SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 109(1) – Azzjonijiet ċivili fuq il-bażi ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks nazzjonali – Lis alibi pendens – Kunċett ta’ “l-istess fatti” – Użu tat-terminu “Merck” f’ismijiet ta’ dominji u fuq pjattaformi ta’ midja soċjali fuq l-internet – Azzjoni bbażata fuq trade mark nazzjonali segwita b’azzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea – Rinunzja tal-ġurisdizzjoni – Portata”

Fil-Kawża C-231/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2016, fil-proċedura

Merck KGaA

vs

Merck & Co. Inc.,

Merck Sharp & Dohme Corp.,

MSD Sharp & Dohme GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Merck KGaA, minn S. Völker u M. Pemsel, Rechtsanwälte,

għal Merck & Co. Inc., Merck Sharp & Dohme Corp. kif ukoll MSD Sharp & Dohme GmbH, minn A. Bothe, Y. Draheim u P. Fromlowitz, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 109(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Merck KGaA, minn naħa, u Merck & Co. Inc., Merck Sharp & Dohme Corp. u MSD Sharp & Dohme GmbH, min-naħa l-oħra, dwar talbiet għal miżuri ta’ projbizzjoni minħabba l-użu, minn dawn il-kumpanniji tal-aħħar, tat-terminu “MERCK” f’ismijiet ta’ dominji u fuq pjattaformi ta’ midja soċjali fuq l-internet kif ukoll f’denominazzjonijiet kummerċjali, kemm fil-Ġermanja kif ukoll fi kwalunkwe post ieħor fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32).

4

Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001 kienet tipprovdi:

“Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati […]”

5

L-Artikolu 27(1) tal-istess regolament, li jagħmel parti mit-Taqsima 9 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Lis pendens– azzjonijiet relatati”, kien jipprovdi:

“1.   Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.   Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

Ir-Regolament Nru 207/2009

6

Il-premessi 3 u 15 sa 17 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdu:

“(3)

Sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet [tal-Unjoni], jidher neċessarju li jkun hemm arranġamenti […] għar-rigward ta’ trademarks [tal-Unjoni Ewropea] li permezz tagħhom impriża tkun tista’ tikseb trademark [tal-Unjoni Ewropea] taħt sistema proċedurali waħda, u li din it-trademark tingħata l-istess livell ta’ protezzjoni u tkun effettiva bl-istess mod [fl-Unjoni] kollha. Jinħtieġ li l-prinċipju tal-karattru waħdieni tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], espress f’dan is-sens, japplika dejjem, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprovdi mod ieħor.

[…]

(15)

Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea], l-Istati Membri għandhom jinnominaw, wara li jikkunsidraw is-sistema nazzjonali tagħhom, numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati nazzjonali tal-ewwel u tat-tieni istanza li jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-vjolazzjoni u tal-validità tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea].

(16)

Id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] għandhom ikollhom effett u għandhom ikopru t-territorju kollu [tal-Unjoni Ewropea], li huwa l-uniku mod kif wieħed jista’ jipprevjeni deċiżjonijiet inkonsistenti minn naħa tal-qrati u tal-[Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)], u kif jista jiġi żgurat li l-karattru waħdieni tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] ma jiġix imxejjen. Hemm id-disposizzjonijiet tar-[Regolament Nru 44/2001] li għandhom japplikaw fil-każ ta’ kull azzjoni skont il-liġi li tirrigwarda trade marks [tal-Unjoni Ewropea], ħlief fejn dan ir-Regolament jidderoga minn dawn ir-regoli.

(17)

Deċiżjonijiet kontradittorji għandom jiġu evitati f’azzjonijiet li jinvolvu l-istess għemil u l-istess partijiet u li jirrigwardaw trade marks [tal-Unjoni Ewropea] u trade marks nazzjonali paralleli. Għal dan il-għan, meta l-azzjonijiet jinġiebu fl-istess Stat Membru, il-metodi ta’ kif għandu jinkiseb dan l-objettiv għandhom jinstabu ir-regoli proċedurali nazzjonali, li mhumiex preġudikati minn dan ir-Regolament, waqt li meta l-azzjonijiet jinġiebu fi Stati Membri differenti, ikunu xierqa dispożizzjonijiet msejsa fuq ir-regoli ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati tar-Regolament [Nru 44/2001].”

7

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi:

“It- trademark [tal-Unjoni Ewropea] għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett [fl-Unjoni] kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u l-anqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-[Unjoni] kollha. Dan il-prinċipju u l-implikazzjoni tiegħu għandhom japplikaw għajr jekk ipprovdut xorta oħra f’dan ir-Regolament.”

