SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 79/7/KEE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Skema nazzjonali tal-pensjonijiet tal-Istat – Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-bidla fil-ġeneru – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta dan ir-rikonoxximent għall-annullament ta’ żwieġ preċedenti għal din il-bidla fil-ġeneru – Rifjut li tingħata pensjoni tal-irtirar tal-Istat lil persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha fl-età tal-irtirar għal persuni tal-ġeneru miksub – Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess”

Fil-Kawża C‑451/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Awwissu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

MB

vs

Secretary of State for Work and Pensions,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, T. von Danwitz (Relatur), A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti tal-Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Berger, C. Lycourgos u J. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Settembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MB, minn C. Stothers u J. Mulryne, solicitors, u minn K. Bretherton u D. Pannick, QC,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn B. Lask, barrister, u J. Coppel, QC,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn MB u s-Secretary of State for Work and Pensions (is-Segretarju tal-Istat għax-Xogħol u għall-Pensjonijiet, ir-Renju Unit) dwar ir-rifjut li tingħata pensjoni tal-irtirar tal-Istat fl-età tal-irtirar legali għal persuni tal-ġeneru li hija kisbet wara bidla fil-ġeneru.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Konformement mat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tagħha, id-Direttiva 79/7 tapplika għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji tal-anzjanità.

4

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali [matrimonjali] jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

[…]”

5

L-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-għan tagħha:

(a)

l-iffissar ta’ età tal-pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta’ l-anzjanità u rtirar u l-konsegwenzi li jistgħu jiġu minnhom għall-benefiċċji l-oħra”.

6

L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwisjtonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23) jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘diskriminazzjoni diretta’: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli”.

Id-dritt tar-Renju Unit

7

Konformement mal-Artikolu 44 tas-Social Security Contributions and Benefits Act 1992 (l-Att tal‑1992 dwar il-Kontribuzzjonijiet u l-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali), moqri flimkien mal-Artikolu 122 ta’ dan l-att u mal-Iskeda 4(1) tal-Pensions Act 1995 (l-Att tal‑1995 dwar il-Pensjonijiet), mara li tkun twieldet qabel is‑6 ta’ April 1950 hija eliġibbli għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat “tal-Kategorija A”, fl-età ta’ 60 sena, filwaqt li raġel li jkun twieled qabel is‑6 ta’ Diċembru 1953 isir eliġibbli biss fl-età ta’ 65 sena.

8

L-Artikolu 1 tal-Gender Recognition Act 2004 (l-Att tal‑2004 dwar ir-Rikonoxximent tal-Ġeneru, iktar ’il quddiem il-“GRA”) jiddisponi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, li persuna tista’ tapplika quddiem il-Gender Recognition Panel (il-Kumitat għar-Rikonoxximent tal-Ġeneru, iktar ’il quddiem il-“GRP”) għal ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-ġeneru li jattesta l-bidla fil-ġeneru fuq il-bażi tal-fatt li kienet tgħix bħala persuna tal-ġeneru l-ieħor. Il-ġeneru tal-applikant li jkun is-suġġett ta’ tali ċertifikat ta’ rikonoxximent kien jikkostitwixxi, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, il-ġeneru miksub.

9

L-Artikolu 2(1) ta’ dan l-att kien jipprevedi li l-GRP kien obbligat joħroġ ċertifikat ta’ rikonoxximent meta l-applikant:

“a)

ikollu jew kellu disforja tal-ġeneru;

b)

ikun għex [bħala persuna tal-ġeneru miksub] għal minn tal-inqas sentejn sad-data tal-applikazzjoni;

c)

ikollu l-intenzjoni li jgħix [bħala persuna tal-ġeneru miksub] sakemm imut; u

d)

jissodisfa l-kundizzjonijiet fir-rigward tal-provi previsti fl-Artikolu 3 [tal-GRA].”

10

Sabiex jikseb dan iċ-ċertifikat, l-applikant kellu jipprovdi, skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi att, intitolat “Provi”, rapport mediku stabbilit minn żewġ tobba, jew minn tabib u psikologu.

11

L-Artikolu 4 tal-GRA, intitolat “Applikazzjonijiet milqugħa”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li applikant li ma kienx miżżewweġ seta’ jitlob il-ħruġ ta’ ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent, filwaqt li, bis-saħħa tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, applikant miżżewweġ seta’ biss jikseb ċertifikat provviżorju ta’ rikonoxximent.

