SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 101 u 102 TFUE – Direttiva 2009/72/KE – Artikoli 9, 10, 13 u 14 – Regolament (KE) Nru 714/2009 – Artikolu 3 – Regolament (UE) Nru 1227/2011 – Punt 3 tal-Artikolu 2 – Regolament (UE) 2015/1222 – Artikolu 1(3) – Ċertifikazzjoni u indikazzjoni ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti – Limitu tan-numru ta’ detenturi ta’ liċenzji ta’ trażmissjoni tal-elettriku fit-territorju nazzjonali”

Fil-Kawża C‑347/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (tribunal amministrattiv tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

Balgarska energiyna borsa AD (BEB)

vs

Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Komisia za energiyno i vodno regulirane (KEVR), minn I. Ivanov, bħala aġent,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u P. Mihaylova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, (ĠU 2009, L 211, p. 55), tar-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU 2011, L 326, p. 1) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222, tal-24 ta’ Lulju 2015, li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24), kif ukoll tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Balgarska energiyna borsa AD (BEB), kumpannija tad-dritt Bulgaru (BEB), u l-Komisiyata za energiyno i vodno regulirane (kummissjoni regolatorja tal-enerġija u tal-ilma, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“KEVR”), dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li tagħtiha liċenzja fir-rigward tal-attivitajiet ta’ trażmissjoni tal-enerġija elettrika, ta’ koordinazzjoni ta’ grupp ta’ aġġustament u ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2009/72

3

Il-premessi 9, 11, 12, 16, 17 u 19 tad-Direttiva 2009/72 jiddikjaraw:

“(9)

Mingħajr is-separazzjoni effettiva tan-netwerks minn attivitajiet ta’ ġenerazzjoni u provvista ta’ separazzjoni effettiva, hemm ir-riskju inerenti ta’ diskriminazzjoni mhux biss fl-operat tan-network iżda wkoll fl-inċentivi għal impriżi integrati vertikalment li jinvestu b’mod adegwat fin-netwerks tagħhom.

[…]

(11)

Tkun biss it-tneħħija tal-inċentiv għall- impriżi integrati vertikalment li jiddiskriminaw kontra kompetituri fir-rigward tal-aċċess għan-network u l-investiment li tista’ tiżgura s-separazzjoni effettiva. Is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà, li timplika l-ħatra tal-proprjetarju tan-network bħala l-operatur tas-sistema u l-indipendenza tiegħu minn kwalunkwe interessi ta’ provvista u produzzjoni, hija b’mod ċar mezz effettiv u stabbli biex jiġi solvut il-konflitt ta’ interess inerenti u biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista […].

(12)

Kwalunkwe sistema ta’ separazzjoni għandha tkun effettiva fit-tneħħija ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interessi bejn il-produtturi, il-fornituri u l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni, sabiex jinħolqu inċentivi għall-investimenti neċessarji u jiġi garantit l-aċċess ta’ parteċipanti ġodda fis-suq skont sistema regolatorja trasparenti u effiċjenti u m’għandhiex toħloq sistema regolatorja tqila żżejjed għall-awtoritajiet regolatorji.

[…]

(16)

L-istabbiliment ta’ operatur ta’ sistema jew ta’ operatur tat-trasmissjoni li jkun indipendenti mill indipendenti mill-interessi ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni għandu jippermetti lill-impriżi integrati vertikalment iżommu d-dritt ta’ proprjetà tagħhom fir-rigward tal-assi tan-network filwaqt li jiżgura separazzjoni tal-interessi effettiva, sakemm tali operatur indipendenti ta’ sistema jew tali operatur indipendenti tat-trasmissjoni iwettaq il-funzjonijiet kollha ta’ operatur tas-sistema u sakemm jiġu attwati regolamentazzjoni ddettaljata u mekkaniżmi ta’ kontroll regolatorji estensivi.

(17)

Fejn, fit-3 ta’ Settembru 2009, l-impriża li tkun proprjetarja tas-sistema ta’ trasmissjoni tkun parti minn impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri għandhom għalhekk jingħataw l-għażla bejn is-separazzjoni tad-dritt ta’ proprjetà u l-istabbiliment ta’ operatur ta’ sistema jew ta’ operatur tat-trasmissjoni li jkunu indipendenti mill-interessi ta’ provvista u ta’ ġenerazzjoni.

