SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

“Appell – Servizz pubbliku – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance tal-edukazzjoni – Rifjut ta’ rimbors tal-ispejjeż skolastiċi – Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑390/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-28 ta’ Ġunju 2017,

Irit Azoulay, residenti fi Brussell (il-Belġju),

Andrew Boreham, residenti f’Wansin-Hannut (il-Belġju),

Mirja Bouchard, residenti f’Villers-la-Ville (il-Belġju),

Darren Neville, residenti f’Ohain (il-Belġju),

irrappreżentati minn M. Casado García-Hirschfeld, avukat,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Deneys u E. Taneva, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Irit Azoulay, Andrew Boreham, Mirja Bouchard u Darren Neville jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2017, Azoulay et vs Il-Parlament (T‑580/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:291), li biha din ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet individwali tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2015 li jirrifjutawlhom l-għoti tal-allowances tal-edukazzjoni għas-sena 2014/2015 u, sa fejn ikun hemm bżonn, l-annullament tad-deċiżjonijiet individwali tal-Parlament tas-17 u tad-19 ta’ Novembru 2015 sa fejn dawn jiċħdu parzjalment l-ilmenti tagħhom tal-20 ta’ Lulju 2015.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

“L-allowancestal-familja għandhom ikunu magħmula minn:

[…]

c)

allowancegħall-edukazzjoni.”

3

L-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Suġġett għall-kondizzjonijiet imniżżla fid-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni, uffiċjal għandu jirċievi benefiċċju ta’ l-edukazzjoni daqs l-ispejjeż vera li ħallas, sa massimu ta’ EUR 260.95 kull xahar għal kull tifel dipendenti […], li jkollu mill-anqas ħames snin u jkun jattendi full-time u regolarment skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati, jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla.”. […]

[…]”

4

Konformement mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Parlament adotta, fit-18 ta’ Mejju 2004, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni relattivi għall-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠI”). L-Artikolu 3 tad-DĠI jipprevedi:

“Fil-parametri tal-limiti previsti fl-ewwel u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance tal-edukazzjoni B tkopri:

a)

l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni;

b)

l-ispejjeż ta’ trasport

bl-esklużjoni tal-ispejjeż l-oħra kollha, u b’mod partikolari:

tal-ispejjeż obbligatorji bħal ma huma l-ispejjeż għax-xiri ta’ kotba, ta’ materjal skolastiku, ta’ tagħmir sportiv, il-kopertura ta’ assigurazzjoni skolastika u ta’ spejjeż mediċi, l-ispejjeż ta’ eżamijiet, l-ispejjeż sostnuti għal attivitajiet skolastiċi esterni komuni (bħal ma huma l-ħarġiet, iż-żjarat u l-vjaġġi skolastiċi, il-korsijiet sportivi eċċ.), kif ukoll l-ispejjeż l-oħra relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni li l-istudent jattendi,

tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tal-wild fi vjaġġi organizzati lejn lokalitajiet għall-isports tax-xitwa, lokalitajiet ħdejn il-baħar u lokalitajiet fil-kampanja, kif ukoll f’attivitajiet simili.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma deskritti kif ġej fis-sentenza appellata:

“1

L-ewwel rikorrenti, […] I. Azoulay, għandha wild irreġistrat minn Settembru 2014 fl-Athénée Ganenou fi Brussell (il-Belġju). It-tliet rikorrenti l-oħra, […] A. Boreham, […] M. Bouchard u […] D. Neville, għandhom ulied irreġistrati fl-École internationale Le Verseau f’Bierges (il-Belġju). Ir-rikorrenti, li diġà kellhom ulied irreġistrati f’dawn l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni qabel l-2014 irċevew, sas-sena skolastika 2014/2015, ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għal dawn l-ulied fil-parametri tal-limitu massimu ta’ kull xahar.

2

L-École internationale Le Verseau hija skola mhux konfessjonali li tagħmel parti mill-Fédération des établissements libres subventionnés indépendants (FELSI) (Federazzjoni tal-Istabbilimenti Ħielsa Ssussidjati Indipendenti) u hija ssussidjata mill-Komunità Franċiża. Il-klassijiet huma mgħallma bil-Franċiż u bl-Ingliż minn għalliema li għalihom waħda minn dawn il-lingwi hija l-lingwa materna tagħhom. Madankollu, din l-iskola ma hijiex iffinanzjata kollha minn dan is-sussidju. Hija għandha riżorsi proprji għad-dispożizzjoni tagħha li b’mod partikolari huma pprovduti lilha mill-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Les Amis du Verseau.

