SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
5 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 325 TFUE – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555) – Proċedura kriminali li tikkonċerna reati fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni li jistgħu jwasslu għall-impunità tar-reati – Preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Obbligu li titħalla mhux applikata kull dispożizzjoni tad-dritt intern li tista’ tippreġudika l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege”
Fil-Kawża C‑42/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura kriminali kontra
M.A.S.,
M.B.
fil-preżenza ta’:
Presidente del Consiglio dei Ministri,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, M. A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), C. G. Fernlund u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, M. Safjan, F. Biltgen, K. Jürimäe, M. Vilaras u E. Regan Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Mejju 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal M.A.S., minn G. Insolera, A. Soliani u V. Zeno-Zencovich, avvocati, |
– |
għal M.B., minn N. Mazzacuva u V. Manes, avvocati, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, G. Galluzzo u M. S. Fiorentino, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Rossi, J. Baquero Cruz, H. Krämer u K. Banks, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE kif interpretat permezz tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Taricco”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mressqa kontra M.A.S. u M.B. fir-rigward ta’ reati fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 325(1) u (2) TFUE jipprevedi: “1. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri, li jittieħdu skond dan l-Artikolu u li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll flistituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess.” |
Id-dritt Taljan
4 |
L-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni jipprovdi: “Ħadd ma jista’ jiġi eskluż minn aċċess għall-qrati naturali previsti mil-liġi. Ħadd ma jista’ jiġi kkastigat, sakemm dan ma jkunx abbażi ta’ liġi li daħlet fis-seħħ qabel ma twettaq il-fatt. Ħadd ma jista’ jkun suġġett għal miżuri ta’ sigurtà, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi.” |
5 |
L-Artikolu 157 tal-codice penale (il-Kodiċi Kriminali), kif emendat bil-legge n. 251 (il-Liġi Nru 251), tal-5 ta’ Diċembru 2005 (GURI Nru 285, tas-7 ta’ Diċembru 2005) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”), jipprevedi: “Ir-reat kriminali huwa preskritt mal-iskadenza tat-terminu li jikkorrispondi għall-massimu tal-piena prevista mil-liġi u, fi kwalunkwe każ, għal perijodu li ma jistax ikun ta’ inqas minn sitt snin fil-każ ta’ reat kriminali għajr kontravvenzjoni u li ma jistax ikun ta’ inqas minn erba’ snin fil-każ ta’ kontravvenzjoni, anki jekk dawn ikunu punibbli biss b’multa. […]” |
6 |
L-Artikolu 160 tal-Kodiċi Kriminali jipprovdi: “It-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott permezz ta’ sentenza jew ta’ digriet ta’ kundanna. Digriet li jordna l-applikazzjoni ta’ miżuri kawtelatorji personali […] [u] digriet li jistabbilixxi smigħ preliminari […] jagħtu lok ukoll għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni. Fil-każ ta’ interruzzjoni, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġdid mill-jum tal-interruzzjoni. Jekk ikun hemm iktar minn interruzzjoni waħda, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-aħħar interruzzjoni; madankollu, it-termini stabbiliti fl-Artikolu 157 f’ebda ċirkustanza ma jistgħu jiġu estiżi lil hinn mit-termini stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 161, ħlief għar-reati previsti fl-Artikolu 51(3a) u (3c) tal-[codice di procedura penale (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali)].” |
7 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 tal-Kodiċi Kriminali: “Bl-eċċezzjoni tal-prosekuzzjoni ta’ reati msemmija fl-Artikolu 51(3a) u (3c) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fl-ebda każ ma tista’ tagħti lok għall-estensjoni tat-terminu b’iktar minn kwart tat-tul massimu previst ta’ dan it-terminu […]” |
8 |
Skont l-Artikolu 2 tad-decreto legislativo n. 74, nuova disciplina dei reati in materia di imposte sui redditi e sul valore aggiunto (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 74, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda dwar ir-reati fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u tat-taxxa fuq il-valur miżjud), tal-10 ta’ Marzu 2000 (GURI Nru 76, tal-31 ta’ Marzu 2000, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 74/2000”), il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-VAT frawdolenti, li tinvoka fatturi jew dokumenti oħra li jikkonċernaw tranżazzjonijiet ineżistenti, hija punibbli b’piena ta’ bejn sena u nofs u sitt snin priġunerija. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
