SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark figurattiva li tinkludi l-elementi verbali ‘CACTUS OF PEACE CACTUS DE LA PAZ’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark verbali u tat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li jinkludu l-element verbali ‘Cactus’ – Klassifikazzjoni ta’ Nice – Artikolu 28 – Punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) – Użu ġenwin mit-trade mark f’forma mqassra”

Fil-Kawża C‑501/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2015

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral, bħala aġent,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Cactus SA, stabbilita f’Bertrange (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn K. Manhaeve, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Isabel Del Rio Rodríguez, residenti f’Malaga (Spanja),

parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Lulju 2015 Cactus vs UASI – Del Rio Rodríguez (CACTUS OF PEACE CACTUS DE LA PAZ) (T‑24/13, mhux ippublikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:494), permezz ta’ liema hija annullat parzjalment id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO, tad-19 ta’ Ottubru 2012 (Każ R 2005/2011‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Cactus SA u Isabel Del Rio Rodríguez (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

3

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009 bl-intestatura “Użu ta’ [trade mark tal-Unjoni Ewropea]” jipprevedi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-[trade mark tal-Unjoni Ewropea] fil-Unjoni f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-[trade mark tal-Unjoni Ewropea] għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fl-ewwel subparagrafu:

a)

l-użu tat-[trade mark tal-Unjoni Ewropea] f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka [trade mark] fil-forma kif hija ġiet reġistrata;

[…]”

4

L-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, bl-intestatura “Klassifikazzjoni”, jipprevedi:

“Il-Prodotti u s-servizzi li għalihom tkun saret applikazzjoni għal [trade marks tal-Unjoni Ewropea] għandhom jiġu klassifikati skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni speċifikata fir-[Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189)]”

5

L-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009, bl-intestatura “Eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu (2) tiegħu:

“Fuq talba tal-applikant, il-proprjetarju ta’ [trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea] li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal [trade mark tal-Unjoni Ewropea], it-[trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea], ikun sar użu ġenwin fl-[Unjoni Ewropea] f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-[trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea] tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun irreġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.”

6

Ir-Regola 2 tar-Regolament Nru 2868/95 bl-intestatura “Lista ta’ objettivi [prodotti] u servizzi”, tipprovdi:

“1.   Il-klassifika komuni msemmija f’Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifika Internazzjonali ta’ Prodotti u servizzi għall-Iskopijiet ta’ Reġistrazzjoni ta’ Marki tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, għandu jiġi applikat għall-klassifika tal-prodotti u servizzi. [(iktar ’il quddiem il-‘Ftehim ta’ Nice’].

2.   Il-lista ta’ prodotti u servizzi għandha tinkiteb b’tali mod li tindika b’mod ċar in-natura tal-prodotti u servizzi u li tħalli kull oġġett jew servizz li jiġi kklassifikat taħt klassi waħda biss tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice.

3.   Il-prodotti u s-servizzi għandhom, ġeneralment, jiġu miġbura skond il-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, b’kull grupp ikun preċedut bin-numru tal-klassi ta’ dik il-Klassifikazzjoni li taħtha jaqa’ dak il-grupp ta’ prodotti u servizzi u muri fl-ordni tal-klassijiet taħt dik il-Klassifikazzjoni.

4.   Il-klassifika ta’ prodotti u servizzi għandha sservi esklussivament għal għanijiet amministrattivi. Għalhekk, prodotti u servizzi ma jistgħux jiġu meqjusa li huma simili għal xulxin minħabba li jidhru fl-istess klassi taħt il-Klassifikazzjoni ta’ Nice, u prodotti u servizzi ma jistgħux jiġu meqjusa li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin minħabba li jidhru fi klassijiet differenti taħt il-Klassifikazzjoni ta’ Nice.”

7

Permezz ta’ żewġ komunikazzjonijiet, ippubblikati, waħda matul is-sena 2003 u l-oħra matul is-sena 2012, il-President tal-EUIPO pprovda indikazzjonijiet relatati mal-użu tal-intestaturi tal-klassijiet ta’ prodotti previsti mill-Ftehim ta’ Nice.