[…]

(19)

L-effikaċja sħiħa tal-operatur indipendenti tas-sistema jew tas-soluzzjonijiet tal-operatur indipendenti tat-trasmissjoni għandha tiġi żgurata permezz ta’ regoli speċifiċi addizzjonali. Ir-regoli dwar l-operatur indipendenti tat-trasmissjoni jipprovdu qafas regolatorju xieraq għall-garanzija ta’ kompetizzjoni ġusta, investiment suffiċjenti, aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq u għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku. Is-separazzjoni effettiva permezz tad-dispożizzjonijiet tal-operaturi indipendenti tat-trasmissjoni għandha tkun ibbażata fuq pilastru ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni u miżuri li jirrelataw mal-governanza tal-operaturi tas-sistemi tat-trasmissjoni u fuq pilastru ta’ miżuri fir-rigward tal-investiment, ir-rabta tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni l-ġodda man-netwerk u l-integrazzjoni tas-suq permezz ta’ koperazzjoni reġjonali. L-indipendenza tal-operatur tat-trasmissjoni għandha tiġi żgurata wkoll, inter alia, permezz ta’ ċertu perijodi ta’ ‘tregwa’ (‘cooling-off’ periods) li matulhom, fl-impriża integrata vertikalment, ma ssir l-ebda attività ta’ ġestjoni jew attività relevanti oħra li tagħti aċċess għall-istess informazzjoni li setgħet inkisbet f’pożizzjoni maniġerjali […]”

4

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4.

‘operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni, li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni f’żona partikolari u, fejn ikun japplika, tal-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Separazzjoni tas-sistemi ta’ trasmissjoni u tal-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mit-3 ta’ Marzu 2012:

(a)

kull impriża li tkun proprjetarja ta’ sistema ta’ trasmissjoni tagħha taġixxi bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni;

(b)

l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati:

(i)

li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni; jew

(ii)

li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew fuq sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jezerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew provvista;

(c)

l-istess persuna jew persuni mhumiex intitolati jaħtru membri tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew ta’ korpi li legalment jirrappreżentaw l-impriża, ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew tas-sistema ta’ trasmissjoni, u li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista; u

(d)

l-istess persuna mhix intitolata tkun membru tal-bord ta’ sorveljanza, tal-bord amministrattiv jew ta’ korpi li legalment jirrappreżentaw l-impriża, kemm ta’ impriża li twettaq kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista u operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

[…]

8.   Fejn, fit-3 ta’ Settembru 2009, is-sistema ta’ trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-Paragrafu 1.

F’tali każ, l-Istati Membri konċernati għandhom jew:

(a)

jaħtru operatur tas-sistema indipendenti taħt l-Artikolu 13, jew

(b)

jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V.

[…]”

6

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Ħatra u ċertifikazzjoni ta’ operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni”, jipprovdi:

“1.   Qabel ma impriża tkun approvata u maħtura bħala operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, hija għandha tkun ċertifikata konformement mal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru 714/2009].

2.   Impriżi proprjetarji ta’ sistema ta’ trasmissjoni u li ġew ċertifikati mill-awtorità regolatorja nazzjonali bħala li kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9, konformement mal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni aktar ‘l isfel, għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni mill-Istati Membri. Il-ħatra tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

[…]”

7

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Operaturi ta’ sistemi indipendenti”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Fejn is-sistema ta’ trasmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment fit-3 ta’ Settembru 2009, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 9(1) u jaħtru operatur ta’ sistema indipendenti fuq proposta mill-proprjetarju tas-sistema ta’ trasmissjoni. Din il-ħatra għandha tkun suġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.”

8

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Separazzjoni tal-proprjetarji ta’ sistemi ta’ trasmissjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Proprjetarju ta’ sistema ta’ trasmissjoni, fejn operatur ta’ sistema indipendenti jkun inħatar, li jkun parti minn impriżi integrati vertikalment, għandu jkun indipendenti, għall-anqas f’termini tal-forma ġuridika tiegħu, fl-organizzazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, minn attivitajiet oħrajn li ma jkunux relatati mat-trasmissjoni.”

9

Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2009/72, li jinkludi l-Artikoli 17 sa 23 tagħha, jirrigwarda “Operatur ta’ trasmissjoni indipendenti”.

10

L-Artikolu 47 tal-imsemmija direttiva intitolat “Rapportar” fil-paragrafu 3 tiegħu jipprovdi li:

“Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mit-3 ta’ Marzu 2013, tippreżenta, bħala parti mir-reviżjoni ġenerali, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rapport speċifiku dettaljat li jiddeskrivi sa fejn ir-rekwiżiti ta’ separazzjoni taħt il-Kapitolu V kienu ta’ suċċess fl-iżgurar ta’ indipendenza sħiħa u effettiva ta’ operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni, bl-użu ta’ separazzjoni effettiva u effiċjenti bħala punt ta’ referenza.”

Ir-Regolament Nru 714/2009

11

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 714/2009, intitolat “Ċertifikazzjoni tal-operaturi ta’ sistema ta’ tranżizzjoni [trażmissjoni]”:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika ta’ deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni kif stabbilit fl-Artikoli 10(6) tad-[Direttiva 2009/72] hekk kif tirċeviha. Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tirċievi din in-notifika, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 11, u mal-Artikolu 9 tad-[Direttiva 2009/72].

Fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Aġenzija biex tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali. F’tali każ, il-perijodu ta’ xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jittawwal b’xahrejn oħra.

Fin-nuqqas ta’ opinjoni mill-Kummissjoni fil-perijodi msemmijin fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

2.   Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, filwaqt li tieħu kont kemm jista’ jkun ta’ dik l-opinjoni. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu pubblikati flimkien.

[…]”

Ir-Regolament Nru 1227/2011

12

Il-premessa 3 tar-Regolament Nru 1227/2011 tiddikjara:

“Il-parir tal-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej u tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass ikkonferma li l-ambitu tal-leġiżlazzjoni eżistenti jista’ ma jindirizzax b’mod xieraq il-kwistjonijiet tal-integrità tas-swieq fis-swieq tal-elettriku u tal-gass u rrakkomanda li jiġi kkunsidrat qafas leġiżlattiv adegwat imfassal għas-settur tal-enerġija li jipprevjeni l-abbuż tas-suq u jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-settur li mhumiex koperti b’direttivi u regolamenti oħra.”

13

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(3)

‘tentattiv sabiex ikun immanipulat is-suq’ tfisser:

(a)

il-parteċipazzjoni fi kwalunkwe tranżazzjoni, il-ħruġ ta’ kwalunkwe ordni sabiex isir negozju jew it-teħid ta’ kwalunkwe azzjoni oħra relatata ma’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa bil-ħsieb li:

(i)

jingħataw sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta’, id-domanda għal jew il-prezz ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

(ii)

il-prezz ta’ prodott jew diversi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa jkun żgurat f’livell artifiċjali, sakemm il-persuna li tkun ipparteċipat fit-tranżazzjoni jew ħarġet l-ordni sabiex isir in-negozju ma tistabbilixxix li r-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan huma leġittimi u li dikn it-tranżazzjoni jew ordni biex isir negozju hija konformi mal-prattiċi aċċettati tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa konċernat; jew

(iii)

isir użu minn mezzi fittizji jew minn kwalunkwe forma oħra ta’ qerq jew ta’ strataġemma li tagħti jew li tista’ tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta’, id-domanda għal, jew il-prezz ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

jew

(b)

it-tixrid ta’ informazzjoni permezz tal-midja, inkluż l-Internet, jew bi kwalunkwe mezz ieħor bil-ħsieb li jingħataw sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta’, id-domanda għal, jew il-prezz ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa.

[…]”

Ir-Regolament Nru 2015/1222

14

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2015/1222, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu li:

“Fl-Istati Membri fejn ikun hemm aktar minn operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni wieħed (iktar ’l quddiem l-‘OST’), dan ir-Regolament japplika għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kollha f’dak l-Istat Membru. Meta OST ma jkollux funzjoni rilevanti għal obbligu wieħed jew aktar skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li r-responsabbiltà li jkun hemm konformità ma’ dawn l-obbligi tiġi assenjata lil OST wieħed jew iktar speċifiċi differenti.”

Id-dritt Bulgaru

15

Konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 21(1) taż-Zakon za Energetikata (liġi fuq l-enerġija, iktar ’il quddiem iż-“ZE”), il-KEVR tagħti liċenzji għat-trażmissjoni tal-enerġija elettrika.

16

Skont il-punt 27 tal-Artikolu 21(1) taż-ZE, il-KEVR tiċċertifika l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ indipendenza, tissorvelja l-konformità tagħhom ma’ dawn tal-aħħar u tindirizza lill-Kummissjoni Ewropea n-notifiki korrispondenti.

17

Bis-saħħa tal-punt 2 tal-Artikolu 39(1) taż-ZE, l-attività tat-trażmissjoni tal-enerġija elettrika hija suġġetta għall-għoti ta’ liċenzja.

18

Konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 43(1) taż-ZE, liċenzja waħda biss hija mogħtija fit-territorju nazzjonali għat-trażmissjoni tal-enerġija elettrika.

19

It-tmien kapitolu “a” taż-ZE jistabbilixxi r-regoli applikabbli għaċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u għall-investimenti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fis-27 ta’ Diċembru 2013, BEB ippreżentat quddiem il-KEVR applikazzjoni intiża għall-għoti ta’ liċenzja tat-“trażmissjoni ta’ enerġija elettrika u koordinatur ta’ grupp ta’ aġġustament, operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti”.

21

Peress li din l-applikazzjoni kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, BEB fl-24 ta’ April 2014, ippreżenta quddiem il-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema, il-Bulgarija) rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

22

Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2015, il-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema) annullat l-imsemmija deċiżjoni, minħabba li din ma kinitx issodisfat ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni.

23

B’eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza, KEVR ċaħdet, permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2015, l-applikazzjoni ppreżentata minn BEB fis-27 ta’ Diċembru 2013 bħala inammissibbli fl-intier tagħha.

24

Il-KEVR ikkunsidrat, essenzjalment, li, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 43(1) taż-ZE, hija biss liċenzja li setgħat tingħata għall-eżerċizzju tal-attività tat-trażmissjoni tal-enerġija elettrika fil-Bulgarija. Issa, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2013, il-KEVR kienet tat tali liċenzja lil Elektroenergien sistemen operator EAD (iktar ’il quddiem l-“ESO”) għal perijodu ta’ 35 sena. Fir-rigward tal-attività ta’ koordinatur ta’ grupp ta’ aġġustament, il-KEVR enfasizzat li d-drittijiet u l-obbligi marbutin ma’ din l-attività kienu jippresupponu l-eżerċizzju tal-attività tat-trażmissjoni tal-enerġija elettrika. Finalment, fir-rigward tal-attività ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni indipendenti, il-KEVR osservat li kien biss l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku, f’dan il-każ ESO, li seta’, bis-saħħa tal-imsemmija liċenzja, jiġi ċċertifikat u indikat għall-finijiet ta’ din l-attività.

25

BEB ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal-KEVR tas-6 ta’ Ottubru 2015.

26

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-kwistjoni, minn naħa, jekk ċerti kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/72 huma osservati fil-Bulgarija u, min-naħa l-oħra, jekk il-limitu tan-numru ta’ proprjetarji ta’ liċenzji tat-trażmissjoni tal-elettriku għal territorju partikolari huwa kompatibbli mal-għan tal-Unjoni Ewropea li jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ suq Ewropej kompetittiv tal-enerġija.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 9(1)(b)(i) u (ii) tad-[Direttiva 2009/72] jippermetti li l-istess persuna waħda tkun l-uniku azzjonist ta’ operatur indipendenti tas-sistema ta’ trażmissjoni u ta’ impriża li l-attivitajiet prinċipali tagħhom huma l-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni tal-elettriku?

2)

L-Artikolu 9(1)(b)(i) u (ii) tad-[Direttiva 2009/72] jippermetti li l-istess persuna waħda teżerċita, direttament jew indirettament, kontroll fuq l-operatur indipendenti tas-sistema ta’ trażmissjoni u fuq impriża ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista tal-elettriku?

3)

L-Artikolu 9(1)(c) u (d) tad-[Direttiva 2009/72] jippermetti li l-istess persuna waħda taħtar il-membri tal-bord ta’ sorveljanza tal-operatur indipendenti tas-sistema ta’ trażmissjoni (li min-naħa tiegħu jagħżel l-amministraturi tiegħu) u l-membri tal-bord tad-diretturi tal-impriża ta’ ġenerazzjoni u ta’ provvista tal-elettriku?

4)

Id-[Direttiva 2009/72], ir-[Regolament Nru 714/2009], ir-[Regolament 2015/1222], [u] r-[Regolament Nru 1227/2011] jippermettu limitazzjonijiet fir-rigward tan-numru ta’ persuni li jistgħu jingħataw liċenzja għat-trażmissjoni tal-elettriku f’territorju partikolari?

5)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domandi preċedenti u skont il-punt 1 tal-Artikolu 43(1) taż-[ZE] għandha tingħata liċenzja waħda biss għat-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija: għandu jitqies li hemm kunflitt ta’ interess fis-sens tal-premessa 12 tal-preambolu tad-[Direttiva 2009/72]?

6)

Għandu jitqies li d-dispożizzjoni nazzjonali prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 43(1) taż-[ZE] tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE sa fejn tipprevedi li għandha tingħata biss liċenzja waħda għat-trażmissjoni tal-elettriku fit-territorju nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel sat-tielet u l-ħames domandi

28

Permezz tal-ewwel sat-tielet u l-ħames domandi preliminari tagħha, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(b) sa (d) tad-Direttiva 2009/72, moqri flimkien mal-premessa 12 tagħha.

29

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn id-domandi jispjegaw ruħhom, essenzjalment, mid-dubji li l-qorti tar-rinviju tesperjenza fir-rigward tal-kwistjoni jekk iċ-ċertifikazzjoni u l-ħatra ta’ ESO bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni indipendenti, għas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku tal-Bulgarija, kienu konformi mar-rekwiżiti previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 18).

31

Il-preżunzjoni ta’ rilevanza li d-domandi magħmula b’mod preliminari mill-qrati nazzjonali għandhom tista’ biss titwarrab b’mod eċċezzjonali, u dan jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punt 34). Fil-fatt, talba għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex bħala għan il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq id-domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda intiża li tissodisfa l-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C‑156/15, EU:C:2016:851, punt 56).

32

F’dan il-każ, jirriżulta ċarament mill-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan inkluż ir-risposta tal-qorti tar-rinviju għal talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, għall-finijiet tas-separazzjoni bejn il-ġestjoni tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-attivitajiet ta’ produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku fil-Bulgarija, tqiegħed fil-post operatur tas-sistema tat-trażmissjoni indipendenti.

33

Id-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu t-tqegħid fil-post ta’ tali operatur tas-sistema tat-trażmissjoni indipendenti huwa stabbilit fl-Artikolu 9(8)(b) tad-Direttiva 2009/72. Skont din id-dispożizzjoni, fejn, fit-3 ta’ Settembru 2009, is-sistema ta’ trażmissjoni tkun il-proprjetà ta’ impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, dwar is-separazzjoni tal-istrutturi ta’ proprjetà. Tali għażla timplika għall-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li jikkonforma mar-rekwiżiti previsti fil-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva, li jinkludi l-Artikoli 17 sa 23 tal-istess direttiva, li jirrigwarda l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni indipendenti.

34

Għandu jiġi rrilevat, fid-dawl tad-dubji mqajma mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-indipendenza tal-ESO, li jirriżulta mill-premessi 16, 17 u 19 tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll mill-Artikolu 47(3) tagħha, li r-rekwiżiti tas-separazzjoni previsti fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva huma intiżi li jiżguraw indipendenza totali u effettiva tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni meta mqabbel mal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ provvista.

35

Konsegwentement, f’dan il-każ, iċ-ċertifikazzjoni u l-ħatra tal-ESO bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni indipendenti għas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku tal-Bulgarija kienu suġġetti għall-osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 17 sa 23 tad-Direttiva 2009/72, u mhux għal dawk iddikjarati fl-Artikolu 9(1)(b) sa (d) ta’ din id-direttiva.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher b’mod ċar li d-domandi magħmulin lill-Qorti fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata tal-Artikolu 9(1)(b) sa (d) tad-Direttiva 2009/72, moqri flimkien mal-premessa 12 tagħha, huma mingħajr rilevanza biex isolvu t-tilwima fil-kawża prinċipali.

37

Mill-premess jirriżulta li l-ewwel sat-tielet u l-ħames domandi preliminari huma inammissibbli.

Fuq ir-raba’ domanda

38

Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2009/72, ir-Regolament Nru 714/2009, ir-Regolament Nru 1227/2011 u r-Regolament 2015/1222, jawtorizzaw lil Stat Membru li jillimita n-numru ta’ persuni li jistgħu jingħataw liċenzja għat-trażmissjoni tal-elettriku f’territorju partikolari.

39

Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, fir-risposta tagħha għal talba għall-informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din id-domanda tindirizza b’mod partikolari l-Artikoli 9, 10, 13 u 14 tad-Direttiva 2009/72, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 714/2009, il-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011, moqri flimkien mal-premessa 3 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2015/1222.

40

Qabelxejn, fir-rigward tal-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 2009/72, dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-każ fejn is-sistema tat-trażmissjoni kienet tappartjeni, għad-data tat-3 ta’ Settembru 2009, għal impriża integrata vertikalment u fejn l-Istat Membru kkonċernat ddeċieda li jaħtar operatur ta’ sistema indipendenti, fuq il-bażi tal-Artikolu 9(8)(a) ta’ din id-direttiva.

41

Issa, kif jirriżulta mill-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, is-separazzjoni bejn il-ġestjoni tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ provvista tal-elettriku twettqet fil-Bulgarija bl-użu tal-għażla alternattiva prevista fl-Artikolu 9(8)(b) tad-Direttiva 2009/72, li tikkonsisti fit-tqegħid fil-post ta’ operatur tas-sistema tat-trażmissjoni indipendenti.

42

Għal dak li huwa l-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011, moqri flimkien mal-premessa 3 tiegħu, minkejja li l-imsemmija dispożizzjoni tiddefinixxi dak li għandu jinftiehem b’“tentattiv sabiex ikun immanipulat is-suq”, id-data li tidher fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni li minnha jista’ jiġi dedott li l-qorti tar-rinviju tinsab taffaċċja tali każ fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

43

Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 714/2009, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet, li jirrigwardaw is-separazzjoni tas-sistemi ta’ trażmissjoni u tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni u l-ħatra ta’ dawn tal-aħħar, ma jinkludu ebda regola dwar l-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju tal-attività tat-trażmissjoni tal-elettriku fit-territorju tal-Istati Membri.

44

Ċertament, jidher, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlazzjoni Bulgara tirriżerva lill-proprjetarju tal-unika liċenzja mogħtija għall-eżerċizzju tal-attività tat-trażmissjoni tal-elettriku l-possibbiltà li jiġi ċċertifikat u maħtur bħala operatur tas-sistema tat-trażmissjoni fil-Bulgarija.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi li l-impriżi proprjetarji tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku u li ġew ċertifikati mill-awtorità regolatorja nazzjonali bħala li kkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu approvati u maħtura bħala operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni mill-Istati Membri.

46

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 11 tal-imsemmija direttiva, is-separazzjoni tal-istrutturi tal-proprjetà timplika li l-proprjetarju tas-sistema jkun maħtur bħala operatur tas-sistema u li jkun indipendenti mill-istrutturi tal-provvista u tal-produzzjoni.

47

Madankollu, f’dan il-każ, l-elementi trażmessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jpoġġu fl-evidenza, minn naħa, li teżisti biss sistema waħda tat-trażmissjoni tal-elettriku fil-Bulgarija u, min-naħa l-oħra, li din l-istess sistema, li kienet tappartjeni, fit-3 ta’ Settembru 2009, lill-impriża integrata vertikalment Natsionalna elektricheska kompaniya, saret minn dak iż-żmien il-proprjetà ta’ ESO.

48

B’hekk, fid-dawl tal-elementi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, xejn ma jindika li t-talba ta’ BEB inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2009/72, li jirrigwarda ċ-ċertifikazzjoni u l-ħatra bħala operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni tal-impriżi li għandhom sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku.

49

Fir-rigward tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2015/1222, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tirreferi, fi kliem ġeneriku, għall-każ fejn diversi operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni jeżistu flimkien fi Stat Membru.

50

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda preliminari li l-Artikoli 9, 10, 13 u 14 tad-Direttiva 2009/72, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 714/2009, il-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011, moqri flimkien mal-premessa 3 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(3) tar-Regolament 2015/1222 ma jipprekludux, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita n-numru ta’ proprjetarji ta’ liċenzji tat-trażmissjoni tal-elettriku għal territorju partikolari.

Fuq is-sitt domanda

51

Permezz tas-sitt domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li ngħatat liċenzja waħda biss għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività tat-trażmissjoni tal-elettriku fit-territorju nazzjonali tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

52

F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li l-Artikoli 101 u 102 TFUE jirrigwardaw biss l-aġir tal-impriżi u ma jirrigwardawx miżuri leġiżlattivi jew regolatorji mill-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-artikoli, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi dmir ta’ kooperazzjoni, jimponu fuq l-Istati Membri li ma jieħdux jew li ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja, li jistgħu jippreġudikaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 34).

53

Barra minn hekk, ikun hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE, meta Stat Membru jew jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti ta’ tali akkordji, jew ineħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu stess in-natura pubblika tagħha billi jiddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet għal intervent ta’ interess ekonomiku (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Eurosaneamientos et, C‑532/15 u C‑538/15, EU:C:2016:932, punt 35).

54

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet ippromulgati mill-Artikoli 102 u 106(1) TFUE meta l-impriża li lilha jagħti drittijiet speċjali jew esklussivi ġiet imwassla, permezz tas-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet li ngħataw lilha, li tisfrutta l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha l-impriża hija mwassla tikkommetti tali abbuż. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li tinħoloq pożizzjoni dominanti permezz tal-għoti tad-drittijiet speċjali jew esklussivi, fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE ma huwiex, bħala tali, inkompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-2 ta’ Lulju 2015, Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C., C‑497/12, EU:C:2015:436, punt 23).

55

F’dan il-kuntest, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li huwa l-obbligu tagħha, jekk ikun il-każ, li tifformula mill-ġdid id-domandi li ġew sottomessi lilha b’mod li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha li taqta’ t-tilwima li tressqet quddiemha (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides, C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 42), għandha tiġi interpretata s-sitt domanda preliminari fis-sens li ssemmi l-Artikoli 101 u 102 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 106(1) TFUE.

56

Madankollu, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih iridu jinqraw id-domandi magħmula jew li, għall-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 17). Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura li tinsab fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija unikament awtorizzata li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni b’effett mill-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Nordecon u Ramboll Eesti, C‑561/12, EU:C:2013:793, punt 28).

57

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni japplika b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat mis-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Striani et, C‑299/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:519, punt 25).

58

Għandu jiġi enfasizzat li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda tagħti wkoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet oħra kkonċernati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 85).

59

Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li għandha tosserva bir-reqqa (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 19).

60

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju, li tillimita ruħha, essenzjalment, li tinvoka n-neċessità li jiġi żviluppat suq Ewropew kompetittiv tal-enerġija, ma tinkludix spjegazzjonijiet fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tippreġudika l-Artikoli 101 u 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 106(1) TFUE.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għas-sitt domanda, għandu jiġi kkunsidrat li din hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 9, 10, 13 u 14 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003, il-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa moqri flimkien mal-premessa 3 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222, tal-24 ta’ Lulju 2015, li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni ma jipprekludux, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita n-numru ta’ proprjetarji ta’ liċenzji tat-trażmissjoni tal-elettriku għal territorju partikolari.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.