SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
31 ta’ Mejju 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Taxxa fuq il-kumpanniji – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji – Vantaġġ mogħti ex gratia minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti li magħha hija marbuta permezz ta’ rabta ta’ interdipendenza – Korrezzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpannija residenti – Assenza ta’ korrezzjoni tad-dħul taxxabbli fil-każ ta’ vantaġġ identiku mogħti minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra li magħha hija marbuta b’tali rabtiet – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Ġustifikazzjoni”
Fil-Kawża C‑382/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Rheinland‑Pfalz, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura
Hornbach‑Baumarkt AG
vs
Finanzamt Landau,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Settembru 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Hornbach-Baumarkt AG, minn J. Uterhark u J. Nagler, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer‑Seitz, H. Shev, U. Persson u N. Otte Widgren kif ukoll minn F. Bergius u L. Swedenborg, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE), moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE (li sar l-Artikolu 54 TFUE). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hornbach-Baumarkt AG u Finanzamt Landau (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Landau, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tat-Taxxa”), fir-rigward tad-determinazzjoni, minn dan tal-aħħar, tat-taxxa fuq il-kumpanniji u tal-bażi tat-taxxa kummerċjali ta’ din il-kumpannija għas-sena 2003. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Il-Gesetz über die Besteuerung bei Auslandsbeziehungen (Außensteuergesetz) (il-Liġi dwar it‑Tassazzjoni ta’ Tranżazzjonijiet Barranin), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-Gesetz zum Abbau von Steuervergünstigungen und Ausnahmeregelungen (il-Liġi dwar it-Tnaqqis ta’ Vantaġġi Fiskali u Eżenzjonijiet), tas‑16 ta’ Mejju 2003 (BGBl. 2003 I, p. 660) (iktar ’il quddiem l-“AstG”), tipprovdi, fl‑Artikolu 1 tagħha: “1) Meta d-dħul ta’ persuna taxxabbli, li din tal-aħħar tikseb minn rabtiet kummerċjali ma’ parti relatata, huwa ridott għar-raġuni li l-persuna taxxabbli tiftiehem, fil-kuntest ta’ tali rabtiet barra mill-pajjiż, kundizzjonijiet differenti minn dawk li kienu jiftiehmu, f’ċirkustanzi identiċi jew simili, terzi partijiet mhux relatati, id-dħul tagħha għandu jiġi kkalkolat, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra, bħal ma kien jiġi kkalkolat fir-rigward ta’ kundizzjonijiet miftiehma bejn terzi partijiet mhux relatati. 2) Parti tkun relatata mal-persuna taxxabbli meta:
3) Jekk ikun hemm lok li ssir stima, konformement mal-Artikolu 162 tal-Abgabenordnung [(il-Kodiċi tat-Taxxi)], tad-dħul imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt ta’ riferiment ta’ din l-istima għandu jkun, fin-nuqqas ta’ punt ta’ riferiment ieħor adegwat, ir-remunerazzjoni mill-kapital investit fl-impriża jew il-marġni ta’ profitt li l-esperjenza u l-użanzi jippermettu taħt ċirkustanzi normali. 4) Rabta kummerċjali, fis-sens tal-paragrafi 1 u 2, għandha titqies li hija kull rabta li minnha jirriżulta d-dħul u li taqa’ taħt id-dritt tal-obbligazzjonijiet, li ma hijiex miftiehma fl-istatuti, u li tagħmel parti, għall-persuna taxxabbli jew għall-parti relatata, minn attività li għaliha japplikaw l-Artikoli 13, 15, 18 jew 21 tal-Einkommensteuergesetz [(il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul)] jew li, fil-każ ta’ parti relatata mhux residenti, ikunu japplikaw jekk l-attività kellha tiġi eżerċitata fil-Ġermanja.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
4 |
Hornbach-Baumarkt AG hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Ġermanja, li topera stabbilimenti ta’ do‑it‑yourself u ta’ materjal ta’ kostruzzjoni f’dan l-Istat Membru u fi Stati Membri oħra. |
5 |
Matul is-sena 2003, Hornbach-Baumarkt AG kellha indirettament, permezz tas-sussidjarja tagħha Hornbach International GmbH u tas-sussidjarja stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ din tal-aħħar, Hornbach Holding BV, sehem li jirrappreżenta 100 % tal-kapital ta’ żewġ kumpanniji bis-sede tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, Hornbach Real Estate Groningen BV u Hornbach Real Estate Wateringen BV (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji barranin tal-grupp”) |
6 |
