SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Kodiċi Doganali – Artikolu 29 – Determinazzjoni tal-valur doganali – Tranżazzjonijiet transkonfinali bejn kumpanniji relatati – Ftehim bil-quddiem dwar prezzijiet ta’ trasferiment – Prezz ta’ trasferiment miftiehem li jikkonsisti minn ammont inizjalment fatturat u korrezzjoni b’rata fissa magħmula wara t-tmiem tal-perijodu tal-fatturazzjoni”
Fil-Kawża C‑529/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura
Hamamatsu Photonics Deutschland GmbH
vs
Hauptzollamt München
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Hamamatsu Photonics Deutschland GmbH, minn G. Eder, u J. Dehn, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Hauptzollamt München, minn G. Rittenauer u M. Uhl kif ukoll minn G. Haubner, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u B. R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 213, 28 sa 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Hamamatsu Photonics Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Hamamatsu”) u l-Hauptzollamt München (l-Uffiċċju tad-Dwana Prinċipali ta’ München, il-Ġermanja), wara r-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jwettaq ir-rimbors parzjali tad-dazji doganali u mħallsa minn Hamamatsu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Kodiċi Doganali
3 |
L-Artikolu 28 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3 tal-imsemmi kodiċi jistabbilixxu “l-valur doganali għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej u miżuri mhux tat-tariffa stipulati bid-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ kummerċ ta’ merkanzija”. |
4 |
L-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li: “Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skont l-Artikoli 32 u 33, sakemm:
|
5 |
Skont l-Artikolu 29(2) ta’ dan il-kodiċi:
|
6 |
L-Artikolu 29(3)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi: “Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa l-ħlas totali li jkun sar jew li ser isir mix-xerrej lil jew għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija importata u jinkludi l-ħlasijiet kollha li jkunu saru jew li jkunu dovuti bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija impurtati mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil terz persuna biex jissodisfa obbligazzjoni tal-bejjiegħ. Il-ħlas mhux bilfors ikun f’forma ta’ trasferiment ta’ flus. Ħlas jista’ jsir permezz ta’ ittri ta’ kreditu jew strument negozjabbli u jista’ jsir direttament jew indirettament.” |
7 |
L-Artikolu 30(1) tal-istess kodiċi jistabbilixxi: “Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista’ jiġi stabbilit, bla ħsara għall-kondizzjoni li l-ordni ta’ l-applikazzjoni tas-subparagrafi (ċ) u (d) għandu jinqaleb jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni jitlob hekk; huwa biss meta tali valur ma jistax jiġi stabbilit taħt subparagrafu partikolari li jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu li jkun imiss f’sekwenza stabbilita bis-saħħa ta’ dan il-paragrafu. […]” |
8 |
L-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi: “Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skont il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:
[u],
|
9 |
L-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “1. Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:
2. Żidiet fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għandhom isiru taħt dan l-Artikolu biss skond il-bażi ta’ data oġġettiva u li tista’ tiġi kwantifikata. 3. Ebda żieda m’għandha ssir fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas waqt li jkun jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali ħlief kif ipprovdut f’dan l-Artikolu. […]” |
10 |
L-Artikolu 33 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi: “Sakemm jintwerew separatament mill-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, is-segwenti m’għandhomx jiġu inklużi fil-valur doganali:
|
11 |
Skont l-Artikolu 78 tal-istess kodiċi: “1. L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija. 2. L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-post tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta. 3. Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skont kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.” |
Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni
12 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 881/2003 tal-21 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 310) (iktar ’il quddiem ir-“Regoplament ta’ Implementazzjoni), jipprevedi fis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu 2, intitolat, “Dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera”, tal-Kapitolu IX, intitolat “Proċedura ta’ dikjarazzjoni simplifikata”, id-dispożizzjonijiet applikabbli għad-dikjarazzjonijiet inkompleti. L-Artikolu 256(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprevedi: “It-terminu mogħti mill-awtoritajiet doganali lid-dikjarant għall-komunikazzjoni ta’ dettalji jew il-preżentazzjoni ta’ dokumenti nieqsa meta d-dikjarazzjoni kienet aċċettata ma jistax ikun itwal minn xahar mid-data ta’ din l-aċċettazzjoni. Fil-każ ta’ dokument meħtieġ biex tiġi applikata rata mnaqqsa jew rata żero ta’ dazju fuq l-importazzjoni, fejn l-awtoritajiet doganali għandhom raġunijiet biżżejjed biex jaħsbu li l-merkanzija koperta b’dikjarazzjoni mhux kompluta tista’ tikkwalifika għal tali rata mnaqqsa jew rata żero ta’ dazju fuq l-importazzjoni, jista’ jingħata perjodu itwal minn dak kontemplat fl-ewwel paragrafu, fuq talba tad-dikjarant, jista’ jingħata għall-produzzjoni tad-dokument, jekk jkun ġustifikat fiċ-ċirkostanzi. Dak il-perjodu ma jistax jeċċedi l-erba’ xhur mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni. [Ma jistax jiġi pprorogat.] Meta d-dettalji neqsin għandhom jiġu kkomunikati jew dokumenti ippreżentati jikkonċernaw valur doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu, meta dan ikun assolutament neċessarju, jistabilixxu terminu itwal jew jestendu it-terminu stabbilit qabel. Il-terminu totali permess għandu jieħu kont tat-termini preskritti fis-seħħ.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 |
Hamamatsu, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, tagħmel parti minn grupp ta’ kumpanniji attivi fil-livell dinji, fosthom il-kumpannija omm tagħha, Hamamatsu Photonics, li hija stabbilita fil-Ġappun. Hamamatsu tqassam, b’mod partikolari, tagħmir, sistemi u aċċessorji optoelettroniċi. |
14 |
Din tal-aħħar xtrat merkanzija importata mill-kumpannija omm tagħha li bagħtitlha l-fattura, għal din il-merkanzija, bi prezzijiet intragrupp, skond il-ftehim minn qabel dwar il-prezz tat-trasferiment, konkluż bejn l-imsemmi grupp ta’ kumpanniji u l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi. Is-somma tal-ammonti ffatturati lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-kumpanija omm tagħha ġiet ivverifikata regolarment u, jek ikun il-każ, ikkoreġuta, sabiex jiġi żgurat li l-prezzijiet tal-bejgħ jikkonformaw mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa previst mill-Organizzazzjoni ta’ Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) applikabbli fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment għal impriżi multinazzjonali u l-amministrazzjonijiet fiskali (iktar ’il quddiem il-“prinċipji tal-OECD”). |
15 |
Il-qorti tar-rinviju, il-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja), tispjega li din il-verifika tiżvolġi f’diversi stadji, abbażi tal-metodu msejjaħ “tat-tqassim tal-profitt residwali” (“Residual Profit Split Method”), li huwa konformi mal-prinċipji tal-OECD. Fl-ewwel lok, kull parteċipant jirċievi profitt biżżejjed sabiex jippermettilu li jikseb qligħ minimu. Il-profitt residwali jkun, għalih, suġġett għal tqassim proprzjonali. Fit-tieni lok, firxa ta’ għan ta’ marġni operattiv (“Operating Margin”) tkun stabbilita lil Hamamatsu. Jekk ir-riżultat effettivament miksub ikun barra mill-firxa ta’ għan, ikun, permezz ta’ aġġustament, allinjat mal-limitu massimu jew minimu tal-firxa u jsiru aġġustamenti ta’ kreditu jew ta’ debitu. |
16 |
Bejn is-7 ta’ Ottubru 2009 u t-30 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlet f’ċirkulazzjoni libera diversi merkanzija ġejja minn aktar minn 1000 kunsinna magħmula mill-kumpanija omm tagħha, billi ddikjarat valur doganali li jikkorrispondi għall-prezz tal-fattura. Il-merkanzija taxxabbli kienet soġġetta għal rati ta’ bejn 1.4 % u 6.7 %. |
17 |
