SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
17 ta’ April 2018 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa – Artikolu 6(1) u (3) – Artikolu 12(1) – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Artikoli 4 u 5 – Sit Natura 2000 ‘Puszcza Białowieska’ – Bidla fil-pjan ta’ ġestjoni tal-foresti – Żieda fil-volum tal-injam esplojtabbli – Pjan jew proġett li ma humiex direttament meħtieġa għall-ġestjoni tas-sit u li jistgħu jaffettwaw lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit – Ħsara għall-integrità tas-sit – Implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri ta’ konservazzjoni – Effetti fuq is-siti ta’ riproduzzjoni u fuq iż-żoni ta’ mistrieħ ta’ speċi protetti”
Fil-Kawża C‑441/17,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2017,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes, H. Krämer, K. Herrmann u E. Kružíková, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn J. Szyszko, Ministru għall-Ambjent, kif ukoll minn B. Majczyna u D. Krawczyk, bħala aġenti, assistiti minn K. Tomaszewski, ekspert,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u E. Regan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2017,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Frar 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:
|
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-direttiva dwar il-habitats
2 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
[…]” |
3 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat hekk: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat. 2. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità. […]” |
4 |
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi: “Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom. In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-[ŻPS] klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva [tal-Kunsill] 79/409/KEE [tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)].” |
5 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi: “1. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. Għall-ispeċi akwatiċi mifruxa fuq żoni kbar, dawk is-siti jiġu proposti biss fejn hemm żona li tista’ tkun identifikata b’mod ċar li tirrappreżenta l-fattura fiżiċi u bioloġiċi essenzjali għall-għixien u r-riproduzzjoni tagħhom. Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11. Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. Dik l-informazzjoni jrid ikun fiha mappa tas-sit, isimha, il-post, id-daqs u l-fatti magħrufa li jirriżultaw mill-applikar tal-kriterji speċifikati fl-Anness III (Stadju 1) mogħtija f’għamla stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. 2. Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-disa’ reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-[SIK] msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità. […] Il-lista tas-siti magħżula bħala [SIK], li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. […] 4. Ladarba [SIK] jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti. 5. Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).” |
6 |
Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva: “1. Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti. […] 3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali. 4. Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati. […]” |
7 |
L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [79/409] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva [79/409], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.” |
8 |
L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:
[…]
|
9 |
L-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats, intitolat “Tipi ta’ habitat naturali ta’ interess Komunitarju li l-konservazzjoni tagħhom titlob li jiġu ddikjarati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, jinkludi, fil-punt 9 dwar il-“[v]eġetazzjoni tal-bosk (sub)naturali li tinkludi speċi indiġeni li jifformaw foresti b’siġar għoljin b’saff taħtani tipiku, skont il-kriterji li ġejjin: rari jew residwi, u/jew li jgħammru fih speċi ta’ interess Komunitarju”, u taħt it-titolu 91, dwar il-“[f]oresti tal-Ewropea Temperata”, il-foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali (foresti tar-ruvlu-karpin tal-Galio-Carpinetum) (bil-kodiċi Natura 2000 9170) kif ukoll il-boskijiet tal-bog (bil-kodiċi Natura 2000 91D0) u l-foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq (foresti alluvjali b’Alnus glutinosa u Fraximus excelsior (Alno-Padion, Alnion incanae, Salicion albae)) (bil-kodiċi Natura 2000 91E0), fejn dawn l-aħħar żewġ foresti huma indikati b’mod speċjali bħala tipi ta’ habitats naturali prijoritarji. |
10 |
L-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Speċi ta’ annimali u ta’ pjanti ta’ interess Komunitarju li l-konservazzjoni tagħhom titlob li jiġu ddikjarati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, isemmi, fil-punt (a), intitolat “Annimali”, b’mod partikolari l-“Invertebrati”, li jinkludu, fil-lista tal-ispeċi ta’ “Artropodi”, il-ħanfus, fosthom il-Boros schneideri, il-Buprestis splendens, il-Cucujus cinnaberinus, l-Osmoderma eremita u l-Phryganophilus ruficollis, bl-indikazzjoni li dawn l-aħħar żewġ speċi huma speċi prijoritarji, kif ukoll il-Pytho kolwensis u r-Rhysodes sulcatus. |
11 |
L-Anness IV tal-imsemmija direttiva, intitolat “Speċi ta’ annimali u pjanti ta’ interess Komunitarju fi bżonn ta’ protezzjoni stretta”, jinkludi wkoll, fil-punt (a), intitolat “Annimali”, b’mod partikolari l-“Invertebrati”, li fosthom jinsabu, fil-lista tal-ispeċi ta’ “Artropodi”, il-ħanfus imsemmi fil-punt preċedenti bl-eċċezzjoni tal-Boros schneideri u tar-Rhysodes sulcatus. |
B. Id-Direttiva dwar l-għasafar
12 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdi: “1. Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-għasafar, il-bajd, il-bejtiet u l-ambjent naturali tagħhom.” |
13 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:
Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala [ŻPS] għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. […] […] 4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. […]” |
14 |
Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment: […]
[…]
[…]” |
15 |
Fost id-diversi speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar jinsabu l-kuċċarda (Pernis apivorus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum), il-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), it-tektiek is-siġar ta’ daru abjad (Dendrocopos leucotos), it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), iż-żanżarell ta’ sidru aħmar (Ficedula parva) u ż-żanżarell tal-kullar (Ficedula albicollis). |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
16 |
Permezz tad-Deċiżjoni 2008/25/KE tagħha tat-13 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skond id-Direttiva dwar il-habitats, l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali (ĠU 2008, L 12, p. 383), il-Kummissjoni approvat, fuq il-bażi tal-proposti tal-Istati Membri, il-klassifikazzjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-habitats, bħala SIK, minħabba l-preżenza ta’ habitats naturali u ta’ habitats ta’ ċerti speċi ta’ annimali, liema sit kellu sussegwentement jiġi kklassifikat mill-Istat Membru kkonċernat bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, skont l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Dan is-sit, li kien inħoloq sabiex jiġu protetti għaxar tipi ta’ habitats naturali u 55 speċi ta’ pjanti jew ta’ annimali, jikkostitwixxi wkoll ŻPS, ikklassifikat bħala tali konformement mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, is-sit imsemmi, bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni u bħala ŻPS, jagħmel parti min-netwerk Natura 2000. |
17 |
Skont il-Kummissjoni, is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska huwa wieħed mill-iktar foresti naturali kkonservati tajjeb fl-Ewropa, u huwa kkaratterizzat minn kwantitajiet kbar ta’ injam mejjet u ta’ siġar antiki, b’mod partikolari siġar li għandhom mitt sena jew iktar. Fit-territorju tiegħu dan is-sit jinkludi habitats naturali fi stat ta’ konservazzjoni tajjeb ħafna li huma ddefiniti bħala “prijoritarji”, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats, bħalma huma l-habitats 91D0 (boskijiet tal-bog) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq), kif ukoll habitats ta’ importanza Komunitarja, fosthom il-habitat 9170 (foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali). |
18 |
Huwa paċifiku li, fid-dawl tal-kwantità kbira ta’ injam mejjet, fit-territorju tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jinsabu wkoll diversi speċi ta’ ħanfus saprossiliku msemmija fl-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitats, b’mod partikolari l-Boros schneideri u r-Rhysodes sulcatus, kif ukoll dawk elenkati wkoll fil-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva bħala speċi li jeħtieġu protezzjoni stretta, bħalma huma l-Buprestis splendens, il-Cucujus cinnaberinus, il-Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis. Huma preżenti wkoll, b’mod partikolari, speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar, li l-habitat tagħhom huwa kkostitwit mis-siġar tal-prinjol mejta jew moribondi, inklużi dawk ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol (Ips typographus), bħalma huma l-kuċċarda, il-kokka nana, il-kokka ta’ Tengmalm, it-tektiek is-siġar ta’ daru abjad, it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, iż-żanżarell ta’ sidru aħmar u ż-żanżarell tal-kullar, filwaqt li t-tudun tas-siġar (Colomba oenas) huwa, min-naħa tiegħu, speċi migratorja li taqa’ taħt il-protezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
19 |
Fid-dawl tal-valur naturali tagħha, il-Puszcza Białowieska (iktar ’il quddiem il-“foresta ta’ Białowieża”) hija inkluża wkoll fil-lista tal-patrimonju mondjali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Unesco). |
20 |
Is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, li jkopri żona ta’ 63147 ettaru, jaqa’ taħt l-awtorità ta’ żewġ entitajiet differenti. Waħda minnhom hija responsabbli għall-ġestjoni tal-park nazzjonali ta’ Białowieża (Białowieski Park Narodowy, il-Polonja), jiġifieri territorju li jirrappreżenta madwar 17 % tas-superfiċi ta’ dan is-sit, jew 10 517-il ettaru. L-awtorità l-oħra, il-Lasy Państwowet (l-Uffiċċju tal-Foresti Pubbliċi, il-Polonja), tamministra territorju ta’ 52 646.88 ettari, maqsum fi tliet distretti forestali, jiġifieri Białowieża (12 586.48 ettari), Browsk (20 419.78 ettari) u Hajnówka (19 640.62 ettari). B’hekk, id-distrett ta’ Białowieża jirrappreżenta madwar 20 % tas-superfiċi tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, jiġifieri superfiċi kważi ekwivalenti għal dik tal-park nazzjonali, u jikkorrispondi għal madwar 24 % tas-superfiċi tat-tliet distretti forestali flimkien. |
21 |
Fis-17 ta’ Mejju 2012, il-Minister Środowiska (il-Ministru għall-Ambjent, il-Polonja) ħareġ rakkomandazzjoni dwar l-esklużjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni fi ħdan il-popolazzjonijiet forestali ta’ iktar minn mitt sena. |
22 |
Fid-9 ta’ Ottubru 2012, il-Ministru għall-Ambjent adotta, bħala reazzjoni għal investigazzjoni qabel il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest tal-mekkaniżmu EU Pilot (fajl EU Pilot 2210/11/ENVI) miftuħa mill-Kummissjoni f’Ġunju 2011, il-Plan urządzenia las (il-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Foresti) dwar il-perijodu 2012-2021 fir-rigward tat-tliet distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka (iktar ’il quddiem il-“PĠF tal-2012”), flimkien ma’ numru ta’ previżjonijiet fir-rigward tal-effetti fuq l-ambjent. |
23 |
Il-PĠF tal-2012 naqqas il-volum ta’ estrazzjoni ta’ injam awtorizzat għal dawn id-distretti forestali għal madwar 470000 m3 f’għaxar snin, fi proporzjon kunsiderevoli meta mqabbel mal-volum ta’ 1500000 m3 ta’ injam estratt bejn is-snin 2003 u 2012. Fir-rigward tad-distrett forestali ta’ Białowieża, dan il-limitu kien iffissat għal volum ta’ 63471 m3. |
24 |
Madankollu, huwa paċifiku li, minħabba l-estrazzjoni massiva ta’ injam bejn is-snin 2012 u 2015, il-volum massimu awtorizzat fil-PĠF tal-2012 fuq perijodu ta’ għaxar snin intlaħaq fid-distrett forestali ta’ Białowieża fi kważi erba’ snin. Fl-istess ħin, l-Uffiċċju tal-Foresti ta’ Białystok ikkonstata, matul dan il-perijodu, firxa ikbar tal-ħanfus tal-prinjol. |
25 |
Fis-6 ta’ Novembru 2015, ir-Regionalny Dyrektor Ochrony Środowiska w Białymstoku (id-Direttur Reġjonali għall-Protezzjoni tal-Ambjent ta’ Białystok, il-Polonja) adotta il-Plan zadań ochronnych (il-Pjan ta’ Ġestjoni, iktar ’il quddiem il-“PZO tal-2015”) li jiffissa l-għanijiet ta’ konservazzjoni u li jistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni dwar is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska fir-rigward tat-territorju tat-tliet distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka. |
26 |
L-Anness 3 tal-PZO tal-2015 jidentifika, skont il-habitats naturali li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats kif ukoll il-habitats tal-ispeċi ta’ annimali li jinsabu fl-Anness II ta’ din id-direttiva u tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar, il-prattiki ta’ ġestjoni forestali li jikkostitwixxu perikoli potenzjali għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
27 |
L-Anness 5 tal-PZO tal-2015 jistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni maħsuba sabiex jiġu evitati l-perikoli potenzjali identifikati fl-Anness 3 ta’ dan il-pjan fir-rigward tal-habitats u tal-ispeċi protetti li jinsabu fit-tliet distretti forestali. |
28 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2016, il-Ministru għall-Ambjent approva, fuq talba tad-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Foresti Pubbliċi, anness għall-PĠF tal-2012 (iktar ’il quddiem l-“Anness tal-2016”) intiż li jemenda l-PĠF tal-2012 bil-għan li, fid-distrett forestali ta’ Białowieża, il-volum ta’ esplojtazzjoni tal-prodotti forestali prinċipali, li jirriżultaw minn qtugħ preċedenti għat-twaqqigħ u minn qtugħ mit-twaqqigħ, jiżdied minn 63471 m3 għal 188000 m3, kif ukoll li s-superfiċi prevista għaż-żrigħ ta’ siġar u għar-riforestazzjoni jiżdied minn 12.77 ettari għal 28.63 ettari, għall-perijodu 2012-2021. |
29 |
Din it-talba kienet immotivata fuq il-bażi tal-“materjalizzazzjoni ta’ danni gravi fi ħdan il-popolazzjonijiet forestali minħabba l-firxa kostanti tal-ħanfus tal-prinjol, firxa li wasslet (matul il-perijodu tal-implimentazzjoni tal-PĠF tal-2012) sabiex ikun meħtieġ li tiżdied l-esplojtazzjoni tal-bosk […] bil-għan li l-foresti jinżammu fi stat ta’ saħħa adegwat, bil-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ekosistemi forestali, bil-għan li jitwaqqaf id-deterjorament u li jinbeda proċess ta’ riġenerazzjoni tal-habitats naturali, inklużi l-habitats ta’ interess Komunitarju”. |
30 |
L-imsemmija talba kienet tispeċifika wkoll li l-Anness tal-2016 “jikkonċerna qabel kollox it-tneħħija tas-siġar tal-prinjol ikkolonizzati, bil-għan li tiġi llimitata l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol (ħtieġa li jitwettaq qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa)” u li kien ser jinbeda proċess ta’ “tneħħija ta’ siġar sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-persuni preżenti fil-foresta ta’ Białowieża (distrett forestali ta’ Białowieża), sa fejn l-akkumulazzjoni ta’ siġar moribondi tikkostitwixxi perikolu għall-pubbliku”. Hija indikat ukoll li n-“nixfa matul dawn l-aħħar snin żiedet it-tnaqqis tas-siġar u tal-popolazzjonijiet tas-siġar tal-prinjol, li wasslet b’hekk għal żieda fir-riskju ta’ nirien fil-foresta ta’ Bialowieża”. |
31 |
Id-Direttur Reġjonali għall-Protezzjoni tal-Ambjent ta’ Białystok ħareġ opinjoni favorevoli għall-adozzjoni ta’ dan l-anness permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2016. Barra minn hekk, huwa paċifiku li, għall-finijiet ta’ din l-adozzjoni, ir-Regionalna Dyrekcja Lasów Państwowych w Białymstoku (id-Direttorat Reġjonali tal-Uffiċċju tal-Foresti ta’ Białystok, il-Polonja), wettaq, matul is-sena 2015, evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-miżuri previsti (iktar ’il quddiem l-“evalwazzjoni tal-effetti tal-2015”), li minnha rriżulta li dawn il-miżuri ma għandhomx “effett negattiv sinjifikattiv fuq l-ambjent u lanqas, b’mod partikolari, fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni u fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 [Puszcza Białowieska]”. |
32 |
Permezz ta’ dokument li wkoll huwa ddatat il-25 ta’ Marzu 2016, il-Ministru għall-Ambjent u d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Foresti Pubbliċi, bil-għan li jsibu soluzzjoni għan-nuqqas ta’ qbil dwar il-metodu ta’ ġestjoni tal-foresta ta’ Białowieża “fuq il-bażi tal-għarfien xjentifiku”, fasslu programm ta’ rimedjazzjoni, intitolat “programm dwar il-foresta ta’ Białowieża bħala patrimonju kulturali u naturali tal-[Unesco] u bħala sit li jagħmel parti min-netwerk Natura 2000” (iktar ’il quddiem il-“programm ta’ rimedjazzjoni”). |
33 |
B’mod partikolari, il-programm ta’ rimedjazzjoni jipprevedi, sabiex tinstab soluzzjoni għall-kontroversja xjentifika dwar in-natura opportuna ta’ intervent mill-bniedem u tat-twaqqigħ ta’ siġar, li tinkiseb esperjenza fuq perijodu twil ta’ żmien li matulu jiġi rriżervat terz mis-superfiċi tat-tliet distretti forestali tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, li fih ikunu jistgħu jiġu evalwati l-effetti tal-assenza ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni forestali, bil-għan li dawn jitqabblu mal-effetti tal-“operazzjonijiet ta’ qtugħ u ta’ esplojtazzjoni tas-siġar” previsti matul is-sena 2016, li kellhom jitwettqu fil-parti l-oħra. |
34 |
Fil-31 ta’ Marzu 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Foresti Pubbliċi adotta, konformement mal-missjoni tiegħu u “fid-dawl tar-rekwiżiti imperattivi marbuta mad-diversifikazzjoni tar-riskji ta’ alterazzjoni kunsiderevoli tal-habitats naturali u ta’ għejbien tal-bijodiversità, minħabba waħda mill-ikbar firxiet tal-ħanfus tal-prinjol fl-istorja, fit-territorju tal-foresta ta’ Białowieża”, id-Deċiżjoni Nru 52 “dwar l-istabbiliment ta’ regoli ddettaljati fir-rigward tal-ġestjoni forestali fil-limiti territorjali tad-distretti forestali ta’ Białowieża u ta’ Browsk” (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 52”). |
35 |
It-Taqsima 1 tad-Deċiżjoni Nru 52 tipprevedi l-istabbiliment, f’dawn iż-żewġ distretti forestali, ta’ “żoni funzjonali ta’ referenza”, li fihom kellha titwettaq biss, b’effett mill-1 ta’ April 2016, ġestjoni forestali bbażata fuq proċessi naturali. Hija għalhekk tipprevedi li l-attività ta’ ġestjoni eżerċitata f’dawn iż-żoni, li fir-rigward tagħhom huwa speċifikat li dawn iż-żoni ma jinkludux ir-riżervi naturali, għandha tkun limitata, b’mod partikolari, għall-qtugħ ta’ siġar li jikkostitwixxu perikolu għas-sigurtà pubblika u riskju ta’ nirien, għall-possibbiltà ta’ tiġdid naturali, għaż-żamma tar-riżorsi forestali fi stat li jillimita kemm jista’ jkun possibbli l-penetrazzjoni fil-foresti mill-bniedem u għall-ħolqien ta’ linja ta’ protezzjoni, li ssegwi l-limiti tal-imsemmija żoni, permezz tal-installazzjoni ta’ nases bil-feromoni maħsuba sabiex iwaqqfu t-tranżizzjoni, minn u lejn dawn l-istess żoni, ta’ organiżmi li tant jagħmlu ħsara li jheddu s-sopravvivenza tal-foresti. |