Fis-sentenza Taricco, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 160 tal-Kodiċi Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 161 ta’ dan il-kodiċi (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni”), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li att li jinterrompi l-preskrizzjoni adottat fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali dwar frodi gravi fil-qasam tal-VAT għandu l-effett li jestendi t-terminu ta’ preskrizzjoni bi kwart biss tat-tul inizjali tiegħu, setgħu jiksru l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri permezz tal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE fil-każ li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew jipprevedu, għall-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat, termini ta’ preskrizzjoni itwal minn dawk għall-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-qorti nazzjonali kompetenti kellha tagħti effett sħiħ lill-Artikolu 325(1) u (2) TFUE billi, jekk ikun il-każ, tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jkollhom l-effett li jipprekludu lill-Istat Membru kkonċernat milli josserva l-obbligi imposti fuqu permezz tal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE. |
10 |
Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) u l-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja), li għamlu r-rinviji għal deċiżjoni kostituzzjonali quddiem il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), iqisu li r-regola li tnisslet mill-imsemmija sentenza hija applikabbli fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri pendenti quddiemhom. Fil-fatt, dawn il-proċeduri jikkonċernaw reati koperti mid-Digriet Nru 74/2000 li jistgħu jiġu kklassifikati bħala gravi. Barra minn hekk, tali reati kienu jkunu preskritti li kieku kien hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni, filwaqt li, jekk dan ma jkunx il-każ, l-imsemmija proċeduri jistgħu jwasslu għal kundanna. |
11 |
Barra minn hekk, il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano) għandha dubji dwar jekk l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 325(2) TFUE huwiex osservat fir-rigward tal-proċedura pendenti quddiemha. Fil-fatt, ir-reat ta’ assoċjazzjoni kriminali għall-finijiet tal-kuntrabandu ta’ tabakk immanifatturat barrani, previst fl-Artikolu 291c tad-decreto del Presidente della Repubblica n. 43, recante approvazione del testo unico delle disposizioni legislative in materia doganale (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 43, li japprova t-test uniku tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam doganali), tat-23 ta’ Jannar 1973 (GURI Nru 80, tat-28 ta’ Marzu 1973), għalkemm jista’ jitqies li huwa simili għar-reati koperti mid-Digriet Nru 74/2000, bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, ma huwiex suġġett għall-istess regoli dwar il-limitu massimu tat-terminu ta’ preskrizzjoni bħalma huma dawn ir-reati. |
12 |
B’hekk, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) u l-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Apell ta’ Milano) iqisu li, konformement mar-regola stabbilita permezz tas-sentenza Taricco, huma għandhom iħallu mhux applikati t-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni, u għandhom jagħtu deċiżjoni fuq il-mertu. |
13 |
Il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali soluzzjoni mal-prinċipji supremi tal-ordinament kostituzzjonali Taljan u mar-rispett tad-drittijiet inaljenabbli tal-persuna. B’mod partikolari, skont din il-qorti, l-imsemmija soluzzjoni tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, li jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet kriminali għandhom jiġu ddeterminati bi preċiżjoni u ma jistgħux ikunu retroattivi. |
14 |
F’dan ir-rigward, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tispeċifika li, fl-ordinament ġuridiku Taljan, ir-regoli dwar il-preskrizzjoni fil-qasam kriminali għandhom natura sostanzjali u, għaldaqstant, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità, previst fl-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni Taljana. Għaldaqstant, l-imsemmija sistema għandha tiġi stabbilita permezz ta’ regoli preċiżi li jkunu fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat inkwistjoni. |
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tqis li hija qiegħda tintalab, mill-qrati nazzjonali kkonċernati, tagħti deċiżjoni dwar l-osservanza, mir-regola stabbilita fis-sentenza Taricco, tar-rekwiżit ta’ “determinazzjoni” li, skont il-Kostituzzjoni, għandu jikkaratterizza l-leġiżlazzjoni kriminali sostantiva. |
16 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-persuna kkonċernata setgħetx tkun taf, fil-mument tat-twettiq tar-reat inkwistjoni, li d-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-qorti nazzjonali, fil-preżenza tal-kundizzjonijiet iddeterminati fl-imsemmija sentenza, ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li n-natura kriminali tar-reat u l-pieni applikabbli għandhom ikunu jistgħu jiġu ddeterminati minn qabel u b’mod ċar mill-awtur tal-aġir punibbli jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). |
17 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li s-sentenza Taricco ma tispeċifikax b’mod suffiċjenti l-elementi li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi n-“numru kunsiderevoli ta’ każijiet” li miegħu hija marbuta l-applikazzjoni tar-regola li tirriżulta minn din is-sentenza, u għalhekk ma tistabbilixxix limitu fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-qrati. |
18 |