12

L-Artikolu 9(1) ta’ dan l-att kien jiddisponi li l-ħruġ ta’ ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent kien jinvolvi r-rikonoxximent sħiħ tal-ġeneru miksub mill-applikant għall-finijiet kollha. Skont il-paragrafu 7 tal-Iskeda 5 tal-imsemmija att, li kien jikkonċerna speċifikament l-effetti ta’ ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent fuq l-eliġibbiltà għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat, il-ħruġ ta’ ċertifikat bħal dan kellu bħala konsegwenza li kwalunkwe kwistjoni dwar l-intitolament tal-persuna kkonċernata għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat kellha tiġi evalwata daqslikieku din kienet għexet minn dejjem bħala persuna tal-ġeneru miksub.

13

Iċ-ċertifikat provviżorju ta’ rikonoxximent kien jippermetti lill-applikant miżżewweġ jikseb l-annullament taż-żwieġ tiegħu minn qorti. Skont l-Artikolu 5(1) tal-GRA, il-qorti li tannulla ż-żwieġ kienet sussegwentement obbligata li toħroġ ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent.

14

L-Artikolu 11(c) tal-Matrimonial Causes Act 1973 (l-Att tal‑1973 dwar il-Kwistjonijiet Matrimonjali) jiddisponi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li żwieġ validu legalment seta’ jeżisti biss bejn raġel u mara.

15

Il-Marriage (Same Sex Couples) Act 2013 (l-Att tal‑2013 dwar iż-Żwieġ (Bejn Koppji tal-Istess Sess)), li daħal fis-seħħ fl‑10 ta’ Diċembru 2014, jawtorizza ż-żwieġ ta’ koppji tal-istess sess. L-Iskeda 5 ta’ dan l-att emendat l-Artikolu 4 tal-GRA fis-sens li l-GRP għandu joħroġ ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-ġeneru għal applikant miżżewweġ jekk il-konjuġi tal-applikant jagħti l-kunsens tiegħu. L-Att tal‑2013 dwar iż-Żwieġ (Bejn Koppji tal-Istess Sess) ma huwiex madankollu applikabbli għall-kawża prinċipali.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

MB hija persuna li twieldet fl‑1948 ta’ sess maskili, u li żżewġet fis-sena 1974. Din il-persuna bdiet tgħix bħala mara fl‑1991 u saritilha operazzjoni kirurġika ta’ riassenjament tal-ġeneru fl‑1995.

17

MB madankollu ma għandhiex ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-bidla fil-ġeneru tagħha, minħabba li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat kien jeħtieġ li ż-żwieġ tagħha jiġi annullat. Hi u l-mara tagħha jixtiequ jibqgħu miżżewġin għal raġunijiet reliġjużi.

18

Matul is-sena 2008, MB, li laħqet l-età ta’ 60 sena, jiġifieri l-età li fiha n-nisa li twieldu qabel is‑6 ta’ April 1950 jistgħu, skont id-dritt nazzjonali, jiksbu pensjoni tal-irtirar tal-Istat “tal-Kategorija A”, applikat għal din il-pensjoni tal-irtirar f’din l-età skont il-kontribuzzjonijiet imħallsa matul l-attività professjonali tagħha lis-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni tal-Istat.

19

L-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat‑2 ta’ Settembru 2008 peress li, fl-assenza ta’ ċertifikat komplet ta’ rikonoxximent tal-bidla fil-ġeneru tagħha, MB ma setgħetx titqies li kienet mara għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-età legali tal-bidu tal-irtirar tagħha.

20

Ir-rikors ippreżentat minn MB kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud kemm mill-First-tier Tribunal (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, ir-Renju Unit), kemm mill-Upper Tribunal (il-Qorti Superjuri), kif ukoll mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell).

21

MB ippreżentat appell quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ibbażat fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ipprojbita mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

22

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, MB tissodisfa l-kriterji fiżiċi, soċjali u psikoloġiċi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-istat ċivili inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-finijiet ta’ rikonoxximent legali tal-bidla fil-ġeneru tagħha. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet madankollu tissuġġetta dan ir-rikonoxximent, kif ukoll l-għoti taċ-ċertifikat imsemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, għall-annullament ta’ żwieġ li jkun seħħ qabel tali bidla. Dan l-annullament kien meħtieġ ukoll, dejjem skont l-imsemmija qorti, għall-finijiet tal-aċċess ta’ persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha, bħal MB, għall-imsemmija pensjoni tal-irtirar mill-età legali tal-bidu tal-irtirar ta’ persuni tal-ġeneru miksub minn tali persuna.