8

L-ewwel paragrafu tal-punt IV, tal-Komunikazzjoni Nru 4/03 tal-President tal-EUIPO, tas-16 ta’ Ġunju 2003, li tirrigwarda l-użu tal-intestaturi ta’ klassijiet fil-listi ta’ prodotti u ta’ servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks Komunitarji (iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni Nru 4/03”), kien jipprovdi:

“L-34 klassi ta’ prodotti u l-11-il klassi ta’ servizzi jinkludu l-prodotti u s-servizzi kollha, u konsegwentement ta’ dan l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi ta’ klassi partikolari tikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha li jifformaw parti minn din il-klassi partikolari.”

9

Fl-20 ta’ Ġunju 2012, il-President tal-EUIPO adotta l-Komunikazzjoni Nru 2/12, li tħassar il-Komunikazzjoni Nru 4/03 u li tirrigwarda l-użu tal-intestaturi ta’ klassijiet fil-listi ta’ prodotti u ta’ servizzi għall-applikazzjonijiet u r-reġistrazzjonijiet tat-trade marks Komunitarji (iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni Nru 2/12”). Il-punt V ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi:

“Fir-rigward tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] irreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-komunikazjoni u li jużaw l-indikazzjonijiet ġenerali kollha elenkati fl-intestatura ta’ klassi partikolari, l-[EUIPO] jikkunsidra li l-intenzjoni tal-applikant, fid-dawl tal-kontenut tal-Komunikazzjoni Nru 4/03, kienet li jiġu koperti l-prodotti jew is-servizzi kollha inklużi fil-lista alfabetika ta’ dik il-klassi fl-edizzjoni fis-seħħ fil-mument tal-preżentazzjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

11

Fit-13 ta’ Awwissu 2009, I. Del Rio Rodriguez ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO abbażi tar-Regolament Nru 207/2009 għas-sinjal figurattiv li ġej:

Image

12

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 31, 39 u 44, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

13

Fil-12 ta’ Marzu 2010,Cactus opponiet, abbażi tal-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti minnha.

14

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea Cactus, irreġistrata fit-18 ta’ Ottubru 2002, bin-numru 963694, għall-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 2, 3, 5 sa 9, 11, 16, 18, 20, 21, 23 sa 35, 39, 41 u 42, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u

it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea, riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata fis-6 ta’ April 2001, bin-numru 963595, għall-istess prodotti u servizzi bħal dawk koperti bit-trade mark verbali preċedenti, bl-eċċezzjoni tal-“prodotti tal-ikel mhux inklużi fil-klassijiet l-oħra; fjuri u pjanti naturali, żrieragħ; frott u ħxejjex friski”, fil-klassi 31, fis-sens ta’ dan il-ftehim:

Image

15

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2011, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni għaż-“żrieragħ, fjuri u pjanti naturali” fil-klassi 31, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u għax-“xogħol fil-ġnien, mixtliet, ortikultura” fil-klassi 44, fis-sens ta’ dan il-ftehim, koperti mit-trade mark verbali preċedenti.

17

Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset, b’mod partikolari, li, sussegwentement għat-talba ta’ I. Del Rio Rodríguez li Cactus tipprova l-użu ġenwin mit-trade marks preċedenti, il-provi prodotti minn din tal-aħħar kienu juru użu ġenwin mit-trade mark verbali preċedenti għall-prodotti fil-klassi 31, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, kif ukoll għas-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut ta’ pjanti u fjuri naturali, żrieragħ; frott u ħxejjex friski” fil-klassi 35 fis-sens ta’ dan il-ftehim.

18

Għalhekk, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet miċħuda għall-prodotti u għas-servizzi hawn fuq imsemmija fil-punt 16, iżda ġiet aċċettata għas-servizzi fil-klassi 39, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

19

Fit-28 ta’ Settembru 2011, I. Del Rio Rodríguez appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

20

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ l-appell u ċaħad l-oppożizzjoni fl-intier tagħha. B’mod partikolari, huwa qies li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet wettqet żball meta kkunsidrat li Cactus kienet ipproduċiet il-prova tal-użu ġenwin mit-trade marks preċedenti għas-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut ta’ pjanti u fjuri naturali, żrieragħ; frott u ħxejjex friski” fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2013, Cactus ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

22

Insostenn tar-rikors tagħha, Cactus essenzjalment invokat tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 75 u tal-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 76(2) tal-imsemmi regolament.