Barra minn hekk, skont din il-qorti, is-sentenza Taricco ma tagħtix deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tar-regola stabbilita minnha mal-prinċipji supremi tal-ordinament kostituzzjonali Taljan u ħalliet espliċitament dan il-kompitu f’idejn il-qrati nazzjonali kompetenti. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, huwa indikat li, jekk il-qorti nazzjonali tiddeċiedi li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni, hija xorta waħda jkollha tiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati jiġu rrispettati. Hija żżid li, fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza, huwa speċifikat li tali nuqqas ta’ applikazzjoni huwa previst bla ħsara għall-verifika mill-qorti nazzjonali tar-rispett tad-drittijiet tal-akkużati. |
19 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Taricco, tat deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tar-regola stabbilita f’dik is-sentenza mal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) fir-rigward biss tal-prinċipju ta’ nonretroattività. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx l-aspett l-ieħor tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, jiġifieri r-rekwiżit li l-leġiżlazzjoni dwar is-sistema ta’ sanzjoni għandha tkun suffiċjentement preċiża. Madankollu, dan huwa rekwiżit li jagħmel parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li jinsab ukoll fis-sistema ta’ protezzjoni tal-KEDB, u li, għaldaqstant, jikkorrispondi għal prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Issa, anki jekk is-sistema ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali fl-ordinament ġuridiku Taljan titqies li hija ta’ natura proċedurali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din is-sistema għandha tiġi applikata skont regoli preċiżi. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
21 |
Permezz tad-digriet tiegħu tat-28 ta’ Frar 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:168), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
Fuq id-domandi preliminari
Kunsiderazzjonijiet preliminari
22 |
Għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ rinviju preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membru, bil-għan li jiġu żgurati l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176). |
23 |
Għalhekk, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tiffunzjona bħala strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkunu mitluba jaqtgħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov,C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 16). |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, meta tirrispondi għal domandi preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u regolamentari ta’ dawn id-domandi, kif iddefinit permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank, C‑39/16, EU:C:2017:813, punt 38). |
25 |
Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għas-sentenza Taricco, it-Tribunale di Cuneo (il-Qorti ta’ Cuneo, l-Italja) staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101, 107 u 119 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 158 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1). |
26 |
Fis-sentenza Taricco, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li kien neċessarju, għall-finijiet tal-proċedura kriminali pendenti quddiem dik il-qorti Taljana, li tagħtiha interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE. |
27 |
Fil-kawża prinċipali, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) tqajjem il-kwistjoni ta’ eventwali ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege li jista’ jirriżulta mill-obbligu, stabbilit permezz tas-sentenza Taricco, li jitħallew mhux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni fid-dawl, minn naħa, tan-natura sostantiva tar-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fl-ordinament ġuridiku Taljan, li timplika li dawn ir-regoli għandhom ikunu raġonevolment prevedibbli għall-individwi fil-mument tat-twettiq tar-reati inkwistjoni mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu emendati in pejus b’mod retroattiv, u, min-naħa l-oħra, tar-rekwiżit li kull leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sistema ta’ inkriminazzjoni għandha tkun ibbażata fuq bażi legali suffiċjentement preċiża sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-qafas u l-orjentament li għandha ssegwi l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali. |
28 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tispeċifika, fid-dawl tad-dubji li tqajmu mill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ dan il-prinċipju u li ma kinux tressqu għall-għarfien tagħha fil-kawża li tat lok għas-sentenza Taricco, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE mogħtija f’dik is-sentenza. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
29 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali tħalli mhux applikati, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali fir-rigward ta’ reati marbuta mal-VAT, dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-preskrizzjoni li jaqgħu taħt id-dritt sostantiv nazzjonali u li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi f’numru kunsidervoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew li jipprevedu termini ta’ preskrizzjoni iqsar għall-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-imsemmija interessi minn dawk previsti għall-każijiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż meta l-implementazzjoni ta’ dan l-obbligu jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli jew minħabba applikazzjoni retroattiva ta’ din tal-aħħar. |