23

Quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Segretarju tal-Istat għax-Xogħol u għall-Pensjonijiet sostna li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, EU:C:2004:7, punt 35), u tas‑27 ta’ April 2006, Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punt 21), huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent legali tal-bidla fil-ġeneru ta’ persuna. Huwa sostna li dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jiġu llimitati għal kriterji soċjali, fiżiċi u psikoloġiċi, iżda jistgħu jinkludu wkoll kriterji dwar l-istatus matrimonjali.

24

F’dan il-kuntest, is-Segretarju tal-Istat għax-Xogħol u l-Pensjonijiet irrileva li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw ir-rikonoxximent tal-bidla fil-ġeneru ta’ persuna għal kundizzjoni relatata mal-annullament taż-żwieġ tagħha (Qorti EDB, 16 ta’ Lulju 2014, Hämäläinen vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2014:0716JUD003735909). Huwa sostna li, jekk il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, teżiġi li l-Istati Partijiet jirrikonoxxu l-ġeneru miksub ta’ persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha, din il-konvenzjoni ma titlobx madankollu li huma jawtorizzaw iż-żwieġ bejn persuni tal-istess ġeneru. Fil-fatt, l-għan li jinżamm il-kunċett tradizzjonali taż-żwieġ bħala unjoni bejn raġel u mara jista’ jiġġustifika li r-rikonoxximent tal-bidla fil-ġeneru jiġi suġġett għal tali kundizzjoni.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tipprekludi l-impożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ rekwiżit li, minbarra li tissodisfa l-kriterju fiżiku, soċjali u psikoloġiku għar-rikonoxximent ta’ bidla tas-sess [ġeneru], persuna li tkun biddlet is-sess għandha wkoll ma tkunx miżżewġa sabiex tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 79/7, b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tagħha, moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tagħha u mal-Artikolu 7(1)(a) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li persuna li tkun biddlet il-ġeneru tissodisfa mhux biss kriterji fiżiċi, soċjali u psikoloġiċi, iżda wkoll il-kundizzjoni li ma tkunx miżżewġa ma’ persuna tal-ġeneru li hija tkun kisbet wara din il-bidla, sabiex tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat mill-età legali tal-bidu tal-irtirar ta’ persuni ta’ dan il-ġeneru miksub.

27

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali u d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw biss il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar tal-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita bil-kwistjoni dwar jekk, b’mod ġenerali, ir-rikonoxximent legali ta’ bidla fil-ġeneru jistax ikun suġġett għall-annullament ta’ żwieġ li seħħ qabel l-imsemmija bidla fil-ġeneru.

28

Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li r-rikonoxximent legali ta’ bidla fil-ġeneru u ż-żwieġ huma kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-istat ċivili. Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri li ma jippermettux iż-żwieġ bejn persuni tal-istess ġeneru jistgħu għaldaqstant jissuġġettaw l-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar tal-Istat għall-annullament ta’ żwieġ preċedenti bejn dawn il-persuni.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-istat ċivili ta’ persuni u tar-rikonoxximent legali tal-bidla fil-ġeneru ta’ persuna, l-Istati Membri għandhom madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet relatati mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, EU:C:2006:256, punti 21 sa 24; tal‑1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 59, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 3738, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

B’hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia, jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eliġibbiltà għal pensjoni għall-kundizzjoni relatata mal-istat ċivili ma hijiex suġġetta għall-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess stabbilit fl-Artikolu 157 TFUE fil-qasam tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 141 KE, is-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, K. B., C‑117/01, EU:C:2004:7, punti 34 sa 36).

31

Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, li jimplimenta l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għandu jiġi osservat mill-Istati Membri meta jkunu qed jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam tal-istat ċivili.

32

B’mod partikolari, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1), moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, f’dak li jirrigwarda, inter alia, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji tal-anzjanità.

33

Ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-iskema tal-pensjoni tal-Istat inkwistjoni tagħmel parti minn dawn l-iskemi.

34

Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, is-sitwazzjoni li fiha persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minħabba l-ġeneru tagħha, minn kif tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew kieku tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess. Dan il-kunċett għandu jinftiehem bl-istess mod fil-kuntest tad-Direttiva 79/7.

35

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva tal-aħħar għandha, fid-dawl tal-għan tagħha u tan-natura tad-drittijiet li hija intiża li tipproteġi, tapplika wkoll għad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il-bidla fil-ġeneru tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, EU:C:2006:256, punti 2324, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għalkemm, kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent legali tal-bidla fil-ġeneru ta’ persuna, għandu jiġi kkonstatat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 79/7, persuni li għexu għal perijodu sinjifikattiv bħala persuni ta’ ġeneru differenti minn dak tat-twelid tagħhom u li jkunu għaddew minn operazzjoni ta’ riassenjament tal-ġeneru għandhom jitqiesu li jkunu biddlu l-ġeneru.

36

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-aċċess ta’ persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat mill-età legali tal-bidu tal-irtirar ta’ persuni tal-ġeneru li hija tkun kisbet, inter alia, għall-annullament ta’ żwieġ li seta’ seħħ qabel din il-bidla. Min-naħa l-oħra, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-kundizzjoni għall-annullament ta’ żwieġ ma għandhiex tapplika għal persuna li tkun żammet il-ġeneru tat-twelid tagħha u li tkun miżżewġa, li għalhekk tkun persuna li tista’ tirċievi din il-pensjoni tal-irtirar wara l-età legali tal-bidu tal-irtirar ta’ persuni ta’ dan il-ġeneru, indipendentement mill-istatus matrimonjali tagħha.

37

Jidher għalhekk li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti trattament inqas favorevoli lil persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha wara li tkun iżżewġet milli lil persuna li tkun żammet il-ġeneru tat-twelid tagħha u li tkun miżżewġa.

38

Trattament inqas favorevoli bħal dan huwa bbażat fuq is-sess u jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

39

Għad irid jiġi vverifikat jekk humiex komparabbli s-sitwazzjoni ta’ persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha wara li tkun iżżewġet u dik ta’ persuna li tkun żammet il-ġeneru tat-twelid tagħha u li tkun miżżewġa.

40

Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex komparabbli għar-raġuni li l-persuni inkwistjoni jippreżentaw differenza f’dak li jirrigwarda l-istatus matrimonjali tagħhom. Fil-fatt, il-persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha wara li tkun iżżewġet issib lilha nnifisha miżżewġa ma’ persuna tal-ġeneru li hija tkun kisbet, li ma huwiex, min-naħa l-oħra, il-każ fir-rigward ta’ persuna li tkun żammet il-ġeneru tat-twelid tagħha u li tkun miżżewġa lil persuna ta’ ġeneru ieħor. Fir-rigward tal-għan tal-kundizzjoni ta’ annullament ta’ żwieġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa intiż li jevita l-eżistenza ta’ żwiġijiet bejn persuni tal-istess ġeneru, tali differenza, skont dan il-gvern, tfisser li s-sitwazzjonijiet tal-imsemmija persuni ma humiex komparabbli.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit relatat man-natura komparabbli ta’ sitwazzjonijiet ma jeħtieġx li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 42, u tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia, C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

In-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata mhux b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni kif ukoll, fejn xieraq, tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam li fih taqa’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 2526; tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 8990, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punti 5657, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala suġġett l-għoti tal-pensjoni tal-irtirar tal-Istat “tal-Kategorija A”, li għalih huma intitolati l-persuni li jkunu kisbu l-età legali tal-irtirar. Il-partijiet fil-kawża prinċipali ppreċiżaw, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dritt nazzjonali jagħti tali pensjoni tal-irtirar lil kull persuna li tkun laħqet dik l-età u li tkun ikkontribwixxiet b’mod suffiċjenti għall-iskema tal-pensjoni pubblika tar-Renju Unit. B’hekk jidher li l-iskema statutorja tal-pensjoni tal-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipproteġi kontra r-riskju tal-anzjanità billi tagħti lill-persuna kkonċernata dritt individwali għal pensjoni tal-irtirar miksuba abbażi tal-kontribuzzjonijiet li hija ħallset matul il-karriera professjonali tagħha, u dan irrispettivament mill-istatus matrimonjali tagħha.

44

Fid-dawl tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-pensjoni tal-irtirar, kif ippreċiżati fil-punt preċedenti, is-sitwazzjoni ta’ persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha wara li tkun iżżewġet u dik ta’ persuna li tkun żammet il-ġeneru tat-twelid tagħha u li tkun miżżewġa huma għaldaqstant komparabbli.