Peress li, matul dan il-perijodu, il-marġni operattiv tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet inqas mill-firxa ta’ għan stabbilita, il-prezzijiet tat-trasferiment ġew aġġustati konsegwentement. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għaldaqstant irċeviet kreditu fl-ammont ta’ EUR 3 858 345.46. |
18 |
Fid-dawl tal-aġġustament a posteriori tal-prezzijiet ta’ trasferiment, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, b’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2012, talbet ir-rimbors tad-dazji doganali għall-merkanzija importata, għal ammont ta’ EUR 42 942.14. L-ammont tal-aġġustament bejn il-merkanzija importata differenti ma tqassamx. |
19 |
L-uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ München ċaħad din it-talba għar-raġuni li l-metodu adottat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien inkompatibbli mal-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali, li jirrigwarda l-valur ta’ tranżazzjoni tal-merkanzija partikolari u mhux dik tal-kunsinni mħallta. |
20 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
21 |
Din tal-aħħar tqis li l-kont finali jikkostitwixxi l-prezz tat-trasferiment finali, stabbilit skont il-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa previst mill-prinċipji tal-OECD. Ma jkun hemm l-ebda interess li l-prezz ta’ trasferiment ikun ibbażat biss fuq il-prezz li jidher provviżorjament fil-kuntest ta’ ftehim minn qabel ta’ prezz ta’ trasferiment konkluż mal-awtoritajiet fiskali, li ma kienx jirrifletti l-valur reali tal-merkanzija importata. Għaldaqstant, il-prezz iddikjarat lill-awtoritajiet doganali kien ikkostitwixxi biss prezz fittizju, u mhux prezz “li għandu jitħallas” għall-merkanzija importata, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. |
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht München (il-Qorti tal-Finanzi ta’ München, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tgħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
23 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 28 sa 31 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens huma jippermettu li jitqies, bħal l-valur għal skopijiet doganali, valur ta’ tranżazzjoni miftiehem li jikkonsisti, parzjalment, minn ammont inizjalment iffatturat u ddikjarat u, parzjalment, minn aġġustament b’rata fissa li jsir wara fi tmiem il-perijodu ta’ fatturazzjoni, mingħajr ma jkun possibbli li jkun magħruf jekk, fi tmiem il-perijodu ta’ fatturazzjoni, dan l-aġġustament ikunx sar ’il fuq jew ’l isfel. |
24 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni għal skopijiet doganali hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizzji. Il-valur għal skopijiet doganali għandu għaldaqstant jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku skont il-ġurisprudenza stabbilita (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation, C‑306/04, EU:C:2006:716, punt 30; tas-16 ta’ Ġunju 2016, Euro 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punti 23 u 26, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2017, GE Healthcare, C‑173/15, EU:C:2017:195, punt 30). |
25 |
Skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali, il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata huwa kkostitwit mill-valur ta’ tranżazzjoni tagħha, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, bla ħsara madankollu għal aġġustamenti li għandhom isiru skont l-Artikoli 32 u 33 ta’ dan il-kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 38, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 24). |
26 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-valur għall-skopijiet doganali għandu jiġi determinat, bħala prijorità, skont il-metodu msejjaħ “tal-valur ta’ tranżazzjoni”, skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. Huwa biss jekk il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija, meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni, li hemm lok għal-użu tal-metodi sussidjarji previsti fl-Artikoli 30 u 31 ta’ dan il-kodiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punti 38, 41, 42 u 44, u tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004, Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punti 24 u 27 sa 30). |
