SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
14 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Appell – Dumping – Regolament (UE) Nru 502/2013 – Importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 18(1) – Kooperazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni neċessarja’ – Artikolu 9(5) – Talba għal trattament individwali – Riskju ta’ evitar”
Fil-Kawża C‑61/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-4 ta’ Frar 2016,
European Bicycle Manufacturers Association (EBMA), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Ruessmann, avocat, u J. Beck, solicitor,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Giant (China) Co. Ltd, stabbilita f’Kunshan (iċ-Ċina), irrappreżentata minn P. De Baere, avocat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Marcos Fraile, bħala aġent, assistita minn B. O’Connor, solicitor, u minn S. Gubel, avocat,
konvenut fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u M. França, kif ukoll minn A. Demeneix, bħala aġenti,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2017,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Lulju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-European Bicycle Manufacturers Association (EBMA) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Novembru 2015, Giant (China) vs Il-Kunsill (T‑425/13, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:896), li permezz tagħha din annullat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2013, L 153, p. 17, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), sa fejn dan kien jikkonċerna lil Giant (China) Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Giant”). |
I. Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
Fi żmien li twettqet l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”). |
|
3 |
Il-premessa 28 tar-regolament bażiku kienet tipprovdi: “Huwa meħtieġ li jiġi previst li fejn partijiet ma jikkoperawx b’mod sodisfaċenti tkun tista’ tiġi wżata informazzjoni oħra sabiex jiġu stabbiliti tfittxijiet u li informazzjoni bħal din tkun tista tkun inqas favorevoli għall-partijiet milli kieku kienu kkoperaw.” |
|
4 |
L-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi kif ġej: “[…] 10. In-notifikazzjoni tal-bidu tal-proċeduri għandha tħabbar il-bidu ta’ investigazzjoni, tindika l-prodott u l-pajjiżi konċernati, tagħti ġabra fil-qosor ta’ l-informazzjoni riċevuta, u tipprovdi li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tiġi kkomunikata lill-Kumissjoni; għandha turi l-perjodi li matulhom, il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu informazzjoni jekk opinjonijiet u informazzjoni bħal dawn għandhom jiġu meqjusa matul l-investigazzjoni; għandha wkoll tistqarr il-perjodu li matulu partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħa mill-Kumissjoni skond l-Artikolu 6(5). 11. Il-Kummissjoni għandha tagħti parir [tavża] lill-esportaturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ta’ l-importaturi jew l-esportaturi magħrufa lilha li huma konċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u lil min qiegħed jagħmel l-ilment, bil-bidu tal-proċeduri u, b’qies dovut lejn il-protezzjoni ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali tipprovdi t-test sħiħ ta’ l-ilment miktub riċevut skond il-paragrafu 1 għall-esportaturi magħrufa u għall-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, u tagħmlu disponibbli, fuq talba, lill-partijiet oħra interessati involuti. Fejn in-numru ta’ l-esportaturi involuti huwa partikolarment għoli, it-test sħiħ ta’ l-ilment miktub jista’, minflok, jiġi pprovdut biss lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jew lill-assoċjazzjoni rilevanti tal-kummerċ. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 6(2) tal-istess regolament kien jipprovdi: “Partijiet li jirċievu kwestjonarji wżati fl-investigazzjoni ta’ anti-dumping għandhom jingħataw mill-inqas 30 ġurnata biex iwieġbu. Il-limitu ta’ żmien għall-esportaturi għandu jingħadd mid-data ta’ l-irċevuta tal-kwestjonajru, li għal dan l-iskop għandu jiġi meqjus li jkun ġie riċevut ġimgħa wara l-ġurnata li fiha kien ġie mibgħut lill-esportatur jew trasmess lir-rappreżentant xieraq diplomatiku tal-pajjiż ta’ esportazzjoni. Tista’ tiġi mogħtija estensjoni ta’ perjodu ta’ 30 ġurnata, jingħata każ tal-limiti ta’ żmien ta’ l-investigazzjoni, sakemm il-parti turi l-kawża dovuta għal estensjoni bħal din, f’termini taċ-ċirkustanzi partikolari tagħha.” |
|
7 |
L-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku kien jiddikjara: “Dazju ta’ kontra d-dumping jiġi mpost f’ammonti xierqa f’kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta’ prodott mill-għejun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk l-għejun li dwarhom ġew aċċettati impenji skond it-termini ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament li jimponi d-dazju għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan mhux prattikabbli, u b’mod ġenerali fejn jgħodd l-Artikolu 2(7)(a), għal kull pajjiż ikkonċernat li jforni. Madankollu, fejn japplika l-Artikolu 2(7)(a), għandu jiġi speċifikat dazju individwali għall-esportaturi li jistgħu juru, fuq bażi ta’ pretensjonijiet sostanzjati li:
|
|
8 |