23

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel żewġ motivi u ċaħdet it-tielet motiv. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet tinvolvi, minn naħa, iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni minħabba li s-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut ta’ pjanti u fjuri naturali, żrieragħ; frott u ħxejjex friski” fil-klassi 35, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, ma kinux koperti mit-trade marks preċedenti, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni bbażata fuq il-“fjuri u pjanti naturali, żrieragħ” fil-klassi 31, fis-sens ta’ dan il-ftehim, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

24

Permezz tal-appell tiegħu, l-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tilqa’ l-appell fl-intier tiegħu, tannulla s-sentenza appellata, u

tikkundanna lil Cactus għall-ispejjeż.

25

Cactus titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

26

Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jinvoka żewġ aggravji bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mar-Regola 2 tar-Regolament Nru 2868/95, kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

27

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-EUIPO jilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mar-Regola 2 tar-Regolament Nru 2868/95, billi pproċediet għal interpretazzjoni żbaljata tas-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2012, Chartered Institute of Patent Attorneys (C‑307/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza IP Translator”, EU:C:2012:361), kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte (C‑418/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza Praktiker Bau”, EU:C:2005:425). Din l-interpretazzjoni żbaljata wasslitha tqis, fil-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata, li l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali kollha elenkati fl-intestatura tal-klassi 35, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice jestendi l-protezzjoni tat-trade marks preċedenti għas-servizzi kollha f’dik il-klassi, inklużi s-servizzi li jikkonsistu fil-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti.

28

L-EUIPO jfakkar li l-Komunikazzjoni Nru 4/03 kienet inizjalment awtorizzat l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali li jikkomponu l-intestaturi tal-klassijiet, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Skont din il-komunikazzjoni, id-denominazzjoni tal-intestatura kollha ta’ klassi partikolari, fis-sens ta’ dan il-ftehim, kienet tikkostitwixxi pretensjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi kollha f’din il-klassi partikolari, inklużi dawk li ma humiex imsemmija fil-lista alfabetika. Għalhekk, l-ebda waħda minn dawn l-indikazzjonijiet ma kienet meqjusa bħala vaga wisq jew indefinita.

29

Il-Qorti tal-Ġustizzja invalidat dan l-approċċ fis-sentenza IP Translator. Skont l-EUIPO, jirriżulta mill-punti 57 sa 64 ta’ dik is-sentenza li l-indikazzjonijiet ġenerali ta’ intestatura ta’ klassi partikolari jistgħu jkopru biss il-prodotti jew is-servizzi inklużi fil-lista alfabetika ta’ dik il-klassi, bla ħsara għall-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li d-diversi kliem li jikkostitwixxu l-intestatura ta’ klassi jkunu “ċari u preċiżi” biżżejjed u li l-applikazzjoni tirrifletti l-intenzjoni tal-applikant li jkopri l-prodotti jew is-servizzi kollha inklużi fl-imsemmija lista alfabetika.

30

Wara li ngħatat l-imsemmija sentenza, il-Komunikazzjoni Nru 4/03 kienet ġiet imħassra u ssostitwita bil-Komunkazzjoni Nru 2/12 li tillimita, għat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li għalihom saret applikazzjoni qabel il-21 ta’ Ġunju 2012, il-portata tal-indikazzjonijiet ġenerali ta’ intestatura ta’ klassi, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, għall-prodotti jew għas-servizzi kollha tal-lista alfabetika ta’ klassi partikolari, u mhux iktar għall-prodotti u għas-servizzi kollha f’din il-klassi.

31

F’dan il-każ, l-EUIPO ma jikkontestax li s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut jaqgħu fil-klassi 35, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Madankollu, la s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut bħala tali u lanqas is-servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut ta’ pjanti u fjuri naturali, żrieragħ; frott u ħxejjex friski” ma huma inklużi fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi. Għalhekk, l-EUIPO jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi qieset li t-trade marks preċedenti kienu protetti għas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut.

32

L-EUIPO jżid li, billi qieset li l-klassi 35, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, tkopri s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut għall-prodotti kollha possibbli, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ interpretazzjoni fir-rigward tas-sentenza Praktiker Bau, li tipprevedi li l-applikant għandu jippreċiża l-prodotti jew it-tipi ta’ prodotti kkonċernati mis-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut.

33

Għalhekk, billi ddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li s-sentenza Praktiker Bau ma tapplikax għat-trade marks irreġistrati qabel id-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali injorat l-effett retroattiv tal-ġurisprudenza li jista’ jiġi limitat biss b’mod eċċezzjonali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx l-effetti tas-sentenza Praktiker Bau. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ma applikatx l-interpretazzjoni adottata f’dik is-sentenza għat-trade marks preċedenti.