30 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jiġġieldu kontra l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri effettivi u dissważivi, kif ukoll jieħdu l-istess miżuri sabiex jiġġieldu l-frodi li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħalma jieħdu sabiex jiġġieldu l-frodi li jippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess. |
31 |
Peress li r-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 168, p. 105), id-dħul iġġenerat mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ stima armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni, hemm rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul iġġenerat mill-VAT b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi tal-VAT korrispondenti, sa fejn kull nuqqas fil-ġbir tal-ewwel jista’ potenzjalment jikkawża tnaqqis fit-tieni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26, u Taricco, punt 38). |
32 |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw ġbir effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti, C‑546/14, EU:C:2016:206, punt 21). F’dan ir-rigward, l-imsemmija Stati Membri huma obbligati jirkupraw is-somom li jikkorrispondu għar-riżorsi proprji li, minħabba frodi, ikunu tnaqqsu mill-baġit tal-Unjoni. |
33 |
Sabiex jiġi żgurat il-ġbir integrali tad-dħul iġġenerat mill-VAT u sabiex b’hekk tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom libertà fl-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli, li jistgħu jieħdu l-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew taħlita tat-tnejn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 34, u Taricco, punt 39). |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li sanzjonijiet kriminali jistgħu jkunu indispensabbli sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv u dissważiv ċerti każijiet ta’ frodi gravi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Taricco, punt 39). |
35 |
B’hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, jiġu adottati sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva, għaliex fin-nuqqas ta’ dan ikunu qegħdin jonqsu milli jwettqu l-obbligi imposti fuqhom permezz tal-Artikolu 325(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Taricco, punti 42 u 43). |
36 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Istati Membri jonqsu milli jwettqu l-obbligi imposti fuqhom permezz tal-Artikolu 325(1) TFUE meta s-sanzjonijiet kriminali adottati sabiex jiġu puniti l-frodi gravi tal-VAT ma jippermettux li jiġi żgurat b’mod effikaċi l-ġbir ta’ din it-taxxa kollha. F’dan ir-rigward, dawn l-Istati għandhom jiżguraw ukoll li r-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fid-dritt nazzjonali jippermettu repressjoni effettiva tal-ksur marbut ma’ tali frodi. |
37 |
Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 325(2) TFUE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jiġġieldu l-frodi li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-VAT, bħal dawk li huma jieħdu sabiex jiġġieldu l-frodi li jippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess. |
38 |
Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ eventwali inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-artikolu jistabbilixxi obbligi preċiżi fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb għall-Istati Membri, obbligi li ma huma marbuta ma’ ebda kundizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Taricco, punt 51). |
39 |
Għaldaqstant, il-qrati nazzjonali kompetenti għandhom jagħtu effett sħiħ lill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) u (2) TFUE u jħallu mhux applikati dispożizzjonijiet interni, b’mod partikolari fil-qasam tal-preskrizzjoni, li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar ksur gravi fil-qasam tal-VAT, jostakolaw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi sabiex jiġu miġġielda l-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Taricco, punti 49 u 58). |
40 |
Għandu jitfakkar li, fil-punt 58 tas-sentenza Taricco, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni tqiesu li setgħu jippreġudikaw l-obbligi imposti fuq l-Istat Membru kkonċernat permezz tal-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, fil-każ li l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew jipprevedu termini ta’ preskrizzjoni iqsar fir-rigward tal-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-imsemmija interessi minn dawk previsti fir-rigward tal-każijiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji ta’ dan l-Istat Membru. |
41 |