36 |
It-Taqsima 2 tal-imsemmi deċiżjoni tipprevedi li, “[f]il-foresti li jagħmlu parti mid-distretti forestali ta’ Białowieża u ta’ Browsk, li ma jinsabux fiż-żoni msemmija fit-Taqsima 1, l-attività ta’ ġestjoni (ibbażata fuq il-pjanijiet ta’ ġestjoni forestali) għandha tiġi eżerċitata konformement mal-prinċipji ta’ ġestjoni forestali sostenibbli; madankollu, din il-ġestjoni għandha tiġi eżerċitata b’mod li tiġi żgurata, effettivament, il-protezzjoni tan-natura, b’applikazzjoni tal-metodi ta’ ġestjoni forestali”. |
37 |
Skont it-Taqsima 4 ta’ din l-istess deċiżjoni, huma ammessi derogi minn dawn ir-restrizzjonijiet sabiex jitwettqu x-xogħlijiet previsti fi ftehimiet ta’ ġestjoni forestali eżistenti u sabiex jitwettqu xogħlijiet f’sitwazzjoni fejn l-obbligu sabiex jitwettqu jirriżulta minn dispożizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ġenerali, inkluż il-PZO tal-2015. |
38 |
Fis-17 ta’ Frar 2017, id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Foresti Pubbliċi adotta d-Deċiżjoni Nru 51 “dwar it-tneħħija tas-siġar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol u dwar l-estrazzjoni tas-siġar li jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà pubblika u għall-protezzjoni kontra n-nirien fil-klassijiet kollha ta’ etajiet tal-popolazzjonijiet forestali fid-distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka” (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 51”). |
39 |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 51 jobbliga, b’mod partikolari, lill-awtoritajiet kompetenti sabiex, “[f]id-dawl tas-sitwazzjoni straordinarja u katastrofika kkawżata mill-firxa tal-ħanfus tal-prinjol”, f’dawn it-tliet distretti forestali, jaqtgħu immedjatament is-siġar li jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà pubblika, essenzjalment mal-mogħdijiet ta’ komunikazzjoni u mal-mixjiet turistiċi, ineħħu b’mod kontinwu s-siġar xotti u l-fdalijiet wara l-ħsad, u jaqtgħu kontinwament u fi żmien qasir is-siġar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, u dan fir-rigward tal-klassijiet ta’ etajiet kollha tal-popolazzjonijiet forestali, kif ukoll sabiex jiġbru l-injam u jittrasportawh jew sabiex ineħħulu l-qoxra tiegħu u jnixxfuh. L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jispeċifika, f’dan ir-rigward, li, għall-finijiet ta’ dan il-qtugħ, “qiegħda ssir deroga mir-restrizzjonijiet marbuta mal-età tas-siġar u mal-funzjoni tal-popolazzjonijiet forestali”. |
40 |
Fir-rigward tal-użu tal-injam miġbur b’riżultat ta’ dan il-qtugħ, l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi li dan għandu jintuża fit-twettiq ta’ proġett ta’ rziezet tal-karbonju fil-foresti, li l-injam niexef li ma jkunx ikkolonizzat mill-ħanfus tal-prinjol jista’ jinħażen f’installazzjonijiet tranżitorji stabbiliti fuq iż-żoni żvojtati u fuq artijiet miftuħa, filwaqt li l-injam ikkolonizzat għandha titneħħilu l-qoxra qabel jinħażen. Din id-dispożizzjoni teżiġi wkoll l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ bejgħ tal-injam miġbur sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-abitanti tal-komuni li jinsabu fiż-żona territorjali ta’ Puszcza Białowieska. |
41 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 51 jipprevedi, minn naħa, l-implimentazzjoni ta’ “diversi metodi ta’ tiġdid” permezz ta’ riġenerazzjoni naturali, permezz ta’ riforestazzjoni jew ta’ żrigħ, u permezz ta’ protezzjoni, bil-għan li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-popolazzjonijiet forestali wara l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jkun hemm kontroll kontinwu ta’ dawn il-miżuri billi jitwettqu regolarment inventarju tal-istat tal-foresti u evalwazzjoni tal-bijodiversità, inkluż bl-użu ta’ netwerk ta’ żoni għat-twettiq ta’ inventarju ta’ riżorsi naturali fuq skala kbira. |
42 |
Huwa paċifiku li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 51, kienu tneħħew is-siġar xotti u s-siġar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol mit-tliet distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, f’“żona ta’ ristabbiliment forestali” ta’ madwar 34000 ettaru, li tirrappreżenta kważi 54 % tas-superfiċi tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, li tibbaża ruħha fuq id-data pprovduta mill-Uffiċċju tal-Foresti Pubbliċi, il-qtugħ fil-foresta ta’ Białowieża, imwettaq sa mill-bidu tas-sena 2017, jirrappreżenta, b’kollox, iktar minn 35000 m3 injam, li minnhom 29000 m3 huma siġar tal-prinjol, jiġifieri madwar 29000 siġra. |
III. Il-proċedura prekontenzjuża
43 |
Wara li ġiet informata bl-approvazzjoni tal-Anness tal-2016, fis-7 ta’ April 2016 il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Pollakki, permezz tas-sistema elettronika ta’ komunikazzjoni qabel il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest tal-mekkaniżmu EU Pilot (fajl EU Pilot 8460/16/ENVI), talba għal kjarifiki b’sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-impatt taż-żieda fl-estrazzjoni tal-injam mid-distrett forestali ta’ Białowieża fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitats naturali u ta’ speċi ta’ fawna selvaġġa ta’ interess Komunitarju fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
44 |
Fit-tweġiba tagħhom tat-18 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Pollakki ġġustifikaw iż-żieda fil-volum tal-injam estratt minn dan is-sit permezz tal-firxa mingħajr preċedent tal-ħanfus tal-prinjol. |
45 |
Fid-9 u fl-10 ta’ Ġunju 2016, id-dipartimenti tal-Kummissjoni għamlu żjara fil-foresta ta’ Białowieża sabiex jinvestigaw madwar tnax-il settur differenti tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
46 |
Fis-17 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Pollakki, konformement mal-Artikolu 258 TFUE, ittra ta’ intimazzjoni minħabba li l-miżuri approvati fl-Anness tal-2016 ma kinux iġġustifikati, minħabba li dawn l-awtoritajiet kienu naqsu milli jiżguraw li l-imsemmija miżuri ma kinux ser jippreġudikaw l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska u minħabba li, billi awtorizzaw żieda fl-estrazzjoni tal-injam, huma kienu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt id-Direttivi dwar il-habitats u dwar l-għasafar. |
47 |
Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2016 mibgħuta lill-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-ambjent, il-Ministru għall-Ambjent indika li kienu meħtieġa elementi ta’ informazzjoni supplimentari dwar il-habitats u l-ispeċi preżenti fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska u li l-inventarju tagħhom kien qiegħed jitħejja. |
48 |
L-awtoritajiet Pollakki wieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni fit-18 ta’ Lulju 2016, filwaqt li ċaħdu kompletament l-ilmenti tal-Kummissjoni. |
49 |
Matul ix-xhur ta’ Frar u ta’ Marzu 2017, kien hemm skambju ta’ korrispondenza bejn il-Ministru għall-Ambjent u l-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-ambjent. Il-Ministru għall-Ambjent indika li l-ewwel riżultati tal-inventarju kienu diġà magħrufa u li, fuq din il-bażi, kien iddeċieda li kellu jibda l-qtugħ previst fl-Anness tal-2016. |
50 |
Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ April 2017, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja, fejn sostniet li din kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) u (3) u taħt l-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva dwar il-habitats kif ukoll taħt l-Artikolu 4(1) u (2) u taħt l-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Il‑Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Pollakki sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahar minn meta taslilhom. Hija ġġustifikat dan it-terminu, b’mod partikolari, permezz tal-informazzjoni li l-qtugħ kien diġà beda u permezz tar-riskju dirett li s-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jġarrab, minħabba f’hekk, dannu gravi u irreparabbli. |
51 |
Fis-17 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ġiet informata bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 51. |
52 |
Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Mejju 2017, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għall-opinjoni motivata filwaqt li allegat li n-nuqqasijiet invokati fil-konfront tagħha ma kinux fondati. |
53 |
Peress li ma kinitx issodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors ineżami. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
54 |
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ressqet talba għal miżuri provviżorji fuq il-bażi tal-Artikolu 279 TFUE u tal-Artikolu 160(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ir-Repubblika tal-Polonja tiġi ordnata sabiex, sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu, minn naħa, twaqqaf, ħlief fil-każ ta’ theddida għas-sigurtà pubblika, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva fil-habitats 91D0 (boskijiet tal-bog) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq), u fil-popolazzjonijiet forestali ta’ mitt sena jew iktar fil-habitat 9170 (foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali), kif ukoll fil-habitats tal-kuċċarda, tal-kokka nana, tal-kokka ta’ Tengmalm, tat-tektiek is-siġar ta’ daru abjad, tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, taż-żanżarell ta’ sidru aħmar, taż-żanżarell tal-kullar u tat-tudun tas-siġar u fil-habitats tal-ħanfus saprossiliku, jiġifieri l-Boros schneideri, il-Buprestis splendens, il-Cucujus cinnaberinus, il-Phryganophilus ruficollis, il-Pytho kolwensis kif ukoll ir-Rhysodes sulcatus u, min-naħa l-oħra, twaqqaf it-tneħħija ta’ siġar tal-prinjol mejta ta’ mitt sena jew iktar u t-twaqqigħ ta’ siġar fil-kuntest taż-żieda fil-volum tal-injam esplojtabbli fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, operazzjonijiet dawn li jirriżultaw mill-Anness tal-2016 u mid-Deċiżjoni Nru 51. |
55 |
Il‑Kummissjoni talbet ukoll, skont l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura, l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji msemmija saħansitra qabel il-preżentazzjoni mill-konvenuta tal-osservazzjonijiet tagħha, u dan minħabba r-riskju ta’ preġudizzju gravi u irreparabbli għall-habitats u għall-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
56 |
Permezz tad-digriet tiegħu tas-27 ta’ Lulju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ b’mod provviżorju din it-talba tal-aħħar sal-għoti tad-digriet li jagħlaq il-proċedura għal miżuri provviżorji. |
57 |
Fit-13 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni kkompletat it-talba tagħha għal miżuri provviżorji billi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna, barra minn hekk, lir-Repubblika tal-Polonja tħallas pagamenti ta’ penalità fil-każ li din ma tikkonformax ruħha mal-ordnijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċedura. |
58 |
Fit-28 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li din il-kawża tiġi assenjata lill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għadda l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tal-importanza tagħha, assenjatha lill-Awla Manja, konformement mal-Artikolu 60(1) tal-imsemmija Regoli. |
59 |
Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑441/17 R, EU:C:2017:877), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba tal-Kummissjoni, sal-għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza, filwaqt li awtorizzat, b’mod eċċezzjonali, lir-Repubblika tal-Polonja timplimenta l-operazzjonijiet previsti fl-Anness tal-2016 u fid-Deċiżjoni Nru 51 meta dawn ikunu strettament meħtieġa, u sa fejn ikunu proporzjonati, sabiex tiġi żgurata, b’mod dirett u immedjat, is-sigurtà pubblika tal-persuni, u dan bil-kundizzjoni li miżuri oħra inqas radikali ma jkunux possibbli minħabba raġunijiet oġġettivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat ukoll lir-Repubblika tal-Polonja tikkomunika lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard minn ħmistax-il jum wara n-notifika ta’ dan id-digriet, il-miżuri kollha li hija ser tadotta sabiex tosservah kompletament, filwaqt li tispeċifika, filwaqt li tipprovdi raġunijiet, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva li hija tipprevedi li tkompli minħabba n-neċessità tagħhom sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat id-deċiżjoni tagħha dwar it-talba komplementari tal-Kummissjoni sabiex jiġi ordnat il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità. |
60 |
Barra minn hekk, permezz tad-digriet tiegħu tal-11 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑441/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:794), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissuġġetta ex officio din il-kawża għall-proċedura mħaffa, prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura. |
V. Fuq ir-rikors
61 |
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka erba’ lmenti, ibbażati fuq ksur, l-ewwel nett, tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, it-tieni nett, tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, it-tielet nett, tal-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva dwar il-habitats kif ukoll, ir-raba’ nett, tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
A. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
1. L-argumenti tal-partijiet
62 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-tieni sar-raba’ lmenti mqajma mill-Kummissjoni huma inammissibbli sa fejn jikkonċernaw l-operazzjonijiet implimentati fit-territorji tad-distretti forestali ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, previst fid-Deċiżjoni Nru 51. Fil-fatt, minn naħa, dawn l-ilmenti jestendu b’mod mhux iġġustifikat l-portata tal-ilmenti ddefiniti fl-opinjoni motivata, sa fejn dawn tal-aħħar jirreferu biss għall-konsegwenzi tal-adozzjoni tal-Anness tal-2016 dwar id-distrett forestali ta’ Białowieża. B’hekk, is-suġġett tat-tilwima qiegħed jiġi estiż ratione loci, iżda wkoll ratione materiae peress li l-operazzjonijiet previsti fid-Deċiżjoni Nru 51 huma differenti minn dawk iddefiniti fl-Anness tal-2016. Min-naħa l-oħra, skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-formulazzjoni tat-tieni sar-raba’ lmenti ma hijiex ċara. Fil-fatt, ma jistax jiġi ddeterminat jekk dawn l-ilmenti humiex esklużivament marbuta mal-adozzjoni ta’ dan l-anness jew jekk jikkonċernawx ukoll l-operazzjonijiet previsti fid-Deċiżjoni Nru 51. |
63 |
Il‑Kummissjoni tqis li t-tieni sar-raba’ lmenti huma ammissibbli. Il-fatti invokati fil-konfront tar-Repubblika tal-Polonja fl-opinjoni motivata jikkonċernaw biss id-distrett forestali ta’ Białowieża, għas-sempliċi raġuni li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Pollakki, sad-data ta’ din l-opinjoni, kienu jikkonċernaw biss dan id-distrett. Madankollu, l-istess miżuri kienu adottati minn dan l-Istat Membru anki fir-rigward taż-żewġ distretti forestali l-oħra li jagħmlu parti mis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Peress li dawn huma fatti identiċi, li jikkostitwixxu l-istess aġir, huwa ġġustifikat li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkopri t-territorju kollu kopert mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva kkonċernati fil-jum tal-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-estensjoni ġeografika magħmula bejn l-opinjoni motivata u r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija biss il-konsegwenza tal-għażla tal-awtoritajiet Pollakki stess li jieħdu deċiżjonijiet tal-istess natura matul il-proċedura prekontenzjuża u li jorganizzaw tardivament il-komunikazzjoni tagħhom lill-pubbliku. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
64 |
Għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża huwa li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-possibbiltà jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni jew li jinvoka b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni. Ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża tikkostitwixxi garanzija essenzjali mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett tilwima ddefinita b’mod ċar (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Is-Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE, huwa ffissat mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u fuq l-istess motivi bħal din l-opinjoni (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑171/08, EU:C:2010:412, punt 25, u tal-5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 37). |
66 |
Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn il-formulazzjoni tal-ilmenti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tat-tilwima, kif iddefinit fl-opinjoni mmotivata, ma jkunx ġie estiż jew mibdul (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑236/05, EU:C:2006:707, punt 11). |
67 |
B’mod partikolari, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jkopri fatti sussegwenti għall-opinjoni motivata sakemm ikunu tal-istess natura u jikkostitwixxu l-istess aġir bħall-fatti koperti mill-imsemmija opinjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, 113/86, EU:C:1988:59, punt 11; tad-9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑236/05, EU:C:2006:707, punt 12, u tal-5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 43). |
68 |
F’dan il-każ, fl-opinjoni motivata u fir-rikors, il-Kummissjoni tinvoka l-istess erba’ lmenti, ibbażati fuq ksur mir-Repubblika tal-Polonja tal-obbligi tagħha, minn naħa, taħt l-Artikolu 6(1) u (3) u taħt l-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva dwar il-habitats, kif ukoll, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 4(1) u (2) u taħt l-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
69 |
Kemm mill-opinjoni motivata u kemm mir-rikors jirriżulta li l-Kummissjoni ssostni li dawn in-nuqqasijiet huma kollha ta’ natura li jippreġudikaw l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
70 |
F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-opinjoni motivata tkopri biss l-operazzjonijiet previsti fl-Anness tal-2016 fid-distrett forestali ta’ Białowieża, filwaqt li t-tieni sar-raba’ lmenti ppreżentati fir-rikors, li huma s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika tal-Polonja, jirreferu wkoll għall-operazzjonijiet implimentati fid-distretti forestali ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 51. |
71 |
Madankollu, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li dawn it-tliet distretti forestali kollha jagħmlu parti mis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, li huwa s-suġġett tal-opinjoni motivata. |
72 |
It-tieni nett, bħall-Anness tal-2016, li jipprevedi, essenzjalment, l-implimentazzjoni, fid-distrett forestali ta’ Białowieża, ta’ diversi operazzjonijiet ta’ qtugħ, bħalma huma, b’mod partikolari, it-tneħħija, permezz ta’ “qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa”, ta’ siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol u ta’ siġar moribondi li jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà pubblika, kif ukoll iż-żrigħ mill-ġdid ta’ boskijiet, id-Deċiżjoni Nru 51 tipprevedi, f’dan l-istess distrett forestali kif ukoll f’dawk ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, it-twaqqigħ kontinwu u fi żmien qasir tas-siġar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, it-twaqqigħ immedjat ta’ siġar li jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà pubblika, it-tneħħija kontinwa ta’ siġar xotti kif ukoll iż-żrigħ mill-ġdid ta’ popolazzjonijiet forestali affettwati mill-firxa tal-ħanfus tal-prinjol (iktar ’il quddiem l-“operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni”). |