34

Cactus tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35

L-EUIPO, essenzjalment, jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet qari żbaljat tas-sentenzi IP Translator u Praktiker Bau meta ddeċidiet li l-ġurisprudenza li rriżultat minn dawk is-sentenzi ma kellhiex effett retroattiv, u kkonkludiet, b’mod żbaljat, li d-denominazzjoni tal-intestatura tal-klassi 35, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, tkopri s-servizzi kollha f’dik il-klassi, inklużi s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut tal-prodotti kollha. Fil-fatt, l-EUIPO jqis li l-imsemmija ġurisprudenza għandha effett retroattiv u li din kellha tiġi applikata għat-trade marks preċedenti, irrispettivament mill-fatt li dawn it-trade marks kienu ġew irreġistrati qabel il-għoti tal-imsemmija sentenzi.

36

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 36 sa 38, li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ma kienx hemm lok li tiġi applikata l-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenzi IP Translator u Praktiker Bau għat-trade marks preċedenti peress li dawn kienu ġew irreġistrati qabel l-għoti ta’ dawn is-sentenzi. Il-Qorti Ġenerali minn dan ikkonkludiet li, għat-trade marks preċedenti, id-denominazzjoni tal-intestatura tal-klassi 35, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, kienet tkopri s-servizzi kollha inklużi f’dik il-klassi, inklużi s-servizzi li jikkonsistu fil-bejgħ bl-imnut tal-prodotti kollha.

37

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-portata tas-sentenza IP Translator, għandu jitfakkar li, fil-punt 61 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bil-għan li jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, l-applikant għal trade mark li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-klassifikazzjoni ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni tat-trade mark għandu jispeċifika jekk l-appliklazzjoni għal reġistrazzjoni tirrigwardax il-prodotti kollha jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika tal-klassi partikolari kkonċernata jew sempliċement uħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkun tirrigwarda biss xi wħud mill-prodotti jew servizzi msemmija, l-applikant huwa marbut li jippreċiża liema prodotti jew servizzi f’din il-klassi msemmija huma koperti.

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punti 29 u 30 tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, Brandconcern vs EUIPO u Scooters India (C‑577/14 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Brandconcern”EU:C:2017:122), li s-sentenza IP Translator iċċarat biss ir-rekwiżiti dwar l-applikazzjonijiet ġodda għal reġistrazzjoni bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk ma tirrigwardax it-trade marks li kienu diġà rreġistrati fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan iddeduċiet, fil-punt 31 tas-sentenza Brandconcern, li għalhekk ma jistax jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza IP Translator, kellha l-intenzjoni li tikkontesta l-prattika stabbilita fil-Komunkazzjoni Nru 4/03 fir-rigward tat-trade marks irreġistrati qabel l-għoti ta’ din is-sentenza tal-aħħar.

39

Il-Komunikazzjoni Nru 2/12 ma tistax tikkontesta din il-ġurisprudenza u b’hekk twassal sabiex tiġi ristretta l-portata tal-protezzjoni tat-trade marks irreġistrati qabel l-għoti tas-sentenza IP Translator għal prodotti jew servizzi indikati mill-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassi, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, biss għall-prodotti jew servizzi msemmija fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi u sabiex jiġi rrifjutat li din testendi, konformement mal-Komunikazzjoni Nru 4/03 għall-prodotti jew servizzi fl-imsemmija klassi.

40

Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-portata tal-protezzjoni mogħtija mit-trade marks li ġew irreġistrati ma tistax tinbidel abbażi ta’ komunikazzjoni mhux vinkolanti li ma għandha l-ebda funzjoni oħra milli tinforma lill-applikanti dwar il-prattiki tal-EUIPO.

41

Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-EUIPO oġġezzjona li ma setax jiġi dedott mis-sentenza Brandconcern li l-protezzjoni mogħtija mit-trade marks preċedenti setgħet testendi lil hinn mill-prodotti jew servizzi inklużi fil-lista alfabetika tal-klassi kkonċernata. Huwa osserva li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ir-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali, li abbażi tiegħu r-reġistrazzjoni ta’ trade mark preċedenti li tirreferi għall-intestatura ta’ klassi kellha tiġi interpretata fis-sens li hija intiża li tipproteġi dik it-trade mark esklużivament għall-prodotti kollha msemmija fil-lista alfabetika tal-klassi kkonċernata u mhux lil hinn minn hekk, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni Nru 2/12 dwar trade marks irreġistrati qabel l-għoti tas-sentenza IP Translator.