45

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argument tal-Gvern tar-Renju Unit, li jenfasizza d-differenza fir-rigward tal-istatus matrimonjali ta’ dawn il-persuni, jattribwixxi din id-differenza bħala l-element deċiżiv tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, filwaqt li l-istatus matrimonjali fih innifsu, kif ġie nnotat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-għoti tal-pensjoni tal-irtirar tal-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46

Barra minn hekk, l-għan tal-kundizzjoni għall-annullament ta’ żwieġ invokat mill-imsemmi gvern, jiġifieri li jiġu evitati żwiġijiet bejn persuni tal-istess ġeneru, huwa estranju għall-iskema ta’ din il-pensjoni tal-irtirar. Bħala konsegwenza ta’ dan, dan l-għan ma jaffettwax in-natura komparabbli tas-sitwazzjoni ta’ persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha wara li tkun iżżewġet u dik ta’ persuna li tkun żammet il-ġeneru tat-twelid tagħha u li tkun miżżewġa, fid-dawl tal-għan u tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din il-pensjoni tal-irtirar, kif inhu ppreċiżat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

47

Din l-interpretazzjoni ma hijiex affettwata mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għaliha l-Gvern tar-Renju Unit jirreferi wkoll sabiex jikkontesta n-natura komparabbli tas-sitwazzjoni ta’ dawn il-persuni. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Lulju 2014, Hämäläinen vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0716JUD003735909, punti 111 u 112), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem evalwat in-natura komparabbli jew le ta’ sitwazzjoni ta’ persuna li tkun għaddiet minn operazzjoni ta’ riassenjament tal-ġeneru wara li tkun iżżewġet u ta’ sitwazzjoni ta’ persuna miżżewġa li ma tkunx biddlet il-ġeneru, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li kienet tirrigwarda r-rikonoxximent legali ta’ bidla fil-ġeneru fil-qasam tal-istat ċivili. Min-naħa l-oħra, kif ġie enfasizzat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li hija inkwistjoni n-natura komparabbli tas-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li s-suġġett tagħha jikkonċerna speċifikament l-aċċess għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat.

48

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħti trattament inqas favorevoli bbażat direttament fuq is-sess lil persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha wara li tkun iżżewġet milli lil persuna li tkun żammet il-ġeneru tat-twelid tagħha u li tkun miżżewġa, minkejja li dawn il-persuni jkunu qegħdin f’sitwazzjonijiet komparabbli.

49

Il-Gvern tar-Renju Unit isostni, madankollu, li l-għan li tiġi evitata l-eżistenza ta’ żwiġijiet bejn persuni tal-istess ġeneru seta’ jiġġustifika li tiġi applikata, biss fir-rigward ta’ persuni li biddlu l-ġeneru, kundizzjoni ta’ annullament ta’ żwieġ ta’ tali persuna li seħħ preċedentement jekk id-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti, fiż-żmien tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, iż-żwieġ bejn persuni tal-istess ġeneru.

50

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, deroga mill-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, ta’ kull diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess hija possibbli biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2005, Vergani, C‑207/04, EU:C:2005:495, punti 3435, kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2014, X, C‑318/13, EU:C:2014:2133, punti 3435). Issa, l-għan invokat mill-Gvern tar-Renju Unit ma jikkorrispondi għal ebda waħda mid-derogi permessi minn din id-direttiva.

51

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-deroga prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din ma tawtorizzax lill-Istati Membri jittrattaw b’mod differenti persuna li tkun biddlet il-ġeneru tagħha wara li tkun iżżewġet u persuna li tkun żammet il-ġeneru tat-twelid u tkun miżżewġa, f’dak li jirrigwarda l-età għall-aċċess għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, EU:C:2006:256, punti 3738).

52

Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess u għalhekk hija pprojbita mid-Direttiva 79/7.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 79/7, b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tagħha, moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tagħha u mal-Artikolu 7(1)(a) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li persuna li tkun biddlet il-ġeneru tissodisfa mhux biss kriterji fiżiċi, soċjali u psikoloġiċi, iżda wkoll il-kundizzjoni li ma tkunx miżżewġa ma’ persuna tal-ġeneru li hija tkun kisbet wara din il-bidla, sabiex tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat mill-età legali tal-bidu tal-irtirar ta’ persuni ta’ dan il-ġeneru miksub.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tagħha, moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) tagħha u mal-Artikolu 7(1)(a) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li persuna li tkun biddlet il-ġeneru tissodisfa mhux biss kriterji fiżiċi, soċjali u psikoloġiċi, iżda wkoll il-kundizzjoni li ma tkunx miżżewġa ma’ persuna tal-ġeneru li hija tkun kisbet wara din il-bidla, sabiex tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar tal-Istat mill-età legali tal-bidu tal-irtirar ta’ persuni ta’ dan il-ġeneru miksub.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.