Fl-ewwel lok, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jipprevedi regoli ta’ preskrizzjoni li jippermettu li jiġu ssodisfatti l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 325 TFUE, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 58 tas-sentenza Taricco. Fil-fatt, huwa dan il-leġiżlatur li għandu jiżgura li r-regoli nazzjonali dwar il-preskrizzjoni fil-qasam kriminali ma jwasslux għall-impunità ta’ numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi fil-qasam tal-VAT jew ma jkunux, għall-persuni akkużati, iktar iebsa fil-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat milli fil-każijiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li leġiżlatur nazzjonali jtawwal it-terminu ta’ preskrizzjoni b’applikazzjoni immedjata, inkluż għal fatti li jkunu s-suġġett tal-akkuża u li jkunu għadhom ma ġewx preskritti, ma jippreġudikax, bħala prinċipju, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Taricco, punt 57 u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċitata f’dak il-punt). |
43 |
B’dan premess, għandu jingħad ukoll li l-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali jaqa’ taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TFUE. |
44 |
F’dan il-każ, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ir-regoli dwar il-preskrizzjoni applikabbli għar-reati kriminali dwar il-VAT ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li minn dak iż-żmien għamel biss intervent parzjali bl-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29). |
45 |
Għaldaqstant, f’dik id-data, ir-Repubblika Taljana kienet libera li tipprevedi li, fl-ordinament ġuridiku tagħha, dawn ir-regoli jaqgħu, bħar-regoli dwar id-definizzjoni tar-reati u dwar id-determinazzjoni tal-pieni, taħt id-dritt kriminali sostantiv u huma, bħala tali, suġġetti, bħal dawn ir-regoli tal-aħħar, għall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. |
46 |
Min-naħa tagħhom, il-qrati nazzjonali kompetenti, meta jkollhom jiddeċiedu, fi proċeduri pendenti, li jħallu mhux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni, huma obbligati jiżguraw li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-persuni akkużati bit-twettiq ta’ reat kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Taricco, punt 53). |
47 |
F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bil-kundizzjoni li din l-applikazzjoni la tikkomprometti l-livell ta’ protezzjoni previst fil-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas is-supremazija, l-unità jew l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali, il-qrati nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-akkużati li joħorġu mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. |
49 |
Issa, skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-drittijiet ma jkunux irrispettati fil-każ li ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni, fil-kuntest tal-proċeduri pendenti quddiemha, peress li, minn naħa, il-persuni kkonċernati ma setgħux raġonevolment jipprevedu, qabel l-għoti tas-sentenza Taricco, li l-Artikolu 325 TFUE kien jobbliga lill-qorti nazzjonali, fil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik is-sentenza, tħalli mhux applikati l-imsemmija dispożizzjonijiet. |
50 |
Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti nazzjonali ma tistax tiddefinixxi l-kontenut konkret tal-kundizzjonijiet li fihom għandha tħalli mhux applikati dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri fil-każ li dawn jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi, mingħajr ma tikser il-limiti imposti fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha permezz tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. |
51 |
F’dan ir-rigward, għandha titfakkar l-importanza, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u kemm fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, li għandu l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fir-rekwiżiti tiegħu dwar il-prevedibbiltà, il-preċiżjoni u n-natura mhux retroattiva tad-dritt kriminali applikabbli. |
52 |
Dan il-prinċipju, kif stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta, japplika għall-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 51(1) tagħha, li huwa l-każ meta jipprevedu, fil-kuntest tal-obbligi imposti fuqhom permezz tal-Artikolu 325 TFUE, l-impożizjoni ta’ sanzjonijiet kriminali fir-rigard tal-ksur fil-qasam tal-VAT. B’hekk, l-obbligu li jiġi żgurat ġbir effikaċi tar-riżorsi tal-Unjoni ma jistax imur kontra l-imsemmi prinċipju (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Belvedere Costruzioni, C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 23). |
53 |
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jagħmel parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (ara, fir-rigward tal-prinċipju ta’ natura mhux retroattiva tad-dritt kriminali, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 42, kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, X, C‑60/02, EU:C:2004:10, punt 63), u ġie stabbilit f’diversi trattati internazzjonali, b’mod partikolari fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 49). |
54 |
Mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-dritt iggarantit fl-Artikolu 49 tagħha għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħad-dritt iggarantit mill-KEDB. |
55 |
Fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, li, skont dan il-prinċipju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali għandhom josservaw ċerti rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u ta’ prevedibbiltà kemm fir-rigward tad-definizzjoni tar-reat u kemm fir-rigward tad-determinazzjoni tal-piena (ara Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 1996, Cantoni vs Franza, CE:ECHR:1996:1115JUD001786291, punt 29; Qorti EDB, 7 ta’ Frar 2002, E.K. vs It-Turkija, CE:ECHR:2002:0207JUD002849695, punt 51; Qorti EDB, 29 ta’ Marzu 2006, Achour vs Franza, CE:ECHR:2006:0329JUD006733501, punt 41, u Qorti EDB, 20 ta’ Settembru 2011, OAO Neftyanaya Kompaniya Yukos vs Ir-Russja, CE:ECHR:2011:0920JUD001490204, punti 567 sa 570). |