42

Madankollu, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, li qari bħal dan tas-sentenza Brandconcern huwa żbaljat. Fil-fatt, din is-sentenza ma tirrigwardax id-distinzjoni bejn, minn naħa, il-prodotti jew is-servizzi msemmija fil-lista alfabetika ta’ klassi, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u, min-naħa l-oħra, l-assjem, iktar wiesa’, tal-prodotti jew tas-servizzi koperti bl-intestatura ta’ din il-klassi. Il-kwistjoni kienet sempliċiment li jiġi ddeterminat jekk kellux jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens letterali tal-intestatura tal-klassi kkunsidrata jew jekk kellux, għall-kuntrarju, jitqies li tali intestatura kienet tkopri l-prodotti msemmija fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi. Konsegwentement, is-sentenza Brandconcern ma tistax tiġi moqrija bħala li llimitat il-portata tar-reġistrazzjoni tat-trade marks preċedenti li jużaw l-intestatura ta’ klassi għall-prodotti jew għas-servizzi biss imsemmija fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali qieset li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza IP Translator ma kinitx tapplika għat-trade marks preċedenti.

44

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-portata tas-sentenza Praktiker Bau, għandu jitfakkar li, fil-punti 39 u 50 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm l-attività kummerċjali ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tikkostitwixxi servizz fil-klassi 35, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, l-applikant għandu madankollu jippreċiża, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, il-prodotti jew it-tipi ta’ prodotti kkonċernati mill-attività kummerċjali ta’ bejgħ bl-imnut.

45

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħal fis-sentenza IP Translator, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Praktiker Bau tirrigwarda biss l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea u ma tirrigwardax il-portata tal-protezzjoni tat-trade marks irreġistrati fid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

46

Barra minn hekk, soluzzjoni bħal din, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

47

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli qieset, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li Cactus ma kinitx obbligata tispeċifika l-prodotti jew it-tipi ta’ prodotti kkonċernati mill-attività kummerċjali ta’ bejgħ bl-imnut.

48

Għalhekk, jirriżulta mill-eżami tas-sentenzi IP Translator, kif intepretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brandconcern, u Praktiker Bau li l-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark irreġistrata qabel l-għoti ta’ dawn is-sentenzi, bħat-trade mark verbali ta’ Cactus, irreġistrata fit-18 ta’ Ottubru 2002, u t-trade mark figurattiva ta’ Cactus, irreġistrata fis-6 ta’ April 2001, ma tistax tiġi affettwata mill-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn is-sentenzi sa fejn dawn tal-aħħar jirrigwardaw biss l-applikazzjonijiet ġodda għal reġistrazzjoni bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea.

49

Fl-aħħar nett, sa fejn l-Artikolu 28(8) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 2015/2424 tal-Parlament u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21), jipprevedi dispożizzjoni tranżitorja li tippermetti lill-proprjetarji ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea li għalihom saret l-applikazzjoni qabel it-22 ta’ Ġunju 2012 u li ġew irreġistrati għall-intestatura sħiħa ta’ klassi tal-klassifikazzjoni ta’ Nice jiddikjaraw, qabel l-24 ta’ Settembru 2016, li l-intenzjoni tagħhom fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni kienet li jitolbu l-protezzjoni għal prodotti jew servizzi għajr dawk li jaqgħu taħt is-sens letterali ta’ din l-intestatura, iżda li huma msemmija fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża.

50

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, għat-trade marks preċedenti inkwistjoni, id-denominazzjoni tal-intestatura tal-klassi 35, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, tkopri s-servizzi kollha inklużi f’dik il-klassi, inklużi s-servizzi li jikkonsistu fil-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti.

51

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

52

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tiegħu, sa fejn hija qieset li l-użu, mingħajr l-element verbali “Cactus”, tal-uniku element figurattiv tat-trade mark preċedenti, jiġifieri l-kaktus stilizzat, kien jekwivali għal użu “f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka [trade mark] fil-forma kif hija ġiet reġistrata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

53

L-EUIPO jsostni li din il-kunsiderazzjoni hija vvizjata b’erba’ żbalji ta’ liġi.

54

Il-Qorti Ġenerali wettqet l-ewwel żball ta’ liġi meta qieset li l-logo stilizzat ta’ kaktus kien “essenzjalment ekwivalenti” għall-forma li fiha t-trade mark kumplessa kienet ġiet irreġistrata. Fil-fatt, hija ma kinitx ivverifikat jekk l-element verbali “Cactus”, li kien tħalla barra fil-verżjoni mqassra tat-trade mark figurattiva preċedenti, kellux karattru distintiv intrinsiku fir-rigward tal-“pjanti u fjuri naturali, żrieragħ”, jew jekk dan l-element verbali kienx, minħabba d-daqs tiegħu u l-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-forma rreġistrata tat-trade mark preċedenti, negliġibbli jew, għall-kuntrarju, setax jattira l-attenzjoni tal-konsumatur u jiġi memorizzat bħala sinjal li jidentifika fih innifsu l-oriġini kummerċjali tal-prodotti.

55

It-tieni żball allegat jirriżulta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet l-ekwivalenza tat-trade marks, kif użati u kif kienu rreġistrati, mis-sempliċi ekwivalenza semantika tal-elementi u figurattivi tagħhom, mingħajr ma tipproċedi b’eżami globali tal-ekwivalenza tas-sinjali li teħtieġ analiżi tad-differenzi viżwali u possibbilment fonetiċi li jistgħu jiddistingwu l-forma li fiha kienet irreġistrata t-trade mark preċedenti minn dik li fiha ġiet użata dik it-trade mark.

56

It-tielet żball allegat kontra l-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq il-fatt li hija impliċitament ibbażat il-konstatazzjoni tagħha dwar l-ekwivalenza bejn il-kaktus stilizzat u l-forma li fiha t-trade mark kumplessa kienet ġiet irreġistrata fuq l-għarfien minn qabel li l-konsumaturi jista’ jkollhom ta’ din tal-aħħar. Mingħajr dan l-għarfien minn qabel, il-konsumaturi ma jkollhom ebda raġuni jassumu li l-kaktus stilizzat huwa element ta’ trade mark kumplessa li t-tieni element tagħha huwa neċessarjament il-kelma “Cactus”.

57

Fl-aħħar nett, ir-raba’ żball tal-Qorti Ġenerali kien li injorat li l-bidla tal-karattru distintiv tat-trade mark kumplessa preċedenti għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-perċezzjoni tal-konsumaturi Ewropej u mhux biss tal-konsumaturi Lussemburgiżi. Kieku l-perċezzjoni tal-konsumaturi Ewropej kienet ġiet ikkunsidrata, il-Qorti Ġenerali kienet tikkonkludi li, għal parti importanti mill-pubbliku rilevanti, il-kaktus stilizzat ma jistax jiġi assimilat mal-kelma “cactus” jew mat-trade mark kumplessa preċedenti fl-intier tagħha, peress li l-kelma ekwivalenti fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, bħal “cacto”, “kaktus”, “kaktusas”, “kaktuzs”, “κάκτος”, għandha ortografija u pronunzja differenti.

58

Cactus issostni, prinċipalment, li t-tieni aggravju għandu jitqies bħala inammissibbli peress li l-EUIPO qiegħed jitlob, fir-realtà, lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid elementi fattwali, u dan bil-għan li tissostitwixxi l-eżami tagħha għal dak tal-Qorti Ġenerali.

59

Sussidjarament, Cactus tqis li l-allegazzjonijiet tal-EUIPO huma infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60

Konformement mal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Fir-rigward tat-tielet żball allegat, li bih l-EUIPO jilmenta li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konstatazzjoni tal-karattru ekwivalenti tas-sinjali fuq l-allegat għarfien minn qabel li l-konsumaturi kellhom tas-sinjal hekk kif irreġistrat, għandu jiġi enfasizzat li l-konstatazzjonijiet dwar l-attenzjoni, il-perċezzjoni jew l-attitudni tal-pubbliku rilevanti huma evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fir-rigward tar-raba’ żball allegat, li bih l-EUIPO jilmenta li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-bidla possibbli tal-karattru distintiv tat-trade mark figurattiva preċedenti biss fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumaturi Lussemburgiżi biss u mhux fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumaturi Ewropej inġenerali, għandu jiġi rrilevat, għal raġunijiet identiċi għal dawk iddikjarati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li l-kunsiderazzjonijiet ikkritikati huma ta’ natura fattwali u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżaminahom, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti, li ma huwiex qiegħed jiġi invokat f’dan il-każ.

63

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u l-perċezzjoni, minnu, tat-trade mark figurattiva preċedenti.