3

L-Athénée Ganenou hija skola konfessjonali li hija ssussidjata mill-Komunità Franċiża li tagħha hija tapplika l-programm ta’ edukazzjoni uffiċjali u sħiħ, biż-żieda ta’ diversi sigħat fil-ġimgħa għat-tagħlim tal-lingwa Ebrajka, tal-istorja tal-Ġudaiżmu, tal-Bibbja u tal-Ingliż mis-sezzjoni primarja ’il fuq. Din l-iskola ma hijiex iffinanzjata kollha minn dan is-sussidju. Hija għandha riżorsi proprji għad-dispożizzjoni tagħha li b’mod partikolari huma pprovduti lilha mill-assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru Les Amis de Ganenou.

4

F’Ottubru u f’Novembru 2014, ir-rikorrenti ressqu talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi li huma kienu sostnew għall-ulied dipendenti tagħhom, flimkien ma’ dokumenti ġustifikattivi pprovduti mill-iskejjel ikkonċernati, identiċi għal dawk li kienu ġew annessi mat-talbiet preċedenti tagħhom għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi, li kienu ġew aċċettati.

5

Fl-24 ta’ April 2015, ir-rikorrenti rċevew notifika taċ-ċaħda definittiva tat-talbiet tagħhom għar-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi […] għar-raġuni li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-[Regolamenti tal-Persunal] ma kinux issodisfatti, għaliex iż-żewġ skejjel ikkonċernati ma kinux stabbilimenti ta’ edukazzjoni bi ħlas fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li l-kontribuzzjonijiet fakultattivi tar-rikorrenti lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati jaqgħu barra mill-kuntest tal-edukazzjoni obbligatorja bla ħlas u kif previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana.

6

Fl-20 ta’ Lulju 2015, kull wieħed mir-rikorrenti ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. B’deċiżjonijiet […] tas-17 u tad-19 ta’ Novembru 2015, dawn l-ilmenti ġew miċħuda […]. Madankollu, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament iddeċieda li jagħti lir-rikorrenti “b’mod volontarju u eċċezzjonali” l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2014/2015, iżda li ma jagħtihiex iktar għas-snin skolastiċi li ġejjin għal edukazzjoni fl-École internationale Le Verseau u fl-Athénée Ganenou.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6

L-appellanti talbu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjonijiet tal-24 ta’ April 2015, sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjonijiet tas-17 u tad-19 ta’ Novembru 2015“bl-eċċezzjoni madankollu ta’ dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li jagħtihom b’mod volontarju u eċċezzjonali l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2014/2015”, tikkundanna lill-Parlament iħallashom l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2015/2016, flimkien mal-interessi kkalkolati mid-dati li fihom dawn is-somom kienu dovuti u tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

7

Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti invokaw tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi kif ukoll, għaldaqstant, it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-24 ta’ April 2015. Fid-dawl ta’ din iċ-ċaħda, din iddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet intiżi sabiex il-Parlament jiġi kkundannat iħallas lill-appellanti l-allowance tal-edukazzjoni għas-sena 2015/2016.

It-talbiet tal-partijiet

8

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ t-talbiet tagħhom imressqa fl-ewwel istanza, u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha.

9

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala infondat, u

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

10

Bl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 31 sa 36 u 38 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat il-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]” fid-dawl taċ-ċirkulari Nru 4516, tad-29 ta’ Awwissu 2013, tal-Federazzjoni Wallonja-Brussell, bit-titolu “Aċċess mingħajr ħlas għall-edukazzjoni obbligatorja”, li hija ċirkolari ta’ informazzjoni intiża għall-awtoritajiet nazzjonali.

11

Skont l-appellanti, tal-kunċett ta’ “spejjeż skolastiċi” huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha u l-kuntest tagħha. L-għan tal-allowances huwa li tittieħed inkunsiderazzjoni sew is-sitwazzjoni tal-familja tal-uffiċjal, u b’mod partikolari li jitħallsu lilu ħlasijiet “kumplimentari” relatati mal-ispejjeż li dan għandu realment iħallas, tkun xi tkun is-sistema li fih ibnu jistudja. F’dan il-każ, il-miżati mħallsa mill-appellanti huma maħsuba biex jiffinanzjaw l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom u huma debitament ġustifikati.