8

L-Artikolu 109 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kawżi ċivili simultanji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] u trade marks nazzjonali”, li jinsab fit-Taqsima 1 tat-Titolu XI tal-istess regolament, intitolata “Azzjonijiet ċivili fuq il-bażi ta’ iktar minn trade mark waħda”, jipprevedi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Meta kawżi ta’ vjolazzjoni li jinvolvu l-istess kawża li u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, li waħda minnhom ikollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ trademark tal-UE waqt li l-oħra jkollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali:

(a)

il-qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel għandha minn jeddha tirrinunċja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti fejn it-trade marks in kwistjoni huma identiċi u validi fir-rigward ta’ prodotti u servizzi identiċi. Il-qorti li jkollha tirrinunċja l-ġurisdizzjoni tagħha tista’ tissospendi l-proċedimenti jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti l-oħra tkun ikkontestata”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Merck, hija impriża fil-qasam tal-kimika u tal-farmaċewtika li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, timpjega madwar 40000 persuna u teżerċita l-attività tagħha f’67 Stat madwar id-dinja.

10

L-ewwel konvenuta fil-kawża prinċipali, Merck & Co., hija l-kumpannija omm, ikkwotata fil-borża, tat-tieni kumpannija konvenuta fil-kawża prinċipali, Merck Sharp & Dohme, li tikkummerċjalizza prinċipalment prodotti mediċinali u vaċċini kif ukoll prodotti kożmetiċi u tal-kura. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Merck Sharp & Dohme hija responsabbli għall-attivitajiet operazzjonali tal-grupp u, b’mod partikolari, għall-viżibbiltà tiegħu fuq l-internet, b’mod partikolari bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li tinteressa lill-azzjonarji tagħha. It-tielet konvenuta fil-kawża prinċipali, MSD Sharp & Dohme, hija kumpannija sussidjarja Ġermaniża ta’ Merck & Co.

11

Ir-rikorrenti u l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu inizjalment jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji. Madankollu, sa mis-sena 1919 huma saru totalment distinti minn xulxin.

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Merck hija proprjetarja tat-trade mark nazzjonali MERCK, irreġistrata fir-Renju Unit. Din hija wkoll proprjetarja tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea MERCK, għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 5, 9 u 16, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u għal servizzi li jaqgħu fil-klassi 42 ta’ dan il-ftehim.

13

Diversi ftehimiet ġew suċċessivament konklużi bejn, minn naħa, il-kumpannija li fid-drittijiet tagħha daħlet Merck u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija li fid-drittijiet tagħha daħlet Merck Sharp & Dohme. Dawn il-ftehimiet, li fosthom dak bid-data l-iktar tard għadu fis-seħħ, kienu jipprevedu regoli dwar l-użu, minn Merck Sharp & Dohme, fil-Ġermanja u fi Stati oħra, ta’ trade marks ta’ Merck.

14

Mis-sit internet www.merck.com tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, kull utent fil-Ġermanja jew fi Stat Membru ieħor jitwassal, permezz b’mod partikolari ta’ links, għal siti subordinati li għandhom ukoll kontenut li jirrifletti l-preżenza fuq l-internet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, bħal www.merckengage.com, www.merckvaccines.com jew www.merck-animal-health.com. Fuq dawn is-siti tal-internet, it-tixrid tal-informazzjoni ma huwiex orjentat ġeografikament, b’mod li l-kontenut kollu tagħha huwa aċċessibbli fl-istess forma fid-dinja kollha.

15

Maġenb l-ismijiet tad-dominji tal-internet tagħhom, Merck & Co. u Merck Sharp & Dohme stabbilixxew forom oħra ta’ viżibbiltà fuq l-internet, fuq diversi pjattaformi ta’ midja soċjali.

16

Fit-8 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lill-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), sezzjoni taċ-Chancery, ir-Renju Unit], b’azzjoni bbażata fuq it-trade mark nazzjonali tagħha u indirizzata b’mod partikolari kontra Merck & Co. u Merck Sharp & Dohme, għal allegata vjolazzjoni minħabba l-użu tat-terminu “Merck” fir-Renju Unit.

17

Fil-11 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet ukoll il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) b’azzjoni, ibbażata fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea li hija proprjetarja tagħha, kontra l-istess konvenuti, iżda wkoll kontra MSD Sharp & Dohme.

18

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li l-fatt li s-siti internet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, li tagħhom hija pproduċiet screenshots, huma aċċessibbli fl-Unjoni, u għalhekk fil-Ġermanja wkoll, mingħajr orjentazzjoni ġeografika tat-tixrid tal-informazzjoni, jippreġudika d-drittijiet tat-trade mark tagħha.

19

Permezz ta’ noti tal-11 ta’ Novembru 2014, tat-12 ta’ Marzu, tal-10 ta’ Settembru u tat-22 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bidlet il-kapijiet tat-talbiet tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju u ddikjarat li hija kienet qiegħda tirrinuzja għall-azzjoni tagħha sa fejn it-talbiet jirrigwardaw it-territorju tar-Renju Unit. Din ir-rinunzja ġiet ikkontestata mill-konvenuti fil-kawża prinċipali.

20

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-azzjoni pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju hija inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, tal-inqas sa fejn din tikkonċerna l-motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-Unjoni kollha. Ir-rinunzja parzjali magħmula minn din tal-aħħar hija bla effett f’dan ir-rigward.

21

Il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg) tirrileva li l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 donnu jeskludi kull limitazzjoni tal-portata territorjali ta’ rinunzja eventwali tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fit-tieni lok, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija għandha madankollu xi dubji f’dan ir-rigward.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘l-istess kawża’ [l-istess fatti] fl-Artikolu 109(1)(a) tar-[Regolament Nru 207/2009], għandu jiġi interpretat fis-sens li jissodisfaw dan l-element kostituttiv il-manutenzjoni u l-użu ta’ preżenza fuq l-internet taħt l-istess dominju li hija aċċessibbli b’mod identiku fid-dinja kollha u għalhekk fl-Unjoni, fir-rigward ta’ liema nbdew proċedimenti ta’ vjolazzjoni bejn l-istess partijiet quddiem il-qrati ta’ diversi Stati Membri, quddiem waħda minħabba vjolazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni u quddiem l-oħra minħabba vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali?

2)

Il-kunċett ta’ ‘l-istess kawża’ [l-istess fatti] fl-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jissodisfaw dan l-element kostituttiv il-manutenzjoni u l-użu ta’ kontenut fuq l-internet aċċessibbli b’mod identiku fid-dinja kollha u għalhekk fl-Unjoni taħt id-dominji ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ rispettivament – fir-rigward tad-dominji rilevanti ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ – taħt l-istess user names, fir-rigward ta’ liema nbdew proċedimenti ta’ vjolazzjoni bejn l-istess partijiet quddiem il-qrati ta’ diversi Stati Membri, quddiem waħda minħabba vjolazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni u quddiem l-oħra minħabba vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali?

3)

L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta ‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’ ta’ Stat Membru tiġi adita b’‘kawża ta’ vjolazzjoni’ għall-vjolazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni minħabba l-manutenzjoni ta’ preżenza fuq l-internet taħt l-istess dominju li hija aċċessibbli b’mod identiku fid-dinja kollha u għalhekk fl-Unjoni, u jkunu ġew invokati drittijiet taħt l-Artikolu 97(2) u l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 rigward atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew li għandhom mnejn jitwettqu fit-territorju ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, hija għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 biss għat-territorju tal-Istat Membru l-ieħor, li fih qorti ġiet adita ‘l-ewwel’ b’kawża ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali (li hija identika u li tkopri oġġetti identiċi bħat-trade mark tal-Unjoni invokata quddiem il-‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’) minħabba l-manutenzjoni u l-użu tal-istess preżenza fuq l-internet taħt l-istess dominju fid-dinja kollha u għalhekk fl-Unjoni, sa fejn kemm it-trade marks infushom kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi koperti huma identiċi, jew, f’sitwazzjoni bħal din, għandha l-‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’, sa fejn kemm it-trade marks infushom kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi huma identiċi, tirrinunzja l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet kollha mressqa quddiemha taħt l-Artikolu 97(2) u l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għal atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew li għandhom mnejn jitwettqu fit-territorju ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri u għaldaqstant fir-rigward ta’ azzjonijiet li jirreferu għall-Unjoni?

4)

L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta ‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’ ta’ Stat Membru tiġi adita b’‘kawża ta’ vjolazzjoni’ ta’ trade mark tal-Unjoni minħabba l-manutenzjoni ta’ kontenut fuq l-internet aċċessibbli b’mod identiku fid-dinja kollha u għalhekk fl-Unjoni taħt id-dominji ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ rispettivament – fir-rigward tad-dominju rilevanti ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ – taħt l-istess user names, u jkunu ġew invokati drittijiet taħt l-Artikolu 97(2) u l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 rigward atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew li għandhom mnejn jitwettqu fit-territorju ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, hija għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 biss għat-territorju tal-Istat Membru l-ieħor, li fih qorti ġiet adita ‘l-ewwel’ b’kawża ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali (li hija identika u li tkopri oġġetti identiċi bħat-trade mark tal-Unjoni invokata quddiem il-“qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel”) minħabba l-manutenzjoni u l-użu tal-istess preżenza fuq l-internet taħt l-istess dominju fid-dinja kollha u għalhekk fl-Unjoni, taħt id-dominji ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ rispettivament – fir-rigward tad-dominji rilevanti ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ – taħt l-istess user names, sa fejn kemm it-trade marks infushom kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi koperti huma identiċi, jew, f’sitwazzjoni bħal din, għandha l-‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’, sa fejn kemm it-trade marks infushom kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi huma identiċi, tirrinunzja l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet kollha mressqa quddiemha taħt l-Artikolu 97(2) u l-Artikolu 98(1)(a) għal atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew li għandhom mnejn jitwettqu fit-territorju ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri u għaldaqstant fir-rigward ta’ azzjonijiet li jirreferu għall-Unjoni?

5)

L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irtirar ta’ kawża – mressqa quddiem ‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’ ta’ Stat Membru, għal vjolazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni minħabba l-manutenzjoni ta’ preżenza fuq l-internet taħt l-istess dominju aċċessibbli b’mod identiku fid-dinja kollha u għalhekk fl-Unjoni, li biha kienu inizjalment inbdew azzjonijiet taħt l-Artikolu 97(2) u l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 rigward atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew li għandhom mnejn jitwettqu fit-territorju ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri – fir-rigward tat-territorju tal-Istat Membru l-ieħor li fih qorti ġiet adita l-ewwel b’kawża ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali (li hija identika u li tkopri oġġetti identiċi bħat-trade mark tal-Unjoni invokata quddiem il-‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’) minħabba l-manutenzjoni u l-użu tal-istess preżenza fuq l-internet taħt l-istess dominju fid-dinja kollha u għalhekk fl-Unjoni, jipprekludi rinunzja tal-ġurisdizzjoni mill-‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’ taħt l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn kemm it-trade marks infushom kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi koperti mit-trade marks huma identiċi?

6)

L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irtirar ta’ kawża – mressqa quddiem ‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’ ta’ Stat Membru, għal vjolazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni minħabba l-manutenzjoni ta’ kontenut fuq l-internet aċċessibbli b’mod identiku fid-dinja kollha u għalhekk fl-Unjoni, taħt id-dominji ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ rispettivament – fir-rigward tad-dominji rilevanti ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ – taħt l-istess user names, permezz ta’ liema ġew invokati drittijiet taħt l-Artikolu 97(2) u l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 rigward atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew li għandhom mnejn jitwettqu fit-territorju ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri – fir-rigward tat-territorju tal-Istat Membru l-ieħor li fih qorti ġiet adita l-ewwel b’kawża ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali (li hija identika u li tkopri oġġetti identiċi bħat-trade mark tal-Unjoni invokata quddiem il-‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’) minħabba l-manutenzjoni u l-użu tal-istess kontenut fuq l-internet taħt id-dominji ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ rispettivament – fir-rigward tad-dominji rilevanti ‘facebook.com’ u/jew ‘youtube.com’ u/jew ‘twitter.com’ – taħt l-istess user names, jipprekludi rinunzja tal-ġurisdizzjoni mill-‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’ taħt l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn kemm it-trade marks infushom kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi koperti mit-trade marks huma identiċi?

7)

L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem ‘fejn it-trade marks in kwistjoni huma identiċi u validi fir-rigward ta’ prodotti u servizzi identiċi’ jimplika li, f’sitwazzjoni fejn it-trade marks ikunu identiċi, il-‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’ hija mingħajr ġurisdizzjoni biss sa fejn it-trade mark tal-Unjoni u t-trade mark nazzjonali rispettiva huma rreġistrati għall-istess oġġetti u/jew servizzi, jew il-‘qorti li ma tkunx dik li kellha ġurisdizzjoni l-ewwel’ hija kompletament mingħajr ġurisdizzjoni, anki fejn it-trade mark tal-Unjoni invokata quddiem dik il-qorti tipproteġi wkoll oġġetti u/jew servizzi addizzjonali li ma humiex protetti mit-trade mark nazzjonali l-oħra, li għaliha l-atti kkontestati jistgħu jkunu identiċi jew simili?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

23

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni stipulata fih, relatata mal-eżistenza ta’ “l-istess kawża [l-istess fatti]”, tkun issodisfatta meta azzjonijiet għal vjolazzjoni, ibbażati, tal-ewwel, fuq trade mark nazzjonali, dwar vjolazzjoni allegata fit-territorju ta’ Stat Membru, u, tat-tieni, fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea, dwar vjolazzjoni allegata fit-territorju kollu tal-Unjoni, ikunu mressqa bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti.

24

Skont l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, meta azzjonijiet għal vjolazzjoni jitressqu għall-istess fatti bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti aditi waħda fuq il-bażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-oħra fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali, il-qorti adita fit-tieni lok għandha, anki ex officio, tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur il-qorti adita l-ewwel meta t-trade marks inkwistjoni jkunu identiċi u validi għal prodotti jew servizzi identiċi.

25

Il-kliem tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jispeċifikax x’għandu jinftiehem bit-termini “l-istess kawża [l-istess fatti]”, li jinsabu f’din id-dispożizzjoni.

26

Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li, bħal f’dan il-każ, ma tinkludi ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha titfittex billi jitqiesu mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 2016, Envirotec Denmark, C-550/14, EU:C:2016:354, punt 27, u tat-18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding, C-617/15, EU:C:2017:390, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li l-portata tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni esklużivament testwali ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C-528/15, EU:C:2017:213, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fil-fatt, filwaqt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Franċiża u Slovena, jirreferu għal azzjonijiet għal vjolazzjoni mressqa “għall-istess fatti”, verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża u Litwana, jirreferu għal azzjonijiet imressqa għall-“istess kawża” jew, bħall-verżjoni bil-lingwa Daniża, għal azzjonijiet li għandhom l-istess “suġġett u l-istess “kawża”.

29

Fir-rigward tal-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif jirriżulta mill-premessa 17 tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikolu 109 tal-imsemmi regolament huwa ispirat mir-regoli fil-qasam tal-lis alibi pendens tar-Regolament Nru 44/2001, li l-Artikolu 27 tiegħu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li meta talbiet bl-istess suġġett u bl-istess kawża jitressqu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti adita t-tieni għandha tissospendi ex officio l-proċedura quddiemha sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel tiġi stabbilita, il-qorti adita t-tieni għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur il-qorti l-oħra.

30

Min-naħa l-oħra, għandha tiġi enfasizzata n-natura ta’ lex specialis tar-regoli proċedurali previsti mir-Regolament Nru 207/2009, b’paragun mar-regoli proċedurali inklużi fir-Regolament Nru 44/2001. B’hekk, skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 207/2009, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 huma, sakemm ir-Regolament Nru 207/2009 ma jipprovdix mod ieħor, applikabbli għall-proċeduri li jirrigwardaw it-trade marks tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-proċeduri li jirrigwardaw l-azzjonijiet simultanji jew suċċessivi ġestiti fuq il-bażi tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u tat-trade marks nazzjonali, u dan jitlob interpretazzjoni koerenti tal-kunċetti inklużi f’dawn l-istrumenti.

31

Għal dak li jirrigwarda l-iskop tal-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 17 tiegħu, l-imsemmi regolament għandu l-għan li jevita li jingħataw deċiżjonijiet kontradittorji f’azzjonijiet li jinvolvu l-istess partijiet u li jkunu tressqu għall-istess fatti fuq il-bażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks nazzjonali paralleli.

32

Issa, dan l-iskop jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa b’mod partikolari, skont il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, dak li kemm jista’ jkun titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u li jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti.

33

Għalhekk, għandu jitqies li l-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ “l-istess fatti”, fis-sens tal-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tingħata interpretazzjoni simili għal dik li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ talbiet li jkollhom “l-istess suġġett u l-istess kawża”, fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

34

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jużaw, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-identiċità tas-suġġett tat-talbiet, kliem identiku.

35

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ “l-istess fatti” hijiex issodisfatta, għandu, kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, jiġi ddeterminat jekk l-azzjonijiet għal vjolazzjoni previsti fl-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhomx l-istess kawża u l-istess suġġett.

36

Skont il-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fis-27 ta’ Settembru 1968, li l-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika wkoll għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, il-“kawża” tinkludi l-fatti u r-regola legali invokata bħala bażi għat-talba (ara, bħala analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry, C-406/92, EU:C:1994:400, punt 39, u tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements, C-523/14, EU:C:2015:722, punt 43).

37

F’dan il-każ, minn naħa, għandu jitqies, bħalma qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li azzjonijiet ċivili suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks nazzjonali għandhom jitqiesu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, bħala li għandhom l-istess bażi, peress li dawn jistrieħu fuq id-drittijiet esklużivi li joħorġu minn trade marks identiċi. Jekk l-azzjoni mressqa quddiem il-qorti adita l-ewwel għandha bħala bażi trade mark nazzjonali, filwaqt li l-azzjoni mressqa quddiem il-qorti adita t-tieni għandha bħala bażi trade mark tal-Unjoni Ewropea, tali ċirkustanza tkun inerenti għar-regola ta’ lis alibi pendens prevista fl-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

38

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-azzjonijiet imressqa quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), sezzjoni taċ-Chancery] u quddiem il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg), rispettivament, jirrigwardaw l-użu tal-kelma “Merck” fl-ismijiet tad-dominji u fuq pjattaformi ta’ midja soċjali fuq l-internet, li huma aċċessibbli madwar id-dinja kollha. Għalhekk, jidher li, mingħajr ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-kundizzjoni relatata mal-identiċità tal-fatti tinsab, bħal dik relatata mal-identiċità tal-kawża, issodisfatta f’dan il-każ.

39

Fir-rigward tas-“suġġett”, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li dan jikkonsisti fl-għan tat-talba (ara, bħala analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry, C-406/92, EU:C:1994:400, punt 41, u tat-8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic, C-111/01, EU:C:2003:257, punt 25), billi l-kunċett ta’ “suġġett” ma jistax jiġi limitat għall-identiċità formali taż-żewġ talbiet (ara, bħala analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik, 144/86, EU:C:1987:528, punt 17).

40

F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pretensjonijiet rispettivi tar-rikorrenti f’kull tilwima (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas, C-39/02, EU:C:2004:615, punt 36).

41

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-azzjonijiet imressqa quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), sezzjoni taċ-Chancery] u quddiem il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg), rispettivament, jirrigwardaw pretensjonijiet li jikkoinċidu biss parzjalment. Fil-fatt, minkejja li l-azzjonijiet jirrigwardaw l-użu tat-terminu “Merck” f’ismijiet ta’ dominji u fuq pjattaformi ta’ midja soċjali fuq l-internet li l-kontenut tagħhom huwa aċċessibbli fl-istess forma fid-dinja kollha, għandu jiġi rrilevat li l-azzjoni mressqa quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), sezzjoni taċ-Chancery], li tistrieħ fuq id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark irreġistrata fir-Renju Unit, hija intiża sabiex tipprekludi l-użu tat-terminu “Merck” fit-territorju tar-Renju Unit, filwaqt li l-azzjoni mressqa quddiem il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg), li tistrieħ fuq id-drittijiet li joħorġu minn trade mark tal-Unjoni Ewropea, hija intiża sabiex tipprekludi l-użu tal-imsemmi terminu fit-territorju tal-Unjoni.

42

Issa, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, imsemmi fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li l-azzjonijiet imressqa rispettivament quddiem il-qrati msemmija fil-punt preċedenti ma għandhomx, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jitqiesu bħala li għandhom l-istess suġġett, ħlief sa fejn il-vjolazzjonijiet allegati jirrigwardaw l-istess territorju.

43

Kull interpretazzjoni oħra jkollha l-konsegwenza li l-possibbiltajiet għall-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li ppreżenta qabel azzjoni għal vjolazzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali identika, kontra persuna li allegatament wettqet vjolazzjoni, quddiem qorti ta’ Stat Membru b’ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq vjolazzjoni limitata għat-territorju biss tal-Istat Membru inkwistjoni, li jsostni d-drittijiet li huwa għandu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, ikunu indebitament ristretti. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan, imsemmi fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 207/2009, li tissaħħaħ il-protezzjoni tat-trade marks fl-Unjoni Ewropea.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni stipulata fih, relatata mal-eżistenza ta’ “l-istess fatti”, tkun issodisfatta meta azzjonijiet għal vjolazzjoni, ibbażati fuq trade mark nazzjonali u fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, ikunu ppreżentati bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, sa fejn biss dawn l-azzjonijiet ikunu jirrigwardaw vjolazzjoni allegata ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identiċi fit-territorju tal-istess Stati Membri.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

45

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ azzjonijiet għal vjolazzjoni, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq trade mark nazzjonali, dwar allegata vjolazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, u, it-tieni waħda, fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea, dwar allegata vjolazzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni, imressqa bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti adita t-tieni għandhiex tirrinunzja l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjoni għal vjolazzjoni mressqa quddiemha fit-totalità tagħha jew għandhiex tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha biss fir-rigward tal-parti mit-tilwima relatata mat-territorju tal-Istat Membru previst mill-azzjoni għal vjolazzjoni mressqa quddiem il-qorti adita l-ewwel.

46

Għandu jiġi rrilevat li l-kliem tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jispeċifikax, fil-każ fejn azzjonijiet għal vjolazzjoni mressqa fir-rigward tal-istess fatti u bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti aditi, waħda minnhom, fuq il-bażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u, l-oħra, fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali, l-estent tar-rinunzja tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita t-tieni favur il-qorti adita l-ewwel.

47

Mandakollu, mill-iskop tal-Artikolu 109 tar-Regolament Nru 207/2009, imfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, u mir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, jirriżulta li r-rinunzja tal-ġurisdizzjoni prevista fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu għandha ssir biss sa fejn l-azzjonijiet imressqa quddiem dawn il-qrati jkunu mressqa fir-rigward tal-istess fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry, C-406/92, EU:C:1994:400, punti 3334).

48

Issa, il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ “l-istess fatti”, fis-sens tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, hija ssodisfatta meta azzjonijiet għal vjolazzjoni, ibbażati rispettivament fuq trade mark nazzjonali u fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea, ikunu mressqa bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, sa fejn biss dawn ikunu jirrigwardaw allegata vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identiċi fit-territorju tal-istess Stati Membri.

49

Ċertament, kif irrilevaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, konformement mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea hija ta’ natura unitarja. Peress li għandha l-istess effetti fl-Unjoni kollha, hija ma tistax, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, u mingħajr ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja fl-istess regolament, tiġi rreġistrata jew ittrasferita, tiġi rrinunzjata jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u l-użu tagħha jista’ jiġi pprojbit biss fir-rigward tal-Unjoni kollha. Barra minn hekk, mit-tielet premessa tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-għan ta’ dan ir-regolament jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistema ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea li tgawdi minn protezzjoni uniformi u li tipproduċi l-effetti tagħha fit-territorju kollu tal-Unjoni. Finalment, skont il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, huwa indispensabbli li l-effetti tad-deċiżjonijiet dwar il-validità u l-vjolazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea jestendu għall-Unjoni kollha, sabiex jiġu evitati kemm deċiżjonijiet kontradittorji mill-qrati u mill-EUIPO kif ukoll ksur tan-natura unitarja tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.

50

B’hekk, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni tad-dritt li jirriżulta mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea kontra r-riskju ta’ vjolazzjoni, il-projbizzjoni li tittieħed azzjoni fir-rigward tal-atti ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddid ta’ vjolazzjoni ppronunzjata minn qorti ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea kompetenti għandha għalhekk, bħala prinċipju, testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni (sentenzi tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C-235/09, EU:C:2011:238, punt 44, u tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software, C-223/15, EU:C:2016:719, punt 30).

51

Madankollu, il-portata territorjali tal-projbizzjoni tista’, f’ċerti każijiet, tiġi limitata (sentenzi tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France, C-235/09, EU:C:2011:238, punt 46, u tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software, C-223/15, EU:C:2016:719, punt 31).

52

Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan għandu jkun il-każ ukoll meta l-qorti adita t-tieni jkollha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni parzjalment skont l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ azzjonijiet għal vjolazzjoni, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq trade mark nazzjonali, dwar allegata vjolazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, u, it-tieni waħda, fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea, dwar allegata vjolazzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni, imressqa bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti adita t-tieni għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-parti mit-tilwima relatata mat-territorju tal-Istat Membru previst mill-azzjoni għal vjolazzjoni mressqa quddiem il-qorti adita l-ewwel.

Fuq il-ħames u s-sitt domanda

54

Permezz tal-ħames u s-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni stipulata fih, relatata mal-eżistenza ta’ “l-istess fatti”, tkunx issodisfatta meta, wara rinunzja parzjali minn rikorrent, sa fejn din tkun saret validament, ta’ azzjoni għal vjolazzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea intiża inizjalment sabiex tipprekludi l-użu ta’ din it-trade mark fit-territorju tal-Unjoni, meta tali rinunzja tirrigwarda t-territorju tal-Istat Membru previst mill-azzjoni mressqa quddiem l-ewwel qorti adita, ibbażata fuq trade mark nazzjonali intiża sabiex tipprekludi l-użu ta’ din it-trade mark fit-territorju nazzjonali, l-azzjonijiet inkwistjoni ma jkunux jirrigwardaw iktar allegata vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identiċi fit-territorju tal-istess Stati Membri.

55

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ħames u s-sitt domanda huma bbażati fuq il-premessa li l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jippermettix lill-qorti adita t-tieni li tirrinunzja parzjalment il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-azzjoni mressqa quddiemha.

56

Issa, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda, fil-każ li l-azzjonijiet għal vjolazzjoni, ibbażati fuq trade mark nazzjonali u fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea rispettivament, jitressqu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, dwar allegata vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identiċi fit-territorju tal-istess Stati Membri u fit-territorju kollu tal-Unjoni, il-qorti adita t-tieni għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha biss fir-rigward tal-parti tat-tilwima relatata mat-territorju tal-Istat Membru previst mill-azzjoni gaħl vjolazzjoni mressqa quddiem il-qorti adita l-ewwel.

57

Minn dan isegwi li fil-każ li, wara rinunzja parzjali, li tkun saret validament minn rikorrent, ta’ azzjoni għal vjolazzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea intiża inizjalment sabiex tipprekludi l-użu ta’ din it-trade mark fit-territorju tal-Unjoni, meta tali rinunzja tirrigwarda t-territorju tal-Istat Membru previst mill-azzjoni mressqa quddiem il-qorti adita l-ewwel, ibbażata fuq trade mark nazzjonali intiża sabiex tipprekludi l-użu ta’ din it-trade mark fit-territorju nazzjonali, l-azzjonijiet għal vjolazzjoni ma jkunux jirrigwardaw iktar allegata vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identiċi fit-territorju tal-istess Stati Membri, il-qorti adita t-tieni ma tkunx marbuta tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qorti adita l-ewwel.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni stipulata fih, relatata mal-eżistenza ta’ “l-istess fatti”, lanqas ma tkun issodisfatta meta, wara rinunzja parzjali minn rikorrent, sa fejn din tkun saret validament, ta’ azzjoni għal vjolazzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea intiża inizjalment sabiex tipprekludi l-użu ta’ din it-trade mark fit-territorju tal-Unjoni, meta tali rinunzja tirrigwarda t-territorju tal-Istat Membru previst mill-azzjoni mressqa quddiem l-ewwel qorti adita, ibbażata fuq trade mark nazzjonali intiża sabiex tipprekludi l-użu ta’ din it-trade mark fit-territorju nazzjonali, l-azzjonijiet inkwistjoni ma jkunux jirrigwardaw iktar allegata vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identiċi fit-territorju tal-istess Stati Membri.

Fuq is-seba’ domanda

59

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita t-tieni għandha, fil-każ li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea u t-trade mark nazzjonali jkunu identiċi, tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qorti adita l-ewwel biss sa fejn dawn it-trade marks ikunu validi għal prodotti jew servizzi identiċi jew jekk il-qorti adita t-tieni ma jkollhiex ġurisdizzjoni anki fil-każ fejn it-trade mark tal-Unjoni Ewropea invokata quddiem il-qorti adita t-tieni tkun irreġistrata għal prodotti u servizzi addizzjonali mhux koperti mit-trade mark nazzjonali identika invokata quddiem il-qorti adita l-ewwel.

60

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha tapplika “fejn it-trade marks in kwistjoni huma identiċi u validi fir-rigward ta’ prodotti u servizzi identiċi”.

61

Minn dan isegwi li l-qorti adita t-tieni għandha, fil-każ li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea u t-trade mark nazzjonali jkunu identiċi, tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur il-qorti adita l-ewwel sa fejn biss dawn it-trade marks huma validi għal prodotti jew servizzi identiċi.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għas-seba’ domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li t-trade marks ikunu identiċi, il-qorti adita t-tieni għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur il-qorti adita l-ewwel sa fejn biss dawn it-trade marks huma validi għal prodotti jew servizzi identiċi.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni stipulata fih, relatata mal-eżistenza ta’ “l-istess fatti”, tkun issodisfatta meta azzjonijiet għal vjolazzjoni, ibbażati fuq trade mark nazzjonali u fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, ikunu ppreżentati bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, sa fejn biss dawn l-azzjonijiet ikunu jirrigwardaw vjolazzjoni allegata ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identiċi fit-territorju tal-istess Stati Membri.

 

2)

L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ azzjonijiet għal vjolazzjoni, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq trade mark nazzjonali, dwar allegata vjolazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, u, it-tieni waħda, fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea, dwar allegata vjolazzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, imressqa bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti adita t-tieni għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-parti mit-tilwima relatata mat-territorju tal-Istat Membru previst mill-azzjoni għal vjolazzjoni mressqa quddiem il-qorti adita l-ewwel.

 

3)

L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni stipulata fih, relatata mal-eżistenza ta’ “l-istess fatti”, lanqas ma tkun issodisfatta meta, wara rinunzja parzjali minn rikorrent, sa fejn din tkun saret validament, ta’ azzjoni għal vjolazzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea intiża inizjalment sabiex tipprekludi l-użu ta’ din it-trade mark fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, meta tali rinunzja tirrigwarda t-territorju tal-Istat Membru previst mill-azzjoni mressqa quddiem l-ewwel qorti adita, ibbażata fuq trade mark nazzjonali intiża sabiex tipprekludi l-użu ta’ din it-trade mark fit-territorju nazzjonali, l-azzjonijiet inkwistjoni ma jkunux jirrigwardaw iktar allegata vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identiċi fit-territorju tal-istess Stati Membri.

 

4)

L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li t-trade marks ikunu identiċi, il-qorti adita t-tieni għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur il-qorti adita l-ewwel sa fejn biss dawn it-trade marks huma validi għal prodotti jew servizzi identiċi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.