DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
17 ta’ April 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Taxxi interni – Projbizzjoni ta’ taxxi diskriminatorji – Artikolu 110 TFUE – Taxxa unika tat-triq għal vetturi bil-mutur – Stabbiliment tar-rata ta’ taxxa skont id-data tal-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni – Vetturi bil-mutur użati importati minn Stati Membri oħra – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-ewwel reġistrazzjoni fi Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C-640/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal de Coimbra (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Coimbra, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura
Luís Manuel dos Santos
vs
Fazenda Pública
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, D. Šváby u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Luis Manuel dos Santos, minn naħa, u l-Fazenda Pública (it-Teżor Pubbliku, il-Portugall), min-naħa l-oħra, dwar il-ħlas tat-taxxa unika tat-triq (Imposto Único de Circulação) mitluba minnu, għas-sena 2014, għal vettura bil-mutur użata importata minn Stat Membru ieħor. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
L-Artikolu 2(1) tal-Código do Imposto Único de Circulação (il-Kodiċi dwar it-Taxxa Unika tat-Triq, iktar ’il quddiem iċ-“CIUC”) jipprovdi: “It-taxxa unika tat-triq tikkonċerna l-vetturi li jaqgħu taħt il-kategoriji segwenti, irreġistrati jew imniżżlin fil-Portugall:
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
4 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa proprjetarju fil-Portugall ta’ vettura bil-mutur użata li huwa importa mir-Renju Unit. Din il-vettura, li kienet ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fl-20 ta’ Ottubru 1966 f’dan l-aħħar Stat Membru, kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni ġdida fil-Portugall fil-31 ta’ Mejju 2013, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Lulju 2007, taċ-CIUC. |
5 |
Fil-31 ta’ Diċembru 2014, huwa ġie mitlub iħallas is-somma ta’ EUR 131.40 bħala taxxa unika tat-triq għas-sena 2014 għall-imsemmija vettura. |
6 |
Peress li kkunsidra li kien is-suġġett ta’ trattament diskriminatorju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju rikors kontra l-kalkolu tal-imsemmija taxxa. Huwa jsostni b’mod partikolari li l-vetturi importati wara l-1 ta’ Lulju 2007 u dawk li għandhom l-istess età li ġew importati u rreġistrati qabel l-1 ta’ Lulju 2007 huma s-suġġett ta’ trattament fiskali differenti, filwaqt li għandhom l-istess karatteristiċi, li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 110 TFUE. |
7 |
Il-qorti tar-rinviju tgħid, f’dan ir-rigward, li l-vettura importata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fi Stat Membru ieħor fl-20 ta’ Ottubru 1966, hija suġġetta għat-taxxa unika tat-triq, skont l-Artikolu 2(1)(b) taċ-CIUC, sa fejn hija kienet ġiet importata fil-Portugall u sa fejn kienet ġiet irreġistrata mill-ġdid wara l-1 ta’ Lulju 2007, filwaqt li hija kienet tkun eżenti mill-imsemmija taxxa li kieku kienet ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fil-Portugall. Għalhekk, l-imsemmija vettura hija suġġetta għall-imsemmija taxxa għas-sempliċi raġuni li kienet ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fi Stat Membru ieħor minbarra l-Portugall. |
8 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Administrativo e Fiscal de Coimbra (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Coimbra, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Il-prinċipju tal-moviment liberu ta’ merkanzija bejn Stati Membri, stabbilit fl-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jipprekludi regola tad-dritt nazzjonali [l-Artikolu 2(1)(b) taċ-CIUC], interpretata fis-sens li tipprovdi li t-taxxa unika tat-triq ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni d-data tal-ewwel reġistrazzjoni meta din issir fi Stat Membru ieħor, iżda għandha tieħu biss inkunsiderazzjoni d-data ta’ reġistrazzjoni fil-Portugall, jekk din l-interpretazzjoni tagħti lok għal tassazzjoni ogħla tal-vetturi importati minn Stat Membru ieħor?” |
Fuq id-domanda preliminari
9 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
10 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
11 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 110 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha t-taxxa unika tat-triq li hija tistabbilixxi tinġabar fuq il-vetturi bil-mutur żgħar intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri rreġistrati jew imniżżlin fl-imsemmi Stat Membru mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura meta din tkun twettqet fi Stat Membru ieħor, bil-konsegwenza li t-tassazzjoni tal-vetturi importati minn Stat Membru ieħor tkun ogħla minn dik tal-vetturi simili mhux importati. |
12 |
Għandu jitfakkar qabelxejn li l-Artikolu 110 TFUE għandu l-għan li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Huwa intiż sabiex jelimina kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tassazzjoni interna diskriminatorja fir-rigward ta’ prodotti li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Budişan, C-586/14, EU:C:2016:421, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
13 |
Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi lil kull Stat Membru milli jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk imposti fuq il-prodotti nazzjonali simili (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Budişan, C-586/14, EU:C:2016:421, punt 20). |
14 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita sistema ta’ tassazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE biss jekk jiġi stabbilit li topera b’mod li teskludi f’kull każ li l-prodotti importati jkunu ntaxxati b’mod iżjed oneruż mill-prodotti nazzjonali u, għalhekk, li f’ebda każ ma għandha effetti diskriminatorji (sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-10/08, mhux ippubblikata, punt 24 u tad-19 ta’ Diċembru 2013, X, C-437/12, EU:C:2013:857, punt 28). |
15 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, diġà ddeċidiet li, fil-qasam ta’ tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati importati, l-Artikolu 110 TFUE huwa intiż sabiex jiżgura n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u l-prodotti importati (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Krawczyński, C-426/07, EU:C:2008:434, punt 31, u tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev, C-2/09, EU:C:2010:312, punt 31). |
16 |
Issa, il-vettur bil-mutur preżenti fis-suq ta’ Stat Membru huma prodotti nazzjonali tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE. Meta dawn il-prodotti jitqiegħdu għall-bejgħ fis-suq tal-vetturi użati ta’ dan l-Istat Membru, dawn għandhom jitqiesu bħala prodotti analogi għall-vetturi użati importati tal-istess tip, bl-istess karatteristiċi u tal-istess użu. Fil-fatt, il-vetturi użati mixtrija fis-suq tal-imsemmi Stat Membru u dawk mixtrija, għall-finijiet tal-importazzjoni u tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni fih, fi Stati Membri oħra, jikkostitwixxu prodotti kompetituri (sentenzi tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C-402/09, EU:C:2011:219, punt 55, u tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu, C-263/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:466, punt 24). |
17 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 110 TFUE jobbliga lil kull Stat Membru jagħżel u jistabbilixxi t-taxxi li huma imposti fuq il-vetturi bil-mutur b’mod li dawn ma jkollhomx l-effett li jiffavorixxu l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u li għalhekk jiskoraġġixxu l-importazzjoni ta’ vetturi użati simili (sentenzi tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C-402/09, EU:C:2011:219, punt 56, u tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu, C-263/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:466, punt 25). |
18 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-taxxa unika tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinġabar kull sena fuq, b’mod partikolari, kull vettura bil-mutur żgħira intiża għat-trasport ta’ passiġġieri rreġistrata jew imniżżla fil-Portugall, filwaqt li jiġi speċifikat li l-ammont tagħha jvarja, b’mod partikolari, abbażi tad-data tal-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura inkwistjoni fil-Portugall. Din it-taxxa tapplika għalhekk kemm għall-vetturi ġodda, għall-vetturi użati u għall-vetturi importati minn Stati Membri oħra u rreġistrati għall-ewwel darba fil-Portugall kif ukoll għall-vetturi li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali. |
19 |
Madankollu, il-vetturi bil-mutur żgħar intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri, bħall-vettura importata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma eżenti mit-taxxa unika tat-triq meta jkunu ġew irreġistrati fil-Portugall qabel l-1981, filwaqt li l-vetturi simili li jkunu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor qabel l-1981 huma suġġetti għall-imsemmija taxxa, peress li jkunu ġew irreġistrati għall-ewwel darba fil-Portugall wara din id-data. |
20 |
Barra minn hekk, dawn l-istess vetturi jaqgħu taħt il-kategorija A meta jkunu ġew irreġistrati għall-ewwel darba fil-Portugall bejn l-1981 u l-1 ta’ Lulju 2007, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ taċ-CIUC, u taħt il-kategorija B meta jkunu ġew irreġistrati għall-ewwel darba fil-Portugall wara l-1 ta’ Lulju 2007. Għall-kuntrarju, il-vetturi simili li jkunu ġew importati minn Stat Membru ieħor u li ġew irreġistrati fil-Portugall wara l-1 ta’ Lulju 2007 jaqgħu taħt il-kategorija B, anki meta jkunu ġew irreġistrati għall-ewwel darba fi Stat Membru ieħor qabel din id-data. Il-vetturi importati fil-Portugall wara l-1 ta’ Lulju 2007 li jkunu ġew irreġistrati għall-ewwel darba fi Stat Membru ieħor qabel l-1 ta’ Lulju 2007 huma għalhekk suġġetti għal tassazzjoni sistematikament ogħla minn dik imposta fuq il-vetturi simili mhux importati li jkunu ġew irreġistrati għall-ewwel darba fil-Portugall qabel din l-istess data. |
21 |
Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi fuq il-vetturi użati importati minn Stati Membri oħra wara l-1 ta’ Lulju 2007 taxxa sistematikament iżjed oneruża minn dik imposta fuq il-vetturi użati nazzjonali simili, sa fejn hija ma tiħux inkunsiderazzjoni d-data tal-ewwel reġistrazzjoni tal-vetturi importati fl-Istati Membri l-oħra. Hija għandha għalhekk l-effett li tiffavorixxi l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u għalhekk tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ vetturi użati simili. |
22 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha t-taxxa unika tat-triq li hija tistabbilixxi tinġabar fuq il-vetturi bil-mutur żgħar intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri li jkunu ġew irreġistrati jew imniżżlin fl-imsemmi Stat Membru mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura meta din tkun twettqet fi Stat Membru ieħor, bil-konsegwenza li t-tassazzjoni tal-vetturi importati minn Stat Membru ieħor tkun ogħla minn dik tal-vetturi simili mhux importati. |
Fuq l-ispejjeż
23 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha t-taxxa unika tat-triq li hija tistabbilixxi tinġabar fuq il-vetturi bil-mutur żgħar intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri li jkunu ġew irreġistrati jew imniżżlin fl-imsemmi Stat Membru mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura meta din tkun twettqet fi Stat Membru ieħor, bil-konsegwenza li t-tassazzjoni tal-vetturi importati minn Stat Membru ieħor tkun ogħla minn dik tal-vetturi simili mhux importati. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.