12

Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 32 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma kkontestawx li n-nuqqas tal-ħlas tal-ispejjeż inkwistjoni ma jistax iwassal għall-esklużjoni ta’ wliedhom minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni obbligatorja Belġjana. Madankollu, l-ulied li l-ġenituri tagħhom ma jħallsux l-ispejjeż tal-programm edukattiv speċifiku jistgħu jiġu esklużi minn din l-iskema. B’hekk, dawn ikunu obbligati li jsegwu l-kurrikulu nazzjonali, filwaqt li l-lingwi materni tat-tfal tar-rikorrenti, bħala wirt kulturali, huma differenti minn dawk tal-poplu Belġjan.

13

Barra minn hekk, l-appellanti josservaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta fil-punti 31 u 36 tas-sentenza appellata kkunsidrat li l-fatturazzjoni ta’ miżati tal-iskola minn assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru sostnuta mill-ġenituri ta’ studenti ma hijiex konformi mal-liġi nazzjonali, peress li l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni jiffatturaw mhux is-servizzi li l-iskejjel għandhom jipprovdu mingħajr ħlas, iżda pjuttost is-servizzi ta’ tagħlim barra mill-programm obbligatorju Belġjan. Fi kliem ieħor, dawn il-kontribuzzjonijiet speċifiċi jservu esklużivament għall-finanzjament tat-tagħlim li ma huwiex issussidjat mill-Federazzjoni Wallonja-Brussell u li jikkostitwixxi l-ispeċifiċità tal-iskola magħżula u tal-proġett edukattiv tagħha.

14

Finalment, l-appellanti jikkontestaw il-punt 40 tas-sentenza appellata, li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “peress li l-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala spejjeż skolastiċi, huma jikkostitwixxu spejjeż iġġenerati minn rekwiżiti u attivitajiet relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku, jiġifieri l-parteċipazzjoni tal-ulied fil-programm speċifiku u ta’ edukazzjoni mhux issussidjata tal-iskejjel inkwistjoni, u għandhom jiġu kkunsidrati bħala ‘spejjeż […] oħra relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni li l-istudent jattendi’ fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-DĠI, li, skont l-istess dispożizzjoni, ma humiex koperti mill-allowance tal-edukazzjoni B.”

15

Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

16

Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta fakkret, fil-punti 19 u 20 tas-sentenza appellata, li l-allowance għall-edukazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal hija intiża biex tkopri l-“ispejjeż [skolastiċi]” magħmula minn uffiċjal għal kull wild dipendenti li jkun jattendi regolarment fuq bażi full-time “skola primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati”.

17

Ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li l-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Sabiex jiġi interpretat dan il-kunċett, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kliem u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni.

18

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jindika b’mod ċar li l-ispejjeż sostnuti għandhom jippermettu l-attendenza ta’ istituzzjoni bil-ħlas. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 2 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kien it-tqarrib tal-allowance għall-edukazzjoni mal-livell reali tal-ispejjeż li jkunu saru mill-uffiċjali.

19

Interpretat fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 3 tad-DĠI jipprovdi li l-allowance għall-edukazzjoni tkopri l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni bi ħlas u l-ispejjeż tat-trasport, bl-esklużjoni tal-ispejjeż l-oħra kollha.

20

Fid-dawl tan-natura awtonoma tal-kunċett ta’ “spejjeż [skolastiċi]”, il-kwalifika ta’ dan il-kunċett tiddependi fuq in-natura nnifisha u fuq l-elementi li jikkostitwixxu l-ispiża li għandha tiġi rrimborsata (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Bovagnet vs Il-Kummissjoni, F-89/10, EU:F:2011:129, punt 22).

21

B’hekk, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali eżaminat in-natura u l-elementi kostituttivi tal-ispejjeż invokati mir-rikorrenti sabiex tistabbilixxi jekk dawn setgħux jiġu kklassifikati bħala “[…]spejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni” bi ħlas.

22

Kien ukoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għaċ-ċirkulari Nru 4516, li fiha informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Komunità Franċiża tal-Belġju f’dak li jikkonċerna l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ħlas.