73 |
Fl-aħħar nett, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika tal-Polonja, jirriżulta li l-informazzjoni dwar l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 51 waslet għand il-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 2017, jiġifieri wara li ntbagħtet l-opinjoni motivata fit-28 ta’ April 2017. |
74 |
Minn dan isegwi li l-fatti koperti mill-opinjoni motivata huma tal-istess natura u jikkostitwixxu l-istess aġir bħal dawk koperti mir-rikors. |
75 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma dan jimplika bidla tas-suġġett tat-tilwima, tinkludi fir-rikors tagħha l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva implimentati fid-distretti ta’ Browsk u ta’ Hajnówka tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
76 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, din tal-aħħar ma seta’ jkollha ebda dubju fir-rigward tal-portata tat-tieni sar-raba’ lmenti. |
77 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet li huwa invokat il-ksur tagħhom huma identiċi, it-tieni nett, li s-suġġett ta’ dawn in-nuqqasijiet, li kollha huma ta’ natura li jippreġudikaw l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, huwa l-istess u, fl-aħħar nett, li l-aġir kif ukoll il-fatti koperti, jiġifieri l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, huma tal-istess natura u huma mmotivati mill-istess kunsiderazzjonijiet, jiġifieri l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol u s-sigurtà pubblika, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tallega li hija ma setgħetx tinvoka b’mod utli l-motivi tad-difiża tagħha fil-konfront tal-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni. |
78 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li l-argumenti mressqa minn dan l-Istat Membru fir-risposta tiegħu dwar dawn l-ilmenti jikkonċernaw, b’mod espliċitu, kemm l-operazzjonijiet previsti fl-Anness tal-2016 u kemm dawk previsti fid-Deċiżjoni Nru 51. |
79 |
Għaldaqstant, it-tieni sar-raba’ lmenti huma ammissibbli. |
B. Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
1. Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats
a) L-argumenti tal-partijiet
80 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats meta approvat l-Anness tal-2016 u meta implimentat l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, mingħajr ma żgurat ruħha li dan ma kienx ser jippreġudika l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
81 |
Skont il-Kummissjoni, l-Anness tal-2016, sa fejn jemenda l-PĠF tal-2012, jikkostitwixxi “pjan” jew “proġett” li ma huwiex direttament marbut ma’ jew meħtieġ għall-ġestjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv minħabba ż-żieda bi tliet darbiet fil-volum tal-injam esplojtabbli fid-distrett forestali ta’ Białowieża prevista minnu. B’differenza mill-PZO tal-2015, il-PĠF tal-2012 ma huwiex, fil-fatt, “pjan ta’ ġestjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, għaliex ma jiffissax l-għanijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għas-siti Natura 2000. Il-PĠF tal-2012 huwa intiż prinċipalment li jirregola l-prattiki ta’ ġestjoni forestali, b’mod partikolari billi jiffissa l-volum massimu ta’ injam li jista’ jiġi estratt u billi jistabbilixxi miżuri ta’ protezzjoni tal-foresti. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni jew l-emenda tiegħu, kien meħtieġ li titwettaq evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit Natura 2000 ikkonċernat fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit, konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
82 |
Il-Kummissjoni tqis, madankollu, li l-awtoritajiet Pollakki naqsu milli jiżguraw li l-Anness tal-2016 ma kienx ser jippreġudika l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, li timplika ż-żamma b’mod sostenibbli tal-karatteristiċi kostitwenti ta’ dan is-sit, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preżervazzjoni tiegħu ġġustifika l-klassifikazzjoni tal-imsemmi sit bħala SIK u bħala ŻPS. F’dan il-każ, il-karatteristiċi kostitwenti tal-integrità ta’ dan l-istess sit huma s-segwenti, jiġifieri l-proċessi ekoloġiċi naturali li jiżvolġu f’dan is-sit, bħalma huma r-riġenerazzjoni naturali tas-siġar, is-selezzjoni naturali tal-ispeċi mingħajr l-intervent tal-bniedem u s-suċċessjoni ekoloġika naturali, id-diversità fil-kompożizzjoni ta’ speċi u fl-istruttura tal-età tal-popolazzjonijiet forestali tiegħu, li jinkludu, b’mod partikolari, proporzjon kunsiderevoli ta’ siġar fl-aħjar fażi u fil-fażi terminali, l-abbundanza ta’ injam mejjet u l-preżenza ta’ speċi tipiċi ta’ foresti naturali li ma humiex imfixkla mill-bniedem u li jgħixu f’habitats naturali. |
83 |
Issa, il-miżuri ta’ tneħħija ta’ siġar mejta u moribondi, ta’ ġestjoni forestali fil-forma ta’ “qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa”, ta’ twaqqigħ ta’ siġar fil-każ ta’ popolazzjonijiet ta’ iktar minn mitt sena fil-foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali u fil-foresti alluvjali, u ta’ tneħħija ta’ siġar tal-prinjol ta’ iktar minn mitt sena moribondi jew mejta kkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, previsti fl-Anness tal-2016, jikkoinċidu mal-perikoli potenzjali għall-habitats naturali u għall-habitats tal-ispeċi inkwistjoni, identifikati fil-PZO tal-2015. Dawn il-perikoli potenzjali jinkludu de facto l-“qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa”. |
84 |
Mill-banda l-oħra, l-azzjoni tal-ħanfus tal-prinjol ma hijiex meqjusa, fil-PZO tal-2015, li hija theddida għall-habitats inkwistjoni, bħalma lanqas ma l-ġlieda kontra l-ħanfus tal-prinjol permezz tat-twaqqigħ ta’ popolazzjonijiet ta’ siġar u tat-tneħħija tas-siġar tal-prinjol ikkolonizzati ma kienet irrikonoxxuta bħala miżura ta’ konservazzjoni f’dan il-pjan. Għall-kuntrarju, kienet preċiżament it-tneħħija tas-siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol li tqieset espliċitament fil-PZO tal-2015 li hija theddida għall-habitats tal-kokka nana, tal-kokka ta’ Tengmalm u tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’. |
85 |
Fl-istat attwali tal-għarfien, il-fażijiet ta’ firxa tal-ħanfus tal-prinjol huma meqjusa bħala li jagħmlu parti miċ-ċiklu naturali tal-foresti antiki li jinkludu siġar tal-prinjol. Dawn il-fenomeni kienu osservati regolarment fil-passat fil-foresta ta’ Białowieża. Barra minn hekk, huma ma kienu s-suġġett ta’ ebda kontroll kontinwu fil-limiti tal-park nazzjonali ta’ Białowieża, fejn l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats huwa aħjar minn dak fid-distretti forestali ġestiti mill-Uffiċċju tal-Foresti Pubbliċi fejn twettaq “qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa”. Skont il-Kummissjoni, numru ta’ studji xjentifiċi jidentifikaw ukoll l-istat aħjar ta’ konservazzjoni tal-habitats tal-foresta ta’ Białowieża li huma esklużi minn kull intervent mill-bniedem. Ix-xjentisti jibżgħu wkoll li t-tneħħija tas-siġar mejta jew moribondi ser toħloq żbilanċ fl-istruttura tal-età tal-popolazzjonijiet forestali, ser tnaqqas id-diversità tal-ispeċi u tal-habitats protetti u ser twassal għall-għejbien ta’ sorsi importanti ta’ ikel għal diversi speċi ta’ annimali protetti. Għaldaqstant, it-tneħħija tal-injam mejjet fil-kuntest tal-“qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa” hija inkompatibbli mal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni protetti, sa fejn iż-żamma tal-injam mejjet fil-foresta hija neċessarja sabiex tinżamm il-bijodiversità. |
86 |
Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-portata tal-qtugħ previst fl-Anness tal-2016 ma hijiex negliġibbli. |
87 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, iż-żoni li fihom hija awtorizzata żieda fl-estrazzjoni ta’ injam jikkoinċidu ma’ dawk li fir-rigward tagħhom il-PZO tal-2015 jipprevedi miżuri ta’ konservazzjoni li jeskludu l-popolazzjonijiet ta’ iktar minn mitt sena mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali. |
88 |
It-tieni nett, id-Deċiżjoni Nru 51 teżiġi, fit-tliet distretti forestali tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, it-twaqqigħ u t-tneħħija ta’ siġar li jagħmlu parti mill-popolazzjonijiet ta’ kull klassi ta’ età għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħanfus tal-prinjol. B’hekk, iż-“żona ta’ ristabbiliment forestali” li fiha nbdew, fuq il-bażi tal-Anness tal-2016, l-operazzjonijiet maħsuba sabiex titwaqqaf il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol tirrappreżenta superfiċi ta’ 34000 ettaru, jiġifieri 50 % tas-superfiċi ta’ dan is-sit, filwaqt li ż-żoni ta’ referenza jkopru 17000 ettaru. |
89 |
Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li s-superfiċi li fir-rigward tagħha l-Anness tal-2016 jipprevedi operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali tirrappreżenta, kif isostnu l-awtoritajiet Pollakki, 5 % tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, dan ma huwiex negliġibbli peress li minn dan jirriżulta li ma humiex applikabbli l-obbligi previsti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats u li importanza determinanti għandha tingħata lill-obbligu li titħares l-integrità funzjonali ta’ dan is-sit bl-osservanza tal-konnettività ekoloġika għall-ispeċi li jikkontribwixxu għal kwantità kbira ta’ injam mejjet. Fil-verità, meta ffissaw, fil-PĠF tal-2012, volum ta’ injam esplojtabbli ta’ 63471 m3 sal-2021, l-awtoritajiet kompetenti sabu, wara li evalwaw l-effetti fuq l-ambjent, livell ibbilanċjat ta’ esplojtazzjoni fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-imsemmi sit. |
90 |
Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Pollakki fl-ebda mument tal-proċess deċiżjonali ma ħadu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet maħruġa minn diversi korpi xjentifiċi, minkejja li kellhom konoxxenza tagħhom, li jindikaw, essenzjalment, li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni kienu ta’ natura li jikkawżaw preġudizzju għas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
91 |
B’mod partikolari, dawn l-awtoritajiet ma setgħux jeskludu l-eżistenza ta’ dubji xjentifiċi dwar l-assenza ta’ effetti dannużi għall-integrità ta’ dan is-sit billi jibbażaw ruħhom fuq l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-effetti mwettqa fl-2012 u kienet tiffoka fuq il-popolazzjonijiet ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol. Barra minn hekk, l-imsemmija evalwazzjoni hija bbażata fuq metodu żbaljat peress li ma tagħmilx riferiment għall-għanijiet partikolari tal-konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi ta’ annimali li kienu s-suġġett tal-PZO tal-2015, peress li ma tiddefinixxix xi tfisser l-integrità tal-imsemmi sit u peress li ma tindikax għaliex l-operazzjonijiet previsti ma humiex ta’ natura tali li jistgħu jippreġudikawh. Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-Anness tal-2016 ma hijiex ibbażata fuq informazzjoni aġġornata sa fejn, sabiex ikunu jafu aħjar il-postijiet fejn jinsabu dawn l-ispeċi, l-awtoritajiet Pollakki kienu bdew, fl-2016, inventarju tas-sit inkwistjoni li r-riżultati tiegħu kienu għadhom qegħdin jiġu stabbiliti meta ġiet adottata l-opinjoni motivata. |
92 |
Il-Kummissjoni tfakkar li hija fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-implimentazzjoni tal-proġett inkwistjoni li ma għandu jkun hemm l-ebda dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika fir-rigward tal-assenza ta’ effetti dannużi għall-integrità tas-sit ikkonċernat. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja kisret l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, jekk xejn minħabba l-fatt li l-Ministru għall-Ambjent, meta approva l-Anness tal-2016, ma setax ikun ċert li l-operazzjonijiet previsti f’dan l-anness ma kienx ser ikollhom effetti dannużi fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Minn dan jirriżulta wkoll li ebda miżura sussegwenti ma tista’ tirrimedja l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, lanqas fil-każ li iktar tard tiġi stabbilita l-assenza ta’ effetti dannużi, u dan għaliex il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni pożittiva ma kinux issodisfatti meta ġie approvat l-imsemmi anness. |
93 |
Għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ żoni ta’ referenza permezz tad-Deċiżjoni Nru 52 ma tistax titqies li hija miżura li ttaffi l-effetti dannużi tal-implimentazzjoni tal-Anness tal-2016. Minn naħa, dawn iż-żoni ma kinux is-suġġett tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015. Min-naħa l-oħra, l-istabbiliment tal-imsemmija żoni ma jippermettix li jiġu evitati jew li jitnaqqsu l-effetti dannużi kkawżati mill-implimentazzjoni ta’ dan l-anness. Fil-fatt, dan l-istabbiliment sempliċement iżomm is-sitwazzjoni preċedenti f’parti mid-distrett forestali ta’ Białowieża, iżda ma jillimitax l-effetti dannużi li jirriżultaw mill-operazzjonijiet previsti fl-Anness tal-2016 fuq il-bqija tat-territorju ta’ dan id-distrett, li l-portata tiegħu hija ikbar. Barra minn hekk, iż-żoni ta’ referenza inkwistjoni ġew identifikati b’mod arbitrarju. Fil-verità, l-identifikazzjoni ta’ tali żoni ma kellhiex impatt fuq il-volum massimu totali ta’ estrazzjoni ta’ injam iffissat f’dan l-anness u għalhekk id-determinazzjoni ta’ dawn iż-żoni twassal għal intensifikazzjoni fit-twaqqigħ fil-bqija tat-territorju tad-distrett forestali ta’ Białowieża. Barra minn hekk, huwa possibbli li jsiru derogi mill-esklużjoni tal-imsemmija żoni. Fl-istess ħin, id-Deċiżjoni Nru 51 tordna t-twaqqigħ u t-tneħħija tas-siġar xotti u tas-siġar ta’ kull klassi ta’ età kkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-istess żoni. |
94 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza, l-ewwel nett, li l-PĠF tal-2012, bħall-Anness tal-2016, huwa “pjan ta’ ġestjoni” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. Fil-fatt, tali pjan huwa għodda teknika neċessarja sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni previsti fil-PZO tal-2015, sa fejn dan tal-aħħar ma jiffissax il-volum ta’ estrazzjoni tal-injam. B’mod partikolari, l-Anness tal-2016 jippermetti li jintlaħaq l-għan ta’ konservazzjoni li jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-livell ta’ esplojtazzjoni tal-injam previst f’dan l-anness, jiġifieri 188000 m3 għad-distrett forestali ta’ Białowieża, huwa nettament inqas mil-livelli inklużi fil-pjanijiet ta’ ġestjoni dwar il-perijodi 1992-2001 u 2002-2011, li kienu, rispettivament, ta’ 308000 m3 u ta’ 302000 m3. |
95 |
It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li tqies li kien probabbli li l-implimentazzjoni tal-Anness tal-2016 seta’ jkollu impatt potenzjali fuq is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Kien preċiżament għalhekk li tqies li kien neċessarju li titwettaq l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015. F’dan il-każ, wara din l-evalwazzjoni, l-ewwel abbozz ta’ anness, li kien iżid il-volum ta’ esplojtazzjoni tal-injam għal 317894 m3, kien is-suġġett ta’ opinjoni negattiva. Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, l-Anness tal-2016 naqqas l-esplojtazzjoni tal-injam għal 129000 m3. L-evalwazzjoni l-ġdida fir-rigward ta’ dan l-anness kienet uriet l-assenza ta’ probabbiltà ta’ impatt negattiv sinjifikattiv fuq l-integrità tas-sit. Fil-verità, l-imsemmi anness għandu impatt pożittiv sinjifikattiv fuq l-elementi protetti fil-PZO tal-2015. Fil-fatt, il-bidla fil-volum tal-esplojtazzjoni hija indispensabbli għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni previsti f’dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-Anness tal-2016 ma jipprevedix il-qtil intenzjonat, il-qabda jew it-tfixkil tal-annimali. |
96 |
Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni assumiet b’mod żbaljat li l-miżuri elenkati fl-Anness tal-2016 kienu jimplikaw fihom innifishom riskju ta’ effetti dannużi għall-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
97 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-integrità ta’ dan is-sit kienet imfassla fuq diversi sekli bl-intervent tal-bniedem, permezz ta’ esplojtazzjoni sostenibbli tal-foresti. B’mod partikolari, l-istat u l-perċentwali ta’ kopertura tal-habitats u tal-ispeċi preżenti meta ġie kklassifikat l-imsemmi sit huma r-riżultat tal-esplojtazzjoni preċedenti tal-foresta ta’ Białowieża, jiġifieri l-estrazzjoni tal-injam fil-popolazzjonijiet forestali miżrugħa fil-passat. Fil-verità, kien it-tnaqqis drastiku, minħabba l-pressjoni min-naħa tal-Kummissjoni, fl-esplojtazzjoni tal-injam fi ħdan il-popolazzjonijiet forestali anzjani fil-PĠF tal-2012 li waslet sabiex marru lura l-popolazzjonijiet forestali, b’mod partikolari s-siġar tal-prinjol, minħabba l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol ikkawżata minn dan it-tnaqqis. Kien minħabba li dawn il-popolazzjonijiet marru lura li l-habitats protetti bdew iġarrbu bidliet. B’mod partikolari, l-habitat 9170 (foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali), li huwa l-habitat dominanti, beda jinbidel f’artijiet mistagħdra jew f’mergħat. Kien għalhekk li l-awtoritajiet Pollakki fasslu l-programm ta’ rimedjazzjoni li l-punt ta’ tluq tiegħu kien inventarju globali tal-istat tal-habitats u tal-ispeċi tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. F’dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-Anness tal-2016 tikkostitwixxi tentattiv sabiex jerġa’ jibda jintuża l-metodu ta’ ġestjoni preċedenti. |
98 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-waqfien tal-miżuri ta’ konservazzjoni li ser jipperikola l-integrità ta’ dan is-sit u l-kontinwità tal-habitats li jinsabu fih. L-assenza ta’ azzjoni mill-bniedem maħsuba sabiex issostni ż-żamma tal-bijodiversità twassal sabiex imorru lura l-ispeċi u l-habitats tagħhom. Il-Kummissjoni, għalhekk, wettqet żball meta bbażat ruħha fuq in-natura primarja tal-foresta ta’ Białowieża u meta sostniet li l-ispeċi preżenti f’din il-foresta huma speċi tipiċi ta’ żoni mhux imfixkla mill-bniedem. |
99 |
L-għażla ta’ ġestjoni forestali attiva hija magħmula wkoll minn Stati Membri oħra. B’hekk, fl-Awstrija ġie implimentat programm dwar il-limitazzjoni tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol fil-parkijiet nazzjonali u fl-artijiet b’valur naturali għoli, li fil-kuntest tiegħu nżammet il-projbizzjoni fir-rigward tat-twettiq ta’ xogħlijiet fiċ-“ċentri ta’ bijodiversità”, filwaqt li ġew protetti fl-istess ħin il-foresti ta’ produzzjoni ġirien bl-użu ta’ tekniki ta’ ġestjoni forestali. Huwa rrakkomandat, b’mod ġenerali, li l-artijiet li fuqhom ikunu protetti l-proċessi naturali, bħall-parkijiet nazzjonali, ikunu maqsuma b’mod ċar f’żona li fiha ma jsirx intervent u f’żoni periferiċi, fejn jitwettqu operazzjonijiet maħsuba sabiex tiġi llimitata l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. Bil-ħolqien ta’ żoni ta’ referenza, ir-Repubblika tal-Polonja implimentat approċċ identifiku. |