L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi: “1. F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli. Partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni. […] 3. Fejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’. […] 6. Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, sabiex informazzjoni rilevanti tiġi b’hekk miżmuma, ir-riżultat jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kienet ikkoperat.” |
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament kontenzjuż
|
9 |
Matul is-sena 1993, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa dazju antidumping definittiv ta’ 30.6 % fuq l-importazzjonijiet, fl-Unjoni, ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina. Sussegwentement, dan id-dazju antidumping inżamm fl-istess livell. Matul is-sena 2005, l-imsemmi dazju ttella’ għal 48.5 % u mbagħad inżamm f’dan il-livell tal-aħħar. |
|
10 |
Fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni ħabbret il-ftuħ ex officio ta’ eżami mill-ġdid intermedju tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina, konformement mal-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku. |
|
11 |
Erba’ gruppi ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi ddikjaraw li wettqu esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, li kien ikopri l-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2011. Fost dawn l-erba’ gruppi ta’ produtturi-esportaturi kien jinsab il-grupp li kienet tifforma parti minnu Giant (iktar ’il quddiem il-“grupp Giant”), kumpannija stabbilita fiċ-Ċina li tipproduċi roti intiżi għall-bejgħ intern u għall-esportazzjoni, inkluż lejn l-Unjoni. L-azzjonist aħħari tal-grupp Giant huwa G.M., li hija kumpannija stabbilita fit-Taiwan. Peress li l-impriża konġunta Shanghai Giant & Phoenix Bicycle Co. Ltd (iktar ’il quddiem “GP”), li hija waħda mill-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Giant, waqqfet l-attivitajiet kollha tagħha fix-xahar ta’ Settembru 2011 u kienet tinsab fi stralċ, Giant talbet lill-Kummissjoni sabiex din tiġi eskluża mill-investigazzjoni. |
|
12 |
Fil-15 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-erba’ gruppi ta’ produtturi-esportaturi msemmija fil-punt ta’ qabel dan formuli ta’ talba għal trattament tal-ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem it-“TES”), skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku. Fl-ittra mibgħuta lilha, Giant ġiet informata li, jekk xtaqet tikseb it-TES, kull waħda mill-kumpanniji relatati li jinsabu fiċ-Ċina kellha timla formula ta’ talba għal TES, inkluża GP, peress li din il-kumpannija kienet tipproduċi roti u kienet l-ikbar esportatur tal-grupp Giant lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. |
|
13 |
Fl-4 ta’ Ġunju 2012, Giant ippreżentat il-formuli ta’ talba għal TES għal sitt kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Giant, fosthom GP. Fil-formula ta’ talba għal TES tagħha, GP ġiet ippreżentata bħala impriża konġunta maħluqa minn kumpannija stabbilita fit-Taiwan, jiġifieri B.I., li hija stess hija relatata ma’ G.M., u żewġ kumpanniji stabbiliti fiċ-Ċina, S.G. u Jinshan Development and Construction (iktar ’il quddiem “Jinshan”). B.I. u Jinsha kellhom 45 % tal-ishma ta’ GP kull waħda, u S.G. kellha 10 %. |
|
14 |
Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni talbet kjarifiki dwar ir-relazzjonijiet bejn il-grupp Giant u Jinshan. Abbażi ta’ evalwazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan il-grupp kien relatat ma’ Jinshan u li l-investimenti prinċipali ta’ din tal-aħħar kienu jirrigwardaw il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ roti. Konsegwentement, Giant ġiet informata li hija kellha tirritorna l-formula ta’ talba għal TES għal Jinshan u għall-kumpanniji kollha li jifformaw parti minn din il-kumpannija (iktar ’il quddiem il-“grupp Jinshan”). Fl-assenza ta’ dawn il-formuli, il-Kummissjoni indikat li hija setgħet tistabbilixxi konklużjonijiet abbażi ta’ data disponibbli, konformement mal-Artikolu 18 tar-regolament bażiku, u tiċħad it-talba għal TES għall-grupp Giant kollu. |
|
15 |
Fil-21 ta’ Ġunju 2012, Giant ippreżentat osservazzjonijiet dwar l-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ġunju 2012. Hija indikat b’mod partikolari li, peress li hija kienet relatata ma’ Jinshan sempliċement b’mod indirett ħafna, u dan tramite GP, u peress li Jinshan ma kinitx produttur tal-prodott ikkonċernat, hija ma kinitx obbligata tippreżenta talba għal TES għal Jinshan. |
|
16 |
Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni kkonfermat li hija kienet tqis li Giant kienet effettivament relatata ma’ Jinshan u li, peress li l-entitajiet tal-grupp Jinshan ma kinux imlew il-formula ta’ talba għal TES, hija kellha l-intenzjoni tapplika l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku u tiċħad it-talba għal TES tal-grupp Giant. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenniet it-talba tagħha lil Giant sabiex tippreżenta tweġibiet għall-kwestjonarju antidumping għall-produtturi-esportaturi ta’ roti kollha li kienu relatati magħha, inklużi dawk li jifformaw parti mill-grupp Jinshan. |
|
17 |
Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2012, Giant għal darba oħra indikat li r-relazzjoni tagħha ma’ Jinshan kienet biss indiretta u li għaldaqstant din tal-aħħar ma kinitx marbuta timla talba għal TES, u lanqas tikkompleta l-kwestjonarju antidumping. |
|
18 |