Il-kumpanniji barranin tal-grupp kellhom kapital ta’ ekwità negattiv u kienu jeħtieġu, rispettivament, sabiex ikomplu l-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif ukoll sabiex jiffinanzjaw il-kostruzzjoni ta’ ċentru kummerċjali ta’ do‑it‑yourself u ta’ ġardinaġġ, krediti bankarji li kienu jammontaw għal EUR 10057000 euros, għal dak li jirrigwarda Hornbach Real Estate Groningen BV, u ta’ EUR 14800000, fir-rigward ta’ Hornbach Real Estate Wateringen BV. |
7 |
L-istabbiliment bankarju li kien qed jiżgura l-finanzjament ta’ dawn il-kumpanniji kien issuġġetta l-għoti tal-krediti għall-provvista, minn Hornbach-Baumarkt AG, ta’ ittri ta’ intenzjoni li jipprovdu dikjarazzjoni ta’ garanzija. |
8 |
Fil‑25 ta’ Settembru 2002, Hornbach-Baumarkt AG ipprovdiet dawn l-ittri ta’ garanzija, mingħajr ma talbet remunerazzjoni biex tagħmel dan. |
9 |
Fl-imsemmija ittri ta’ garanzija, Hornbach-Baumarkt AG kienet qed timpenja lilha nnifisha lejn l-istabbiliment bankarju li kien qed issellef li ma tittrasferixxix l-ishma tagħha f’Hornbach Holding BV jew li ma tibdilx dawn l-ishma u, barra minn hekk, li tiggarantixxi li Hornbach Holding BV lanqas ma tittrasferixxi l-ishma tagħha fil-kumpanniji barranin tal-grupp jew li ma tibdilx dawn l-aħħar ishma, mingħajr ma tkun informat lil dan l-istabbiliment bankarju bil-miktub, sa mill-inqas tliet ġimgħat qabel kull trasferiment jew tibdil. |
10 |
Barra minn hekk, Hornbach-Baumarkt AG kienet qed timpenja ruħha, b’mod irrevokabbli u inkundizzjonat, li tiggarantixxi li l-kumpanniji barranin tal-grupp iżommu r-riżorsi finanzjarji tagħhom b’tali mod li jkunu jistgħu jonoraw l-obbligi kollha tagħhom. B’hekk, hija kellha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-kumpanniji, fil-każ li kien jirriżulta neċssarju, il-mezzi finanzjarji li jippermettu lil dawn tal-aħħar jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-istabbiliment bankarju li kien qiegħed isellef. Hornbach-Baumarkt AG kellha tħares, barra minn hekk, li dawn il-mezzi finanzjarji jservu għar-rimbors tad-dejn li ġie fis-seħħ mill-faċilità ta’ self mogħtija mill-istess stabbiliment. |
11 |
Billi qieset li terzi partijiet mhux relatati bejniethom kienu, f’ċirkustanzi identiċi jew simili, jiftiehmu remunerazzjoni bħala korrispettiv għall-garanziji mogħtija b’dan il-mod, l-Uffiċċju tat-Taxxa ddeċidiet li d-dħul ta’ Hornbach-Baumarkt AG kellu jiġi inkrementat, konformement mal-Artikolu 1(1) u (4) tal-AStG, b’ammont li jikkorrispondi għall-ammont ipotetiku tar-remunerazzjoni tal-garanziji mogħtija u kkorreġiet it-taxxa fuq il-kumpanniji u l-bażi ta’ taxxa kummerċjali ta’ din il-kumpannija għas-sena 2003. B’hekk l-Uffiċċju tat-Taxxa kkoreġa l-ammont tad-dħul taxxabbli ta’ Hornbach-Baumarkt AG sa EUR 15253 u sa EUR 22447, b’konsegwenza tal-garanziji mogħtija, rispettivament, lil Hornbach Real Estate Groningen BV u lil Hornbach Real Estate Wateringen BV. |
12 |
Peress li l-ilmenti mressqa kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-Uffiċċju tat-Taxxa għamlet dawn il-korrezzjonijiet ġew miċħuda minn din tal-aħħar bħala infondati, Hornbach-Baumarkt AG ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Rheinland‑Pfalz (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Rheinland‑Pfalz, il-Ġermanja). |
13 |
Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Hornbach-Baumarkt AG sostniet li l-Artikolu 1 AStG kien jagħti lok għal trattament diskriminatorju tas-sitwazzjonijiet transkonfinali, inkwantu, fis-sitwazzjonijiet purament interni, ma saritx korrezzjoni tal-ammont tad-dħul biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont ipotetiku tar-remunerazzjoni tal-garanziji mogħtija lil sussidjarji. |
14 |
F’dan il-kuntest, hija sostniet b’mod partikolari li mis-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI (C‑311/08, EU:C:2010:26), li tirrigwarda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana, li hija analoga għall-Artikolu 1 tal-AStG, jirriżulta li din l-aħħar dispożizzjoni għandha titqies bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li ma hijiex iġġustifikata minħabba n-natura sproporzjonata tagħha. Fil-fatt, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw minn din is-sentenza, l-Artikolu 1 tal-AStG ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tippermetti li jiġu invokati r-raġunijiet kummerċjali li jistgħu jiġġustifikaw tranżazzjoni li ma hijiex komuni bejn terzi persuni. F’dan il-każ, skont Hornbach Baumarkt AG, raġunijiet ta’ natura kummerċjali jiġġustifikaw il-fatt li ebda remunerazzjoni ma kienet ġiet prevista bħala korrispettiv tal-ittri ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dawn ikunu miżuri ta’ sostenn intiżi li jissostitwixxu żieda tal-fondi proprji tal-kumpanniji barranin tal-grupp. |
15 |
L-Uffiċċju tat-Taxxa wieġeb li, anki jekk l-Artikolu 1 tal-AStG ma jinkludi ebda regola awtonoma relatata mal-produzzjoni ta’ elementi li jirrigwardaw ir-raġunijiet kummerċjali eventwali li fir-rigward tagħhom ġiet konkluża tranżazzjoni, madankollu, il-persuna taxxabbli għandha l-possibbiltà li tipproduċi provi ta’ natura xierqa tat-tranżazzjoni mwettqa. |
16 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju tat-Taxxa qies ġustament li l-kundizzjonijiet miftiehma bejn Hornbach-Baumarkt AG u l-kumpanniji barranin tal-grupp kienu differenti minn dawk li kienu jiftiehmu, f’ċirkustanzi identiċi jew simili, terzi partijiet mhux relatati bejniethom. Fil-fatt, jidher li msieħba kummerċjali mhux relatati bejniethom ftiehmu remunerazzjoni bħala korrispettiv għall-ħruġ ta’ ittra ta’ garanzija minħabba r-riskju ta’ dejn li jġorr il-garanti. Il-kundizzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 1(1) tal-AStG, moqri flimkien mat-tielet ipoteżi msemmija fil-punt 1 tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 1, sabiex issir korrezzjoni tad-dħul ta’ Hornbach-Baumarkt AG, jidhru li ġew, konsegwentement, issodisfatti. |
17 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-libertà ta’ stabbiliment. |
18 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, skont l-Artikolu 1(1) tal-AStG, id-dħul ta’ persuna taxxabbli residenti fl-Istat Membru kkonċernat, imnaqqas minħabba l-fatt li din il-persuna ftiehmet kundizzjonijiet li ma humiex komuni bejn terzi persuni, ikun suġġett għal tali korrezzjoni biss jekk il-parti relatata tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor. Jekk, min-naħa l-oħra, din il-parti relatata tkun sussidjarja tal-persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru ta’ residenza tal-imsemmija persuna taxxabbli, ma ssir ebda korrezzjoni tad-dħul, sew jekk taħt l-Artikolu 1(1) tal-AStG sew jekk taħt kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali oħra. |
19 |
Min dan jirriżulta li, fil-każ fejn persuna taxxabbli residenti tal-Istat Membru kkonċernat ikollha sehem f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, din il-persuna taxxabbli tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli tkun li kieku dan is-sehem kellu jkun f’kumpannija residenti. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 1(1) tal-AStG jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-persuna taxxabbli residenti, ipprojbita mill-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE). |
20 |
F’dan ir-rigward, mis-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI (C‑311/08, EU:C:2010:26), jirriżulta li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi differenza fit-trattament fiskali bejn il-kumpanniji residenti, skont jekk il-kumpanniji li fir-rigward tagħhom jiġu permessi vantaġġi anormali u favorevoli u li magħhom huma għandhom rabtiet ta’ interdipendenza humiex stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru jew le, tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, iżda li trid tilħaq għanijiet leġittimi marbuta mal-ħtieġa li jiġi ssalvagwardat it-tqassim ibbilanċjat ta’ setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u l-ħtieġa ta’ prevenzjoni tal-evażjoni fiskali. |
21 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġżlazzjoni bħall-Artikolu 1(1) tal-AStG hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
22 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, konformement mal-punt 71 tas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI (C‑311/08, EU:C:2010:26), l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tirrikjedi li, fil-każ li ma jkunx jista’ jiġi eskluż li tranżazzjoni ma tikkorrispondix għal dik li kienet tiġi miftiehma taħt kundizzjonijiet tas-suq, il-persuna taxxabbli jkollha l-possibbiltà li tipproduċi, mingħajr ma tkun suġġetta għal restrizzjonijiet amministrattivi eċċessivi, elementi relatati mar-raġunijiet kummerċjali eventwali li għalihom ġiet konkluża din it-tranżazzjoni. |
23 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-raġunijiet kummerċjali li jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni taħt kundizzjonijiet li ma humiex komuni bejn terzi persuni jistgħux ikunu marbuta mas-sehem ta’ Hornbach-Baumarkt AG fil-kumpanniji barranin tal-grupp, b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet fejn is-sussidjarja tissellef fondi mingħand bank biex iżżid il-kapital tagħha. Fil-fatt, il-kumpannija omm ikollha interess ekonomiku personali għas-suċċess kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u, barra minn hekk tassumi, jekk ikun il-każ, responsabbiltà fir-rigward tal-finanzjament ta’ din is-sussidjarja. |