100 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-operazzjonijiet previsti fl-Anness tal-2016 huma konformi mal-PZO tal-2015. Fil-fatt, konformement ma’ dan tal-aħħar, dan l-anness jeskludi l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni, bħalma huma t-twaqqigħ u l-qtugħ preċedenti għat-twaqqigħ, fil-popolazzjonijiet ta’ speċi komposti minn, minn tal-inqas, 10 % ta’ kampjuni ta’ mitt sena jew iktar. F’dawn il-popolazzjonijiet jitwettaq biss “qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa”, sabiex jiġi eliminat l-injam tas-siġar tal-prinjol li jkun ikkolonizzat mill-ħanfus tal-prinjol. L-injam niexef ma jitneħħiex. Barra minn hekk, ebda “qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa” ma jitwettaq fir-riżervi naturali u fil-habitats komposti minn artijiet mistagħdra u umdi. Iż-żoni li ma humiex affettwati mill-“qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa” jirrappreżentaw għalhekk 7123 ettaru, jiġifieri 58 % tas-superfiċi tad-distrett forestali ta’ Białowieża. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet previsti fl-Anness tal-2016 jikkonċernaw biss 5.4 % tas-superfiċi tas-sit inkwistjoni, jiġifieri 3401 ettaru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015 eskludiet li tkun tista’ timmaterjalizza t-theddida potenzjali, identifikata fil-PZO tal-2015, marbuta mat-tneħħija tas-siġar mejta jew moribondi. |
101 |
Ir-Repubblika tal-Polonja żżid, fir-rigward tal-ħanfus saprossiliku, li ma humiex ser jitneħħew is-siġar tal-arżnu mejta wieqfa u esposti għax-xemx, li jikkostitwixxu l-habitat tal-Buprestis splendens. Fir-rigward tal-popolazzjonijiet ta’ Cucujus cinnaberinus, dawn huma kkonċentrati fuq is-siġar tal-luq u fuq is-siġar tal-fraxxnu, skont l-istudji mwettqa matul is-snin 2016 u 2017 fuq kważi 12000 siġra analizzata. L-inventarju mwettaq mix-xahar ta’ April 2016 jikkostitwixxi l-ewwel proġett ta’ dan it-tip, li fil-kuntest tiegħu ġew evalwati b’mod oġġettiv u vverifikati statistikament diversi elementi kostitwenti tal-bijodiversità, f’1 400 żona ddistribwiti fi ħdan netwerk regolari, li jkopri s-sit kollu tal-foresta ta’ Białowieża. Fir-rigward tal-Boros schneideri, l-ikbar theddida tirriżulta wkoll mit-tnaqqis fis-siġar tal-luq. Fir-rigward tal-Phryganophilus ruficollis, tal-Pytho kolwensis u tar-Rhysodes sulcatus, l-iktar theddida serja tirriżulta mill-interruzzjoni tal-influss kontinwu ta’ injam mejjet ta’ daqs kbir, interruzzjoni kkawżata mid-deklin f’daqqa tal-popolazzjonijiet tas-siġar tal-prinjol iktar anzjani minħabba l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. |
102 |
Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ qtugħ marbut mat-tneħħija ta’ siġar tal-prinjol mejta għandha impatt pożittiv fuq il-habitat tal-Buprestis splendens u tal-Osmoderma eremita, billi żżid l-aċċess għad-dawl fil-foresta. Fir-rigward tal-ispeċi l-oħra, jiġifieri l-Boros schneideri, il-Cucujus cinnaberinus u r-Rhysodes sulcatus, is-siġra tal-prinjol ma hijiex l-ffavorita tagħhom. Attwalment, il-foresta ta’ Białowieża fiha medja ta’ madwar 64 m3 ta’ injam mejjet għal kull ettaru. Fid-dawl tal-apparenza kontinwa ta’ injam mejjet fil-pajsaġġ, dan l-element jiggarantixxi kompletament is-sigurtà tal-habitats tal-ispeċi ta’ ħanfus inkwistjoni. |
103 |
Skont ir-Repubblika tal-Polonja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iż-żoni ta’ referenza. Dawn bl-ebda mod ma huma intiżi li jikkumpensaw jew li jtaffu l-impatt allegatament negattiv tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni. Fil-fatt, dawn iż-żoni ġew stabbiliti konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, sabiex ikun jista’ jsir paragun maż-żoni l-oħra tal-foresta ta’ Białowieża. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-imsemmija żoni hija marbuta mal-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali u mal-assenza ta’ neċessità li jitwettqu missjonijiet ta’ konservazzjoni li jirriżultaw mill-PZO tal-2015. Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tikkritika lill-awtoritajiet Pollakki li ma ssuġġettawx dawn l-istess żoni għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fil-fatt, jekk jiġi segwit tali raġunament, ikollha ssir kritika identifika fir-rigward tal-interruzzjoni tal-esplojtazzjoni fil-foresta kollha ta’ Białowieża mitluba mill-Kummissjoni. |
104 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun, skont ir-Repubblika tal-Polonja, meta tqis li n-nuqqas ta’ azzjoni għandu impatt pożittiv fuq il-bijodiversità. B’hekk, mir-riżultati tal-inventarju mwettaq mix-xahar ta’ April 2016 jirriżulta li, pereżempju, fiż-żona ta’ protezzjoni stretta tal-park nazzjonali ta’ Białowieża, hija preżenti biss kolonja waħda ta’ Boros schneideri filwaqt li, fit-territorju tad-distrett forestali ta’ Białowieża, tali preżenza ġiet ikkonstatata 70 darba. Sitwazzjoni analoga tapplika għal serje sħiħa ta’ speċi oħra, bħalma huma, b’mod partikolari, il-kokka nana jew it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’. |
105 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li l-foresta ta’ Białowieża hija ekosistema tant speċifika u unika li r-riżultati tal-istudji, dwar l-interdipendenza bejn id-diversi organiżmi, imwettqa f’ekosistemi oħra, ma jistgħux jiġu applikati għas-sitwazzjoni ta’ din il-foresta. Issa, filwaqt li parti mill-komunità xjentifika toġġezzjona għat-trattament tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol permezz tat-twaqqigħ tas-siġar ikkolonizzati, teżisti wkoll sensiela ta’ xogħlijiet xjentifiċi li minnhom jirriżulta li l-assenza ta’ intervent kontra l-ħanfus tal-prinjol fil-foresta ta’ Białowieża ser tiġġenera preċiżament probabbiltà qawwija li jkun hemm dannu gravi u rreparabbli għall-habitats naturali u għall-habitats tal-ispeċi ta’ annimali li għall-konservazzjoni tagħhom ġie stabbilit is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Barra minn hekk, minn studju dwar il-foresta ta’ Białowieża jirriżulta li l-protezzjoni stretta għandha tikkostitwixxi biss komplement u mhux l-element prinċipali tal-istrateġija ta’ konservazzjoni ta’ żamma ta’ livell għoli ta’ bijodiversità. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
1) Osservazzjonijiet preliminari
106 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats jimponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi maħsuba sabiex jiġu żgurati, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, bil-għan li jintlaħaq l-għan iktar ġenerali tal-istess direttiva li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fir-rigward tas-siti protetti taħt din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 36, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 43). |
107 |
F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitats huma maħsuba sabiex l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ protezzjoni adegwati bil-għan li jinżammu l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti li jospitaw tipi ta’ habitats naturali (sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 38, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 36). |
108 |
Għal dan il-għan l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni maħsuba sabiex jiġi żgurat, permezz ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett li ma jkunux direttament marbuta ma’ jew meħtieġa għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jistgħu jaffettwaw lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv, ikunu awtorizzati biss sakemm ma jippreġudikawx l-integrità ta’ dan is-sit (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 28, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 43). |
109 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, fir-rigward taż-żoni kklassifikati bħala ŻPS, l-obbligi li joħorġu minn din id-dispożizzjoni jieħdu post, konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitats, l-obbligi li joħorġu mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, u dan b’effett mid-data tal-klassifikazzjoni taħt din id-direttiva meta din id-data tal-aħħar tkun sussegwenti għad-data tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitats (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑461/14, EU:C:2016:895, punti 71 u 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
110 |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats jagħmel distinzjoni bejn żewġ fażijiet. |
111 |
L-ewwel fażi, imsemmija fl-ewwel sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni, tirrikjedi lill-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwaw b’mod sinjifikattiv dan is-sit (sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 29, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 44). |
112 |
B’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, meta pjan jew proġett li ma jkunux direttament marbuta ma’ jew meħtieġa għall-ġestjoni ta’ sit jippreżentaw riskju li jiġu kompromessi l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit, dan il-pjan jew dan il-proġett għandhom jitqiesu li huma ta’ natura li jistgħu jaffettwaw dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni tal-imsemmi riskju għandha titwettaq, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn tali pjan jew tali proġett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 30, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 45). |
113 |
L-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat li għandha titwettaq skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats timplika li għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 51, kif ukoll tas-26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 57). |
114 |
Għaldaqstant, l-evalwazzjoni mwettqa taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats ma tistax ma tkunx kompleta u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jeliminaw kull dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-effetti tax-xogħlijiet ippjanati fis-sit protett ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 44, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 50). |
115 |
It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, li tapplika minn wara l-imsemmija evalwazzjoni xierqa, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan il-pjan jew dan il-proġett ma jippreġudikawx l-integrità tas-sit ikkonċernat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva (sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 31, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 46). |
116 |
Sabiex ma tkunx ippreġudikata l-integrità ta’ sit bħala habitat naturali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, huwa meħtieġ li s-sit jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li jimplika ż-żamma sostenibbli tal-karatteristiċi kostitwenti tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preżervazzjoni tiegħu ġġustifika l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK, fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 39, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 47). |
117 |
Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni għal pjan jew għal proġett, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, tista’ tingħata biss bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ċerti li dan il-pjan jew dan il-proġett ma humiex ser ikollhom effetti dannużi dejjiema għall-integrità tas-sit ikkonċernat. Dan ikun il-każ meta ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika fir-rigward tal-assenza ta’ tali effetti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 40, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 42). |
118 |
Din id-dispożizzjoni tintegra b’hekk il-prinċipju ta’ prekawzjoni u tippermetti li jiġi evitat b’mod effettiv li jiġi kkawżat preġudizzju għall-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti previsti. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni inqas strett ma jistax jiggarantixxi b’mod daqstant effettiv li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tas-siti, li huwa l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni (sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 41, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 53). |
119 |
Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jawtorizzaw interventi li jimplikaw ir-riskju li jiġu kompromessi b’mod dejjiemi l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti li jospitaw tipi ta’ habitats naturali ta’ interess Komunitarju jew prijoritarji. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta intervent jimplika r-riskju ta’ għejbien jew ta’ qerda parzjali u irreparabbli ta’ tali tip ta’ habitat naturali preżenti fis-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 163, kif ukoll tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 43). |
120 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza t-twettiq tal-proġett li ma għandu jkun hemm ebda dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika fir-rigward tal-assenza ta’ effetti dannużi għall-integrità tas-sit ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑239/04, EU:C:2006:665, punt 24, u tas-26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 42). |
121 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja kisritx, bl-adozzjoni tal-Anness tal-2016 u tad-Deċiżjoni Nru 51, l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
2) Fuq l-eżistenza ta’ pjan jew ta’ proġett mhux direttament marbuta ma’ jew meħtieġa għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat
122 |
L-Anness tal-2016 emenda l-PĠF tal-2012 dwar id-distrett forestali ta’ Białowieża sabiex jippermetti, għall-perijodu 2012-2021, iż-żieda, f’dan id-distrett forestali, fil-volum tal-injam esplojtabbli minn 63471 m3 għal 188000 m3, permezz tat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva, bħalma huma t-tneħħija, permezz ta’ “qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa”, ta’ siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, it-tneħħija ta’ siġar moribondi u ż-żrigħ mill-ġdid ta’ siġar. Skont id-Deċiżjoni Nru 51, dawn l-operazzjonijiet ġew implimentati mhux biss fid-distrett forestali ta’ Białowieża iżda wkoll fid-distretti forestali ta’ Browsk u ta’ Hajnówka. |
123 |
Minn dan jirriżulta li l-Anness tal-2016, peress li b’hekk għandu l-għan waħdieni li jżid il-volum tal-injam esplojtabbli permezz tat-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni fi ħdan is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, bl-ebda mod ma jiffissa l-għanijiet u l-miżuri ta’ konservazzjonijiet dwar dan is-sit, li, fil-verità, jinsabu fil-PZO tal-2015, adottat ftit ta’ żmien qabel mill-awtoritajiet Pollakki. |
124 |
Għaldaqstant, l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51, sa fejn jippermettu tali intervent fl-ambjent naturali intiż għall-esplojtazzjoni tar-riżorsi tal-foresta, jikkostitwixxu “pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija” tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
125 |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-volum tal-injam esplojtabbli previst fl-Anness tal-2016 huwa inqas minn dak awtorizzat mill-pjanijiet ta’ ġestjoni forestali għall-perijodi 1992-2001 u 2002-2011. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ pjan jew ta’ proġett li ma jkunux direttament marbuta ma’ jew meħtieġa għall-ġestjoni ta’ sit protett tiddependi essenzjalment min-natura tal-intervent inkwistjoni u mhux mill-portata tiegħu biss. |
126 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ma għandhiex raġun meta ssostni li l-Anness tal-2016 ippermetta li jintlaħaq l-għan ta’ konservazzjoni li tiġi llimitata l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. Fil-fatt, dan l-għan bl-ebda mod ma jinsab fost l-għanijiet ta’ konservazzjonijiet li jinsabu fil-PZO tal-2015, li, għall-kuntrarju, jipprevedi espliċitament, fl-Anness 3, li t-tneħħija tas-siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol għandu jitqies li huwa perikolu potenzjali għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats tal-kokka nana, tal-kokka ta’ Tengmalm u tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’. |
127 |
Minn dan isegwi li r-Repubblika tal-Polonja kienet obbligata, taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, twettaq evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jekk kien hemm probabbiltà li dawn l-operazzjonijiet jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
3) Fuq in-neċessità u l-eżistenza ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat
128 |
Għandu jiġi kkonstatat li, min-natura tagħhom stess, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, sa fejn jipprevedu l-implimentazzjoni ta’ miżuri, bħalma huma t-tneħħija u t-twaqqigħ ta’ siġar, f’habitats protetti fi ħdan is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, jistgħu, fid-dawl ukoll tal-portata u tal-intensità tagħhom, jikkompromettu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. |
129 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li l-Anness tal-2016 jawtorizza l-estrazzjoni ta’ volum ta’ injam ta’ 188000 m3 fid-distrett forestali ta’ Białowieża għall-perijodu 2012-2021, li jirrappreżenta livell għoli ta’ esplojtazzjoni, ta’ kważi tliet darbiet ikbar minn dak li kien awtorizzat mill-PĠF tal-2012 għall-istess perijodu. |
130 |
Minn dan jirriżulta li kien hemm probabbiltà li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
131 |
F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja lanqas ma tikkontesta li hija kienet obbligata twettaq evalwazzjoni tal-effetti ta’ dawn l-operazzjonijiet fuq l-imsemmi sit, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. Hija ssostni, għall-kuntrarju, li kienet ikkonformat ruħha kompletament ma’ din id-dispożizzjoni meta wettqet l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015. |
132 |
Huwa minnu li huwa paċifiku li, wara l-evalwazzjoni inizjali li kkonkludiet li l-abbozz inizjali tal-anness għall-PĠF tal-2012 dwar id-distrett forestali ta’ Białowieża, li kien jawtorizza volum ta’ esplojtazzjoni ta’ injam ta’ 317894 m3, seta’ jkollu effetti dannużi għall-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, l-awtoritajiet Pollakki naqsu dan il-volum, fl-Anness tal-2016, għal 188000 m3. |
133 |
Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015 fiha diversi nuqqasijiet sostanzjali. |
134 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni tikkonċerna biss l-Anness tal-2016 u mhux id-Deċiżjoni Nru 51, filwaqt li din tal-aħħar estendiet l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva previsti fl-imsemmi anness fir-rigward tad-distrett forestali ta’ Białowieża biss għad-distretti forestali ta’ Browsk u ta’ Hajnówka u, għaldaqstant, għas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska kollu, bl-eċċezzjoni tal-park nazzjonali biss. |
135 |
Minn dan jirriżulta li l-impatt ta’ dawn l-operazzjonijiet f’dawn iż-żewġ distretti forestali tal-aħħar ma kien is-suġġett ta’ ebda evalwazzjoni mill-awtoritajiet Pollakki. Issa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett li ma jkunux direttament marbuta ma’ jew meħtieġa għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mill-kombinazzjoni ta’ dan il-pjan jew proġett ma’ pjanijiet jew proġetti oħra fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. |
136 |
Fit-tieni lok, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 162 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kliem stess tal-punt 4.2 tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015, li jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet dwar l-effetti fuq is-sit Natura 2000 [Puszcza Białowieska] li jinsabu fl-‘evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent’ għas-snin 2012-2021 ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu aġġornati”, jirriżulta li din l-evalwazzjoni twettqet fuq il-bażi tad-data użata sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-PĠF tal-2012 fuq dan is-sit, u mhux fuq il-bażi ta’ data aġġornata. |
137 |
Issa, evalwazzjoni ma tistax titqies li hija “xierqa” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats fl-assenza ta’ data aġġornata dwar il-habitats u l-ispeċi protetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 115). |
138 |
Dan huwa l-każ iktar u iktar f’din il-kawża fejn l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni huma maħsuba preċiżament sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni element ġdid li mmaterjalizza fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska wara l-adozzjoni tal-PĠF tal-2012, jiġifieri, fi kliem il-punt 2.8 tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015, “degradazzjoni ikbar tal-popolazzjonijiet forestali kkawżata mill-firxa dejjem tikber tal-ħanfus tal-prinjol”, li l-ewwel sintomi tagħha dehru, skont dan id-dokument, sa mis-sena 2011 u li l-iktar punt kritiku tagħha ntlaħaq matul is-sena 2015. |
139 |
Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 113, 114 u 120 ta’ din is-sentenza, huwa fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet u ta’ konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi li ma kellu jkun hemm, fid-data tal-adozzjoni tal-Anness tal-2016 li jawtorizza t-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, ebda dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika, fid-dawl tal-aħjar għarfien f’dan il-qasam, fir-rigward tal-assenza ta’ effetti dannużi għall-integrità tal-imsemmi sit. |
140 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015 la tagħmel riferiment għall-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi protetti fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska li kien is-suġġett tal-PZO tal-2015, la tiddefinixxi l-integrità ta’ dan is-sit u lanqas ma teżamina b’mod serju r-raġunijiet għaliex l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ma humiex ta’ natura li jippreġudikaw dan is-sit. |
141 |
B’mod partikolari, din l-evalwazzjoni, li tikkonċentra essenzjalment fuq il-popolazzjonijiet ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, jiġifieri, prinċipalment, is-siġar tal-prinjol, ma teżaminax b’mod sistematiku u ddettaljat ir-riskji tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet għal kull wieħed u waħda mill-habitats u mill-ispeċi protetti fi ħdan is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
142 |
B’hekk, fir-rigward tal-habitats 91D0 (boskijiet tal-bog) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq), l-imsemmija evalwazzjoni, wara li osservat li dawn il-habitats ser ikunu s-suġġett ta’ “tindif li jippermetti li jgħaddi d-dawl” f’popolazzjonijiet li jinkludu s-siġar tal-prinjol, tikkonkludi, mingħajr analiżi addizzjonali, fil-punt 4.2.1, li dan it-tindif “ma huwiex ser jippreġudika l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitat”, filwaqt li tindika biss, f’dan ir-rigward, li l-portata tal-qtugħ “għandha tiddependi mir-riskju reali ta’ estensjoni tal-firxa”, mingħajr madankollu ma tipprovdi l-iċken dettall konkret dwar l-evalwazzjoni probabbli ta’ din il-firxa. |
143 |
Bl-istess mod, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015 tikkonkludi, fil-punt 4.2.3 tagħha, li hemm “effetti negliġibbli” għall-Phryganophilus ruficollis, għall-Pytho kolwensis, għall-kuċċarda, għat-tektiek is-siġar ta’ daru abjad, għaż-żanżarell ta’ sidru aħmar, għaż-żanżarell tal-kullar u għat-tudun tas-siġar, mingħajr spjegazzjoni oħra għajr il-fatt li dawn huma speċi “li, fil-parti l-kbira tagħhom, huma direttament marbuta maż-żoni forestali u li fir-rigward tagħhom l-operazzjonijiet ippjanati ma huma ser ikollhom ebda impatt notevoli”. Barra minn hekk, filwaqt li din l-evalwazzjoni tosserva, fl-istess punt 4.2.3, fir-rigward tal-Boros schneideri, tal-Buprestis splendens, tal-Cucujus cinnaberinus, tal-Osmoderma eremita, tar-Rhysodes sulcatus, tal-kokka nana u tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, li “impatt fuq il-habitat tagħhom ma jistax jiġi eskluż f’każijiet iżolati”, hija tikkonstata biss, sabiex twarrab l-eżistenza ta’ impatt sinjifikattiv, iż-żamma ta’ “parti mill-popolazzjonijiet bis-siġar moribondi”, mingħajr madankollu ma tiffissa l-kwantità tagħhom jew il-post fejn għandhom jinżammu. |
144 |
Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015 ma setgħetx tkun ta’ natura li telimina kull dubju xjentifiku dwar l-effetti dannużi tal-Anness tal-2016 fuq is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
145 |
Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-adozzjoni, fl-istess jum li fih ġie approvat dan l-anness, tal-programm ta’ rimedjazzjoni u, sitt ijiem wara, tad-Deċiżjoni Nru 52. |
146 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-motivi ta’ dan il-programm u mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni, dawn il-miżuri kellhom preċiżament l-għan li jiġu evalwati l-effetti tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva previsti fl-imsemmi anness fuq is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, bl-istabbiliment, fid-distretti forestali ta’ Białowieża u ta’ Browsk, ta’ żoni ta’ referenza, li fihom ma kellha titwettaq l-ebda waħda minn dawn l-operazzjonijiet. |
147 |
Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja stess, dawn iż-żoni kellhom, b’mod partikolari, jippermettu li jiġi evalwat, fuq superfiċi ta’ madwar 17000 ettaru, l-iżvilupp tal-karatteristiċi ta’ dan is-sit mingħajr ebda intervent tal-bniedem, sabiex dan l-iżvilupp jitqabbel ma’ dak li jirriżulta mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva previsti fl-Anness tal-2016, li għalhekk kellhom jitwettqu fil-kumplament tas-superfiċi tat-tliet distretti forestali inkwistjoni, li jirrappreżentaw madwar 34000 ettaru. |
148 |
Madankollu, evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat tal-pjan jew tal-proġett għandha tippreċedi l-approvazzjoni tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 53). Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tistax issir fl-istess ħin li tingħata l-approvazzjoni jew iktar tard (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑304/05, EU:C:2007:532, punt 72, u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 104). |
149 |
Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fil-mument tal-adozzjoni tal-Anness tal-2016, l-awtoritajiet Pollakki ma kellhomx ir-riżultati kompleti tal-inventarju tal-bijodiversità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, li huma kienu qiesu li kien neċessarju li kellu jitwettaq b’effett mix-xahar ta’ April 2016, sabiex jiġu identifikati l-postijiet fejn kienu jinsabu l-ispeċi protetti preżenti f’dan is-sit. |
150 |
Minn dan jirriżulta li, għalhekk, dawn l-awtoritajiet stess kienu konxji tal-fatt li d-data disponibbli fil-mument ta’ dan l-anness kienet insuffiċjenti fir-rigward tal-impatt tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni fuq dawn l-ispeċi. |
151 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, minħabba li ma kellhomx id-data rilevanti kollha sabiex jevalwaw l-effetti tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, l-awtoritajiet Pollakki ma wettqux, qabel l-adozzjoni tal-Anness tal-2016 u tad-Deċiżjoni Nru 51, evalwazzjoni xierqa ta’ dawn l-effetti u, għalhekk, naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
4) Fuq il-preġudizzju għall-integrità tas-sit ikkonċernat
152 |
Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-awtoritajiet Pollakki approvaw l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni minkejja li dawn jistgħu jippreġudikaw l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
153 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska ġie kklassifikat, fuq talba tar-Repubblika tal-Polonja, bħala SIK, skont id-Direttiva dwar il-habitats, u jikkostitwixxi wkoll ŻPS, ikklassifikat bħala tali konformement mad-Direttiva dwar l-għasafar. |
154 |
Issa, is-sistema ta’ protezzjoni li minnha jgawdu s-siti li jagħmlu parti min-netwerk Natura 2000 taħt dawn id-direttivi, għalkemm ma tipprojbixxix, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, kull attività tal-bniedem fi ħdan dawn is-siti, xorta waħda tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija attivitajiet għall-osservanza tal-obbligi previsti minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura, C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 40). |
155 |
Għaldaqstant, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 134 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argument ta’ dan l-Istat Membru, ibbażat fuq il-fatt li l-foresta ta’ Białowieża ma tistax titqies li hija foresta “naturali” jew “primarja”, peress li kienet minn dejjem is-suġġett ta’ esplojtazzjoni attiva mill-bniedem li ddeterminat il-karatteristiċi tagħha, huwa kompletament irrilevanti peress li d-Direttiva dwar il-habitats u Direttiva dwar l-għasafar jillimitaw, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ta’ din il-foresta, il-ġestjoni forestali tagħha. |
156 |
B’hekk, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, applikabbli, skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, għaż-ŻPS, ir-Repubblika tal-Polonja ma setgħetx tawtorizza l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ħlief bil-kundizzjoni li dawn ma jkollhomx effetti dannużi għaż-żamma sostenibbli tal-karatteristiċi kostitwenti tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska li huma marbuta mal-preżenza tat-tipi ta’ habitats li l-għan ta’ konservazzjoni tagħhom iġġustifika l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK. |
157 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-għan ta’ konservazzjoni li wassal għall-klassifikazzjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska bħala SIK u ŻPS jikkorrispondi għaż-żamma fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, skont il-karatteristiċi kostitwenti ta’ dan is-sit, tal-habitats 9170 (foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali), 91D0 (boskijiet tal-bog) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq), tal-habitats ta’ ħanfus saprossiliku, bħalma huma l-Boros schneideri, il-Buprestis splendens, il-Cucujus cinnaberinus, il-Phryganophilus ruficollis, il-Pytho kolwensis u r-Rhysodes sulcatus, kif ukoll tal-habitats ta’ għasafar, bħalma l-kuċċarda, il-kokka nana, il-kokka ta’ Tengmalm, it-tektiek is-siġar ta’ daru abjad, it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, iż-żanżarell ta’ sidru aħmar, iż-żanżarell tal-kullar u t-tudun tas-siġar. |
158 |
Sabiex tistabbilixxi ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni li, kif ġie indikat fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, huwa integrat f’din id-dispożizzjoni, ma hijiex meħtieġa tistabbilixxi relazzjoni ta’ kawża u effett bejn l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni u l-preġudizzju għall-integrità ta’ dawn il-habitats u speċi, iżda huwa biżżejjed li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju li dawn l-operazzjonijiet jipprovokaw tali preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
159 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni insostenn tal-ewwel ilment tagħha, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jistgħux ikollhom effetti dannużi għall-imsemmija habitats u speċi protetti fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska u, għaldaqstant, jekk humiex ta’ natura li jippreġudikaw l-integrità ta’ dan is-sit. |
160 |
F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, għalkemm dawn l-operazzjonijiet jikkonċernaw “qabel kollox”, skont il-kliem tal-Anness tal-2016, it-twaqqigħ tas-siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, la dan l-anness u lanqas id-Deċiżjoni Nru 51 ma jinkludu restrizzjonijiet marbuta mal-età tas-siġar jew mal-popolazzjonijiet forestali kkonċernati mill-imsemmija operazzjonijiet, b’mod partikolari skont il-habitat li fih jinsabu. Anzi, għall-kuntrarju, id-Deċiżjoni Nru 51 tipprevedi espliċitament it-twaqqigħ tas-siġar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol “fil-klassijiet kollha ta’ etajiet tal-popolazzjonijiet forestali” u tispeċifika li, fir-rigward tal-qtugħ, kienet qiegħda ssir deroga mir-“restrizzjonijiet marbuta mal-età tas-siġar u mal-funzjonijiet tal-popolazzjonijiet forestali”. Minn dan isegwi li l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51 jawtorizzaw it-twaqqigħ ta’ siġar tal-prinjol ta’ mitt sena jew iktar f’kull tip ta’ popolazzjoni forestali, inkluż fil-habitats protetti. |
161 |
It-tieni nett, jidher li kemm l-Anness tal-2016 u kemm id-Deċiżjoni Nru 51 jippermettu t-twaqqigħ ta’ siġar għal raġunijiet ta’ “sigurtà pubblika”, mingħajr l-inqas preċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet konkreti li jiġġustifikaw twaqqigħ għal tali raġunijiet. |
162 |
Fl-aħħar nett, l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51 jawtorizzaw it-tneħħija ta’ kull tip ta’ “siġar”, li b’hekk jinkludu mhux biss is-siġar tal-prinjol iżda wkoll is-siġar tal-arżnu, tal-karpin, tal-ballut, tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq, meta jkunu “mejta”, “xotti” jew “moribondi”, mingħajr lanqas ma jipprevedu restrizzjoni fir-rigward tal-popolazzjonijiet ikkonċernati. |
163 |
Jidher għalhekk li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ma jikkonsistux esklużivament fi “qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa” bil-għan li jiġu eliminati biss is-siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol u dawn l-operazzjonijiet jippermettu t-twaqqigħ u l-qtugħ preċedenti għat-twaqqigħ fil-popolazzjonijiet ta’ speċi komposti minn, minn tal-inqas, 10 % ta’ kampjuni ta’ mitt sena jew iktar. |
164 |
Issa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva, bħal dawk inkwistjoni, li jikkonsistu fit-tneħħija u fit-twaqqigħ ta’ numru sinjifikattiv ta’ siġar fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, jippreżentaw riskju, minħabba n-natura tagħhom stess, li jiġu kompromessi b’mod dejjiemi l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dan is-sit, sa fejn huwa inevitabbli li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jwasslu għall-għejbien jew għall-qerda parzjali u irreparabbli tal-habitats u tal-ispeċi protetti li jinsabu fl-imsemmi sit. |
165 |
B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jikkostitwixxu preċiżament il-materjalizzazzjoni tal-perikoli potenzjali identifikati mill-awtoritajiet Pollakki fl-Anness 3 tal-PZO tal-2015 fir-rigward ta’ dawn il-habitats u l-ispeċi. |
166 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, “it-twaqqigħ ta’ siġar fil-popolazzjonijiet ta’ iktar minn mitt sena” huwa identifikat bħala perikolu potenzjali fil-PZO tal-2015 għall-habitats 9170 (foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq) kif ukoll għall-kuċċarda li tgħix f’dawn il-habitats, filwaqt li l-“qtugħ forestali” u t-“tiġdid tal-età tal-foresti u tal-foresti mħallta permezz ta’ operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali” huma, barra minn hekk, imsemmija bħala perikoli għall-Boros schneideri. |
167 |
It-tieni nett, “it-tneħħija tas-siġar tal-arżnu u tal-prinjol ta’ iktar minn mitt sena kkolonizzati”, jiġifieri kkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, hija identifikata bħala perikolu potenzjali għall-kokka nana, għall-kokka ta’ Tengmalm u għat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’. |
168 |
Fl-aħħar nett, “it-tneħħija tas-siġar mejta jew moribondi” hija identifikata bħala perikolu potenzjali għall-habitats 9170 (foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq), kif ukoll għall-kokka nana, għall-kokka ta’ Tengmalm, għat-tektiek is-siġar ta’ daru abjad, għat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ u għall-Cucujus cinnaberinus, filwaqt li t-“tneħħija ta’ siġar moribondi” hija identifikata bħala perikolu potenzjali għall-Boros schneideri, għall-Buprestis splendens, għall-Phryganophilus ruficollis, għall-Pytho kolwensis u għar-Rhysodes sulcatus. |
169 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, sa fejn l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jikkorrispondu preċiżament għall-perikoli potenzjali identifikati mill-awtoritajiet Pollakki fl-Anness 3 tal-PZO tal-2015 fir-rigward ta’ dawn il-habitats u ta’ dawn l-ispeċi, huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-preġudizzju għall-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, li l-Anness tal-2016 ma fih ebda dispożizzjoni li tipprevedi espliċitament il-qtil intenzjonat, il-qabda jew it-tfixkil tal-annimali. |
170 |
Ebda wieħed mill-argumenti l-oħra mressqa mir-Repubblika tal-Polonja ma huwa ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni dawn il-konstatazzjonijiet. |
171 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi miġġielda l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, huwa minnu li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-politika ta’ protezzjoni ta’ livell għoli segwita mill-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE, u li fid-dawl tiegħu għandha tiġi interpretata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jista’, b’osservanza stretta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikun awtorizzat jimplimenta operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva fi ħdan sit Natura 2000 protett taħt id-Direttiva dwar il-habitats u taħt id-Direttiva dwar l-għasafar, sabiex iwaqqaf il-firxa ta’ organiżmu ta’ ħsara li jista’ jippreġudika l-integrità ta’ dan is-sit. |
172 |
Madankollu, f’dan il-każ, l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Polonja fuq dan il-punt ma jippermettix li jitqies li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa li titwaqqaf il-firxa ta’ tali organiżmu ta’ ħsara. |
173 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, kif jirriżulta diġà mill-punti 126 u 167 ta’ din is-sentenza, il-ħanfus tal-prinjol, minkejja li l-ewwel sintomi tal-firxa tagħhom kienu ġew osservati, skont dan l-Istat Membru, matul is-sena 2011, bl-ebda mod ma huma identifikati mill-PZO tal-2015 bħala perikolu potenzjali għall-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, iżda, għall-kuntrarju, kienet it-tneħħija tas-siġar tal-prinjol u tas-siġar tal-arżnu ta’ mitt sena jew iktar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol li kienet identifikata minn dan il-pjan bħala tali perikolu potenzjali. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet ir-Repubblika tal-Polonja matul is-seduta, il-PZO tal-2015 barra minn hekk ma jipprevedix il-possibbiltà li jitwettaq “qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa” fir-rigward, speċifikament, tas-siġar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol. |
174 |
It-tieni nett, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, ma tista’ tiġi stabbilita ebda rabta bejn il-volum tal-injam esplojtabbli u l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. |
175 |
Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-PĠF tal-2012, wara l-intervent tal-Kummissjoni, naqqas għal 63471 m3 il-volum tal-injam esplojtabbli fid-distrett forestali ta’ Białowieża għall-perijodu 2012-2021, huwa paċifiku li, saħansitra qabel intemmet is-sena 2015, jiġifieri wara inqas minn erba’ snin, dan il-limitu massimu, kif diġà ġie indikat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, kien diġà ntlaħaq mill-awtoritajiet Pollakki. |
176 |
Jidher għalhekk li, kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 160 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-volum ta’ injam estratt minn dan id-distrett baqa’, fil-verità, l-istess bħall-volum ikkonstatat matul perijodi preċedenti, li matulhom il-pjanijiet ta’ ġestjoni forestali applikabbli kienu ffissaw il-volum tal-injam esplojtabbli fid-distrett forestali ta’ Białowieża, rispettivament, bħala 308000 m3 għall-perijodu 1992-2001 u 302000 m3 għall-perijodu 2002-2011. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol kienet dovuta għat-tnaqqis fil-volum tal-injam esplojtabbli bejn is-snin 2012 u 2015. |
177 |
It-tielet nett, kif jirriżulta diġà mill-punti 160 sa 163 ta’ din is-sentenza, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni bl-ebda mod ma jikkonċentraw biss fuq is-siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, sa fejn dawn l-operazzjonijiet, minn naħa, jikkonċernaw ukoll is-siġar tal-prinjol mejta, anki jekk ma jkunux ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, u, min-naħa l-oħra, ma jeskludux it-tneħħija ta’ tipi oħra ta’ siġar, bħalma huma s-siġar tal-karpin, tal-ballut, tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq. Issa, kif ikkonfermat ir-Repubblika tal-Polonja matul is-seduta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, il-ħanfus tal-prinjol jikkolonizza biss is-siġar li l-weraq tagħhom ikunu qishom labar, essenzjalment is-siġar tal-prinjol, u mhux is-siġar b’weraq normali. |
178 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, kif enfasizzat ir-Repubblika tal-Polonja stess matul is-seduta, għandu jintlaħaq ċertu bilanċ, sabiex tiġi miġġielda l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, bejn il-miżuri ta’ ġestjoni forestali attiva u l-miżuri ta’ ġestjoni forestali passiva, u dan sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni previsti fid-Direttiva dwar il-habitats u fid-Direttiva dwar l-għasafar, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 158 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-ibbilanċjar bl-ebda mod ma jinsab fl-istipulazzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 51, li jippermettu t-twaqqigħ ta’ siġar tal-prinjol kif ukoll it-tneħħija ta’ siġar mejta u moribondi, mingħajr ebda restrizzjoni oħra għajr il-limitu massimu li jirriżulta mill-volum massimu tal-injam esplojtabbli awtorizzat fit-tliet distretti forestali inkwistjoni. |
179 |
Ir-raba’ nett, mill-elementi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mid-dibattiti matul is-seduta jirriżulta li, fid-data tal-adozzjoni tal-Anness tal-2016, kien għad hemm kontroversja xjentifika dwar l-iktar metodi adegwati sabiex titwaqqaf il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. Kif jirriżulta mill-programm ta’ rimedjazzjoni, din il-kontroversja kienet tikkonċerna, b’mod partikolari, in-natura opportuna stess tal-ġlieda kontra din il-firxa, li, skont ċerti opinjonijiet xjentifiċi, kienet tagħmel parti minn ċiklu naturali li jikkorrispondi għal tendenzi perijodiċi tipiċi għall-karatteristiċi tas-sit li l-għan ta’ preżervazzjoni tiegħu ġġustifika l-inklużjoni tiegħu fil-lista tas-SIK u l-klassifikazzjoni tiegħu bħala ŻPS. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 117 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet Pollakki ma setgħux jadottaw l-Anness tal-2016, fl-assenza ta’ ċertezza xjentifika dwar l-assenza ta’ effetti dannużi dejjiema tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat. |
180 |
Finalment, fil-ħames nett, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax, mingħajr ma tikkontradixxi ruħha, tipprova tibni argument fuq il-bażi tal-miżuri meħuda minn Stati Membri oħra, bħar-Repubblika tal-Awstrija, sabiex tiġi miġġielda l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, u dan sa fejn, skont l-allegazzjonijiet tagħha stess, li hija tenniet matul is-seduta, il-foresta ta’ Białowieża tant hija speċifika u unika li l-istudji xjentifiċi dwar ekosistemi oħra ma jistgħux jiġu applikati għaliha. |
181 |
Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-istess ekosistema, huwa rilevanti li jiġi osservat li, matul is-seduta, il-Kummissjoni osservat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-Repubblika tal-Polonja, li, fil-parti Bjelorussa tal-foresta ta’ Białowieża, li tmiss mas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, li tkopri madwar 82000 ettaru, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma qisux li kien meħtieġ li jitwettaq “qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa” sabiex titwaqqaf il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. |
182 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ħolqien ta’ żoni ta’ referenza permezz tad-Deċiżjoni Nru 52, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Polonja stess tirrikonoxxi li dawn iż-żoni ma humiex maħsuba sabiex itaffu l-effetti tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, iżda għandhom biss l-għan, kif diġà ġie indikat fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, li jiġi evalwat l-iżvilupp tal-karatteristiċi ta’ dan is-sit mingħajr ebda intervent mill-bniedem. |
183 |
Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li ż-żoni ta’ referenza previsti fid-Deċiżjoni Nru 52, sa fejn sempliċement iżommu s-sitwazzjoni preċedenti għall-implimentazzjoni tal-Anness tal-2016 f’ċerti partijiet tad-distretti forestali ta’ Białowieża u ta’ Browsk, bl-ebda mod ma jillimitaw l-effetti dannużi li jirriżultaw mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni fuq il-kumplament tat-territorju ta’ dawn id-distretti forestali. Anzi, għall-kuntrarju, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, fl-assenza ta’ impatt fuq il-volum massimu totali ta’ estrazzjoni ta’ injam awtorizzat, il-ħolqien tal-imsemmija żoni, li fir-rigward tagħhom huwa paċifiku li jkopru superfiċi ta’ 17000 ettaru, li jirrappreżentaw madwar nofs is-superfiċi taż-żewġ distretti forestali inkwistjoni, jista’ jiggrava dawn l-effetti sa fejn minn dan ser tirriżulta, neċessarjament, intensifikazzjoni tat-twaqqigħ fil-partijiet mhux esklużi ta’ dawn id-distretti forestali. |
184 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni huma esklużi wkoll fir-riżervi naturali kif ukoll fiż-żoni umdi u mistagħdra, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li jista’ jkun hemm esklużjoni tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, fil-habitats 91D0 (boskijiet tal-bog) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq), għall-kuntrarju, ma ġiex sostnut u, a fortiori, lanqas ma huwa stabbilit li din l-esklużjoni tikkonċerna s-superfiċi kollha ta’ dawn il-habitats. Barra minn hekk, l-imsemmija eċċezzjonijiet, għalkemm jissemmew mid-Direttur Reġjonali għall-Protezzjoni tal-Ambjent ta’ Białystok fl-opinjoni tiegħu, tat-12 ta’ Frar 2016, dwar l-Anness tal-2016, la jidhru f’dan l-anness u lanqas fid-Deċiżjoni Nru 51, bħalma lanqas ma jidhru fid-Deċiżjoni Nru 52. |
185 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-impatt tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni fuq il-ħanfus saprossiliku, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li ma humiex ser jitneħħew “is-siġar tal-arżnu mejta wieqfa u esposti għax-xemx”, li jikkostitwixxu l-habitat tal-Buprestis splendens, hija madankollu ma tressaq ebda prova insostenn ta’ din l-affermazzjoni, li, barra minn hekk, hija kontradetta mid-dispożizzjonijiet tal-Anness tal-2016 u tad-Deċiżjoni Nru 51, li jipprevedu espliċitament it-tneħħija tas-siġar mejta jew moribondi, mingħajr ma jinkludu r-restrizzjoni invokata minn dan l-Istat Membru. |
186 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-allegat theddid għall-Boros schneideri, għall-Cucujus cinnaberinus, għall-Phryganophilus ruficollis, għall-Pytho kolwensis u għar-Rhysodes sulcatus, invokat mir-Repubblika tal-Polonja u msemmi fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, ma jikkorrispondix għal dak identifikat mill-awtoritajiet Pollakki fil-PZO tal-2015. Għall-kuntrarju, minn dan id-dokument tal-aħħar jirriżulta li t-tneħħija ta’ siġar tal-prinjol u ta’ siġar tal-arżnu moribondi tikkostitwixxi tali theddida. |
187 |
Fir-raba’ lok, huwa irrilevanti li l-popolazzjonijiet ta’ ċerti ħanfus saprossiliku, bħall-Boros schneideri, jew ta’ għasafar, bħall-kokka nana jew it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, huma ikbar fid-distrett forestali ta’ Białowieża milli fil-park nazzjonali, li fih ma tista’ titwettaq ebda operazzjoni ta’ ġestjoni forestali attiva. Fil-fatt, anki jekk jitqies li huwa minnu, dan il-fatt bl-ebda mod ma huwa ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni il-fatt li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 164 sa 168 ta’ din is-sentenza, dawn l-operazzjonijiet jippreġudikaw l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
188 |
Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja, billi tiġġustifika wħud mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni permezz ta’ raġunijiet marbuta mas-sigurtà pubblika jew mal-ħtieġa li jiġu esplojtati, għal raġunijiet ekonomiċi u/jew soċjali, ir-riżorsi tal-foresta, qiegħda tinvoka l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandu jitfakkar li huwa minnu li, peress li l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva huwa li tiffavorixxi ż-żamma tal-bijodiversità, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, iż-żamma ta’ din il-bijodiversità tista’, f’ċerti każijiet, teħtieġ, b’osservanza ta’ din id-dispożizzjoni, iż-żamma, jekk mhux ukoll l-inkoraġġiment, ta’ attivitajiet tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 137). |
189 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, bħala dispożizzjoni li tidderoga mill-kriterju ta’ awtorizzazzjoni stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-Artikolu 6(4) ta’ din tal-aħħar għandu jiġi interpretat b’mod strett u jista’ japplika biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett ikunu ġew analizzati konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 6(3) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
190 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, fil-każ li, minkejja konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett ikollu xorta waħda jitwettaq minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku ikbar, inklużi raġunijiet ta’ natura soċjali jew ekonomika, u meta ma jkunx hemm soluzzjonijiet alternattivi, l-Istat Membru għandu jieħu kull miżura kumpensatorja meħtieġa sabiex jiżgura li tiġi protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 62). |
191 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għarfien tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni marbuta mas-sit inkwistjoni, jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari indispensabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva minħabba li, fl-assenza ta’ dawn l-elementi, ebda kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja ma tkun tista’ tiġi evalwata. L-eżami ta’ eventwali raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku ikbar u l-eżami tal-eżistenza ta’ alternattivi inqas dannużi jeħtieġu, fil-fatt, ibbilanċjar fil-konfront tal-ħsara kkawżata għall-imsemmi sit mill-pjan jew mill-proġett li jkunu previsti. Barra minn hekk, sabiex tiġi ddeterminata n-natura ta’ eventwali miżuri kumpensatorji, il-ħsara għas-sit ikkonċernat għandha tiġi identifikata bi preċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-404/09, EU:C:2011:768, punt 109, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punt 57). |
192 |
F’dan il-każ, madankollu, fl-assenza ta’ evalwazzjoni adegwata tal-effetti tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, u fl-assenza ta’ kull eżami fir-rigward tal-possibbiltà ta’ soluzzjonijiet alternattivi minflok l-implimentazzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, u dan b’mod partikolari minħabba li, barra minn hekk, hija ma pprevediet ebda miżura kumpensatorja. |
193 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, huwa fondat. |
2. Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar
a) L-argumenti tal-partijiet
194 |
Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats u taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, minħabba l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni. |
195 |
Is-sempliċi fatt li fil-PZO tal-2015 ġew inklużi miżuri ta’ konservazzjoni għas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, mingħajr il-possibbiltà li jitwettqu fil-verità, ma huwiex biżżejjed sabiex ikun issodisfatt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jimponi l-obbligu li jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għall-habitats naturali msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva u għall-annimali msemmija fl-Anness II tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, il-kelma “jistabbilixxi” teħtieġ li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jiġu effettivament implimentati. Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll għall-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
196 |
Issa, l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva, bħalma huma t-twaqqigħ, il-“qtugħ għal raġunijiet ta’ saħħa” u ż-żrigħ mill-ġdid ta’ boskijiet, f’habitats li ż-żamma tal-istat ta’ konservazzjoni tagħhom teskludi formalment tali attivitajiet, li jikkostitwixxu, min-natura tagħhom stess, theddida għaż-żamma tal-imsemmi stat ta’ konservazzjoni, tmur manifestament kontra l-miżuri ta’ konservazzjoni previsti fl-Anness 5 tal-PZO tal-2015, li jikkonsistu fl-esklużjoni mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali “tal-popolazzjonijiet kollha ta’ speċi komposti minn minn tal-inqas 10 % ta’ kampjuni ta’ mitt sena jew iktar”, fiż-“żamma tas-siġar mejta” kif ukoll fiż-“żamma tas-siġar kollha mejta tal-prinjol ta’ iktar minn mitt sena sakemm jimmineralizzaw kompletament”. F’dan ir-rigward, il-postijiet fejn huma ppjanati l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jikkoinċidu ma’ siti ta’ popolazzjonijiet ta’ mitt sena jew iktar u ma’ habitats ta’ ħanfus saprossiliku, essenzjalment il-Boros schneideri u l-Cucujus cinnaberinus. |
197 |
Barra minn hekk, dawn l-operazzjonijiet huma, minn kull aspett, identiċi għat-theddid identifikat fl-Anness 3 tal-PZO tal-2015 għall-habitats naturali u għall-habitats ta’ speċi ta’ għasafar u ta’ ħanfus saprossiliku. Peress li dan it-theddid għandu jiġi evitat bl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, kull miżura li tikkonkretizza l-imsemmi theddid iddaħħal inkwistjoni dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġġib fix-xejn l-effett utli tagħhom. |
198 |
L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 51, li tipprevedi t-tneħħija tas-siġar mejta mit-territorju kollu tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, tkompli ssaħħaħ it-theddid identifikat mill-PZO tal-2015 u tagħmel dejjem iktar diffiċli l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti f’dan tal-aħħar. |
199 |
Barra minn hekk, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni jista’ jkollhom impatt dannuż fuq l-istat ġenerali ta’ konservazzjoni ta’ ċerti speċi ta’ ħanfus saprossiliku, b’mod partikolari l-Buprestis splendens u l-Phryganophilus ruficollis, kemm fil-Polonja u kemm fl-Ewropa kollha, peress li s-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jikkostitwixxi wieħed mill-aħħar postijiet jew wieħed mill-ikbar postijiet fejn jinsab dan il-ħanfus fl-Unjoni. |
200 |
Fl-aħħar nett, peress li l-għan tad-Direttiva dwar il-habitats u tad-Direttiva dwar l-għasafar huwa li jippermettu ż-żamma u l-istabbiliment mill-ġdid fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats tal-ispeċi protetti u mhux biss li tiġi evitata l-estinzjoni tagħhom, kull argument ibbażat fuq iż-żamma tal-popolazzjoni ta’ speċi partikolari fil-livell indikat fil-formola standard ta’ data tal-2007 għas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska (iktar ’il quddiem il-“FSD”) għandu jiġi miċħud. |
201 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Anness tal-2016 jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti mill-PZO tal-2015, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. B’hekk, dan l-anness huwa konformi ma’ dan il-pjan sa fejn jiżgura ż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali jew tal-ispeċi li għalihom intgħażel is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Is-sempliċi fatt li ġew stabbiliti miżuri ta’ konservazzjoni fil-PZO tal-2015 ma kienx ikun suffiċjenti f’dan ir-rigward. |
202 |
B’hekk, il-miżuri ta’ konservazzjoni previsti fil-PZO tal-2015 għall-habitat 9170 (foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali) jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-aġġustament tal-kompożizzjoni tal-popolazzjoni forestali b’mod li tkun konformi mal-habitat naturali fi ħdan popolazzjonijiet forestali ddominati mis-siġar tal-luq, mis-siġar tal-betula, mis-siġar tal-arżnu u, iktar rarament, mis-siġar tal-prinjol. Dawn il-miżuri huma riflessi fil-PĠF tal-2012 fil-forma ta’ xogħlijiet ippjanati ta’ tindif, ta’ xogħlijiet sabiex jgħaddi d-dawl u ta’ qtugħ. It-twettiq ta’ dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni jeżiġu, għaldaqstant, l-estrazzjoni ta’ injam. |
203 |
F’dan ir-rigward, ikun kuntrarju kemm għad-Direttiva dwar il-habitats u għad-Direttiva dwar il-habitats u kemm għall-“prinċipji tal-għarfien ekoloġiku” u għas-sens komun jekk jiġu miċħuda l-argumenti bbażati fuq iż-żamma tal-popolazzjoni ta’ speċi partikolari fil-livell indikat fil-FSD. Fil-fatt, jekk il-livell kwantitattiv ta’ kull speċi protetta f’sit Natura 2000 partikolari jiżdied b’mod kostanti lil hinn minn dan il-livell, dan iwassal għal disturb imprevedibbli fis-sistema ekoloġika fit-territorju kkonċernat. |
204 |
Il-bidliet kwantitattivi osservati f’parti mill-popolazzjonijiet ta’ speċi protetti fil-foresta ta’ Białowieża huma r-riżultat ta’ aċċess ikbar għall-ikel, marbut ma’ disturb għal żmien qasir, jiġifieri firxa fuq livell kbir tal-ħanfus tal-prinjol. Fuq perijodu itwal, il-konsegwenza naturali ta’ din is-sitwazzjoni ser tkun rifluss brutali. Kontroll permanenti u limitat fiż-żona tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, jiġifieri żamma tal-portata territorjali tiegħu u ta’ proporzjon għoli ta’ siġar tal-prinjol fil-popolazzjonijiet forestali, jista’ jkun fattur ta’ żamma ta’ sitwazzjoni relattivament stabbli fir-rigward, pereżempju, tal-popolazzjonijiet tat-tektiek is-siġar. Minkejja l-effetti negattivi possibbli għal dawn il-popolazzjonijiet ikkawżati mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, id-daqs tal-imsemmija popolazzjonijiet baqgħu f’livell relattivament għoli, konformement mal-PZO tal-2015. |
205 |
Il-popolazzjonijiet tat-tektiek is-siġar ta’ daru abjad u tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ ma ġarrbux bidla kwantitattiva brutali fil-fruntieri tal-park nazzjonali. Fil-fatt, f’dawn iż-żoni l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol ma hijiex ta’ natura massiva minħabba l-proporzjon żgħir tas-siġar tal-prinjol fost il-popolazzjonijiet forestali ta’ dan il-park u minħabba n-natura differenti tal-habitats forestali. Minn dan jirriżulta li, fil-habitats ikkaratterizzati minn parametri differenti, li jikkundizzjonaw il-propensità tagħhom li jġarrbu firxa massiva tal-ħanfus tal-prinjol, l-ekwilibriju dinamiku jista’ jinżamm bis-saħħa ta’ miżuri magħżula ta’ ġestjoni forestali. |