56 |
It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli, li huwa inerenti għall-imsemmi prinċipju, jimplika li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jissanzjonawhom. Din il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, fuq il-bażi tal-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk ikun meħtieġ bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 162). |
57 |
It-tielet nett, il-prinċipju ta’ natura mhux retroattiva tad-dritt kriminali jipprekludi b’mod partikolari li qorti tkun tista’, matul proċedura kriminali, jew tissanzjona kriminalment aġir li ma jkunx ipprojbit minn regola nazzjonali adottata qabel it-twettiq tar-reat li jkun is-suġġett tal-akkuża, jew taggrava r-regoli dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni li jkunu s-suġġett ta’ tali proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punti 62 sa 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
F’dan ir-rigward, kif ġie kkonstatat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ nonretroattività inerenti għall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege japplikaw ukoll, fl-ordinament ġuridiku Taljan, għar-regoli dwar il-preskrizzjoni li jikkonċernaw ir-reati kriminali fil-qasam tal-VAT. |
59 |
Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk il-konstatazzjoni meħtieġa mill-punt 58 tas-sentenza Taricco, fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, twassalx għal sitwazzjoni ta’ inċertezza fl-ordinament ġuridiku Taljan, fir-rigward tad-determinazzjoni tar-regoli dwar il-preskrizzjoni applikabbli, inċertezza li tmur kontra l-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli. Jekk dan ikun effettivament il-każ, il-qorti nazzjonali ma hijiex marbuta li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni. |
60 |
Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza jipprekludu li, fi proċeduri dwar persuni akkużati bit-twettiq ta’ reati fil-qasam tal-VAT qabel ingħatat is-sentenza Taricco, il-qorti nazzjonali tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza, li dawn il-persuni jistgħu, minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikunu suġġetti għal sanzjonijiet li wisq probabbli ma kinux ikunu suġġetti għalihom li kieku ġew applikati l-imsemmija dispożizzjonijiet. B’hekk, l-imsemmija persuni jistgħu jkunu suġġetti b’mod retroattiv għal kundizzjonijiet ta’ inkriminazzjoni iktar iebsa minn dawk fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat. |
61 |
Jekk, għalhekk, il-qorti nazzjonali tasal sabiex tqis li l-obbligu li jitħallew mhux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali inkwistjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, hija ma tkunx marbuta li tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu, u dan anki jekk l-osservanza ta’ dan l-obbligu tippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punti 58 u 59). F’tali sitwazzjoni huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jieħu l-miżuri meħtieġa, kif ġie kkonstatat fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza. |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali tħalli mhux applikati, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali fir-rigward ta’ reati marbuta mal-VAT, dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-preskrizzjoni li jaqgħu taħt id-dritt sostantiv nazzjonali u li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew li jipprevedu termini ta’ preskrizzjoni iqsar għall-każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-imsemmija interessi minn dawk previsti għall-każijiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm tali nuqqas ta’ applikazzjoni ma jwassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli jew minħabba l-applikazzjoni retroattiva ta’ leġiżlazzjoni li timponi kundizzjonijiet ta’ inkriminazzjoni iktar iebsa minn dawk fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat. |
Fuq it-tielet domanda
63 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda. |
Fuq l-ispejjeż
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 325(1) u (2) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali tħalli mhux applikati, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali fir-rigward ta’ reati marbuta mat-taxxa fuq il-valur miżjud, dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-preskrizzjoni li jaqgħu taħt id-dritt sostantiv nazzjonali u li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jew li jipprevedu termini ta’ preskrizzjoni iqsar għall-każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-imsemmija interessi minn dawk previsti għall-każijiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm tali nuqqas ta’ applikazzjoni ma jwassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli jew minħabba l-applikazzjoni retroattiva ta’ leġiżlazzjoni li timponi kundizzjonijiet ta’ inkriminazzjoni iktar iebsa minn dawk fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.