24 |
Din il-qorti tosserva li, filwaqt li, fid-dritt Ġermaniż, il-persuna taxxabbli għandha l-possibbiltà li tinvoka u li tiġġustifika r-raġunijiet għalfejn il-kundizzjonijiet miftiehma mal-kumpannija barranija huma konformi ma’ dawk li kienu jiftiehmu terzi persuni mhux relatati bejniethom f’ċirkustanzi identiċi jew simili, madankollu l-Artikolu 1(1) tal-AStG ma jipprevedix il-possibbiltà, għal-persuna taxxabbli, li jiġu invokati r-raġunijiet kummerċjali li jiġġustifikaw il-konklużjoni ta’ tranżazzjoni taħt kundizzjonijiet li ma humiex komuni bejn it-terzi, meta dawn ir-raġunijiet ikunu jistrieħu fuq rabtiet ta’ interdipendenza komuni għall-persuni kkonċernati. |
25 |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li tiġi kkjarifikata l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 1(1) tal-AStG, moqrija flimkien mat-tielet ipoteżi msemmija fil-punt 1 tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 1 tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-possibbiltà li jiġu invokati r-raġunijiet kummerċjali għalfejn persuni li għandhom rabtiet ta’ interdipendenza kkonkludew tranżazzjoni taħt kundizzjonijiet li ma humiex komuni bejn terzi persuni. |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Rheinland‑Pfalz (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Rheinland‑Pfalz) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 49 [(li qabel lien l-Artikolu 43 KE)] flimkien mal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il‑Funzjonament tal-Unjoni Ewropea [(li qabel kien l-Artikolu 48 KE)] jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema dħul li persuna taxxabbli residenti tagħmel mir-rabtiet kummerċjali tagħha ma’ kumpannija residenti fi Stat Membru ieħor, li fiha tipparteċipa direttament jew indirettament mill-inqas bi kwart u li magħha tkun ftiehmet fuq kundizzjonijiet, li jvarjaw minn dawk li jkunu ġew miftiehma minn terzi indipendenti f’ċirkustanzi identiċi jew simili, għandu jiġi kkalkolat bħallikieku sar skont il-kundizzjonijiet miftiehma bejn terzi indipendenti, meta tali korrezzjoni ma ssirx fir-rigward ta’ dħul minn rabtiet kummerċjali ma’ kumpannija residenti u din il-leġiżlazzjoni ma tagħtix lill-persuna taxxabbli residenti l-possibbiltà li tipprova li l-kundizzjonijiet ġew miftiehma minħabba raġunijiet kummerċjali li jirriżultaw mill-pożizzjoni tagħha inkwantu azzjonist fil-kumpannija residenti fl-Istat Membru l-ieħor?” |
Fuq id-domanda preliminari
27 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE), moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE (li sar l-Artikolu 54 TFUE), għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha d-dħul ta’ kumpannija residenti fi Stat Membru, li ppermetta li kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li magħha għandha rabtiet ta’ interdipendenza, tgawdi minn vantaġġi taħt kundizzjonijiet li ma humiex l-istess bħal dawk li kienu jiftiehmu, f’ċirkustanzi identiċi jew simili, terzi persuni indipendenti bejniethom, għandu jiġi kkalkolat bħallikieku kellhom ikunu applikabbli l-kundizzjonijiet li jkunu ftiehmu dawn it-terzi u għandu jkun suġġett għal korrezzjoni, filwaqt li ma ssirx tali korrezzjoni tad-dħul taxxabbli meta dawn l-istess vantaġġi jkunu ngħataw minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra, li magħha jkollha rabtiet ta’ interdipendenza, u filwaqt li din il-leġiżlazzjoni ma tagħtix il-possibbiltà lill-persuna taxxabbli residenti li tipprova li l-kundizzjonijiet miftiehma rriżultaw għal raġunijiet kummerċjali dovuti għall-pożizzjoni tagħha ta’ sħubija mal-kumpannija mhux residenti. |
28 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li tapplika biss għall-sehem li jippermetti li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 91; tal‑5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 22, u tal‑10 ta’ Ġunju 2015, X, C‑686/13, EU:C:2015:375, punt 18). |
29 |
It-tielet ipoteżi li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 1(2) tal-AStG tirrigwarda s-sitwazzjoni fejn persuna taxxabbli residenti jkollha sehem li jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ residenza tagħha, jiġifieri sehem li jippermetti lill-persuna taxxabbli teżerċita influwenza ċerta fuq il-kumpannija kkonċernata. |
30 |
Hekk kif osservat il-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, Hornbach‑Baumarkt AG kellha indirettament sehem li jirrappreżenta 100 % fil-kapital tal-kumpanniji barranin tal-grupp u għaldaqstant setgħet teżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet u l-attivitajiet tagħhom. |
31 |
Għaldaqstant il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fir-rigward tad-dispożizzjonijet tat-Trattat KE relatati mal-libertà ta’ stabbiliment. |
32 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment jipprekludi li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ kumpannija kkostitwita konformement mal-leġiżlazzjoni tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ sussidjarja. Ikun hemm ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment jekk, skont is-sistema fiskali ta’ Stat Membru, kumpannija residenti li jkollha sussidjarja fi Stat Membru ieħor iġġarrab differenza fit-trattament fiskali żvantaġġjuża meta mqabbla ma’ kumpannija residenti li jkollha sussidjarja fl-ewwel Stat Membru (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Masco Denmark u Damixa, C‑593/14, EU:C:2016:984, punti 24 u 25). |
33 |
F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif tosserva l-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 1(1) tal-AStG, issir korrezzjoni tad-dħul ta’ persuna taxxabbli biss fil-kuntest ta’ rabtiet kummerċjali ta’ dan tal-aħħar barra mill-pajjiż. B’hekk, id-dħul ta’ persuna taxxabbli residenti, imnaqqas minħabba l-fatt li hija ftehmet ma’ persuna qrib tagħha kundizzjonijiet li ma humiex komuni bejn terzi persuni, ikun suġġett għal korrezzjoni biss jekk din il-persuna tkun stabbilita barra mit-territorju nazzjonali. Jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmija persuna tkun sussidjarja tal-persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju nazzjonali, ma ssir ebda korrezzjoni tad-dħul, la taħt l-Artikolu 1(1) tal-AStG la taħt kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali oħra. |
34 |
Minn dan jirriżulta li kumpannija omm resident tal-Istat Membru kkonċernat, li jkollha sehem f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku kellha sehem f’kumpannija residenti. |
35 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali differenza fit-trattament fiskali tal-persuni taxxabbli, skont il-post tas-sede tal-kumpanniji li magħhom il-kundizzjonijiet li ma humiex komuni bejn terzi ġew konklużi, tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 43 KE. Fil-fatt, il-persuna taxxabbli tista’ tasal tirrinunzja l-akkwist, il-ħolqien jew iż-żamma ta’ sussidjarja fi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ residenza tagħha jew ukoll l-akkwist jew iż-żamma ta’ sehem sostanzjali f’kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru, minħabba l-oneru fiskali li jolqot, f’sitwazzjoni transkonfinali, l-għoti ta’ kundizzjonijiet li ma humiex komuni bejn terzi persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI, C‑311/08, EU:C:2010:26, punt 44). |
36 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura fiskali li tista’ tostakola l-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 43 KE tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk din tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni. Huwa wkoll neċessarju, f’tali ipoteżi, li din tkun adegwata sabiex tiżgura li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li tali restrizzjoni ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 42; tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland, C‑388/14, EU:C:2015:829, punti 26 u 29; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Masco Denmark u Damixa, C‑593/14, EU:C:2016:984, punt 28, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2017, A, C‑292/16, EU:C:2017:888, punt 28). |
37 |
Mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li din tintaxxa lil kumpannija residenti meta din tagħti lil kumpannija mhux residenti li magħha hija marbuta vantaġġi miftiehma f’kundizzjonijiet li ma humiex il-kundizzjonijiet tas-suq, b’tali mod li d-dħul taxxabbli tal-kumpannija residenti, fl-Istat Membru kkonċernat, jista’ jirriżulta li jkun imnaqqas. |
38 |
Skont il-Gvern Ġermaniż, is-sitwazzjoni fiskali ta’ kumpannija omm residenti hija differenti skont jekk hija għandhiex rabtiet kummerċjali ma’ sussidjarja mhux residenti jew ma’ sussidjarja residenti, ġaladarba r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandhiex is-setgħa li tintaxxa d-dħul tas-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra. |
39 |
Dan il-gvern isostni li l-assenza ta’ korrezzjoni tad-dħul li kumpannija omm tirċievi mir-rabtiet kummerċjali f’sitwazzjoni purament interna hija ġġustifikata bil-fatt li l-vantaġġ mogħti ex gratia minn din il-kumpannija omm iżid id-dħul tas-sussidjarja tagħha u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tintaxxa kemm id-dħul tal-kumpannija parent kif ukoll il-benefiċċji tas-sussidjarja tagħha stabbilita fit-territorju tagħha. L-istess ma jgħoddx għas-sussidjarji ta’ Hornbach‑Baumarkt AG li huma stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tintaxxa l-benefiċċji ta’ dawn tal-aħħar. |
40 |
Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma humiex relatati mal-kwistjoni tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet, iżda ma’ ġustifikazzjonijiet li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ territorjalità, fejn l-Istati Membri għandhom id-dritt li jintaxxaw id-dħul iġġenerat fit-territorju tagħhom, jew marbut mal-ħtieġa li jiġi ppreżervat it-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri, liema fatt jikkostitwixxi għan leġittimu rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Nordea Bank Danmark, C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 27, u tat‑23 ta’ Novembru 2017, A, C‑292/16, EU:C:2017:888, punt 30). |
41 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Gvern Svediż isostnu li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta mal-preżervazzjoni tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u jinvokaw, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI (C‑311/08, EU:C:2010:26, punt 69). |
42 |
Barra minn hekk, il-Gvern Svediż jenfasizza li r-regoli tad-dritt Ġermaniż li jimplementaw il-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa huma konsegwenza naturali tal-prinċipju ta’ territorjalità u huma neċessarji sabiex kemm dan l-aħħar prinċipju kif ukoll it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni jkunu jistgħu jiġu ppreżervati. |
43 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tkun tali li tiġġustifika differenza fit-trattament meta s-sistema eżaminata tkun intiża sabiex tipprevjeni aġir li jista’ jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C‑347/04, EU:C:2007:194, punt 42; tat‑18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C‑231/05, EU:C:2007:439, punt 54; tal‑21 ta’ Frar 2013, A, C‑123/11, EU:C:2013:84, punt 41, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Masco Denmark u Damixa, C‑593/14, EU:C:2016:984, punt 35). |
44 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li l-kumpanniji residenti ta’ Stat Membru jiġu permessi jittrasferixxu l-benefiċċji tagħhom taħt il-forma ta’ vantaġġi anormali jew favorevoli lejn kumpanniji li jkollhom rabta ta’ interdipendenza magħhom u stabbiliti fi Stati Membri oħra kien jgħaddi mir-riskju li jikkomprometti tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi t-tassazzjoni ta’ tali vantaġġi mill-kumpannija residenti li tathom lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor kienet tippermetti lill-ewwel minn dawn l-Istati Membri jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu b’rabta mal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li tali leġiżlazzjoni nazzjonali kellha għanijiet leġittimi x’tilħaq li kienu kompatibbli mat-Trattat u li kienu jaqgħu taħt raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, u li kellha titqies bħala adegwata sabiex tiżgura li dawn l-għanijiet jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI, C‑311/08, EU:C:2010:26, punti 63, 64 u 69). |
45 |
L-istess jgħodd fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu l-fatt, għal kumpannija residenti, li tagħti lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li magħha għandha rabta ta’ interdipendenza, vantaġġi taħt kundizzjonijiet li ma humiex il-kundizzjonijiet tas-suq, jista’ jippermetti lill-kumpannija residenti tittrasferixxi benefiċċji fil-forma ta’ vantaġġi lejn is-sussidjarja tagħha mhux residenti u tgħaddi mir-riskju li tikkomprometti tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. |
46 |
Billi tipprevedi t-tassazzjoni tal-kumpannija residenti tal-Istat Membru kkonċernat, għall-ammont ipotetiku tar-remunerazzjoni tal-vantaġġ mogħti mingħajr korrispettiv lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li magħha hija għandha rabta ta’ interdipendenza, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont li l-kumpannija omm imissha ddikjarat taħt il-benefiċċji tagħha li kieku t-tranżazzjoni kellha tiġi konkluża konformement mal-kundizzjonijiet tas-suq, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lill-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu b’rabta mal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu. |
47 |
Għaldaqstant hemm lok li jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża li tipprekludi li benefiċċji ġġenerati fl-Istat Membru kkonċernat jiġu ttrasferiti barra mill-ġurisdizzjoni fiskali ta’ dan l-aħħar permezz ta’ tranżazzjonijiet li ma humiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr ma jkunu ġew intaxxati, hija tali li tiggarantixxi l-preżervazzjoni tat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri. |
48 |
Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi eżaminat il-punt dwar jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali tmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. |
49 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali li tibbaża lilha nnifisha fuq eżami ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni tippreżentax in-natura ta’ kostruzzjoni artifiċjali għal finijiet fiskali għandha titqies li ma tmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u dik tal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, meta, fl-ewwel lok, f’kull każ fejn jeżisti suspett li tranżazzjoni tmur lilhinn minn dak li l-kumpanniji kkonċernati jkunu ftiehmu taħt il-kundizzjonijiet tas-suq, il-persuna taxxabbli titqiegħed f’pożizzjoni, mingħajr ma tkun suġġetta għal restrizzjonijiet amministrattivi eċċessivi, li tipproduċi elementi relatati mar-raġunijiet kummerċjali eventwali li għalihom ġiet konkluża din it-tranżazzjoni. Fit-tieni lok, il-miżura fiskali korrettriċi għandha, jekk ikun il-każ, tillimita lilha nnifisha għall-frazzjoni li teċċedi dak li jkun ġie miftiehem bejn il-kumpanniji kkonċernati taħt il-kundizzjonijiet tas-suq (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI, C‑311/08, EU:C:2010:26, punti 71 u 72). |
50 |
Qabel kollox, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjoni tad-dħul tal-persuna taxxabbli kkonċernata, hemm lok li jiġi osservat li, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni ma kinitx suġġetta għal diskussjoni bejn Hornbach‑Baumarkt AG u l-Uffiċċju tat-Taxxa. Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Gvern Ġermaniż sostna, mingħajr ma ġie kkontestat fuq dan il-punt, li l-korrezzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma limitati għall-frazzjoni li teċċedi dak li jkun ġie miftiehem fl-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ interdipendenza bejn il-kumpanniji kkonċernati. |
51 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-possibbiltà li għandu jkollha l-persuna taxxabbli li tipproduċi elementi relatati mar-raġunijiet kummerċjali eventwali sabiex tiġġustifika l-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet taħt kundizzjonijiet mhux normali bejn terzi persuni, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk raġunijiet kummerċjali jistgħux jinkludu raġunijiet ekonomiċi li jirriżultaw mill-eżistenza nnifisha ta’ rabtiet ta’ interdipendenza bejn il-kumpannija omm residenti tal-Istat Membru kkonċernat u s-sussidjarji residenti tagħha ta’ Stat Membru ieħor. |
52 |
Skont il-Gvern Ġermaniż, il-kunċett ta’ “raġunijiet kummerċjali”, fis-sens tal-punt 71 tas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, SGI (C-311/08, EU:C:2010:26), għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera, li teskludi, min-natura tagħha, li jiġu aċċettati raġunijiet ekonomiċi li joriġinaw mill-pożizzjoni ta’ sħubija. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ, barra minn hekk, li tiġi stabbilita distinzjoni bejn il-possibbiltà li jiġu invokati r-raġunijiet għalfejn ingħataw vantaġġi, mingħajr remunerazzjoni, bejn kumpanniji tal-istess grupp, minn naħa, u l-eżami tal-fondatezza tagħhom, min-naħa l-oħra. Hornbach‑Baumarkt AG kellha l-possibbiltà li tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, iżda ma setgħetx turi li dawn kienu jikkorrispondu għal raġunijiet ekonomiċi. |
53 |
Issa, f’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kumpanniji barranin tal-grupp kellhom fondi proprji b’bilanċ negattiv u li l-istabbiliment bankarju sellief kien issuġġetta l-għoti tal-krediti neċessarji għall-iżvolġiment u għall-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ dawn il-kumpanniji għall-kundizzjoni li Hornbach‑Baumarkt AG joħroġ ittra ta’ garanzija. |
54 |
Meta l-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ sussidjarja jiddepenedi fuq introduzzjoni ta’ kapital supplimentari, minħabba l-fatt li hija ma għandhiex fondi proprji suffiċjenti, raġunijiet kummerċjali jistgħu jiġġustifikaw iċ-ċaqliq ta’ fondi mill-kumpannija omm, taħt kundizzjonijiet li ma jkunux komuni bejn terzi persuni. |
55 |
Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, f’din il-kawża, ma ġie invokat ebda riskju ta’ evażjoni fiskali. Il-Gvern Ġermaniż ma stabbilixxa la l-eżistenza ta’ struttura purament artifiċjali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas dik ta’ rieda tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tnaqqas il-benefiċċju taxxabbli tagħha fil-Ġermanja. |
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jistgħu jeżistu raġunijiet kummerċjali marbuta mal-pożizzjoni ta’ sħubija tal-kumpanniji barranin tal-grupp okkupata minn Hornbach‑Baumarkt AG, li jkunu jiġġustifikaw il-konklużjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt kundizzjonijiet normali bejn terzi persuni. Fil-fatt, filwaqt li l-iżvolġiment jew l-espansjoni tal-attivitajiet tal-imsemmija kumpanniji barranin kienu jiddependu, fl-assenza ta’ fondi proprji suffiċjenti, minn introduzzjoni ta’ kapital, l-għoti ex gratia ta’ ittri ta’ garanzija, meta kumpanniji indipendenti bejniethom ikunu ftiehmu remunerazzjoni b’korrispettiv ta’ tali garanzija, tista’ tiġi spjegata permezz tal-interess ekonomiku personali ta’ Hornbach Baumarkt AG għas-suċċess kummerċjali tal-kumpanniji barranin tal-grupp, li fih hija tieħu sehem permezz tad-distribuzzjoni tal-benefiċċji, kif ukoll permezz ta’ ċerta responsabbiltà tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-kapaċità tagħha bħala msieħba, fil-finanzjament ta’ dawn il-kumpanniji. |
57 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk Hornbach‑Baumarkt AG tqiegħditx f’pożizzjoni, mingħajr ma tkun suġġetta għal restrizzjonijiet amministrattivi eċċessivi, li tipproduċi elementi relatati ma’ raġunijiet kummerċjali eventwali li għalihom ġew konklużi t-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma jiġi eskluż li raġunijiet ekonomiċi li jirriżultaw mill-pożizzjoni ta’ sħubija tagħha mal-kumpannija mhux residenti jistgħu jittieħdu mill-ġdid inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward. |
58 |
B’hekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan li din tixtieq tilħaq, ġaladarba l-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni jagħtu lill-persuna taxxabbli residenti l-possibbiltà li tipprova li l-kundizzjonijiet miftiehma kienu tali għal raġunijiet kummerċjali li jistgħu jirriżultaw mill-pożizzjoni tagħha ta’ sħubija mal-kumpannija mhux residenti, liema fatt għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju. |
59 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha d-dħul ta’ kumpannija residenti ta’ Stat Membru, li ppermetta li kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li magħha għandha rabtiet ta’ interdipendenza, tgawdi minn vantaġġi taħt kundizzjonijiet li ma humiex l-istess bħal dawk li kienu jiftiehmu, f’ċirkustanzi identiċi jew simili, terzi persuni indipendenti bejniethom, għandu jiġi kkalkolat bħallikieku kellhom ikunu applikabbli l-kundizzjonijiet li jkunu ftiehmu dawn it-terzi u għandu jkun suġġett għal korrezzjoni, filwaqt li ma ssirx tali korrezzjoni tad-dħul taxxabbli meta dawn l-istess vantaġġi jkunu ngħataw minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra, li magħha jkollha rabtiet ta’ interdipendenza. Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħtix il-possibbiltà lill-persuna taxxabbli residenti li tipprova li l-kundizzjonijiet miftiehma rriżultaw għal raġunijiet kummerċjali dovuti għall-pożizzjoni tagħha ta’ sħubija mal-kumpannija mhux residenti. |
Fuq l-ispejjeż
60 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE), moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE (li sar l-Artikolu 54 TFUE), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha d-dħul ta’ kumpannija residenti ta’ Stat Membru, li ppermetta li kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li magħha għandha rabtiet ta’ interdipendenza, tgawdi minn vantaġġi taħt kundizzjonijiet li ma humiex l-istess bħal dawk li kienu jiftiehmu, f’ċirkustanzi identiċi jew simili, terzi persuni indipendenti bejniethom, għandu jiġi kkalkolat bħallikieku kellhom ikunu applikabbli l-kundizzjonijiet li jkunu ftiehmu dawn it-terzi u għandu jkun suġġett għal korrezzjoni, filwaqt li ma ssirx tali korrezzjoni tad-dħul taxxabbli meta dawn l-istess vantaġġi jkunu ngħataw minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra, li magħha jkollha rabtiet ta’ interdipendenza. Madankollu hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tagħtix il-possibbiltà lill-persuna taxxabbli residenti li tipprova li l-kundizzjonijiet miftiehma rriżultaw għal raġunijiet kummerċjali dovuti għall-pożizzjoni tagħha ta’ sħubija mal-kumpannija mhux residenti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.