206 |
L-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51 lanqas ma jista’ jkollhom impatt dannuż fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ċerti speċi ta’ ħanfus saprossiliku. Fil-fatt, il-perikolu għal speċi bħalma huma l-Buprestis splendens u l-Phryganophilus ruficollis jirriżulta essenzjalment mil-limitazzjoni u mit-twaqqif tal-effetti tan-nirien. Speċi oħra, bħalma huma l-Boros schneideri u l-Cucujus cinnaberinus, isibu kundizzjonijiet tajba għal żvilupp fil-foresta ta’ Białowieża. Fir-rigward tal-Boros schneideri, it-theddida fuq perijodu twil tirriżulta mill-assenza ta’ tiġdid tas-siġar tal-arżnu fil-park nazzjonali ta’ Białowieża. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
207 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, għal kull żona speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva u tal-ispeċi elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva li jinsabu fis-sit ikkonċernat. Konformement mal-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva, kull SIK għandu jiġi kklassifikat mill-Istat Membru kkonċernat bħala tali żona. |
208 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprevedi sistema msaħħa li tindirizza speċifikament kemm l-ispeċi msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva u kemm l-ispeċi migratorji li ma jissemmewx f’dan l-anness iżda li jpassu b’mod regolari, sistema din li hija ġġustifikata mill-fatt li dawn huma, rispettivament, l-iktar speċi mhedda u speċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni għall-Unjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni tal-imsemmija speċi (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
209 |
Dawn il-miżuri għandhom ikunu jistgħu jiżguraw, b’mod partikolari, is-sopravivenza u r-riproduzzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar kif ukoll ir-riproduzzjoni, it-tibdil tar-rix u s-soġġorn matul il-perijodu tax-xitwa tal-ispeċi migratorji li ma humiex imsemmija f’dan l-anness u li jpassu b’mod regolari. Dawn il-miżuri ma jistgħux ikunu limitati sabiex jiġu evitati l-ħsara u t-tfixkil esterni kkawżati mill-bniedem, iżda għandhom ukoll, skont is-sitwazzjoni partikolari, jinkludu miżuri pożittivi maħsuba sabiex jinżamm u jittejjeb l-istat tas-sit (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punti 153 u 154). |
210 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-PZO tal-2015 huwa intiż li jistabbilixxi, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitats u tad-Direttiva dwar l-għasafar, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats u tal-ispeċi protetti minn dawn id-direttivi li jinsabu fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
211 |
Essenzjalment, dawn il-miżuri, li jinsabu fl-Anness 5 tal-PZO tal-2015, jikkonsistu, minn naħa, fl-esklużjoni mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva “tal-popolazzjonijiet kollha ta’ siġar” fil-habitats 91D0 (boskijiet tal-bog) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq), kif ukoll tal-“popolazzjonijiet kollha ta’ speċi komposti minn minn tal-inqas 10 % ta’ kampjuni ta’ mitt sena u iktar” fil-habitat 9170 (foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali) u fil-habitats tal-kuċċarda, tal-kokka nana, tal-kokka ta’ Tengmalm, tat-tektiek is-siġar ta’ daru abjad, tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, taż-żanżarell ta’ sidru aħmar, taż-żanżarell tal-kullar, tal-Boros schneideri, tal-Buprestis splendens, tal-Cucujus cinnaberinus u tal-Osmoderma eremita, u, min-naħa l-oħra, fiż-żamma tas-“siġar mejta fil-popolazzjonijiet forestali esplojtati”, b’mod partikolari “is-siġar tal-prinjol kollha mejta ta’ iktar minn mitt sena sakemm jimmineralizzaw kompletament”, għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-habitats tal-Phryganophilus ruficollis, tal-Pytho kolwensis u tal-Rhysodes sulcatus. |
212 |
B’hekk, dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni huma intiżi sabiex tiġi evitata l-materjalizzazzjoni tal-perikoli potenzjali li huma ta’ theddida għal dawn il-habitats u għal dawn l-ispeċi, identifikati fl-Anness 3 tal-PZO tal-2015, jiġifieri, skont il-każ, kif jirriżulta mill-punti 166 sa 168 ta’ din is-sentenza, l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva, it-tneħħija tas-siġar mejta u/jew moribondi kif ukoll it-tneħħija tas-siġar tal-prinjol jew tas-siġar tal-arżnu ta’ iktar minn mitt sena kkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol. |
213 |
Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, u kif barra minn hekk tammetti r-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats u l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar jeżiġu, għaliex inkella jkunu mċaħħda minn kull effett utli, kemm l-adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats u tal-ispeċi protetti fi ħdan is-sit ikkonċernat kif ukoll, u fuq kollox, l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. |
214 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 1(1)(l) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jiddefinixxi żona speċjali ta’ konservazzjoni bħala SIK li fih ikunu “applikati” miżuri ta’ konservazzjoni, kif ukoll mit-tmien premessa tal-imsemmija direttiva, li tipprevedi li, f’kull żona magħżula, għandhom jiġu “mħaddma” l-miżuri meħtieġa fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni previsti. |
215 |
Issa, f’dan il-każ, mill-punt 4.2.4 tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015 jirriżulta li “[p]eress li għadda ħafna żmien mit-tfassil tal-PZO [tal-2015] sal-lum, parti mid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni u l-miżuri ta’ konservazzjoni previsti fir-rigward tal-ispeċi marbuta mas-siġar tal-prinjol ma għadhiex attwali”. B’hekk, il-PZO tal-2015 qatt ma ġie applikat mill-awtoritajiet Pollakki iżda, għall-kuntrarju, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51, għalkemm formalment ma jemendawx il-PZO tal-2015, iċaħħdu minn effett utli l-miżuri ta’ konservazzjoni previsti f’dan tal-aħħar. |
216 |
Fil-fatt, l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51, peress li ma fihom l-ebda restrizzjoni marbuta mal-età tas-siġar jew mal-popolazzjonijiet forestali kkonċernati mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, jawtorizzaw, fit-tliet distretti forestali tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, il-miżuri li l-esklużjoni tagħhom hija prevista mill-PZO tal-2015 bħala miżura ta’ konservazzjoni. |
217 |
B’hekk, l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51 jippermettu, minn naħa, it-twaqqigħ u t-tneħħija ta’ kull tip ta’ siġra fil-habitats 91D0 (boskijiet tal-bog) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar tal-alnu, tal-fraxxnu, taż-żafżafa u tal-luq), kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ tali operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva fil-popolazzjonijiet ta’ speċi komposti minn minn tal-inqas 10 % ta’ kampjuni ta’ mitt sena jew iktar fil-habitat 9170 (foresti tar-ruvlu-karpin subkontinentali) u fil-habitats tal-kuċċarda, tal-kokka nana, tal-kokka ta’ Tengmalm, tat-tektiek is-siġar ta’ daru abjad, tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, taż-żanżarell ta’ sidru aħmar, taż-żanżarell tal-kullar, tal-Boros schneideri, tal-Buprestis splendens, tal-Cucujus cinnaberinus u tal-Osmoderma eremita, u, min-naħa l-oħra, it-tneħħija ta’ siġar mejta fil-popolazzjonijiet forestali esplojtati, li jikkostitwixxu l-habitat tal-Phryganophilus ruficollis, tal-Pytho kolwensis u tar-Rhysodes sulcatus. |
218 |
Minn dan jirriżulta li l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni twassal għall-għejbien ta’ parti mis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Tali operazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu miżuri li jiżguraw il-konservazzjoni ta’ dan is-sit, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 38). |
219 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja sabiex issostni li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ma għandhomx effetti dannużi fuq l-ispeċi ta’ ħanfus saprossiliku protetti ma jistgħux ħlief jiġu miċħuda. Barra minn hekk, l-allegat theddid allegat minn dan l-Istat Membru għaż-żamma tal-istat favorevoli ta’ dawn l-ispeċi ma jikkorrispondix għal dak identifikat fil-PZO tal-2015. Għaldaqstant, dan it-theddid ma jistax jiġi kkunsidrat. |
220 |
Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 173 sa 181 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-ħanfus tal-prinjol bl-ebda mod ma ġie identifikat fil-PZO tal-2015 bħala perikolu potenzjali għall-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, iżda li, għall-kuntrarju, kienet it-tneħħija tas-siġar tal-prinjol u tas-siġar tal-arżnu ta’ mitt sena jew iktar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol li kienet identifikata mill-PZO tal-2015 bħala tali perikolu potenzjali. |
221 |
Għaldaqstant, it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, huwa fondat. |
3. Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva dwar il-habitats
a) L-argumenti tal-partijiet
222 |
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva dwar il-habitats meta implimentat l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, u dan sa fejn dawn l-operazzjonijiet ma jippermettux li jiġu evitati d-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew tal-ispazji ta’ mistrieħ tal-ħanfus saprossiliku msemmi fil-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-Buprestis splendens, il-Cucujus cinnaberinus, il-Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis. |
223 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats jobbliga lill-Istati Membri jimplimentaw sistema ta’ protezzjoni stretta li teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u koordinati, ta’ natura preventiva, li jippermettu li jiġu effettivament evitati d-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew tal-ispazji ta’ mistrieħ ta’ dawn l-ispeċi. |
224 |
L-ispeċi kollha ta’ ħanfus saprossiliku koperti minn din il-protezzjoni stretta jeħtieġu, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, siġar mejta jew moribondi, weqfin jew mal-art. Diversi studji xjentifiċi jikkonfermaw li s-siġar tal-prinjol mejta jikkostitwixxu habitat importanti tal-Cucujus cinnaberinus kif ukoll element primordjali taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Wara perijodu ta’ bejn sentejn u tliet snin ta’ nxif u fi stadji ulterjuri ta’ dekompożizzjoni, is-siġar tal-prinjol jiġu infestati mill-ispeċi l-oħra ta’ ħanfus saprossiliku, bħall-Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-intensifikazzjoni fil-qtugħ ta’ popolazzjonijiet ta’ siġar, li essenzjalment huma siġar tal-prinjol, u t-tneħħija tal-injam niexef jew mejjet u ta’ siġar moribondi kkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol iwasslu b’mod inevitabbli għall-mewt ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi li huma suġġetti għal protezzjoni stretta u għall-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni u ta’ mistrieħ tagħhom. |
225 |
Peress li l-imsemmija speċi jgħixu b’mod li ftit huwa viżibbli fil-parti mis-siġra li tibqa’ fl-art u taħt il-qoxra tas-siġar, huwa impossibbli li jittieħdu miżuri rimedjali effettivi, bħall-qtugħ selettiv. L-unika miżura effettiva li tista’ tevita d-deterjorament tas-siti ta’ riproduzzjoni jew ta’ mistrieħ tagħhom hija li ma jsirx intervent fil-habitats fejn jinsabu dawn l-ispeċi. |
226 |
Il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats huma assoluti, irrispettivament min-numru u mill-preżenza ta’ kampjuni ta’ speċi li jaqgħu taħt konservazzjoni stretta. Il-preżenza mifruxa ħafna tal-Cucujus cinnaberinus ma tistax għalhekk tiġġustifika l-intensifikazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali li jistgħu jwasslu għal ksur ta’ dawn il-projbizzjonijiet. Barra minn hekk, il-Phryganophilus ruficollis hija speċi rara ħafna li għandha biss erba’ habitats magħrufa fil-Polonja, b’tali mod li t-telf ta’ habitat wieħed biss jista’ jkollu impatt dannuż kunsiderevoli fuq iż-żamma tal-istat ta’ konservazzjoni tagħha fl-Ewropa. Fir-rigward tal-Buprestis splendens, din l-ispeċi tinsab fil-Polonja fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska biss. Fl-aħħar nett, dan is-sit huwa l-iktar habitat importanti tal-Pytho kolwensis f’dan l-Istat Membru li bħala speċi, barra minn hekk, tinsab biss, fl-Unjoni, fil-Finlandja u fl-Isvezja. |
227 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-ispeċi kollha ta’ ħanfus saprossiliku, bħalma huma l-Buprestis splendens, il-Cucujus cinnaberinus, l-Osmoderma eremita, il-Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis, li jinsabu fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jeħtieġu, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, siġar mejta jew moribondi u li huwa impossibbli li tiġi kkonstatata l-preżenza tal-larva tagħhom mingħajr ma jiġi ppreġudikat dan il-habitat. B’hekk, sabiex jiżguraw stat adegwat ta’ protezzjoni, l-awtoritajiet Pollakki adottaw sistema ta’ konservazzjoni fuq perijodu twil tal-kontinwità tal-habitat ta’ dawn l-ispeċi fil-forma ta’ netwerk ta’ żoni iżolati ta’ pjantaġġuni forestali fir-riżervi u fiż-żoni ta’ protezzjoni madwar l-ispeċi protetti, fil-habitats umdi, fiż-żoni ta’ referenza u fil-parti permanenti u naturali ta’ siġar mejta fil-popolazzjonijiet kollha tal-foresta ta’ Białowieża. L-effettività ta’ din l-operazzjoni hija riflessa fir-riżultati tal-inventarju mwettaq fl-2016 mill-Instytut Badawczy Leśnictwa (l-Istitut ta’ Studji Forestali, il-Polonja). |
228 |
Minn dawn ir-riżultati jirriżulta li l-Cucujus cinnaberinus, li għaliha s-siġar tal-prinjol huma t-tieni għażla bħala habitat, hija speċi komuni fis-sit kollu tal-foresta ta’ Białowieża li għaliha s-siġar mejta u moribondi ma jikkostitwixxux habitat essenzjali. Fir-rigward tal-Boros schneideri, dawn l-istess riżultati juru li din hija speċi li tippreferi s-siġar tal-arżnu, li għaliha s-siġar tal-prinjol mejta jew moribondi ma humiex habitat essenzjali u li, barra minn hekk, tinsab mifruxa mal-foresta ta’ Białowieża kollha. Iż-żona essenzjali għall-Phryganophilus ruficollis u għall-Rhysodes sulcatus hija l-park nazzjonali ta’ Białowieża. Il-lokalizzazzjonijiet tal-Phryganophilus ruficollis fid-distrett ta’ Białowieża jinsabu, barra minn hekk, fiż-żoni ta’ referenza. Barra minn hekk, il-kawża essenzjali tal-għejbien ta’ din l-ispeċi hija l-assenza ta’ boskijiet maħruqa. Bl-istess mod, il-preżenza tal-Pytho kolwensis ma kinitx identifikata barra minn dan il-park nazzjonali. Għall-kuntrarju, l-attività tal-ħanfus tal-prinjol jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-kontinwità tal-ambjenti okkupati minn din l-ispeċi, jiġifieri s-siġar tal-prinjol mejta, antiki, maqtugħa, fil-habitats umdi. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Buprestis splendens, il-kawża prinċipali tal-għejbien ta’ din l-ispeċi fl-Ewropa hija l-assenza ta’ siġar tal-arżnu antiki li mietu minħabba nirien. Minħabba l-assenza ta’ tiġdid tas-siġar tal-arżnu fl-imsemmi park nazzjonali, il-futur ta’ din l-ispeċi jista’ jiġi żgurat biss fil-foresti esplojtati, fejn it-tiġdid tas-siġar tal-arżnu jsir b’mod artifiċjali. |
229 |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-operazzjonijiet previsti fl-Anness tal-2016 ma għandhomx impatt negattiv sinjifikattiv fuq il-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi. Iż-żamma tagħhom tmur id f’id mal-kontinwità ta’ ċerti habitats li tirriżulta minn disturbi bħalma huma nirien. Fl-assenza ta’ dan, huma biss l-interventi ta’ protezzjoni attiva li jistgħu jippreżervaw il-habitat tal-imsemmija speċi. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
230 |
L-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva dwar il-habitats jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, fiż-żoni fejn jinsabu b’mod naturali, filwaqt li jipprojbixxu kull forma ta’ qbid jew ta’ qtil intenzjonat ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi fl-istat naturali tagħhom kif ukoll id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew taż-żoni ta’ mistrieħ tagħhom. |
231 |
L-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri sabiex mhux biss jadottaw qafas leġiżlattiv eżawrjenti iżda wkoll sabiex jimplimentaw miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni. Bl-istess mod, is-sistema ta’ protezzjoni stretta teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u koordinati, ta’ natura preventiva. Tali sistema ta’ protezzjoni strett għandha, għaldaqstant, tippermetti li jiġu evitati b’mod effettiv il-qabda jew il-qtil intenzjonat fl-istat naturali kif ukoll id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew taż-żoni ta’ mistrieħ tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitats (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑383/09, EU:C:2011:369, punti 19 sa 21). |
232 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li kemm l-Anness tal-2016 u kemm id-Deċiżjoni Nru 51 jipprevedu l-qtugħ ta’ siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, mingħajr restrizzjoni marbuta mal-età tagħhom, b’tali mod li b’hekk huma inklużi s-siġar ta’ mitt sena jew iktar, mejta jew moribondi. |
233 |
Issa, mill-PZO tal-2015 jirriżulta b’mod ċar li s-siġar tal-prinjol mejta jew moribondi, jekk ikun il-każ ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol, jikkostitwixxu, minn tal-inqas, habitat importanti għal ħanfus saprossiliku bħalma huma l-Buprestis splendens, il-Cucujus cinnaberinus, il-Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis, li jinsabu fil-punt (a) tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitats. Fil-fatt, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 168 ta’ din is-sentenza, it-tneħħija ta’ dawn it-tipi ta’ siġar kienet identifikata preċiżament minn dan il-pjan bħala perikolu potenzjali għal dawn l-ispeċi ta’ ħanfus. |
234 |
Għaldaqstant, l-argumenti ppreżentati mir-Repubblika tal-Polonja sabiex turi li s-siġar tal-prinjol ma humiex il-habitat jew ma humiex, minn tal-inqas, habitat importanti għall-imsemmija speċi ma jistgħux jiġu aċċettati għaliex jikkontradixxu b’mod flagranti l-konstatazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Pollakki stess fil-PZO tal-2015, imfassal minnhom fir-rigward tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
235 |
Lanqas ma jista’ jingħad li wħud minn dawn l-istess speċi ma humiex preżenti jew huma biss preżenti b’mod limitat fi ħdan dan is-sit, meta kienu inklużi espliċitament fil-PZO tal-2015 bħala speċi protetti fit-tliet distretti forestali inkwistjoni. Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-Phryganophilus ruficollis tinsab biss fiż-żoni ta’ referenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni bl-ebda mod ma hija ssostanzjata. |
236 |
Minn dan jirriżulta li l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51 huma, b’mod inevitabbli, ta’ natura li jwasslu għall-qtil kif ukoll għad-deterjorament jew għall-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni u taż-żoni ta’ mistrieħ tal-ispeċi ta’ ħanfus saprossiliku msemmija fil-punt 233 ta’ din is-sentenza. |