Fl-20 ta’ Lulju 2012, Giant bagħtet it-tweġibiet għall-kwestjonarju antidumping għal ħdax-il kumpannija li jifformaw parti mill-grupp Giant u li jipparteċipaw fil-produzzjoni u fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat, inkluża GP, kif ukoll għal sitt sussidjarji ta’ bejgħ stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni. |
|
19 |
Fit-28 ta’ Awwissu 2012, matul seduta li nżammet fil-bini tal-Kummissjoni, Giant ressqet oġġezzjonijiet kontra l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 18 tar-regolament bażiku fil-kuntest tat-talba tagħha għal TES, u dan billi sostniet li la kien neċessarju u lanqas ma kien possibbli li jitressqu talbiet għal TES, u lanqas risposti għall-kwestjonarju għall-kumpanniji l-oħrajn li Jinshan kienet investiet fihom. |
|
20 |
Fit-23 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni informat lil Giant li, peress li ma rċevietx talbiet għal TES għall-kumpanniji li jifformaw parti mill-grupp Jinshan, hija kienet f’impossibbiltà li teżamina l-mertu tat-talba tagħha għal TES. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku u li ma tikkunsidra xejn mill-informazzjoni ppreżentata minn Giant dwar it-talba tagħha għal TES. |
|
21 |
Fil-21 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni informat lil Giant li hija kellha l-intenzjoni tapplika l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku u li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tagħha abbażi tad-data disponibbli anki għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, peress li fin-nuqqas ta’ informazzjoni kompluta dwar il-partijiet kollha relatati ma’ GP, kien impossibbli li jitwettqu kalkoli kompleti u affidabbli dwar il-prezz tal-esportazzjoni u għalhekk li jiġu ddeterminati marġni individwali ta’ dumping għal GP, u għalhekk għall-grupp Giant kollu. |
|
22 |
Fil-5 ta’ Ġunju 2013, il-Kunsill adotta r-regolament kontenzjuż. Dan ir-regolament żamm id-dazju antidumping definittiv ta’ 48.5 % applikabbli għal Giant. |
|
23 |
Fil-premessi 63 u 64 kif ukoll 131 sa 138 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill minn naħa kkonferma li kien qiegħed jagħmel użu mill-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku u li ma setax jiddetermina marġni individwali ta’ dumping għall-grupp Giant u, min-naħa l-oħra, ċaħad l-argumenti ta’ Giant intiżi li juru li ma kien jeżisti ebda riskju ta’ evitar tal-miżuri antidumping jekk tali marġni individwali kellha tiġi kkalkolata għall-grupp Giant. |
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
24 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Awwissu 2013, Giant ressqet azzjoni għall-annullament tar-regolament kontenzjuż, sa fejn dan jikkonċernaha. |
|
25 |
Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Giant invokat tmien motivi. Il-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-ewwel parti tat-tielet motiv kif ukoll il-ħames u s-seba’ motivi. Dawn il-motivi essenzjalment kienu jikkonċernaw, minn naħa, il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ta’ jekk ir-rifjut li jingħata trattament individwali setax ikun ibbażat fuq l-eżistenza ta’ riskju ta’ evitar. |
|
26 |
Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-imsemmija motivi u kkonstatat li kien hemm lok li r-regolament kontenzjuż jiġi annullat sa fejn kien jikkonċerna lil Giant, mingħajr ma kien neċessarju jiġu eżaminati l-motivi l-oħrajn. |
IV. It-talbiet tal-partijiet fl-appell
|
27 |
L-EBMA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
28 |
Giant titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
29 |
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
V. Fuq l-appell
|
30 |
L-EBMA tinvoka tliet aggravji. L-ewwel u t-tieni aggravji huma bbażati fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 18 tar-regolament bażiku. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li ma jkunx hemm riskju ta’ evitar jekk Giant tibbenefika minn dazju antidumping individwali. |
|
31 |
Giant tqis li dawn it-tliet aggravji huma inammissibbli. |
A. Fuq l-ammissibbiltà
|
32 |
Giant issostni li l-appell huwa inammissibbli, inkwantu t-tliet aggravji mqajma mill-EBMA jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-fatti, li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi ma ġiet invokata. |
|
33 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li permezz tagħha, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza, skont l-Artikolu 256 TFUE, li teżerċita stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali tkun siltet minnhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament ta’ dawn l-elementi, din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 29, kif ukoll digrieti tad-29 ta’ Novembru 2012, Dimos Peramatos vs Il-Kummissjoni, C‑647/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:764, punt 28, u tad-9 ta’ Frar 2017, Syndial vs Il‑Kummissjoni, C‑410/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:112, punt 9). |
|
34 |
Permezz tal-argumenti li tinvoka insostenn tal-ewwel u t-tieni aggravji, l-EBMA tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett illi tat prova li hija fehmet l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku b’mod żbaljat, it-tieni nett, li wettqet applikazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Giant, it-tielet nett, li imponiet fuq il-Kummissjoni oneru eċċessiv billi talbitha turi fiex l-informazzjoni li hija xtaqet tikseb f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji relatati kienet “neċessarja” u, ir-raba’ nett, talli wettqet sostituzzjoni tal-motivi. |
|
35 |
Fil-kuntest tat-tielet aggravju, l-EBMA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset li l-Kunsill ma setax jinvoka r-riskju ta’ evitar sabiex jiġġustifika r-rifjut li jiġi applikat dazju antidumping individwali għal Giant. |
|
36 |
Minkejja li ċertu argumenti tal-EBMA jikkontestaw evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, dawn it-tliet aggravji madankollu jqajmu kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni li hija wettqet tad-dispożizzjonijiet legali u għaldaqstant jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ dritt li jistgħu jiġu suġġetti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
|
37 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell imqajma minn Giant ma tistax tintlaqa’. |
B. Fuq l-ewwel u t-tieni aggravji
1. L-argumenti tal-partijiet
|
38 |
L-ewwel u t-tieni aggravji jikkonċernaw il-punti 56 sa 78 tas-sentenza appellata. |
|
39 |
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, l-EBMA, sostnuta mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-kwistjoni li tqum fil-kawża ineżami kienet dik tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għall-prezz tal-esportazzjoni ta’ Giant, filwaqt li, fir-regolament kontenzjuż, il-Kunsill applika din id-dipożizzjoni globalment għall-grupp Giant għaliex ma kellux informazzjoni kompleta u eżawrjenti dwar il-kumpanniji relatati. Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali tat prova li hija fehmet b’mod żbaljat l-Artikolu 18(1) u (3) ta’ dan ir-regolament. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, l-EBMA tippreċiża li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jagħmlu użu mid-data disponibbli bi tliet modi, jiġifieri, l-ewwel nett, b’mod globali, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni u d-data kollha pprovduta minn parti, it-tieni nett, f’dak li jikkonċerna sett sħiħ ta’ informazzjoni jew ta’ data, pereżempju talba għal trattament individwali, jew, it-tielet nett, f’dak li jikkonċerna ċerti aspetti ta’ sett ta’ informazzjoni jew ta’ data, pereżempju l-kummissjonijiet fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni. Fit-tieni u t-tielet każ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu qegħdin jissostitwixxu biss l-informazzjoni jew id-data miċħuda u jużaw l-informazzjoni jew id-data l-oħra. Fl-ewwel każ, l-istituzzjonijiet ikunu qegħdin jirrifjutaw l-informazzjoni u d-data pprovduta kollha. |
|
41 |
Fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-EBMA, sostnuta mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, tqis, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-analiżi tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-informazzjoni u d-data pprovduta minn Giant isservi biss sabiex tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistabbilixxu l-prezz tal-esportazzjoni. F’fażi inizjali, l-informazzjoni meħtieġa tkun tikkorrispondi għall-minimu bażiku indispensabbli sabiex tippermetti lil dawn l-istituzzjonijiet jiksbu stampa kompleta u eżatta tal-grupp Giant kif ukoll tal-kumpanniji relatati tiegħu. Issa, id-data pprovduta minn Giant ma kinitx suffiċjenti sabiex tali stampa tiġi stabbilita. It-tieni nett, l-EBMA ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat imponiet fuq il-Kummissjoni oneru eċċessiv meta hija talbitha turi fiex l-informazzjoni li hija xtaqet tikseb f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji relatati kienet neċessarja. It-tielet nett, l-EBMA tqis li, b’teħid kont tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu minnha l-Kunsill u l-Kummissjoni fil-proċeduri antidumping, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-Kunsill billi tiddeċiedi li l-konklużjonijiet tiegħu huma bbażati fuq provi parzjali. |
|
42 |
Giant tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-aggravji. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
43 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravji, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-EBMA ssostni, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku b’mod żbaljat. Min-naħa l-oħra, l-EBMA essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali b’mod illegali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-Kunsill bl-evalwazzjoni tagħha stess. |
a) Fuq l-iżball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku
1) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku
|
44 |
L-EBMA essenzjalment tqis li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tidher b’mod partikolari fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li skontha l-Kunsill kiser l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku billi għamel użu mid-data disponibbli għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, hija bbażata fuq żball ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
45 |
Skont l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jagħmlu użu mid-data disponibbli sabiex jistabbilixxu konklużjonijiet preliminari jew finali, pożittivi jew negattivi, b’mod partikolari meta parti kkonċernata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni neċessarja jew ma tipprovdihiex fit-termini previsti minn dan ir-regolament. |
|
46 |
Ir-regolament bażiku ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja”. Minn dan isegwi li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm il-kliem tiegħu, kemm il-kuntest tiegħu u kif ukoll l-għanijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-formulazzjoni tal-Artikolu 18(1) tal-imsemmi regolament, l-aġġettiv “neċessarju” jirreferi, fis-sens normali tiegħu, għal dak li huwa meħtieġ jew indispensabbli sabiex jintlaħaq għan partikolari. B’hekk, hija biss l-informazzjoni li mingħajrha l-investigazzjoni antidumping ma tistax tinġieb fi tmiemha li tista’ titqies bħala “neċessarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
48 |
Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li d-data disponibbli, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jagħmlu użu minnha meta parti kkonċernata tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni neċessarja, għandha sservi sabiex jiġu stabbiliti konklużjonijiet preliminari jew finali, pożittivi jew negattivi. |
|
49 |
Minn dan isegwi li informazzjoni titqies “neċessarja” meta, f’investigazzjoni partikolari, din tkun tippermetti li tali konklużjonijiet jiġu stabbiliti. Peress li element ta’ informazzjoni jista’ jippermetti li jiġu stabbiliti l-imsemmija konklużjonijiet f’investigazzjoni u jkun inutli f’investigazzjoni oħra, għandu jitqies li l-evalwazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk element ta’ informazzjoni partikolari jikkostitwixxix “informazzjoni neċessarja”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, jew le, għandha titwettaq b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull investigazzjoni, u mhux b’mod astratt. |
|
50 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(10) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-avviż ta’ ftuħ tal-proċedura antidumping, li għandu jiġi ppubblikat mill-Kummissjoni, tistabbilixxi t-terminu li fih il-partijiet ikkonċernati jistgħu jsiru magħrufa, jippreżentaw il-perspettiva tagħhom bil-miktub u jgħaddu informazzjoni, jekk dawn il-perspettivi u din l-informazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-investigazzjoni antidumping. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(11) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tavża b’mod partikolari lill-esportaturi, lill-importaturi kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-importaturi jew l-esportaturi magħrufa lilha li huma kkonċernati mill-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(2) tal-istess regolament jirriżulta li għandu jiġi ppreparat kwestjonarju mis-servizzi tal-Kummissjoni sabiex tinkiseb l-informazzjoni neċessarja għall-imsemmija investigazzjoni. Dan il-kwestjonarju jintbagħat lill-partijiet ikkonċernati, li bħala regola għandhom tletin jum sabiex jirrispondu għalih. |
|
51 |
Għaldaqstant mill-Artikolu 5(10) u (11), kif ukoll mill-Artikolu 6(2) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-partijiet ikkonċernati huma obbligati jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni l-informazzjoni li tippermettilha twettaq l-investigazzjoni antidumping. Għaldaqstant, moqri fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja”, imsemmi fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament, jirreferi għal din l-istess informazzjoni. |
|
52 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 18(3) u (6) tar-regolament bażiku jirriżulta li l-informazzjoni li l-partijiet ikkonċernati huma obbligati li jipprovdu lill-Kummissjoni għandha tintuża mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antidumping u li dawn l-istess partijiet ma għandhomx jomettu informazzjoni rilevanti. Peress li element ta’ informazzjoni partikolari jista’ jkollu rwol deċiżiv f’investigazzjoni u ma jkunx rilevanti f’investigazzjoni oħra, mill-Artikolu 18(3) u (6) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li n-natura “neċessarja” ta’ element ta’ informazzjoni partikolari għandha tiġi evalwata każ b’każ. |
|
53 |
Għaldaqstant, l-analiżi tal-kuntest tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku tikkorrobora l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja”, kif ħarġet fi tmiem l-analiżi litterali ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, informazzjoni titqies bħala “neċessarja”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk din tkun ta’ natura li tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistabbilixxu l-konklużjonijiet li huma meħtieġa fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping, u l-evalwazzjoni tan-natura “neċessarja” ta’ informazzjoni għandha ssir każ b’każ. |
|
54 |
Fit-tielet lok, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” għandha tieħu kont tal-għan tal-Artikolu 18 tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-Kummissjoni li, bħala awtorità investigatriċi, għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu. Madankollu, ebda dispożizzjoni tar-regolament bażiku ma tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tobbliga lill-partijiet ikkonċernati sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew sabiex jipproduċu informazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddependi fuq il-kooperazzjoni volontarja ta’ dawn il-partijiet sabiex jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punti 31 u 32). |
|
55 |