23

F’dan ir-rigward, ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti li l-École internationale Le Verseau u l-Athénée Ganenou ma jitolbux spejjeż ta’ reġistrazzjoni jew ta’ attendenza. Tali element huwa suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li dawn l-iskejjel huma istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni bi ħlas, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ippreċiżat fl-Artikolu 3 tad-DĠI. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-kontribuzzjonijiet mitluba minn korpi terzi, bħalma huma assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, għall-parteċipazzjoni tal-ulied fil-programm speċifiku u għall-edukazzjoni mhux issussidjata ta’ dawn l-iskejjel, ma humiex spejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ attendenza ta’ dawn l-istess skejjel u ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “spejjeż [skolastiċi]” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ippreċiżat fl-Artikolu 3 tad-DĠI.

24

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “spejjeż [skolastiċi]”. Fil-fatt, dawn jikkostitwixxu spejjeż iġġenerati minn rekwiżiti u attivitajiet relatati mal-proġett speċifiku u ta’ edukazzjoni mhux issussidjata tal-iskejjel inkwistjoni, u għandhom jitqiesu bħala “spejjeż […] oħra relatati mat-twettiq tal-programm skolastiku tal-istabbiliment ta’ edukazzjoni li l-istudent jattendi” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-DĠI, li, skont l-istess dispożizzjoni, ma humiex koperti bl-allowance tal-edukazzjoni B.

25

Konsegwentement, l-ewwel aggravju huwa infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

26

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, fakkret li l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jista’ jiġi kkonstatat meta assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti mogħtija minn istituzzjoni ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u, fit-tieni lok, indikat għall-kompletezza li minn imkien mill-atti tal-proċess u, b’mod iktar partikolari, minn formola mħejjija mill-amministrazzjoni tal-Parlament għall-iskejjel, ma jirriżulta li din l-amministrazzjoni kienet tat garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti lill-appellanti.

27

L-appellanti jsostnu li ineżattezza materjali taffettwa l-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza appellata, għaliex f’dan il-każ, il-kwistjoni ma kinitx jekk dik il-formola tistax turi l-eżistenza ta’ spejjeż għar-reġistrazzjoni, iżda li jiġi vverifikat jekk il-prattika stabbilita ħafna snin ilu mill-Parlament, u mhux ikkontestata mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, pjuttost ma kinitx assigurazzjoni ċara, konkordanti u inkundizzjonata min-naħa tal-amministrazzjoni.

28

Il-Parlament jikkontesta l-eżistenza ta’ ineżattezza materjali.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Għandu jiġi rrilevat li l-appellanti jikkontestaw motiv għall-kompletezza tas-sentenza appellata, mingħajr ma titpoġġa indiskussjoni l-ġurisprudenza li tgħid li wegħdiet li saru mill-amministrazzjoni ta’ istituzzjoni lil uffiċjal, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi min-naħa ta’ dawk li għalihom huma indirizzati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 1983, Thyssen vs Il-Kummissjoni, 188/82, EU:C:1983:329, punt 11, u tas-6 ta’ Frar 1986, Vlachou vs Il-Qorti tal-Awdituri, 162/84, EU:C:1986:56, punt 6).

30

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju, anki jekk fondat, ma jippermettix li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa ineffettiv u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli l-argumentazzjoni tagħhom li tgħid li l-bidla fil-prattika amministrattiva tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li din l-argumentazzjoni ma ġietx invokata fl-ilment u għalhekk ma hijiex konformi mar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv preliminari u r-rikors. Ir-rikorrenti jsostnu li l-argument tagħhom kienet risposta għal motivazzjoni li tressqet għall-ewwel darba mill-Parlament fir-risposta għall-ilment tagħhom.

32

Skont il-Parlament, il-motiv imqajjem mir-rikorrenti fl-ilment li permezz tiegħu huma invokaw il-bidla fil-prattika amministrattiva kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Id-deċiżjonijiet tas-17 u tad-19 ta’ Novembru 2015, li fihom ingħatat risposta għal dan il-motiv, huma bbażati fuq ġurisprudenza stabbilita li tgħid li s-sempliċi fatt li allowance għall-edukazzjoni tħallset matul numru ta’ snin ma huwiex biżżejjed sabiex il-persunal ikun jista’ jinvoka dan il-prinċipju. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ din l-allowance jipprovdu espressament li din hija suġġetta għal evalwazzjoni annwali u għaldaqstant li din tista’ tiġi emendata minn sena għal oħra jew anki titneħħa. Konsegwentement, it-tfakkira tan-natura annwali tal-evalwazzjoni tal-allowance għall-edukazzjoni ma hijiex motiv ġdid, iżda argument b’risposta għall-kontestazzjonijiet tal-appellanti li kellhom informazzjoni dwar dan is-suġġett, hekk kif huma setgħu jinvokaw motiv ibbażat fuq ksur taċ-ċertezza legali fl-ilment tagħhom.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-affermazzjoni tal-Parlament li tgħid li l-allowance tal-edukazzjoni hija suġġetta għal evalwazzjoni annwali saret insostenn tal-argument tiegħu li huwa ma tax assigurazzjonijiet preċiżi u inkundizzjonati lir-rikorrenti dwar il-benefiċċju tal-allowance għall-edukazzjoni.

34

Din l-affermazzjoni kienet għalhekk risposta għall-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, invokat mill-appellanti fl-ilment tagħhom, u ma kienx jikkostitwixxi motiv tad-deċiżjonijiet tas-17 u tad-19 ta’ Novembru 2015 li deher biss fl-istadju tar-risposta għall-ilmenti.

35

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju huwa infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

36

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-punt 56 tas-sentenza appellata. Dawn iqisu li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ddikjarat ineffettiva l-ewwel parti tat-tielet motiv tagħhom, li biha dawn invokaw il-fatt li xi ġenituri uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra kienu rċevew ir-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi għall-ulied irreġistrati fl-istess skejjel bħal tagħhom, iżda wkoll billi ma ddeċidietx fuq il-ksur tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għalkemm din ġiet invokata quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn josservaw li, konformement mal-Artikolu 1a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali għandhom id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, liema ħaġa teħtieġ li r-Regolamenti tal-Persunal jiġu interpretati, b’mod ġenerali, b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha. Issa, fid-deċiżjonijiet tas-17 u tad-19 ta’ Novembru 2015, il-Parlament indika li ċ-ċirkustanza li xi ġenituri li jaħdmu fil-Kummissjoni Ewropea għadhom jirċievu r-rimbors tal-ispejjeż skolastiċi tat-tfal tagħhom irreġistrati fl-École internationale Le Verseau u fl-Athénée Ganenou ma kinitx taqa’ taħt trattament mhux ugwali, iżda pjuttost mill-fatt li “kull istituzzjoni għandha setgħa ta’ awto-organizzazzjoni li tippermettilha li tuża b’mod awtonomu l-marġni ta’ interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal”.

37

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina jekk il-motivazzjoni mogħtija mill-Parlament dwar is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva kinitx prevista mir-Regolamenti tal-Persunal u kinitx konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

38

Il-Parlament jikkontesta l-fondatezza tar-raba’ aggravju.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 56 tas-sentenza appellata, iżda ma jpoġġux indiskussjoni l-ġurisprudenza li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha, esposta kif ġej fil-punt 55 tas-sentenza appellata:

“Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju ma jistax jinvoka illegalità sabiex jikseb vantaġġ. Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li abbażi tiegħu ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur xi ħadd ieħor (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, C-134/84, EU:C:1985:297, punt 14; tat-2 ta’ Ġunju 1994, de Compte vs Il-Parlament, C-326/91 P, EU:C:1994:218, punti 5152, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Časta vs Il-Kummissjoni, F-40/09, EU:F:2010:74, punt 88).”

40

Issa, il-kwotazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza kienet suffiċjenti sabiex tirrispondi b’mod motivat għall-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

41

Din kienet tiġġustifika wkoll id-deċiżjonijiet tas-17 u tad-19 ta’ Novembru 2015, peress li din l-istituzzjoni kienet tqis li l-ħlas tal-allowance għall-edukazzjoni mitluba mir-rikorrenti tikser l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, pożizzjoni sostnuta wkoll minn din is-sentenza.

42

Fir-rigward tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors għal annullament tagħhom, l-appellanti jagħmlu sempliċi allużjoni għalihom, iżda ma ppreżentawx motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni li l-Qorti Ġenerali kienet marbuta li tirrispondi dwaru.

43

Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju huwa infondat.

44

Peress li l-motivi kollha nstabu li huma infondati, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

45

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

46

Peress li l-appellanti tilfu, dawn għandhom jiġi kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Irit Azoulay, Andrew Boreham, Mirja Bouchard u Darren Neville huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.