64

Min-naħa l-oħra, it-tieni aggravju huwa ammissibbli sa fejn dan jirrigwarda, permezz tal-ewwel u t-tieni żbalji allegati, il-kriterji li fir-rigward tagħhom għandu jiġi evalwat l-użu ġenwin minn trade mark taħt forma mqassra. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni Cactus, id-determinazzjoni tal-kriterji li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni globali tal-ekwivalenza tas-sinjali mil-lat tal-karattru distintiv tagħhom hija kwistjoni ta’ liġi li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

65

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li jirriżulta direttament mill-kliem tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament li l-użu tat-trade mark f’forma li hija differenti minn dik li fiha ġiet irreġistrata din it-trade mark jitqies li huwa użu fis-sens tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu, sakemm ma jinbidilx il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li fiha din tkun ġiet irreġistrata (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, EU:C:2013:497, punt 21).

66

Għandu jiġi rrilevat li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, sa fejn ma jeħtieġx konformità stretta bejn il-forma użata fil-kummerċ u dik li fiha tkun ġiet irreġistrata t-trade mark, huwa initż li jippermetti lill-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jagħmel fir-rigward tas-sinjal, fil-każ tal-użu kummerċjali tiegħu, il-bidliet li, mingħajr ma jibdlu l-karattru distintiv tiegħu, jippermettu li dan jiġi adattat aħjar għall-eżiġenzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ promozzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Specsavers International Healthcare et, C‑252/12, EU:C:2013:497, punt 29).

67

Minn dan isegwi li l-kundizzjoni ta’ “użu ġenwin” fis-sens tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament hija ssodisfatta anki meta jintuża biss l-element figurattiv ta’ trade mark kumplessa, sakemm il-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark, kif irreġistrata, ma jinbidilx.

68

Fir-rigward tal-ewwel żball allegat, l-EUIPO ma jistax jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx sa fejn il-parti li tħalliet barra, jiġifieri l-element verbali “Cactus”, kellha karattru distintiv u kienet importanti fil-perċezzjoni tas-sinjal fl-assjem tiegħu, meta il-Qorti Ġenerali korrettament ipparagunat is-sinjal kif użat fil-forma mqassra tiegħu mas-sinjal kif irreġistrat.

69

Fil-fatt, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-EUIPO fil-kuntest ta’ dan l-appell, li ż-żewġ elementi li jikkomponu t-trade mark figurattiva preċedenti, jiġifieri kaktus stilizzat u l-element verbali “Cactus”, jittraduċu, kull wieħed fil-forma tiegħu stess, l-istess kontenut semantiku. Issa, jirriżulta minn din il-konstatazzjoni li l-Qorti Ġenerali qieset li l-element verbali “Cactus” ma setax jitqies bħala li għandu karattru distintiv differenti minn dak tal-kaktus stilizzat u li l-assenza ta’ dan l-element verbali fil-verżjoni mqassra tat-trade mark figurattiva preċedenti ma kinitx importanti biżżejjed fil-perċezzjoni ta’ din it-trade mark fl-assjem tagħha sabiex tbiddel il-karattru distintiv tagħha.

70

Fir-rigward tat-tieni żball allegat, għandu jiġi rrilevat, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti Ġenerali pproċediet korrettament b’evalwazzjoni globali tal-ekwivalenza tas-sinjal użat fil-forma mqassra, il-kaktus stilizzat waħdu, u tas-sinjal protett bit-trade mark figurattiva preċedenti, il-kaktus stilizzat, akkumpanjat mill-element verbali “Cactus”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, il-Qorti Ġenerali pproċediet b’paragun viżwali, li jindika li r-rappreżentazzjoni tal-kaktus stilizzat kienet l-istess f’dawn iż-żewġ sinjali. Min-naħa l-oħra, paragun fonetiku espliċitu tal-imsemmija sinjali kien ikun superfluwu, peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li ż-żewġ elementi tat-trade mark figurattiva preċedenti kellhom l-istess kontenut semantiku. Għalhekk, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma tikser il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tillimita ruħha, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, tipproċedi b’eżami tal-ekwivalenza tas-sinjali inkwistjoni fuq il-livell viżwali u kunċettwali.

71

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn dan jirrigwarda l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-ekwivalenza tas-sinjali inkwistjoni għall-finijiet tad-dimostrazzjoni tal-użu ġenwin.

72

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

74

Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub minn Cactus.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż