwiex suffiċjentement ċar jew preċiż biżżejjed sabiex din tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u lanqas sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi. |
19 |
Fir-rigward tal-oġġezzjonijiet ifformulati mill-Kunsill u mis-SEAE, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 171 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet l-oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, huwa paċifiku li l-Kunsill u s-SEAE kienu fost il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
20 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tal-Kunsill u tas-SEAE, sabiex juru l-allegata inammissibbiltà tal-appell fir-rigward tagħhom, huma bbażati fuq argumenti li jaqgħu taħt il-mertu tal-kawża, jiġifieri l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar l-allegazzjonijiet ta’ L. Jenkinson fil-konfront tagħhom, u mhux taħt l-ammissibbiltà ta’ dan l-appell. |
21 |
Fir-rigward tal-argument tal-Missjoni Eulex Kosovo bbażat fuq l-eċċezzjoni obscuri libelli, għandu jiġi osservat li, għalkemm din il-missjoni tipprovdi, f’dan ir-rigward, argumentazzjoni speċifika f’dak li jirrigwarda l-argumenti ta’ L. Jenkinson dwar it-tieni kap tat-talbiet tal-appell tiegħu, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward ta’ dawk imressqa insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet ta’ dan l-appell. |
22 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-erba’ aggravji invokati insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tal-appell, L. Jenkinson jidentifika bi preċiżjoni l-punti tal-motivi tad-digriet appellat li huwa jikkontesta, b’tali mod li l-argumenti li jressaq f’dan ir-rigward huma suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-appellati jħejju d-difiża tagħhom, kif jixhdu r-risposti tagħhom għall-appell. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq l-erba’ aggravji invokati insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet. |
23 |
Minn dan jirriżulta li l-oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet ifformulati mill-Kunsill, mis-SEAE u mill-Missjoni Eulex Kosovo għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju
24 |
L-ewwel aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet, u t-tielet parti għandha tiġi eżaminata l-ewwel, flimkien mat-tieni aggravju. |
– L-argumenti tal-partijiet
25 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-appell, L. Jenkinson jirrileva li, fil-punt 39 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li hija kellha ġurisdizzjoni biss fir-rigward tal-aħħar KŻD, hija ma setgħetx tiddeċiedi fuq l-effetti tal-kuntratti ta’ xogħol konklużi preċedentement. Madankollu, il-klassifikazzjoni mill-ġdid f’kuntratt għal żmien indeterminat tat-totalità tar-relazzjonijiet kuntrattwali tiegħu mal-appellati fl-ebda każ ma tista’ tiġi iżolata mill-eżistenza tal-aħħar KŻD u mit-tmiem ta’ dan il-kuntratt. Fil-fatt, ikun impossibbli għalih li jikseb klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjonijiet kuntrattwali tiegħu parzjalment quddiem il-qrati ta’ Brussell u parzjalment quddiem il-qrati tal-Unjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali, inter alia, ivvizzjat id-digriet appellat bi żball ta’ liġi. |
26 |
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, L. Jenkinson isostni b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 40 tad-digriet appellat, iddeċidiet li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet tiegħu intiżi sabiex il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE jiġu ddikjarati bħala responsabbli għat-trattament diskriminatorju li huwa kien ġarrab f’termini ta’ remunerazzjoni, ta’ drittijiet għall-pensjoni u ta’ benefiċċji oħra. F’dan ir-rigward, L. Jenkinson jirrileva li r-relazzjonijiet kuntrattwali tiegħu ma’ missjonijiet oħra li ma humiex il-Missjoni Eulex Kosovo twaqqfu permezz ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet inkwistjoni, tal-inqas tal-Kunsill, u minn dan jiddeduċi li dawn l-istituzzjonijiet għalhekk issurrogaw id-drittijiet u l-obbligi tal-imsemmija missjonijiet. Għaldaqstant, huma responsabbli għall-konsegwenzi tal-impenji kuntrattwali li dawn il-missjonijiet kellhom fir-rigward tal-persunal tagħhom. |
27 |
Il-Kummissjoni tfakkar, b’mod partikolari fid-dawl tal-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-suġġett tat-tilwima ma jistax isir minn qorti li ma għandiex ġurisdizzjoni, peress li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tiġi qabel dik li tikkonċerna l-mertu. |
28 |
Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti ta’ L. Jenkinson huma ineffettivi, peress li huwa ma kkontestax il-punti 30, 31 u 35 tad-digriet appellat, fejn il-Qorti Ġenerali osservat li l-aħħar KŻD kien ġie konkluż esklużivament mal-Missjoni Eulex Kosovo “fil-kwalità tal-persuna li timpjega”, b’tali mod li hija biss din tal-aħħar, li għandha l-kapaċità ġuridika sabiex tikkonkludi kuntratti bħal dawn, li tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-persuna li timpjega. Issa, l-argumenti dwar l-allegata surroga tat-tliet istituzzjonijiet inkwistjoni għall-missjonijiet li magħhom ħadem l-appellant ma humiex tali li jqiegħdu inkwistjoni l-imsemmija kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. |
29 |
Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Kunsill josserva li t-tul tal-aħħar KŻD ma jistax jibdel id-drittijiet tal-appellant sabiex dan jikseb il-klassifikazzjoni mill-ġdid mixtieqa tal-pożizzjoni tiegħu quddiem il-qrati Belġjani u jenfasizza li L. Jenkinson la rnexxielu juri li l-klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni fl-aħħar KŻD tirrendi mingħajr effett l-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti preċedenti li jagħtu l-ġurisdizzjoni lill-qrati Belġjani u lanqas ma rnexxielu juri li din kienet ir-rieda tal-partijiet kontraenti. |
30 |
Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-Kunsill isostni li huwa ma kien jifforma parti minn ebda wieħed mill-kuntratti konklużi minn L. Jenkinson u jirrileva li d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-missjonijiet, u d-direzzjoni strateġika li għaliha huwa responsabbli l-Kunsill, ma jinkludu ebda element dwar il-kuntratti speċifiċi konklużi mal-persunal assenjat mal-missjonijiet. Għalkemm huwa minnu li l-Kunsill huwa kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar jekk id-daqs ta’ missjoni ta’ ġestjoni tal-kriżijiet għandux jitnaqqas, dwar it-twaqqif eventwali ta’ missjoni u dwar l-organigramma ta’ missjoni, il-kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ impjieg u l-eżekuzzjoni tagħhom ma kinux deċiżi mill-Kunsill. It-trattament speċifiku kkontestat għalhekk ma ġiex deċiż mill-Kunsill u ma hemm ebda att tal-Kunsill li jista’ jiddaħħal inkwistjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-Missjoni Eulex Kosovo għandha kapaċità ġuridika u hija responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-mandat tagħha. |
31 |
Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, is-SEAE jikkunsidra li mir-rikors u mill-argumenti mressqa minn L. Jenkinson jirriżulta li dan jibbaża t-talbiet tiegħu fuq l-intier tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-Missjoni Eulex Kosovo u, b’mod iktar partikolari, fuq in-nuqqas ta’ tiġdid tal-impjieg tiegħu li kien ġie indikat lilu matul il-kuntratt ta’ qabel l-aħħar KŻD. Konsegwentement, it-tilwima ma tirrigwardax biss l-aħħar KŻD, iżda r-relazzjoni kuntrattwali preċedenti. Issa, peress li ma huwiex ikkontestat li l-kuntratti kollha tax-xogħol preċedenti kienu jinkludu klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati Belġjani, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi. Barra minn hekk, L. Jenkinson ma jispjegax fuq liema bażi l-aħħar KŻD seta’ jimmodifika l-kuntratti preċedenti tiegħu. |
32 |
Fir-rigward tat-tieni aggravju, is-SEAE jirrispondi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li huwa ma kienx parti kontraenti fl-aħħar KŻD. |
33 |
Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Missjoni Eulex Kosovo tqis li, peress li l-aħħar KŻD biss kien fih klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni u peress li tali klawżoli ta’ arbitraġġ għandhom jiġu interpretati b’mod strett, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddikjarat li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tat-talbiet ta’ L. Jenkinson ibbażati fuq kuntratti preċedenti għal ta’ dan tal-aħħar. Ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkontestat ex post il-kunsens ta’ L. Jenkinson għall-klawżoli li kienu inklużi f’kuntratti preċedenti li jattribwixxu l-ġurisdizzjoni lill-qrati Belġjani. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 |
Minħabba l-fatt li L. Jenkinson jikkontesta, essenzjalment, bl-argumenti mressqa taħt it-tielet parti tal-ewwel aggravju u taħt it-tieni aggravju, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sens li l-ġurisdizzjoni tagħha ma tistax tiġi estiża għal kuntratti preċedenti għall-aħħar KŻD, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, fil-punti 23, 26 u 38 sa 40 tad-digriet appellat, kif ġej:
[…]
[…]
|
35 |
Skont l-Artikolu 274 TFUE, bla ħsara għas-setgħat mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Trattati, it-tilwimiet li fihom l-Unjoni hija parti ma għandhomx, għal dik ir-raġuni, jiġu esklużi mill-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. |
36 |
Konformement mal-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tkun tinsab f’kuntratt, li jkun sar skont id-dritt pubbliku jew dak privat, konkluż mill-Unjoni jew f’isimha. |
37 |
L-Artikolu 256(1) TFUE jippreċiża li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 272 TFUE. |
38 |
Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq klawżola ta’ arbitraġġ, tidderoga mid-dritt komuni u għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, EU:C:1986:501, punt 11). |
39 |
Barra minn hekk, għalkemm, fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ konkluża skont l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’ tissejjaħ sabiex tiddeċiedi t-tilwima billi tapplika dritt nazzjonali li jirregola l-kuntratt, il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima li tikkonċerna dan il-kuntratt għandha tiġi evalwata biss abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu u tal-istipulazzjonijiet tal-klawżola ta’ arbitraġġ, mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu invokati kontriha dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li allegatament jostakolaw il-ġurisdizzjoni tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Planet vs Il‑Kummissjoni, C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni biss tat-talbiet li joriġinaw mill-kuntratt konkluż mal-Unjoni li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ jew talbiet li għandhom rabta diretta mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, EU:C:1986:501, punt 11). |
41 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi vverifikat jekk, kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-klawżoli ta’ arbitraġġ inklużi fil-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni jikkonferixxux ġurisdizzjoni lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet imressqa minn L. Jenkinson fil-kuntest tar-rikors li huwa ppreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali. |
42 |
F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 21 u 22 tad-digriet appellat, huwa paċifiku li l-kuntratti ta’ xogħol kollha preċedenti konklużi bejn il-missjonijiet u l-appellant fihom klawżola li tipprevedi espressament li t-tilwimiet li jirriżultaw minn, jew li jkunu relatati ma’, dawn il-kuntratti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Brussell, u li huwa biss l-aħħar KŻD li jistipula espressament, fl-Artikolu 21 tiegħu, li t-tilwimiet li jirriżultaw minn, jew li jkunu relatati ma’, dan il-kuntratt jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 272 TFUE. |
43 |
Minn dan jirriżulta li, peress li r-rikors ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, bħala prinċipju, biss tat-talbiet li joriġinaw mill-aħħar KŻD jew li għandhom rabta diretta mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt. |
44 |
Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward ta’ relazzjoni ta’ xogħol analoga għal dik tal-kawża preżenti, li kienet tikkonċerna serje ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi, konklużi matul perijodu ta’ ħmistax-il sena u li huma biss l-aħħar erba’ kuntratti li kienu jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq it-tilwim kollu dwar il-validità, l-interpretazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-istess klawżola ma tidhirx fil-kuntratti preċedenti u li, f’dak li jikkonċerna l-ewwel snin, lanqas biss jeżistu kuntratti bil-miktub, ma jistax ikun ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-partijiet, tat-totalità tal-kuntratti konklużi (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 1982, Porta vs Il‑Kummissjoni, 109/81, EU:C:1982:253, punt 10). |
45 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 23, 26 u 38 sa 40 tad-digriet appellat, il-ġurisdizzjoni tagħha tista’ testendi għall-kuntratti ta’ xogħol preċedenti li jipprevedu l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Brussell, sakemm ir-rikors ippreżentat minn L. Jenkinson jinkludi talbiet li joriġinaw mill-aħħar KŻD jew li għandhom rabta diretta mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt. |
46 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 10 tad-digriet appellat, permezz tal-kapijiet tat-talbiet imqajma prinċipalment, L. Jenkinson talab lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, tikklassifika mill-ġdid ir-relazzjonijiet kuntrattwali kollha tiegħu f’kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat u tagħtih id-drittijiet li jistgħu jirriżultaw, fil-fehma tiegħu, wara tali klassifikazzjoni mill-ġdid. |
47 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn it-talbiet ta’ L. Jenkinson huma relatati mal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol unika u kontinwa bbażata fuq serje ta’ KŻD, dawn huma intiżi għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratti kollha konklużi u huma bbażati fuq dawn il-kuntratti kollha, inkluż l-aħħar KŻD. |
48 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikors ippreżentat minn L. Jenkinson fih talbiet li joħorġu wkoll mill-aħħar KŻD. |
49 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 39 u 40 tad-digriet appellat, meta ddikjarat li hija manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kapijiet tat-talbiet imqajma prinċipalment, minħabba li t-talbiet ta’ L. Jenkinson jimplikaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-kuntratti ta’ xogħol preċedenti. |
50 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kellha, f’dan il-każ, tivverifika jekk u, skont il-każ, sa fejn hija setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tat-talbiet ta’ L. Jenkinson, tal-kuntratti ta’ xogħol preċedenti. |
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jintlaqgħu t-tielet parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju invokati insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet u, għalhekk, li jiġi annullat id-digriet appellat, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra tal-ewwel aggravju jew it-tielet u r-raba’ aggravji invokati insostenn ta’ dan il-kap ta’ talbiet li jikkonċernaw, rispettivament, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ argumenti mressqa sussidjarjament u t-tqassim tal-ispejjeż tal-ewwel istanza. |
Fuq it-tieni kap tat-talbiet tal-appell
52 |
Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tiegħu, L. Jenkinson jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-rikors li huwa ppreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali. |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
54 |
Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni L. Jenkinson, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. |
55 |
Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss dwar jekk hija kellhiex ġurisdizzjoni u dwar l-ammissibbiltà tar-rikors mingħajr ma indirizzat il-mertu tal-kawża, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bħala regola, kawża ma tkunx fi stat li tiġi deċiża dwar il-mertu ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali meta din tal-aħħar tkun ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli billi tkun laqgħet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tkun rabtitha mad-deċiżjoni dwar il-mertu (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Ċertament, taħt ċerti kundizzjonijiet, huwa possibbli li tingħata deċiżjoni dwar il-mertu ta’ rikors minkejja li l-proċedura fl-ewwel istanza kienet limitata għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li ntlaqgħet mill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fl-ewwel istanza. Dan jista’ jkun il-każ meta, minn naħa, l-annullament tas-sentenza appellata jew tad-digriet appellat neċessarjament jinvolvi ċerta soluzzjoni rigward il-mertu tar-rikors inkwistjoni jew, min-naħa l-oħra, l-eżami dwar il-mertu tar-rikors għal annullament jistrieħ fuq argumenti skambjati mill-partijiet fil-kuntest tal-appell wara raġunament tal-qorti tal-ewwel istanza (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, EU:C:2009:804, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Issa, f’dan il-każ, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ma jeżistux tali ċirkustanzi partikolari li setgħu jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess dwar il-mertu tar-rikors. |
58 |
Minn dan isegwi li din il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u li t-tieni kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.