SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mogħtija mill-Istati – Artikolu 107(1) TFUE – Artikolu 108(3) TFUE – Organi tax-xandir pubbliku – Finanzjament – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lill-adulti kollha li għandhom akkomodazzjoni fit-territorju nazzjonali jħallsu kontribuzzjoni lill-impriżi tax-xandir pubbliku”
Fil-Kawża C-492/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Tübingen (il-Qorti Reġjonali ta’ Tübingen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura
Südwestrundfunk
vs
Tilo Rittinger,
Patrick Wolter,
Harald Zastera,
Dagmar Fahner,
Layla Sofan,
Marc Schulte,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Südwestrundfunk, minn H. Kube, Hochschullehrer, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, H. Shev, C. Meyer-Seitz, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Blanck-Putz, K. Herrmann u C. Valero kif ukoll minn G. Braun, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49, 107 u 108 TFUE, tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Südwestrundfunk (iktar ’il quddiem “SWR”), organu reġjonali tad-dritt pubbliku tax-xandir, u Tilo Rittinger, Patrick Wolter, Harald Zastera, Marc Schulte kif ukoll Layla Sofan u Dagmar Fahner, dwar titoli eżekuttivi maħruġa minn SWR għall-ġbir mingħand dawn tal-aħħar tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva li ma ħallsux. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999
3 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kien jipprovdi li: “Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:
[…]” |
4 |
Ir-Regolament Nru 659/1999 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015,L 248, p. 9). Dan ir-regolament jinkludi l-istess definizzjonijiet bħal dawk iċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004
5 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4 p. 3), intitolat “Proċeduri simplifikati ta’ notifikazzjoni għal ċerti alterazzjonijiet għal għajnuna eżistenti”, jipprovdi: “1. Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti. 2. L-alterazzjonijiet li ġejjin għall-għajnuna eżistenti għandhom jiġu notifikati fuq il-formola simplifikata ta’ notifikazzjoni preskritta fl-Anness II:
Il-Kummissjoni għandha tuża l-aħjar tentattivi tagħha biex tieħu deċiżjoni dwar xi għajnuna notifikata fuq il-formola simplifikata ta’ notifikazzjoni fi żmien perjodu ta’ xahar. […]” |
Id-dritt Ġermaniż
6 |
Fil-31 ta’ Awwissu 1991, il-Länder ikkonkludew l-iStaatsvertrag für Rundfunk und Telemedien (il-Ftehim tal-Istat dwar ix-xandir u l-mezzi telematiċi (GBI. 1991, p. 745), emendat fl-aħħar lok mid-19. Rundfunkänderungsstaatsvertrag (id-19-il Ftehim tal-Istat ta’ modifika), tat-3 ta’ Diċembru 2015 (GBI. 2016, p. 126) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-Istat dwar ix-xandir”). L-Artikolu 12 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Allokazzjoni finanzjarja xierqa, prinċipju ta’ aġġustament finanzjarju”, huwa fformultat kif ġej: “(1) L-allokazzjoni finanzjarja għandha tippermetti lis-servizz pubbliku tax-xandir li jiggarantixxi l-missjonijiet tiegħu kif iddefiniti mill-kostituzzjoni u l-liġi; hija għandha b’mod partikolari tiggarantixxi ż-żamma u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tax-xandir. (2) Il-prinċipju ta’ aġġustament finanzjarju bejn l-organi reġjonali tax-xandir jagħmel parti integrali mill-iskema ta’ finanzjament tal-[Arbeitsgemeinschaft der öffentlichrechtlichen Rundfunkanstalten der Bundesrepublik Deutschland (ARD)]; huwa jiggarantixxi b’mod partikolari li l-organi Saarländischer Rundfunk (Xandir ta’ Saar) u Radio Bremen (Radju Bremen) ikunu jistgħu jiggarantixxu l-missjonijiet tagħhom b’mod xieraq. Il-parti suġġetta għall-aġġustament finanzjarju u l-aġġustament għall-kontribuzzjoni awdjoviżiva huma ddefiniti mir-Rundfunkfinanzierungsstaatsvertrag (il-Ftehim tal-Istat dwar il-Finanzjament tax-Xandir).” |
7 |
Skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim tal-Istat dwar ix-Xandir, intitolat “Finanzjament”: “Is-servizz pubbliku tax-xandir huwa ffinanzjat grazzi għall-kontribuzzjoni awdjoviżiva, għad-dħul mir-reklamar u dħul ieħor; is-sors prinċipali ta’ finanzjament huwa magħmul mill-kontribuzzjoni awdjoviżiva. Fil-kuntest tal-missjoni tiegħu, is-servizz pubbliku tax-xandir ma jistax jipproponi programmi jew offerti bi ħlas; […]” |
8 |
L-Artikolu 14 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Bżonnijiet ta’ finanzjament tas-servizz pubbliku tax-xandir”, jipprovdi: “(1) Il-bżonnijiet ta’ finanzjament tas-servizz pubbliku tax-xandir huma eżaminati u ddeterminati b’mod regolari skont il-prinċipji ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza, fid-dawl ukoll tal-possibbiltajiet ta’ razzjonalizzazzjoni, abbażi tal-bżonnijiet iddikkjarati mill-organi reġjonali tax-xandir miġbura taħt l-ARD, iż-[Zweites Deutsches Fernsehen (ZDF)] u l-organu tad-dritt pubbliku “Deutschlandradio”, mill-unabhängige Kommission zur Überprüfung und Ermittlung des Finanzbedarfs der Rundfunkanstalten (il-Kummissjoni indipendenti ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji tal-organi tax-xandir). (2) Il-bżonnijiet finanzjarji huma eżaminati u evalwati b’mod partikolari abbażi tal-elementi segwenti:
[…] (4) Il-kontribuzzjoni hija stabbilita minn ftehim tal-Istat”. |
9 |
Il-Land ta’ Bade-Wurtemberg (il-Ġermanja), permezz tal-baden-württembergisches Gesetz zur Geltung des Rundfunkbeitragsstaatsvertrags (il-Liġi tal-Bade-Wurtemberg, dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim tal-Istat dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva), tat-18 ta’ Ottubru 2011, kif emendata fl-aħħar lok bl-Artikolu 4 tad-19-il Ftehim tal-Istat ta’ modifika, tat-3 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva”), implementa l-Ftehim tal-Istat dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva li ppreveda l-abbandun tat-taxxa preċedenti fil-31 ta’ Diċembru 2012 favur din il-kontribuzzjoni. Din il-liġi tesponi l-iskema ta’ ġbir ta’ din il-kontribuzzjoni, li l-ħlas tagħha sar obbligatorju għall-persuni taxxabbli suġġetti għaliha fl-1 ta’ Jannar 2013. Hija tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha: “L-iskop tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva huwa li jiġi żgurat il-finanzjament xieraq tas-servizz pubbliku tax-xandir, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tal-Ftehim dwar ix-xandir u tal-missjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 40 ta’ dak l-istess ftehim”. |
10 |
L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva, intitolat “Kontribuzzjoni awdjoviżiva mħallsa fis-settur privat”, jipprovdi: “(1) Fis-settur privat, kull akkomodazzjoni għandha tħallas kontribuzzjoni awdjoviżiva mill-possessur tagħha (il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni). (2) Possessur ta’ akkomodazzjoni tfisser kwalunkwe persuna maġġorenni li tgħix fiha. Titqies possessur tal-akkomodazzjoni kull persuna li:
[…] (3) Jekk diversi persuni huma responsabbli għall-ħlas tal-istess kontribuzzjoni, huma debituri in solidum skont l-Artikolu 44 tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi). […] (4) Il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma hijiex dovuta mill-persuni responsabbli għall-ħlas li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Gesetz zu dem Wiener Übereinkommen vom 18. April 1961 über diplomatische Beziehungen (il-Liġi dwar il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tat-18 ta’ April 1961 dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi), tas-6 ta’ Awwissu 1964 (BGBl. 1964 II p. 957) jew dispożizzjonijiet oħra ekwivalenti, jibbenefikaw minn privileġġi.” |
11 |
Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva: “(1) Id-dħul mill-kontribuzzjoni awdjoviżiva imur għand l-organu reġjonali tax-xandir u, skont il-miżura ddefinita fir-Rundfunkfinanzierungsstaatsvertrag (il-Ftehim dwar il-Finanzjament tax-Xandir), għand iż-[ZDF], Deutschlandradio kif ukoll għand il-Landesmedienanstalt (l-organu reġjonali tal-mezzi), li minnu jiddependi l-post ta’ fejn tinsab l-akkomodazzjoni jew il-post tal-persuna responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni jew tal-post tar-reġistrazzjoni tal-vettura. […] (5) L-ammont tad-debiti awdjoviżivi li ma humiex imħallsin għandu jiġi ffissat mill-organu reġjonali tax-xandir kompetenti. […] (6) Il-kalkoli maħruġa minn debiti li ma humiex imħallsin isiru effettivi permezz tal-proċedura ta’ infurzar amministrattiva. […] (7) Kull organu reġjonali tax-xandir għandu jassumi l-missjonijiet fdati lilu skont dan il-Ftehim tal-Istat kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi marbuta miegħu kollu jew f’parti permezz tas-servizz tal-organi pubbliċi reġjonali tax-xandir mogħti fil-kuntest ta’ ġbir ta’ ġestjoni tad-dritt pubbliku li ma għandux kapaċità ġuridika. L-organu reġjonali tax-xandir jista’ jafda lil partijiet terzi diversi attivitajiet marbuta mal-ġbir tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva u mal-identifikazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni, li huwa jiddefinixxi l-modalitajiet tagħha permezz ta’ regolament skont l-Artikolu 9(2) […]”. |
12 |
Peress li l-modalitajiet għall-ġbir amministrattiv (“Beitreibung”) jaqgħu ukoll taħt il-ġurisdizzjoni tal-Länder, il-Land ta’ Bade-Wurtemberg adotta, f’dan ir-rigward, fit-12 ta’ Marzu 1974, il-Verwaltungsvollstreckungsgesetz für Baden-Württemberg, Landesverwaltungsvollstreckungsgesetz (il-Liġi ta’ Bade-Wurtemberg dwar l-eżekuzzjoni amministrattiva). |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
13 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma persuni responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva (ir-“Rundfunkbeitrag”) li ma ħallsux, parzjalment jew totalment, din il-kontribuzzjoni. |
14 |
Fl-2015 u l-2016, SWR, l-organu reġjonali tax-xandir kompetenti, bagħat lid-debituri ta’ din il-kontribuzzjoni titoli eżekuttivi sabiex jirkupra l-ammonti mhux imħallsa għall-perijodu bejn Jannar 2013 u l-aħħar tas-sena 2016. |
15 |
Peress li d-debituri ta’ din il-kontribuzzjoni baqgħu ma ħallsuhiex, SWR, abbażi ta’ dawn it-titoli għaddiet għall-ġbir forzat ta’ dan id-dejn. |
16 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-debituri ppreżentaw rikors quddiem il-qorti territorjalment kompetenti fil-konfronti tagħhom, jiġifieri l-Amtsgericht Reutlingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Reutlingen, il-Ġermanja), l-Amtsgericht Tübingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Tübingen, il-Ġermanja) u l-Amtsgericht Calw (il-Qorti Distrettwali ta’ Calw, il-Ġermanja), kontra l-proċedura ta’ ġbir li tikkonċernahom. |
17 |
L-Amtsgericht Tübingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Tübingen) laqgħet it-tliet rikorsi ppreżentati quddiemha mid-debituri kkonċernati. Ir-rikorsi ppreżentati quddiem l-Amtsgericht Reutlingen (il-Qorti Distrettwali ta’ Reutlingen) u l-Amtsgericht Calw (il-Qorti Distrettwali ta’ Calw) min-naħa tagħhom, ġew miċħuda. |
18 |
Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-partijiet li r-rikorsi tagħhom ġew miċħuda appellaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda li jikkonċernawhom. |
19 |
Din il-qorti, li għaqqdet il-kawżi flimkien, tindika li t-tilwimiet fil-kawża prinċipali jirrigwardaw, essenzjalment, kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt ta’ eżekuzzjoni ta’ debiti mhux imħallsa, iżda li dawn il-kwistjonijiet huma marbuta mill-viċin mad-dispożizzjonijiet ta’ dritt sostantiv applikabbli. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. |
21 |
L-ewwel nett, din il-qorti tindika li x-xandir pubbliku Ġermaniż huwa parzjalment iffinanzjat mill-kontribuzzjoni awdjoviżiva. Din il-kontribuzzjoni għandha, fil-prinċipju, titħallas taħt piena ta’ multa minn kull persuna maġġorenni li tgħix fil-Ġermanja u tingħata, fil-Land ta’ Bade-Wurtemberg, b’mod partikolari lix-xandara pubbliċi SWR u ZDF. L-imsemmija kontribuzzjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE favur dawn ix-xandara li kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE. |
22 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tenfasizza li t-taxxa awdjoviżiva preċedenti, li kienet dovuta abbażi tal-pussess ta’ riċevitur, ġiet sostanzjalment emendata fl-1 ta’ Jannar 2013 wara d-dħul fis-seħħ tal-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva, u issa hija dovuta minn kull detentur ta’ akkomodazzjoni. Hija tfakkar li l-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku Ġermaniż kienet ġiet evalwata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti fl-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 108(1) TFUE. F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ April 2007, [C(2007) 1761 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat E 3/2005 (ex CP 2/2003, CP 232/2002, CP 43/2003, CP 243/2004 u CP 195/2004) – Die Finanzierung der öffentlichen-rechtlichen Rundfunkanstalten in Deutschland (ARD/ZDF)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007”), relatata ma’ din l-iskema, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-taxxa tax-xandir kellha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, minħabba modifiki essenzjali li saru mil-liġi dwar kontribuzzjoni awdjoviżiva għall-finanzjament tax-xandir, l-iskema l-ġdida ta’ finanzjament kellha tiġi nnotifikata. Apparti dan, l-għajnuna mill-Istat li tirriżulta minnha ma hijiex kompatibbli mas-suq intern, b’applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE. |
23 |
It-tieni nett, il-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, sa fejn id-dħul ta’ din il-kontribuzzjoni jservi sabiex jiffinanzja l-implementazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ trażmissjoni diġitali terrestri, jiġifieri d-DVB-T 2, li ma huwiex previst li tista’ tintuża minn xandara barranin. Għall-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni hija paragunabbli ma’ dik tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-544/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:584), dwar il-passaġġ mit-teknoloġija ta’ trażmissjoni analoġika għal dik ta’ trażmissjoni diġitali. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha fil-verità titqabbel ma’ taxxa imposta bi skop (“Zwecksteuer”). Il-fatt li t-taxxa awdjoviżiva li kienet imposta qabel ġiet mibdula b’kontribuzzjoni awdjoviżiva ta’ natura personali jikkostitwixxi modifika essenzjali tas-sistema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku. Għalhekk, b’differenza mis-sistema ta’ finanzjament preċedenti, il-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni ma jagħtix lok għal kontroparti individwali għall-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni. Il-popolazzjoni kollha ta’ età maġġuri li għandhom akkomodazzjoni fil-Ġermanja jipparteċipaw b’hekk għall-finanzjament tas-servizz tax-xandir pubbliku, l-istess bħal fil-qasam fiskali. Dan huwa finanzjament maġġoritarju tal-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C-337/06, EU:C:2007:786). L-iskema attwali ta’ kontribuzzjoni tikkostitwixxi għalhekk għajnuna illegali intiża għall-introduzzjoni tas-sistema DVB-T 2, iffinanzjata minn din it-taxxa. |
25 |
It-tielet nett, ix-xandara pubbliċi jibbenefikaw, grazzi għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, minn serje ta’ vantaġġi li ma għandhomx ix-xandara privati, li jikkonsistu f’vantaġġ ekonomiku u, fid-dawl tan-natura ġenerali tal-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva, f’għajnuna mill-Istat. Dawn il-vantaġġi jinsabu b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet derogatorji tad-dritt komuni li jippermettu lix-xandara pubbliċi joħorġu huma stess it-titoli eżekuttivi neċessarji għall-eżekuzzjoni forzata tad-debiti. Dan il-mod ta’ ħruġ tat-titoli eżekuttivi huwa iktar rapidu, eħfef u inqas oneruż mir-rikors għal proċedura ġudizzjarja ta’ rkupru tad-debiti. Barra minn hekk, jiġġenera inkonvenjenti għall-utenti peress li l-possibbiltajiet għal dawn tal-aħħar li jippreżentaw rikors u talba għal stħarriġ ġudizzjarju qabel il-ħruġ tat-titolu eżekuttiv u l-eżekuzzjoni huma esklużi jew estremament diffiċli. |
26 |
Ir-raba’ nett, il-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 u 3 tagħha, jimminaw il-libertà ta’ informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta u fl-Artikolu 10 tal-KEDB. Il-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija volontarjament maħsuba bħala ostakolu għall-aċċess għal kull forma ta’ informazzjoni mxandra permezz ta’ satellita, bil-kejbil jew permezz ta’ network ta’ telefonija mobbli. Il-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija dovuta minn individwu indipendentement mill-fatt jekk dan jipprofittax effettivament mill-programmi tax-xandara pubbliċi. |
27 |
Il-ħames nett, skont il-qorti tar-rinviju, il-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija kuntrarja għal-libertà ta’ stabbiliment. Hija timmina wkoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u toħloq diskriminazzjoni fil-konfronti tan-nisa. F’dan l-aħħar rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din il-kontribuzzjoni hija dovuta għal kull akkomodazzjoni, indipendentement min-numru ta’ persuni li joqogħdu fiha, b’tali mod li l-ammont tal-imsemmija kontribuzzjoni li għandha titħallas għal kull persuna maġġuri jvarja b’mod konsiderevoli skont in-numru ta’ persuni li jifformaw il-household. Il-ġenituri iżolati, li huma fil-parti l-kbira nisa, huma f’pożizzjoni inqas favorevoli meta mqabbla ma’ adulti li joqogħdu f’kollokazzjoni. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Tübingen (il-Qorti Reġjonali ta’ Tübingen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
29 |
SWR issostni li skont ir-regoli proċedurali nazzjonali rilevanti, l-imħallef li għamel ir-rinviju, li huwa mħallef wieħed, kellu jittrażmetti l-proċeduri quddiem formazzjoni kolleġġjali fi ħdan il-qorti tar-rinviju b’mod li jistax iressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE. |
30 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta domanda li tkun tista’ tkun suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari titqajjem f’kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, din il-qorti tista’, jekk tqis li deċiżjoni dwar dan il-punt tkun neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni. |
31 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu li l-qorti nazzjonali tkun libera li tadixxi, fi kwalunkwe mument li hija tqis xieraq, il-Qorti tal-Ġustizzja bi kwalunkwe domanda preliminari li hija tqis neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħdietx b’konformità mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji (digriet tas-6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo, C-472/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:684, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Għaldaqstant, l-argument ta’ SWR, li huwa bbażat fuq allegat ksur tar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja, ma jistax ikun ta’ natura li jfixkel lill-qorti tar-rinviju milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE. |
34 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi
35 |
SWR u l-Gvern Ġermaniż isostnu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma għandha, fil-parti l-kbira tad-domandi magħmula, ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u li l-problema mqajjma hija ta’ natura ipotetika. Huma biss id-domandi relatati mal-privileġġi tax-xandar pubbliku fil-qasam tal-eżekuzzjoni forzata li huma rilevanti f’dan ir-rigward. |
36 |
Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C-112/16, EU:C:2017:597, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Madankollu, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, EU:C:2008:59, punt 53). |
38 |
Għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tirrispetta b’mod strett ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija mistennija li tkun taf bihom (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C-112/16, EU:C:2017:597, punt 27). Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fir-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2018, C 257, p. 1). |
39 |
Għaldaqstant, huwa indispensabbli, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Huwa wkoll indispensabbli, kif jipprevedi l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni japplika b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat mis-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C-112/16, EU:C:2017:597, punti 28 u 29). |
40 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-modifika li saret għall-iskema ta’ finanzjament tax-xandir Ġermaniż permezz tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva kellhiex tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE u jekk l-imsemmija Artikoli 107 u 108 TFUE jipprekludux tali skema. |
41 |
Minn naħa, kuntrarjament għal dak li jsostnu SWR u l-Gvern Ġermaniż, il-fatt li t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw l-irkupru tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma jeskludix li l-qorti tar-rinviju tista’ titwassal biex tinterpreta u tapplika l-kunċett ta’ għajnuna, stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kontribuzzjoni awdjoviżiva kellhiex jew le tiġi suġġetta għall-proċedura ta’ kontroll preliminari stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, u, jekk ikun il-każ, li jiġi vverfiikat jekk l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax ruħu ma’ dan l-obbligu. |
42 |
Fil-fatt, mill-effett dirett tal-Artikolu 108(3) TFUE jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu lill-partijiet fil-kawża li l-konsegwenzi kollha ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni ser jiġu kkunsidrati, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, f’dak li jikkonċerna kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ possibbli miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punti 39 u 40; tas-16 ta’ April 2015, Trapeza Eurobank Ergasias, C-690/13, EU:C:2015:235, punt 52 kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C-505/14, EU:C:2015:742, punti 23 u 24). |
43 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa l-konformità ta’ miżura nazzjonali ma’ dan id-dritt bil-għan li tagħti deċiżjoni tal-kawża li ġiet adita biha. Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hija tista’ b’mod partikolari tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni li jippermettulha li tiddetermina jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C-140/09, EU:C:2010:335, punt 24) jew, skont il-każ, jekk din il-miżura tikkostitwixxix għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C-672/13, EU:C:2015:185, punt 60). |
44 |
Għaldaqstant, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, l-ewwel sat-tielet domanda magħmula ma jidhirx li huma manifestament nieqsa mir-relevanza, peress li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. |
45 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, iktar speċifikatament, dwar il-konformità tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva inkwistjoni mal-Artikoli 107 u 108 TFUE, sa fejn din il-kontribuzzjoni timplika l-eżistenza ta’ għajnuna intiża għall-implementazzjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni li tirrispondi għall-istandard DVB-T 2, li ma huwiex previst li tista’ tintuża mix-xandara stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni. |
46 |
Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, għalkemm din il-qorti tesponi li l-kontribuzzjoni awdjoviżiva ppermettiet il-finanzjament ta’ din is-sistema għall-benefiċċju biss tax-xandara fil-Ġermanja, hija ma tippreċiżax il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-imsemmija sistema u lanqas ir-raġunijiet għalfejn xandara oħra huma esklużi mill-użu tal-istess sistema. |
47 |
Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni domanda hija inammissibbli. L-ewwel sat-tielet domanda magħmula huma, min-naħa tagħhom, ammissibbli. |
48 |
It-tieni nett, permezz tar-raba’ sas-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, previst fl-Artikolu 11 tal-Karta u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/113, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll tal-libertà ta’ stabbiliment. |
49 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija qorti madankollu ma tipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija ssemmi fid-domandi tagħha u t-tilwimiet fil-kawżi prinċipali. B’mod partikolari, hija ma pprovdiet ebda element konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-persuni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-imsemmija domandi. |
50 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C-203/15 u C-698/15, EU:C:2016:970, punt 130). |
51 |
Konsegwentement, ir-raba’ sas-seba’ domanda magħmula huma inammissibbli. |
52 |
Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, huma biss l-ewwel domanda, it-tieni parti tat-tieni domanda u t-tielet domanda li huma ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel domanda
53 |
Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa paċifiku li l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva timmodifika għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999. |
54 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 għandux jiġi interpretat fis-sens li modifika tal-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku ta’ Stat Membru li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonsisti fis-sostituzzjoni ta’ taxxa awdjoviżiva dovuta abbażi tal-pussess ta’ apparat ta’ reċezzjoni awdjoviżiva, b’kontribuzzjoni awdjoviżiva dovuta b’mod partikolari abbażi tal-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni jew ta’ stabbiliment professjonali, tikkostitwixxi modifika ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE. |
55 |
Għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 tipprovdi li, għall-għanijiet tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, modifika ta’ għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistgħux jeffettwaw il-kompatibbiltà tal-miżura tal-għajnuna mas-suq intern. F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 tipprovdi li żieda fil-baġit inizjali ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti sa 20 % ma għandhiex titqies bħala modifika għal għajnuna eżistenti. |
56 |
Sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk il-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva, sa fejn timmodifika l-fatt ġeneratur tal-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni li għandha l-għan li tiffinanzja s-servizz pubbliku tax-xandir fil-Ġermanja, billi tipprovdi li din ma hijiex iktar dovuta għall-fatt tal-pussess ta’ riċevitur, iżda abbażi, b’mod partikolari, tal-pussess ta’ akkomodazzjoni, tikkostitwixxix modifika ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
57 |
Din id-domanda effettivament tiddetermina jekk l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva timmodifikax b’mod sostanzjali l-għajnuna eżistenti li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007 jew jekk din il-liġi sempliċement tagħmilx modifika ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern. |
58 |
Bħal SWR, il-Gvern Ġermaniż u dak Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni sostnew dan fl-osservazzjonijiet tagħhom magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, u kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-elementi li jinsabu fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, is-sostituzzjoni tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva għat-taxxa awdjoviżiva hija limitata għal modifika tal-għajnuna eżistenti li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007, li ma tistax tiġi kkwalifikata bħala sostanzjali. |
59 |
Fil-fatt, il-modifika tal-fatt ġeneratur tal-ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma affettwax l-elementi li jikkostitwixxu l-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku Ġermaniż, kif kienu ġew evalwati mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007. |
60 |
Għalhekk, l-ewwel nett, huwa paċifiku li l-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma mmodifikatx l-għan intiż mill-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku Ġermaniż, peress li l-kontribuzzjoni awdjoviżiva hija, bħat-taxxa awdjoviżiva li tissostitwixxi, intiża għall-finanzjament tas-servizz pubbliku tax-xandir. |
61 |
It-tieni nett, huwa wkoll paċifiku li ċ-ċirku ta’ benefiċjarji ta’ din l-iskema huwa identiku għal dak li kien jeżisti preċedentement. |
62 |
It-tielet nett, mill-elementi mressqa għad-dibattitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva mmodifikat il-missjoni ta’ servizz pubbliku fdata lix-xandara pubbliċi jew l-attivitajiet ta’ dawn ix-xandara li jistgħu jkunu ssussidjati mill-kontribuzzjoni awdjoviżiva. |
63 |
Ir-raba’ nett, il-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva mmodifikat il-fatt ġeneratur ta’ din il-kontribuzzjoni. |
64 |
Madankollu, minn naħa, kif esponew b’mod partikolari SWR, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni, il-modifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha essenzjalment għan ta’ semplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ġbir tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva, f’kuntest ta’ evoluzzjoni tat-teknoloġiji li jippermettu r-reċezzjoni tal-programmi tax-xandara pubbliċi. |
65 |
Min-naħa l-oħra, kif sostnew fl-osservazzjonijiet tagħhom mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni u kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sostituzzjoni tat-taxxa awdjoviżiva bil-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma wasslitx għal żieda sostanzjali tal-kumpens li jirċievu x-xandara pubbliċi sabiex ikopru l-ispejjeż relatati mal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku li huma responsabbli għalihom. |
66 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex stabbilit li l-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ġabet modifika sostanzjali għall-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku fil-Ġermanja li teħtieġ li din l-adozzjoni tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE. |
67 |
Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jiġi interpretat fis-sens li modifika tal-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku ta’ Stat Membru li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonsisti fis-sostituzzjoni ta’ taxxa awdjoviżiva dovuta abbażi tal-pussess ta’ apparat ta’ reċezzjoni awdjoviżiva, b’kontribuzzjoni awdjoviżiva dovuta b’mod partikolari abbażi tal-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni jew ta’ stabbiliment professjonali, ma tikkostitwixxix modifika ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE. |
– Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda u t-tielet domanda
68 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda u tat-tielet domanda tagħha, li jaqbel li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lix-xandar pubbliku setgħat derogatorji tad-dritt komuni li jippermettulu li jwettaq huwa stess l-eżekuzzjoni forzata ta’ debiti mhux imħallsa abbażi tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva. |
69 |
F’dan ir-rigward, kif enfasizzaw SWR u l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika li jgawdu minnha x-xandara pubbliċi fil-qasam tal-irkupru tat-taxxa awdjoviżiva ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-eżami tagħha tal-iskema ta’ finanzjament tax-xandir pubbliku, u b’mod iktar partikolari ta’ din it-taxxa, fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, dawn il-prerogattivi, li huma intiżi preċiżament għall-irkupru tal-imsemmija taxxa, għandhom jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti integrali mill-għajnuna eżistenti kkostitwita minn din it-taxxa. |
70 |
Issa, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma għamlet ebda modifika għal dawn il-prerogattivi. |
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Liġi dwar il-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma hijiex suxxettibbli li taffettwa l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-24 ta’ April 2007, f’dak li jikkonċerna l-imsemmija prerogattivi. |
72 |
Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika li jgawdu minnha x-xandara pubbliċi fil-qasam tal-irkupru tat-taxxa awdjoviżiva huma interenti għall-missjonijiet tagħhom ta’ servizz pubbliku. |
73 |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 107 u 108 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lix-xandar pubbliku setgħat derogatorji tad-dritt komuni li jippermettulu li jwettaq huwa stess l-eżekuzzjoni forzata ta’ debiti mhux imħallsa abbażi tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva. |
Fuq l-ispejjeż
74 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.