27 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-bażi ta’ kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali, dan il-prezz huwa fattur li għandu eventwalment jiġi aġġustat ġaladarba din l-operazzjoni hija neċessarja sabiex tiġi evitata d-determinazzjoni ta’ valur għal skopijiet doganali arbitrarju jew fittizju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1986, Repenning, 183/85, EU:C:1986:247, punt 16; tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 24; tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 39, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 25). |
28 |
Fil-fatt, il-valur ta’ tranżazzjoni għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Christodoulou et, C‑116/12, EU:C:2013:825, punt 40, kif ukoll fis-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary, C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 26). |
29 |
L-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jippermetti lill-awtoritajiet doganali, ex officio jew fuq talba tad-dikjarant, li jirrevedu d-dikjarazzjoni. |
30 |
Madankollu, għandu jitfakkar li l-każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet aġġustament a posteriori tal-valur ta’ tranżazzjoni huwa limitat għal sitwazzjonijiet speċifiċi relatati, b’mod partikolari, ma’ nuqqas fil-kwalità tal-prodott jew ma’ xogħol inferjuri nnutat wara rilaxx. |
31 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandu jiġi ammess li, fil-każ fejn il-merkanzija li għandha tiġi evalwata, mingħajr difetti meta din inxtrat, kellha ħsara qabel ir-rilaxx tagħha, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għandu jkun is-suġġett ta’ tnaqqis proporzjonali għad-dannu subit meta dan jirrigwarda tnaqqis mhux previst tal-valur kummerċjali tal-merkanzija (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas seta’ kien is-suġġett ta’ tnaqqis proporzjonali għat-tnaqqis fil-valur kummerċjali tal-merkanzija minħabba difett moħbi fejn kien ippruvat li dan id-difett kien preżenti qabel ir-rilaxx tagħha u li kien ta lok għal rimborsi ulterjuri bis-saħħa ta’ obbligu kuntrattwali ta’ garanzija, u, sussegwentement, seta’ wassal għal tnaqqis ulterjuri tal-valur għal skopijiet doganali ta’ din il-merkanzija (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Mitsui & Co. Deutschland, C‑256/07, EU:C:2009:167, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ, il-Kodiċi Doganali, minn naħa, ma jimponi l-ebda obbligu fuq l-impriżi importaturi li jitolbu aġġustamenti għall-valur tat-tranżazzjoni meta dan jiġi aġġustat, a posteriori, ’l fuq u, min-naħa l-oħra, ma fih l-ebda dispożizzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jipprevjenu r-riskju li l-imsemmija impriżi jitolbu biss aġġustamenti ’l isfel. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fil-verżjoni fis-seħħ, il-Kodiċi Doganali ma jippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni aġġustament a posteriori tal-valur ta’ tranżazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
35 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 28 sa 31 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux li jitqies, bħala valur għal skopijiet doganali, valur ta’ tranżazzjoni miftiehem li jikkonsisti, parzjalment, minn ammont inizjalment iffatturat u ddikjarat u, parzjalment, minn aġġustament b’rata fissa li jsir wara t-tmiem tal-perijodu ta’ fatturazzjoni, mingħajr ma jkun possibbli li jkun magħruf jekk, fi tmiem il-perijodu ta’ fatturazzjoni, dan l-aġġustament ikunx sar ’il fuq jew ’l isfel. |
Fuq it-tieni domanda
36 |
Peress li t-tieni domanda saret biss fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata. |
Fuq l-ispejjeż
37 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 28 sa 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux li jitqies, bħala valur għal skopijiet doganali, valur ta’ tranżazzjoni miftiehem li jikkonsisti, parzjalment, minn ammont inizjalment iffatturat u ddikjarat u, parzjalment, minn aġġustament b’ rata fissa li jsir wara t-tmiem tal-perijodu ta’ fatturazzjoni, mingħajr ma jkun possibbli li jkun magħruf jekk, fi tmiem il-perijodu ta’ fatturazzjoni, dan l-aġġustament ikunx sar ’il fuq jew ’l isfel. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż