SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 2(b) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘trasportatur tal-ajru li jopera’ – Kuntratt ta’ kiri ta’ ajruplani bl-ekwipaġġ (‘wet lease’)”

Fil-Kawża C‑532/17

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Wolfgang Wirth,

Theodor Mülder,

Ruth Mülder,

Gisela Wirth

vs

Thomson Airways Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal W. Wirth, T. Mülder, R. Mülder u G. Wirth, minn E. Stamer, Rechtsanwalt,

għal Thomson Airways Ltd, minn P. Kauffmann, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u J. Techert, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Wolfgang Wirth, Theodor Mülder, Ruth Mülder u Gisela Wirth ma’ Thomson Airways Ltd fir-rigward tal-eżistenza, fil-konfront ta’ din tal-aħħar, ta’ obbligu li tikkumpensa lil dawn l-erba’ passiġġieri b’riżultat ta’ dewmien ta’ titjira ta’ iktar minn tliet sigħat mill-wasla tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 261/2004

3

Il-premessi 1 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jistabbilixxu:

“(1)

Azzjoni mil-[Unjoni] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(7)

Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’inġenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetá, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra.”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi, fil-paragrafu (b), li għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, “‘trasportatur ta’ l-ajru li jopera’ ifisser trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

5

L-Artikolu 3 ta’ l-istess regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.”

Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005

6

Skont il-premessi 1 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (ĠU 2005, L 344, p. 15):

“(1)

Azzjoni mill-[Unjoni] fil-qasam tat-trasport ta’ l-ajru għandha timmira, bħala prijorità, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri minn riskji ta’ sigurtà. Barra minn hekk, għandu jingħata rendikont sħiħ tar-rekwiżiti ta’ ħarsien tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(13)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 ta’ l‑24 ta’ Lulju 1989 dwar kodiċi ta’ kondotta għas-Sistemi ta’ Riservazzjoni Kompjuterizzata (CRS) [(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 277) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 323/1999 tat‑8 ta’ Frar 1999 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 251)] jintitola lill-konsumaturi li jirriservaw titjira permezz ta’ sistema ta’ riservazzjoni kompjuterizzata li jkunu infurmati dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera. Minkejja dan, anki fit-trasport ta’ l-ajru skedat, jeżistu prassi ta’ l-industrija, bħall-kiri ta’ ajruplani bl-ekwipaġġ, jew code-sharing jekk ir-riservazzjoni ssir mingħajr CRS, fejn il-kumpannija ta’ l-ajru li biegħet it-titjira taħt isimha fil-fatt ma toperahiex u fejn bħalissa ma hemm l-ebda dritt legali tal-passiġġier li jkun informat dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li fil-fatt qiegħda topera s-servizz.”

7

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2111/2005, intitolat “Informazzjoni dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta ssir riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport bl-ajru għandu jinforma lill-passiġġier dwar l-identità tal-kumpannija jew kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw, ikun xi jkun il-mezz użat għar-riservazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Permezz ta’ kuntratt ta’ kiri ta’ ajruplan bl-ekwipaġġ (“wet lease”), TUIFly GmbH kriet, mingħand Thomson Airways, ajruplan u l-ekwipaġġ tiegħu għal numru ta’ titjiriet iddefiniti. Dan il-kuntratt kien jipprevedi li TUIFly kienet responsabbli mill-“ground handling including passenger handling, passenger welfare at all times, cargo handling, security in respect of passengers and baggage, arranging on board Services etc.” (“servizzi fuq l-art inklużi servizzi offruti lill-passiġġieri, tal-benesseri tal-passiġġieri f’kull ħin, tal-immaniġġjar tal-merkanzija, tas-sigurtà tal-passiġġieri u tal-bagalji, tal-organizzazzjoni tas-servizzi abbord, eċċ”). Għat-twettiq ta’ dawn it-titjiriet, TUIFly talbet għal slots ta’ ħin, ikkummerċjalizzat it-titjiriet u kisbet il-permessi kollha meħtieġa.

9

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom konferma tar-riservazzjoni għal titjira minn Hamburg (il-Ġermanja) lejn Cancún (il-Messiku), b’numru tat-titjira fejn il-kodiċi kien jidentifika lil TUIFly. Din il-konferma kienet tindika li l-imsemmija riservazzjonijiet kienu maħruġa minn TUIFly, iżda li t-titjira kienet “magħmula” minn Thomson Airways.

10

Peress li din it-titjira kellha dewmien twil, li madankollu t-tul eżatt tiegħu ma ġiex speċifikat mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lil Thomson Airways il-ħlas ta’ kumpens li huma qiesu li kien dovut konformement mal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

11

Thomson Airways irrifjutat li tħallas dan il-kumpens peress li hija ma kinitx it-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li l-ħlas, skont il-każ, tal-kumpens dovut lill-passiġġieri abbażi tal-imsemmi regolament fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira mal-wasla ta’ mhux inqas minn tliet sigħat, ma kienx responsabbiltà tagħha.

12

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem l-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), li laqgħet it-talbiet tagħhom. Din il-qorti qieset li Thomson Airways kellha tiġi meqjusa wkoll bħala trasportatur tal-ajru li jopera għar-raġuni li skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 261/2004, huwa irrilevanti jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira jagħmel dan b’ajruplan ta’ proprjetà tiegħu jew fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kiri ta’ ajruplan “mingħajr ekwipaġġ” (“dry lease”) jew bl-ekwipaġġ (“wet leasing”). Għalhekk, it-trasportatur tal-ajru li jopera huwa kemm dak li juża ajruplan mikri bl-ekwipaġġ jew mingħajr sabiex jagħmel it-titjira, kif ukoll dak li, peress li huwa l-proprjetarju tal-ajruplan u l-persuna li timpjega l-ekwipaġġ, effettivament iwettaq din it-titjira.

13

Barra minn hekk, din il-qorti rrilevat ukoll li l-konferma tar-riservazzjoni maħruġa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet issemmi b’mod espliċitu lill-konvenuta fil-kawża prinċipali bħala t-trasportatur tal-ajru li jopera. Issa, sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur imfittex mir-Regolament Nru 261/2004, il-konsumatur għandu jkun jista’ jafda l-indikazzjonijiet li jidhru fuq il-konferma tar-riservazzjoni.

14

Thomson Airways appellat is-sentenza tal-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), fejn sostniet li, peress li huwa biss it-trasportatur tal-ajru li jerfa’ r-responsabbiltà operattiva tat-titjira li huwa kapaċi jissodisfa l-obbligi tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba l-preżenza neċessarja tiegħu fl-ajruporti u l-informazzjoni li għandu fil-pussess tiegħu dwar il-passiġġieri, huwa dan tal-aħħar li għandu jitqies bħala t-trasportatur tal-ajru li jopera fis-sens ta’ dan ir-regolament. Peress li, fil-kawża prinċipali, TUIFly refgħat ir-responsabbiltà operattiva għat-twettiq tat-titjira, it-talbiet għall-kumpens kellhom ikunu diretti kontra dak it-trasportatur.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li Ġustizzja d domanda preliminari segwenti:

“Il-kunċett ta’ ‘trasportatur tal-ajru li jopera’ imsemmi fir-Regolament [Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies bħala trasportatur tal-ajru li jopera fis-sens ta’ dan ir-regolament trasportatur tal-ajru li jikri l-ajruplan u l-ekwipaġġ lil trasportatur tal-ajru ieħor fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ ‘wet lease’ (kuntratt ta’ kiri bl-ekwipaġġ) għal numru ta’ titjiriet definit fil-kuntratt, iżda li ma jassumix ir-responsabbiltà operazzjonali prinċipali għat-titjiriet inkwistjoni, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-konferma tar-reżervazzjoni tal-passiġġier issemmi li t-titjira hija ‘operata minn[’] dan l-istess trasportatur?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2(b) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-każ ta’ trasportatur tal-ajru li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħti b’kiri, lil trasportatur tal-ajru ieħor, l-ajruplan u l-ekwipaġġ fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kiri ta’ ajruplan bl-ekwipaġġ (“wet lease”), iżda ma jerfax ir-responsabbiltà operattiva tat-titjiriet, inkluż fejn il-konferma tar-riservazzjoni ta’ post fuq it-titjira mogħtija lill-passiġġieri tindika li din it-titjira hija operata minn dan l-ewwel trasportatur.

17

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, il-kunċett ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera” għandu jinftiehem bħala li jfisser “trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

18

Din id-definizzjoni għalhekk tqiegħed żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex trasportatur tal-ajru jista’ jiġi kkwalifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera” intiżi, minn naħa, għat-twettiq tat-titjira inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, għall-eżistenza ta’ kuntratt konkluż ma’ passiġġier.

19

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, din tenfasizza l-kunċett ta’ “titjira” li tikkostitwixxi l-element ċentrali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala “operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, ‘unità’ ta’ dan it-trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu” (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines, C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 40, tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 27, u tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Mennens, C‑255/15, EU:C:2016:472, punt 20).

20

Minn dan jirriżulta li għandu jiġi kkunsidrat bħala trasportatur tal-ajru li jopera, it-trasportatur li, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ trasport ta’ passiġġieri, jieħu d-deċiżjoni li jwettaq titjira partikolari, inkluż jistabbilixxi l-itinerarju u, b’hekk, joħloq, għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati, offerta ta’ trasport tal-ajru. L-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni timplika fil-fatt li dan it-trasportatur għandu jerfa’ r-responsabbiltà għat-twettiq ta’ din it-titjira, inkluż, b’mod partikolari, kwalunkwe kanċellazzjoni jew dewmien twil mal-wasla.

21

F’dan il-każ, huwa stabbilit li Thomson Airways illimitat ruħha li tagħti l-ajruplan u l-ekwipaġġ li wettaq it-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda l-iffissar tal-itinerarju u t-twettiq ta’ din it-titjira ġew deċiżi minn TUIFly.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni kundizzjoni kumulattiva prevista fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi kkonstatat li trasportatur tal-ajru, bħal Thomson Airways fil-kawża prinċipali, li jikri ajruplan u ekwipaġġ lil trasportatur tal-ajru ieħor, ma jistax, f’kull każ, jiġi kkwalifikat bħala “trasportatur tal-ajru li jopera” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2(b) tiegħu.

23

Tali soluzzjoni hija kkorroborata mill-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri msemmi fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004, peress li hija tippermetti li jiġi żgurat li l-passiġġieri ttrasportati jiġu kkumpensati jew assistiti mingħajr ma jittieħed kont tal-arranġamenti magħmula mit-trasportatur tal-ajru li għażel li jwettaq it-titjira inkwistjoni ma’ trasportatur ieħor sabiex jiżgura b’mod konkret din it-titjira.

24

Din is-soluzzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-prinċipju, stabbilit fil-premessa 7 ta’ dan ir-regolament, li skontu, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tiegħu, l-obbligi li jirriżultaw minnhom għandhom jaqgħu fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera indipendentement mill-fatt li jkun il-proprjetarju tal-ajruplan jew li dan tal-aħħar ikun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ kiri bl-ekwipaġġ.

25

Ċertament, il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li l-konferma ta’ riservazzjoni maħruġa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tindika li t-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet “magħmula” mit-trasportatur tal-ajru li kien kera l-ajruplan u l-ekwipaġġ. Madankollu, jekk din l-indikazzjoni tidher rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2111/2005, din ma tistax tippreġudika l-identifikazzjoni tar-“trasportatur tal-ajru” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004 peress li mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 2111/2005 jirriżulta b’mod ċar li dan tal-aħħar għandu għan differenti minn dak imfittex mir-Regolament Nru 261/2004.

26

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2(b) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-każ ta’ trasportatur tal-ajru li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħti b’kiri, lil trasportatur tal-ajru ieħor, l-ajruplan u l-ekwipaġġ fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kiri ta’ ajruplan bl-ekwipaġġ (“wet lease”), iżda ma jerfax ir-responsabbiltà operattiva tat-titjiriet, inkluż fejn il-konferma tar-riservazzjoni ta’ post fuq it-titjira mogħtija lill-passiġġieri tindika li din it-titjira hija operata minn dan l-ewwel trasportatur.

Fuq l-ispejjeż

27

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “trasportatur tal-ajru li jopera” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2(b) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-każ ta’ trasportatur tal-ajru li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħti b’kiri, lil trasportatur tal-ajru ieħor, l-ajruplan u l-ekwipaġġ fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kiri ta’ ajruplan bl-ekwipaġġ (“wet lease”), iżda ma jerfax ir-responsabbiltà operattiva tat-titjiriet, inkluż fejn il-konferma tar-riservazzjoni ta’ post fuq it-titjira mogħtija lill-passiġġieri tindika li din it-titjira hija operata minn dan l-ewwel trasportatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.