F’dan il-kuntest, mill-premessa 28 tar-regolament bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jipprevedi li, fir-rigward ta’ partijiet li ma jikkooperawx b’mod sodisfaċenti tkun tista’ tintuża informazzjoni oħra sabiex jiġu stabbiliti sejbiet u li din l-informazzjoni tista’ tkun inqas favorevoli għall-imsemmija partijiet milli kieku kienu kkooperaw. Għaldaqstant, l-għan tal-Artikolu 18 tar-regolament bażiku huwa li jippermetti lill-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-investigazzjoni anki jekk il-partijiet ikkonċernati jirrifjutaw li jikkooperaw jew jikkooperaw b’mod insuffiċjenti. |
|
56 |
B’hekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-partijiet ikkonċernati huma obbligati jikkooperaw bl-aħjar mod possibbli għalihom, dawn il-partijiet għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li huma jkollhom u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu neċessarji sabiex jistabbilixxu l-konklużjonijiet tagħhom. |
|
57 |
Mill-kliem, mill-kuntest u mill-għan tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għaldaqstant jirriżulta li l-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” jirreferi għall-informazzjoni li l-partijiet ikkonċernati jkollhom li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitolbuhom jipprovdu sabiex jistabbilixxu l-konklużjonijiet li huma meħtieġa fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping. |
|
58 |
Huwa fir-rigward tal-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja”, kif iddefinita fil-punt ta’ qabel dan tas-sentenza preżenti, li għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, meta qieset li l-Kunsill, b’mod żbaljat, għamlet użu mid-data disponibbli għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni. |
2) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku mill-Qorti Ġenerali
|
59 |
Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq il-premessa żbaljata li fuqha l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, għandu jiġi rrilevat li l-EBMA essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali fehmet ir-regolament kontenzjuż b’mod żbaljat. Hija wettqet żball meta qieset li l-kwistjoni li kienet tqum fil-kawża ineżami kienet dik tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għall-prezz tal-esportazzjoni ta’ Giant, filwaqt li, fir-regolament kontenzjuż, il-Kunsill applika din id-dipożizzjoni globalment għall-grupp Giant għaliex ma kellux informazzjoni kompleta u eżawrjenti dwar il-kumpanniji relatati. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-premessa 131 tar-regolament kontenzjuż il-Kunsill indika li l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku kien ġie applikat sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 52 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni tirrispondi għall-argument ta’ Giant li jgħid li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill fir-regolament kontenzjuż, l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni dwar il-kumpanniji tal-grupp Jinshan ma kinitx neċessarja għall-kalkolu ta’ prezz tal-esportazzjoni affidabbli u, għaldaqstant, għad-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali. Fl-aħħar nett, fil-punt 23 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali semmiet ittra tal-Kummissjoni, indirizzata lil Giant u datata l-21 ta’ Marzu 2013, li fiha din l-istituzzjoni informat lil din tal-aħħar li hija kellha l-intenzjoni tapplika din id-dispożizzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. |
|
61 |
Minn dan isegwi li għandu jiġi miċħud l-argument li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq premessa żbaljata meta qieset li l-kwistjoni li kienet tqum fil-kawża ineżami kienet dik tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għall-prezz tal-esportazzjoni. |
|
62 |
Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-kooperazzjoni ta’ Giant, hekk kif ġie osservat fil-punt 57 tas-sentenza preżenti, il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” jirrigwarda informazzjoni ta’ natura li tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistabbilixxu l-konklużjonijiet li huma meħtieġa fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping. |
|
63 |
F’din il-kawża, fil-punti 63 sa 69 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali vverifikat jekk l-informazzjoni dwar il-kumpanniji tal-grupp Jinshan, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni xtaqu jiksbu sabiex, b’mod partikolari, jiddeterminaw il-prezz tal-esportazzjoni ta’ Giant, setgħetx tinfluwenza din id-determinazzjoni. Fil-punt 74 tas-sentenza appellata, hija kkonkludiet li din l-informazzjoni ma kinitx rilevanti fil-kuntest tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni. |
|
64 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” stabbilita fil-punt 57 tas-sentenza preżenti, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li l-Kunsill kien kiser l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, u dan billi għamel użu mid-data disponibbli għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni. |
|
65 |
Fit-tielet lok, l-argument ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali imponiet oneru eċċessiv fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta hija talbithom juru fiex l-informazzjoni li huma xtaqu li tiġi kkomunikata kienet “neċessarja” ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, b’mod partikolari mill-punti 54 u 57 tas-sentenza preżenti jirriżulta li huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom l-oneru li jistabbilixxu l-prova tal-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u dan id-dannu u, għaldaqstant, ukoll, in-natura “neċessarja” ta’ informazzjoni sabiex wieħed jasal għall-konklużjonijiet li huma meħtieġa fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping. |
|
66 |
Minn dan isegwi li l-argument tal-EBMA li jgħid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
b) Fuq l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali b’mod illegali ssostitwixxiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni
|
67 |
L-EBMA tqis li, b’teħid kont tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-proċeduri antidumping, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi lil dawn l-istituzzjonijiet billi tiddeċiedi li l-konklużjonijiet tiegħu huma misluta minn fuq provi parzjali. B’hekk il-Qorti Ġenerali kisret din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa u marret lil hinn mis-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju. |
|
68 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li jkollhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jindaħalx fis-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu josserva jekk dawn l-elementi humiex ta’ natura li jappoġġjaw il-konklużjonijiet misluta mill-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll li tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex ta’ natura li tkun ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnha (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs City Cycle Industries, C‑248/15 P, C‑254/15 P u C‑260/15 P, EU:C:2017:62, punt 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 63 tas-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li tistħarreġ l-osservanza, mill-Kunsill, tal-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku, abbażi tal-elementi fattwali li tressqu quddiemha. Hija qieset li, fis-sitwazzjoni partikolari tal-kawża ineżami, din l-istituzzjoni ma setgħetx tirrikorri għad-data disponibbli għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ Giant sa fejn, minn naħa, l-informazzjoni pprovduta minn Giant kienet tippermetti li tiġi eskluża n-natura neċessarja tal-informazzjoni dwar il-kumpanniji tal-grupp Jinshan għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-prezz tal-esportazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija istituzzjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tippreċiża liema informazzjoni addizzjonali li tirrigwarda lil dawn il-kumpanniji setgħet tirriżulta li hija neċessarja għall-kalkolu tal-imsemmi prezz tal-esportazzjoni. |
|
71 |
Meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma marritx lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija obbligata twettaq fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 tas-sentenza preżenti. |
|
72 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel u t-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
C. Fuq it-tielet aggravju
1. L-argumenti tal-partijiet
|
73 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-EBMA, sostnuta mill-Kunsill, tikkontesta l-punti 79 sa 91 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill ma setax jinvoka r-riskju ta’ evitar sabiex jiġġustifika r-rifjut tal-applikazzjoni ta’ dazju antidumping individwali għal Giant. |
|
74 |
L-EBMA tqis, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ibbażat ruħha fuq il-premessa li l-kawża tirrigwarda d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Huwa abbażi ta’ din il-premessa żbaljata li, fil-punti 81 u 82 ta-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jinvokaw ir-riskju ta’ evitar jekk dawk ma jkunux applikaw l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u huma ma jkunu invokaw ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament li tipprevedi li l-eżistenza ta’ riskju ta’ evitar tista’ tiġġustifika r-rifjut li jingħata dazju antidumping individwali lil produttur-esportatur. |
|
75 |
It-tieni nett, fil-każ ta’ kumpanniji relatati, bħall-gruppi Giant u Jinshan, dejjem ikun jeżisti riskju ta’ evitar jekk entità relatata tikseb dazju antidumping iktar baxx minn entità oħra tal-istess grupp. Din hija r-raġuni għaliex il-prassi stabbilita tal-Unjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ dazji antidumping fil-livell tal-grupp u mhux fil-livell tal-entità. Għaldaqstant, il-punt 83 tas-sentenza appellata, li jagħmel riferiment għar-riskju teoriku ta’ evitar bejn impriżi mhux relatati, huwa fundamentalment ivvizzjat u żbaljat fil-liġi, bl-evitar tkun iktar probabbli u iktar diffiċli li tiġi mikxufa bejn kumpanniji relatati. Barra minn hekk, il-punt 84 ta’ dik is-sentenza ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, ir-rapporti tal-grupp speċjali u tal-korp tal-appell tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO li huma ċċitati hemmhekk jirrigwardaw il-konformità tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku mal-Artikolu 9.2 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189). |
|
76 |
It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata, l-EBMA targumenta li ma jistax jiġi eskluż li l-gruppi Giant u Jinshan kienu relatati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni b’mod li jmur lil hinn minn dak li jirriżulta mir-risposti għall-kwestjonarju ta’ Giant mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ Jinshan. |
|
77 |
Giant tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-aggravji. |
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
78 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-EBMA tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 79 sa 91 tas-sentenza appellata, qieset li l-Kunsill ma setax jinvoka r-riskju ta’ evitar sabiex jiġġustifika r-rifjut tal-applikazzjoni ta’ dazju antidumping individwali għal Giant. |
|
79 |
Fl-ewwel lok, l-EBMA tikkontesta l-punti 81 u 82 tas-sentenza appellata. Fil-punt 81 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret il-kontenut tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku. Fil-punt 82 tal-imsemmija sentenza, hija qieset li l-eżistenza ta’ riskju ta’ evitar ma setax jiġi invokat mill-Kunsill sabiex jiġġustifika r-rifjut li jingħata dazju antidumping individwali peress li, minn naħa, din id-dispożizzjoni ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tas-sitwazzjoni ta’ Giant u, min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni oħra tar-regolament bażiku li tipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju ta’ evitar ma kienet ġiet invokata. |
|
80 |
L-EBMA ssostni li l-imsemmija punti tas-sentenza appellata huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-kawża tirrigwarda d-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 60 u 61 tas-sentenza preżenti, il-Kunsill effettivament applika l-Artikolu 18(1) tar-regolament bażiku għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, u dan ġie kkontestat minn Giant kemm fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
81 |
Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq l-imsemmija premessa żbaljata għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
82 |
Fit-tieni lok, l-EBMA tikkontesta l-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali indikat li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq riskju sempliċement ipotetiku ta’ evitar. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment ukoll għal ċerti rapporti tal-grupp speċjali u tal-korp tal-appell tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO. |
|
83 |
Skont l-EBMA, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fl-imsemmija punti huwa vvizzjat peress li, fil-każ ta’ kumpanniji relatati, dejjem jeżisti riskju ta’ evitar. |
|
84 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minkejja li r-riskju ta’ evitar tal-miżuri antidumping ikun iktar għoli fir-rigward ta’ esportaturi relatati li fuqhom jistgħu jiġu imposti dazji antidumping ta’ livell differenti, madankollu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta juru li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-investigazzjoni kkonċernata, dan ir-riskju huwa pprovat. |
|
85 |
Hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat fil-punt 83 tas-sentenza appellata, kwalunkwe interpretazzjoni oħra tħalli l-għoti ta’ dazju individwali għad-diskrezzjoni esklużiva tal-istituzzjoni tal-Unjoni. |
|
86 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku, li jgħid li dazju antidumping individwali jista’ jiġi ddeerminat għall-esportaturi li, abbażi ta’ talbiet debitament iddokumentati, dwarhom jista’ jintwera li, b’mod partikolari, l-intervent tal-Istat ma huwiex ta’ natura li jippermetti l-evitar tal-miżuri antidumping. Minn dan isegwi li l-assenza ta’ riskju ta’ evitar, bħall-eżistenza ta’ tali riskju, ma tistax tiġi preżupposta. |
|
87 |
Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata, l-EBMA tqis li ma jistax jiġi eskluż li l-gruppi Giant u Jinshan kienu relatati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. |
|
88 |
Fil-punti 85 sa 89 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali uriet li l-informazzjoni li kellhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni waqt l-adozzjoni tar-regolament kontenzjuż kienet suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li ma kienx hemm riskju ta’ evitar bejn il-grupp Giant u l-grupp Jinshan. |
|
89 |
F’dan ir-rigward, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li l-EBMA ssostni li rabta bejn il-gruppi Giant u Jinshan ma tistax tiġi eskluża, madankollu hija ma tikkontestax l-elementi mressqa fil-punti 86 sa 89 tal-imsemmija sentenza, li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li ma kienx hemm tali rabta. |
|
90 |
Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi miċħud l-argument li huwa bbażat fuq li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, ma jistax jiġi eskluż li l-gruppi Giant u Jinshan kienu relatati matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, kif ukoll it-tielet aggravju fl-intier tiegħu, u dan bħala infondati. |
|
91 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
92 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) u (2) tal-istess regoli, li sar applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi, minn naħa, li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn jintalbu u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż fil-każ li diversi partijiet jitilfu l-kawża. |
|
93 |
Peress li Giant talbet li l-EBMA tiġi kkundannata għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ Giant. Peress li l-Kunsill tilef, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
94 |
Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk intervenjent fl-ewwel istanza jkun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’ tiddeċiedi li huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
|
95 |
Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.