237 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex determinanti li l-imsemmija speċi jinsabu f’numri kbar fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 231 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi sistema ta’ protezzjoni stretta tas-siti ta’ riproduzzjoni u taż-żoni ta’ mistrieħ tal-ispeċi elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV tad-Direttiva dwar il-habitats, irrispettivament min-numru tagħhom. |
238 |
Għaldaqstant, it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva dwar il-habitats, huwa fondat. |
4. Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar
a) L-argumenti tal-partijiet
239 |
Il-Kummissjoni ssostni li, meta implimentat l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ma stabbilixxietx, bi ksur tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar, sistema ġenerali ta’ konservazzjoni li tevita, b’mod partikolari, il-qerda intenzjonata tal-bejtiet u t-tfixkil, fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, tal-kokka nana, tal-kokka ta’ Tengmalm, tat-tektiek is-siġar ta’ daru abjad u tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, speċi dawn li huma elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva. |
240 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar jobbliga lill-Istati Membri, l-istess bħall-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats, sabiex mhux biss jistabbilixxu qafas regolamentari eżawrjenti iżda wkoll sabiex jieħdu miżuri ta’ konservazzjoni konkreti u ddettaljati, li jinkludu miżuri ta’ eżekuzzjoni effettivi. Din is-sistema tirriżulta mill-obbligu li jitwaqqaf id-deklin tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Issa, huwa manifest li ż-żieda kunsiderevoli fil-volum tal-injam estratt minn habitats ta’ importanza kruċjali għar-riproduzzjoni u għall-mistrieħ ta’ speċi li jgħixu b’mod naturali fl-istat selvaġġ tagħhom fis-sit inkwistjoni ser iżżid ir-riskju ta’ qerda tal-bejtiet tagħhom u ta’ disturb intenzjonat, inkluż matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tagħhom. |
241 |
Fil-fatt, is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska huwa l-iktar żona importanti fejn jinsabu t-tektiek is-siġar ta’ daru abjad u t-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ fil-Polonja. Is-siġar moribondi u mejta, b’mod partikolari s-siġar tal-prinjol ta’ mitt sena jew iktar, huma l-iktar postijiet importanti għan-nutrizzjoni u għar-riproduzzjoni ta’ dawn iż-żewġ speċi ta’ tektieka. It-tneħħija ta’ eluf ta’ siġar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol twassal għal qerda intenzjonata tal-habitats tal-imsemmija speċi ta’ tektieka kif ukoll għal tfixkil fuq portata kbira tal-popolazzjonijiet tagħhom. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Pollakki ma ppreżentawx prova li turi li ż-żewġ speċi ta’ tektieka inkwistjoni jibbenefikaw mill-intensifikazzjoni fil-qtugħ ta’ siġar fil-post tal-habitats tagħhom, meta, għall-kuntrarju, din l-intensifikazzjoni hija ta’ natura li tħaffef it-tnaqqis fin-numri ta’ dawn iż-żewġ speċi ta’ tektieka. Barra minn hekk, ma hemmx data li turi jekk, wara li titwaqqaf il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, il-popolazzjoni tal-imsemmija speċi ta’ tektieka hijiex ser terġa’ tilħaq livell ikbar jew iżgħar. Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-siġar tal-prinjol jiġġeneraw ruħhom mill-ġdid fiż-żoni attakkati mill-ħanfus tal-prinjol, mingħajr ma huwa meħtieġ intervent mill-bniedem. |
242 |
Is-siġar moribondi u mejta huma wkoll siti importanti fejn ibejtu l-kokka nana u l-kokka ta’ Tengmalm, li jiddependu mit-toqob magħmula mit-tektieka. L-eliminazzjoni fuq skala kbira tas-siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol hija fattur ta’ qerda maġġuri taż-żona ta’ riproduzzjoni tagħhom. Issa, is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska huwa wieħed mill-iktar żoni importanti fejn jinsabu dawn l-ispeċi ta’ kokki. Il-fatt li l-konċentrazzjoni tal-kokki nani f’dan is-sit hija ikbar mill-konċentrazzjoni medja ta’ din l-ispeċi fil-Polonja ma jiġġustifikax li jitwettqu operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva li jistgħu jfixklu kampjuni u jeqirdu l-bejtiet tal-imsemmija speċi. |
243 |
Mill-informazzjoni miksuba jirriżulta wkoll li t-tneħħija u l-qtugħ seħħew matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-erba’ speċi inkwistjoni. Issa, l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51 jawtorizzaw il-qtugħ mingħajr limitazzjoni ratione temporis. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż ksur tal-projbizzjoni fir-rigward tat-tfixkil ta’ dawn l-ispeċi matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni. |
244 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015 uriet li kienu ttieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi stabbilita sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar selvaġġi, li jinkludu, b’mod partikolari, il-projbizzjoni fir-rigward tal-qerda jew tal-ħsara intenzjonati għall-bejtiet u għall-bajd tagħhom, kif ukoll fir-rigward tat-tneħħija tal-bejtiet tagħhom u tat-tfixkil intenzjonat tagħhom matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ dipendenza, sa fejn it-tfixkil għandu effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
245 |
Fid-dawl tan-numri tal-erba’ speċi ta’ għasafar ikkonċernati kkonstatati fis-sit tal-foresta ta’ Białowieża, fil-kuntest tad-data li tinsab fil-FSD, la l-preżenza u lanqas il-mod ta’ ħajja ta’ xi waħda minnhom ma huma mhedda. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki ntrabtu li jżommu minn tal-inqas 60 koppja minn kull waħda minn dawn l-ispeċi. Barra minn hekk, fis-siti Natura 2000 kollha fil-Polonja, in-numri taż-żewġ speċi ta’ tektieka inkwistjoni li jistgħu jiġu kkonstatati huma ikbar minn dawk li jinsabu fil-FSD. B’mod partikolari, il-valur tal-indiċi globali ta’ abbundanza tal-popolazzjonijiet tal-għasafar forestali żdied b’25 % matul il-perijodu 2000-2014. |
246 |
L-impatt pożittiv tal-firxa fuq skala kbira tal-ħanfus tal-prinjol fuq is-sopravivenza u r-riproduzzjoni tat-tektieka jista’ jkun biss wieħed temporanju għaliex, fuq perijodu twil, din il-firxa ser twassal għall-għejbien tal-iktar partijiet antiki tal-foresta fejn huma predominanti s-siġar koniferi. It-tnaqqis kostanti fil-firxa tal-ħanfus tal-prinjol jista’ jkun fattur ta’ żamma ta’ sitwazzjoni relattivament stabbli fir-rigward tal-popolazzjonijiet ta’ tektieka. |
247 |
Il-kollass tal-popolazzjonijiet ta’ karnivori minħabba l-iskarsezza tal-ikel huwa fatt xjentifiku. Issa, il-Kummissjoni ma ppreżentatx data xjentifika li ddaħħal inkwistjoni x-xenarju ppreżentat ta’ trasformazzjoni tal-ambjent wara l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. Huwa biss impossibbli li tiġi prevista l-portata tal-bidla, jiġifieri jekk it-tnaqqis fin-numri tal-ispeċi li jibbenefikaw mill-proliferazzjoni ta’ speċi partikolari ta’ insetti huwiex ser ikun limitat għar-ritorn lejn is-sitwazzjoni preċedenti għal din il-firxa jew inkella jekk, fid-dawl tal-għejbien tal-ikel u tal-impossibbiltà għall-ħanfus tal-prinjol li jikkolonizza siġar oħra, in-numru tat-tektieka wara dan it-tnaqqis ser ikunx iżgħar minn dak indikat, b’mod partikolari, fil-FSD fis-seħħ u deskritt fl-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni. |
248 |
Il-Kummissjoni tinjora l-fatt li l-proċessi naturali li jiżvolġu fis-siti Natura 2000 huma proċessi mifruxa fuq perijodi twal. Issa, limitazzjoni permanenti tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, jiġifieri limitazzjoni tal-kopertura territorjali tiegħu jew iż-żamma ta’ proporzjon għoli ta’ siġar tal-prinjol fil-popolazzjonijiet forestali, tista’ tkun operazzjoni ta’ protezzjoni attiva li żżomm sitwazzjoni relattivament stabbli fil-konfront tal-popolazzjonijiet ta’ tektieka, minn perspettiva mifruxa fuq perijodu twil. Minkejja l-effetti negattivi potenzjali fuq dawn il-popolazzjonijiet ikkawżati mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni, id-daqs tal-imsemmija popolazzjonijiet baqa’ f’livell relattivament għoli, konformement mal-PZO tal-2015, u l-eventwali bidliet fiż-żoni fejn jinsabu l-ispeċi ta’ għasafar, li jirriżultaw mill-mudelli ta’ previżjoni ta’ bidla klimatika, ser ikunu mifruxa fiż-żmien. Għaldaqstant, l-effett finali tal-operazzjonijiet temporanji implimentati bil-metodi applikati fil-ġestjoni forestali jista’ jippermetti li jiġi rrimedjat it-tnaqqis importanti ulterjuri fin-numri ta’ tektieka. |
249 |
Fir-rigward tal-kokka nana, it-telf tal-postijiet ta’ riproduzzjoni minħabba t-tneħħija tas-siġar tal-prinjol minn 5 % tas-sit inkwistjoni huwa illużjoni. Fil-fatt, din l-ispeċi, li tbejjet fit-toqob magħmula mit-tektieka, b’mod ġenerali mit-tektiek il-kbir bit-tikki (Dendrocopos major), speċi li l-kampjuni tagħha huma numerużi, ma turix preferenza fir-rigward tal-ispeċi ta’ siġra fejn tirriproduċi. Barra minn hekk, din il-kokka ħafna drabi tinsab f’ambjenti fi stat iddeterjorat. Fil-fatt, hija tinsab l-iktar fil-parti tal-foresta ta’ Białowieża maħduma mill-bniedem. Bl-istess mod, il-kokka ta’ Tengmalm ħafna drabi tokkupa t-toqob magħmula mit-tektiek iswed (Dryocopus martius). L-impatt eventwali li jirriżulta mit-tneħħija tas-siġar tal-prinjol minn 5 % tas-sit inkwistjoni jista’ għalhekk jitqies li huwa ineżistenti mill-perspettiva tan-numri ta’ kokki nani u ta’ kokki ta’ Tengmalm li jgħixu fil-foresta ta’ Białowieża. |
250 |
Barra minn hekk, konformement ma’ data Finlandiża, il-ġestjoni forestali permezz tal-ftuħ ta’ spazji li minnhom jgħaddi d-dawl, bil-kundizzjoni li l-proporzjon ta’ siġar imwaqqa’ ma jaqbiżx il-50 % tal-ispazju forestali fuq perijodu twil, mhux biss ma jkollhiex impatt negattiv fuq dawn l-ispeċi iżda twassal, billi żżid l-aċċessibbiltà għall-ikel, għal żieda fir-riproduzzjoni. Barra minn hekk, id-daqs tal-popolazzjonijiet tal-imsemmija speċi jiżdied u jkopri żoni ġodda. Is-siġar imsejħa “bijoċenotiċi”, fosthom siġar vojta minn ġewwa, jitħallew imutu waħedhom. Għaldaqstant, il-postijiet fejn potenzjalment ibejtu l-kokka nana u l-kokka ta’ Tengmalm jibqgħu aċċessibbli, iktar u iktar sa fejn il-PZO tal-2015 jipprevedi operazzjonijiet li jikkonsistu fiż-“żamma, matul interventi ta’ ġestjoni, tas-siġar tal-arżnu u tal-iżnuber kollha li manifestament ikollhom toqob, sakemm ma jkunx hemm perikolu għall-pubbliku”. |
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
251 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar jobbliga lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar kollha msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Din is-sistema tinkludi, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 5(b) u (d) tal-imsemmija direttiva, il-projbizzjoni fir-rigward tal-qerda jew tal-ħsara intenzjonati tal-bejtiet u tal-bajd tagħhom u fir-rigward tat-tneħħija tal-bejtiet tagħhom, kif ukoll fir-rigward tat-tfixkil intenzjonat tagħhom, b’mod partikolari, matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ dipendenza, sakemm it-tfixkil ikollu effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet tal-istess direttiva. |
252 |
B’hekk, l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar jobbliga lill-Istati Membri jadottaw qafas leġiżlattiv eżawrjenti u effettiv (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑507/04, EU:C:2007:427, punti 103 u 339, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑192/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:44, punt 25), bl-implimentazzjoni, bħalma jipprevedi l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats, ta’ miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni li għandhom jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza effettiva tal-projbizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li huma essenzjalment maħsuba sabiex jiġu protetti s-siti ta’ riproduzzjoni u ż-żoni ta’ mistrieħ tal-għasafar koperti minn din id-direttiva. Barra minn hekk, dawn il-projbizzjonijiet għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni ratione temporis (sentenza tas-27 ta’ April 1988, Il‑Kummissjoni vs Franza, 252/85, EU:C:1988:202, punt 9). |
253 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51 jipprevedu, b’mod partikolari, it-twaqqigħ tas-siġar tal-prinjol ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol kif ukoll it-tneħħija tas-siġar mejta jew moribondi. |
254 |
Issa, mill-PZO tal-2015 jirriżulta mingħajr ambigwità li s-siġar tal-prinjol ta’ mitt sena jew iktar ikkolonizzati mill-ħanfus tal-prinjol u s-siġar mejta jew moribondi jikkostitwixxu, minn tal-inqas, habitat importanti għall-kokka nana, għall-kokka ta’ Tengmalm, għat-tektiek is-siġar ta’ daru abjad u għat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar. Fil-fatt, kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 167 u 168 ta’ din is-sentenza, it-tneħħija ta’ dawn it-tipi ta’ siġar kienet identifikata preċiżament minn dan il-pjan bħala perikolu potenzjali għal dawn l-ispeċi ta’ għasafar. |
255 |
Għaldaqstant, l-awtoritajiet Pollakki, permezz tal-Anness tal-2016 u tad-Deċiżjoni Nru 51, jawtorizzaw lilhom infushom sabiex jidderogaw mill-protezzjoni ta’ dawn l-għasafar fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni. |
256 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li la dan l-anness u lanqas din id-deċiżjoni ma jinkludu restrizzjoni marbuta mal-età tas-siġar koperti minn dawn l-operazzjonijiet jew mal-perijodu li matulu dawn l-istess operazzjonijiet jistgħu jitwettqu fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Fil-fatt, l-imsemmi anness u l-imsemmija deċiżjoni ma jinkludu ebda dispożizzjoni konkreta intiża li tipprekludi effettivament id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew taż-żoni ta’ mistrieħ tal-għasafar inkwistjoni. |
257 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015 ma tippermettix li tiġi kkontestata din il-konklużjoni sa fejn din l-evalwazzjoni tindika sempliċement, fil-punt 4.2.3 tagħha, li “għandu jiġi żgurat li […] jiġu sospiżi l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali matul il-perijodu li matulu l-għasafar ibejtu”, mingħajr madankollu ma tikkonstata li kienu ttieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi stabbilita sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar selvaġġi. |
258 |
F’dan ir-rigward, sa fejn dan l-Istat Membru jinvoka l-miżuri ta’ konservazzjoni previsti mill-PZO tal-2015 fir-rigward tat-toqob li jidhru fis-siġar tal-arżnu u tal-iżnuber, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 215 ta’ din is-sentenza, mill-punt 4.2.4 tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-2015 jirriżulta li, skont l-awtoritajiet Pollakki, dan il-pjan “ma għadux attwali” u li, għaldaqstant, ma huwiex applikat minnhom. Għaldaqstant, l-imsemmi Stat Membru ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-PZO tal-2015 sabiex jiġġustifika li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni ma humiex ser iwasslu għad-deterjorament jew għall-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew taż-żoni ta’ mistrieħ tal-għasafar protetti fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. |
259 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51, li l-implimentazzjoni tagħhom ser twassal b’mod inevitabbli għad-deterjorament jew għall-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew taż-żoni ta’ mistrieħ tal-imsemmija speċi ta’ għasafar, ma jinkludux miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni li jippermettu kemm li tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom il-ħsara intenzjonata għall-ħajja u għall-habitat ta’ dawn l-għasafar u kemm li tiġi żgurata l-osservanza effettiva tal-projbizzjonijiet fir-rigward tal-qerda jew tal-ħsara intenzjonati tal-bejtiet u tal-bajd tagħhom u fir-rigward tat-tneħħija tal-bejtiet tagħhom, kif ukoll fir-rigward tat-tfixkil intenzjonat tagħhom, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ dipendenza. |
260 |
Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja ma huwa ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni din il-konklużjoni. |
261 |
Fl-ewwel lok, sa fejn dan l-Istat Membru jinvoka l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, l-argumenti kollha tiegħu għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 173 sa 181 ta’ din is-sentenza. |
262 |
Fit-tieni lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-popolazzjonijiet ta’ għasafar inkwistjoni baqgħu stabbli, jekk mhux ukoll żdiedu, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali fatt ma jistax idaħħal inkwistjoni l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw id-deterjorament tal-habitat kif ukoll it-tfixkil li jaffettwa lill-għasafar, u dan sa fejn l-obbligi ta’ protezzjoni jeżistu qabel ma jkun ġie kkonstatat tnaqqis fin-numru tal-għasafar u qabel ma jimmaterjalizza r-riskju ta’ estinzjoni ta’ speċi ta’ għasafar protetta (sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C‑141/14, EU:C:2016:8, punt 76, u tal-24 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑461/14, EU:C:2016:895, punt 83). |
263 |
Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jikkonċernaw is-sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-għasafar prevista f’din id-dispożizzjoni, japplikaw, iktar u iktar, fil-kuntest tal-protezzjoni speċifika prevista fl-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
264 |
Mill-bqija, għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Polonja sempliċement sostniet li la l-preżenza u lanqas il-mod ta’ ħajja tal-erba’ speċi ta’ għasafar tipiċi tal-foresti naturali, jiġifieri l-kokka nana, il-kokka ta’ Tengmalm, it-tektiek is-siġar ta’ daru abjad u t-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, ma huma mhedda mill-operazzjonijiet ta’ ġestjoni forestali attiva inkwistjoni. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward hija invokat data marbuta mas-snin 2014 u 2015 sabiex turi li n-numri tat-tektiek is-siġar ta’ daru abjad ma kinux naqsu. Issa, tali data tippreċedi l-applikazzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet. Fir-rigward tal-fatt li, f’siti Natura 2000 oħra li jinsabu fil-Polonja, wieħed jista’ jsib numri ikbar ta’ tektiek is-siġar ta’ daru abjad u ta’ tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ min-numri indikati fil-FSD fis-seħħ għas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jdgħajjef il-konstatazzjoni li l-imsemmija operazzjonijiet huma ta’ natura li jheddu l-istabbiltà tal-popolazzjoni ta’ dawn iż-żewġ speċi f’dan is-sit tal-aħħar. |
265 |
Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-twaqqigħ ta’ siġar tal-prinjol ma jistax jippreġudika b’mod sinjifikattiv l-integrità tal-habitat tal-kokka nana u tal-kokka ta’ Tengmalm, l-argumenti tagħha ma jistgħux jintlaqgħu sa fejn, minn naħa, mill-PZO tal-2015 jirriżulta b’mod ċar li s-siġar tal-prinjol jikkostitwixxu l-habitat prinċipali ta’ dawn l-ispeċi ta’ għasafar u, min-naħa l-oħra, fid-distrett ta’ Białowieża, l-Anness tal-2016 essenzjalment jipprevedi l-multiplikazzjoni bi tlieta fil-volum ta’ injam esplojtabbli, b’mod partikolari tas-siġar tal-prinjol. |
266 |
Għaldaqstant, ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar, huwa fondat. |
267 |
Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu. |
268 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha:
|
VI. Fuq l-ispejjeż
269 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.